Language of document :

Appell ippreżentat fis-17 ta’ Novembru 2021 minn Brunswick Bowling Products LLC mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fit-8 ta’ Settembru 2021 fil-Kawża T-152/19, Brunswick Bowling Products LLC vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-694/21 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Brunswick Bowling Products LLC (rappreżentant: R. Marents, avocat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Renju tal-Isvezja

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla l-punti 1 u 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata;

tirrinvija l-kawża lura l-Qorti Ġenerali;

jew, sussidjarjament, tannulla l-punti 1 u 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata u tiddeċiedi r-rikors fl-ewwel istanza u tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1960 1 fl-intier tagħha;

u, fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 263 u 256(1) TFUE ikkunsidrati flimkien, tal-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”) u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba inkwantu l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi naqset milli tevalwa l-informazzjoni li fuqha bbażat ruħha jew li naqset milli tibbaża ruħha fuqha l-Kummissjoni biex tadotta d-deċiżjoni finali tagħha u, għaldaqstant, billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha, filwaqt li, fejn il-Kummissjoni għandha d-dmir li tiżgura li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-iktar informazzjoni kompleta u affidabbli possibbli, verifika adegwata tal-legalità tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni mill-Qorti Ġenerali timplika verifika dwar jekk il-Kummissjoni bbażatx ruħha fuq l-informazzjoni kollha rilevanti u jekk, fejn applikabbli, l-informazzjoni li fuqha bbażat ruħha l-Kummissjoni hijiex fattwalment preċiża, affidabbli, kompleta u konsistenti.

It-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 296(2) TFUE, tal-Artikolu 41(1) u 41(2)(ċ) tal-Karta u tal-obbligu ta’ motivazzjoni inkwantu l-Qorti Ġenerali naqset milli tipprovdi raġunament suffiċjentement iddettaljat u mmotivat, filwaqt li, konformement mal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali għandha tiżvela r-raġunament tagħha b’tali mod li l-appellanti tkun tista’ tkun taf ir-raġunijiet għad-deċiżjoni mogħtija.

____________

1 Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1960 tal-10 ta’ Diċembru 2018 dwar miżura ta’ salvagwardja meħuda mill-Iżvezja skont id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, biex tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ tip ta’ magna pinsetter u kitt supplimentari li għandu jintuża flimkien ma’ dik it-tip ta’ magna pinsetter, immanifatturata minn Brunswick Bowling & Billiards, u biex tirtira dawk il-magni li diġà tqiegħdu fis-suq (ĠU 2018, L 315, p. 29).