Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Ġunju 2014 – Kendrion vs Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

(Kawża T-479/14)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Kendrion NV (Zeist, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentanti: P. Glazener u T. Ottervanger, avukati)

Konvenuta: Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tikkundanna lill-Unjoni Ewropea għall-ħlas, bħala danni materjali, tal-ammont ta’ EUR 2 308 463.98 jew għall-inqas ta’ ammont li jidhrilha raġonevoli li għandu jiġi allokat lil Kendrion, u

tikkundanna lill-Unjoni Ewropea għall-ħlas, bħala danni mhux materjali, prinċipalment, tal-ammont ta’ EUR 11 050 000, jew, sussidjarjament, tal-ammont ta’ EUR 1 700 000, jew għallinqas, b’mod iktar sussidjarju, ta’ ammont iffissat mill-partijiet b’mod konformi mal-proċeduri stabbiliti mill-Qorti Ġenerali jew f’kull każ ta’ ammont raġonevoli ddeterminat mill-Qorti Ġenerali,

kull ammont għandu jiġi miżjud, mis-26 ta’ Novembru 2013, b’rata ta’ interessi raġonevoli li għandhom jiġu ddeterminati mill-Qorti Ġenerali, u

tikkundanna lill-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta’ sentenza tas-26 ta’ Novembru 2013, Kendrion vs Il-Kummissjoni (C-50/12 P, Ġabra EU:C:2013:771), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-proċeduri mibdija quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-54/06, Kendrion vs Il-Kummissjoni, li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2005) 4634, tat-30 ta’ Novembru 2005, dwar provvediment skont [proċedura għall-applikazzjoni ta’] l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/F/38.354 – Boroż industrijali), peress li hija indirizzata lir-rikorrenti, kif ukoll talba għal annullament jew, sussidjarjament, talba għal tnaqqis tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ksur tal-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi ssanzjonat permezz ta’ rikors għad-danni ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, u tali rikors għandu jikkostitwixxi rimedju effettiv.

Ir-rikorrenti ssostni li f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kundizzjonijiet ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi huma ssodisfatti.Ir-rikorrenti ssostni wkoll li, peress li l-proċedura damet 5 snin u 9 xhur filwaqt li fil-fehma tagħha jista’ jiġi kkunsidrat bħala raġonevoli perijodu ta’ sentejn u 6 xhur, it-terminu raġonevoli nqabeż bi 3 snin u 3 xhur. Li kieku l-proċedura kienet ingħalqet f’terminu raġonevoli, is-sentenza kienet tingħata fis-26 ta’ Awwissu 2010 minflok fis-26 ta’ Novembru 2013.Id-dannu materjali li r-rikorrenti allegatament ġarrbet minħabba t-tul eċċessiv għandu jinftiehem f’termini ta’ responsabbiltajiet finanzjarji supplimentari li r-rikorrenti kellha ssofri matul il-perijodu kkunsidrat. Dan id-dannu jikkonsisti mill-interessi kkalkolati mill-Kummissjoni fuq l-ammont tal-multa ta’ EUR 34 miljun għall-perijodu kkunsidrat, miżjuda bl-ispejjeż tal-garanzija bankarja, relatati mal-istess perijodu, ikkostitwita għall-ħlas tal-multa u tal-interessi. Minn dan l-ammont għandhom jitnaqqsu l-ispejjeż marbuta mal-finanzjament tal-ħlas lill-Unjoni tal-multa dovuta fis-26 ta’ Awwissu 2010 u tal-interessi li kieku l-Qorti Ġenerali kienet tat sent

enza f’dik id-data.Bħala kumpens għad-dannu immaterjali li r-rikorrenti allegatament ġarrbet minħabba fit-tul eċċessiv, ir-rikorrenti titlob kumpens xieraq ugwali għal 10 % tal-multa għal kull sena, miżjud b’parti mill-10 % proporzjonali għall-parti mis-sena li matulha l-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali ma osservatx it-terminu raġonevoli. Tali kumpens ikun xieraq

skont ir-rikorrenti peress li fiż-żmien meta l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni tagħha, ammont li jikkorrispondi għal 10 % kien standard fil-qasam taż-żieda tas-sanzjoni għal kull senza li fiha kompla jseħħ il-ksur.Sussidjarjament, ir-rikorrenti titlob kumpens ġust għad-dannu mhux materjali ugwali għal 5 % tal-multa. Dan l-ammont huwa konformi mal-kumpens meqjus xieraq mill-Qorti tal-Ġustizzja f’każijiet simili ta’ qbiż serju tat-terminu fl-evalwazzjoni ta’ multi fil-qasam tal-akkordji.