Language of document : ECLI:EU:T:2023:822

Kawża T-442/17 RENV

RN

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tas16 ta’ Diċembru 2020

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Konjuġi superstiti – Pensjoni tas-superstiti – Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal – Kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà – Tul taż-żwieġ – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Ugwaljanza fit-trattament – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Proporzjonalità – Kunċett ta’ ‘konjuġi’”

1.      Uffiċjali – Ugwaljanza fit-trattament – Kunċett – Natura paragunabbli tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 20 u 21(1)).

(ara l-punti 64-68)

2.      Uffiċjali – Pensjonijiet – Pensjoni tas-superstiti – Kundizzjonijiet għall-għoti – Setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur tal-Unjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikoli 18 u 20)

(ara l-punt 70)

3.      Uffiċjali – Pensjonijiet – Pensjoni tas-superstiti – Kundizzjonijiet għall-għoti – Tul minimu taż-żwieġ – Differenza fit-trattament tal-konjuġi superstiti skont id-data taż-żwieġ, qabel jew wara t-tmiem tal-attività tal-uffiċjal mejjet – Kundizzjoni li twassal għal żvantaġġ għall-persuni li żżewġu wara l-irtirar tal-uffiċjal – Differenza fit-trattament ibbażata indirettament fuq l-età tal-ex uffiċjal – Inammissibbiltà – Ġustifikazzjoni – Ġlieda kontra l-frodi u salvagwardja tal-ekwilibriju finanzjarju tal-iskema ta’ pensjoni – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikoli 18 u 20)

(ara l-punti 72-85, 90-93, 96-100, 103-107, 110, 111)

4.      Uffiċjali – Pensjonijiet – Pensjoni tas-superstiti – Kundizzjonijiet għall-għoti – Żwieġ – Kunċett – Żamma ta’ unjoni tul il-ħajja minn koppja miżżewġa preċedentement – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni subparagrafu tal-Artikoli 1d(1), u Anness VII, Artikolu 1(2)(ċ) u Anness VIII, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 u l-Artikolu 20)

(ara l-punti 117-123)

Sunt

Ir-rikorrenti, RN, u l-konjuġi tagħha, uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, għexu bħala koppja mill-1985. Fl-1988, huma kkuntrattaw l-ewwel żwieġ. Il-konjuġi ddivorzjaw fl-1996. Fl-2012, ir-rikorrenti żżewġet mill-ġdid mal-ex konjuġi tagħha, wara li fl-2002 reġgħet bdiet ħajja flimkien miegħu.

Il-konjuġi tar-rikorrenti daħal fil-kariga mal-Kummissjoni fl-1991 u ġie awtorizzat jinvoka d-drittijiet tiegħu għall-pensjoni fl-2007. Huwa miet fl-2014.

Wara l-mewt ta’ żewġha, ir-rikorrenti, fil-kwalità tagħha ta’ konjuġi superstiti ta’ ex uffiċjal, ressqet talba għall-għoti ta’ pensjoni tas-superstiti skont ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar’ il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”).

Il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba għar-raġuni, b’mod partikolari, li t-tieni żwieġ, ikkutrattat wara t-tmiem tal-attività tal-uffiċjal, kien dam inqas minn ħames snin. Konsegwentement, il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma kinux issodisfatti b’tali mod li r-rikorrenti ma setgħetx tippretendi li tibbenefika minn pensjoni tas-superstiti. Il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ewwel żwieġ, billi qieset li dan kien xolt bis-saħħa ta’ sentenza ta’ divorzju u għalhekk ma setax jipproduċi iktar effett.

Ir-rikorrenti kkontestat din id-deċiżjoni billi qajmet, b’mod partikolari, eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Hija sostniet li l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jobbliga lill-koppji ta’ persuni anzjani li jikkuntrattaw żwieġ li jdum mill-inqas ħames snin sabiex il-konjuġi superstiti tal-uffiċjal irtirat ikun jista’ jibbenefika minn pensjoni tas-superstiti, mingħajr ebda eċċezzjoni possibbli, filwaqt li, fil-każ ta’ koppji iżgħar fil-mument taż-żwieġ ikkuntrattat meta l-konjuġi uffiċjal kien għadu fis-servizz, il-konjuġi superstiti jibbenefika minn dritt għal pensjoni tas-superstiti fi tmiem sena waħda biss taż-żwieġ fuq il-bażi tal-Artikolu 18 ta’ dan l-anness.

Il-Qorti Ġenerali tilqa’ r-rikors u tiddeċiedi li l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal huwa illegali peress li jikser il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età. Konsegwentement, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, adottata fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni, hija nieqsa minn bażi legali, b’tali mod li għandha tiġi annullata.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Il-Qorti Ġenerali tfakkar, qabel kollox, li, sabiex il-leġiżlatur tal-Unjoni jkun jista’ jiġi kkritikat talli kiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, jeħtieġ li huwa jkun ittratta b’mod differenti sitwazzjonijiet paragunabbli li jwasslu għal żvantaġġ għal ċerti persuni meta mqabbla ma’ oħrajn. F’dan ir-rigward, wara li ppreċiżat il-kriterji ta’ evalwazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk it-trattament tas-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu pparagunati jippreġudikax il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li, sabiex differenza fit-trattament tkun tista’ tkun kompatibbli mal-prinċipji ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, din għandha tiġi ġġustifikata fuq il-bażi ta’ kriterju oġġettiv u raġonevoli u proporzjonat fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq minn din id-differenzazzjoni. F’dan il-kuntest, huwa jżid li, sabiex jiġġieled kontra l-abbużi, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu marġni ta’ diskrezzjoni fl-istabbiliment tad-dritt għal pensjoni tas-superstiti. Ir-rikonoxximent ta’ tali setgħa jimplika, madankollu, in-neċessità li jiġi vverifikat jekk jidhirx li ma huwiex irraġonevoli għal-leġiżlatur li jqis li d-differenza fit-trattament stabbilita tista’ tkun xierqa u neċessarja għall-finijiet tat-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq.

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li s-sitwazzjoni tal-konjuġi superstiti ta’ ex uffiċjal li żżewweġ lil dan tal-aħħar qabel it-tmiem tal-attività tiegħu ma hijiex differenti minn dik tal-konjuġi superstiti ta’ ex uffiċjal li żżewweġ ma’ dan tal-aħħar wara dan it-tmiem għall-finijiet tal-għoti ta’ pensjoni tas-superstiti skont l-Artikolu 18 jew l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

Fil-fatt, in-natura ġuridika tar-rabtiet bejn il-konjuġi superstiti u l-uffiċjal mejjet hija identika – kemm jekk iż-żwieġ ikun ġie konkluż qabel jew wara t-tmiem tal-attività ta’ dan tal-aħħar. Din in-natura legali ma hijiex differenti skont jekk l-uffiċjali jeżerċitawx attività professjonali jew le u skont l-ammont tal-kontribuzzjonijiet għall-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni li tħallsu jew li jkunu għadhom dovuti.

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li teżisti differenza fit-trattament ta’ sitwazzjonijiet paragunabbli skont id-data tal-konklużjoni taż-żwieġ, peress li dan huwa l-uniku element li jiddetermina l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ tul minimi differenti taż-żwieġ konformement mal-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Din id-differenza fit-trattament twassal għal żvantaġġ għall-konjuġi superstiti ta’ ex uffiċjal li żżewweġ ma’ dan tal-aħħar wara t-tmiem tal-attività tiegħu. Teżisti wkoll differenza fit-trattament ta’ sitwazzjonijiet paragunabbli, ibbażata indirettament fuq l-età tal-ex uffiċjal fid-data li fiha huwa kkuntratta ż-żwieġ.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali tiċħad l-argument tal-Kummissjoni li l-kundizzjoni ta’ tul minimu taż-żwieġ inkwistjoni hija intiża li tipprevjeni l-frodi u li tissalvagwardja l-bilanċ finanzjarju tal-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni.

Fir-rigward tal-prevenzjoni tal-frodi, il-Qorti Ġenerali tinnota li huwa irraġonevoli li jitqies li l-kundizzjoni ta’ tul minimu ta’ ħames snin ta’ żwieġ prevista fl-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li hija ħames darbiet ogħla minn dik prevista fl-Artikolu 18 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li tapplika meta ż-żwieġ ikun ġie konkluż qabel it-tmiem tal-attività tal-uffiċjal, u li ma hija suġġetta għal ebda eċċezzjoni li tippermetti li tiġi stabbilita l-assenza ta’ frodi, irrispettivament mill-provi oġġettivi prodotti, tista’ tkun neċessarja għall-finijiet tat-twettiq tal-għan ta’ ġlieda kontra l-frodi.

Fir-rigward tas-salvagwardja tal-bilanċ finanzjarju tal-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali tirrileva li għan li jaqa’ taħt kunsiderazzjonijiet ta’ natura baġitarja ma jistax jiġġustifika, waħdu, deroga mill-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament. F’dan ir-rigward, peress li l-kundizzjoni tat-tul minimu taż-żwieġ prevista fl-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma tistax tiġi ġġustifikata mill-għan ta’ ġlieda kontra l-frodi, id-differenza fit-trattament stabbilita minn din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata mis-sempliċi salvagwardja tal-bilanċ finanzjarju tal-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni.