Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Erfurt (il-Ġermanja) fit-3 ta’ Jannar 2022 – HK vs Allianz Lebensversicherungs AG

(Kawża C-2/22)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landgericht Erfurt

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: HK

Konvenut: Allianz Lebensversicherungs AG

Domandi preliminari

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 31 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/96/KEE tal-10 ta’ Novembru 1992 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi relatati mal-assigurazzjoni diretta għall-ħajja, u li temenda d-Direttivi 79/267/KEE u 90/619/KEE 1 , u l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE tat-8 ta’ Novembru 1990 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi relatati mal-assigurazzjoni diretta għall-ħajja, u dwar l-iffaċilitar tal-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li temenda d-Direttiva 79/267/KEE 2 , moqri, skont il-każ, flimkien mal-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-informazzjoni sħiħa lill-konsumatur tiġi pprovduta biss wara li l-konsumatur ikun ressaq talba, jiġifieri mal-polza tal-assigurazzjoni (“mudell tal-polza”)?

Fil-każ li r-risposta li tingħata tkun fl-affermattiv: dan huwa suffiċjenti sabiex ikun hemm lok għal dritt ta’ kontestazzjoni lill-konsumatur, jiġifieri dritt għax-xoljiment tal-kuntratt tal-assigurazzjoni?

Tali dritt jista’ jiġi prekluż bid-dekadenza jew bl-abbuż ta’ dritt jew hemm limiti oħra, bħal dawk temporali, għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt?

Assiguratur li ma pprovda ebda informazzjoni lill-konsumatur jew li pprovda biss informazzjoni żbaljata dwar id-dritt tiegħu għall-kontestazzjoni, huwa prekluż milli jinvoka dekadenza, abbuż ta’ dritt jew skadenza tat-terminu fir-rigward tad-drittijiet li jirriżultaw minn tali sitwazzjoni għall-konsumatur, bħad-dritt ta’ kontestazzjoni?

Assiguratur li ma ttrażmetta ebda informazzjoni lill-konsumatur jew biss informazzjoni inkompleta jew żbaljata dwar il-konsumatur huwa prekluż milli jinvoka dekadenza, abbuż ta’ dritt jew skadenza tat-terminu fir-rigward ta’ drittijiet li jirriżultaw minn tali sitwazzjoni għall-konsumatur, bħad-dritt ta’ kontestazzjoni?

____________

1 ĠU 1992, L 360, p. 1.

1 ĠU 1990, L 330, p. 50.