Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' Lulju 2008 - Grazer Wechselseitige Versicherung vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-282/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Grazer Wechselseitige Versicherung AG (Graz, l-Awstrija) (rappreżentant: H. Wollmann, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 1625 finali tat-30 ta' April 2008 (Nru C 56/2008, ex NN 77/2006 - Privatizzazzjoni tal-Bank Burgenland fit-totalità tagħha skond l-Artikolu 231(1) KE ;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tikkontesta d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 1625 finali tat-30 ta' April 2008, li fiha l-Kummissjoni ddikjarat għajnuna mill-Istat li l-Awstrija tat bi ksur ta' l-Artikolu 88(3) KE lil Versicherungsgesellschaft Grazer Wechselseitige Versicherung AG u lil GW Beteiligungserwerbs- und -verwaltungsGmbH, fil-kuntest tal-privatizzazzjoni tal-HYPO Bank Burgenland AG, bħala inkompatibbli mas-suq komuni.

In sostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti ssostni fl-ewwel lok li l-Kummissjoni applikat ħażin l-Artikolu 87(1) KE f'diversi aspetti. B'mod partikolari hija targumenta f'dan ir-rigward li hemm diversi indikazzjonijiet li l-valur tas-suq tal-bank ipprivatizzat fiż-żmien meta seħħ il-bejgħ kien inqas b'mod sinjifikattiv mill-offerta tar-rikorrenti, u dan juri li ma rċeviet l-ebda trattament preferenzjali meta seħħ il-bejgħ.

Barra minn hekk, huwa allegat li l-konvenuta applikat ħażin it-test ta' bejjiegħ privat. F'dan ir-rigward ir-rikorrenti ssostni li l-argument tal-Kummissjoni li ma kienx possibbli fil-kuntest tad-deċiżjoni li tingħata għajnuna sabiex tittieħed n kunsiderazzjoni l-garanzija legali ('Ausfallhaftung') mil-Land ta' Brugenland għal ċerti krediti tal-bank ipprivatizzat huwa żbaljat. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li f'dan il-kuntest il-Kummissjoni tipproċedi mhux mill-mudell ta' investitur fis-settur privat genwin iżda mill-finzjoni ta' bejjiegħ lest li jassumi 100 % tar-riskju.

Ir-rikorrenti targumenta wkoll li l-Kummissjoni ma wrietx li l-offerta tar-rikorrenti kienet nominalment inqas minn dik ta' l-offerenti l-ieħor wara li twettqu l-aġġustamenti neċessarji.

Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummisjoni naqset, wara li assumiet li kien hemm għajnuna mill-Istat, milli teżamina l-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni fid-dawl ta' l-Artikolu 87(3)(ċ) KE.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata taħt diversi aspetti.

____________