Language of document : ECLI:EU:C:2017:255

Kawża C-544/15

Sahar Fahimian

vs

Bundesrepublik Deutschland

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Direttiva 2004/114/KE – Artikolu 6(1)(d) – Kundizzjonijiet ta’ ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi – Rifjut ta’ ammissjoni – Kunċett ta’ ‘theddida għas-sigurtà pubblika’ – Marġni ta’ diskrezzjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-4 ta’ April 2017

Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal finijiet ta’ studju, skambju ta’ studenti, taħriġ bla ħlas jew servizz volontarju – Direttiva 2004/114 – Kundizzjonijiet ġenerali ta’ ammissjoni – Assenza ta’ theddida għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-saħħa pubblika – Marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti – Rifjut ta’ ammissjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li kiseb il-lawrja minn università li hija suġġetta għal miżuri restrittivi tal-Unjoni – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet –Stħarriġ ġudizzjarju tal-imsemmi rifjut – Kundizzjonijiet

(Direttiva tal-Kunsill 2004/114, Artikolu 6)

L-Artikolu 6(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/114/KE, tat-13 ta’ Diċembru 2004, dwar il-kondizzjonijiet ta’ ammissjoni ta’ cittadini ta’ pajjiżi terzi għal skopijiet ta’ studju, skambju ta’ studenti, taħriġ bla ħlas jew servizz volontarju, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, meta jirċievu applikazzjoni għal viża għal finijiet ta’ studju minn ċittadin ta’ pajjiż terz, għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex jivverifikaw, fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni ta’ dan iċ-ċittadin, jekk dan tal-aħħar jirrappreżentax theddida, anki potenzjali, għas-sigurtà pubblika. Din l-evalwazzjoni għaldaqstant tista’ tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-aġir personali tal-applikant, iżda wkoll elementi oħrajn relatati, b’mod partikolari, mal-perkors professjonali tiegħu.

Din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata wkoll fis-sens li din ma tipprekludix lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti milli jirrifjutaw l-ammissjoni fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, għal tali finijiet, ċittadin ta’ pajjiż terz li kiseb il-lawrja minn università li hija suġġetta għal miżuri restrittivi tal-Unjoni minħabba l-livell sinjifikattiv tal-involviment tagħha mal-Gvern Iranjan, fil-qasam militari jew f’oqsma marbuta ma’ dan il-qasam, u li għandu l-ħsieb li jwettaq, f’dan l-Istat Membru, riċerka f’qasam sensittiv għas-sigurtà pubblika, jekk l-elementi li jkollhom dawn l-awtoritajiet jiġġustifikaw il-biża’ li l-għarfien li tikseb din il-persuna waqt ir-riċerka tagħha jista’ sussegwentement jintuża għal finijiet li jmorru kontra s-sigurtà pubblika. Hija l-qorti nazzjonali, li quddiemha ġie ppreżentat rikors fir-rigward tad-deċiżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li permezz tagħha ġie rrifjutat l-għoti tal-viża mitluba, li għandha tivverifika li din id-deċiżjoni hija bbażata fuq motivazzjoni suffiċjenti u fuq bażi fattwali suffiċjentement soda.

(ara l-punti 40, 50 u d-dispożittiv)