Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Novembru 2022 – Vima World vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-671/22)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Partijiet

Rikorrent: Vima World, SA (il-Belt tal-Panama, il-Panama) (rappreżentant: P. Braz, avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Artikoli 1, u 4 sa 6 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1414 tal-4 ta’ Diċembru 2020 dwar l-iskema ta’ għajnuna SA.21259 (2018/C) (ex 2018/NN) implimentata mill-Portugall għal Zona Franca da Madeira (ZFM) – Reġim III;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq żball ta’ fatt u ta’ liġi, ladarba, fil-każ inkwistjoni, il-miżura ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE peress li l-profitti ġġenerati fiż-Zona Franca da Madeira (iktar ’il quddiem iż-“ZFM”) kien suġġett għal tassazzjoni fi Spanja.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, għall-fatt li, fil-każ inkwistjoni, id-deċiżjoni ta’ rkupru tal-għajnuna inkompatibbli mogħtija tissuġġetta l-profitti miksuba fiż-ZFM għal tassazzjoni doppja.

It-tielet motiv ibbażat fuq żball ta’ fatt u ta’ liġi tad-deċiżjoni kkontestata, ladarba r-Reġim III taż-ZFM jissodisfa r-rekwiżiti ta’ ħolqien jew ta’ żamma ta’ postijiet tax-xogħol fir-Reġjun Awtonomu ta’ Madeira previsti fid-Deċiżjonijiet C(2007) 3037 final u C(2013) 4043 final, fl-Artikoli 107 u 108 TFUE u fil-Linji Gwida tal-2007.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq żball ta’ fatt u ta’ liġi tad-deċiżjoni kkontestata, għall-fatt li, fl-istess deċiżjoni, il-kunċett ta’ “attività mwettqa effettivament u materjalment f’Madeira” previst fid-Deċiżjonijiet C(2007) 3037 final u C(2013) 4043 final huwa interpretat b’mod restrittiv.

Il-ħames motiv, dwar il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ proporzjonalità.

Is-sitt motiv, dwar żball ta’ liġi minħabba ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE.

____________