Language of document : ECLI:EU:T:2006:385

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla Estiża)

12 ta' Diċembru 2006(*)

"Għajnuna mogħtija mill-Istat – Leġiżlazzjoni li tipprevedi miżuri urġenti ta' intensifikazzjoni tal-kompetizzjoni fis-settur tad-distribuzzjoni bl-imnut ta' prodotti petroliferi – Deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet – Ammissibbiltà – Persuni legali – Att li jirrigwardahom individwalment – Żball manifest ta' evalwazzjoni – Obbligu ta' motivazzjoni – Obbligu li tinbeda proċedura formali ta’ eżami –Terminu raġonevoli"

Fil-kawża T‑95/03

Asociación de Empresarios de Estaciones de Servicio de la Comunidad Autónoma de Madrid, stabbilita f' Madrid (Spanja),

Federación Catalana de Estaciones de Servicio, stabbilita f'Barċellona (Spanja),

irrappreżentati minn J. M. Jiménez Laiglesia, M. Delgado Echevarría u R. Ortega Bueno, avukati,

partijiet rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. Buendía Sierra, bħala aġent, assistit minn J. Rivas Andrés u J. Gutiérrez Gisbert, avukati,

parti konvenuta

sostnuta minn

Ir-Renju ta' Spanja, inizjalment irrappreżentat minn E. Braquehais Conesa, imbagħad minn M. Muñoz Pérez, bħala aġenti,

u

Asociación Nacional de Grandes Empresas de Distribución (ANGED), stabbilita f'Madrid, irrappreżentata minn J. Pérez-Bustamante Köster u J. Passás Ogallar, avocats,

partijiet intervenjenti

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni C (2002) 4355 finali tal-Kummissjoni, tat-13 ta' Novembru 2002, dwar leġiżlazzjoni Spanjola li tirrigwarda l-ftuħ ta' l-istazzjonijiet ta' servizzi minn ipermerkati,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla Estiża),

komposta minn J. Pirrung, President, A. W. H. Meij, N. J. Forwood, I. Pelikánová u S. Papasavvas, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' 18 ta' Ottubru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.     Il-Leġiżlazzjoni Spanjola

1        L-Artikolu 47(2) tal-Kostituzzjoni Spanjola jipprevedi li "[i]l-komunità għandha tipparteċipa fil-qligħ kapitali li jirriżulta minn miżuri dwar urbaniżmu adottati minn entitajiet pubbliċi".

2        L-Artikoli 3, 7, 8, 14 u 18 tal-Ley 6/1998 sobre Régimen del Suelo y Valoraciones (il-liġi dwar ir-reġim ta' l-art u r-riġenerazzjonijiet, iktar 'il quddiem il-"LRSV") jipprevedu:

"Artikolu 3

Il-parteċipazzjoni tal-komunità fil-qligħ kapitali li jirriżulta minn miżuri dwar urbaniżmu adottati minn entitajiet pubbliċi għandha ssir fit-termini stabbiliti permezz ta' din il-liġi u l-liġijiet oħra applikabbli.

[…]

Artikolu 7

Għall-finijiet ta' din il-liġi, l-art hija kklassifikata bħala art urbana, art li tista' tiġi urbanizzata u art li ma tistax tiġi urbanizzata, jew fi klassijiet ekwivalenti rregolati mil-leġiżlazzjoni urbanistika.

Artikolu 8

Għall-finijiet ta' din il-liġi, huma kkunsidrati bħala art urbana:

a)      l-art diġà ttrasformata li għandha, ta’ l-anqas, aċċess għat-triq, konnessjoni ma' l-ilma, evakwazzjoni ta' l-ilmijiet u provvista ta' elettriku, jew għaliex tkun ikkonsolidata bil-għan tal-bini fil-forma u skond il-karatteristiċi stabbiliti mil-leġiżlazzjoni urbanistika;

b)       it-territorji li ġew urbanizzati b’eżekuzzjoni tal-pjanifikazzjoni u skond dan ta' l-aħħar.

[…]

Artikolu 14

1.       Il-proprjetarji ta' territorji urbani kkonsolidati għall-urbanizzazzjoni għandhom jikkompletaw, bi spejjeż tagħhom, l-urbanizzazzjoni neċessarja sabiex dawn it-territorji jiksbu – jekk għadhom ma kisbuhiex diġà – il-kwalità ta' territorji edifikabbli, u jibnu fit-termini stipulati fil-każ fejn it-territorji jinsabu f'żoni li għalihom il-pjan ta' urbaniżmu jipprevedi tali obbligu, u skond dan ta' l-aħħar.

2.      Il-proprjetarji ta' territorji urbani mhux ikkonsolidati għandhom l-obbligi segwenti:

         […]

c)      iċedu b'mod obbligatorju u b'xejn lill-amministrazzjoni kompetenti l-parċella li tikkorrispondi għal 10% tal-profitt magħmul miż-żona korrispondenti; din il-perċentwali, li huwa limitu, tista' titnaqqas mil-leġiżlazzjoni urbanistika; bl-istess mod, din il-leġiżlazzjoni tista' tnaqqas il-parteċipazzjoni ta' l-amministrazzjoni kompetenti għall-ispejjeż ta' urbaniżmu relatati ma' l-imsemmija art.

[…]

Artikolu 18

It-trasformazzjoni ta' l-art ikklassifikata għal waħda li tista' tiġi urbanizzata timponi fuq il-proprjetarji tagħha l-obbligi li ġejjin:

[…]

4)      ċessjoni b'mod obbligatorju u b'xejn lill-amministrazzjoni kompetenti l-parċella li tikkorrispondi għal 10% tal-profitt magħmul mis-settur jew miż-żona korrispondenti; din il-perċentwali, li hija limitu, tista' titnaqqas mil-leġiżlazzjoni urbanistika; bl-istess mod, din il-leġiżlazzjoni tista' tnaqqas il-parteċipazzjoni ta' l-amministrazzjoni kompetenti fl-ispejjeż ta' urbaniżmu relatati ma' l-imsemmija art.

[…]"

3        L-ewwel dispożizzjoni tranżitorja (iktar 'il quddiem id-"DT 1") tar-Real Decreto Ley 6/2000, de Medidas Urgentes de Intensificación de la Competencia en Mercados de Bienes y Servicios (Digriet Leġiżlattiv reali li jipprovdi miżuri urġenti ta' intensifikazzjoni tal-kompetizzjoni fis-swieq tal-beni u tas-servizzi, iktar 'il quddiem id-"Digriet Leġiżlattiv") tipprovdi:

"L-[ipermerkati] li jinsabu f'attività fil-ġurnata tad-dħul fis-seħħ tad-[Digriet Leġiżlattiv], u li għandhom għal dan il-għan l-awtorizzazzjoni muniċipali għal ftuħ, jistgħu jiġu mgħammra, skond l-Artikolu 3 tad-[Digriet Leġiżlattiv], b'installazzjonijiet għall-provvista ta' prodotti petroliferi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)       L-ispazju okkupat mill-installazzjonijiet u t-tagħmir indispensabbli għall-provvista [tal-prodotti in kwistjoni] ma jidħolx fil-kalkolu tas-superfiċji edifikabbli jew tas-superfiċji ta' abitazzjoni.

b)       L-awtorizzazzjonijiet muniċipali neċessarji għall-bini ta' installazzjonijiet u tat-tħaddim tagħhom jitqiesu li ngħataw fil-każ nuqqas ta’ risposta ta' l-amministrazzjoni, meta din ta' l-aħħar ma tkunx tat notifika b'deċiżjoni espressa fil-ħamsa u erbgħin ġurnata li jiddekorru wara li tkun saret it-talba.

c)       L-istabbiliment kummerċjali jkun, f'kull każ, obbligat li jwettaq l-infrastrutturi ta' konnessjoni ta' l-installazzjonijiet ta' provvista tal-prodotti petroliferi mas-sistemi ġenerali esterni u li jħallas l-ispejjeż tagħhom, billi jirrispetta l-preskrizzjonijiet u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-pjan [ta' urbaniżmu]."

4        L-Artikolu 19(1) tal-Ley 16/1989 ta' Defensa de la Competencia (il-liġi fuq il-protezzjoni tal-kompetizzjoni) jipprovdi li "[i]d-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu mifhuma bla ħsara għall-Artikoli 87 sa 89 [KE] […] u għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu [1999, li jistabbilixxu modalitajiet għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 88 KE (ĠU L 83, p. 1)]".

2.     Id-Digriet Leġiżlattiv u DT 1

5        Fit-23 ta' Ġunju 2000, il-Gvern Spanjol adotta d-Digriet Leġiżlattiv, li kellu l-għan li jintensifika l-kompetizzjoni fis-swieq tal-beni u tas-servizzi Spanjoli, b'mod partikolari fis-suq tad-distribuzzjoni bl-imnut tal-prodotti petroliferi. Id-Digriet Leġiżlattiv, li kellu d-DT 1, ma ġiex innotifikat minn qabel lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 88(3) KE.

3.     Il-proċedura quddiem il-Kummissjoni

6        Fl-20 ta' Lulju 2000, l-Asociación de Empresarios de Estaciones de Servicio de la Comunidad Autónoma de Madrid (l-Assoċazzjoni ta' l-operaturi ta' l-istazzjonijiet ta' servizzi tal-komunità indipendenti ta’ Madrid), il-Federación Catalana de Estaciones de Servicio (il-Federazzjoni Katalana ta' l-istazzjonijiet ta' servizzi) u l-Confederación Española de Estaciones de Servicio (il-Konfederazzjoni Spanjola ta' l-istazzjonijiet tas-servizzi) ressqu lment quddiem il-Kummissjoni skond l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 659/1999. Il-lanjanti allegaw li l-adozzjoni tad-DT 1 kienet twassal għall-għotja ta' għajnuna mill-Istat fis-sens ta' l-Artikolu 87(1)(KE) favur il-proprjetarji ta' l-ipermerkati u talbu lill-Kummissjoni tordna s-sospensjoni ta' din l-għajnuna u li tibda proċedura formali ta' eżami skond l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999.

7        Il-lanjanti ressqu informazzjoni u argumenti supplementari lill-Kummissjoni f'diversi okkażjonijiet matul is-snin 2000 u 2001. Saru wkoll konversazzjonijiet telefoniċi u laqgħat bejn ir-rappreżentanti legali tal-lanjanti u l-uffiċjali tal-Kummissjoni matul dan il-perijodu.

8        Fit-28 ta' Diċembru 2000, il-Kummissjoni stiednet lir-Renju ta' Spanja jesprimi ruħu fuq il-għan ta' l-ilment u jipprovdiha bl-informazzjoni addizzjonali. Ir-Renju ta' Spanja bagħat ir-risposta tiegħu b'ittra tat-13 ta' Frar 2001.

9        B'ittra tat-8 ta' Frar 2002, il-Kummissjoni informat il-lanjanti li, wara li kienet ipproċediet għal analiżi preliminari fuq il-bażi ta' l-informazzjoni disponibbli, hija qieset li d-DT 1 ma kinitx iffinanzjata permezz ta' riżorsi pubbliċi u li, għalhekk, ma kienx hemm motivi suffiċjenti għat-tkomplija ta' l-eżami.

10      B'ittra tat-8 ta' Marzu 2002, il-lanjanti għamlu osservazzjonijiet supplementari. Fit-18 ta' Settembru 2002, il-lanjanti, billi jibbażaw ruħhom fuq l-Artikolu 232 KE, talbu lill-Kummissjoni tadotta deċiżjoni skond l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 659/1999.

4.     Id-Deċiżjoni kkontestata

11      Fit-13 ta' Novembru 2002, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni C (2002) 4355 finali li tikkonstata n-nuqqas ta' għajnuna mill-Istat (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata").

12      Fir-rigward tad-DT 1, inċiż (a), il-Kummissjoni tqis, fl-ewwel lok, li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi bidla tal-karatteristiċi ta' l-art stabbiliti permezz tal-pjan ġenerali ta' żvilupp urban, billi hija tippermetti għall-ipermerkati, li eżawrixxu s-superfiċji massima edifikabbli stabbilita b'dan l-istess pjan, li jibnu stazzjoni ta' servizzi mingħajr ma jkollhom iwaqqgħu l-bini preeżistenti. B'hekk, il-benefiċjarji tad-DT 1 ma' kellhomx iktar jinnegozjaw mal-muniċipalitajiet l-għotja ta' bidla tal-karatteristiċi ta' l-art li fuqha huma intenzjonati li jibnu s-stazzjoni ta' servizzi. Il-Kummissjoni tqis, billi tibbaża ruħha fuq l-Artikoli 8 u 14 tal-LRSV li, billi l-ipermerkati jinsabu fit-territorji urbani kkonsolidati, il-proprjetarji tagħhom m'għandhomx l-obbligu skond id-dritt Spanjol li jċedu lill-amministrazzjoni lokali parti mill-qligħ kapitali li jirriżulta mill-possibbiltà ta' bini supplementari. Għalhekk, id-DT 1 ma teżentax il-proprjetarji ta' ipermerkati minn obbligu ta' trasferiment favur l-Istat. Din il-pożizzjoni hija spjegata permezz tas-sentenza tat-Tribunal Constitucional (Qorti kostituzzjonali Spanjola) Nru 54/2002 (iktar 'il quddiem is-"sentenza 54/2002"), li skondha l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprojbixxi kull trasferiment obbligatorju, mill-proprjetarji ta' territorji urbani kkonsolidati, tal-qligħ kapitali li jirriżulta mill-estensjoni tad-dritt ta' bini.

13      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkunsidra li d-DT 1, inċiż a), ma tbiddilx id-destinazzjoni ta' l-art li fuqha huma mibnija l-ipermerkati skond il-pjan muniċipali rilevanti. Fil-fatt, skond il-Kummissjoni, din id-dispożizzjoni tirreferi biss għas-superfiċji edifikabbli u għal-limiti ta' abitazzjoni. Għalhekk, jekk id-destinazzjoni ta' l-art ma tippermettix li tinbena stazzjoni tas-servizzi, il-proprjetarju tagħha jkun obbligat li jitlob il-konverżjoni tagħha skond il-proċedura amministrattiva prevista.

14      Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li d-DT 1, inċiż b), ma tagħmilx ħlief tnaqqas it-tul tas-skiet ta' l-amministrazzjoni u ma tidderogax mill-obbligu tat-titulari ta' permess ta' bini li jħallas it-taxxi relatati mal-ħruġ tagħha.

15      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tiddikjara li l-proprjetarji ta' l-ipermerkati huma obbligati li jiksbu l-awtorizzazzjonijiet neċessarji għall-bini u t-tħaddim ta' installazzjonijiet ta' bejgħ bl-imnut tal-prodotti petroliferi u li dawn l-installazzjonijiet għandhom jirrispettaw in-normi tekniċi fis-seħħ. Fuq dan il-punt, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-proprjetarji ta' l-ipermerkati ma jibbenefikawx minn trattament iktar favorevoli mill-operaturi l-oħra tas-settur.

16      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkunsidra, billi tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 14 tal-LRSV u fuq l-interpretazzjoni tagħha mit-Tribunal Constitucional, li l-leġiżlazzjoni Spanjola tipprojbixxi l-impożizzjoni ta' kull obbligu ta' trasferiment ta' parti mill-qligħ kapitali lill-proprjetarji ta' territorji urbani kkonsolidati, bħall-proprjetarji ta' l-ipermerkati, imsemmija mid-DT 1. Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li d-DT 1 ma tinkludi l-ebda telf ta' riżorsi pubbliċi jew rinunzja għall-impożizzjoni ta' dawn ta' l-aħħar u li, għalhekk, din hija deċiżjoni mill-Istat ta' natura leġiżlattiva li ma timplika l-ebda trasferiment dirett jew indirett tar-riżorsi ta' l-Istat. Għal din ir-raġuni, hija tikkonkludi li d-DT 1 ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens ta' l-Artikolu 87 KE.

 Fuq il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

17      B'rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-8 ta' Marzu 2003, l-Asociación de Empresarios de Estaciones de Servicio de la Comunidad Autónoma de Madrid u l-Federación Catalana de Estaciones de Servicio ppreżentaw dan ir-rikors.

18      Fid-19 ta' Ġunju 2003, ir-Renju ta' Spanja talab li jintervjeni in sostenn tal-parti konvenuta. B'digriet tat-22 ta' Settembru 2003, il-President tat-Tieni Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim'Istanza laqa' dan l-intervent. Ir-Renju ta' Spanja ppreżenta s-sottomissjonijiet ta' intervent tiegħu fil-5 ta' Diċembru 2003. Il-partijiet l-oħra rrinunzjaw li jippreżentaw osservazzjonijiet fuq dawn is-sottomissjonijiet.

19      B'att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-4 ta' Settembru 2003, ir-rikorrenti rrinunzjaw għall-preżentata ta' replika.

20      Fil-11 ta' Marzu 2004, l-Asociación Nacional de Grandes Empresas de Distribución (ANGED, Assoċazzjoni nazzjonali ta' l-impriżi kbar ta' distribuzzjoni) talbet li tintervjeni in sostenn tal-parti konvenuta. Il-konvenuta u r-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din it-talba fil-25 u fil-31 ta' Marzu 2004 rispettivament. Billi t-talba ġiet ippreżentata wara l-iskadenza tat-terminu ta' sitt gimgħat imsemmi fl-Artikolu 115(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-President tat-Tieni Awla Estiża aċċetta, b'digriet tas-17 ta' Mejju 2004, li l-ANGED tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha matul il-proċedura orali skond l-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura.

21      B'ittra tat-13 ta' Ġunju 2005, il-Qorti tal-Prim'Istanza talbet lir-rikorrenti, lill-Kummissjoni u lir-Renju ta' Spanja jresqulha dokument u jirrispondu għal ċerti mistoqsijiet. Il-partijiet irrispondew għal din l-istedina fit-terminu stipulat.

22      Fil-5 ta' Ottubru 2005, il-Kummissjoni ressqet quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza żewġ sentenzi tat-Tribunal Superior de Justicia de Madrid (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta' Madrid) bid-data ta’ Mejju u Lulju 2005 li huma, skondha, rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża. Il-Kummissjoni indikat li hija saret taf b'dawn is-sentenzi fl-aħħar tax-xahar ta' Settembru 2005.

23      Fl-14 ta' Ottubru 2005, ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq is-sentenzi tat-Tribunal Superior de Justicia de Madrid ippreżentati mill-Kummissjoni. Annessi ma' l-osservazzjonijiet tagħhom, ir-rikorrenti ppreżentaw, min-naħa, estratti tal-proċess amministrattiv relatat ma' waħda mis-sentenzi tat-Tribunal Superior de Justicia de Madrid u, min-naħa l-oħra, sensiela ta' ftehim urbanistiċi konklużi bejn individwi u l-awtoritajiet lokali Spanjoli.

24      Instemgħu t-talbiet u r-risposti tal-partijiet għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-seduta tat-18 ta' Ottubru 2005.

25      Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

26      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tagħti deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà tar-rikors;

–        tiċħad ir-rikors bħala mhux fondat;

–        tordna lir-rikorrenti jbatu l-ispejjeż.

27      Ir-Renju ta' Spanja u l-ANGED jitolbu lill-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna lir-rikorrenti jbatu l-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà

1.     Fuq l-ammissibbiltà ta' ċerti annessi ma' l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti ta' l-14 ta' Ottubru 2005

28      F'anness ma' l-osservazzjonijiet tagħhom ta' l-14 ta' Ottubru 2005 relatati mas-sentenzi tat-Tribunal Superior de Justicia de Madrid ippreżentati mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti kkomunikaw sensiela ta' estratti ta' bullettini uffiċjali tal-komunitajiet awtonomi Spanjoli, tad-9 ta' Mejju 2003, tas-17 ta' Frar 2004, tat-28 ta' Marzu u ta’ l-1 ta' Lulju 2005, dwar ċerti ftehim urbanistiċi konklużi bejn individwi u l-awtoritajiet lokali.

29      Għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, dawn id-dokumenti mhumiex relatati mas-sentenzi tat-Tribunal Superior de Justicia de Madrid ippreżentati mill-Kummissjoni u, għalhekk, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala reazzjoni għall-komunikazzjoni mill-Kummissjoni ta' l-imsemmija sentenzi.

30      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li l-eżistenza tal-ftehim urbanistiċi, bħal dawk ikkonċernati permezz ta' l-estratti kkomunikati, ġiet invokata mir-rikorrenti fir-rikors tagħhom, kif ukoll fl-ilment tagħhom quddiem il-Kummissjoni. Għalhekk, ir-rikorrenti ma jistgħux jallegaw li, billi kkomunikaw l-imsemmija estratti lill-Qorti tal-Prim'Istanza, huma qed jirrispondu għal argument ġdid imressaq mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha tal-5 ta' Ottubru 2005.

31      Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jagħtux ir-raġunijiet għaliex huma ma kinux f'pożizzjoni li jikkomunikaw l-estratti kkonċernati f'informazzjoni preċedenti.

32      Minn dak li ntqal, hemm lok li ma jiġux inklużi fil-proċess, skond l-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-estratti tal-bullettini uffiċjali tal-komunitajiet awtonomi Spanjoli ppreżentati f'anness ma' l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti ta' l-14 ta' Ottubru 2005, minħabba l-preżentazzjoni tardiva tagħhom.

2.     Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

33      Mingħajr ma tinvoka eċċezzjoni ta' inammissibbiltà permezz ta' att separat, il-Kummissjoni tqis li r-rikors huwa inammissibbli.

34      Billi tirreferi għall-ġurisprudenza, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-rikors magħmul mir-rikorrenti, li huma assoċazzjonijiet ta' impriżi, jista' jkun ammissibbli f'żewġ ipoteżi biss. L-ewwel ipoteżi hija dik fejn il-membri tar-rikorrenti jistgħu wkoll jagħmlu rikors fuq bażi individwali. Fit-tieni ipoteżi, id-deċiżjoni kkontestata għandha taffettwa l-pożizzjoni ta' negozjaturi tar-rikorrenti. Skond il-Kummissjoni, ir-rikors imressaq mir-rikorrenti ma jissodisfa l-ebda minn dawn il-kundizzjonijiet.

35      Il-Kummissjoni hija ta' l-opinjoni, fl-ewwel lok, li l-membri tar-rikorrenti mhumiex direttament u individwalment ikkonċernati bid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata taffettwa l-pożizzjoni kompetittiva tal-membri tar-rikorrenti biss indirettament u potenzjalment. Għalhekk, il-membri tar-rikorrenti mhumiex ammessi li jippreżentaw rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni kkontestata. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tqis li la l-pożizzjoni ta' negozjaturi tar-rikorrenti, u lanqas ir-rwol importanti tagħhom ta' interlokutur ma ġew affettwati bid-deċiżjoni kkontestata. Matul is-seduta, il-Kummissjoni żiedet li r-rikorrenti ma ppreżentawx l-informazzjoni preċiża relatata ma' l-affettwazzjoni sensibbli tal-pożizzjoni tal-membri tagħhom mid-DT 1.

36      F'risposta għall-argument relatat ma' l-ineżistenza ta' rimedji legali nazzjonali, il-Kummissjoni tosserva li l-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 19 tal-Ley de Defensa de la Competencia, li l-utilità tiegħu titqiegħed fid-dubju mir-rikorrenti, jirrigwarda biss l-applikazzjoni tal-provvedimenti nazzjonali relatati ma' l-għajnuna mogħtija mill-Istat. Skond il-Kummissjoni, ir-rikorrenti setgħu jagħmlu użu quddiem il-qrati Spanjoli mill-effett dirett ta' l-Artikolu 88(3) KE, billi jinvokaw il-preżenza ta' għajnuniet illegali. Għalhekk, ir-rikorrenti mhumiex imċaħda minn protezzjoni ġudizzjarja effikaċi.

37      Ir-Renju ta' Spanja jaqbel ma' l-argumenti tal-Kummissjoni. Huwa jenfasizza li l-Confederación Española de Estaciones de Servicio, assoċazzjoni nazzjonali, ma pparteċipatx f'dan ir-rikors filwaqt li hija kienet ipparteċipat fil-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, li jikkonferma n-nuqqas ta' locus standi tar-rikorrenti. Matul is-seduta, ir-Renju ta' Spanja spjega, min-naħa, li r-rikorrenti għandhom rimedji legali nazzjonali effikaċi u, min-naħa l-oħra, li din il-kawża ma setgħetx tagħti lok għall-applikazzjoni tal-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Mejju 1993, Cook vs Il-Kummissjoni, (C‑198/91, Ġabra p. I‑2487), u tal-15 ta' Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni (C‑225/91, Ġabra p. I‑3203), minħabba li, f'dan il-każ, ir-rikorrenti ma invokawx ksur tad-drittijiet proċedurali tagħhom.

38      Ir-rikorrenti jikkunsidraw li r-rikors tagħhom huwa ammissibbli. Huma jikkunsidraw, fl-ewwel lok, li huma għandhom locus standi, billi d-drittijiet tagħhom huma direttament affettwati bid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, billi d-DT 1 ma ġietx innotifikata mir-Renju ta' Spanja, il-Kummissjoni kienet ipproċediet għall-eżami tagħha fuq il-bażi ta' l-ilment tagħhom. Barra dan, peress li r-rikorrenti baqgħu b’mod konsistenti in kuntatt ma' l-uffiċjali tal-Kummissjoni li ttrattaw il-kawża, huma kienu ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni u kienu ggwidaw il-Kummissjoni fl-analiżi tagħha tad-DT 1. Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-ittra tal-Kummissjoni tat-8 ta' Frar 2002 li għandha l-pożizzjoni preliminari tal-Kummissjoni (ara l-punt 9 iktar 'il fuq) kienet indirizzata lilhom esklużivament u li d-deċiżjoni kkontestata, li fiha huma ssemmew diversi drabi, kienet intbagħtet lilhom wara li kienet intbagħtet lir-Renju ta' Spanja. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti kienu aġixxew quddiem il-Kummissjoni biex jiddefendu l-interessi professjonali tal-membri tagħhom, skond l-istatus tagħhom.

39      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-membri tagħhom, li huma kompetituri diretti tal-benefiċjarji tad-DT 1, huma kkonċernati bid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, l-applikazzjoni tad-DT 1 twassal għal dannu gravi għall-proprjetarji ta' l-istazzjonijiet ta' servizzi diġà installati jew fil-proċess ta' installazzjoni fiż-żoni ta' influwenza ta' l-ipermerkati. Il-fatt li l-benefiċjarji tad-DT 1 mhumiex obbligati jeffettwaw trasferiment favur l-Istat sabiex jiftħu stazzjoni ta' servizzi jirrappreżenta għalihom vantaġġ kompetittiv meta mqabbla ma' l-operaturi l-oħra.

40      Fl-aħħar lok, ir-rikorrenti jsostnu li huma m'għandhom l-ebda rimedju legali fi Spanja sabiex jiddenunzjaw l-għotja ta' għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, l-unika rimedju li jeżisti, jiġifieri l-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 19 tal-Ley de Defensa de la Competencia, huwa fil-prattika mċaħħad minn kull effikaċja, għaliex ma jippermettix lill-individwi jiddenunzjaw għajnuniet mogħtija jew jipparteċipaw fil-proċedura bħala intervenjenti. Barra dan, it-Tribunal de Defensa de la Competencia (Qorti tal-kompetizzjoni) għandu l-poter diskrezzjonali li jadotta deċiżjoni fir-rigward ta' l-għajnuniet u li joħroġ rapport, li madankollu ma jorbotx il-Gvern Spanjol fir-rigward tal-bidla jew tat-tħassir tal-miżuri kontenzjużi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

41      Skond il-ġurisprudenza, persuni li mhumiex id-destinatarji ta' deċiżjoni ma jistgħux jippretendu li huma kkonċernati individwalment, salv fil-każ li d-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta' fatt li tiddistingwihom minn kull persuna oħra u, minħabba dan, li tindividwalizzhom b'mod analogu għal mod kif inhu individwalizzat id-destinatarju ta' deċiżjoni bħal din (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223; Cook vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 20; Matra vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 14, u tat-13 ta' Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, C-78/03 P, Ġabra p. I-10737, punt 33).

42      Bl-istess mod, huwa ammissibbli għal assoċjazzjoni inkarigata li tiddefendi l-interessi kollettivi ta' impriżi, li tressaq rikors għal annullament kontra deċiżjoni finali tal-Kummissjoni dwar għajnuna mogħtija mill-Istat biss jekk huwa ammissibbli wkoll għall-impriżi in kwistjoni li jressqu rikors individwalment jew jekk hija tista' ssostni interess proprju fit-tkomplija tal-kawża, b'mod partikolari billi l-pożizzjoni tagħha ta' negozjatriċi tkun ġiet affettwata permezz ta' l-att li tiegħu l-annullament qiegħed jintalab (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-29 ta' Settembru 2000, CETM vs Il-Kummissjoni, T-55/99, Ġabra p. II-3207, punt 23).

43      Hija għalhekk il-Qorti tal-Prim'Istanza, inizjalment, li għandha tivverifika jekk, f'dan il-każ, il-membri tar-rikorrenti, jew almenu wħud minnhom, jistgħux jitqiesu li huma individwalment ikkonċernati bid-deċiżjoni kkontestata.

44      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat prevista fl-Artikolu 88 KE, għandha ssir distinzjoni, minn naħa, bejn il-fażi preliminari ta’ eżami ta’ l-għajnuna stabbilita mill-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, li għandha biss bħala skop li tippermetti lill-Kummissjoni tifforma l-ewwel opinjoni fuq il-kompatibbiltà parzjali jew totali ta’ l-għajnuna in kwistjoni u, min-naħa l-oħra, il-fażi ta’ eżami msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-istess Artikolu. Huwa biss fil-kuntest ta’ din ta’ l-aħħar, li hija ddestinata tippermetti lill-Kummissjoni jkollha informazzjoni kompluta fuq l-informazzjoni kollha tal-kawża, li t-Trattat KE jipprovdi l-obbligu, għall-Kummissjoni, li tagħti intimazzjoni lill-interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Cook vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 22; Matra vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 16; tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 38, u Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, iċċtata iktar ‘il fuq, punt 34).

45      Meta, mingħajr ma tiftaħ il-proċedura formali ta’ eżami prevista fl-Artikolu 88(2) KE, il-Kummissjoni tikkonstata, permezz ta’ deċiżjoni meħuda fuq il-bażi tal-paragrafu 3 ta’ dan l-istess Artikolu, li għajnuna hija kumpatibbli mas-suq komuni, il-benefiċjarji tal-garanziji ta’ proċedura previsti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu ma jistgħux jassiguraw l-osservanza lejha ħlief jekk huma jkollhom il-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni bbażata fuq il-paragrafu 3 quddiem il-qorti Komunitarja (sentenzi Cook vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 23; Matra vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 17, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 40 u Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, iċċitata iktar 'il fuq, punt 35).

46      Għal dawn il-motivi, il-Qorti Komunitarja tiddikjara ammissibbli rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 88(3) KE, ippreżentat minn parti interessata skond l-Artikolu 88(2) KE, meta l-għan ta’ l-awtur ta’ dan ir-rikors, permezz tal-preżentata tagħha, huwa li jissalvagwardja d-drittijiet proċedurali li huwa jieħu minn din l-aħħar dispożizzjoni (sentenza Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 35; ara wkoll, f'dan is-sens, is-sentenzi Cook vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 23 sa 26, u Matra vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 17 sa 20).

47      Madankollu, il-partijiet interessati, skond l-Artikolu 88(2) KE, li jistgħu għaldaqstant, skond ir-raba’ inċiż ta’ l-Artikolu 230 KE, jippreżentaw rikors għal annullament, huma l-persuni, l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet eventalment affettwati fl-interessi tagħhom mill-għoti ta’ għajnuna, jiġifieri b’mod partikolari l-impriżi kompetituri tal-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna u l-organizzazzjonijiet professjonali (sentenzi Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 41 u Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 36).

48      Min-naħa l-oħra, jekk ir-rikorrenti tikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni ta’ evalwazzjoni ta’ l-għajnuna in kwantu tali, is-sempliċi fatt li tista’ tiġi kkunsidrata bħala parti interessata fis-sens ta' l-Artikolu 88(2) KE ma jistax ikun biżżejjed sabiex tammetti l-ammissibbiltà tar-rikors. Hija jkollha allura turi li għandha status partikolari skond is-sentenza Plaumann vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq. Dan ikun partikolarment il-każ jekk il-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq kienet sostanzjalment affettwata mill-għajnuna li kienet is-suġġett tad-deċiżjoni in kwistjoni (sentenza Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 37).

49      Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti jikkuntestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk huma indikawx b’mod rilevanti r-raġunijiet li għalihom d-DT 1 tista’ tolqot sostanzjalment il-pożizzjoni ta’ almenu xi wħud mill-membri tagħhom fis-suq Spanjol tad-distribuzzjoni bl-imnut tal-prodotti petroliferi.

50      Hemm lok li jiġi osservat f'dan ir-rigward li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-preċiżazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti matul is-seduta għal dak li jikkonċerna aktar speċifikatament is-sitwazzjoni ta’ xi wħud mill-membri tagħhom ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala tardivi skond l-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Huma fil-fatt jidħlu fit-titwil tad-dibattiment bejn il-partijiet (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-26 ta' Settembru 2002, Sgaravatti Mediterranea vs Il-Kummissjoni, T‑199/99, Ġabra p. II‑3731, punti 67 u 70), għaliex huma sempliċement jikkompletaw, b’risposta għall-argumenti ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni, l-argument imressaq fir-rikors, li jgħid li l-DT 1 kellha impatt negattiv fuq il-pożizzjoni kompetittiva ta’ l-impriżi li jisfruttaw l-istazzjonijiet ta' servizzi, bħal membri tar-rikorrenti. F’kull każ, peress li l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikors jistgħu jiġu eżaminati f’kull mument ex officio mill-qorti Komunitarja, xejn ma jipprekludi li hija tikkunsidra l-indikazzjonijiet addizzjonali pprovduti fis-seduta.

51      Fir-rigward tal-membri tar-rikorrenti, dawn ta' l-aħħar jirrapreżentaw, skond ir-risposta bil-miktub għal-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza li l-eżattezza tagħha ma ġietx ikkuntestata, iktar minn kwart ta' l-istazzjonijiet ta' servizzi li jeżistu fi Spanja u, iktar partikolarment, 85% ta' l-istazzjonijiet tas-servizzi kollha tal-komunità awtonoma ta' Madrid u 70% ta' l-istazzjonijiet tas-servizzi ta' Katalonja.

52      Għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif indikat mir-Renju ta' Spanja, il-finalità tad-DT 1 kienet li tiffaċilità d-dħul ta' l-ipermerkati fis-suq Spanjol tad-distribuzzjoni bl-imnut tal-prodotti petroliferi sabiex tintensifika l-kompetizzjoni f’dan l-aħħar suq. Issa, tali intensifikazzjoni tista' tbiddel sostanzjalment is-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq b'mod sfavorevoli għal uħud mill-operaturi l-oħra ta' stazzjonijiet ta' servizzi.

53      Barra dan, jirriżulta mill-informazzjoni ppreżentata fil-Qorti tal-Prim'Istanza mill-Kummissjoni li n-numru ta' stazzjonijiet ta' servizzi integrati fl-ipermerkati kiber minn 80 għal 157 bejn l-2001 u l-2003. Jekk, kif il-Kummissjoni sostniet matul is-seduta, dan l-aħħar ammont jippreżenta biss perċentwali żgħira meta mqabbla man-numru totali ta' stazzjonijiet ta' servizzi fi Spanja, li kien ta' 8600, jibqa’ l-fatt li ż-żieda kunsiderevoli tan-numru ta' l-istazzjonijiet ta' servizzi miftuħa fl-ipermerkati ma tikkorrispondix għall-evoluzzjoni tan-numru totali ta' l-istazzjonijiet ta' servizzi, li kellu żieda moderata ta' 1% biss matul il-perijodu kkonċernat. Skond l-indikazzjonijiet pprovduti mir-Renju ta' Spanja matul is-seduta, din l-evoluzzjoni sproporzjonata fin-numru ta' l-istazzjonijiet ta' servizzi integrati fl-ipermerkati hija dovuta, almenu parzjalment, għall-effetti tad-DT 1.

54      Fl-aħħar nett, matul is-seduta, ir-rikorrenti qajmu, mingħajr ma ġew ikkuntestati mill-partijiet l-oħra, is-sitwazzjoni ta' diversi stazzjonijiet ta' servizzi sfruttati mill-membri tagħhom li kellhom tnaqqis sinjifikattiv fil-volum tal-bejgħ tagħhom, li wassal għal uħud minnhom għat-tmiem ta' l-attività tagħhom, wara l-ftuħ ta' stazzjoni ta' servizzi minn ipermerkat viċin. Ir-rikorrenti osservaw ukoll li l-volum tal-prodotti petroliferi mibjugħa mill-istazzjonijiet ta' servizzi integrati f'ipermerkati żdied kunsiderevolment.

55      Fid-dawl ta' dawn l-elementi, hemm lok li jiġi kkonstatat li ġie stabbilit li l-miżura ta' Stat kontenzjuża setgħet taffettwa sostanzjalment is-sitwazzjoni kompetittiva ta' wħud mill-membri tar-rikorrenti, li għaldaqstant għandhom il-kompetenza li jaġixxu kontra d-deċiżjoni kkontestata.

56      Għal dawn il-motivi, ir-rikors għandu jiġi ddikjarat ammissibbli, mingħajr ma huwa neċessarju għall-Qorti tal-Prim'Istanza li tagħti deċiżjoni fuq il-kompetenza nnifisha ta' l-assoċjazzjonijiet rikorrenti li jaġixxu, li tirriżulta allegatament mill-fatt li d-deċiżjoni kkontestata kienet affettwat il-pożizzjoni tagħhom ta' negozjaturi, jew anki fuq in-nuqqas allegat ta' rimedju legali fid-dritt nazzjonali Spanjol.

 Fuq il-mertu

1.     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq evalwazzjoni manifestament żbaljata tal-leġiżlazzjoni Spanjola

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-evalwazzjoni manifestament żbaljata ta' l-obbligu ta' trasferiment tal-qligħ kapitali

 L-argumenti tal-partijiet

57      Ir-rikorrenti jiddikjaraw li, fid-deċiżjoni kkontestata, meta hija kkonkludiet li d-DT 1 ma teżentax il-proprjetarji ta' l-ipermerkati minn obbligu ta' trasferiment favur l-Istat, il-Kummissjoni ma ħadetx in kunsiderazzjoni l-obbligu ġenerali ta' trasferiment tal-qligħ kapitali li jirriżulta minn miżuri dwar l-urbaniżmu, li jirriżulta mill-Kostituzzjoni Spanjola, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, mil-leġiżlazzjonijiet tal-komunitajiet awtonomi kif ukoll minn prattika amministrattiva. Fil-fatt, il-proprjetarji ta' l-ipermerkati huma eżentati minn dan l-obbligu bid-DT 1 u huma għalhekk f'pożizzjoni li jkollhom aċċess għas-suq tad-distribuzzjoni bl-imnut tal-prodotti petroliferi mingħajr ma jkollhom iħallsu l-ispejjeż li għandhom l-operaturi ekonomiċi l-oħra.

58      Skond ir-rikorrenti, skond l-obbligu ċċitat iktar 'il fuq, il-proprjetarji ta' territorji ta' kull tip, inkluż dawk ta' territorji urbani kkonsolidati, huma obbligati li jċedu lill-amministrazzjoni lokali parti mill-qligħ kapitali li jirriżulta tat-territorji tagħhom mill-miżuri dwar urbaniżmu adottati minn din l-istess amministrazzjoni, hi x'inhi l-forma eżatta ta' dawn il-miżuri. Dan l-obbligu huma mniżżel fl-Artikolu 47(2) tal-Kostituzzjoni Spanjola, li mhuwiex implementat biss permezz ta' l-obbligi ta' trasferiment previsti fl-Artikolu 14 tal-LRSV, liema Artikolu huwa l-uniku eżaminat fid-deċiżjoni kkontestata u jirrigwarda biss it-trasferiment obbligatorju ta' parti mit-territorji fil-kuntest ta' l-urbaniżmu.

59      F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma jaqblux ma’ l-interpretazzjoni tas-sentenza 54/2002 magħmula mill-Kummissjoni, meta din ta' l-aħħar iddikjarat fil-premessa 34 tad-deċiżjoni kkontestata li, skond din is-sentenza, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprojbixxi kull trasferiment obbligatorju tal-qligħ kapitali relatat ma' territorju urban ikkonsolidat, peress li b’hekk tiċħad l-eżistenza ta' l-obbligu ġenerali ta' trasferiment. Huma jsostnu li, min-naħa, din is-sentenza ma kellhiex bħala għan li tiddefinixxi l-portata ta' l-Artikolu 14 tal-LRSV, u li, min-naħa l-oħra, hija kienet tirrigwarda biss l-obbligu ta' trasferiment ta' territorju previst f'dan l-istess Artikolu. Għalhekk, din is-sentenza ma tirrigwardax l-obbligu iktar ġenerali ta' trasferiment invokat minnhom.

60      Ir-rikorrenti jkomplu billi josservaw li l-Kostituzzjoni Spanjola tagħti dritt lill-Istat li jiġbor it-trasferimenti ta' qligħ kapitali u, fl-aħħar mill-aħħar, obbligu li jitlobhom. Ir-rikorrenti jispjegaw li l-Artikolu 47(2) tal-Kostituzzjoni Spanjola jistabbilixxi obbligu rrikużabbli għall-Istat, li għandu jiġi implementat permezz tal-leġiżlazzjoni, il-prattika ġudizzjarja u l-azzjoni ta' l-amministrazzjonijiet pubbliċi. Huma jippreċiżaw li l-fatt li l-Istat jirrinunzja milli jeżiġi r-rispett ta' dan l-obbligu f'każ partikolari jista' jikkostitwixxi trattament sfavorevoli diskriminatorju u, għalhekk, jitqies li huwa illegali.

61      Sabiex jelaboraw l-argument tagħhom, ir-rikorrenti jikkwotaw leġiżlazzjonijiet tal-komunitajiet awtonomi li jirriflettu skondhom l-imsemmi obbligu ġenerali u, fl-istess ħin, jippreċiżaw il-modalitajiet ta' l-eżerċizzju tiegħu, b'mod partikolari billi jiddeterminaw il-forom diversi li jista' jieħu t-trasferiment tal-qligħ kapitali.

62      Barra dan, ir-rikorrenti jiddikjaraw li teżisti fi Spanja prattika amministrattiva ġenerali ta' konklużjoni ta' ftehim urbanistiċi bejn l-individwi u l-amministrazzjonijiet lokali. Dan il-ftehim, li huwa ta' natura amministrattiva u li l-konklużjoni u r-reġim tiegħu huma ddefiniti permezz tal-leġiżlazzjonijiet tal-komunitajiet awtonomi, huwa konkluż meta individwu jixtieq jikseb min-naħa ta' l-amministrazzjoni lokali ċertu miżura urbana li tikkonsisti f'bidla tal-pjan fis-seħħ. Bi tpattija għat-tħejjija ta' l-amministrazzjoni lokali kkonċernata sabiex tadotta l-miżura mitluba, il-kontraenti tintrabat tagħti prestazzjoni, bi flus jew b’mod ieħor, li tikkorrispondi għal parti mill-qligħ kapitali li tirriżulta mill-miżura in kwistjoni, lill-amministrazzjoni lokali.

63      Ir-rikorrenti jżidu li n-nuqqas ta' leġiżlazzjoni li tipprovdi għal kull każ modalitajiet preċiżi u ammont għall-obbligu ta' trasferiment tal-proprjetarju tat-territorju kkonċernat ma jistax jiġi interpretat li jipprova l-ineżistenza ta' dan l-obbligu. Fil-fatt, dan in-nuqqas huwa dovut għan-natura eteroġenea tal-miżuri urbanistiċi li jistgħu jwasslu għall-ħolqien ta' dan l-obbligu, u għall-fatt li l-leġiżlazzjoni ma tistax tipprevedi l-każijiet kollha possibbli. Għalhekk, l-awtoritajiet lokali jiddeterminaw u jinnegozjaw il-modalitajiet u l-ammonti rispettivi każ b’każ, biex sussegwentement jiffissawhom permezz tal-firma ta' ftehim urbanistiku ma' l-individwu kkonċernat. Ir-rikorrenti jenfasizzaw li, permezz ta’ l-eżistenza tad-DT1, il-proprjetarji ta' l-ipermerkati li jixtiequ jiftħu stazzjon ta' servizzi mhumiex iktar suġġetti għal dan il-proċess, jiġifieri n-negozjar ma' l-amministrazzjoni lokali tal-kundizzjonijiet tal-miżura urbanistika mitluba, il-konklużjoni ta' ftehim urbanistiku u, fl-aħħar nett, it-trasferiment tal-qligħ kapitali, taħt il-forma prevista mill-ftehim.

64      Il-legalità u l-validità ta' dawn il-ftehimijiet urbanistiċi kif ukoll ta' l-obbligu ta' trasferiment ġenerali msemmi f'dawn il-ftehimijiet kienu ġew ikkonfermati f'diversi okkażjonijiet mill-qrati Spanjoli. Il-fatt li din il-prattika hija kurrenti hija wkoll ikkonfermata bl-eżistenza ta' mudelli standard ta' ftehimijiet urbanistiċi kif ukoll ta' numru ta' teoriji bil-miktub fuq dan is-suġġett.

65      It-Tribunal de Defensa de la Competencia kien ukoll aċċetta din il-prattika amministrattiva bħala mekkaniżmu ta' negozjar sabiex tinkiseb il-bidla fil-pjan urbanistiku mill-amministrazzjoni. Fl-aħħar nett, l-eżistenza ta' din il-prattika kif ukoll ta' l-effetti dannużi tagħha kienu wkoll ġew ikkonstatati mid-diretturi ta' impriżi Spanjoli.

66      Ir-rikorrenti jqisu wkoll li l-eżistenza biss tad-DT 1 hija prova ta' l-eżistenza ta' l-obbligu ġenerali allegat ta' trasferiment. Fil-fatt, skondhom, jekk l-ebda spiża ma kienet implikata permezz ta' l-estensjoni tad-dritt ta' bini, il-miżura kontenzjuża kienet tkun imċaħħda minn kull rilevanza. Huma jżidu li, sakemm il-leġiżlazzjoni tipprovdi l-obbligu ta' l-amministrazzjoni li tikkumpensa l-individwi fil-każ fejn miżura urbanistika tikkawżalhom dannu, għandu wkoll jeżisti dritt korrelattiv li l-individwi jħallsu parti mill-qligħ kapitali li jirriżulta mill-miżura urbanistika.

67      Ir-rikorrenti jikkonkludu billi josservaw li, jekk l-interpretazzjoni tas-sentenza 54/2002 difiża mill-Kummissjoni kienet tajba, it-taxxa fuq iż-żieda tal-valur tat-territorji ta' natura urbana tkun illegali fil-konfront tal-proprjetarji tat-territorji urbani kkonsolidati. Issa, dan mhuwiex il-każ.

68      Il-Kummissjoni tiċħad l-eżistenza ta' obbligu ta' trasferiment tal-qligħ kapitali urbanistiku, bħal dak allegat mir-rikorrenti, li huwa applikabbli għall-proprjetarji tat-territorji urbani kkonsolidati, u għalhekk għall-proprjetarji ta' l-ipermerkati. Hija tosserva li dan l-obbligu, min-naħa, mhuwiex previst mil-leġiżlazzjoni Spanjola fis-seħħ u, min-naħa l-oħra, li m'għandux jiġi impost b'liġi ta' komunità awtonoma jew permezz ta' prattika amministrattiva.

69      Ir-Renju ta' Spanja jiċħad l-eżistenza tal-forom oħra ta' parteċipazzjoni ta' l-Istat fil-qligħ kapitali minn dik prevista fl-Artikolu 14 tal-LRSV. Huwa jispjega li l-prattika tal-ftehimijiet urbanistiċi mhijiex la maħluqa u lanqas obbligatorja, billi hija tirrileva mil-libertà ta' azzjoni mogħtija lill-amministrazzjonijiet lokali permezz ta' l-ordni ġudizzjarju Spanjol. Għalhekk, skond ir-Renju ta' Spanja, din il-prattika ma tistax tiġi invokata sabiex tiġġustifika n-nuqqas ta' parteċipazzjoni ta' l-Istat fil-qligħ kapitali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

70      Hemm lok li jiġi eżaminat l-argument difiż mir-rikorrenti, li skondhu l-obbligu ġenerali ta' trasferiment tal-qligħ kapitali urbanistiku, applikabbli għall-proprjetarji ta' kull tip ta' territorju, min-naħa, huwa msemmi fl-Artikolu 47(2) tal-Kostituzzjoni Spanjola, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u minn dik tal-komunitajiet awtonomi u, min-naħa l-oħra, jirriżulta minn prattika amministrattiva ta' konklużjoni ta' ftehimijiet urbanistiċi.

–       Fuq l-eżistenza ta' leġiżlazzjoni li tipprovdi obbligu ta' trasferiment tal-qligħ kapitali

71      Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 47(2) tal-Kostituzzjoni Spanjola, li skondhu "[i]l-komunità għandha tipparteċipa fil-qligħ kapitali li jirriżulta minn miżuri dwar urbaniżmu adottati mill-entitajiet pubbliċi", hija miktuba b'mod ġenerali u astratta. Jidher għalhekk li, kif ġie sostnut mill-Kummissjoni u r-Renju ta' Spanja, din id-dispożizzjoni għandha tiġi implementata permezz ta’ leġiżlazzjoni. Fid-dawl ta' l-elementi tal-proċess, hemm lok li jiġi konkluż li din l-implementazzjoni għandha ssir mil-LRSV. Fil-fatt, l-Artikolu 3 tal-LRSV jirrepeti l-formula kostituzzjonali billi jipprovdi li "[i]l-parteċipazzjoni tal-komunità fil-qliegħ kapitali li tirriżulta minn miżuri dwar urbaniżmu adottati mill-entitajiet pubbliċi għandha ssir fit-termini stabbiliti b'din il-liġi u l-liġijiet applikabbli l-oħra".

72      B'hekk, l-Artikolu 3 tal-LRSV jipprovdi li l-obbligi ta' trasferiment tal-qligħ kapitali huma rregolati bid-dispożizzjonijiet ta' l-imsemmija liġi jew, fejn ikun il-każ, b'liġi oħra nazzjonali. Billi r-rikorrenti ma invokawx liġijiet oħra nazzjonali li jipprovdu obbligi ta' trasferiment tal-qligħ kapitali, hemm lok li jiġu eżaminati biss id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-LRSV.

73      Fl-Artikoli 14 u 18 tagħha, l-LRSV isemmi l-obbligi tal-proprjetarji ta' diversi tipi ta' territorji. L-obbligi ta' trasferiment tal-qligħ kapitali huma pprovduti fl-Artikolu 14(2)(ċ) kif ukoll fl-Artikolu 18. Dawn l-obbligi huma applikabbli rispettivament għall-proprjetarji tat-territorji urbani mhux ikkonsolidati u għall-proprjetarji ta' territorji li jistgħu jiġu urbanizzati. Min-naħa l-oħra, l-ebda obbligu ta' trasferiment tal-qligħ kapitali ma huwa previst fl-Artikolu 14(1) li jelenka l-obbligi tal-proprjetarji tat-territorji urbani kkonsolidati. Peress li mhuwiex ikkuntestat f''dan il-każ li l-ipermerkati jinsabu fuq territorji urbani kkonsolidati, għandu jiġi konkluż li l-LRSV ma timponi l-ebda obbligu ta' trasferiment tal-qligħ kapitali lill-proprjetarji ta' dawn ta' l-aħħar.

74      Fit-tieni lok, joħroġ mill-analiżi ta' l-Artikolu 3 tal-LRSV, magħmula fil-punt 72 iktar 'il fuq, li l-obbligi supplementari ta' trasferiment tal-qligħ kapitali, applikabbli għall-proprjetarji ta' territorji urbani kkonsolidati, ma jistgħux jiġu stabbiliti mill-komunitajiet awtonomi. Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mis-sentenza 54/2002, li skondha l-esklużjoni minn kull trasferiment obbligatorju tal-qligħ kapitali urbanistiku relatat mat-territorji urbani kkonsolidati operata mill-paragrafu 14(1) tal-LRSV mhijiex suġġetta għal tibdil mill-komunitajiet awtonomi. F'kull każ, għandu jiġi osservat li l-eżami tal-leġiżlazzjonijiet tal-komunitajiet awtonomi ppreżentati mir-rikorrenti ma jurix l-eżistenza ta' obbligi ta' trasferiment tal-qligħ kapitali urbanistiku imposti fuq il-proprjetarji ta' territorji urbani kkonsolidati. Jidher, għalhekk, li l-obbjettiv ta' dawn il-leġiżlazzjonijiet huwa li jipprovdu l-modalitajiet ta' eżekuzzjoni ta' l-obbligi previsti mil-LRSV iktar milli joħolqu obbligu ta' trasferiment supplementari tal-qligħ kapitali, applikabbli għal kull tip ta' territorju.

75      Isegwi li r-rikorrenti ma ppruvawx l-eżistenza, fil-leġiżlazzjoni Spanjola, ta' obbligu ġenerali ta' trasferiment tal-qligħ kapitali urbanistiku applikabbli għall-proprjetarji ta' territorji urbani kkonsolidati bħall-proprjetarji ta' l-ipermerkati.

76      F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrifjutat l-argument tar-rikorrenti li skondhu n-nuqqas ta' leġiżlazzjoni li tipprovdi l-kundizzjonijiet preċiżi u l-ammont ta' l-obbligu ta' trasferiment ma jistax jiġi interpretat li juri l-ineżistenza ta' l-obbligu allegat ta' trasferiment ġenerali. Fil-fatt, kif ġie spjegat iktar 'il fuq, il-leġiżlatur ma pprovdiex l-obbligu stess, u mhux biss il-kundizzjonijiet ta' l-eżerċizzju tiegħu u ta' l-iffissar ta' l-ammont tiegħu. Barra minn dan, mill-qari tas-sentenza 54/2002, l-omissjoni tal-leġiżlatur tidher li hija intenzjonali. Fil-fatt, it-Tribunal Constitucional osserva li l-Istat kellu marġni wiesgħa ta' evalwazzjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-komunità fil-qliegħ kapitali urbanistiku u li, fil-kuntest ta' dan il-marġni, seta' b'mod leġittimu jikkonċentra din il-parteċipazzjoni fuq ċerti tipi ta' territorji.

77      Bl-istess mod, m'għandux jiġi milqugħ l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq id-diversità ta' forom li tista' tieħu l-kontribuzzjoni dovuta mill-proprjetarju ta' territorju skond it-trasferiment tal-qligħ kapitali. Fil-fatt, għalkemm huwa veru li l-artikoli rilevanti tal-LRSV jipprovdu li l-obbligu għandu jieħu l-forma tat-trasferiment ta' parċella, jibqa' l-fatt li wħud mil-leġiżlazzjonijiet tal-komunitajiet awtonomi ċċitati mir-rikorrenti jipprovdu l-possibbiltà li jissostitwixxu t-trasferiment ta' parċella b'forma oħra ta' kontribuzzjoni. Barra minn hekk, ġie kkonstatat fil-punt 74 iktar 'il fuq li l-obbligi supplementari ta' trasferiment tal-qligħ kapitali ma jistgħux jiħalqu mill-komunitajiet awtonomi. Għalhekk, jidher li d-diversi forom ta' kontribuzzjoni huma biss espressjonijiet ta' l-obbligi ta' trasferiment previsti mil-LRSV u li din iċ-ċirkustanza ma tistax għalhekk tistabbilixxi l-eżistenza ta' obbligu ta' trasferiment ġenerali kif allegat mir-rikorrenti.

78      Għandu wkoll jiġi rrifjutat l-argument ibbażat fuq il fatt li l-leġiżlazzjoni tipprovdi l-obbligu għall-amministrazzjoni li tikkumpensa l-individwi fil-każ fejn miżura urbanistika tikkawżalhom dannu. Fil-fatt, din iċ-ċirkustanza m'għandhiex bħala konsegwenza inevitabbli l-eżistenza ta' dritt jew anki ta' obbligu ta' l-Istat li jitlob mill-individwi parti mill-qliegħ kapitali li jirriżulta mill-miżura urbanistika. F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, kif ġie spjegat fil-punt 76 iktar 'il fuq, joħroġ mis-sentenza 54/2002 li l-Istat Spanjol jista' b'mod leġittimu jirrinunzja għall-ġbir tal-qligħ kapitali marbut ma' xi tip ta' territorju, u, konsegwentement, ma jipprevedix l-obbligu tat-trasferiment rispettiv.

79      Fl-aħħar lok, l-argument tar-rikorrenti relatat mat-taxxa fuq iż-żieda tal-valur tat-territorji ta' natura urbana għandu wkoll jiġi mwarrab. Fil-fatt, mhuwiex ikkuntestat li d-DT 1 ma eżentatx il-proprjetarji ta' l-ipermerkati mill-ħlas tagħha, ikun x'ikun l-ammont tagħha. Bl-istess mod, għandu jiġi osservat li din it-taxxa ma tolqotx speċifikament il-qligħ kapitali urbanistiku, iżda kull żieda fil-valur ta' territorju urban indipendentement mill-użu tiegħu. Għalhekk, ma jidhirx li din it-taxxa tista' tiġi analizzata bħala trasferiment tal-qligħ kapitali urbanistiku. Fl-aħħar nett, il-kundizzjonijiett ġenerali tal-ġbir ta' din it-taxxa huma pprovduti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, f'dan il-każ il-Ley 39/1988, Reguladora de las Haciendas Locales (il-liġi fuq il-leġiżlazzjoni tal-finanzi lokali). B'hekk, anki fl-ipoteżi fejn din it-taxxa hija analizzata fil-perspettiva ta' trasferiment tal-qliegħ kapitali urbanistiku, il-ġbir tagħha mhuwiex inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-LRSV u l-interpretazzjoni tagħhom permezz tas-sentenza 54/2002, imsemmija fil-punti 72 u 74 iktar 'il fuq, li ma jeskludux li l-obbligi supplementari jkunu jistgħu jiġu pprovduti permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

–       Fuq l-eżistenza ta' prattika amministrattiva li tawtorizza l-Istat jitlob it-trasferiment tal-qligħ kapitali

80      Fir-rigward tal-prattika amministrattiva allegata mir-rikorrenti, joħroġ mill-elementi ta’ l-inkartament kif ukoll mid-dokumenti tal-partijiet li l-awtoritajiet lokali għandhom il-possibbiltà li jipproċedu għal tibdiliet fil-pjanifikazzjoni skond il-ftehimijiet urbanistiċi konklużi ma' l-individwi. Madankollu, l-interpretazzjoni mit-Tribunal Constitucional tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-LRSV, spjegata fil-punt 74 iktar 'il fuq, tissuġġerixxi li, meta dan il-ftehim jirrigwarda territorju urban ikkonsolidat, l-awtorità lokali ma tistax titlob kontribuzzjoni mill-individwu.

81      F'kull każ, l-elementi ppreżentati mir-rikorrenti ma jippermettux li tiġi stabbilita l-eżistenza ta' prattika amministrattiva maħluqa, li skondha l-awtoritajiet lokali jintrabtu sistematikament li jbiddlu l-pjanifikazzjoni applikabbli favur il-proprjetarju ta' territorju urban ikkonsolidat bi tpattija għat-trasferiment ta' parti mill-qligħ kapitali li jirriżulta mit-tibdil.

82      Fil-fatt, fl-ewwel lok, il-leġiżlazzjonijiet tal-komunitajiet awtonomi ppreżentati mir-rikorrenti jipprovdu biss, b'mod ġenerali, il-kundizzjonijiet tal-konklużjoni u ta' l-eżekuzzjoni tat-tipi kollha ta' ftehimijiet urbanistiċi. Issa, il-fatt biss li dan il-kuntest ġuridiku jeżisti ma jippermettix li jiġi konkluż li huwa użat b'mod ġeneralizzat mill-awtoritajiet lokali, jew anki li huwa użat sabiex jitlob it-trasferiment tal-qligħ kapitali urbanistiku mingħand il-proprjetarji tat-territorji urbanistiċi kkonsolidati. F'dan ir-rigward, bilfors għandu jiġi osservat li l-leġiżlazzjonijiet iċċitati mir-rikorrenti ma jipprovdux li l-awtorità lokali hija obbligata li tikkonkludi ftehim urbanistiku, jew anki li dan il-ftehim għandu imperattivament jipprevedi kontribuzzjoni mingħand l-individwu.

83      Fit-tieni lok, l-istess osservazzjonijiet huma applikabbli għad-duttrina u għall-mudelli ta' ftehimijiet urbanistiċi. Fil-fatt, id-dokumenti legali ppreżentati jikkonfermaw b'mod ġenerali li l-awtoritajiet lokali għandhom il-possibbiltà li jikkonkludu ftehimijiet urbanistiċi sabiex ibiddlu l-pjanifikazzjoni fis-seħħ u l-mudelli juru l-forma li dawn il-ftehimijiet jistgħu jieħdu. Dawn l-elementi ma jippermettux madankollu li tiġi vverifikata f'liema miżura l-fakultà mogħtija lill-amministrazzjonijiet lokali tiġi applikata, u lanqas il-kundizzjonijiet ta' l-applikazzjoni tagħha.

84      Fit-tielet lok, fir-rigward ta' l-eżempji ta' ftehimijiet urbanistiċi u l-ġurisprudenza tal-qrati Spanjoli ppreżentati f'anness mar-rikors, għandu jiġi osservat li parti sinjifikattiva minn dawn l-elementi hija bbażata fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali preċedenti għal-lRSV. Għalhekk, in kwantu tali, m'għandhomx jiġu invokati kontra l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li hija bbażata prinċipalment fuq din l-aħħar liġi u fuq l-interpretazzjoni tagħha mit-Tribunal Constitucional. Barra minn hekk, il-ftehimijiet u s-sentenzi kkomunikati jirrigwardaw ġeneralment tipi ta' territorji oħra mit-territorji urbani kkonsolidati, jew anki ma jippermettux li jiddeterminaw it-tip ta' territorju msemmi. B'hekk, huma ma jistgħux jistabbilixxu l-eżistenza ta' prattika amministrattiva li tirrigwarda t-territorji urbani kkonsolidati.

85      Fir-raba' u l-aħħar lok, ir-rapporti tat-Tribunal de Defensa de la Competencia kif ukoll l-osservazzjonijiet tad-diretturi ta' impriżi jittrattaw problemi ġenerali marbuta mas-sistema ta' urbaniżmu Spanjol fis-seħħ u ma' l-applikazzjoni tagħha mill-awtoritajiet lokali. Madankollu, il-passaġġi minn dawn id-dokumenti kkwotati mir-rikorrenti, min-naħa, jiffokaw fuq il-proċess ta' urbaniżmu aktar milli fuq it-tibdiliet tal-kundizzjonijiet ta' użu tat-territorji diġà urbanizzati u, min-naħa l-oħra, ma jippreżentawx il-problematika tal-konklużjoni tal-ftehimijiet urbanistiċi b'mod suffiċjentement iddettaljat.

86      Isegwi li r-rikorrenti ma stabbilixxewx b'mod suffiċjenti fid-dritt l-eżistenza ta' prattika amministrattiva maħluqa li skondha l-awtoritajiet lokali jeżiġu, skond ftehim urbanistiku, mill-proprjetarji tat-territorji urbani kkonsolidati bħall-proprjetarji ta' l-ipermerkati trasferiment tal-qligħ kapitali urbanistiku li jirriżulta minn bidla fil-kundizzjonijiet ta' użu ta' l-imsemmija territorji.

87      Bħala konklużjoni, għandu jiġi osservat li d-DT 1 għandha bħala finalità li tiffaċilita d-dħul ta' l-ipermerkati fis-suq tad-distribuzzjoni tal-prodotti petroliferi billi tneħħi wħud mil-limitazzjonijiet ta' natura urbanistika u billi tissemplifika l-proċeduri amministrattivi marbuta ma' l-installazzjoni ta' stazzjonijiet ta' servizzi. Madankollu, ir-rikorrenti ma stabbilixxewx li, minħabba dawn il-miżuri, il-proprjetarji ta' l-ipermerkati kienu ġew eżentati minn kull obbligu ta' trasferiment favur l-Istat, previst permezz tal-leġiżlazzjoni Spanjola applikabbli jew li jirriżulta minn prattika amministrattiva maħluqa mill-awtoritajiet lokali. Isegwi li l-Kummissjoni ma kkommettitx żball manifest meta kkunsidrat li d-DT 1 ma inkluditx trasferiment dirett jew indirett ta' riżorsi pubbliċi u li, għalhekk, hija ma setgħetx titqies li kienet għajnuna mogħtija mill-Istat. Għalhekk l-ewwel parti ta' l-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq evalwazzjoni manifestament żbaljata tal-bidla fid-destinazzjoni ta' l-art

 L-argumenti tal-partijiet

88      Ir-rikorrenti jsostnu li, kuntrarjament għal dak li indikat il-Kummissjoni fil-premessa 37 tad-deċiżjoni kkontestata, id-DT 1 bidlet id-destinazzjoni ta' l-art. Huma jsostnu f'dan ir-rigward li, skond id-DT 1, il-proprjetarji ta' l-ipermerkati huma f'pożizzjoni li jibnu stazzjon ta' servizzi fuq territorju preċedentement ikklassifikat bħala żona ħadra jew parking. B’hekk, id-destinazzjoni tat-territorju in kwistjoni tkun mibdula. Huma jżidu li din iċ-ċirkustanza hija stabbilita permezz tas-sentenzi tat-Tribunal Superior de Justicia de Madrid, imressqa mill-Kummissjoni fil-5 ta' Ottubru 2005. Fil-fatt, dawn is-sentenzi jikkonfermaw li l-ipermerkati jistgħu jkunu mgħammra bi stazzjonijiet ta' servizzi indipendentement mid-destinazzjoni ta' l-art ikkonċernata u mingħar ħlas ta' kontribuzzjoni lill-Istat.

89      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti. Hija tqis li, billi d-destinazzjoni ta' l-art mhijiex imsemmija fid-DT 1, din ta' l-aħħar ma tistax tbiddilha. Barra minn hekk, din il-kwistjoni mhijiex rilevanti f'dan il-każ, billi, f'kull ipoteżi, l-obbligu previst fl-Artikolu 14 tal-LRSV ma huwiex applikabbli għat-territorji urbani kkonsolidati.

90      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-partijiet intervenjenti, iżżid li l-argument tagħha, li skondhu d-DT 1 ma taffettwax id-destinazzjoni ta' l-art, huwa kkorroborat mis-sentenzi tat-Tribunal Superior de Justicia de Madrid, ikkomunikati minnha fil-5 ta' Ottubru 2005. Hija tispjega f'dan ir-rigward li, skond dawn ta' l-aħħar, id-DT 1 ma jikkostitwixxix kwalifika mill-ġdid tad-destinazzjoni ta' l-art ikkonċernata u, għalhekk, ma tbiddilx u lanqas tikser il-pjanijiet ta' żvilupp.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

91      Il-kwistjoni dwar jekk id-DT 1 tbiddilx id-destinazzjoni ta' l-art tista' tkun rilevanti biss kieku jkun ġie stabbilit li, fil-każ ta' din il-bidla, il-proprjetarji ta' l-ipermerkati kienu obbligati jċedu parti mill-qligħ kapitali li jirriżulta minnħabba fiha għat-territorji rispettivi. Madankollu, kif ġie kkonstatat fil-punt 87 iktar 'il fuq, ir-rikorrenti ma stabbilixxewx l-eżistenza ta' xi obbligu ta' trasferiment applikabbli għall-proprjetarji ta' l-ipermerkati. Għalhekk, id-DT 1 ma tistax teżenta l-proprjetarji ta' l-ipermerkati minn obbligu ta' trasferiment favur l-Istat u ma tinkludix għalhekk trasferiment dirett jew indirett ta' riżorsi pubbliċi, indipendentement mill-bidla fid-destinazzjoni ta' l-art li hija tista' eventwalment tipprevedi.

92      Konsegwentement, it-tieni parti għandha tiġi miċħuda bħala irrilevanti. Peress li ż-żewġ partijiet ta' l-ewwel motiv ġew mwarrba, għandu jiġi miċħud l-ewwel motiv fit-totalità tiegħu.

2.     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata ta' l-elementi li jikkostitwixxu l-kunċett ta' għajnuna mill-Istat

 L-argumenti tal-partijiet

93      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jiddikjaraw li, fil-premessa 49 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkunsidra b'mod żbaljat li, sabiex trasferiment indirett tar-riżorsi ta' Stat, li jikkonsisti fl-omissjoni minn dan ta' l-aħħar li jiġbor it-taxxi, ikun jista' jiġi kkonstatat, l-obbligu ta' trasferiment ikkonċernat għandu jkun previst minn liġi. Huma jsostnu f'dan ir-rigward li t-Trattat KE u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f'dan ir-rigward jipprevedu biss li trasferiment indirett tar-riżorsi pubbliċi jista' jirriżulta unikament mir-rinunzja ta' l-Istat għat-taxxi dovuti skond liġi. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll il-Kummissjoni fil-prattika kurrenti tagħha, jirrikonoxxu li dan it-trasferiment indirett jista' ukoll jeżisti f'ipoteżijiet oħra, bħall-omissjoni ta' l-Istat li jirkupra dejn dovut skond kuntratt jew, kif inhu l-każ fil-kawża preżenti, l-eżenzjoni minn obbligu previst permezz ta' prattika amministrattiva kostanti u leċita.

94      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jiddikjaraw li, f'dan il-każ, b’differenza mill-kawżi li fihom inagħtaw is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Marzu 1993, Sloman Neptun (C‑72/91 u C‑73/91, Ġabra p. I‑887), tas-7 ta' Mejju 1998, Viscido et (C‑52/97 sa C‑54/97, Ġabra. p. I‑2629), u tat-13 ta' Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, Ġabra p. I‑2099), l-ispejjeż li jirriżultaw għall-Istat ta' l-għoti ta’ vantaġġ mhumiex purament aċċessorji għall-miżura, billi din ta' l-aħħar għandha għan sostanzjalment differenti. Għall-kuntrarju, id-DT 1 għandha speċifikament l-obbjettiv li teħles lill-ipermerkati mill-obbligi li għandhom skond id-dritt Spanjol applikabbli.

95      Fl-aħħar lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-element determinanti li jippermetti li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta' għajnuna mogħtija mill-Istat hija l-għotja ta' vantaġġ mill-Istat. Għal din ir-raġuni, il-kundizzjoni ta' trasferiment dirett jew indirett ta' riżorsi pubbliċi hija suġġetta għal dan il-kriterju essenzjali. Ir-rikorrenti jiddeduċu minnu li għandhom jiġu analizzati l-miżuri li jistgħu jikkostitwixxu għajnuniet f'relazzjoni ma' l-effetti tagħhom fuq il-kompetizzjoni. Għalhekk, dawn il-miżuri għandhom jirrilevaw mill-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 87(1) KE minn meta jwasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni. Il-kwistjoni ta' ħlas dirett jew indirett mill-Istat, previst permezz ta' liġi, hija għalhekk irrelevanti f'dan il-każ.

96      Il-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq qari żbaljat tal-premessa 49 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, minn din il-premessa, moqrija f'dan il-kuntest, ma jirriżultax li t-trasferiment indirett tar-riżorsi ta' Stat fis-sens ta' l-Artikolu 87(1) KE huwa suġġett għall-eżistenza ta' obbligu ta' ħlas previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, jew anki li dan it-trasferiment ma jistax jiġi bbażat biss fuq prattika amministrattiva ta' ħlas. Din il-premessa sempliċement tindika li, f'dan il-każ, m'għandux jiġi pretiż li l-Istat Spanjol jirċievi somma jew beni li m'għandux dritt għalihom.

97      Ir-Renju ta' Spanja jsostni li d-DT 1 ma tivvaforixxix ċerti impriżi, ma taffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri u, fl-aħħar mill-aħħar, ma tagħmilx ħlief issaħħaħ il-kompetizzjoni fis-suq tad-distribuzzjoni bl-imnut tal-prodotti petroliferi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

98      Fir-rigward ta' l-ewwel ilment, għandu jiġi mfakkar, preliminarjament, il-formulazzjoni eżatta tal-premessa 49 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li "l-Istat ma jistax jirrinunzja li jiġbor ir-riżorsi ħlief jekk il-leġiżlazzjoni timponi obbligu li jħallashom".

99      Sussegwentement għandu jiġi osservat li, skond interpretazzjoni litterali, din il-formulazzjoni tidher li hija ta' sostenn għall-argument tar-rikorrenti. Madankollu, il-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata jżomm milli tiġi aċċettata din l-interpretazzjoni.

100    Fil-fatt, barra l-formulazzjoni tal-premessa 49, xejn fid-deċiżjoni kkontestata ma jippermetti li jitqies li l-Kummissjoni kienet warrbet ir-rilevanza ta' prattika amministrattiva fl-eżami ta' l-eżistenza ta' trasferiment indirett ta' riżorsi ta' l-Istat.

101    Bl-istess mod, ir-rifjut mill-Kummissjoni li jieħu in kunsiderazzjoni l-prattika amministrattiva allegata mil-lanjanti huwa motivat fil-premessa 52 tad-deċiżjoni kkontestata, li skondha "il-Kummissjoni ma tistax tikkunsidra li jeżisti telf ta' riżorsi jew rinunzja għall-ġbir ta' dawn ta' l-aħħar billi l-liġi Spanjola fis-seħħ ([il-LRSV]) tipprojbixxi espressament l-imposta fuq trasferiment tal-qligħ kapitali fuq territorju urban ikkonsolidat". B'hekk, skond il-Kummissjoni, "[i]l-proprjetarji ta' l-ipermerkati […] m'għandhomx jiġu obbligati jħallsu ammont skond il-qligħ kapitali fuq l-art". Għalhekk, il-Kummissjoni ma ġġustifikatx ruħha fuq il-fatt li l-prattiki amministrattivi huma a priori bla rilevanza f'relazzjoni mal-kwistjoni ta' l-eżistenza ta' trasferiment indirett tar-riżorsi ta' Stat, iżda fuq il-fatt li prattika amministrattiva, bħal dik invokata mil-lanjanti, tmur kontra l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.

102    Għalhekk, fir-rigward tal-motivazzjoni kollha tad-deċiżjoni kkontestata, ma jidhirx li l-Kummissjoni bbażat d-deċiżjoni li ma toġġezzjonax kontra d-DT 1 fuq l-argument li jgħid li, sabiex trasferiment indirett tar-riżorsi ta' l-Istat, li jikkonsisti fl-omissjoni minn dan ta' l-aħħar li jiġbor it-taxxi, ikun jista' jiġi kkonstatat, l-obbligu ta' trasferiment ikkonċernat għandu jkun previst minn liġi. L-ewwel ilment mhuwiex, għalhekk, fondat.

103    Sussegwentement, għandu jiġi osservat li l-konklużjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tan-nuqqas ta' trasferiment dirett jew indirett ta' riżorsi ta' Stat mhijiex ibbażata fuq in-natura purament aċċessorja ta' l-ispejjeż li jirriżultaw għall-Istat mill-adozzjoni tad-DT 1. Għalhekk, it-tieni lment tar-rikorrenti, li jikkontesta din in-natura, huwa irrelevanti.

104    Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tielet ilment, relatat mar-rwol allegatament sekondarju ta' l-eżistenza ta' trasferiment dirett jew indirett ta' riżorsi fl-analiżi ta' għajnuna mogħtija mill-Istat, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, skond ġurisprudenza kostanti, huma biss il-vantaġġi mogħtija direttament jew indirettament permezz ta' riżorsi ta' Stat li jitqiesu li huma għajnuna fis-sens ta' l-Artikolu 87(1) KE (sentenzi Sloman Neptun, iċċitata iktar 'il fuq, punt 19; Viscido et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 13, u PreussenElektra, iċċitata iktar 'il fuq, punt 58). Għalhekk, miżura statali li ma tinkludix trasferiment dirett jew indirett ta' riżorsi ta' Stat ma tistax tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mogħtija mill-Istat fis-sens ta' l-Artikolu 87(1) KE, anki jekk hija tissodisfa l-kundizzjonijiet l-oħra previsti mill-imsemmija dispożizzjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Viscido et, iċċitata iktar 'il fuq, punti 14 sa 16).

105    Billi l-ebda wieħed mill-ilmenti tar-rikorrenti ma jista' jiġi milqugħ, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

3.     Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni

106    Ir-rikorrenti jfakkru li l-Kummissjoni kienet obbligata li tagħti r-raġunijiet għaliex l-elementi ta' fatt u ta' dritt invokati fl-ilment tagħhom ma kinux biżżejjed sabiex juru l-eżistenza ta' għajnuna mogħtija mill-Istat. Huma josservaw li l-Kummissjoni tonqos milli tagħti deċiżjoni fuq il-kwistjonijiet imqajma minnhom, tibbaża ruħha fuq argumenti inkompleti, tagħmel dikjarazzjonijiet mhux fondati u mhux ippruvati, tinterpreta l-ġurisprudenza nazzjonali b'mod żbaljat u tippreżenta argumenti mhux lineari, b’interruzzjonijiet. Huma jżidu li l-uniku motiv ċar imressaq fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-fatt li l-Artikolu 14 tal-LRSV mhuwiex applikabbli għall-proprjetarji ta' l-ipermerkati msemmija permezz tad-DT 1, huwa żbaljat. Minn dan ir-rikorrenti jikkonkludu li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex motivata biżżejjed.

107    F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, preliminarjament, li l-obbligu ta' motivazzjoni jikkostitwixxi formalità sostanzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, billi dan l-obbligu jirrileva mil-legalità fuq il-mertu ta' l-att kontenzjuż (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, C-17/99, Ġabra p. I‑2481, punt 35). Isegwi li l-ilmenti tar-rikorrenti relatati mal-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, li wkoll ġew diġà eżaminati fil-kuntest ta' l-ewwel u tat-tieni motivi ta' dan ir-rikors, mhumiex rilevanti fil-kuntest ta' dan il-motiv.

108    Sussegwentement, skond ġurisprudenza kostanti, il-motivazzjoni mitluba permezz ta' l-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura ta' l-att in kwistjoni u għandha turi b'mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament ta' l-istituzzjoni, awtriċi ta' l-att, b'mod li tippermetti lill-interessati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Il-kundizzjoni ta' motivazzjoni għandha tiġi evalwata skond iċ-ċirkustanzi tal-każ. Il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta' att tissodisfax l-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-kliem tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll mir-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat. Fir-rigward b'mod iktar partikolari ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonkludi fuq l-ineżistenza ta' għajnuna mogħtija mill-Istat irrapurtata minn lanjant, il-Kummissjoni hija obbligata tispjega b'mod suffiċjenti lil-lanjant ir-raġunijiet għaliex l-elementi ta' fatt u ta' dritt invokati fl-ilment ma kinux biżżejjed sabiex juru l-eżistenza ta' għajnuna mogħtija mill-Istat. Madankollu, il-Kummissjoni mhijiex obbligata li tieħu pożizzjoni fuq l-elementi li huma manifestament barra l-iskop tagħha, bla tifsira jew ċarament sekondarji (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar 'il fuq, punti 63 u 64, u l-ġurisprudenza ċitata).

109    Huwa fid-dawl ta' dawn ir-regoli li għandha tiġi eżaminata l-fondatezza ta' dan il-motiv.

110    Id-deċiżjoni kkontestata tikkonkludi fuq l-ineżistenza ta' għajnuna mogħtija mill-Istat minħabba li waħda mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 87(1) KE mhijiex sodisfatta. Fil-fatt, skond il-Kummissjoni, id-DT 1 ma tinkludix trasferiment dirett jew indirett ta' riżorsi pubbliċi, billi, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-lanjanti, hija ma teżentax il-proprjetarji ta' l-ipermerkati minn obbligu kwalunkwe ta' trasferiment tal-qligħ kapitali favur l-Istat (premessi 43 sa 53 tad-deċiżjoni kkontestata).

111    Fir-rigward tad-deroga għal-limiti tas-superfiċji li jista' jiġi mibni u għas-superfiċji ta' abitazzjoni, prevista mid-DT 1 a), il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-motivi segwenti, spjegati fil-premessi 30 sa 35 u 50 sa 52 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex tikkonkludi li l-imsemmija dispożizzjoni ma teżentax il-proprjetarji ta' l-ipermerkati minn obbligu kwalunkwe ta' trasferiment tal-qligħ kapitali favur l-Istat:

–        l-obbligi ta' trasferiment tal-qligħ kapitali previsti mil-LRSV ma japplikawx għall-ipermerkati, li jinsabu kollha fuq territorji urbani kkonsolidati;

–        il-leġiżlazzjoni Spanjola nazzjonali ma tipprevedix obbligi oħra ta' trasferiment tal-qligħ kapitali li huma applikabbli għall-proprjetarji ta' l-ipermerkati fl-ipoteżi ta' deroga bħal dik prevista mid-DT 1 a);

–        għalhekk, indipendentement mill-eżistenza tad-DT 1, il-proprjetarji ta' l-ipermerkati m'għandhomx obbligu ta' trasferiment tal-qligħ kapitali favur l-Istat;

–        fin-nuqqas ta' bidla fil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, l-impożizzjoni ta' dan l-obbligu fuq il-proprjetarji ta' l-ipermerkati jmur wkoll kontra l-kostituzzjoni.

112    Sabiex tirrispondi għall-ilmenti l-oħra tal-lanjanti, id-deċiżjoni kkontestata tispjega li d-DT 1 ma tbiddilx id-destinazzjoni ta' l-art, li t-tnaqqis għat-tul ta’ skiet amministrattiv ma jeżentax il-proprjetarji ta' l-ipermerkati mill-ħlas tat-taxxi amministrattivi u li dawn il-proprjetarji huma obbligati li jiksbu l-awtorizzazzjonijiet kollha neċessarji għall-ftuħ u l-isfruttament ta' l-istazzjonijiet ta' servizzi (premessi 36 sa 42 tad-deċiżjoni kkontestata).

113    Għandu jiġi kkonstatat li din il-motivazzjoni tippermetti lill-interessati jifhmu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata billi hija tispjega, b'mod ċar u mhux ekwivoku, ir-raġunament li wassal lill-Kummissjoni tikkonkludi li l-kundizzjoni tat-trasferiment dirett jew indirett ta' riżorsi pubbliċi ma kinitx sodisfatta, u għalhekk, sabiex tiddeċiedi li ma tqajjimx oġġezzjonijiet. Għandu jiġi nnotat f'dan ir-rigward li, fid-dawl tal-formulazzjoni tar-rikors, ir-rikorrenti jidhru li kienu f'pożizzjoni li jifhmu l-motivi spjegati fl-imsemmija deċiżjoni. Fil-fatt, permezz ta' l-ewwel motiv tagħhom, huma jerġgħu jirrepetu d-diversi argumenti spjegati fil-punt 111 iktar 'il fuq, kif ukoll l-affermazzjoni li skondha d-DT 1 ma tbiddilx id-destinazzjoni ta' l-art. It-tieni motiv tagħhom, min-naħa tiegħu, huwa dirett kontra l-eżami ġenerali tad-DT 1 fil-konfront tad-dritt Komunitarju, immexxi mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u deskritt fil-qosor fil-punt 110 iktar 'il fuq.

114    Bl-istess mod, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tippermetti lill-Qorti tal-Prim'Istanza tistħarreġ il-legalità ta' din ta' l-aħħar. Isegwi li d-deċiżjoni kkontestata hija motivata biżżejjed u, konsegwentement, li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

4.     Fuq ir-raba' motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni ġusta, ta' l-Artikolu 88(2)KE u ta' l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999

 L-argumenti tal-partijiet

115    Ir-rikorrenti jsostnu, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' amministrazzjoni ġusta, billi hija ma kinitx ipproċediet għal eżami diliġenti u imparzjali ta' l-ilment tagħhom.

116    Huma jispjegaw f'dan ir-rigward li l-Kummissjoni pproċediet għal investigazzjoni twila li kkawżat dannu kemm lilhom kif ukoll lill-membri tagħhom. Fil-fatt, matul l-investigazzjoni li damet kważi sentejn u nofs, id-DT 1 kienet applikat l-effetti tagħha kollha, billi ppermettiet lill-ipermerkati li jiftħu numru ta' stazzjonijiet ta' servizzi. Ir-rikorrenti jfakkru f'dan il-kuntest li, skond il-ġurisprudenza Komunitarja, il-Kummissjoni ma tistax ittawwal il-fażi preliminari ta' eżami li jmur lil hinn mill-perijodu li jippermettilha li tifforma l-ewwel opinjoni fuq il-kwalifika tal-miżuri kontenzjużi u l-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni. Madankollu, skondhom, f'dan il-każ, l-eżami dettaljat tal-kwistjoni mill-Kummissjoni ma ġġustifikax iż-żmien li għadda, li huwa iktar minn sebgħa u għoxrin xahar. B'mod partikolari, ir-rikorrenti jistaqsu dwar iż-żmien ta' disa' xhur li għadda bejn l-ittra tat-8 ta' Frar 2002, li għandha l-pożizzjoni provviżorja tal-Kummissjoni, u d-data tad-deċiżjoni kkontestata, mogħtija fit-13 ta' Novembru 2002.

117    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni naqset milli tkun metodika u li hija esprimiet opinjonijiet differenti inġustifikati fil-parti l-kbira tal-każijiet. Skondhom, il-Kummissjoni ma setgħet lanqas tirrispondi għad-dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti dwar il-kwistjonijiet li jqajmu dubji.

118    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li, billi rrifjutat li tibda proċedura formali ta' eżami minkejja l-eżistenza ta' dubji serji dwar il-kompatibbiltà tad-DT 1 mas-suq komuni, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 88(2) u l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999.

119    Huma jqisu f'dan ir-rigward li, f'dan il-każ, l-ewwel eżami ma ppermettiex lill-Kummissjoni tegħleb id-diffikultajiet dwar il-kwalifika ta' għajnuna mogħtija mill-Istat tad-DT 1. Barra t-tul allegatament eċċessiv ta' l-eżami preliminari, l-eżistenza tad-diffikultajiet hija murija permezz tat-tibdil sinjifikattiv fl-opinjonijiet tal-Kummissjoni. Fil-fatt, matul l-investigazzjoni kollha, il-Kummissjoni kienet iddikjarat li d-DT 1 ikkostitwixxiet għajnuna u hija kienet sussegwentement irrikonoxxiet li kienet tirrigwarda miżura b'effett ekwivalenti għal għajnuna mogħtija mill-Istat. Hija kienet esprimiet ir-riżervi tagħha biss fir-rigward tal-kwistjoni ta' l-eżistenza ta' trasferiment dirett jew indirett ta' riżorsi ta' Stat. Fl-aħħar nett, qabel id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kienet qatt għamlet riferiment għall-Artikolu 14 tal-LRSV anki jekk hija kienet taf b'din id-dispożizzjoni.

120    Il-Kummissjoni tqis li hija wettqet eżami diliġenti u imparzjali ta' l-ilment u li r-rikorrenti ma indikawx fatti li jistgħu jikkuntradixxu din il-konklużjoni. Hija żżid, min-naħa, li r-rikorrenti ma spjegawx fejn huma kienu ġarrbu ħsara jew liema dannu huma kienu bagħtew minħabba l-investigazzjoni u, min-naħa l-oħra, li d-DT 1 tista' leġittimament tipproduċi l-effetti tagħha, peress li hija ma tissodisfax l-elementi li jikkostitwixxu għajnuna mogħtija mill-Istat. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li t-tul ta' l-investigazzjoni hija dovuta inqas għad-dubji li hija kellha milli għall-istudju, għall-analiżi u għall-attenzjoni li hija ddedikat għal kull allegazzjoni u informazzjoni supplementari ppreżentati mir-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

 Fuq it-tul ta' l-eżami

121    Skond il-ġurisprudenza, fil-każ fejn il-miżuri statali kontenzjużi ma ġewx innotifikati mill-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni mhijiex obbligata li tipproċedi għal eżami preliminari ta' dawn il-miżuri f'perijodu preskritt. Madankollu, meta partijiet interessati jkunu ppreżentaw lill-Kummissjoni lmenti dwar miżuri statali li ma kinux ġew innotifikati, l-istituzzjoni għandha l-obbligu, fil-kuntest tal-fażi preliminari prevista fl-Artikolu 88(3) KE, tipproċedi għal eżami diliġenti u imparzjali ta’ dawn l-ilmenti, fl-interess ta’ amministrazzjoni ġusta tar-regoli fundamentali tat-Trattat dwar għajnuna mogħtija mill-Istat. Minn dan jirriżulta, b'mod partikolari, li l-Kummissjoni ma tistax ittawwal indefinittivament l-eżami preliminari ta' miżuri statali li huma s-suġġett ta' lment, peress li dan l-eżami għandu biss bħala għan li jippermetti lill-Kummissjoni tifforma l-ewwel opinjoni fuq il-kwalifika tal-miżuri ppreżentati għall-evalwazzjoni tagħha u fuq il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-10 ta' Mejju 2000, Sic vs Il-Kummissjoni, T-46/97, Ġabra p. II‑2125, punti 103, 105 u 107, u l-ġurisprudenza ċċitata).

122    In-natura raġonevoli tat-tul ta' proċedura ta' eżami preliminari għandha tiġi evalwata skond iċ-ċirkustanzi partikolari ta' kull każ u, b'mod partikolari, mill-kuntest ta' din ta' l-aħħar, mill-istadji proċedurali diversi li l-Kummissjoni għandha ssegwi, mill-kumplessità tal-każ kif ukoll mill-kwistjonijiet tad-diversi partijiet interessati (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Settembru 1998, Gestevisión Telecinco vs Il-Kummissjoni, T‑95/96, Ġabra p. II‑3407, punt 75).

123    F'dan il-każ, għandu jiġi osservat li, fl-ilment tagħhom u fl-osservazzjonijiet ulterjuri tagħhom, il-lanjanti ppreżentaw lill-Kummissjoni ċertu numru ta' allegazzjonijiet li jirrigwardaw id-diversi aspetti tad-DT 1, ippruvati bl-analiżijiet ġuridiċi, bir-riferimenti għal-leġiżlazzjoni u għall-ġurisprudenza Spanjoli kif ukoll b'numru ta' dokumenti. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tfakkar ġustament li hija kienet obbligata teżamina l-elementi ta' fatt u ta' dritt kollha li l-lanjanti ressqu għall-informazzjoni tagħha.

124    Madankollu, dawn iċ-ċirkustanzi ma jiġġustifikawx it-tul ta' l-eżami preliminari mmexxi mill-Kummissjoni, li kien ta' madwar tmienja u għoxrin xahar.

125    Fil-fatt, fl-ewwel lok, għalkemm huwa veru li l-elementi kkomunikati mil-lanjanti kienu relattivament numerużi, il-volum totali tagħhom ma kienx madankollu daqshekk sinjifikattiv li jista' jispjega t-tul ta' l-eżami. Għandu jiġi miżjud f'dan ir-rigward li l-osservazzjonijiet tal-lanjanti wara l-ilment kienu fil-parti l-kbira tagħhom intiżi sabiex jiżviluppaw, jippreċiżaw u jillustraw uħud mill-kwistjonijiet diskussi fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, aktar milli sabiex iqajmu allegazzjonijiet ġodda kontra d-DT 1. Għalhekk, il-komunikazzjoni suċċessiva ta' dawn l-osservazzjonijiet ma tista’ lanqas tkun il-kawża ta' titwil sinjifikattiv ta' l-eżami preliminari.

126    Fir-rigward tal-perijodu li għadda bejn l-ittra tat-8 ta' Frar 2002, li għandha l-pożizzjoni preliminari tal-Kummissjoni, u d-deċiżjoni finali tat-13 ta' Novembru 2002, għalkemm huwa veru li, sabiex jaġixxu għat-teħid ta' pożizzjoni preliminari mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti bagħtulha, fit-8 ta' Marzu 2002, osservazzjonijiet ta' xi għoxrin paġna flimkien ma' diversi annessi, jibqa' l-fatt li dawn l-osservazzjonijiet irrapreżentaw sinteżi ta' l-elementi essenzjali li l-lanjanti sostnew matul il-proċedura amministrattiva kollha. B'hekk, in-neċessità għall-Kummissjoni li tagħmel eżami diliġenti ta' dawn l-elementi ma tiġġustifikax il-perijodu li għadda, li dam iktar minn disgħa xhur.

127    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-passi proċedurali mibdija mill-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li, barra l-laqgħat u l-konverżazzjonijiet telefoniċi mar-rappreżentanti tal-lanjanti, din ta' l-aħħar sempliċement indirizzat, f'Diċembru 2000, talba għal informazzjoni lir-Renju ta' Spanja. Madankollu, ir-Renju ta' Spanja rrisponda għall-istedina fi Frar 2001 permezz ta' osservazzjonijiet sommarji, ibbażati esklużivament fuq l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni Spanjola applikabbli. B'hekk, il-passi meħuda mill-Kummissjoni ma jiġġustifikawx lanqas it-tul ta' l-eżami.

128    Fit-tielet lok, xejn ma jippermetti li jitqies li l-kawża in kwistjoni hija kumplessa sal-punt li hija kienet teħtieġ eżami preliminari ta' iktar minn sentejn. Fil-fatt, peress li l-konklużjoni tagħha fir-rigward tan-nuqqas ta' trasferiment dirett jew indirett ta' riżorsi pubbliċi hija bbażata essenzjalment fuq l-eżami tal-leġiżlazzjoni Spanjola applikabbli, ma jidhirx li l-Kummissjoni kienet obbligata tmexxi verifiki eżawrjenti tal-fatti jew tieħu miżuri oħra li jitolbu żmien sinjifikattiv. Bl-istess mod, it-tul ftit sinjifikattiv ta' l-ittra li għandha l-pożizzjoni preliminari kif ukoll tad-deċiżjoni kkontestata jidhru li jżommu li l-kawża kkonċernata tkun tista' tiġi kkwalifikata bħala partikolarment kumplessa.

129    Isegwi li, billi mexxiet eżami preliminari ta' l-ilment matul madwar 28 xahar, il-Kummissjoni ma adottatx id-deċiżjoni kkontestata fi żmien raġonevoli, u għalhekk naqset mill-obbligu tagħha li tipproċedi għal eżami diliġenti.

130    Madankollu, għalkemm l-osservazzjoni ta' żmien raġonevoli fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi tikkostitwixxi prinċipju ġenerali ta' dritt Komunitarju, applikabbli fil-kuntest ta' proċedura ta' eżami ta' għajnuna mogħtija mill-Istat u li l-qorti Komunitarja għandha tassigura r-rispett tiegħu, il-fatt biss li adottat deċiżjoni li tmur lil hinn minn dan iż-żmien mhuwiex biżżejjed sabiex jirrendi illegali deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni wara eżami preliminari mmexxi skond l-Artikolu 88(3) KE (ara, f'dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-1 ta' Awissu 2003, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, T‑378/02 R, Ġabra p. II‑2921, punt 65, u l-ġurisprudenza ċitata).

131    F'dan il-kuntest, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ ċirkustanzi allegatament eċċezzjonali. Min-naħa, huma josservaw li l-applikazzjoni tad-DT 1 matul it-tul ta' l-eżami kkawżat dannu lilhom stess kif ukoll lill-membri tagħhom. Min-naħa l-oħra, it-tul eċċessiv ta' l-eżami preliminari mmexxi mill-Kummissjoni jindika li din ta' l-aħħar iltaqgħat ma' diffikultajiet serji li ġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura formali ta' eżami skond l-Artikolu 88(2) KE.

132    Madankollu, l-argument ibbażat fuq id-dannu kkawżat lir-rikorrenti u lill-membri tagħhom huwa irrilevanti fil-kuntest ta' din il-kawża, li tirrigwarda esklużivament l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u għalhekk l-istħarriġ biss tal-legalità tagħha. Fir-rigward tal-preskrizzjoni taż-żmien raġonevoli fil-kuntest ta' l-obbligu eventwali tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura formali ta' eżami, ir-rilevanza tiegħu għandha tiġi evalwata fil-kuntest ta' l-ilment korrispondenti, eżaminat iktar 'il fuq.

 Fuq in-nuqqas ta' ftuħ tal-proċedura formali ta' eżami

133    Għandu jiġi osservat li, kif ġie mfakkar fil-punt 44 iktar 'il fuq, fil-kuntest ta' l-Artikolu 88 KE, għandhom jiġu distinti, min-naħa, il-fażi preliminari ta' eżami ta' l-għajnuniet stabbilita permezz tal-paragrafu 3, li għandha biss bħala għan li tippermetti lill-Kummissjoni tifforma l-ewwel opinjoni kemm fuq in-natura ta' għajnuna mogħtija mill-Istat tal-miżura kkonċernata kif ukoll fuq il-kompatibbiltà parzjali jew totali ta' l-għajnuna in kwistjoni mas-suq komuni, u, min-naħa l-oħra, il-fażi formali ta' eżami msemmi fil-paragrafu 2. Huwa biss fil-kuntest ta' din ta' l-aħħar, li hija intiża li tippermetti lill-Kummissjoni jkollha informazzjoni kompluta fuq l-informazzjoni kollha tal-kawża, li t-Trattat KE jipprevedi l-obbligu, għall-Kummissjoni, li tinnotifika l-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

134    Jirriżulta mill-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999, u mill-ġurisprudenza, li l-Kummissjoni hija marbuta li tiftaħ il-proċedura prevista mill-Artikolu 88(2) KE jekk l-ewwel eżami ma jkunx ippermettilha tegħleb id-diffikultajiet kollha mqajma mill-kwistjoni dwar jekk miżura statali suġġetta għall-istħarriġ tagħha tikkostitwixxi għajnuna fis-sens ta' l-Artikolu 87(1) KE, almenu meta, matul dan l-ewwel eżami, hija ma tkunx f'pożizzjoni li tikseb il-konvinzjoni li l-miżura kkonċernata, anki li kieku tikkostitwixxi għajnuna, hija f'kull każ kompatibbli mas-suq komuni (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Settembru 1998, BP Chemicals vs Il-Kummissjoni, T-11/95, Ġabra p. II-3235, punt 166).

135    Madankollu, l-iskadenza ta' żmien li jeċċedi notevolment iż-żmien li jieħu normalment l-ewwel eżami magħmul fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 88(3) KE tista', flimkien ma' elementi oħra, twassal sabiex jiġi rrikonoxxut li l-Kummissjoni ltaqgħat ma' diffikultajiet serji ta' evalwazzjoni li jeżiġu li tiġi miftuħa l-proċedura prevista mill-Artikolu 88(2) KE (sentenza SIC vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 102).

136    Kif ġie spjegat fil-punti 121 sa 129 iktar 'il fuq, l-iskadenza qabżet notevolment dak li huwa normalment l-ewwel eżami operat fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 88(3) KE. Madankollu, bilfors għandu jiġi kkonstatat li, f'dan il-każ, l-eżistenza ta' elementi barra l-iskadenza taż-żmien raġonevoli ma ġietx stabbilita.

137    Fil-fatt, fir-rigward tad-dubji li kellha l-Kummissjoni fir-rigward tal-kwalifika ta' għajnuna, jidher, fl-ewwel lok, li l-argument li skondhu l-Kummissjoni kienet iddikjarat matul l-investigazzjoni kollha li d-DT 1 ikkostitwixxiet għajnuna mhuwiex fondat safejn huwa kkuntradit permezz ta' l-elementi tal-proċess, kif ukoll tal-kronoloġija tal-proċedura amministrattiva, ippreżentata mir-rikorrenti fir-rikors tagħhom.

138    Fit-tieni lok, għalkemm huwa veru li l-Kummissjoni indikat, fl-ittra tat-8 ta' Frar 2002 li għandha l-pożizzjoni provviżorja tagħha, li "id-dispożizzjonijiet tad-DT 1 jistgħu jitqiesu li huma miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal dak ta' għajnuna mogħtija mill-Istat", huwa wkoll veru li hija kompliet il-frażi billi tirrileva li "huma mhumiex [madankollu] iffinanzjati bir-riżorsi ta' Stat u, għalhekk, mhumiex suġġetti għall- […] projbizzjoni [prevista fl-Artikolu 87(1) KE]". B'hekk, il-pożizzjoni spjegata fl-ittra tat-8 ta' Frar 2002 tikkorrispondi għal dik spjegata fid-deċiżjoni kkontestata, li l-fondatezza tagħha ġiet eżaminata fil-kuntest ta' l-ewwel u t-tieni motivi. Konsegwentement, il-formulazzjoni ċċitata iktar 'il fuq fl-ittra tat-8 ta' Frar 2002 ma tippermettix li jiġi rrikonoxxut li l-Kummissjoni kienet iltaqgħat ma' diffikultajiet serji matul l-eżami preliminari.

139    Fit-tielet lok, fir-rigward ta' l-allegati tibdiliet ta' pożizzjoni tal-Kummissjoni, iċ-ċirkustanza li din ta' l-aħħar turi, fuq il-bażi ta' l-elementi għad-dispożizzjoni tagħha, dubji fuq in-natura ta' għajnuna mogħtija mill-Istat ta' miżura statali, filwaqt li hija ma tesprimix iktar l-istess riżervi wara l-komunikazzjoni ta' elementi supplementari mil-lanjanti, ma tippermettix li jiġi rrikonoxxut li l-Kummissjoni kienet iltaqgħat ma' diffikultajiet serji. Fil-fatt, għalkemm hija ma tiddisponi minn ebda poter diskrezzjonali fir-rigward tad-deċiżjoni li tibda l-proċedura formali ta' eżami, meta hija tikkonstata l-eżistenza ta' dawn id-diffikultajiet, il-Kummissjoni tgawdi madankollu minn ċertu marġni ta' evalwazzjoni fir-riċerka u fl-eżami taċ-ċirkustanzi tal-każ sabiex tiddetermina jekk dawn ta' l-aħħar iqajmux diffikultajiet serji. Skond il-finalità ta' l-Artikolu 88(3) KE u l-obbligu ta' amministrazzjoni tajba li jaqa' fuqha, il-Kummissjoni tista', b'mod partikolari, tibda djalogu mal-lanjanti sabiex tegħleb, matul il-proċedura preliminari, diffikultajiet li eventwalment tkun iltaqgħat magħhom (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Marzu 2001, Prayon-Rupel vs Il-Kummissjoni, T‑73/98, Ġabra. p. II‑867, punt 45). Issa, din il-fakultà tippresupponi li l-Kummissjoni tkun tista' tadatta l-pożizzjoni tagħha skond ir-riżultati tad-djalogu mibdi, bla ma dan l-adattament m'għandu jkun a priori interpretat bħala li jistabbilixxi l-eżistenza ta' diffikultajiet serji.

140    Fir-raba' u l-aħħar lok, għalkemm ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni li ma rriferietx espliċitament, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għall-Artikolu 14 tal-LRSV, huma ma stabbilixxewx ir-rilevanza ta' din iċ-ċirkustanza fil-kuntest ta' l-eżami ta' l-eżistenza ta' diffikultajiet serji. Sakemm il-Kummissjoni mhijiex obbligata li tibda diskussjoni kuntradittorja mal-lanjanti (sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar 'il fuq, punti 58 u 59), hija mhijiex obbligata li tindika lil dawn ta' l-aħħar il-bażi legali li fuqha hija intenzjonata tibbaża ruħha fid-deċiżjoni. Konsegwentement, in-nuqqas biss ta' din l-indikazzjoni ma jimplikax li l-Kummissjoni ltaqgħat ma' xi diffikultajiet.

141    Barra minn hekk, fl-ittra tat-8 ta' Frar 2002, il-Kummissjoni tindika li "l-informazzjoni li tiddisponi minnha l-Kummissjoni turi li m'għandhiex obbligu legali li titlob il-ħlas ta' […] kumpens mill-[proprjetarju ta' ipermerkat li japplika għal bidla fil-kundizzjonijiet ta' użu tat-territorji li fuqhom jinsab dan ta' l-aħħar]". Din il-formulazzjoni timplika li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq eżami tad-dritt Spanjol applikabbli, li l-LRSV jirrapreżenta parti essenzjali minnu. Jidher għalhekk li, anki jekk il-Kummissjoni ma indikatx espressament lir-rikorrenti li l-analiżi tagħha kienet ibbażata fuq l-LRSV, hija madankollu ħadet dan it-test in kunsiderazzjoni qabel l-adozzjoni stess tad-deċiżjoni kkontestata.

142    Fid-dawl ta' dak li ntqal qabel, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk it-tul tal-proċedura amministrattiva eċċediet notevolment dak li huwa normalment l-ewwel eżami magħmul fil-kuntest ta' l-Artikolu 88(3) KE, ma ġiex stabbilit b’mod suffiċjenti skond il-liġi li l-Kummissjoni kienet iltaqgħat ma' diffikultajiet serji li jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura formali ta' eżami prevista fl-Artikolu 88(2) KE.

 Fuq in-nuqqasijiet l-oħra ta' l-investigazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni

143    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li, safejn huma jinvokaw li l-Kummissjoni naqset milli tkun metodika, li hija esprimiet opinjonijiet differenti inġustifikati u li hija ma rrispondietx għad-dokumenti ppreżentati mil-lanjanti dwar il-kwistjonijiet li jqajmu dubji, ir-rikorrenti sempliċement ifformulaw allegazzjonijiet sommarji mhux ippruvati b'informazzjoni iktar vasta jew b'elementi ta' prova. Għalhekk dawn l-allegazzjonijiet għandhom jiġu miċħuda bħala mhux fondati.

144    Peress li l-ebda wieħed mill-ilmenti ppreżentati fil-kuntest tar-raba' motiv ma ġie aċċettat, hemm lok li dan il-motiv jiġi miċħud.

5.     Fuq it-talba għal produzzjoni ta' provi

145    Ir-rikorrenti jitolbu t-tressiq mill-Kummissjoni tal-proċess amministrattiv tagħha, inkluża r-risposta tar-Renju ta' Spanja għat-talba ta' informazzjoni tal-Kummissjoni u l-allegazzjonijiet ifformulati ulterjorment mir-Renju ta' Spanja jew minn terzi.

146    F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni ressqet, f'anness fid-difiża tagħha, ir-risposta tar-Renju ta' Spanja għat-talba ta' informazzjoni. Peress li l-Qorti tal-Prim'Istanza setgħet teżamina l-motivi kollha tar-rikorrenti fuq il-bażi tad-dokumenti inklużi fil-proċess, mhemmx lok li jintalab it-tressiq ta' dokumenti supplementari għall-Kummissjoni. It-talba għal produzzjoni ta' provi ppreżentata mir-rikorrenti għandha għalhekk tiġi miċħuda.

147    Jirriżulta minn dak kollu li jippreċedi li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

148    Skond l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha għal raġunijiet eċċezzjonali. F'dan il-każ, għandu jiġi osservat li, għalkemm ir-rikorrenti tilfet fuq kap tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, l-eżami mmexxi mill-Qorti tal-Prim'Istanza rrivela madankollu li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha li tipproċedi għal eżami diliġenti ta' l-ilmenti li ġew imressqa lilha. F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi deċiż li r-rikorrenti jbatu tliet kwarti mill-ispejjeż tagħhom, tliet kwarti mill-ispejjeż imressqa mill-Kummissjoni u l-ispejjeż kollha mressqa mill-ANGED. Il-Kummissjoni għandha tbati kwart mill-ispejjeż tagħha u kwart mill-ispejjeż imressqa mir-rikorrenti.

149    Skond l-ewwel subartikolu ta' l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għalhekk, ir-Renju ta' Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla Estiża)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandhom ibatu tliet kwarti mill-ispejjeż tagħhom, tliet kwarti mill-ispejjeż imressqa mill-Kummissjoni, u l-ispejjeż kollha mressqa mill-Asociación Nacional de Grandes Empresas de Distribución.

3)      Il-Kummissjoni għandha tbati kwart mill-ispejjeż u kwart mill-ispejjeż imressqa mir-rikorrenti.

4)      Ir-Renju ta' Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Pirrung

Meij

Forwood

Pelikánová

 

       Papasavvas

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta' Diċembru 2006

Reġistratur

 

      Il-President

E. Coulon

 

       J. Pirrung

Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.  Il-Leġiżlazzjoni Spanjola

2.  Id-Digriet Leġiżlattiv u DT 1

3.  Il-proċedura quddiem il-Kummissjoni

4.  Id-Deċiżjoni kkontestata

Fuq il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Fuq l-ammissibbiltà

1.  Fuq l-ammissibbiltà ta' ċerti annessi ma' l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti ta' l-14 ta' Ottubru 2005

2.  Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-mertu

1.  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq evalwazzjoni manifestament żbaljata tal-leġiżlazzjoni Spanjola

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-evalwazzjoni manifestament żbaljata ta' l-obbligu ta' trasferiment tal-qligħ kapitali

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

–  Fuq l-eżistenza ta' leġiżlazzjoni li tipprovdi obbligu ta' trasferiment tal-qligħ kapitali

–  Fuq l-eżistenza ta' prattika amministrattiva li tawtorizza l-Istat jitlob it-trasferiment tal-qligħ kapitali

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq evalwazzjoni manifestament żbaljata tal-bidla fid-destinazzjoni ta' l-art

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

2.  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata ta' l-elementi li jikkostitwixxu l-kunċett ta' għajnuna mill-Istat

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

3.  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni

4.  Fuq ir-raba' motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni ġusta, ta' l-Artikolu 88(2)KE u ta' l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

Fuq it-tul ta' l-eżami

Fuq in-nuqqas ta' ftuħ tal-proċedura formali ta' eżami

Fuq in-nuqqasijiet l-oħra ta' l-investigazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni

5.  Fuq it-talba għal produzzjoni ta' provi

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.