Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta' April 2010 - Ferracci vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-192/10)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: Pietro Ferracci (San Cesareo, l-Italja) (rappreżentant: A. Nucara, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinsab fl-ittra, tal-15 ta' Frar 2010, li biha l-konvenuta dehrilha li għandha tiċħad l-ilment magħmul mir-rikorrent;

tikkundanna l-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikors preżenti huwa indirizzat kontra d-deċiżjoni li allegatament tinsab fl-ittra, tal-15 ta' Frar 2010, li ċaħdet l-ilment li sar mir-rikorrent.

Dan l-ilment jirrigwarda l-eżenzjoni mit-taxxa komunali fuq l-immobbli prevista fl-Artikolu 7(1)(i) tad-Decreto Legge Nru 203/2005, li, skont il-paragrafu (2) tal-istess dispożizzjoni, hija applikabbli għall-attivitajiet imsemmija fl-istess subparagrafi, tkun xi tkun in-natura eventwalment kummerċjali tagħhom. Fil-fehma tar-rikorrent, din id-dispożizzjoni tagħti għajnuna mill-Istat lil entitajiet ekkleżjastiċi u ta' natura soċjali bla skop ta' lukru, sa fejn dawn l-entitajiet jeżerċitaw attività kummerċjali u attivitajiet ekonomiċi fis-sens indikat mill-ġurisprudenza Komunitarja.

Insostenn ta' dawn it-talbiet, ir-rikorrent isemmi żewġ motivi:

L-ewwel nett, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn ksur u applikazzjoni żbaljata, kif ukoll interpretazzjoni żbaljata, tal-Artikolu 108(3) TFUE. Il-konvenuta, fil-fatt, bis-saħħa tal-ilment magħmul mir-rikorrent li wasal fl-14 ta' Ġunju 2006, bdiet fażi twila ħafna ta' eżami preliminari li fiha kien hemm skambju intens ta' ittri mar-rikorrent u talbiet għal informazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali, sabiex fl-aħħar ikkonkludiet permezz tad-deċiżjoni kkontestata li ma hemm l-ebda dubju li l-miżuri inkwistjoni mhumiex għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE.

Skont ir-rikorrent, hemm indizzji ċari, fosthom iż-żmien eċċezzjonalment twil li ttieħed sabiex jiġi konkluż l-eżami preliminari, il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx kapaċi tneħħi d-dubji mqajma mill-akkużi u, f'kull każ, hija kellha almenu twettaq investigazzjoni iktar fil-fond permezz tal-proċedura ta' investigazzjoni formali msemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE.

Min-naħa l-oħra, minn qari attent tad-deċiżjoni fid-dawl ta' dawn l-allegazzjonijiet, wieħed jista' biss jikkonkludi li l-konvenuta kellha dubji serji fuq in-natura ta' għajnuna mill-Istat tal-miżuri kkontestati, imma għażlet li tiċħad l-ilment magħmul mingħajr ma tiftah il-proċedura formali, u b'hekk ma rrispettatx l-interess tar-rikorrent li jissottometti osservazzjonijiet fuq il-ġustifikazzjonijiet li l-awtoritajiet setgħu jagħtu lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta' investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108 TFUE u għall-eżami neċessarju ta' kompatibbiltà li l-Kummissjoni hija marbuta li twettaq sabiex tevalwa l-grad ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni li għandha l-iskema fiskali preferenzjali kkontestata.

Ir-rikorrent isostni, fit-tieni lok, li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata fid-dawl tal-motivazzjoni insuffiċjenti li tinsab fiha, bi ksur tal-Artikolu 296 TFUE (li kien l-Artikolu 253KE).

____________