Language of document :

Appell ippreżentat fil-25 ta’ Settembru 2020 minn Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) fil-15 ta’ Lulju 2020 fil-Kawża T-778/16 u T-892/16, L-Irlanda et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-465/20 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: L. Flynn, P.-J. Loewenthal u F. Tomat, Agents)

Partijiet oħra fil-proċedura: Ireland, Apple Sales International (ASI), Apple Operations Europe (AOE), il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika tal-Polonja, EFTA Surveillance Authority

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiċħad l-ewwel erba’ u t-tmien motivi invokati fil-Kawża T-778/16 kif ukoll l-ewwel ħames motivi, it-tmien u l-erbatax-il motiv invokati fil-Kawża T-892/16 ;

tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid tal-motivi li fuqhom hija ma tatx deċiżjoni;

tirriżerva l-ispejjeż tal-ewwel istanza u tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni tinvoka żewġ aggravji insostenn tal-appell tagħha.

L-ewwel aggravju: is-sentenza appellata hija vvizzjata minn diversi żbalji ta’ liġi sa fejn din tiċħad il-konstatazzjoni prinċipali tad-deciżjoni kontenzjuża 1 dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ. Dan l-aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet:

Fl-ewwel lok, fil-punti 125, 183 sa 187, 228, 242, 243 u 249 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat id-deċiżjoni kontenzjuża billi kkonkludiet li l-konstatazzjoni prinċipali li tinsab f’din tal-aħħar dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ hija bbażata biss fuq l-assenza ta’ impjegati u fuq il-preżenza fiżika fl-uffiċċji prinċipali ta’ ASI u ta’ AOE u li din id-deċiżjoni ma kinitx intiża li tistabbilixxi li s-sussidjarji Irlandiżi ta’ ASI u ta’ AOE kienu jeżerċitaw funzjonijiet li jiġġustifikaw l-għoti lil dawn tal-aħħar ta’ liċenzji ta’ proprjetà intellettwali ta’ Apple. Id-deċiżjoni kontenzjuża tanalizza fil-premessi tagħha 281 sa 305 il-funzjonijiet reali eżerċitati kemm mill-uffiċji prinċipali kif ukoll mis-sussidjarji Irlandiżi sabiex tiġġustifika l-għoti lil dawn tal-aħħar ta’ liċenzji ta’ proprjetà intellettwali ta’ Apple. Il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx eżami ġust tal-istruttura u tal-kontenut tad-deċiżjoni kontenzjuża, kif ukoll tal-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni żviluppati fl-atti tal-proċedura tagħha, fuq il-funzjonijiet eżerċitati mill-uffiċċji prinċipali u s-sussidjarji Irlandiżi, jikkostitwixxi difett proċedurali. Il-konstatazzjoni sussegwenti tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 268 sa 283, 286 u 287 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kontenzjuża teżamina l-funzjonijiet eżerċitati mis-sussidjarji Irlandiżi sabiex tiġġustifika l-għoti lil dawn tal-aħħar ta’ liċenzji ta’ proprjetà intellettwali ta’ Apple, tikkostitwixxi motivazzjoni kontradittorja, fatt li jammonta għal nuqqas ta’ motivazzjoni.

Fit-tieni lok, fil-punti 267, 269, 273, 274, 275, 277, 281, 283 u 298 sa 302 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kisret il-metodu tal-entità distinta u l-prinċipju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa (arm’s length principle), fatt li jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u/jew żnaturament tad-dritt nazzjonali, u dan billi invokat funzjonijiet eżerċitati minn Apple Inc. sabiex tiċħad l-għoti lis-sussidjarji Irlandiżi, permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, ta’ liċenzji ta’ proprjetà intellettwali ta’ Apple. Il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni, li jinsabu fil-premessi 308 sa 318 tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll fl-atti tal-proċedura tagħha, dwar ir-raġunijiet għaliex il-funzjonijiet eżerċitati minn Apple Inc. kienu irrilevanti għall-għoti ta’ benefiċċji lil ASI u AOE, jikkostitwixxi difett proċedurali u nuqqas ta’ motivazzjoni.

Fit-tielet lok, fil-punti 301 u 303 sa 309 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kisret il-metodu tal-entità distinta u l-prinċipju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa (arm’s length principle), fatt li jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u/jew żnaturament tad-dritt nazzjonali, u dan billi kkonstatat li l-atti formali tal-amministraturi ta’ ASI u ta’ AOE jikkostitwixxu funzjonijiet eżerċitati mill-uffiċċji prinċipali tagħhom li jirrigwardaw liċenzji ta’ proprjetà intellettwali ta’ Apple. Il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni, li jinsabu fid-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll fl-atti tal-proċedura tagħha, dwar ir-raġunijiet għaliex dawn l-atti ma jikkostitwixxux funzjonijiet eżerċitati mill-uffiċċji prinċipali għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-metodu tal-entità distinta u l-prinċipju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa (arm’s length principle), jikkostitwixxi difett proċedurali u nuqqas ta’ motivazzjoni. Il-fatt li l-Qorti Ġenerali qagħdet fuq dawn il-konstatazzjonijiet dwar provi inammissbbli jikkostitwixxi difett proċedurali.

It-tieni aggravju: is-sentenza appellata hija vvizzjata minn żbalji ta’ liġi sa fejn din tiċħad il-konstatazzjoni sussidjarja tad-deċiżjoni kontenzjuża dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ. Dan l-aggravju huwa diviż fi tliet partijiet:

Fl-ewwel lok, fil-punti 349, 416, 434 u 435 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tar-regoli dwar il-grad ta’ prova li jrid jintlaħaq mill-Kummissjoni sabiex tistabblixxi l-eżistenza ta’ vantaġġ.

Fit-tieni lok, fil-punti 315 sa 481 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet difett proċedurali billi qagħdet fuq l-argumenti li la l-Irlanda u lanqas ASI/AOE ma invokaw fir-rikorsi tagħhom sabiex tiċħad il-konstatazzjoni sussidjarja dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ.

Fit-tielet lok, fil-punti 315 sa 481 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat id-deċiżjoni kontenzjuża u kisret l-Artikolu 107(1) TFUE u/jew id-dritt nazzjonali sa fejn ikkonkludiet li d-deċiżjoni kontenzjuża ma tistabbilixxix l-ezistenza ta’ vantaġġ fil-motivazzjoni sussidjarja tagħha.

____________

1     Décision (UE) 2017/1283 de la Commission, du 30 août 2016, concernant l’aide d’État SA.38373 (2014/C) (ex 2014/NN) (ex 2014/CP) octroyée par l’Irlande en faveur d’Apple (JO 2017, L 187, p. 1).