Language of document : ECLI:EU:C:2017:255

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

4 ta’ April 2017 (1)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Direttiva 2004/114/KE – Artikolu 6(1)(d) – Kundizzjonijiet ta’ ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi – Rifjut ta’ ammissjoni – Kunċett ta’ ‘theddida għas-sigurtà pubblika’ – Marġni ta’ diskrezzjoni”

Fil-Kawża C‑544/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (qorti amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Ottubru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Ottubru 2015, fil-proċedura

Sahar Fahimian

vs

Bundesrepublik Deutschland,

fil-preżenza ta’:

Stadt Darmstadt,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, M. Ilešič, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, E. Juhász, M. Berger, A. Prechal, M. Vilaras u E. Regan (Relatur), Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, A. Borg Barthet, D. Šváby, E. Jarašiūnas u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Settembru 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal S. Fahimian, minn P. von Auer, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u T. Henze, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet u M. Jacobs, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn T. Papadopoulou, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u F. X. Bréchot kif ukoll minn E. Armoët, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u F. Erlbacher, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tad-29 ta’ Novembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/114/KE, tat-13 ta’ Diċembru 2004, dwar il-kondizzjonijiet ta’ ammissjoni ta’ cittadini ta’ pajjiżi terzi għal skopijiet ta’ studju, skambju ta’ studenti, taħriġ bla ħlas jew servizz volontarju (ĠU 2006, L 153M, p. 330).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Sahar Fahimian u l-Bundesrepublik Deutschland (Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja) dwar ir-rifjut ta’ viża għal finijiet ta’ studju lill-persuna interessata.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2004/114

3        Il-premessi 6, 7, 14, 15 u 24 tad-Direttiva 2004/114 jipprovdu:

“(6)      Wieħed mill-għanijiet ta’ l-azzjoni Komunitarja fil-qasam ta’ l-edukazzjoni hu li jippromwovi l-Ewropa fl-intier tagħha bħala ċentru dinji ta’ eċċellenza għall-istudju u t-taħriġ vokazzjonali. Il-promozzjoni tal-mobilitá ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi lejn il-Komunita’ għal skopijiet ta’ studju huwa fattur ewlieni f’dik l-istrateġija. L-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ l-Istati Membri dwar il-kondizzjonijiet ta’ dħul u residenza hija parti minn dan.

(7)      Il-migrazzjoni għall-għanijiet stabbiliti f’din id-Direttiva, li minnha nfisha hija temporanja u ma tiddependix fuq is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol ta’ l-Istat Membru ospitanti, tikkostitwixxi għamla ta’ arrikkiment reċiproku għall-immigranti konċernati, il-pajjiż ta’ l-oriġni tagħhom u l-Istat Membru ospitanti u tgħin biex tippromwovi familjaritá aħjar bejn il-kulturi.

[…]

(14)      L-ammissjoni għall-iskopijiet stabbiliti minn din id-Direttiva tista’ tiġi miċħuda għal raġunijiet ġustifikati b’mod xieraq. Partikolarment, l-ammissjoni tista’ tiġi rifjutata jekk Stat Membru jikkunsidra, skond valutazzjoni tal-fatti, li ċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat huwa theddida potenzjali għall-politika pubblika jew għas-sigurta’ pubblika. Il-kunċett ta’ politika pubblika jista’ jkopri kundanna għat-twettiq ta’ delitt serju. F’dan il-kuntest, għandu jiġi notat li l-kunċett ta’ politika pubblika u sigurtá pubblika jkopri wkoll każijiet fejn ċittadin ta’ pajjiz terz jagħmel parti jew kien jagħmel parti minn assoċjazzjoni li tagħti sostenn lit-terroriżmu, li tagħti sostenn jew kienet tagħti sostenn lill-assoċjazzjoni bħal din, jew għandha jew kellha aspirazzjonijiet estremisti.

(15)      F’każ ta’ dubji li jikkonċernaw ir-raġunijiet ta’ l-applikazzjoni għall-ammissjoni, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jitolbu l-evidenza kollha, li hija neċessarja biex issir valutazzjoni tal-koerenza tagħha, b’mod partikolari fuq il-bażi ta’ l-istudji proposti mill-applikant, sabiex jiġġieldu kontra l-abbuż u l-użu ħażin tal-proċedura stabbilita f’ din id-Direttiva.

[…]

(24)      Billi l-għan ta’ din id-Direttiva, [j]iġifieri li tiddetermina l-kondizzjonijiet ta’ l-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal għanijiet ta’ studju, skambju ta’ studenti, taħriġ bla ħlas jew servizz volontarju, ma jistax jintlaħaq f’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista’, minħabba l-iskala jew l-effetti tiegħu, jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunita’ tista tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetá stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalitá stabbilit f’ dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jintlaħaq dak il-għan.”

4        Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva:

“L-għan ta’ din id-Direttiva hu li tiddetermina:

a)      il-kondizzjonijiet ta’ ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju ta’ l-Istati Membri għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur għall-fini ta’ studju, skambju ta’ studenti, taħriġ mingħajr ħlas jew servizz volontarju;

b)      ir-regoli dwar il-proċeduri għal ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju ta’ l-Istati Membri għal dawk il-finijiet.”

5        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu, li din tapplika b’mod partikolari “għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li japplikaw biex jiġu ammessi fit-territorju ta’ Stat Membru għall-finijiet ta’ studji”.

6        Il-Kapitolu II tad-Direttiva 2004/114 jirrigwarda l-“Kondizzjonijiet ta’ ammissjoni”. Dan jikkonsisti fl-Artikoli 5 sa 11 tagħha. L-Artikolu 5 huwa fformulat kif ġej:

“L-ammissjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz taħt din id-Direttiva għandha tkun soġġetta għall-verifika ta’ prova dokumentata li turi li hu/hi jilħaq/tilħaq il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6 u kwalunkwe kondizzjoni fl-Artikoli 7 sa 11 li tapplika għall-kategorija rilevanti.”

7        L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      Ċittadin ta’ pajjiż terz li japplika biex jiġi ammess għall-finijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 sa 11 għandu:

a)      jippreżenta dokument ta’ vjaġġ [dokument tal-ivvjaġġar] validu, kif determinat mill-leġiżlazzjoni nazzjonali. Stati Membri jistgħu jeħtieġu li l-perijodu ta’ validità tad-dokument ikopri mill-inqas it-tul tal-qagħda ppjanata [tas-soġġorn ippjanat];

b)      jekk hu/hi minuri taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ l-Istat Membru li jospita, jippreżenta/tippreżenta awtorizzazzjoni tal-ġenituri għall-qagħda ppjanata;

ċ)      ikollu assigurazzjoni kontra l-mard fir-rispett tar-riskji kollha normalment koperti għaċ-ċittadini tiegħu fl-Istat Membru konċernat;

d)      ma jitqiesx bħala theddida għall-politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika;

e)      jipprovdi prova, jekk l-Istat Membru hekk jitlob, li hu ħallas il-miżata għall-ipproċessar ta’ l-applikazzjoni abbażi ta’ l-Artikolu 20.

2.      Stati Membri għandhom jiffaċilitaw il-proċedura ta’ ammissjoni għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi koperti mill-Artikoli 7 sa 11 li jipparteċipaw f’programmi tal-Komunità li jsaħħu l-mobilità lejn jew fi ħdan il-Komunita’ Ewropea.”

8        L-Artikoli 7 sa 11 tal-imsemmija direttiva jirrigwardaw il-kundizzjonijiet speċifiċi għall-ammissjoni applikabbli għall-istudenti, għall-istudenti tal-iskola, għall-persuni li jitħarrġu mingħajr ħlas u għall-volontiera kif ukoll għall-mobilità tal-istudenti. L-Artikolu 7 tagħha, intitolat, “Kondizzjonijiet speċifiċi għal studenti”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Minbarra l-kondizzjonijiet ġenerali stipulati fl-Artikolu 6, ċittadin ta’ pajjiż terz li japplika biex jiġi ammess għall-finijiet ta’ studju għandu:

a)      jkun ġie aċċettat minn stabbiliment ta’ edukazzjoni għolja biex isegwi kors ta’ studju;

b)      jipprovdi/tipprovdi l-provi mitluba minn Stat Membru li matul il-qagħda tiegħu/tagħha jkollu/jkollha riżorsi biżżejjed biex ikopri/tkopri s-sussistenza, l-istudju u l-ispejjeż tal-vjaġġ lura tiegħu/tagħha. Stati Membri għandhom jippubblikaw ir-riżorsi minimi ta’ kull xahar meħtieġa għall-fini ta’ din id-disposizzjoni, mingħajr preġudizzju għal eżami individwali ta’ kull każ;

ċ)      jipprovdi provi, jekk l-Istat Membru hekk jeħtieġ, ta’ għerf suffiċenti tal-lingwa tal-kors li ser ikun segwit minnu/minnha;

d)      jipprovdi/tipprovdi provi, jekk l-Istat Membru hekk jeħtieġ, li hu/hi ħallas/ħallset il-miżati mitluba mill-istabbiliment.”

9        Skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/114:

“1.      Permess ta’ residenza għandu jinħareġ lill-istudent għal perijodu ta’ mill-inqas sena u rinovabbli jekk id-detentur jibqa’ jilħaq il-kondizzjonijiet ta’ l-Artikoli 6 u 7. Fejn it-tul tal-kors ta’ studju hu inqas minn sena, il-permess għandu jkun validu għat-tul tal-kors.

2.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16, it-tiġdid ta’ permess ta’ residenza jista’ jiġi rifjutat jew il-permess jista’ jiġi rtirat jekk id-detentur:

a)      ma jirrispettax il-limiti mposti dwar l-aċċess għal attivitajiet ekonomiċi taħt l-Artikolu 17 ta’ din id-Direttiva;

b)      ma jagħmilx progress aċċettabbli fl-istudji tiegħu/tagħha skond il-leġislazzjoni nazzjonali u l-prattika amministrattiva.”

10      L-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva, intitolat “Garanziji ta’ proċedura u trasparenza”, jipprovdi, fil-paragrafi 2 u 4 tiegħu:

“2.      Jekk l-informazzjoni provduta biex tagħti sostenn lill-applikazzjoni ma tkunx xierqa, l-iproċessar ta’ l-applikazzjoni jista’ jiġi sospiż u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw l-applikant liema informazzjoni oħra jeħtieġu.

[…]

4.      Fejn applikazzjoni tiġi rrifjutata, jew permess ta’ residenza, maħruġ b’konformità ma’ din id-Direttiva, jiġi rtirat, il-persuna konċernata għandu jkollha d-dritt li tagħmel impunjazzjoni legali quddiem l-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru konċernat.”

 Ir-Regolament (UE) Nru 267/2012

11      L-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU 2012, L 88, p. 1), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1263/2012, tal-21 ta’ Diċembru 2012 (ĠU 2012, L 356, p. 34) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 267/2012”), jipprevedi l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi tal-persuni, tal-entitajiet u tal-organi elenkati fl-Anness IX ta’ dan ir-regolament, li ġew irrikonoxxuti bħala li “huma persuni, entitajiet jew korpi oħrajn li jipprovdu appoġġ, bħal appoġġ materjali, loġistiku jew finanzjarju, lill-Gvern tal-Iran, u l-entitajiet li huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom, u persuni, u entitajiet assoċjati magħhom”.

12      Dan l-anness kien is-suġġett ta’ diversi emendi, minħabba b’mod partikolari l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi supplimentari. Fil-verżjoni tiegħu kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1202/2014, tas-7 ta’ Novembru 2014 (ĠU 2014, L 325, p. 3), dan jinkludi, taħt it-titolu I, B, dwar persuni u entitajiet involuti f’attivitajiet nukleari jew tal-missili ballistiċi kif ukoll persuni u entitajiet li jipprovdu appoġġ lill-Gvern tal-Iran, ix-Sharif University of Technology (Università tat-Teknoloġija ta’ Sharif) (l-Iran) (iktar ’il quddiem l-“SUT”).

13      Ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-inklużjoni tal-SUT fil-lista inkwistjoni huma dawn li ġejjin:

“[L-SUT] għandha għadd ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet tal-Gvern Iranjan li huma elenkati min-NU u/jew l-UE u li joperaw f’oqsma militari jew f’oqsma marbutin mas-settur militari, b’mod partikolari fil-qasam tal-produzzjoni u l-akkwist ta’ missili ballistiċi. Dawn jinkludu: ftehim mal-Aerospace Industries Organisation, li ġiet elenkata mill-UE, fost l-oħrajn għall-produzzjoni ta’ satelliti; kooperazzjoni mal-Ministeru Iranjan għad-Difiża u Iranian Revolutionary Guards Corps (IRGC) rigward kompetizzjonijiet marbuta mad-dgħajjes intelliġenti (smart boat competitions); ftehim aktar ġenerali mal-Forza tal-Ajru tal-IRGC li jkopri l-iżvilupp u t-tisħiħ tar-relazzjonijiet, il-kooperazzjoni organizzattiva u strateġika tal-Università;

SUT hi parti minn ftehim bejn 6 universitajiet li jappoġġa lill-Gvern tal-Iran permezz ta’ riċerka marbuta mad-difiża; u SUT toffri tagħlim f’korsijiet ta’ lawrja fl-inġinerija relatata mal-inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAV) imfassla, fost l-oħrajn, mill-Ministeru għax-Xjenza. Meħuda flimkien, dawn juru li hemm rekord sinifikanti ta’ involviment mal-Gvern tal-Iran f’oqsma militari jew f’oqsma marbuta mas-settur militari li jikkostitwixxi appoġġ lill-Gvern tal-Iran.”

 Id-dritt Ġermaniż

14      Il-Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet (liġi dwar ir-residenza, l-attività ekonomika u l-integrazzjoni ta’ barranin fit-territorju federali), fil-verżjoni tagħha tal-25 ta’ Frar 2008 (BGBl. I, p. 162) (iktar ’il quddiem l-“AufenthG”) tipprovdi fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 4 tagħha, intitolat “Rekwiżit ta’ permess ta’ residenza”:

“Sabiex jidħlu u joqogħdu fit-territorju tar-Repubblika federali, il-barranin għandhom jeħtieġu permess ta’ residenza […] Il-permessi ta’ residenza għandhom jingħataw fil-forma ta’

1.      viża skont it-Taqsima 6(1), Nru 1 u (3),

[…]”

15      L-Artikolu 6 tal-AufenthG, intitolat “Viża”, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Viża għat-territorju federali (viża nazzjonali) għandha tkun meħtieġa għal soġġorni ta’ perijodi twal; din il-viża għandha tinħareġ qabel ma l-barrani jidħol fit-territorju federali. Il-ħruġ għandu jkun ibbażat fuq ir-regolamenti li japplikaw għall-permess ta’ residenza għal żmien limitat, il-Karta Blu tal-Unjoni Ewropea, il-permess ta’ stabbiliment u l-permess ta’ residenza għal żmien twil tal-Unjoni Ewropea […]”

16      L-Artikolu 16 tal-AufenthG, intitolat “Studju, korsijiet tal-lingwa, tagħlim” jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Barrani jista’ jingħata permess ta’ residenza għall-finijiet ta’ studju f’università jew fi stabbiliment tal-edukazzjoni superjuri tal-Istat jew rikonoxxuti mill-Istat jew f’organu ta’ taħriġ komparabbli. […] Il-permess ta’ residenza għall-finijiet ta’ studju jista’ jinħareġ biss meta l-barrani jkun ġie aċċettat mill-istabbiliment tal-edukazzjoni kkonċernat; ammissjoni kundizzjonali hija suffiċjenti. Prova ta’ għarfien tal-lingwa li biha ser isir il-kors ta’ studji ma għandhiex tkun meħtieġa jekk l-għarfien tal-lingwa tal-barrani jkun diġà ttieħed inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni ta’ ammissjoni jew jekk ikun previst li jinkiseb permezz ta’ miżuri preparatorji għall-kors ta’ studju. Il-perijodu ta’ validità meta l-permess ta’ residenza għall-finijiet ta’ studju jinħareġ għall-ewwel darba u għal kull estensjoni sussegwenti għandu jkun tal-inqas ta’ sena u ma għandux jaqbeż is-sentejn matul korsijiet ta’ studju u miżuri preparatorji għall-korsijiet ta’ studju; dan jista’ jiġi estiż meta l-għan ta’ taħriġ ikun għadu ma ntlaħaqx u jista’ jintlaħaq f’perijodu ta’ żmien raġonevoli.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17      S. Fahimian, imwielda fl-1985, hija ċittadina Iranjana. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din għandha lawrja ta’ Master fix-Xjenza fil-qasam tat-teknoloġija tal-informatika, mill-SUT. Din l-università toffri tagħlim speċjalizzat fit-teknoloġija, fl-inġinerija u fil-fiżika.

18      Fil-21 ta’ Novembru 2012, S. Fahimian applikat mal-ambaxxata tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja f’Tehran għal viża sabiex tistudja għal dottorat fit-Technische Universität Darmstadt (Università tat-Teknoloġija ta’ Darmstadt, il-Ġermanja), fi ħdan is-Center for Advanced Security Research Darmstadt (CASED) (Ċentru għal Riċerka ta’ Sigurtà Avvanzata ta’ Darmstadt), fil-kuntest tal-proġett ta’ “sistemi affidabbli inkorporati jew mobbli”.

19      Mal-applikazzjoni tagħha, S. Fahimian ippreżentat prova tal-ammissjoni tagħha f’din l-università kif ukoll ittra mid-direttur eżekuttiv tas-Center for Advanced Security Research Darmstadt tal-14 ta’ Novembru 2012. Il-proġett ta’ riċerka ta’ S. Fahimian ġie ppreżentat f’din l-ittra bħala li l-għan tiegħu huwa “is-sigurtà ta’ sistemi mobbli, b’mod speċjali d-detezzjoni ta’ intrużjoni fuq SmartPhones, għal protokolli tas-sigurtà” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Id-direttur maniġerjali jindika wkoll li l-kompitu mogħti lil S. Fahimian f’dan il-proġett jikkonsisti “li ssib mekkaniżmi ta’ protezzjoni effiċjenti u effettivi ġodda għal SmartPhones taħt ir-restrizzjonijiet magħrufa sew ta’ qawwa ristretta, riżorsi tal-kompjuter ristretti, u wisa’ tal-banda (bandwidth) ristrett.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

20      Sabiex tiffinanzja l-istudji ta’ dottorat tagħha, S. Fahimian kisbet għotja għad-dottorat tal-imsemmi ċentru ta’ riċerka.

21      Wara li, fis-27 ta’ Mejju 2013, ġiet miċħuda l-applikazzjoni għal viża tagħha, S. Fahimian ippreżentat appell informali li wkoll ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2013.

22      Fit-22 ta’ Novembru 2013, hija ppreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju kontra din id-deċiżjoni ta’ rifjut u intiż għall-għoti tal-viża mitluba. Din il-qorti tirrileva li l-partijiet ma jaqblux dwar il-kwistjoni ta’ jekk raġunijiet ta’ sigurtà pubblika, fis-sens tal-Artikolu 6(1)(d) tad-Direttiva 2004/114, jipprekludux l-ammissjoni ta’ S. Fahimian fit-territorju Ġermaniż.

23      Mid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-konvenuta fil-kawża prinċipali ssostni li s-sitwazzjoni fl-Iran tiġġustifika l-biża’ li l-għarfien li S. Fahimian tikseb fil-kuntest tas-soġġorn tagħha għal finijiet ta’ studju jiġi użat sussegwentement b’mod ħażin fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha. Skont din il-parti, il-Gvern Iranjan ilu żmien twil jiżviluppa proġett ċibernetiku kbir li permezz tiegħu huwa qiegħed jipprova jikseb l-aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali f’pajjiżi tal-Punent. L-imsemmija parti ssostni li l-pirati ċibernetiċi jfittxu essenzjalment data sensittiva relatata mas-settur tal-ajrunawtika u ajruspazjali kif ukoll mal-industrija tal-armamenti. Skont id-dikjarazzjonijiet ta’ esperti tas-sigurtà, l-attakki ċibernetiċi huma, b’mod partikolari, imwettqa sabiex jinkisbu pjanijiet għall-kostruzzjoni u riżultati ta’ riċerka għall-programm nukleari Iranjan, li huwa ssuspettat li għandu għanijiet militari.

24      F’dan il-kuntest, l-importanza tal-impenn tal-SUT fil-qasam tar-riċerka għal finijiet militari fl-Iran huwa rrikonoxxut fil-komunità internazzjonali. Il-konvenuta fil-kawża prinċipali tirrileva f’dan ir-rigward li n-natura ta’ dan l-impenn wasslet lil-leġiżlatur tal-Unjoni li jinkludi għall-ewwel darba, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1264/2012, li jimplementa r-Regolament Nru 267/2012 (ĠU 2012, L 356, p. 55), lil din l-università fil-lista tal-entitajiet li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi indikati fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012. Din l-inklużjoni ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, fis-sentenza tagħha tat-3 ta’ Lulju 2014, Sharif University of Technology vs Il-Kunsill (T‑181/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:607). Il-leġiżlatur tal-Unjoni inkluda mill-ġdid lill-imsemmija università f’din il-lista, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1202/2014. Il-konvenuta fil-kawża prinċipali ssostni li din l-inklużjoni mill-ġdid hija mmotivata mir-rabta mill-qrib u ppruvata ta’ din l-università mar-reġim Iranjan, fil-qasam militari jew fl-oqsma marbuta ma’ dan il-qasam.

25      Barra minn hekk, skont il-konvenuta fil-kawża prinċipali, ma jistax jiġi eskluż li, anki wara li tkun kisbet il-lawrja mill-SUT, S. Fahimian iżżomm il-kuntatt ma’ persuni fi ħdan din l-università.

26      Minbarra dan, il-konvenuta fil-kawża prinċipali tibża’ li l-għarfien li tikseb S. Fahimian waqt l-istudji tagħha fil-Ġermanja jista’ jintuża wkoll għal finijiet ta’ repressjoni interna fl-Iran jew, b’mod iktar ġenerali, inkonnessjoni ma’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem. Fil-fatt, it-teknoloġiji li huma s-suġġett tal-proġett ta’ riċerka ta’ S. Fahimian jistgħu jintużaw mill-awtoritajiet Iranjani għal finijiet ta’ sorveljanza tal-popolazzjoni.

27      Il-qorti tar-rinviju għandha, madankollu, dubji dwar il-fondatezza tal-invokazzjoni, f’dan il-każ, tal-Artikolu 6(1)(d) tad-Direttiva 2004/114. Fil-fatt, l-ebda ċirkustanza konkreta marbuta mal-aġir tal-parti interessata jew mal-kuntatti tagħha ma’ ċerti persuni ma ġiet ippreżentata mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, peress li din tal-aħħar, barra minn hekk, ma spjegatx ir-relazzjoni bejn il-kompetenzi li jinkisbu mill-parti interessata waqt l-istudji għal dottorat tagħha u l-użu abbużiv sussegwenti tagħhom.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Berlin (qorti amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      a)     L-Artikolu 6(1)(d) tad-Direttiva [2004/114] għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta jivverifikaw jekk ċittadin ta’ pajjiż terz li jitlob li jiġi ammess għall-finijiet previsti fl-Artikoli 7 sa 11 tad-Direttiva għandux jitqies li jikkostitwixxi theddida għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-saħħa pubblika, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni li fuq il-bażi tiegħu l-evalwazzjoni ta’ dawn l-awtoritajiet hija suġġetta biss għal stħarriġ ġudizzjarju limitat?

b)      Jekk ir-risposta għad-domanda 1a hija fl-affermattiv:

X’limiti legali huma imposti fuq l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri meta dawn jikkunsidraw li ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qed jitlob li jiġi ammess għall-finijiet previsti fl-Artikoli 7 sa 11 tad-Direttiva [2004/114] għandu jitqies li huwa theddida għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-saħħa pubblika, fid-dawl b’mod partikolari tal-fatti li fuq il-bażi tagħhom għandha ssir din il-kunsiderazzjoni kif ukoll tal-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti?

2)      Indipendentement mir-risposti mogħtija għad-domandi 1a u 1b:

L-Artikolu 6(1)(d) tad-Direttiva [2004/114] għandu jiġi interpretat fis-sens li f’każ bħal dan inkwistjoni fil-każ ineżami – fejn ċittadina ta’ pajjiż terz, ir-[Repubblika Iżlamika tal-]Iran, li tkun kisbet id-diploma universitarja tagħha [mill-SUT] (Tehran), università li tispeċjalizza fit-teknoloġija, fix-xjenzi tal-inġinerija u fil-fiżika, [t]fittex li tiġi ammessa fit-territorju sabiex tibda studji ta’ dottorat fil-qasam tar-riċerka dwar is-sigurtà tat-teknoloġiji tal-informazzjoni fl-ambitu tal-proġett “Sistemi affidabbli inkorporati jew mobbli”, speċifikament dwar l-iżvilupp ta’ mekkaniżmi effikaċi ta’ protezzjoni tal-ismartphones – dan jawtorizza lill-Istati Membri li jirrifjutaw id-dħul fit-territorju billi jindikaw li ma jistax jiġi eskluż li l-kapaċitajiet miksuba fl-ambitu tal-proġett ta’ riċerka jintużaw fl-Iran għal skopijiet abbużivi, bħall-ġbir ta’ informazzjoni kunfidenzjali f’pajjiżi tal-Punent, ir-repressjoni interna jew b’mod iktar ġenerali inkonnessjoni ma’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem?”

 Fuq id-domandi preliminari

29      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1)(d) tad-Direttiva 2004/114 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, meta titressaq quddiemhom applikazzjoni għal viża għal finijiet ta’ studju minn ċittadin ta’ pajjiż terz, għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’, li huwa suġġett biss għal stħarriġ ġudizzjarju limitat, sabiex jiġi ddeterminat jekk dan iċ-ċittadin jirrappreżentax theddida għas-sigurtà pubblika, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u jekk l-imsemmija awtoritajiet jistgħux jirrifjutaw l-għoti tal-viża mitluba f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

30      Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandux jiġi kkunsidrat biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2014, Ben Alaya, C‑491/13, EU:C:2014:2187, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2004/114, l-Artikolu 5 tagħha jipprevedi li l-ammissjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz taħt din id-direttiva fit-territorju ta’ Stat Membru għandha tkun suġġetta għall-verifika tal-fajl tiegħu, minn fejn għandu jirriżulta li l-applikant jissodisfa kemm il-kundizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva u, fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jitlob li jiġi ammess għal finijiet ta’ studju, il-kundizzjonijiet partikolari msemmija fl-Artikolu 7 tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2014, Ben Alaya, C‑491/13, EU:C:2014:2187, punt 23).

32      B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jivverifikaw jekk jeżistux, skont l-Artikolu 6(1)(d) tad-Direttiva 2004/114, moqri fid-dawl tal-premessa 14 ta’ din id-direttiva, raġunijiet relatati mal-eżistenza ta’ theddida għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika li jistgħu jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ ammissjoni ta’ tali ċittadin (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2014, Ben Alaya, C‑491/13, EU:C:2014:2187, punt 24).

33      Skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/114, permess ta’ residenza għandu jingħata lill-istudenti ta’ pajjiżi terzi, sakemm dawn ikunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ġenerali u partikolari elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikoli 6 u 7 ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2014, Ben Alaya, C‑491/13, EU:C:2014:2187, punt 27).

34      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-għanijiet tad-Direttiva 2004/114, mill-Artikolu 1(a), moqri flimkien mal-premessa 24 tagħha, jirriżulta li din id-direttiva hija intiża sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tal-Istati Membri għal finijiet ta’ studju għal tul ta’ iktar minn tliet xhur (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2014, Ben Alaya, C‑491/13, EU:C:2014:2187, punt 28).

35      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li, skont il-premessi 6 u 7 tad-Direttiva 2004/114, din għandha bħala għan li tippromwovi l-mobbiltà tal-istudenti li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi lejn l-Unjoni Ewropea għal finijiet ta’ edukazzjoni, fejn din il-mobbiltà għandha bħala għan li tippromwovi l-Ewropa bħala ċentru dinji ta’ eċċellenza għall-istudju u t-taħriġ professjonali (sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2012, Sommer, C‑15/11, EU:C:2012:371, punt 39).

36      Għaldaqstant, Stat Membru ma jistax jintroduċi, f’dak li jikkonċerna l-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal finijiet ta’ studju, kundizzjonijiet supplimentari għal dawk previsti fl-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2004/114, mingħajr ma jmur kontra l-għanijiet intiżi minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2014, Ben Alaya, C‑491/13, EU:C:2014:2187, punt 30).

37      Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 2004/114 tirrikonoxxi lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet ġenerali u speċjali, previsti fl-Artikoli 6 u 7 ta’ din id-direttiva, humiex issodisfatti u, b’mod partikolari, jekk raġunijiet relatati mal-eżistenza ta’ theddida għas-sigurtà pubblika jipprekludux l-ammissjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2014, Ben Alaya, C‑491/13, EU:C:2014:2187, punt 33).

38      F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2004/114 ma tagħtix definizzjoni tal-kunċett ta’ “sigurtà pubblika”, fis-sens tal-Artikolu 6(1)(d) tagħha, li fuq il-bażi tiegħu huwa bbażat ir-rifjut ta’ viża inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

39      Il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, diġà ppreċiżat li l-kunċett ta’ “sigurtà pubblika” ikopri kemm is-sigurtà interna ta’ Stat Membru u kif ukoll is-sigurtà esterna tiegħu. Għalhekk, il-preġudizzju għall-funzjonament tal-istituzzjonijiet u tas-servizzi pubbliċi essenzjali kif ukoll is-sopravvivenza tal-popolazzjoni, l-istess bħar-riskju ta’ perturbazzjoni gravi tar-relazzjonijiet esterni jew tal-koeżistenza paċifika tal-popli, jew inkella l-preġudizzju tal-interessi militari, jistgħu jaffettwaw is-sigurtà pubblika (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis, C‑145/09, EU:C:2010:708, punti 43 u 44, kif ukoll tal-15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 66).

40      Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ theddida għas-sigurtà pubblika, għandu jiġi osservat li, b’differenza, b’mod partikolari, għall-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5 Vol. 5, p. 46), li jeżiġi li miżura meħuda minħabba s-sigurtà pubblika għandha tkun ibbażata esklużivament fuq l-aġir personali tal-individwu kkonċernat u li dan l-aġir għandu jirrappreżenta theddida “ġenwina, attwali u serja biżżejjed” li tolqot dan l-interess fundamentali tas-soċjetà (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Mejju 2012, I, C‑348/09, EU:C:2012:300, punt 30; tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín, C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 84, u tat-13 ta’ Settembru 2016, CS, C‑304/14, EU:C:2016:674, punt 40), mill-Artikolu 6(1)(d) tad-Direttiva 2004/114, moqri fid-dawl tal-premessa 14 ta’ din id-direttiva, jirriżulta li l-ammissjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz tista’ tiġi rrifjutata jekk l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għal viża ppreżentata minn dan iċ-ċittadin iqisu, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni tal-fatti, li dan tal-aħħar jirrappreżenta theddida, anki “potenzjali”, għas-sigurtà pubblika. Din l-evalwazzjoni għaldaqstant tista’ tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-aġir personali tal-applikant, iżda wkoll elementi oħrajn relatati, b’mod partikolari, mal-perkors professjonali tiegħu.

41      F’dan ir-rigward, l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni individwali tal-applikant għal viża tista’ timplika evalwazzjonijiet kumplessi bbażati, b’mod partikolari, fuq evalwazzjoni tal-personalità ta’ dan l-applikant, fuq l-inklużjoni tiegħu fil-pajjiż fejn huwa jirrisjedi, fuq is-sitwazzjoni politika, soċjali u ekonomika ta’ dan tal-aħħar, kif ukoll fuq it-theddida potenzjali li tkun tirrappreżenta, għas-sigurtà pubblika, l-ammissjoni tal-imsemmi applikant għal finijiet ta’ studju, fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, fid-dawl tar-riskju li l-għarfien li jikseb dan l-istess applikant waqt dawn l-istudji jkun jista’ sussegwentement jintuża, fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, għal finijiet li jippreġudikaw l-imsemmija sigurtà pubblika. Tali evalwazzjonijiet jimplikaw l-elaborazzjoni ta’ previżjonijiet dwar l-aġir mistenni tal-applikant għal viża u b’mod partikolari għandhom ikunu bbażati fuq għarfien tajjeb tal-pajjiż ta’ residenza ta’ dan tal-aħħar, kif ukoll fuq l-analiżi ta’ dokumenti differenti u tad-dikjarazzjonijiet ta’ dan l-applikant (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Koushkaki, C‑84/12, EU:C:2013:862, punti 56 u 57).

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ waqt l-evalwazzjoni tal-fatti rilevanti għad-determinazzjoni ta’ jekk ir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 6(1)(d) tad-Direttiva 2004/114 u relatati mal-eżistenza ta’ theddida, b’mod partikolari, għas-sigurtà pubblika jipprekludux l-ammissjoni taċ-ċittadin tal-pajjiż terz (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Koushkaki, C‑84/12, EU:C:2013:862, punt 60).

43      Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-applikant għal viża jirrappreżentax theddida, anki potenzjali, għas-sigurtà pubblika, huma dawn l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom iwettqu evalwazzjoni globali tal-elementi kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni ta’ din il-persuna.

44      Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-eżami tal-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni, skont il-premessa 15 tad-Direttiva 2004/114, xejn ma jwaqqaf lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti milli jeżiġu l-provi kollha meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-koerenza tat-talba għal ammissjoni (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2014, Ben Alaya, C‑491/13, EU:C:2014:2187, punt 34). F’dan ir-rigward, jekk l-informazzjoni pprovduta insostenn tal-applikazzjoni għal viża tkun insuffiċjenti għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ theddida potenzjali għas-sigurtà pubblika, mill-Artikolu 18(2) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-imsemmija awtoritajiet jistgħu jeżiġu li l-applikant jipprovdi l-informazzjoni supplimentari li tinħtieġ.

45      Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-kuntest tal-Artikolu 6(1)(d) tad-Direttiva 2004/114, il-qorti nazzjonali għandha, inkunsiderazzjoni tat-tqassim tal-oneru tal-prova kif tirriżulta mill-punt preċedenti, tivverifika b’mod partikolari jekk id-deċiżjoni kkontestata hijiex ibbażata fuq bażi fattwali soda biżżejjed.

46      Barra minn hekk, peress li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-fatti, l-istħarriġ ġudizzjarju huwa limitat, fir-rigward ta’ din id-diskrezzjoni, fl-assenza ta’ żball manifest. Barra minn hekk, dan l-istħarriġ għandu jkopri b’mod partikolari l-osservanza tal-garanziji proċedurali, li għandha importanza fundamentali. Dawn il-garanziji jinkludu l-obbligu għal dawn l-awtoritajiet li jeżaminaw, bir-reqqa u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tas-sitwazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et, C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punti 60 u 61, kif ukoll tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 69) u, ukoll, l-obbligu li jimmotivaw id-deċiżjoni tagħhom b’mod suffiċjenti sabiex il-qorti nazzjonali tkun tista’ tivverifika, fil-kuntest tar-rikors previst mill-Artikolu 18(4) tad-Direttiva 2004/114, jekk l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ġewx issodisfatti (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14, kif ukoll tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 69). Fir-rigward ta’ dan l-aħħar punt, għandu jiġi rrilevat li, skont il-premessa 14 tad-Direttiva 2004/114, ir-rifjut ta’ ammissjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz għal finijiet ta’ studju għandu jkun ibbażat fuq “raġunijiet ġustifikati b’mod xieraq”.

47      F’dan il-każ, fir-rigward tar-rikors ta’ S. Fahimian dwar id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Ġermaniżi li rrifjutawlha l-għoti tal-viża għal finijiet ta’ studju li kienet applikat għaliha, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni ta’ din il-persuna.

48      Fost dawn l-elementi, għandhom importanza partikolari, fir-rigward tal-Artikolu 6(1)(d) tad-Direttiva 2004/114, il-fatt li S. Fahimian ħadet il-lawrja mingħand l-SUT, li kienet, u għadha, inkluża fil-lista tal-entitajiet li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi indikati fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012, u l-fatt li r-riċerka li din il-persuna għandha l-ħsieb li twettaq fil-Ġermanja fil-kuntest tad-dottorat tagħha hija fil-qasam sensittiv tas-sigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni.

49      L-istess japplika għal elementi supplimentari li għandhom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u li jiġġustifikaw il-biża’ li l-għarfien li tikseb S. Fahimian fil-Ġermanja jista’ sussegwentement jintuża għal finijiet abbużivi, bħal dawk invokati mill-qorti tar-rinviju fit-tieni domanda tagħha, li jmorru kontra l-preżervazzjoni tas-sigurtà pubblika.

50      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 6(1)(d) tad-Direttiva 2004/114 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, meta jirċievu applikazzjoni għal viża għal finijiet ta’ studju minn ċittadin ta’ pajjiż terz, għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex jivverifikaw, fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni ta’ dan iċ-ċittadin, jekk dan tal-aħħar jirrappreżentax theddida, anki potenzjali, għas-sigurtà pubblika. Din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata wkoll fis-sens li din ma tipprekludix lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti milli jirrifjutaw l-ammissjoni fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, għal tali finijiet, ċittadin ta’ pajjiż terz li kiseb il-lawrja minn università li hija suġġetta għal miżuri restrittivi tal-Unjoni minħabba l-livell sinjifikattiv tal-involviment tagħha mal-Gvern Iranjan, fil-qasam militari jew f’oqsma marbuta ma’ dan il-qasam, u li għandu l-ħsieb li jwettaq, f’dan l-Istat Membru, riċerka f’qasam sensittiv għas-sigurtà pubblika, jekk l-elementi li jkollhom dawn l-awtoritajiet jiġġustifikaw il-biża’ li l-għarfien li tikseb din il-persuna waqt ir-riċerka tagħha jista’ sussegwentement jintuża għal finijiet li jmorru kontra s-sigurtà pubblika. Hija l-qorti nazzjonali, li quddiemha ġie ppreżentat rikors fir-rigward tad-deċiżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li permezz tagħha ġie miċħud l-għoti tal-viża mitluba, li għandha tivverifika li din id-deċiżjoni hija bbażata fuq motivazzjoni suffiċjenti u fuq bażi fattwali suffiċjentement soda.

 Fuq l-ispejjeż

51      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 6(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/114/KE, tat-13 ta’ Diċembru 2004, dwar il-kondizzjonijiet ta’ ammissjoni ta’ cittadini ta’ pajjiżi terzi għal skopijiet ta’ studju, skambju ta’ studenti, taħriġ bla ħlas jew servizz volontarju, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, meta jirċievu applikazzjoni għal viża għal finijiet ta’ studju minn ċittadin ta’ pajjiż terz, għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex jivverifikaw, fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni ta’ dan iċ-ċittadin, jekk dan tal-aħħar jirrappreżentax theddida, anki potenzjali, għas-sigurtà pubblika. Din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata wkoll fis-sens li din ma tipprekludix lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti milli jirrifjutaw l-ammissjoni fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, għal tali finijiet, ċittadin ta’ pajjiż terz li kiseb il-lawrja minn università li hija suġġetta għal miżuri restrittivi tal-Unjoni minħabba l-livell sinjifikattiv tal-involviment tagħha mal-Gvern Iranjan, fil-qasam militari jew f’oqsma marbuta ma’ dan il-qasam, u li għandu l-ħsieb li jwettaq, f’dan l-Istat Membru, riċerka f’qasam sensittiv għas-sigurtà pubblika, jekk l-elementi li jkollhom dawn l-awtoritajiet jiġġustifikaw il-biża’ li l-għarfien li tikseb din il-persuna waqt ir-riċerka tagħha jista’ sussegwentement jintuża għal finijiet li jmorru kontra s-sigurtà pubblika. Hija l-qorti nazzjonali, li quddiemha ġie ppreżentat rikors fir-rigward tad-deċiżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li permezz tagħha ġie miċħud l-għoti tal-viża mitluba, li għandha tivverifika li din id-deċiżjoni hija bbażata fuq motivazzjoni suffiċjenti u fuq bażi fattwali suffiċjentement soda.

Firem


1* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.