Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber) (Ir-Renju Unit) fit-30 ta’ Diċembru 2020 – Gallaher Limited vs The Commissioners for Her Majesty's Revenue & Customs

(Kawża C-707/20)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Gallaher Limited

Konvenut: The Commissioners for Her Majesty's Revenue & Customs

Domandi preliminari

L-Artikolu 63 TFUE jista’ jiġi invokat fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija l-Group Transfer Rules (ir-Regoli dwar it-Trasferiment ta’ Grupp), li tapplika biss fir-rigward ta’ gruppi ta’ kumpanniji?

Anki jekk l-Artikolu 63 TFUE ma jistax jiġi invokat b’mod ġenerali fir-rigward tar-Regoli dwar it-Trasferiment ta’ Grupp, jista’ madankollu jiġi invokat:

fir-rigward ta’ movimenti ta’ kapital minn kumpannija omm residenti fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea lejn kumpannija sussidjarja residenti fl-Isvizzera, meta l-kumpannija omm għandha 100 % tal-azzjonijiet kemm tal-kumpannija sussidjarja residenti fl-Isvizzera kif ukoll tal-kumpannija sussidjarja residenti fir-Renju Unit li hija suġġetta għall-obbligu fiskali inkwitsjoni?

fir-rigward ta’ moviment ta’ kapital minn kumpannija 100 % sussidjarja, residenti fir-Renju Unit, lil kumpannija 100 % sussidjarja, residenti fl-Isvizzera, li huma proprjetà tal-istess kumpannija omm residenti fi Stat Membru tal-Unjoni, fid-dawl tal-fatt li iż-żewġ kumpanniji huma kumpanniji oħt u ma jinsabux f’relazzjoni ta’ kumpannija omm ma’ kumpannija sussidjarja?

Leġiżlazzjoni, bħalma huma r-Regoli dwar it-Trasferiment ta’ Grupp, li timponi obbligu fiskali immedjat fuq trasferiment ta’ assi minn kumpannija residenti fir-Renju Unit lill-kumpannija oħt li hija residenti fl-Isvizzera (u li ma teżerċitax attività ekonomika fir-Renju Unit permezz ta’ stabbiliment permanenti), fil-każ fejn l-imsemmija kumpanniji huma t-tnejn li huma 100 % sussidjarji tal-istess kumpannija omm, li hija residenti fi Stat Membru ieħor, f’ċirkustanzi fejn tali trasferiment jitwettaq fuq bażi fiskali newtrali li kieku l-kumpannija oħt kienet ukoll residenti fir-Renju Unit (jew li kieku kienet teżerċita attività ekonomika fir-Renju Unit permezz ta’ stabbiliment permanenti), tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment tal-kumpannija omm sanċita fl-Artikolu 49 TFEU jew inkella, jekk relevanti, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital sanċita fl-Artikolu 63 TFEU?

Jekk jitqies li l-Artikolu 63 TFUE jista’ jiġi invokat:

it-trasferiment ta’ Brands u ta’ assi relatati minn GL lil JTISA, għal korrispettiv li kien intiż li jirrifletti il-valur tas-suq ta’ Brands, huwa moviment ta’ kapital għall-finijiet tal-Artikolu 63  TFUE?

Il-movimenti ta’ kapital minn JTIH lil JTISA, il-kumpannija sussidjarja tagħha residenti fl-Isvizzera, jikkostitwixxu investiment dirett għall-għanijiet tal-Artikolu 64 TFEU?

peress li l-Artikolu 64 TFEU japplika biss għal ċerti tipi ta’ movimenti ta’ kapital, l-Artikolu 64 jista’ japplika f’ċirkustanzi fejn movimenti ta’ kapital jistgħu jiġu kkaratterizzati kemm bħala investimenti diretti (li għalihom isir riferiment fl-Artikolu 64 TFEU) kif ukoll bħala tip ieħor ta’ moviment ta’ kapital li għalih ma jsirx riferiment fl-Artikolu 64 TFEU?

Jekk kien hemm restrizzjoni, sa fejn huwa paċifiku li r-restrizzjoni kienet bħala prinċipju ġġustifikata għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (jiġifieri, il-ħtieġa li jinżamm tqassim ibbilanċjat ta’ drittijiet ta’ ntaxxar), ir-restrizzjoni kienet neċessarja u proporzjonata fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari f’ċirkustanzi fejn il-persuna taxxabbli inkwistjoni għamlet dħul mit-trasferiment tal-assi li kien ekwivalenti għall-valur sħiħ tas-suq tal-assi?

Jekk kien hemm ksur tal-libertà ta’ stabbiliment u/jew tad-dritt għal moviment liberu tal-kapital:

id-dritt tal-Unjoni jeħtieġ li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiġi interpretata, jew ma tiġix applikata, b’tali mod li GL tingħata l-possibbiltà li tiddiferixxi l-ħlas tat-taxxa;

jekk dan huwa l-każ id-dritt tal-Unjoni jeħtieġ li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiġi interpretata, jew ma tiġix applikata, b’tali mod li GL tingħata l-possibbiltà li tiddiferixxi l-ħlas tat-taxxa sakemm l-assi jiġu ttrasferiti ’l barra mis-sotto grupp li tiegħu hija kumpannija parent il-kumpannija residenti fl-Istat Membru l-ieħor (jiġifieri “fuq bażi ta’ realizzazzjoni”) jew inkella l-possibbiltà li t-taxxa titħallas bin-nifs (jiġifieri “fuq bażi ta’ ħlas bin-nifs”) tista’ tipprovdi rimedju proporzjonali;

jekk, bħala prinċipju, possibbiltà li t-taxxa titħallas bin-nifs tista’ tkun rimedju proporzjonali:

dan huwa l-każ biss jekk id-dritt nazzjonali jipprevedi l-possibbiltà, fiż-żmien tat-trasferiment tal-assi, jew inkella huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni li tali possibbiltà tiġi pprovduta bħala rimedju a posteriori (jiġifieri li l-qorti nazzjonali tipprovdi tali possibbiltà a posteriori billi tapplika interpretazzjoni konformi tal-leġiżlazzjoni jew billi ma tapplikax din il-leġiżlazzjoni);

id-dritt tal-Unjoni jeżiġi li l-qrati nazzjonali jipprevedu rimedju li jindaħal mill-inqas possibbli mal-libertà rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, jew inkella huwa suffiċjenti li l-qorti nazzjonali tipprovdi rimedju li, filwaqt li huwa proporzjonali, jitbiegħed mill-inqas possibbli mid-dritt nazzjonali eżistenti;

liema perijodu ta’ ħlas bin-nifs huwa neċessarju; u

rimedju li jinvolvi pjan ta’ ħlasijiet bin-nifs li fil-kuntest tiegħu l-pagamenti jsiru dovuti qabel id-data tad-determinazzjoni finali tal-kwistjonijiet bejn il-partijiet tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, jiġifieri d-data ta’ meta l-pagamenti jsiru dovuti għandha tkun fil-ġejjieni?

____________