Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Frar 2017 – Kendrion vs L-Unjoni Ewropea

(Kawża T-479/14) 1

(“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Preċiżjoni tar-rikors – Ammissibbiltà – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza – Dannu materjali – Interessi fuq l-ammont tal-multa mhux imħallsa – Spejjeż ta’ garanzija bankarja – Dannu mhux materjali – Rabta ta’ kawżalità”)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Kendrion NV (Zeist, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentanti: inizjalment P. Glazener u T. Ottervanger, sussegwentement T. Ottervanger, avukati)

Konvenuta: L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: inizjalment A. Placco, sussegwentment J. Inghelram u E. Beysen, aġenti)

Intervenjent insostenn tal-konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: T. Christoforou, S. Noë u P. Van Nuffel, aġenti)

Suġġett

Talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu li r-rikorrenti allegatament sostniet minħabba t-tul tal-proċedura, quddiem il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-kawża li wasslet għas-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Kendrion vs Il-Kummissjoni (T-54/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:667).

Dispożittiv

L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, hija kkundannata sabiex tħallas kumpens ta’ EUR 588 769.18 lil Kendrion NV għad-dannu materjali sostnut minn din il-kumpannija minħabba ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2011, Kendrion vs Il-Kummissjoni (T-54/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:667).

L-Unjoni, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, hija kkundannata tħallas kumpens ta’ EUR 6 000 lil Kendrion għad-dannu mhux materjali li din il-kumpannija sostniet minħabba ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawża T-54/06.

Kull kumpens previst fil-punti 1) u 2) iktar ’il fuq għandu jiġi miżjud b’interessi moratorji, dekorribbli mill-għoti ta’ din is-sentenza sal-pagament sħiħ, bir-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament tiegħu, miżjuda bi tliet punti u nofs ta’ perċentwali.

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

L-Unjoni, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, l-ispejjeż li ġew sostnuti minn Kendrion u li huma marbuta mal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li wasslet għad-digriet tas-6 ta’ Jannar 2015, Kendrion vs L-Unjoni Ewropea (T-479/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:2).

Kendrion, minn naħa, u l-Unjoni, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, min-naħa l-oħra, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom marbuta mar-rikors li wassal għal din is-sentenza.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

____________

1 ĠU C 253, 4.8.2014.