Language of document :

Appell ippreżentat fit-18 ta' Lulju 2011 minn L mis-sentenza mogħtija fis-7 ta' Lulju 2011 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawżi magħquda F-116/07, F-13/08 u F-31/08, L vs Il-Parlament Ewropew

(Kawża T-317/10 P)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Partijiet

Appellant: L (Il-Lussemburgu, Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu) (rappreżentant: Audrey Sèbe u Vytautas Sviderskis, avukati)

Appellat: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

L-appellanti jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tas-7 ta' Lulju 2010, fil-Kawżi magħquda F-116/07, F-13/08 u F-31/08 L vs Il-Parlament Ewropew;

tilqa' fl-intier tagħhom jew parzjalment, it-talbiet invokati mill-appellant fl-ewwel istanza

tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka tmien aggravji.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq l-interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta' 'deċiżjoni meħuda b'risposta għall-ilment. Fil-fehma tal-appellant, id-deċiżjoni meħuda fl-10 ta' Lulju 2007 mill-awtorità tal-Parlament Ewropew li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta' impjieg (iktar 'il quddiem l-"AECE") kienet b'mod żbaljat kkunsidrata bħala deċiżjoni ġdida li tkeċċi lill-appellant u li tannulla l-ewwel deċiżjoni tat-tkeċċija, peress li ma reġgħetx stabbilixxietx mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel l-ewwel deċiżjoni li ġiet adottata.

It-tieni aggravju jirrigwarda l-inammissibbiltà tad-deċiżjoni tal-AECE tat-13 ta' Frar 2008 li permezz tagħha ġie miċħud it-tieni ilment tal-appellant, għar-raġuni li l-appellant ma rċiviex dik id-deċiżjoni ħlief fis-27 ta' Frar 2008, jiġifieri, wara li l-appellant kien ippreżenta t-tielet rikors tiegħu fil-25 ta' Frar 2008.

Il-tielet aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża. Fil-fehma tarl-appellant, il-konstatazzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li dan il-prinċipju ma japplikax fil-każ fejn kuntratt ta' impjieg temporanju bbażat fuq fiduċja reċiproka jkun inetemm hija kuntrarja għall-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni Ewropea u għall-konstatazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol.

Ir-raba' aggravju jallega li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku evalwa b'mod żbaljat il-konsegwenzi tal-ksur tal-Artikolu 10 tar-Regoli interni tal-Parlament [dwar ir-reklutaġġ ta' uffiċjali u impjegati oħra] meta ddeċieda li d-deċiżjoni tat-tkeċċija ma tistax tiġi annullata minħabba raġunijiet ta' ksur tal-obbligu ta' notifika minn qabel tal-Kumitat tal-Persunal.

Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' imparzjalità.

Is-sitt aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni, peress li, fil-fehma tal-appellant, ebda raġuni ma ngħatat għad-deċiżjoni tal-10 ta' Lulju 2007.

Is-seba' aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, minħabba l-fatt li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċida li ma kellux ġuriżdizzjoni sabiex jevalwa l-korrettezza u l-gravità tar-raġunijiet tat-tkeċċija.

It-tmien aggravju jallega li kien hemm żball manifest ta' evalwazzjoni billi t-tkeċċija tal-appellant ma kinitx ibbażata fuq provi fattwali.

____________