Language of document :

Kawża T-740/18

Taminco BVBA
u
Arysta LifeScience Great Britain Ltd

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tad-9 ta’ Frar 2022

“Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Sustanza attiva tiram – Nuqqas ta’ tiġdid tal-approvazzjoni – Regolament (KE) Nru 1107/2009 u Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012 – Drittijiet tad-difiża – Irregolarità proċedurali – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Kompetenza tal-EFSA – Proporzjonalità – Prinċipju ta’ prekawzjoni – Ugwaljanza fit-trattament”

1.      Agrikoltura – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Regolament Nru 1107/2009 – Tiġdid tal-approvazzjoni – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Portata

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1107/2009)

(ara l-punti 52 sa 56, 166)

2.      Agrikoltura – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Regolament Nru 1107/2009 – Approvazzjoni ta’ sustanza attiva – Oneru tal-prova li jaqa’ fuq l-applikant – Applikabbiltà fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tiġdid tal-approvazzjoni ta’ sustanza attiva

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1107/2009, Artikolu 4(1) sa (3))

(ara l-punti 57, 58, 131)

3.      Atti tal-istituzzjonijiet – Regolament ta’ Implimentazzjoni li jiċħad it-tiġdid tal-approvazzjoni tat-tiram, li jipprojbixxi l-użu u l-bejgħ ta’ żrieragħ trattati bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom it-tiram – Att ta’ portata ġenerali – Obbligu li tiġi permessa l-parteċipazzjoni tal-persuni affettwati – Assenza – Dispożizzjoni espliċita tal-kuntest ġuridiku rilevanti – Dritt għal smigħ – Portata

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1107/2009; Regolament tal-Kummissjoni Nru 844/2012)

(ara l-punti 68 sa 71, 84)

4.      Agrikoltura – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Regolament Nru 1107/2009 – Tiġdid tal-approvazzjoni – Irtirar parzjali tal-applikazzjoni għat-tiġdid – Effetti

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1107/2009, premessa 12 u Artikolu 6)

(ara l-punti 100, 103 sa 105)

5.      Agrikoltura – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Regolament Nru 1107/2009 – Tiġdid tal-approvazzjoni – Obbligu tal-Kummissjoni li ssegwi l-konklużjonijiet tal-Istat Membru relatur – Assenza

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1107/2009; Regolament tal-Kummissjoni Nru 844/2012, Artikolu 14(1))

(ara l-punt 141)

6.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Klassifikazzjoni, ittikkettjar u imballaġġ tas-sustanzi u mat-taħlitiet – Regolament Nru 1272/2008 – Klassifikazzjoni tal-perikli assoċjati mas-sustanzi inkorporati fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Kompetenza tal-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel (EFSA) – Assenza – Klassifikazzjoni ta’ sustanza attiva fi klassi ta’ periklu partikolari – Rilevanza għall-finijiet tal-identifikazzjoni u tal-komunikazzjoni tal-perikli tas-sustanzi, konformement mar-Regolament Nru 1272/2008, u tal-identifikazzjoni tal-osservanza tal-kriterji ta’ approvazzjoni previsti fir-Regolament Nru 1107/2009

(Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1272/2008 u Nru 1107/2009)

(ara l-punti 152, 154)

7.      Agrikoltura – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Regolament Nru 1107/2009 – Applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni – Portata – Tiġdid tal-approvazzjoni – Inklużjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti– Żball manifest ta’ evalwazzjoni

(Artikoli 9 u 168(1) TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 35; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1107/2009, premessa 8 u Artikoli 1(2) u 4)

(ara l-punti 178 sa 183, 189, 192, 193, 200)

8.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Prinċipju ta’ prekawzjoni – Portata – Linji gwida dwar l-użu tal-prinċipju ta’ prekawzjoni – Modalitajiet tal-eżami tal-vantaġġi u tal-oneri li jirriżultaw mill-azzjoni jew mill-assenza ta’ azzjoni

(Artikolu 191(2) TFUE)

(ara l-punti 195, 196, 201)

9.      Agrikoltura – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Regolament Nru 1107/2009 – Tiġdid tal-approvazzjoni – Implimentazzjoni tal-proċedura ta’ tiġdid – Tiram – Sustanzi attivi oħra suġġetti għal reviżjoni li ġew trattati b’mod iktar favorevoli – Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Assenza

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1107/2009)

(ara l-punti 203 sa 205)

Sunt

Is-sustanza attiva tiram (iktar ’il quddiem it-“tiram”), użata għal finijiet fungiċidi fuq diversi frott u ħxejjex, ġiet approvata għall-ewwel darba fl-1 ta’ Awwissu 2004 (1). Taminco BVBA u Arysta LifeScience Great Britain Ltd (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”), kumpanniji li jikkummerċjalizzaw it-tiram kif ukoll prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom it-tiram, talbu, konformement mar-Regolament Nru 1107/2009 (2), it-tiġdid tagħha fl-2014 (3). Matul il-proċedura ta’ tiġdid, ir-rikorrenti llimitaw l-applikazzjoni tagħhom, li inizjalment kienet tirrigwarda l-użu tat-tiram permezz tal-bexx tal-weraq u l-użu tagħha għat-trattament taż-żrieragħ, biss għat-trattament taż-żrieragħ.

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tad-9 ta’ Ottubru 2018 (4), il-Kummissjoni rrifjutat li ġġedded l-approvazzjoni tat-tiram u pprojbiet l-użu u l-bejgħ ta’ żrieragħ trattati bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom it-tiram. F’dan ir-rigward, il-premessi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat jagħmlu b’mod partikolari riferiment għall-konklużjonijiet tal-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel (EFSA), li fihom ġew identifikati, fost l-oħrajn, l-eżistenza ta’ riskju għoli għall-konsumaturi u għall-ħaddiema marbut mal-applikazzjoni tat-tiram permezz tal-bexx tal-weraq kif ukoll l-eżistenza ta’ riskju għoli għall-għasafar u għall-mammiferi, li jirriżulta mill-użi rappreżentattivi kollha evalwati, inkluż it-trattament taż-żrieragħ.

Ir-rikorrenti ppreżentaw rikors għal annullament kontra r-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat. L-imsemmi rikors ġie miċħud mill-Qorti Ġenerali.

Din il-kawża tqajjem żewġ kwistjonijiet bla preċedenti fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, dwar, minn naħa, l-eventwali assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-irtirar parzjali tal-applikazzjoni għat-tiġdid tal-approvazzjoni ta’ sustanza attiva u, min-naħa l-oħra, l-obbligu tal-Kummissjoni, fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, li twettaq eżami tal-vantaġġi u tal-oneri (5) fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tiġdid ta’ tali approvazzjoni.

Evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali tippreċiża li l-prinċipju li jgħid li huwa l-applikant li għandu jipprova li r-rekwiżiti ta’ approvazzjoni ta’ sustanza attiva huma sodisfatti, sabiex jikseb l-approvazzjoni, japplika wkoll fil-kuntest tal-proċedura ta’ tiġdid tal-approvazzjoni ta’ tali sustanza.

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilmenti tar-rikorrenti li jgħidu li huma ma ngħatawx il-possibbiltà li jesprimu ruħhom dwar żewġ proposti li rriżultaw mill-laqgħa ta’ esperti fi ħdan l-EFSA, jiġifieri t-tnaqqis tal-valur ta’ referenza magħżul fl-evalwazzjoni tar-riskju fit-tul għall-mammiferi, u l-proposta ta’ klassifikazzjoni ġdida tat-tiram bħala karċinoġenu ta’ kategorija 2 (6), il-Qorti Ġenerali tosserva li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat huwa att ta’ portata ġenerali. Issa, la l-proċess tal-iżvilupp ta’ tali att u lanqas dawn l-atti stess ma jeħtieġu, abbażi tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħad-dritt għal smigħ, dritt li wieħed jiġi kkonsultat jew informat, il-parteċipazzjoni tal-persuni affettwati. 71      F’dan il-kuntest, id-drittijiet proċedurali li minnhom jibbenefikaw ir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura għat-tiġdid huma dawk espliċitament previsti mir-Regolament Nru 1107/2009 u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 844/2012. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ma tikkonstata ebda irregolarità li tista’ tikkostitwixxi ksur tad-dritt tar-rikorrenti għal smiegħ xieraq.

Il-Qorti Ġenerali teżamina, fit-tieni lok, id-difett formali invokat mir-rikorrenti, sa fejn il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-irtirar tal-applikazzjoni għat-tiġdid tal-approvazzjoni tat-tiram għall-użu permezz tal-bexx tal-weraq u ma wettqet ebda distinzjoni bejn dan l-użu u dak għat-trattament taż-żrieragħ.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tenfasizza, qabel kollox, li r-Regolament Nru 1107/2009 ma jipprevedix is-sitwazzjoni fejn l-applikant għat-tiġdid ta’ approvazzjoni ta’ sustanza attiva jirtira l-applikazzjoni tiegħu għal wieħed mill-użi rappreżentattivi li huwa kien indika preċedentement. Wara dan, hija tikkonstata li l-premessi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat jagħmlu tabilħaqq riferiment għal dan l-irtirar parzjali. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali tanalizza l-effetti tal-irtirar parzjali tal-applikazzjoni għat-tiġdid tal-approvazzjoni tat-tiram. Hija tosserva li l-imsemmi rtirar parzjali seħħ wara li kien intemm il-proċess ta’ evalwazzjoni tar-riskji li ta’ lok għall-adozzjoni tal-konklużjonijiet tal-EFSA, li jindikaw diversi riskji marbuta mal-applikazzjoni tat-tiram permezz tal-bexx tal-weraq u, b’mod partikolari, riskju għoli għall-konsumaturi u għall-utenti. L-eżistenza ta’ dawn ir-riskji ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors. Barra minn hekk, dawn kienu reali u mhux ipotetiċi, sa fejn dawn kienu jirrigwardaw prodotti diġà mqegħdin fis-suq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li l-effett ta’ evalwazzjoni ġdida biss abbażi tat-trattament taż-żrieragħ kien ikun li tiġi ttardjata l-adozzjoni ta’ pożizzjoni dwar it-tiġdid tat-tiram.

Billi tieħu inkunsiderazzjoni wkoll ir-rwol ta’ ġestjoni tar-riskju li tassumi l-Kummissjoni, kif ukoll il-fatt li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat huwa att ta’ portata ġenerali, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tibbaża dan ir-regolament biss fuq raġunijiet marbutin mal-użu tat-tiram għat-trattament taż-żrieragħ. Barra minn hekk, hija lanqas ma kienet obbligata li twettaq jew li tara li titwettaq evalwazzjoni ġdida tar-riskji limitata għal dan l-użu.

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali tagħti tweġiba fin-negattiv għall-mistoqsija ta’ jekk l-EFSA aġixxietx ultra vires meta pproponiet li t-tiram jiġi kklassifikat bħala karċinoġenu ta’ kategorija 2. Ċertament, l-EFSA ma għandiex il-kompetenza sabiex tipproponi jew tiddeċiedi dwar il-klassifikazzjoni tal-perikli assoċjati mas-sustanzi inkorporati fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti abbażi tar-Regolament Nru 1272/2008. Madankollu, hija ma fformulatx tali proposta, iżda llimitat ruħha li ssemmi, fil-konklużjonijiet tagħha, l-opinjoni unanima, f’dan ir-rigward, tal-esperti kkonsultati fil-kuntest tal-proċedura ta’ tiġdid. Barra minn hekk, tali opinjoni ma kinitx tipprekludi, fiha nnifisha, it-tiġdid tal-approvazzjoni tat-tiram. Barra minn hekk, għalkemm il-proċeduri previsti fir-Regolamenti Nri 1272/2008 u 1107/2009 huma separati, il-kwistjoni ta’ jekk sustanza attiva hijiex jew għandiex tiġi kklassifikata fi klassi ta’ periklu partikolari tista’ tkun rilevanti fil-kuntest taż-żewġ proċeduri, jiġifieri kemm għall-identifikazzjoni u għall-komunikazzjoni tal-perikli ta’ sustanza kif ukoll sabiex isir magħruf jekk hija tissodisfax il-kriterji ta’ approvazzjoni previsti mir-Regolament Nru 1107/2009.

F’dak li jirrigwarda, fl-aħħar lok, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, il-Qorti Ġenerali teżamina jekk il-Kummissjoni kinitx obbligata li twettaq l-eżami tal-vantaġġi u tal-oneri fi proċedura ta’ tiġdid. Dan l-eżami huwa parti mill-proċess li jwassal għall-adozzjoni ta’ miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ ċerti riskji potenzjali għas-saħħa pubblika, għas-sigurtà u għall-ambjent abbażi tal-prinċipju ta’ prekawzjoni u jifforma parti mill-istadju ta’ dan il-proċess li jirrigwarda l-ġestjoni tar-riskji identifikati. Il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li l-Kummissjoni kienet obbligata li twettaq dan l-eżami u li hija effettivament onorat dan l-obbligu. Għal dan il-għan, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni saret effettivament taf bl-effetti, pożittivi u negattivi, ekonomiċi u oħra, li jistgħu jiġu kkawżati mill-azzjoni proposta kif ukoll min-nuqqas li tittieħed azzjoni, u li hija ħadithom inkunsiderazzjoni fil-kuntest tad-deċiżjoni tagħha, mingħajr ma huwa meħtieġ li dawn jiġu kkwantifikati b’mod preċiż, jekk dan ma jkunx possibbli jew ikun jinvolvi sforzi sproporzjonati.


1      Permezz tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/81/KE tal-5 ta’ Settembru 2003 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE sabiex tinkludi molinate, thiram u ziram bħala sustanzi attivi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 12)


2      Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU 2018, L 254, p. 1).


3      Din l-applikazzjoni għat-tiġdid tressqet konformement mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 tat-18 ta’ Settembru 2012 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ tiġdid għas-sustanzi attivi, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU 2012, L 252, p. 26).


4      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni(UE) 2018/1500 tad-9 ta’ Ottubru 2018 li jikkonċerna n-nuqqas ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva tiram, li jipprojbixxi l-użu u l-bejgħ taż-żrieragħ trattati bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom it-tiram, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (ĠU 2018. L 254, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat”).


5      Fis-sens tal-punt 6.3.4 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-użu tal-prinċipju ta’ prekawzjoni [COM(2000) 1 final].


6      Fid-dawl tal-kriterji previsti mir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU 2008, L 353, p. 1, bir-rettifiki fil-ĠU 2019, L 117, p. 8, fil-ĠU 2016, L 349, p. 1, u fil-ĠU 2011, L 16, p. 1).