Language of document : ECLI:EU:F:2015:116

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA (L-Ewwel Awla)

6 ta’ Ottubru 2015 (*)

“Servizz Pubbliku – Reklutaġġ – Kompetizzjoni ġenerali – Inklużjoni fil-lista ta’ riżerva – Deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li ma tirreklutax kandidat li għadda minn kompetizzjoni – Kompetenzi rispettivi tal-Bord tal-Għażla u tal-Awtorità tal-Ħatra – Kundizzjonijiet għall-ammissjoni għall-kompetizzjoni – Tul minimu ta’ esperjenza professjonali – Modalitajiet ta’ kalkolu – Żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Bord tal-Għażla – Assenza – Telf ta’ opportunità ta’ reklutaġġ – Kumpens”

Fil-Kawża F‑119/14,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu,

FE, residenti fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu), irrappreżentata minn L. Levi u A. Blot, avukati,

rikorrenti,

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Currall u G. Gattinara, bħala aġenti,

konvenuta,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla),

kompost minn R. Barents, President, E. Perillo (Relatur) u J. Svenningsen, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li ra l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Ġunju 2015,

jagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ att li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fl‑24 ta’ Ottubru 2014, FE ippreżentat dan ir-rikors intiż għall-annullament tad‑deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-Kummissjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra”), tas-17 ta’ Diċembru 2013, li tirrifjuta r-reklutaġġ tagħha mid-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Ġustizzja” mil-lista ta’ riżerva tal-Kompetizzjoni EPSO/AD/42/05, kif ukoll għall-kumpens għad-dannu materjali u morali allegatament subit minħabba din id-deċiżjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

2        Fil-qasam tar-reklutaġġ tal-uffiċjali, l-Artikolu 5 tar-Regolamenti tal-Persunal tal‑Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti inkwistjoni (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), jipprevedi, b’mod partikolari, fil-paragrafu (3) tiegħu dan li ġej:

“Il-ħatra għandha teħtieġ mill-anqas:

[…]

(ċ) fil-gruppi tal-funzjoni AD [tal-amministraturi] għall-gradi 7 sa 16:

i)      livell ta’ edukazzjoni li jikkorrospondi ma’ studji universitarji kkompletati, iċċertifikat b’diploma meta l-perjodu normali ta’ l-edukazzjoni universitarja hija erba’ snin jew aktar, jew

ii)      livell ta’ edukazzjoni li jikkorrospondi ma’ studji universitarji kkompletati, iċċertifikat b’diploma, esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-anqas sena, meta l-perjodu normali ta’ l-edukazzjoni universitarja hija mill-anqas tliet snin jew aktar, jew

iiii)      fejn iġġustifikat fl-interess tas-servizz, taħriġ professjonali ta’ livell ekwivalenti”.

3        L-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa fformulat hekk:

“Uffiċjal jista’ jkun appuntat biss bil-kondizzjoni li:

(a)      huwa ċittadin ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni, sakemm eċċezzjoni ma tkunx awtorizzata mill-[Awtorità tal-Ħatra], u jgawdi mid-drittijiet kollha tiegħu bħala ċittadin;

(b)      huwa jkun wettaq kull obbligu mpost fuqu mill-liġijiet dwar is-servizz militari;

(ċ)      huwa jipproduċi r-riferenzi ta’ karattru xierqa li juru li huwa tajjeb biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu;

(d)      huwa, suġġett għall‑Artikolu 29(2), għadda minn kompetizzjoni bbażata fuq jew kwalifiki jew eżamijiet, jew kemm kwalifiki kif ukoll eżamijiet, kif provdut fl‑Anness III [tar-Regolamenti tal-Persunal];

(e)      huwa fil-forma fiżika xierqa biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu; u

(f)      huwa jipproduċi evidenza ta’ għarfien komplut ta’ waħda mill-lingwi tal-Unjoni u ta’ għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra tal-Unjoni sal-punt meħtieġ biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu”.


4        L‑Artikolu 30 tar‑Regolamenti tal-Persunal jipprevedi:

“Għal kull kompetizzoni, għandu jinħatar kumitat ta’ selezzjoni mill-[Awtorità tal‑Ħatra]. Dan il-kumitat għandu jħejji lista ta’ kandidati idonei.

L-[Awtorità tal-Ħatra] għandha tiddeċiedi liema minn dawn il-kandidati għandha taħtar għall-pożizzjonijiet battala”.

5        L-Artikolu 4 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi dan li ġej:

“L-[Awtorità tal-Ħatra] għandha tħejji lista tal-kanndidati li jaqgħu taħt il‑kondizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 28[(a), (b) u (ċ)] tar-Regolament tal‑Persunal u għandha tibgħatha, flimkien mal-fajls tal-kandidati, lill-president tal-Bord ta’ l-Għażla”.

6        L-Artikolu 5 ta’ dan l-istess Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal jindika:

“Wara li teżamina dawn il-fajls, il-Bord ta’ l-Għażla għandha tħejji lista ta’ kandidati, li jħarsu l-ħtiġiet ippreżentati fl-avviż tal-kompetizzjoni.

Meta l-kompetizzjonijiet huma fuq il-bażi ta’ l-eżamijiet, il-kandidati kollha fuq il-lista jkunu ammessi għall-eżamijiet.

[…]”

7        Fl-aħħar nett, il-punt II tat-Titolu A tal-Avviż ta’ kompetizzjoni EPSO/AD/42/05 (ara l-punt 8 ta’ din is-sentenza) jaqra kif ġej, fir-rigward tal-profil meħtieġ u tal-ewwel żewġ kundizzjonijiet għall-ammissjoni:

“Il-kompetizzjoni hija miftuħa għall-kandidati li […] jissodisfaw il‑kundizzjonijiet segwenti:

1.      Titoli jew diplomi

Kandydaci muszą legitymować się dyplomem ukończenia wyższych studiów prawniczych w Polsce. [Il-kandidati għandhom ikollhom diploma Pollakka fl-istudju tad-dritt].

2.      Esperjenza professjonali

Wara l-istudji universitarji meħtieġa [fil-punt 1], hija meħtieġa esperjenza professjonali ta’ mhux inqas minn sentejn”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

8        Fit-8 ta’ Diċembru 2005, l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) ippubblika l-Avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/42/05 (iktar ’il quddiem il-“kompetizzjoni”) għall‑istabbiliment ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ ġuristi lingwisti tal-grad AD 7 tal‑lingwa Pollakka, intiża sabiex jintmelew pożizzjonijiet vakanti fi ħdan l‑istituzzjonijiet Ewropej, b’mod partikolari fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU C 310 A, p. 3, iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ kompetizzjoni”). Id‑data finali għar-reġistrazzjoni għall-kompetizzjoni kienet il-11 ta’ Jannar 2006.

9        Fil-punt I tat-Titolu A intitolat “N[atura tal-funzjonijiet]”, tal-avviż ta’ kompetizzjoni, il-funzjonijiet li kellhom jiġu eżerċitati kienu deskritti kif ġej:

“ -      Traduzzjoni u/jew reviżjoni bil-Pollakk ta’ testi ġuridiċi minn tal-inqas żewġ lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

–        Verifika tal-konkordanza lingwistika u ġuridika ta’ testi leġiżlattivi bil‑Pollakk, diġà tradotti u rriveduti, meta mqabbla ma’ verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ dawn it-testi, verifika tal-kwalità redazzjonali tagħhom u tal-osservanza tar-regoli fil-qasam tal-preżentazzjoni formali.

[…]”

10      Il-punt II.2 tat-Titolu A tal-avviż ta’ kompetizzjoni kien jippreċiża barra minn hekk li, sabiex ikunu jistgħu jiġu ammessi għall-eżamijiet, il-kandidati kellhom, fid-data finali stabbilita għar-reġistrazzjoni għall-kompetizzjoni, jiġġustifikaw, “[w]ara l‑istudji universitarji meħtieġa, esperjenza professjonali ta’ mhux inqas minn sentejn […]”.

11      Ir-rikorrenti applikat għall-kompetizzjoni fis-27 ta’ Diċembru 2005. Taħt il‑kolonna “E[sperjenza professjonali]” tal-kandidatura tagħha għall‑kompetizzjoni (iktar ’il quddiem il-“kandidatura”) hija indikat li kellha sitt esperjenzi professjonali ta’ tul totali ta’ wieħed u tletin xahar, li minnhom ħmistax-il xahar ta’ attività bħala ġurista lingwista free-lance għall-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri mill-15 ta’ Ottubru 2004 sad-data tal-kandidatura tagħha, kif ukoll tliet xhur ta’ perijodu ta’ prova mal-uffiċċju legali W., fi Brussell (il‑Belġju), mill-1 ta’ Lulju sat-30 ta’ Settembru 2005.

12      Ir-rikorrenti ġiet ammessa tipparteċipa fl-eżamijiet tal-kompetizzjoni. Fi tmiem xogħolu, il-Bord tal-Għażla inkluda isimha fil-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni, li l-validità tagħha, inizjalment iffissata għall-31 ta’ Diċembru 2007, ġiet estiża, wara diversi estensjonijiet, sal-31 ta’ Diċembru 2013, data li fiha hija skadiet b’mod definittiv.

13      Permezz ta’ posta elettronika tat-22 ta’ Mejju 2013, ir-rikorrenti ġiet mistiedna mis-servizzi tad-DĠ “Ġustizzja” tagħmel, fit-28 ta’ Mejju segwenti, intervista bil-għan tal-possibbiltà ta’ reklutaġġ tagħha fil-pożizzjoni ta’ amministratur fi ħdan l-imsemmi direttorat ġenerali. Fil-kuntest ta’ dan ir-reklutaġġ, is-servizzi tad-DĠ “Riżorsi Umani u Sigurtà” (iktar ’il quddiem id-“DĠ ‘Riżorsi Umani”) informaw wkoll lir-rikorrenti, permezz ta’ posta elettronika indirizzata lil din tal‑aħħar fl-24 ta’ Mejju 2013 b’kopja lid-DĠ “Ġustizzja”, li peress li attwalment hija kienet membru tal-persunal temporanju tal-Qorti tal-Ġustizzja “il-viżta medika [tar-reklutaġġ] ma [kinitx] neċessarja, għaliex, fil-każ ta’ reklutaġġ mill‑Kummissjoni, [id-DĠ ‘Riżorsi Umani’] kien [ser] jitlob it-trasferiment tal‑kapaċità medika [tagħha]”.

14      Fix-xahar ta’ Ġunju 2013, ir-rikorrenti ġiet informata mid-DĠ “Ġustizzja” li hija kienet intgħażlet għall-pożizzjoni ta’ amministratur u li kienet intbagħtet talba għar‑reklutaġġ tagħha lid-DĠ “Riżorsi Umani”.

15      Mid-dokumenti fil-fajl jirriżulta li, f’Ġunju 2013, is-servizzi kompetenti tal‑Kummissjoni kienu informaw lir-rikorrenti wkoll li, “[p]eress li l-Kummissjoni ma kinitx ipparteċipat fl-organizzazzjoni tal-kompetizzjoni […] u peress li l-lista ta’ riżerva maħruġa għall-imsemmija kompetizzjoni, li fiha r-[rikorrenti] kienet inkluża, kienet lista ta’ ġuristi lingwisti u mhux ta’ amministraturi, kellha tintalab deroga mingħand il-[k]ummissarju responsabbli mir-[r]iżorsi umani u s-sigurtà, peress li l-politika tal-Kummissjoni hija li ma tużax dawn il-listi ħlief f’eċċezzjonijiet notevoli għas-[s]ervizz legali tagħha u għal xi funzjonijiet speċjalizzati f’[direttorati ġenerali] oħra, taħt ċerti kundizzjonijiet”.

16      Permezz ta’ posta elettronika tas-26 ta’ Lulju 2013, il-kap tal-unità “Dritt tal‑kuntratti” tad-DĠ “Ġustizzja” ikkomunika lir-rikorrenti li d-DĠ “Riżorsi Umani” kien “qabel mar-reklutaġġ [derogatorju] tagħha bħala amministratur [mil‑]lista ta’ riżerva ta’ ġuristi lingwisti”, filwaqt li enfasizza li d-DĠ “Riżorsi Umani” kien ser jikkuntattjaha u li ma kellha tagħmel xejn qabel ma tirċievi komunikazzjoni uffiċjali min-naħa tiegħu.

17      Fl-aħħar tax-xahar ta’ Awwissu 2013, id-DĠ “Riżorsi Umani” talab lir-rikorrenti tipprovdi dokumenti ta’ sostenn tal-esperjenzi professjonali tagħha ta’ qabel il-kandidatura tagħha, fid-dawl tal-kundizzjoni għall-ammissjoni relatata mal‑esperjenza professjonali minima ta’ sentejn li kienet tinsab fl-avviż ta’ kompetizzjoni.

18      Matul il-perijodu ta’ bejn l-aħħar tax-xahar ta’ Awwissu 2013 u x-xahar ta’ Novembru 2013, ir-rikorrenti kellha diversi intervisti ma’ rappreżentanti tad-DĠ “Riżorsi Umani” u pprovdiet dokumenti differenti u spjegazzjonijiet sabiex tikkjarifika l-kwistjoni tal-esperjenzi professjonali li hija semmiet fil-kandidatura tagħha. Matul dan il-perijodu, ir-rappreżentanti tad-DĠ “Ġustizzja” ikkonfermaw diversi drabi l-interess tagħhom fir-reklutaġġ tagħha.

19      B’ittra tas-17 ta’ Diċembru 2013, l-Awtorità tal-Ħatra informat lir-rikorrenti li r‑reklutaġġ tagħha mad-DĠ “Ġustizzja” ma setax iseħħ, għar-raġuni li hija ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni għall-ammissjoni għall-kompetizzjoni relatata mal‑esperjenza professjonali meħtieġa (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Skont l-Awtorità tal-Ħatra, fid-data finali għar-reġistrazzjoni għall‑kompetizzjoni, ir-rikorrenti kellha biss tnejn u għoxrin xahar ta’ esperjenza professjonali, minflok sentejn kif meħtieġ mill-avviż ta’ kompetizzjoni. Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, l-Awtorità tal-Ħatra kkunsidrat, fir-rigward tal‑esperjenza professjonali bħala “tradut[tur] free-lance” għall-Qorti tal‑Ġustizzja, seba’ xhur biss u, fir-rigward tal-esperjenza professjonali bħala persuna bi prova fl-uffiċċju legali W., xahrejn biss, li ma’ kinux jikkorrispondu għall-ħmistax u għat-tliet xhur iddikjarati mir-rikorrenti fil-kandidatura. Id-deċiżjoni kkontestata kienet tippreċiża wkoll li għal dak li jirrigwarda l-attività “free-lance mal-[Qorti tal-Ġustizzja]” it‑tul tal-esperjenza professjonali tar-rikorrenti kien ġie kkalkolat abbażi tan‑numru totali ta’ paġni tradotti, jiġifieri 721, u ta’ standard ta’ 5 paġni kuljum, ikkunsidrat bħala adegwat mill-Kummissjoni u li huwa sostanzjalment inqas minn dak ta’ 8 paġni kuljum użat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

20      Fl-14 ta’ Marzu 2014, ir-rikorrenti ressqet ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata. Dan l-ilment kien ġie miċħud mill-Awtorità tal-Ħatra b’deċiżjoni tal-14 ta’ Lulju 2014 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li tiċħad l-ilment”).

 It-talbiet tal-partijiet

21      Ir-rikorrenti titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        jannulla d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni tħallas somma ta’ EUR 26 132.85, flimkien mal-interessi moratorji, u l-kontribuzzjonijiet għall-iskema ta’ pensjonijiet mix-xahar ta’ Settembru 2013, kif ukoll tħallas EUR 1 simboliku għad-dannu morali kkawżat;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

22      Il-Kummissjoni titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors parzjalment bħala inammissibbli u parzjalment bħala infondat;

–        jikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

1.     Fuq is-suġġett tar-rikors

23      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-effett ta’ talbiet għal annullament formalment mressqa kontra d-deċiżjoni li tiċħad ilment huwa, meta din d-deċiżjoni ma jkollhiex kontenut awtonomu, li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiġi adit bl-att li kontrih ikun tressaq l-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il‑Parlament, 293/87, EU:C:1989:8, punt 8).

24      F’dan il-każ, id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata. It-talbiet għal annullament imressqa kontriha huma għalhekk nieqsa minn kontenut awtonomu u, konsegwentement, għandhom jitqiesu bħala mressqa formalment kontra d-deċiżjoni kkontestata, kif ippreċiżat mid-deċiżjoni li tiċħad l‑ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2004, Eveillard vs Il‑Kummissjoni, T‑258/01, EU:T:2004:177, punt 32).

2.     Fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

25      Ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi insostenn tat-talbiet tagħha għal annullament, ibbażati essenzjalment:

–        l-ewwel, fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Awtorità tal-Ħatra;

–        it-tieni, imqajjem sussidjarjament, fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, kif ukoll fuq il-ksur tal-avviż ta’ kompetizzjoni u tal‑prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza fit-trattament;

–        it-tielet, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura, kif ukoll fuq in-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli;

–        ir-raba’, fuq l-illegalità tal-kundizzjoni għall-ammissjoni għall-kompetizzjoni relatata mal-esperjenza professjonali.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Awtorità tal-Ħatra

 L-argumenti tal-partijiet

26      Skont ir-rikorrenti, l-Awtorità tal-Ħatra qabżet il-limiti tas-setgħa tagħha ta’ verifika tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla, kif stabbiliti mill‑ġurisprudenza, peress li f’dan il-każ xejn ma juri li d-deċiżjoni tal-Bord tal‑Għażla li tiġi ammessa tagħmel l-eżamijiet tal-kompetizzjoni biex sussegwentement tkun inkluża fil-lista ta’ riżerva kienet ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

27      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li l-avviż ta’ kompetizzjoni ma kienx jippreċiża, fir-rigward tal-esperjenza professjonali meħtieġa ta’ sentejn, jekk din kinitx tirrigwarda impjieg full-time jew part-time.

28      Fit-tieni lok, fir-rigward tax-xogħol ta’ ġurista lingwista magħmul mir-rikorrenti għall-Qorti tal-Ġustizzja, kemm in-natura free-lance ta’ din l-attività kif ukoll il-fatt li dan għamlitu b’mod parallel mal-istudji jirriżultaw b’mod inekwivoku mid‑dokumenti li hija annettiet mal-kandidatura tagħha. Barra minn hekk, ebda regola ma timponi d-diviżjoni tan-numru totali ta’ paġni tradotti b’xi standard ta’ kuljum sabiex jiġi ddeterminat it-tul full-time ta’ tali esperjenza professjonali.

29      Fit-tielet lok, għal dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ prova mal-uffiċċju legali W., xejn ma pprekluda lill-Bord tal-Għażla milli jqabbel id‑dikjarazzjonijiet magħmula mir-rikorrenti fil-kandidatura tagħha mad‑dokumenti ta’ sostenn li hija kienet annettiet magħha, b’tali mod li ma kienx hemm raġuni li jiġi kkunsidrat li l-Bord tal-Għażla kien ġie mqarraq bil-mod ta’ kif it-tul ta’ din l‑esperjenza professjonali kien ġie ppreżentat fil-kandidatura.

30      Konsegwentement, l-Awtorità tal-Ħatra, li ma tafx il-metodoloġija jew ir-regoli ta’ kalkolu applikati mill-Bord tal-Għażla sabiex jevalwa t-tul tal‑esperjenza professjonali tar-rikorrenti, ma tistax tiġġustifika l-eżami mill-ġdid tal‑ammissibbiltà tal-kandidatura tagħha mingħajr ma tmur kontra l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi li għandhom jikkaratterizzaw is-sistema ta’ għażla tal-uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

31      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tfakkar, l-ewwel nett li, skont il-ġurisprudenza, meta esperjenza professjonali ta’ tul minimu tkun meħtieġa minn avviż ta’ kompetizzjoni, dan ir-rekwiżit għandu jinftiehem bħala li jirreferi għal perijodu ta’ xogħol imwettaq full-time matul l-imsemmi perijodu jew għal perijodu ta’ xogħol imwettaq part-time ekwivalenti, f’termini ta’ perijodu ta’ xogħol, għall‑perijodu meħtieġ full-time.

32      Fid-dawl tal-formulazzjoni tal-avviż ta’ kompetizzjoni u tal-fatt li l-attività ta’ “tradut[tur] free-lance” mal-Qorti tal-Ġustizzja eżerċitata mir-rikorrenti ma tistax tkun assimilata ma’ xogħol full-time, peress li hija kienet totalment libera li tirregola l-ħin tax-xogħol tagħha u peress li hija kienet ukoll kompliet bl-istudji tagħha b’mod parallel, il-Bord tal-Għażla kien imissu “għadd” din l‑esperjenza professjonali bħala xogħol full-time.

33      Issa, l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni turi, skont il-Kummissjoni, l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Bord tal-Għażla li ħa inkunsiderazzjoni t-tul tal-esperjenza professjonali ta’ “tradut[tur] free-lance” mal‑Qorti tal-Ġustizzja billi bbaża ruħu fuq id-dati tal-bidu u tat-tmiem ta’ din l-attività, kif indikati fil-kandidatura, mingħajr ma kkunsidra l-fatt li dan ma kienx xogħol full-time, mingħajr ma ħa inkunsiderazzjoni n-natura free-lance tal-attività u, b’mod definittiv, mingħajr ma applika ebda metodu sabiex jikkalkola t-tul full-time korrispondenti għall-esperjenza professjonali inkwistjoni.

34      It-tieni nett, dejjem skont il-Kummissjoni, il-Bord tal-Għażla ma setax, mingħajr żball manifest ta’ evalwazzjoni, jikkunsidra tliet xhur ta’ esperjenza professjonali għall-perijodu ta’ prova mal-uffiċċju legali W., kif indikat mir-rikorrenti fil-kandidatura, peress li l-uniku dokument ta’ sostenn għad-dispożizzjoni tiegħu, jiġifieri ċ-ċertifikat ta’ perijodu ta’ prova anness mal-kandidatura, kien jindika biss erbgħin jum ta’ perijodu ta’ prova, mifruxa fuq il‑perijodu ta’ bejn Mejju u Settembru 2005.

35      Konsegwentement, il-Bord tal-Għażla, li l-viġilanza tiegħu kien imissha barra minn hekk tqajmet mid-dokumenti annessi mal-kandidatura, wettaq diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni billi kkunsidra li r-rikorrenti kienet tissodisfa l-kundizzjoni għall-ammissjoni għall-kompetizzjoni relatata mal-esperjenza professjonali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Awtorità tal-Ħatra kienet obbligata li ma ssegwix id-deċiżjoni tal-Bord tal‑Għażla li tinkludiha fil-lista ta’ riżerva u setgħet biss tirrifjuta r-reklutaġġ tar‑rikorrenti. Għalhekk, l-ewwel motiv tar-rikors għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

36      Il-motiv ta’ nuqqas ta’ kompetenza invokat mir-rikorrenti jirrigwarda essenzjalment il‑kwistjoni dwar liema huma l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju u tal-portata ġuridika tas-setgħa ta’ verifika tal-Awtorità tal-Ħatra fir-rigward tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Bord tal-Għażla fil-kuntest tal-kompetenzi proprji tiegħu.

37      Issa, fid-dawl tad-diversi argumenti differenti mressqa f’dan ir-rigward mir‑rikorrenti u mill-Kummissjoni, l-analiżi tal-ewwel motiv għandha tiġi organizzata f’ħames partijiet distinti, iżda strettament marbuta flimkien, jiġifieri: l‑ewwel parti dwar it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Awtorità tal-Ħatra u l-Bord tal-Għażla; it-tieni parti dwar in-natura full-time jew part-time tat-tul tal-esperjenza professjonali meħtieġa mill-avviż ta’ kompetizzjoni; it-tielet parti dwar il-metodu ta’ kalkolu tat-tul minimu ta’ sentejn ta’ esperjenza professjonali; ir-raba’ parti dwar il-portata tas-setgħa tal-Awtorità tal-Ħatra li tneħħi kandidat li għadda minn kompetizzjoni mil-lista ta’ riżerva u fl-aħħar, il-ħames parti dwar l‑iżball manifest possibbilment imwettaq mill-Bord tal-Għażla fl‑evalwazzjoni tat-tul tal-esperjenza professjonali tar-rikorrenti.

38      Fit-tmiem ta’ din l-analiżi ser ikun hemm lok li l-ewwel motiv jiġi milqugħ, għaliex l‑Awtorità tal-Ħatra, billi ddeċidiet fl-istadju tar-reklutaġġ li tneħħi lir-rikorrenti mil-lista ta’ riżerva għal raġunijiet ta’ ammissjoni li ma jinsabux fl-avviż ta’ kompetizzjoni, qabżet il-limiti tal-kompetenza tagħha, kif stabbiliti preċiżament mill-avviż ta’ kompetizzjoni inkwistjoni u li min-naħa tiegħu l-Bord tal-Għażla kien osserva debitament.

–       Fuq it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Awtorità tal-Ħatra u l-Bord tal-Għażla

39      Fil-qasam tar-reklutaġġ tal-persunal tal-istituzzjonijiet Ewropej imwettaq permezz tal-organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni ġenerali, il-qorti tal-Unjoni kkonfermat b’mod stabbilit li, minħabba l-prinċipju ta’ indipendenza li jirregola l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-Bordijiet tal-Għażla, l-Awtorità tal-Ħatra ma għandhiex setgħa tannulla jew temenda deċiżjoni li jkun ħa l-Bord tal-Għażla fil-kuntest tal-kompetenzi tiegħu, kif stabbiliti b’mod partikolari mill-Artikolu 30 tar‑Regolamenti tal-Persunal kif ukoll mill-Artikolu 5 tal-Anness III tagħhom (ara, is-sentenza tal-20 ta’ Frar 1992, Il‑Parlament vs Hanning, C‑345/90 P, EU:C:1992:79, punt 22, u d-digriet tal-10 ta’ Lulju 2014, Mészáros vs Il‑Kummissjoni, F‑22/13, EU:F:2014:189, punt 48).

40      Madankollu, peress li hija marbuta tieħu deċiżjonijiet li ma fihomx illegalitajiet, l‑Awtorità tal-Ħatra ma tistax tkun marbuta bid-deċiżjoni ta’ Bord tal-Għażla li l‑illegalità tagħha tista’ tivvizzja, bħala konsegwenza, id-deċiżjonijiet amministrattivi tagħha stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Frar 1992, Il‑Parlament vs Hanning, C‑345/90 P, EU:C:1992:79, punt 22). Dan huwa għaliex qabel ma tipproċedi bil-ħatra ta’ uffiċjal, l-Awtorità tal-Ħatra għandha l-obbligu li tivverifika jekk il-kandidat jissodisfax il-kundizzjonijiet li jimponu r-Regolamenti tal-Persunal, taħt piena ta’ nullità tad-deċiżjoni ta’ reklutaġġ, sabiex ikun jista’ jiġi rreklutat b’mod regolari fis-servizz tal-Unjoni. Meta pereżempju, ikun evidenti li d-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla li tammetti kandidat għall-eżamijiet tal‑kompetizzjoni hija illegali, għaliex hija vvizzjata bi żball manifest, l-Awtorità tal-Ħatra, li lilha l-Bord tal-Għażla bagħat il-lista ta’ riżerva li fiha jidher l-isem ta’ dan il-kandidat li sa dak iż-żmien ikun għadda mill-eżamijiet, għandha tirrifjuta li tipproċedi bil-ħatra tal-imsemmi kandidat li għadda minn kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 1986, Schwiering vs Il‑Qorti tal-Awdituri, 142/85, EU:C:1986:405, punti 19 u 20, u tat-23 ta’ Ottubru 2012, Eklund vs Il‑Kummissjoni, F‑57/11, EU:F:2012:145, punt 49).

41      B’hekk, anki għal dak li jirrigwarda t-tqassim tal-kompetenza bejn l-Awtorità tal‑Ħatra u l-Bord tal-Għażla, hemm lok li jitfakkar ukoll li l-għan ta’ avviż ta’ kompetizzjoni huwa essenzjalment li jinforma, b’mod trasparenti, eżawrjenti u bl-iktar mod preċiż possibbli, lill-membri tal-Bord tal-Għażla kif ukoll lill-persuni li japplikaw għall-imsemmija kompetizzjoni dwar il‑kundizzjonijiet legali għall-ħatra, jekk ikun il-każ, fl-impjieg previst. Tali għan tal-avviż ta’ kompetizzjoni barra minn hekk jissodisfa b’mod preċiż ir-rekwiżit elementari tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

42      Għalhekk, l-avviż ta’ kompetizzjoni jitlef l-għan tiegħu jekk l‑Awtorità tal-Ħatra setgħet tneħħi mil-lista ta’ riżerva kandidat li għadda minn kompetizzjoni billi tinvoka kundizzjoni jew modalità ta’ ammissjoni li ma tinsabx la fl-imsemmi avviż u lanqas fir-Regolamenti tal-Persunal, jew li fi kwalunkwe każ ma kinitx is-suġġett, qabel l-adozzjoni tal-avviż ta’ kompetizzjoni, ta’ pubblikazzjoni aċċessibbli jew neċessarjament magħrufa mill-Bord tal-Għażla u kif ukoll mill-kandidati kkonċernati (ara f’dan is-sens, fir-rigward tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, is‑sentenzi tal-14 ta’ April 2011, Šimonis vs Il‑Kummissjoni, F‑113/07, EU:F:2011:44, punt 74, u tal-15 ta’ Ottubru 2014, Moschonaki vs Il‑Kummissjoni, F‑55/10 RENV, EU:F:2014:235, punt 42).

43      L-avviż ta’ kompetizzjoni jikkostitwixxi għalhekk il-kuntest tal-legalità ta’ kull proċedura ta’ selezzjoni sabiex timtela pożizzjoni fi ħdan l-istituzzjonijiet tal‑Unjoni, sa fejn, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet superjuri tar‑Regolamenti tal-Persunal rilevanti, inkluż l-Anness III tar-Regolamenti tal‑Persunal, dan jirregola minn naħa, it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Awtorità tal‑Ħatra u l-Bord tal-Għażla fl-organizzazzjoni u l-iżvolġiment tal-eżamijiet tal‑kompetizzjoni u jistabbilixxi, min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet li jirrigwardaw il‑parteċipazzjoni tal-kandidati, b’mod partikolari, il-profil tagħhom, id-drittijiet tagħhom u l-obbligi speċifiċi tagħhom.

44      Issa, f’dan il-każ, fir-rigward tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Awtorità u l-Bord tal-Għażla fil-kuntest tal-kompetizzjoni, l-avviż ta’ kompetizzjoni kien jippreċiża, fil-punt 1(a) tat‑Titolu B, iddedikat għall-iżvolġiment tal-kompetizzjoni, li fir‑rigward tal-ammissjoni għall-kompetizzjoni, “l-[Awtorità tal-Ħatra] għandha tħejji l-lista tal-kandidati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet imniżżla fil-punt II.4 tat-Titolu A [tal-avviż ta’ kompetizzjoni] u għandha tibgħatha, flimkien mal-fajls tal‑kandidatura, lill-president tal-Bord tal-Għażla”, filwaqt illi l-“kundizzjonijiet imniżżla fil-punt II.4 tat-Titolu A, [tal-avviż ta’ kompetizzjoni]” huma l‑kundizzjonijiet ġenerali għall-ammissjoni għall-kompetizzjoni, li barra minn hekk jinsabu fl-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal (ara l-punt 3 ta’ din is-sentenza).

45      Min-naħa l-oħra, skont il-formulazzjoni tal-punt 1(b) tat-Titolu B “[w]ara li jieħu konjizzjoni tal-fajls tal-kandidati, il-Bord tal-Għażla [għandu, barra minn hekk skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tal-Anness III tar-Regolamenti tal‑Persunal,] jiddetermina l-lista ta’ dawk li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jinsabu fil-punti II.1, 2 u 3 tat-Titolu A [tal-avviż ta’ kompetizzjoni] u li huma, konsegwentement, ammessi għall-kompetizzjoni”, filwaqt illi l-“kundizzjonijiet li jinsabu fil-punti II.1, 2 u 3 tat-Titolu A, [tal-avviż ta’ kompetizzjoni]” huma l‑kundizzjonijiet dwar it-titoli jew id-diplomi, l-esperjenza professjonali u l-konoxxenzi lingwistiċi meħtieġa għall-ammissjoni għall-kompetizzjoni (ara l-punt 7 ta’ din is‑sentenza).

46      B’mod partikolari, skont il-punt II.2 tat-Titolu A tal-avviż ta’ kompetizzjoni, il‑kandidati, sabiex jiġu ammessi għall-eżamijiet, kellhom jissodisfaw mhux biss il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 5(3)(ċ) tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri li jkollhom diploma universitarja Pollakka fl-istudju tad-dritt, iżda kellhom juru wkoll, bħala kundizzjoni supplimentari, li wara li temmew l-istudji universitarji meħtieġa kollha, kellhom “esperjenza professjonali ta’ mhux inqas minn sentejn”. Madankollu, la din l-aħħar dispożizzjoni u lanqas dik tal-punt 1(b) tat-Titolu B tal-avviż ta’ kompetizzjoni ma kienet tipprovdi lill-Bord tal-Għażla b’istruzzjonijiet preċiżi li huwa għandu jsegwi jew b’indikazzjonijiet dwar in-natura ta’ din l‑esperjenza professjonali minima ta’ sentejn jew dwar ir-relazzjoni tagħha mal‑funzjonijiet li għandhom jiġu eżerċitati bħala uffiċjal tal-Unjoni. Dawn id‑dispożizzjonijiet lanqas ma kienu jippreċiżaw il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tax-xogħol imwettaq matul dawn is-sentejn ta’ esperjenza professjonali, pereżempju jekk kellux ikun xogħol full-time jew part-time, eżerċitat bħala persuna impjegata jew ħaddiem li jaħdem għal rasu.

47      Barra minn hekk, il-“Gwida għall-Kandidati” (ĠU C 327 A. p. 3), li għaliha l‑avviż ta’ kompetizzjoni, fl-introduzzjoni tat-Titolu C tiegħu, intitolat “Kif tapplika?”, kien jistieden lill-kandidati jirreferu sabiex jippreżentaw b’mod korrett il-kandidatura tagħhom (iktar ’il quddiem il-“gwida għall-kandidati”) lanqas ma kienet tinkludi spjegazzjonijiet utili, ta’ natura li effettivament tiggwida, minn naħa lill‑membri tal-Bord tal-Għażla fl-eżekuzzjoni tal-kompiti indikati fl-avviż ta’ kompetizzjoni kif ukoll, min-naħa l-oħra, lill-kandidati fit-tħejjija tal-att ta’ kandidatura tagħhom. Fil-fatt, din il-gwida kienet tippreċiża biss fil-punt II.4 tat-Titolu A, taħt it-titolu “Informazzjoni dwar l-esperjenza professjonali tagħkom […]”, li l-kandidati kellhom “[j]indikaw, fl-att ta’ kandidatura tagħhom], id-dati eżatti tal-bidu u tat-tmiem ta’ kull impjieg [tagħhom] kif ukoll il-funzjoni u n-natura tal-kompiti mwettqa”. B’mod partikolari, “[g]ħall-attivitajiet professjonali bħala persuna li taħdem għal rasha (indipendenti, professjonijiet liberali[, etc]), [setgħu] jiġu ammessi bħala provi estratti mid-dikjarazzjoni fiskali jew minn kull dokument ta’ sostenn uffiċjali ieħor”.

48      Peress li dawn huma d-dispożizzjonijiet relatati mat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Awtorità tal-Ħatra u l-Bord tal-Għażla li jinsabu fl-avviż ta’ kompetizzjoni u fil‑gwida għall-kandidati, għandu jiġi konsegwentament ikkonstatat li, għal dak li jirrigwarda l-organu responsabbli mill-verifika tan-natura u t-tul tal-esperjenza professjonali meħtieġa għall-parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni kif ukoll tal-osservazzjoni tal-kriterji li jippermettu l-kalkolu tat-tul tagħha, il-kuntest ta’ legalità kompost minn dawn iż‑żewġ testi ma kien jipprovdi xejn dwar dan il-punt, filwaqt illi l-avviż ta’ kompetizzjoni kien jafda madankollu lill-Bord tal-Għażla biss bil-funzjoni li jistabbilixxi, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu u fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu, il-lista ta’ kandidati ammessi għall-eżamijiet tal-kompetizzjoni.

–       Fuq in-natura full-time jew part-time tal-esperjenza professjonali meħtieġa mill‑avviż ta’ kompetizzjoni

49      F’dan ir-rigward, b’mod partikolari fir-rigward tal-esperjenza professjonali miksuba mir-rikorrenti mal-Qorti tal-Ġustizzja bħala ġurista lingwista free-lance, jiġifieri attività professjonali li min-natura tagħha hija eżerċitata b’mod indipendenti u li, f’dan il-każ kienet l-iktar rilevanti fid-dawl tal-għan tal‑kompetizzjoni, intiża preċiżament għar-reklutaġġ ta’ ġuristi lingwisti, la l‑avviż ta’ kompetizzjoni u lanqas atti oħra li legalment jistgħu jiġi kkunsidrati fil-kuntest tal-kompetizzjoni ma kienu jinkludu indikazzjoni dwar dak li kien hemm lok li jinftiehem b’“esperjenza professjonali”, u lanqas dwar il-modalitajiet ta’ kalkolu tat-tul tax-xogħol fir-rigward tal-imsemmija “esperjenza professjonali”, bħal pereżempju n-numru ta’ sigħat ta’ xogħol magħmula jew in-numru ta’ paġni tradotti kuljum, u f’dan il-każ, jekk kienx hemm lok li ssir distinzjoni bejn it‑traduzzjoni ta’ testi ġuridiċi kumplessi u dik ta’ testi ta’ ġeneru ieħor.

50      Fis-silenzju, mixtieq mill-Awtorità tal-Ħatra kompetenti, tal-avviż ta’ kompetizzjoni u tal-gwida għall-kandidati fir-rigward tal-elementi li jippermettu l-evalwazzjoni tat-tul tal-esperjenza professjonali meħtieġa, il‑Kummissjoni tiddikjara, madankollu, li, meta avviż ta’ kompetizzjoni jipprevedi bħala kundizzjoni għall-ammissjoni għall-eżamijiet, esperjenza professjonali ta’ tul minimu, dan il-perijodu ta’ xogħol għandu jinftiehem, kemm mill-Bord tal‑Għażla kif ukoll mill-kandidati, bħala li jirrigwarda, min-natura tiegħu, attività professjonali eżerċitata full-time.

51      F’dan ir-rigward, għandu qabel xejn jiġi rrilevat li, fil-kawżi ċċitati mill‑Kummissjoni u li taw lok għas-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2006, Giulietti vs Il‑Kummissjoni (T‑293/03 , EU:T:2006:37) u għad-digrieti tal-14 ta’ Diċembru 2006, Klopfer vs Il‑Kummissjoni (F‑118/05 , EU:F:2006:137), u tal-10 ta’ Lulju 2014, Mészáros vs Il‑Kummissjoni (F‑22/13, EU:F:2014:189), il-qorti tal-Unjoni ċertament iddeċidiet li t-tul tal-esperjenza professjonali meħtieġa, anki fin-nuqqas ta’ indikazzjoni preċiża fl-avviż ta’ kompetizzjoni inkwistjoni, kellu jinftiehem bħala t-tul ta’ esperjenza professjonali eżerċitata full-time. Madankollu, il-kawżi msemmija iktar ’il fuq, kienu jirrigwardaw attivitajiet professjonali eżerċitati fuq kollox bħala persuna impjegata u li għalhekk it-tul tagħhom seta’ faċilment jiġi ddeterminat fid-dawl tal-kuntratti ta’ xogħol jew tad-dikjarazzjonijiet ta’ xogħol tal-persuni li jimpjegaw. Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, għalkemm l-avviż ta’ kompetizzjoni ċertament kien jirrikjedi tul minimu ta’ sentejn ta’ esperjenza professjonali fil-qasam tat-traduzzjoni jew, iktar probabbli, f’dak tat-traduzzjoni ġuridika, madankollu l‑metodu ta’ kunsiderazzjoni u ta’ kalkolu, f’termini ta’ tul, ta’ esperjenza professjonali eżerċitata taħt l-istatus ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu ma kinitx spjegata, minkejja li din it‑tip ta’ esperjenza ta’ xogħol free-lance tikkorrispondi totalment għan-natura tal-funzjonijiet deskritti fl-avviż ta’ kompetizzjoni.

52      Konsegwentement, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni espressa fl-avviż ta’ kompetizzjoni dwar il-metodu ta’ kalkolu tat-tul tal-esperjenza professjonali meħtieġa jew ta’ kwalunkwe indikazzjoni utili oħra f’dan ir-rigward, ir-ratio juris ta’ din il‑kundizzjoni għall-ammissjoni, għal dak li jirrigwarda b’mod partikolari l‑kandidati, bħar-rikorrenti, li jistgħu jipprevalixxu minn esperjenza speċifika ta’ ġurist lingwist free-lance, ċertament ma setgħetx tkun dik li teħtieġ min-naħa ta’ dawn il-kandidati, sabiex juru li din kienet attività professjonali ekwivalenti għal dik ta’ xogħol eżerċitat full-time, li jkunu ttraduċew matul kull ġurnata ta’ dan it-tip ta’ xogħol matul il-perijodu ta’ riferiment ta’ sentejn numru partikolari ta’ paġni ta’ testi ġuridiċi. Fil-fatt, din il-kundizzjoni ma kinitx prevista fl-avviż ta’ kompetizzjoni, la espliċitament u lanqas impliċitament, b’mod partikolari fid‑dawl tal-kundizzjonijiet l-oħra li jinsabu fl-avviż ta’ kompetizzjoni.

53      Għalhekk, fin-nuqqas fl-avviż ta’ kompetizzjoni ta’ kriterji jew ta’ modalitajiet ta’ kalkolu tal-esperjenza professjonali meħtieġa għall-ammissjoni fil-kompetizzjoni, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Bord tal-Għażla, anki fil-każ fejn it-tul tal‑esperjenza professjonali inkwistjoni kellu jirrigwarda dik ta’ attività eżerċitata full-time, seta’ jibbaża ruħu, għall-evalwazzjoni tal-ammissjoni tar-rikorrenti sabiex tipparteċipa fl-eżamijiet, minn naħa, fuq il-fatt li kellha tkun attività “professjonali” ta’ ġurist lingwist – u għalhekk attività li ma setgħetx ikollha natura “okkażżjonali” u li kellha tirrigwarda prinċiparjament it-traduzzjoni ta’ testi ġuridiċi – eżerċitata b’mod kostanti, jiġifieri matul tul sinjifikattiv ta’ żmien, għas‑servizz ta’ klijent professjonali, persuna pubblika jew privata li, abbażi tal‑kuntratt inkwistjoni, kellu d-dritt li jitlob traduzzjonijiet ta’ testi ġuridiċi f’kull mument, u jekk ikun il-każ, f’termini imperattivi, preċiżament minħabba l‑attività professjonali jew istituzzjonali tiegħu li tirrikjedi traduzzjonijiet ġuridiċi ta’ ċertu livell.

54      Min-naħa l-oħra, dejjem għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-esperjenza professjonali meħtieġa, il-Bord tal-Għażla kellu jibbaża ruħu, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-gwida għall-kandidati, fuq il-prova li s-servizzi professjonali kienu effettivament ġew eżerċitati, mhux biss matul perijodu ta’ żmien kostanti, iżda wkoll f’miżura kwantitattiva konsistenti fatt li preċiżament kellu jiġi evalwat mill-Bord tal-Għażla, kompost minn persuni esperti fil-qasam, fir-rigward tan-natura tal-funzjonijiet deskritti fl-avviż ta’ kompetizzjoni u fir-rigward tal-attivitajiet l‑oħra eventwalment eżerċitati, minn kull kandidat, matul il-perijodu ta’ riferiment ta’ sentejn.

55      Barra minn hekk, peress li l-gwida għall-kandidati kienet teħtieġ li l-kandidati jippreċiżaw, fl‑att ta’ kandidatura tagħhom, in-natura tal-kompiti li huma kienu wettqu, kien il-Bord tal-Għażla li kellu, fil-kuntest tal-kompetenzi fdati lilu mill-avviż ta’ kompetizzjoni, jevalwa, b’mod differenti, in-natura professjonali tal-esperjenza miksuba skont jekk din kinitx attività eżerċitata bħala “tradut[tur] free-lance” jew bħala “ġurist lingwist free-lance”, b’mod partikolari meta din it-tieni attività kienet twettqet għal istituzzjoni tal-Unjoni li, bħall-Qorti tal-Ġustizzja, titlob lill-fornituri tagħha biss it-traduzzjoni ta’ testi jkollhom kontenut esklużivament ġuridiku.

56      Għalhekk, peress li din il-kundizzjoni għall-ammissjoni supplimentari ma tistax tingħata, fid-dawl tal-formulazzjoni f’dan ir-rigward silenzjuża tal-avviż ta’ kompetizzjoni, portata differenti minn dik li ngħatat hawn fuq, taħt il-piena li tikser, fil-każ kuntrarju, il-prinċipju ta’ ċertezza legali (ara l-punt 41 ta’ din is‑sentenza), l-argument tal-Kummissjoni li t-tul minimu ta’ sentejn ta’ esperjenza professjonali għandu, fil-każ partikolari tal-kompetizzjoni, jinftiehem bħala li jirrigwarda, min-natura tiegħu, attività professjonali eżerċitata full-time, li għandha tiġi kkalkolata barra minn hekk skont il-modalitajiet li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 19 ta’ din is-sentenza), ma jistax jiġi aċċettat, fin-nuqqas fil-fatt li jiġi indikat fl-avviż ta’ kompetizzjoni li, għal dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-kandidati li jinvokaw esperjenza professjonali ta’ ġurist lingwist free-lance, il-full-time inkwistjoni kellu jikkorrispondi neċessarjament għal dak ikkalkolat skont il-modalitajiet interni ta’ din l‑istituzzjoni jew, fi kwalunkwe każ, skont modalitajiet partikolari.

–       Fuq il-metodu ta’ kalkolu tat-tul minimu ta’ sentejn ta’ esperjenza professjonali

57      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li l-Bord tal-Għażla, li ma kien marbut bl-ebda metodu msemmi b’mod espliċitu fl-avviż ta’ kompetizzjoni dwar il-metodu ta’ kalkolu tat-tul tal-esperjenza professjonali minima ta’ sentejn meħtieġa għall-ammissjoni fil-kompetizzjoni, seta’ b’mod raġonevoli jikkunsidra, abbażi tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu fil-qasam, li ma kienx hemm lok li jikkonforma ruħu b’mod speċifiku mal-metodu ta’ kalkolu ta’ din jew dik l-istituzzjoni, peress li fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma kinitx l-istituzzjoni prinċipali kkonċernata bil-proċedura tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, skont it-tieni subparagrafu tat-Titolu A tal-avviż ta’ kompetizzjoni, il-lista ta’ riżerva inkwistjoni kienet intiża sabiex “jimtlew pożizzjonijiet vakanti fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej, b’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja […]”.

58      Madankollu, jekk, sabiex jikkalkola l-perijodu ta’ sentejn esperjenza professjonali, il-Bord tal-Għażla kellu possibbilment jispira ruħu minn metodu ta’ kalkolu diġà eżistenti fi ħdan istituzzjoni jew oħra tal-Unjoni, huwa seta’, abbażi tal-kriterju ta’ amministrazzjoni tajba tal-kompetizzjoni u tal-effett utili ta’ din il-proċedura, jirreferi fl-ewwel lok għal metodu ta’ kalkolu użat mill-Qorti tal-Ġustizzja u mhux neċessarjament jew esklużivament għal dak tal-Kummissjoni, li, kif jirriżulta mill‑punt 15 ta’ din is-sentenza, tikkunsidra, barra minn hekk, li ma pparteċipatx fl-organizzazzjoni tal-kompetizzjoni.

59      Fuq dan il-punt ukoll, l-argument tal-Kummissjoni li l-metodu ta’ kalkolu fis-seħħ fil-Qorti tal-Ġustizzja, għal dak li jirrigwarda r-ratio tal-paġni tradotti għal kull ġurnata ta’ xogħol, huwa, fir-rigward tal-esperjenza professjonali tar-rikorrenti, inqas favorevoli minn dak applikat mill-Kummissjoni (ara l-punt 19 ta’ din is‑sentenza) ma huwiex rilevanti, peress li, skont l-argument tal-Kummissjoni, hawnhekk huwa kkonċernat il-fatt li jsir magħruf jekk il-Bord tal-Għażla kellux juża l-metodu ta’ kalkolu tal‑Kummissjoni u mhux dak ta’ istituzzjonijiet oħra jew il-metodu ta’ kalkolu tiegħu stess.

60      Dejjem f’dan ir-rigward, hemm lok ukoll li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, kemm fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment kif ukoll fir-risposta tagħha, tirreferi għall‑esperjenza professjonali tar-rikorrenti bħala “tradut[tur] free-lance” filwaqt li mid-dokumenti annessi mal-att ta’ kandidatura jirriżulta li hija kienet ipprovdiet lill-Bord tal‑Għażla dikjarazzjonijiet ta’ xogħol eżerċitat bħala “ġurista lingwista” free‑lance mal-Qorti tal-Ġustizzja. Issa, f’dan il-każ, huma involvuti funzjonijiet totalment differenti, fatt li l-Bord tal-Għażla, kompost minn speċjalisti fil-qasam, ċertament ma setax jinjora, fir-rigward ta’ kompetizzjoni intiża preċiżament għar-reklutaġġ ta’ ġuristi lingwisti (li, fuq livell amministrattiv, huma rreklutati bħala prinċipju direttament fil-grad AD 7) u mhux ta’ tradutturi (li min-naħa l-oħra huma rreklutati fil-grad bażiku, jiġifieri AD 5, tal-grupp ta’ funzjonijiet tal-amministraturi).

61      Minn dan isegwi li l-fatt li l-Bord tal-Għażla ma adottax il-metodu ta’ kalkolu li s-servizzi tal-Kummissjoni jużaw sabiex jikkalkolaw it-tul minimu ta’ esperjenza professjonali kkunsidrat bħala relatat ma’ esperjenza ta’ xogħol full-time ma jfissirx, awtomatikament, li l-Bord tal-Għażla kien evalwa b’mod żbaljat il-kundizzjoni ta’ tul minimu ta’ sentejn ta’ esperjenza professjonali li r-rikorrenti kellha tissodisfa għall-ammissjoni tagħha sabiex tipparteċipa fl-eżamijiet tal‑kompetizzjoni.

–       Fuq is-setgħa tal-Awtorità tal-Ħatra li tneħħi lir-rikorrenti mil-lista ta’ riżerva tal-kandidati li għaddew minn kompetizzjoni

62      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u b’mod partikolari ta’ dawk li jinsabu fil‑punti 39 sa 48 ta’ din is-sentenza rigward it-tqassim tal-kompetenzi bejn l‑Awtorità tal-Ħatra u l-Bord tal-Għażla, għandu jiġi rrilevat li, meta, bħal f’dan il-każ fir-rigward tal-esperjenza professjonali preċedenti meħtieġa, avviż ta’ kompetizzjoni jipprevedi kundizzjoni speċifika għall-ammissjoni għall‑eżamijiet ta’ mhux inqas minn sentejn ta’ esperjenza professjonali, l‑Awtorità tal-Ħatra ma tistax, fil-mument li hija għandha l-intenzjoni tirrekluta kandidat li għadda mill-kompetizzjoni magħżul bħala tali mill-Bord tal-Għażla, tneħħi lil dan il-kandidat li għadda mil-lista ta’ riżerva billi tinvoka, sabiex tagħmel dan, modalitajiet ta’ evalwazzjoni u ta’ kalkolu tal-esperjenza professjonali meħtieġa li hija stess naqset milli tinkludi fl-avviż ta’ kompetizzjoni jew li ma jinsabux f’att legalment infurzabbli fil-konfront tal-membri tal-Bord tal-Għażla kif ukoll ta’ kull kandidat tal-kompetizzjoni.

63      Fil-każ kuntrarju, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li huwa wieħed mill-prinċipji li jirregolaw kull proċedura ta’ kompetizzjoni (ara l-punt 41 ta’ din is-sentenza), ikun irrimedjabbilment kompromess jekk kandidat li jkun ipprovda debitament id-dati preċiżi tal-bidu u tat-tmiem ta’ kull wieħed mill-kuntratti tiegħu, li jammontaw b’hekk għat-tul suffiċjenti tal-esperjenza professjonali meħtieġa minn avviż ta’ kompetizzjoni, isir jaf bl-eżistenza ta’ modalitajiet neċessarji oħra sabiex tiġi ssodisfatta l-imsemmija kundizzjoni ta’ tul ta’ esperjenza professjonali biss fil-mument fejn, wara li jkun irċieva proposta ta’ reklutaġġ bħala kandidat li għadda minn din il-kompetizzjoni, l‑Awtorità tal-Ħatra kkonċernata tinformah bl-eżistenza ta’ dawn il-modalitajiet u bil-fatt li, fid-dawl tagħhom, huwa ma kellux jiġi ammess jipparteċipa fl-eżamijiet.

64      Barra minn hekk, fiċ-ċirkustanzi, bħal dawk ta’ dan il-każ, ta’ kompetizzjoni ġenerali interistituzzjonali, man-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali jiżdied ukoll in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, l-Awtorità tal-Ħatra ta’ kull istituzzjoni eventwalment ikkonċernata mill-kompetizzjoni tkun tista’, fl-istadju tar-reklutaġġ, tikkunsidra li hija għandha b’mod leġittimu l-kompetenza sabiex tevalwa, b’mod awtonomu, il‑kundizzjoni għall-ammissjoni li tirrigwarda l-esperjenza professjonali meħtieġa u li, kull darba li l-Bord tal-Għażla juża metodu ta’ kalkolu tat-tul minimu tal‑esperjenza professjonali meħtieġa li ma jkunx jaqbel ma’ tagħha, il-Bord tal-Għażla jkun, neċessarjament, wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni li jiġġustifika li l‑Awtorità tal-Ħatra tista’ tmur lura mill-evalwazzjoni tal-Bord tal‑Għażla. Jekk jiġi segwit tali raġunament, kull Awtorità tal-Ħatra jkollha għalhekk id-dritt li tissostitwixxi l-metodu ta’ kalkolu li l-Bord tal-Għażla, min-naħa tiegħu, applika mingħajr distinzjoni għall-kandidati kollha fil-kalkolu tat-tul tal-esperjenza professjonali meħtieġa bil-metodu ta’ kalkolu tagħha. Issa, l‑integralità tax-xogħol li jkun wettaq il-Bord tal-Għażla fil-kuntest tar‑responsabbiltajiet li huwa għandu u fl-interess tal-istituzzjonijiet kollha kkonċernati minn kompetizzjoni tkun tista’ finalment tiġi kkontestata abbażi tar-rekwiżiti li jvarjaw minn istituzzjoni għall-oħra, jew ta’ ċerta propensjoni tas-servizzi responsabbli mir-reklutaġġ ta’ istituzzjoni jew oħra li jkunu jridu jissostitwixxu l‑evalwazzjoni tal-Bord tal-Għażla b’dik tagħhom.

65      Ċertament, f’dan il-każ, l-avviż ta’ kompetizzjoni kien jipprevedi, kif normalment jagħmel, fit‑Titolu D tiegħu intitolat “I[nformazzjoni ġenerali”, li “[i]l-kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni inklużi fil-lista ta’ riżerva li lilhom jiġi offrut impjieg [għandhom] ulterjorment jippreżentaw l-oriġinali tad-dokumenti kollha meħtieġa li tagħhom [kienu] bagħtu fotokopji, kemm diplomi, ċertifikati diversi jew dikjarazzjonijiet ta’ xogħol”, u li “[i]r-reklutaġġ [isir] skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal […]”.

66      Madankollu, tali klawżoli ma jistgħux jikkostitwixxu, waħedhom, il-bażi legali li tagħti lill-Awtorità tal-Ħatra l-kompetenza sabiex tkun tista’ tneħħi b’mod leġittimu, a posteriori, mil-lista ta’ riżerva stabbilita mill-Bord tal-Għażla kandidat li għadda minn kompetizzjoni li ma jkunx osserva kundizzjoni għall-ammissjoni li ma tinsabx fl-avviż ta’ kompetizzjoni li hija stess tkun adottat u li lanqas ma tinsab f’dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal jew f’xi test legali ieħor infurzabbli fil-konfront tal-kandidati.

67      Fil-fatt, l-illegalità li l-Awtorità tal-Ħatra trid tinforza fil-konfront ta’ kandidat li għadda mill‑kompetizzjoni ma tirriżultax, f’dan il-każ, minn żball manifest li l-Bord tal-Għażla wettaq fl-evalwazzjoni ta’ kundizzjoni għall-ammissjoni speċifika prevista mill-avviż ta’ kompetizzjoni jew li tinsab f’dispożizzjoni tar-Regolamenti tal‑Persunal, iżda tirriżulta mill-iżball imwettaq mill-Awtorità tal-Ħatra stess li ma ppreveditx, fl-avviż ta’ kompetizzjoni, il-klawżola supplimentari li l-esperjenza professjonali minima ta’ sentejn meħtieġa għall-ammissjoni għall-eżamijiet kellha tkun esperjenza professjonali eżerċitata full-time matul sentejn u kellha tkun ikkalkolata skont kriterji speċifiċi stabbiliti b’mod ċar minn qabel, li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom twassal għan-nuqqas ta’ ammissjoni għall-parteċipazzjoni fl-eżamijiet tal‑kompetizzjoni. Fl-aħħar mill-aħħar, tali regolarizzazzjoni, ex post, tal-avviż ta’ kompetizzjoni mill-Awtorità tal-Ħatra waqt ir-reklutaġġ ma tistax issir la billi tidħol fuq il-kompetenza tal-Bord tal-Għażla, li fl-iżvolġiment tal‑kompetizzjoni, huwa fil-fatt marbut mit-termini li jinsabu fl-avviż ta’ kompetizzjoni, u lanqas għad-detriment tal-kandidat kkonċernat li għadda mill-kompetizzjoni.

68      Konsegwentement, l-argument intiż sabiex jiġi sostnut li l-Awtorità tal-Ħatra ma tistax tadotta, fi kwalunkwe każ, deċiżjoni ta’ reklutaġġ illegali minħabba deċiżjoni illegali preċedentement adottata mill-Bord tal-Għażla huwa ineffettiv, għaliex, f’dan il‑każ, id-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla invokata mill-Awtorità tal-Ħatra ma hija vvizzjata b’ebda illegalità fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal jew tal‑kundizzjonijiet li jinsabu b’mod ċar fl-avviż ta’ kompetizzjoni. Barra minn hekk, din hija differenza bejn il-mod li bih il‑Bord tal-Għażla evalwa, fil-kuntest tal-kompetenzi li huwa għandu, l-esperjenza professjonali minima preskritta mill-avviż ta’ kompetizzjoni u l-metodu ta’ kalkolu tal-full-time skont kriterji speċifiċi li l-Awtorità tal-Ħatra tqis li tista’ tuża fl-istadju tal-ħatra. Madankollu, peress li l-Awtorità tal-Ħatra ma indikatx fl-avviż ta’ kompetizzjoni li l-kundizzjoni ta’ sentejn esperjenza professjonali kellha tinftiehem bħala esperjenza professjonali eżerċitata matul sentejn full-time, biex b’hekk kienet tinħoloq modalità ġuridikament vinkolanti kemm għall-Bord tal-Għażla kif ukoll għal kandidati u li n-nuqqas ta’ osservanza tagħha minnhom kien iwassal għall‑eliminazzjoni tagħhom mill-kompetizzjoni, din id-differenza ta’ evalwazzjoni li tirriżulta mill-għażla metodoloġika magħmula mill-Awtorità tal-Ħatra tiddependi esklużivament minn din tal-aħħar, għaliex hija biss, u mhux il-Bord tal-Għażla, għandha l-kompetenza li tistabbilixxi, fl-avviż ta’ kompetizzjoni, il‑kundizzjonijiet għall-ammissjoni.

69      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni wkoll li f’dan il-każ il-Bord tal-Għażla, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-avviż ta’ kompetizzjoni li jobbligawh b’mod speċifiku jivverifika, kandidat b’kandidat, l-osservanza tal-kundizzjoni għall‑ammissjoni tal-esperjenza professjonali, fil-prattika, naqas kompletament milli jieħu inkunsiderazzjoni din il-klawżola. Fil-fatt, is-servizzi tad-DĠ “Riżorsi Umani” tal-Kummissjoni, li ppruvaw jifhmu kif il-Bord tal-Għażla seta’ kkalkola t-tul tal-esperjenza professjonali tar-rikorrenti, kellhom jikkonkludu li dan tal-aħħar ma kien applika ebda metodu sabiex jikkalkola t-tul ta’ din l-esperjenza professjonali. Dan in-nuqqas jiġġustifika għalhekk il-kompetenza tal-Awtorità tal‑Ħatra sabiex tneħħi b’mod leġittimu lir-rikorrenti mil-lista ta’ riżerva.

70      Madankollu, dan ma huwiex il-każ f’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni ma pproduċietx il-prova ta’ tali nuqqas manifest min-naħa tal-Bord tal-Għażla, jew fi kwalunkwe każ, il-prova ta’ ammissjoni għall-eżamijiet tal-kompetizzjoni tar‑rikorrenti li kienet ġiet deċiża mill-Bord tal-Għażla b’mod manifestament arbitrarju fir-rigward tat-termini tal‑avviż ta’ kompetizzjoni. Fil-fatt, mid-dokumenti tal-fajl sottomessi lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirriżulta li, għal dak li jirrigwarda l-ammissjoni tar‑rikorrenti għall-eżamijiet, il-Bord tal-Għażla kellu dokumenti, annessi minnha mal-att ta’ kandidatura tagħha, li juru attività professjonali bħala ġurista lingwista free‑lance mal-Qorti tal-Ġustizzja matul ħmistax-il xahar mingħajr interruzzjoni u li xejn ma jippermetti li jiġi affermat li l-Bord tal-Għażla ma eżaminax dawn id‑dokumenti, pereżempju abbażi tal-kriterju indikat fil‑punti 53 u 55 ta’ din is-sentenza, li huwa kriterju li l-Awtorità tal-Ħatra, peress li tikkunsidra li hija marbuta biss bil-metodu ta’ kalkolu intern tal‑istituzzjoni, għall-kuntrarju, ċertament ma ħaditx inkunsiderazzjoni.

71      Minn dan isegwi li, billi adottat id-deċiżjoni kkontestata, l-Awtorità tal-Ħatra qabżet il-kompetenza tagħha fil-qasam tal-verifika tal-osservanza tal-kundizzjoni għall-ammissjoni supplimentari relatata mal-esperjenza professjonali, billi daħlet b’hekk fuq il-kompetenza li, dwar dan il-punt, l-avviż ta’ kompetizzjoni kien irriżerva espressament lill-Bord tal-Għażla u billi daħlet ukoll fuq il-prerogattivi ta’ awtonomija u ta’ indipendenza tal-Bord tal-Għażla.

72      Barra minn hekk, il-Kummissjoni lanqas ma wriet li l-Bord tal-Għażla, fl-eventwalità li huwa kien madankollu pproċeda, kandidat b’kandidat, bl-evalwazzjoni tat-tul tal-esperjenza professjonali meħtieġa mill-avviż ta’ kompetizzjoni, kien wettaq f’dan l-istadju, żball manifest fil-kalkolu ta’ dan it-tul, li jiġġustifika għalhekk li l-Awtorità tal-Ħatra tista’ tirrevedi l-lista tal‑kandidati ammessi sabiex jikkompetu u għalhekk jiġġustifika wkoll il‑kompetenza tagħha sabiex tneħħi lir-rikorrenti mil-lista ta’ riżerva, anki lejliet reklutaġġ eventwali.

–       Fuq l-iżball manifest possibbilment imwettaq mill-Bord tal-Għażla fl-evalwazzjoni tat-tul tal-esperjenza professjonali tar‑rikorrenti

73      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li żball huwa manifest meta jkun jista’ jiġi skopert b’faċilità fid-dawl tal-kriterji li għalihom il-leġiżlatur ried jissuġġetta l‑eżerċizzju mill-amministrazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha. B’mod partikolari, ma jistax ikun hemm żball manifest jekk l-evalwazzjoni inkwistjoni tista’ tkun aċċettata bħala vera jew valida (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2012, Eklund vs Il‑Kummissjoni, F‑57/11, EU:F:2012:145, punt 51, u d‑digriet tal-10 ta’ Lulju 2014, Mészáros vs Il‑Kummissjoni, F‑22/13, EU:F:2014:189, punt 52).

74      Issa, kif ġie rrilevat fil-punti 45 u 48 ta’ din is-sentenza, il-Bord tal-Għażla, li lilu l-avviż ta’ kompetizzjoni espressament kien fdalu l-verifika tal‑kundizzjoni għall-ammissjoni relatata mal-esperjenza professjonali u b’mod partikolari mat-tul tal-imsemmija esperjenza, mingħajr ma jissuġġettah mandankollu għall‑osservanza ta’ kriterju preċiż ta’ kalkolu, kellu jwettaq din il-funzjoni abbażi tad-dikjarazzjonijiet li kull kandidat kellu jipprovdi, skont id‑dispożizzjonijiet li jinsabu fil-gwida għall-kandidati (ara l-punt 47 ta’ din is‑sentenza), għal dak li jirrigwarda b’mod partikolari “id-dati eżatti tal-bidu u tat‑tmiem ta’ kull impjieg [tagħhom] kif ukoll il-funzjoni u n-natura tal-kompiti mwettqa”.

75      F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fl-att ta’ kandidatura tagħha, ir-rikorrenti bbażat ruħha b’mod preċiż fuq diversi esperjenzi professjonali ta’ tul totali ta’ 31 xahar. Minn naħa, hija ddikjarat attivitajiet professjonali differenti ta’ tul akkumulat ta’ tlettax-il xahar, li ma ġewx ikkontestati mill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, hija indikat li wettqet ħmistax-il xahar ta’ attività bħala ġurista lingwista free-lance għall-Qorti tal‑Ġustizzja u tliet xhur ta’ perijodu bi prova mal-uffiċċju legali W., li madankollu l-Awtorità tal-Ħatra kkalkolat li jammontaw biss rispettivament għal seba’ xhur u għal xahrejn ta’ esperjenza professjonali.

76      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni li l-Bord tal-Għażla ma kkunsidrax effettivament in-natura free-lance tal-attività ta’ “tradut[tur]” eżerċitata mir‑rikorrenti għall-Qorti tal-Ġustizzja, peress li r-rikorrenti “ma kinitx tirċievi salarju bħala korrispettiv, ma kinitx suġġetta għal ħin ta’ xogħol jew għal ġerarkija u l-preżenza tagħha fil-Qorti [tal-Ġustizzja] ma kinitx meħtieġa għall-eżerċizzju tal-kompiti tagħha” (ara, f’dan ir-rigward, il-punt 87 ta’ din is-sentenza).

77      Madankollu, jirriżulta b’mod ċar mid-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill‑ordnijiet li, bejn l-1 ta’ Ottubru 2004 u l-preżentazzjoni tal-att ta’ kandidatura tagħha, ir-rikorrenti kienet ġiet mitluba taħdem, mingħajr kontinwità, bħala “ġurista lingwista free-lance” għall-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk ma hemm ebda raġuni li jiġi kkunsidrat, bħal ma tissuġġerixxi l-Kummissjoni, li l-Bord tal-Għażla, kompost minn esperti fil-qasam, kien injora n-natura free-lance ta’ din l-attività professjonali li, minħabba n-natura tagħha, ma hijiex suġġetta għall-ħinijiet vinkolanti ta’ xogħol stabbiliti minn qabel. Eventwalment, hija l-Kummissjoni li donnha tikkonfondi, billi tittrattahom bl-istess mod, l-attività ta’ “traduttur” free-lance ma’ dik ta’ “ġurist lingwist” free-lance.

78      Bl-istess mod, għal dak li jirrigwarda l-istudji speċjalizzati fid-dritt internazzjonali segwiti mir-rikorrenti mix-xahar ta’ Ottubru 2004 sax-xahar ta’ Ġunju 2005, b’mod parallel ma’ parti mill-attività tagħha ta’ ġurista lingwista free-lance mal‑Qorti tal-Ġustizzja, huwa biżżejjed li jiġi osservat li d-dokumenti annessi mal-att ta’ kandidatura juru mingħajr ekwivoku dan il-fatt. Għalhekk lanqas ma hemm raġuni li jiġi kkunsidrat li l-Bord tal-Għażla ma kkunsidrax debitament dan il-fatt għall‑finijiet tal-evalwazzjoni tat-tul tal-esperjenza professjonali neċessarja għall-ammissjoni għall-kompetizzjoni.

79      Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-ordnijiet annessi mal-att ta’ kandidatura jenfasizzaw, fid-dawl tal-perijodu u tan-numru tal-ordnijiet mogħtija mill-Qorti tal‑Ġustizzja u osservati mir-rikorrenti matul il-ħmistax-il xahar ta’ kollaborazzjoni ma’ dik l-istituzzjoni, in-natura kostanti u konsistenti tax-xogħol mwettaq minn din tal-aħħar bħala ġurista lingwista free-lance (u għalhekk mhux bħala “tradut[tur] free-lance”), minkejja l-istudji tad-dritt internazzjonali segwiti b’mod parallel.

80      Fl-aħħar, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, il-Bord tal-Għażla kellu setgħa diskrezzjonali wiesgħa għal dak li jirrigwarda l-ekwivalenza, f’termini ta’ żmien ta’ xogħol, bejn attività eżerċitata b’ħinijiet varji bħala free-lance u xogħol full-time u kellu b’mod partikolari għal dan l-għan marġni ta’ manuvrar sinjifikattiv minħabba l-fatt li t-tul akkumulat tal-esperjenzi professjonali tar-rikorrenti, flimkien, kienu jaqbżu b’seba’ xhur it-tul minimu ta’ sentejn meħtieġ.

81      Fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kummissjoni lanqas ma pproduċiet il-prova li l-Bord tal-Għażla kien wettaq żball manifest fil-kalkolu tat-tul tal-esperjenza professjonali tar-rikorrenti.

82      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Awtorità tal-Ħatra, għandu għalhekk jiġi milqugħ.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat, sussidjarjament, fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, kif ukoll fuq il-ksur tal-avviż ta’ kompetizzjoni u tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza fit-trattament

83      Peress li dan il-motiv jirrigwarda essenzjalment l-evalwazzjoni tal-fatti li huma s-suġġett ta’ din il-kawża, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkunsidra, f’dan ir-rigward u bil-għan ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li jista’ jeżaminah, anki wara li laqa’ l-ewwel motiv imqajjem prinċiparjament.

 L-argumenti tal-partijiet

84      Ir-rikorrenti ssostni li, anki li kieku l-Awtorità tal-Ħatra setgħet legalment tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal‑Bord tal-Għażla tal-kundizzjoni relatata mal-esperjenza professjonali b’dik tagħha, din xorta waħda eżaminat il-kundizzjoni tal-esperjenza professjonali b’mod manifestament żbaljat, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, il-kalkolu tal-esperjenza professjonali tagħha full-time bħala ġurista lingwista free-lance mal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni nett, it-tul tal-perijodu ta’ prova tagħha mal-uffiċċju legali W. u fl-aħħar nett, l-applikazzjoni fir-rigward tal-esperjenza professjonali tagħha ta’ ġurista lingwista free-lance mal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑istandard tan-numru partikolari ta’ paġni tradotti kuljum li, madankollu, ma kienx imsemmi fl-avviż ta’ kompetizzjoni.

85      Il-Kummissjoni titlob li t-tieni motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

86      Sabiex jiġi eżaminat jekk l-evalwazzjoni tal-Awtorità tal-Ħatra dwar it-tul tal-esperjenza professjonali tar-rikorrenti hijiex manifestament żbaljata, hemm lok li jiġi vverifikat qabel xejn jekk il-modalitajiet jew il-kriterji użati mill-Awtorità tal-Ħatra f’dan ir-rigward humiex ibbażati fuq bażi legali rilevanti, fir-rigward tal‑kuntest tal-legalità rrappreżentat mill-avviż ta’ kompetizzjoni u li tiġġustifika għalhekk, min-naħa tal-Awtorità tal-Ħatra, l-użu, fl-evalwazzjoni ta’ kundizzjoni għall-ammissjoni ta’ natura eliminatorja, ta’ kriterju ta’ kalkolu speċifiku u legali fil‑konfront ta’ persuni esterni għall-istituzzjoni.

87      Issa, mid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment jirriżulta li l-Awtorità tal-Ħatra kkunsidrat li “probabbilment il-Bord tal-Għażla ma kienx ikkunsidra l-fatt li x-xogħol tar‑[rikorrenti] għall-Qorti [tal-Ġustizzja] kien […] free-lance u li għalhekk, kellu jkun ikkalkolat mhux abbażi tax-xhur li matulhom ir-[rikorrenti] kienet ikkooperat ma’ din l-istituzzjoni, iżda abbażi tax-xogħol effettivament imwettaq, peress li r‑[rikorrenti] ma kinitx tirċievi salarju bħala [korrispettiv], ma kinitx suġġetta għal ħin ta’ xogħol jew għal ġerarkija u l-preżenza tagħha fil-Qorti [tal-Ġustizzja] ma kinitx meħtieġa għall-eżerċizzju tal-kompiti tagħha[; g]ħalhekk, kellu jsir kalkolu tan-numru ta’ ġranet maħduma f’dan il-kuntest, pereżempju, abbażi tan-numru ta’ paġni tradotti. Dan iktar u iktar meta l-ordnijiet tat-traduzzjoni kienu jinsabu fil-fajl u l‑possibbiltà li dawn jintużaw għall-attivitajiet professjonali bħala persuna li taħdem għal rasha kien previst fil-[g]wida [għall-kandidati]” (enfasi magħmula mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku).

88      Skont il-Kummissjoni, il-gwida għall-kandidati kienet tikkostitwixxi għalhekk il-bażi legali suffiċjenti sabiex jintużaw il-mekkaniżmi ta’ konverżjoni tal-kwantità ta’ xogħol prodott fi ġranet ta’ xogħol imwettqa, bħal dawk użati mis-servizzi tal‑Kummissjoni għax-xogħol ta’ traduzzjoni fi ħdan din l-istituzzjoni. Minn dan isegwi li, skont il-Kummissjoni, l-Awtorità tal-Ħatra “kellha dritt tivverifika ż‑żmien tax-xogħol tar-rikorrenti bħala free-lance għall-Qorti tal-[Ġ]ustizzja” (enfasi magħmula mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ).

89      Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li “peress li r-rikorrenti [kienet] talbet li tiġi rreklutata mill-Kummissjoni, kien inevitabbli li l-Awtorità tal-Ħatra tibbaża ruħha fuq il-kriterji tagħha stess sabiex tikkalkola l-esperjenza professjonali full-time” (enfasi magħmula mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ).

90      Issa, ma huwiex ikkontestat li, f’dan il-każ, ir-reklutaġġ tar-rikorrenti kellu, jekk ikun il-każ, isir fi ħdan il-Kummissjoni, madankollu għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma tindika mkien, la fl-istadju tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment u lanqas f’dawn il‑proċeduri, fuq liema bażi legali, infurzabbli direttament fil-konfront tar-rikorrenti, l‑Awtorità tal-Ħatra kienet obbligata tikkorreġi l-eventwali żball manifest imwettaq mill‑Bord tal-Għażla fil-kalkolu tal-esperjenza professjonali tar-rikorrenti billi tuża l-kriterju tan-numru ta’ paġni tradotti kuljum skont ir-ratio użat mis-servizzi ta’ traduzzjoni tal-Kummissjoni, jiġifieri ħames paġni għal kull ġurnata ta’ xogħol, u dan indipendentement mill-fatt li dan il-każ kien jinvolvi b’mod speċifiku t-traduzzjoni ta’ testi ġuridiċi u/jew il-verifika tal-konkordanza lingwistika u ġuridika ta’ testi leġiżlattivi.

91      Fil-fatt, tali metodu ta’ kalkolu, anki jekk jiġi ammess li dan jista’ jirriżulta mill-Komunikazzjoni tal‑Viċi President tal-Kummissjoni SEC (2004) 638, tal-25 ta’ Mejju 2004, dwar il-bżonnijiet f’termini ta’ traduzzjoni, ma kienx imniżżel f’dan id-dokument bħala kriterju mandatarju ta’ selezzjoni għall-ammissjoni għall-eżamijiet ta’ kompetizzjoni intiża b’mod speċifiku għar-reklutaġġ ta’ ġuristi lingwisti. Fi kwalunkwe każ, dan il-metodu ta’ kalkolu ma kienx jinsab fl-avviż ta’ kompetizzjoni u lanqas ma kien is-suġġett ta’ pubblikazzjoni aċċessibbli jew neċessarjament magħrufa mill-Bord tal-Għażla jew mill-kandidati kkonċernati. Barra minn hekk, tali kriterju, kif barra minn hekk affermat il-Kummissjoni stess, ma jikkorrispondix għall-kriterji użati mis-servizzi ta’ traduzzjoni ta’ istituzzjonijiet oħra li għandhom aċċess għal-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni għar-reklutaġġ, jekk ikun il-każ, tal-ġuristi lingwisti tagħhom. Għalhekk, dan ma huwiex kriterju komuni għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

92      Konsegwentement, l-Awtorità tal-Ħatra, hija u taġixxi minflok il-Bord tal-Għażla sabiex tiżgura l-osservanza ta’ kundizzjoni għall-ammissjoni għall-eżamijiet, kundizzjoni għall-ammissjoni li l-evalwazzjoni u l-applikazzjoni tagħha kellha ssir b’mod uniformi fir-rigward tal-parteċipanti kollha fil‑kompetizzjoni, ma setgħetx tuża metodu ta’ kalkolu esklużivament intern għall‑Kummissjoni u konsegwentement mhux interistituzzjonali, li jirriżulta għalhekk irrilevanti, peress li dan il-każ jinvolvi r-reklutaġġ ta’ ġuristi lingwisti, u mhux vinkolanti fil-konfront ta’ persuni esterni għall-istituzzjoni.

93      Minn dan isegwi li l-analiżi tal-esperjenza professjonali tar-rikorrenti magħmula mill-Kummissjoni intiża sabiex tikkalkola, skont il-kriterji użati mis-servizzi ta’ traduzzjoni tagħha, in-numru ta’ paġni tradotti mir-rikorrenti matul il-perijodu ta’ attività tagħha bħala ġurista lingwista free-lance mal-Qorti tal-Ġustizzja bħal li kieku kien xogħol ta’ “traduttur” tal-Kummissjoni, anki jekk tiġi preżunta possibbli, ma hija bbażata fuq ebda dispożizzjoni legali rilevanti u direttament infurzabbli fil-konfront tar-rikorrenti u tikkostitwixxi, għalhekk, żball manifest min-naħa tal-Awtorità tal‑Ħatra, li faċilment jista’ jiġi skopert mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (ara l-punt 70 ta’ din is-sentenza)

94      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm għaldaqstant lok li t-tieni motiv jiġi milqugħ, anki jekk imqajjem sussidjarjament, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti f’dan ir-rigward.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura, kif ukoll fuq in-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli

95      Peress li dan il-motiv jirrigwarda essenzjalment l-evalwazzjoni tal-fatti li huma s-suġġett ta’ din il-kawża, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkunsidra, f’dan ir-rigward u bil‑għan ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li jista’ jeżaminah, anki wara li laqa’ l-ewwel motiv imqajjem prinċiparjament.

 L-argumenti tal-partijiet

96      Ir-rikorrenti tallega qabel xejn li l-Awtorità tal-Ħatra kkontestat il-validità tad‑deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla li tammettiha għall-kompetizzjoni fl-aħħar stadju tal-proċedura ta’ reklutaġġ tagħha, madwar seba’ snin wara l-istabbiliment tal‑lista ta’ riżerva, u, b’mod iktar partikolari, wara li d-DĠ “Riżorsi Umani” kien ta deroga bil-għan tar-reklutaġġ tagħha bħala amministratur. Barra minn hekk, il‑validità tal-lista ta’ riżerva kienet ġiet estiża diversi drabi u f’dak iż-żmien ir-rikorrenti kienet ġiet mistiedna tagħmel diversi intervisti, mingħajr ma l-ammissibbiltà tagħha għall‑kompetizzjoni qatt ma ġiet ivverifikata jew ikkontestata.

97      Sussegwentement, ir-rikorrenti ssostni li l-membri tal-persunal tad-DĠ “Riżorsi Umani” rrifjutaw li jagħtuha aċċess għall-fajl EPSO tagħha waqt l-intervisti li hija kellha magħhom f’Settembru u Ottubru 2013, u l-aċċess ingħatalha biss fix‑xahar ta’ Novembru segwenti.

98      Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, billi ħadet erba’ xhur sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata, l-Awtorità tal-Ħatra kienet qabżet it-terminu raġonevoli għall‑eżami tal-fajl. Fid-dawl, minn naħa, tan-natura tal-verifika li l-Awtorità tal-Ħatra kellha tagħmel f’dan il-każ, limitata għall-iżball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Bord tal-Għażla, u, min-naħa l-oħra, tal-interess kostanti manifestat mid-DĠ “Ġustizzja” għar-reklutaġġ tar-rikorrenti, inizjalment previst għal Settembru 2013, tali terminu huwa eċċessiv u, barra minn hekk, imputabbli bis‑sħiħ lid-DĠ “Riżorsi Umani”.

99      Fl-aħħar nett, l-Awtorità tal-Ħatra ttrattat il-fajl b’mod inġust, peress li r‑rappreżentanti tad-DĠ “Riżorsi Umani” kienu taw opinjonijiet kontradittorji u konfużi dwar l-elementi rilevanti għall-kalkolu tat-tul tal-esperjenza professjonali u dwar id-dokumenti li għandhom jiġi ppreżentati f’dan ir-rigward u li, sussegwentement, ma ġewx ikkunsidrati. Tali aġir dewwem ukoll il-proċedura ta’ reklutaġġ.

100    Il-Kummissjoni titlob li t-tielet motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

101    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-Awtorità tal-Ħatra għandha teżamina l‑legalità tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla li jinkludi kandidat fil-lista ta’ riżerva ta’ kompetizzjoni biss fil-mument fejn tqum il-kwistjoni tar-reklutaġġ effettiv ta’ dan tal-aħħar u mhux fil-mument fejn il-Bord tal-Għażla jikkomunikalha l-lista ta’ riżerva (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2005, Luxem vs Il‑Kummissjoni, T‑306/04, EU:T:2005:326, punt 24). Iż-żmien li jkun għadda wara l-istabbiliment tal‑lista ta’ riżerva jew in-numru ta’ estensjonijiet tal-validità ta’ din il-lista ma humiex għalhekk ċirkustanzi rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk f’dan il-każ l‑Awtorità tal-Ħatra kisritx il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba billi kkontestat id-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla li jammetti lir-rikorrenti għall-eżamijiet tal‑kompetizzjoni.

102    Sussegwentement, fir-rigward tad-deroga mil-lista ta’ riżerva inkwistjoni (ara l‑punt 15 ta’ din is-sentenza), għandu jiġi osservat li din id-deċiżjoni ttieħdet neċessarjament wara d-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla li jinkludi lir-rikorrenti fl‑imsemmija lista, iżda qabel il-verifika indispensabbli, min-naħa tas-servizzi tal‑Awtorità tal-Ħatra, tal-kapaċità tagħha li tinħatar bħala uffiċjal. Issa, din id‑deċiżjoni ta’ deroga, minkejja li saret intempestivament, jiġifieri ferm qabel mal-Awtorità tal-Ħatra setgħet tivverifika l-kapaċità tar-rikorrenti li tinħatar fil-pożizzjoni kkonċernata, ma timplikax, ipso iure, il-fatt li l-Awtorità tal-Ħatra ma tistax iktar tivverifika, fil-limiti tal-kompetenzi tagħha, l-osservanza tal‑imsemmija kundizzjonijiet għall-ħatra imposti b’mod imperattiv mir‑Regolamenti tal-Persunal. Fi kliem ieħor, deċiżjoni ta’ deroga bħal dik inkwistjoni ma hijiex ekwivalenti, awtomatikament, għal deċiżjoni ta’ kapaċità għal ħatra bħala uffiċjal. Issa, fost il-kundizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal fir-rigward tal-ħatra, tinsab dik, imsemmija fl-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal, li persuna tkun għaddiet minn kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet li, f’dan il-każ, setgħet tkun biss il‑kompetizzjoni inkwistjoni f’din il-kawża.

103    It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda l-aċċess għall-fajl EPSO, għandu jiġi kkonstatat li l-allegazzjoni tar-rikorrenti dwar l-allegat rifjut mill-membri tal-persunal tad-DĠ “Riżorsi Umani” għat-talbiet verbali tagħha għall-aċċess ma hija sostnuta minn ebda prova. Minkejja li r-rikorrenti semmiet tali rifjut fil-posta elettronika tal-11 ta’ Novembru 2013 mibgħuta lid-DĠ “Riżorsi Umani”, l-affermazzjoni tagħha ma hijiex ikkonfermata mid-destinatarju, li għall-kuntrarju, stedinha taċċedi għall-fajl tagħha mill-għada. Barra minn hekk, ir‑rikorrenti, li tammetti li kellha aċċess għall-att ta’ kandidatura tagħha u għad-dokumenti annessi fit-12 ta’ Novembru 2013, ma tindikax b’liema mod l-allegat rifjut preċedenti jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jew tad-dmir ta’ premura.

104    It-tielet nett, fir-rigward tat-terminu meħud mill-Awtorità tal-Ħatra sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha, għandu jiġi rrilevat li ebda terminu ma huwa stabbilit minn xi dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni dwar it-teħid ta’ deċiżjoni fuq ir-reklutaġġ ta’ uffiċjal fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kompetizzjoni bħal dik li fiha pparteċipat ir‑rikorrenti. Minn dan isegwi li, skont ġurisprudenza stabbilita, in-natura raġonevoli tat-terminu meħud mill-istituzzjoni sabiex tadotta l-att inkwistjoni għandha tkun evalwata skont iċ-ċirkustanzi kollha speċifiċi għal kull każ u, b’mod partikolari, l-importanza tat-tilwima inkwistjoni għall-persuna kkonċernata, il-kumplessità tal‑kawża u l-aġir tal-partijiet ikkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Réexamen Arango Jaramillo et vs BEI, C‑334/12 RX II, EU:C:2013:134, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    F’dan il-każ, wara l-intervista tat-28 ta’ Mejju 2013, id-DĠ “Ġustizzja” bagħat it‑talba għal reklutaġġ rigward ir-rikorrenti lid-DĠ “Riżorsi Umani” fix-xahar ta’ Ġunju 2013 u, fix-xahar ta’ Lulju 2013, id-DĠ “Riżorsi Umani” ta d-deroga neċessarja għar-reklutaġġ, f’pożizzjoni ta’ amministratur, ta’ kandidat inkluż f’lista ta’ riżerva ta’ ġuristi lingwisti. Il-fajl EPSO kien ikkomunikat lill‑Kummissjoni fix-xahar ta’ Settembru 2013 u d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata fis-17 ta’ Diċembru 2013. Sa dak iż-żmien, fl-aħħar tax-xahar ta’ Awwissu 2013, ir-rikorrenti talbet informazzjoni lid-DĠ “Riżorsi Umani” dwar l-istat tal-proċedura ta’ reklutaġġ.

106    Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kriterju tal-importanza tat-tilwima inkwistjoni, minkejja li l-perspettiva tar-reklutaġġ tagħha kienet ta’ importanza innegabbli għar‑rikorrenti, hija ma tista’ tinvoka ebda dritt li tinħatar bħala uffiċjal u, fl-assenza tal-ftehim tad-DĠ “Riżorsi Umani”, hija lanqas ma tista’ tinvoka aspettattivi leġittimi f’dan ir-rigward, minkejja l-interess kostanti muri mid-DĠ “Ġustizzja” għar-reklutaġġ tagħha (ara s-sentenza tad-19 ta’ Mejju 2015, Brune vs Il‑Kummissjoni, F‑59/14, EU:F:2015:50, punt 78, u l-ġurisprudenza ċċitata). Sussegwentement, peress li l-Awtorità tal-Ħatra kkunsidrat, minkejja li b’mod żbaljat, li l‑Bord tal-Għażla kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ammetta lir‑rikorrenti għall-kompetizzjoni, il-verifika tal-osservanza tal-kundizzjoni għall-ammissjoni relatata mal-esperjenza professjonali meħtieġa mill-avviż ta’ kompetizzjoni kienet tippreżenta, fiha nnifisha u fil-limiti indikati fil-punti 53 sa 55 ta’ din is-sentenza, ċerta kumplessità. Fl-aħħar nett, peress li kienet tqis li l-informazzjoni fil-fajl EPSO kienet, f’ċertu rigward, kontradittorja u insuffiċjenti, l-Awtorità tal‑Ħatra talbet lir-rikorrenti dokumenti u spjegazzjonijiet supplimentari. Ebda dewmien inġustifikat fil-proċedura ta’ reklutaġġ ma jista’ għalhekk jiġi imputat lill‑Awtorità tal-Ħatra.

107    Għalhekk, it-terminu ta’ madwar sitt xhur li ddekorra bejn it-talba għal reklutaġġ magħmula mid-DĠ “Ġustizzja” lid-DĠ “Riżorsi Umani”, f’Ġunju 2013 u l-adozzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata, fis-17 ta’ Diċembru segwenti, ma jistax, f’dan il-każ, ikun globalment meqjus li huwa irraġonevoli.

108    Ir-raba’ nett, il-fatt li l-membri tal-persunal tad-DĠ “Riżorsi Umani” żammew lir‑rikorrenti informata, fi stadji differenti intermedjarji tal-proċedura ta’ reklutaġġ, dwar l-elementi li huma qisu rilevanti għall-kalkolu tat-tul tal‑esperjenza professjonali tagħha u dwar il-provi li kellhom jiġu prodotti f’dan ir-rigward ma jammontax għal trattament inġust tas-sitwazzjoni tagħha. Għall-kuntrarju, ir‑rikorrenti kellha b’hekk l-opportunità li tieħu pożizzjoni dwar l-aspetti kontroversjali tal-fajl tagħha u li tressaq favur tagħha, matul il-proċedura ta’ reklutaġġ, l-argumenti u l-provi kollha li hija kellha. L-Awtorità tal-Ħatra kienet fl-aħħar mill-aħħar libera li tevalwa s-saħħa probatorja ta’ dawn il-provi.

109    Minn dan jirriżulta li ebda ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, tad-dmir ta’ premura jew ta’ terminu raġonevoli ma jista’ jiġi kkonstatat abbażi tal-provi prodotti mir-rikorrenti u li, konsegwentement, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-illegalità tal-kundizzjoni għall-ammissjoni għall‑kompetizzjoni relatata mal-esperjenza professjonali

 L-argumenti tal-partijiet

110    Ir-rikorrenti ssostni, permezz ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità, li l-kundizzjoni għall-ammissjoni relatata mal-esperjenza professjonali li tinsab fl-avviż ta’ kompetizzjoni tmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li avviżi ta’ kompetizzjoni oħra għar-reklutaġġ ta’ ġuristi lingwisti ma jipprevedu ebda kundizzjoni ta’ dan it-tip.

111    Il-Kummissjoni titlob li r-raba’ motiv jiġi miċħud, prinċiparjament bħala inammissibbli u sussidjarjament bħala infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

112    Peress li l-ewwel motiv għal annullament, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal‑Awtorità tal-Ħatra, ġie milqugħ, ma għadx hemm lok li jiġi eżaminat ir-raba’ motiv. Barra minn hekk, ladarba fir-rigward tal-kundizzjonijiet li jinsabu fl-avviż ta’ kompetizzjoni dwar it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Awtorità tal-Ħatra u l‑Bord tal-Għażla, ġie stabbilit li l-Awtorità tal-Ħatra kienet marbuta bid-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla li r-rikorrenti tkun ammessa għall-kompetizzjoni fir‑rigward tal-kundizzjoni relatata mal-esperjenza professjonali peress li din id‑deċiżjoni ma kienx fiha żball manifest, l-eventwali illegalità ta’ din il‑kundizzjoni għall-ammissjoni ma tagħtix lok għal dannu personali addizzjonali li għandu jkun ikkumpensat favur ir-rikorrenti.

3.     Fuq it-talbiet għal kumpens

 L-argumenti tal-partijiet

113    Ir-rikorrenti ssostni li hija ċertament kienet tiġi rreklutata f’Settembru 2013 li kieku ma twettqitx l-illegalità li biha hija vvizzjata d-deċiżjoni kkontestata. Peress li, bejn l‑1 ta’ Settembru 2013 u l-1 ta’ Frar 2014, data li fiha r-rikorrenti tiddikjara li kienet ġiet irreklutata bħala référendaire ma’ Membru tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, hija baqgħet mingħajr impjieg, sakemm kienet qed tistenna d-deċiżjoni tal‑Awtorità tal-Ħatra, l-imsemmija illegalità kkawżatilha dannu materjali rrappreżentat mit-telf ta’ dħul li kieku hija kienet taqla’, kif ukoll minn vantaġġi oħra marbuta ma’ ħatra, inkluż il-possibbiltà li tkun irreklutata bħala uffiċjal taħt dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal iktar vantaġġjużi, fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2013.

114    Konsegwentement, ir-rikorrenti tikkunsidra li hemm lok li hija tiġi kkumpensata billi jiġu rrikonoxxuti lilha “l-effetti kollha” ta’ ħatra f’Settembru 2013 bħala amministratur fl-iskala 1 tal-grad AD 7 assenjata mad-DĠ “Ġustizzja”, jiġifieri “fost oħrajn”, l-anzjanità fil-grad sa mill-1 ta’ Settembru 2013, ir-rikostituzzjoni tal‑karriera tagħha, il-ħlas retroattiv tal-kontribuzzjonijiet għall-iskema tal-pensjonijiet u l-ħlas tar-remunerazzjoni għall-perijodu li fih hija baqgħet mingħajr impjieg, remunerazzjoni evalwata, bla ħsara għal żieda, għal EUR 26 132.85, flimkien mal-interessi moratorji kkalkolati bir-rata stabbilita mill‑Bank Ċentrali Ewropew għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid fil-perijodu kkonċernat u miżjuda b’żewġ punti.

115    Ir-rikorrenti żżid li hija kienet soffriet ukoll, minħabba d-deċiżjoni kkontestata, dannu morali li jirriżulta mill-istress u mill-ansjetà kkawżati mill-kontestazzjoni, kważi seba’ snin wara l-inklużjoni tagħha fil-lista ta’ riżerva, tad-drittijiet li hija kienet akkwistat bħala kandidat li għadda mill-kompetizzjoni, kif ukoll mill-obbligu li hija sabet ruħha fih li tibda hija stess proċessi mal-persuni li kienu jimpjegawha sabiex tikseb l-informazzjoni meħtieġa mid-DĠ “Riżorsi Umani” għall-finijiet tal‑evalwazzjoni tal-esperjenza professjonali tagħha. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tillimita t-talba tagħha għal EUR 1 simboliku.

116    Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni titlob li t-talbiet għal kumpens jiġu miċħuda. Fir-rigward tad-dannu materjali għal telf ta’ opportunità, it-talba għal kumpens għandha rabta stretta mat-talbiet għal annullament u għandha għalhekk tiġi miċħuda bħala infondata. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tista’ tinvoka ebda opportunità serja ta’ reklutaġġ u lanqas ma tista’ tikkunsidra li l-ħatra tagħha kellha sseħħ f’data partikolari. Fi kwalunkwe każ, kif ippreċiżat il-Kummissjoni waqt is-seduta, b’risposta għal mistoqsija li tinsab fir-rapport preparatorju għas‑seduta, reklutaġġ preċedenti għall-1 ta’ Marzu 2014, eventwali terminu ta’ preavviż inkluż, ma kienx prevedibbli f’dan il-każ.

117    Barra minn hekk, it-talbiet għar-rikonoxximent favur ir-rikorrenti “tal‑effetti kollha” ta’ ħatra u għar-rikostituzzjoni tal-karriera tagħha huma manifestament inammissibbli, l-ewwel nett minħabba n-nuqqas ta’ preċiżjoni tagħhom, u t-tieni nett, minħabba l-fatt li, skont il-ġurisprudenza, ma hijiex il-qorti tal-Unjoni li għandha tindirizza ordnijiet lill-amministrazzjoni fil-kuntest tal‑istħarriġ tal-legalità abbażi tal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

118    Fir-rigward tad-dannu morali, it-talbiet għal kumpens huma inammissibbli, fin-nuqqas ta’ talba minn qabel skont l-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li dan id-dannu, jirriżulta, skont il-Kummissjoni, minn aġir mhux deċiżjonali tal‑amministrazzjoni, jiġifieri d-dewmien fit-trattament tal-fajl tar-rikorrenti.

119    It-talba għall-kumpens għad-dannu morali lanqas ma hija fondata. B’hekk, l‑istress u l-ansjetà allegati ma tantx huma probabbli fiċ-ċirkustanzi tal-każ, iktar u iktar meta l-istatus ta’ kandidat li għadda minn kompetizzjoni ma jagħti lill-persuna kkonċernata ebda dritt li tinħatar bħala uffiċjal u kull kandidat għandu jipproduċi l-provi neċessarji għall-evalwazzjoni tal-eżistenza u tar‑rilevanza tat-titoli u l-esperjenza professjonali tiegħu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

120    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-istabbiliment tar-responsabbiltà ta’ istituzzjoni jippreżupponi l-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet li jirrigwardaw l-illegalità tal-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu allegat, u l‑eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu invokat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, C-136/92 P, EU:C:1994:211, punt 42, u tal-21 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Girardot, C‑348/06 P, EU:C:2008:107, punt 52).

121    Peress li kif diġà ġie deċiż fil-kuntest tal-ewwel motiv, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’illegalità, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti soffritx dannu kkawżat minn din id-deċiżjoni.

122    Għal dak li jirrigwarda d-dannu materjali, għandu jiġi kkonstatat li, b’effett tad‑deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tilfet opportunità reali li tkun irreklutata bħala uffiċjal fl-impjieg vakanti fid-DĠ “Ġustizzja”, impjieg li fir-rigward tiegħu dan id-direttorat ġenerali kien fil-fatt wera, diversi drabi, l-interess tiegħu li jimlih permezz tar-rikorrenti (ara l-punt 18 ta’ din is-sentenza u f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2013, Thomé vs Il‑Kummissjoni, F‑97/12, EU:F:2013:142, punt 76).

123    Barra minn hekk, irrispettivament mill-miżuri li l-Kummissjoni għandha tadotta, skont l-Artikolu 266 TFUE, sabiex teżegwixxi din is-sentenza ta’ annullament, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti tilfet b’mod definittiv l-opportunità li tinħatar f’impjieg ta’ amministratur fil-grad AD 7 fil-pożizzjoni li kienet vakanti mad-DĠ “Ġustizzja” li għalih dan id-direttorat ġenerali kien kiseb barra minn hekk, sabiex joffri dan l-impjieg lir-rikorrenti, deroga amministrattiva mil-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni li kienet intiża, fil-fatt, sabiex tippermetti r-reklutaġġ, fl‑ewwel lok, ta’ ġuristi lingwisti. Dan id-dannu jagħti għalhekk id-dritt, bl‑osservanza tal-kundizzjonijiet legali l-oħra, għal kumpens (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011, AA vs Il‑Kummissjoni, F‑101/09, EU:F:2011:133, punti 79 sa 82).

124    Sussegwentement, ir-rikorrenti tafferma, billi tibbaża ruħha fuq l-interess tal-unità tad-DĠ “Ġustizzja” li magħha hija kellha tiġi assenjata, interess li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mill-Kummissjoni, li fl-assenza tal-illegalità li tivvizzja d-deċiżjoni kkontestata hija kienet tkun irreklutata mill-1 ta’ Settembru 2013.

125    Issa, f’dan ir-rigward għandu jitfakkar, minn naħa, li l-fajl EPSO wasal għand l-Awtorità tal-Ħatra biss fix-xahar ta’ Settembru 2013.

126    Min-naħa l-oħra, għalkemm il-Kummissjoni ssostni li, fuq livell amministrattiv, l-ewwel data possibbli ta’ reklutaġġ fil-pożizzjoni vakanti kienet tkun l-1 ta’ Marzu 2014, xorta jibqa’ l-fatt li, kieku l-Awtorità tal-Ħatra ma kinitx qieset b’mod żbaljat li l-Bord tal‑Għażla kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, it-tul tal-analiżi tal-fajl tar‑rikorrenti kien ikunu effettivament iqsar, b’mod partikolari minħabba l-interess manifestat, diversi drabi, mid-DĠ “Ġustizzja” li jimla’ din il-pożizzjoni.

127    Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, għandu għalhekk jiġi kkunsidrat li l-opportunità tar‑rikorrenti li tiġi rreklutata, fl-assenza tal-illegalità allegata fir-rigward tal-Kummissjoni, fil-pożizzjoni ta’ amministratur inkwistjoni tnisslet għall-benefiċċju tagħha mhux qabel l-1 ta’ Novembru 2013, billi jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li, kif jirriżulta mill-posta elettronika tal-24 ta’ Mejju 2013, mibgħuta mid-DĠ “Riżorsi Umani” lir-rikorrenti (ara l-punt 13 ta’ din is-sentenza), il-viżta medika tar‑reklutaġġ, fil-każ ta’ reklutaġġ mill-Kummissjoni, ma kinitx neċessarja, peress li r-rikorrenti kienet diġà għamlet din il-viżta qabel mal-Qorti tal-Ġustizzja.

128    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-ammont tad-dannu materjali tagħha jammonta, għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Settembru 2013 u l-1 ta’ Frar 2014, li matulu hija baqgħet mingħajr impjieg sakemm kienet qed tistenna l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għas-somma ta’ EUR 26 132.85, li tirrappreżenta d-dħul li kieku hija kienet taqla’ bħala uffiċjal fl-iskala 1 tal-grad AD 7. Ir-rikorrenti żżid li l-Kummissjoni għandha wkoll tiġi kkundannata għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet fis-sistema ta’ pensjonijiet sa mix-xahar ta’ Settembru 2013.

129    Madankollu, mingħajr ma hemm bżonn li tittieħed pożizzjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa mill-Kummissjoni fir-rigward tat-talbiet intiżi sabiex “l-effetti kollha” tal-ħatra jiġu rrikonoxxuti u għar-rikostituzzjoni tal-karriera, huwa biżżejjed li jitfakkar li d-dannu materjali li r-rikorrenti għandha d-dritt titlob il-kumpens tiegħu ma huwiex marbut ma’ nuqqas ta’ qligħ, iżda mat-telfa ta’ opportunità li tiġi rreklutata bħala uffiċjal fil-pożizzjoni li kienet is-suġġett tal-proċedura ta’ reklutaġġ inkwistjoni.

130    Konsegwentement, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ u bl-użu tal-fakultà li t‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu li jevalwa d-dannu ex æquo et bono, ikun jingħata kumpens ġust għad-dannu materjali kollu subit mir-rikorrenti, b’rigward b’mod partikolari tas-salarju mensili li jikkorrispondi għall-pożizzjoni li kellha timtela’, tan-natura reali tal-opportunità mitlufa, tal-ewwel data possibbli ta’ reklutaġġ u tas-sitwazzjoni professjonali tar-rikorrenti matul il-perijodu ta’ riferiment, jekk il-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallasha s-somma f’daqqa ta’ EUR 10 000.

131    Fir-rigward tal-dannu morali, għandu preliminarjament jiġi kkonstatat li, għall‑kuntrarju ta’ dak allegat mill-Kummissjoni, id-dannu allegatament subit ma jirriżultax minn aġir tal-amministrazzjoni li ma għandux natura deċiżjonali, jiġifieri mid-dewmien fit-trattament tal-fajl tar-rikorrenti, iżda mid-deċiżjoni kkontestata.

132    Madankollu, hemm lok li jiġi deċiż li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi fiha nnifisha kumpens adegwat u suffiċjenti għad-dannu morali allegat mir-rikorrenti, peress li din tal-aħħar ma tistabbilixxix li subiet dannu morali separabbli mill-illegalità li fuqha huwa bbażat l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

133    Għaldaqstant il-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata tħallas lir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 10 000 bħala kumpens għad-danni.

 Fuq l-ispejjeż

134    Skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l‑oħra tat-Tmien Kapitolu tat-Tieni Titolu tal-imsemmija regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż tagħha u għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 102(1) tal-istess regoli, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, meta jkun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż tagħha iżda li għandha tiġi kkundannata biss parzjalment għall-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra, jew saħansitra li ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

135    Mir-raġunijiet mogħtija f’din is-sentenza jirriżulta li l-Kummissjoni hija essenzjalment il-parti telliefa. Barra minn hekk, fit-talbiet tagħha, ir-rikorrenti talbet espressament li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Peress li ċ‑ċirkustanzi ta’ dan il-każ ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti mir‑rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2013 li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea rrifjutat li tirrekluta lil FE hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas lil FE s-somma ta’ EUR 10 000.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti minn FE.

Barents

Perillo

Svenningsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Ottubru 2015.

W. Hakenberg

 

      R. Barents

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.