Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Frar 2024 – Corporate & Public Management Consulting International vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-106/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Corporate & Public Management Consulting International OÜ (Tallinn, l-Estonja) (rappreżentant: C. Ginter, avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors preżenti ammissibbli u fondat;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Frar 2024 li tiċħad l-offerta sottomessa mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għall-offerti NEAR/TBS/2023/EA-RP/0125;

tannulla kull miżura konsegwenti, prevista jew konnessa, inkluż il-miżuri li għandhom ma humiex magħrufa meħuda mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti tal-kuntratt NEAR/TBS/2023/EA-RP/0125, u, b’mod partikolari, tannulla r-rapporti ta’ evalwazzjoni tal-offerti, id-deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt u kwalunkwe kuntratt magħmul mal-offerent magħżul;

tordna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ċaħdet l-offerta tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem l-“offerta”) u għaldaqstant kisret l-Artikolu 168(6) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 :

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Frar 2024 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) għandha tiġi annullata peress li, billi ċaħdet l-offerta, il-Kummissjoni kisret, fil-każ ineżami, l-Artikolu 168(6) tar-Regolament 2018/1046 u d-dokumenti tas-sejħa għal offerti;

L-Artikolu 168(6) tar-Regolament (KE) Nru 2018/1046 jipprovdi li l-offerti li ma jkunux konformi mar-rekwiżiti minimi kollha tad-dokumenti tal-kuntratt għandhom jiġu miċħuda. Il-konvenuta kkonstatat li l-offerta tar-rikorrenti ma kinitx konformi mar-rekwiżiti minimi speċifikati fid-dokumenti tal-kuntratt applikabbli għall-espert ewlieni 2 (iktar ’il quddiem il-“KE2”), iżda dan ma huwiex preċiż;

mid-dokumenti prodotti jirriżulta li l-KE2 għandu l-esperjenza professjonali ġenerali meħtieġa li tmur lil hinn mir-rekwiżiti minimi;

għaldaqstant il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 168(6) tar-Regolament 2018/1046 u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), billi ċaħdet l-offerta u billi ma talbitx kjarifiki minn qabel:

id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn il-Kummissjoni, minbarra l-Artikolu 168(6) tar-Regolament 2018/1046, marret kontra l-Karta minħabba ksur tad-dmir ta’ amministrazzjoni tajba;

fil-każ ineżami, il-konvenuta naqset milli taġixxi bid-diliġenza meħtieġa meta kkonkludiet li l-offerta kienet inammissibbli. Il-Kummissjoni ma wettqitx il-verifiki neċessarji u, b’mod partikolari, ma talbitx informazzjoni addizzjonali lir-rikorrenti rigward l-offerta;

id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi, fost oħrajn, id-dmir ta’ premura, l-obbligu ta’ motivazzjoni u d-dritt għal smigħ fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva. Il-Kummissjoni ma osservatx dawn il-prinċipji fir-rigward tar-rikorrenti;

id-deċiżjoni kkontestata ma ppreċiżatx għaliex il-KE2 ma kienx konformi mar-rekwiżiti tas-sejħa għall-offerta. Huwa biss wara li hija ikkuntattjat lill-Kummissjoni li din ppreċiżat li l-esperjenza tal-KE2 ma kinitx tikkorrispondi għar-rekwiżit ta’ esperjenza professjonali ġenerali. Madankollu, il-Kummissjoni ma spjegatx għaliex hija qieset li l-parti l-kbira tal-esperjenza tal-KE2 ma kinitx konformi mar-rekwiżiti tas-sejħa għall-offerti;

il-Kummissjoni ma eżaminatx id-dokumentazzjoni sottomessa mir-rikorrenti b’mod professjonali;

barra minn hekk, il-Kummissjoni ma wettqitx il-verifiki neċessarji u, b’mod partikolari, ma talbet ebda informazzjoni addizzjonali lir-rikorrenti rigward l-offerta qabel ma ħadet id-deċiżjoni kkontestata. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dritt li wieħed ma jiġix imċaħħad mill-possibbiltà għal smigħ fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattiva huwa wkoll importanti ħafna fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt. Il-Kummissjoni ċaħdet lir-rikorrenti minn dan id-dritt;

ir-rikorrent tirrileva, fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, li fil-każ ineżami huwa ċar li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

____________

1     Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36).