Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van Cassatie (Il-Belġju) fil-5 ta’ Lulju 2021 – FU, DRV Intertrans BV

(Kawża C-410/21)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hof van Cassatie

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: FU, DRV Intertrans BV

Domandi preliminari

1.    L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali 1 , għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jekk, wara li l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ impjieg ikunu talbu l-irtirar retroattiv taċ-ċertifikati A1, l-awtoritajiet tal-Istat Membru li jkunu ħarġu ċ-ċertifikati A1 sempliċement jirtiraw b’mod provviżorju dawn iċ-ċertifikati billi jindikaw li huma ma għadx għandhom saħħa vinkolanti b’tali mod li l-proċedura kriminali tista’ titkompla fl-Istat Membru ta’ impjieg, u li l-Istat Membru li ħareġ iċ-ċertifikati A1 ser jieħu deċiżjoni definittiva biss wara li l-proċedura kriminali tkun ingħalqet b’mod definittiv fl-Istat Membru ta’ impjieg, il-preżunzjoni marbuta maċ-ċertifikati A1 tal-affiljazzjoni regolari tal-ħaddiema kkonċernati mas-sistema ta’ sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru ta’ ħruġ ma tibqax tapplika u dawn iċ-ċertifikati A1 ma jibqgħux jorbtu lill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ impjieg?

jekk din id-domanda tingħata risposta fin-negattiv, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ impjieg jistgħu ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-imsemmija ċertifikati A1 għal frodi?

2.     L-Artikolu 13(1)(b)(i) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali 2 , l-Artikoli 3(1)(a) u 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE 3 , u l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija 4 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-fatt li impriża li tikseb liċenzja għat-trasport fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea skont ir-Regolament (KE) Nru 1071/2009 u r-Regolament (KE) Nru 1072/2009 u għaldaqstant għandha tkun stabbilita b’mod effettiv u stabbilit f’dan l-Istat Membru, jimplika neċessarjament li b’dan il-mod hija ġabet il-prova inkonfutabbli li s-sede tagħha hija stabbilita f’dan l-Istat Membru fis-sens tal-Artikolu 13(1) tal-imsemmi Regolament (KE) Nru 883/2004 għall-finijiet tad-determinazzjoni tas-sistema ta’ sigurtà soċjali applikabbli u li l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ impjieg huma marbuta b’din il-konstatazzjoni?

____________

1     ĠU 2009, L 284, p. 1.

2     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72.

3     ĠU 2009, L 300, p. 51.

4     ĠU 2009, L 300, p. 72, rettifika fil-ĠU 2018, L 241, p. 14.