Language of document : ECLI:EU:C:2019:288

Kawża C501/17

Germanwings GmbH

vs

Wolfgang Pauels

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landgericht Köln)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal4 ta’ April 2019

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 5(3) – Kumpens lill-passiġġieri fil-każ ta’ rifjut ta’ imbark u ta’ tħassir jew ta’ dewmien twil ta’ titjira – Portata – Eżenzjoni mill-obbligu ta’ kumpens – Kunċett ta’ ‘ċirkustanzi straordinarji’ – Ħsara f’tajer ta’ ajruplan minħabba oġġett estern fuq il-pista tat-tlugħ ta’ ajruport”

Trasport – Trasport bl-ajru – Regolament Nru 261/2004 – Artikolu 5(3) – Kumpens u assistenza lill-passiġġieri – Tħassir jew dewmien twil ta’ titjira – Eżenzjoni mill-obbligu ta’ kumpens – Kundizzjoni – Ċirkustanzi straordinarji – Kunċett – Ħsara f’tajer ta’ ajruplan minħabba oġġett estern fuq il-pista tat-tlugħ ta’ ajruport – Inklużjoni – Teħid, mit-trasportatur tal-ajru, tal-miżuri raġonevoli kollha sabiex jiġi evitat it-tħassir jew id-dewmien – Portata – Verifika mill-qorti nazzjonali

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 261/2004, premessi 14 u 15, Artikoli 5(3) u 7)

(ara l-punti 19, 20, 22, 26, 27, 32 sa 34 u d-dispożittiv)

Sunt

Trasportatur tal-ajru huwa obbligat jikkumpensa lill-passiġġieri għal dewmien ta’ tliet sigħat jew iktar fil-każ ta’ ħsara f’tajer ta’ ajruplan minħabba vit fuq il-pista tat-tlugħ jew tal-inżul biss jekk ma jkunx implimenta l-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jillimita d-dewmien tat-titjira

Fis-sentenza Germanwings (C‑501/17), mogħtija fl‑4 ta’ April 2019, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kunċett ta’ “ċirkustanza straordinarja” fis-sens tar-Regolament Nru 261/2004 (1) billi qieset li l-ħsara f’tajer ta’ ajruplan minħabba vit fuq il-pista tat-tlugħ jew tal-inżul tikkostitwixxi tali ċirkustanza. Fil-każ ta’ dewmien ta’ titjira ta’ tliet sigħat jew iktar mill-wasla li joriġina minn din l-istess ċirkustanza, trasportatur tal-ajru huwa madankollu obbligat jikkumpensa lill-passiġġieri jekk ma jkunx implimenta l-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jillimita d-dewmien twil tal-imsemmija titjira.

Il-kawża prinċipali kienet bejn passiġġier u t-trasportatur tal-ajru Germanwings dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jikkumpensa lil dan il-passiġġier li t-titjira tiegħu kienet ġarrbet dewmien twil. It-trasportatur tal-ajru kien irrifjuta li jilqa’ t-talba għal kumpens għar-raġuni li d-dewmien tat-titjira kkonċernata kien dovut għall-ħsara f’tajer ta’ ajruplan minħabba vit fuq il-pista tat-tlugħ jew tal-inżul, liema ċirkustanza għandha tiġi kklassifikata bħala “straordinarja” (2) fis-sens tar-Regolament Nru 261/2004 u teżentah mill-obbligu ta’ kumpens tiegħu previst minn dan l-istess regolament (3).

Il-Qorti Reġjonali, adita bil-kawża, xtaqet tkun taf jekk il-ħsara inkwistjoni tikkostitwixxix “ċirkustanza straordinarja” fis-sens tar-Regolament Nru 261/2004.

Qabelxejn, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li t-trasportatur tal-ajru ma huwiex obbligat jikkumpensa lill-passiġġieri jekk dan ikun jista’ juri li t-tħassir jew id-dewmien tat-titjira ta’ tliet sigħat jew iktar mill-wasla jkun dovut għal “ċirkustanzi straordinarji” li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha kienu ttieħdu u, fil-każ li jseħħu tali ċirkustanzi, li huwa jkun adotta l-miżuri adatti għas-sitwazzjoni billi jimplimenta l-mezzi kollha f’termini ta’ persunal jew ta’ materjal u l-mezzi finanzjarji li huwa kellu sabiex jiġi evitat li din twassal għat-tħassir jew għad-dewmien twil tat-titjira kkonċernata, mingħajr ma jkun jista’ jiġi rikjest minnu li jagħmel sagrifiċċji mhux tollerabbli fid-dawl tal-kapaċitajiet tal-impriża tiegħu fil-mument rilevanti.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, l-avvenimenti li, minn natura tagħhom jew mill-oriġini tagħhom, ma humiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat u li huma lil hinn mill-kontroll effettiv ta’ dan tal-aħħar.

Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, minkejja li t-trasportaturi tal-ajru jaffaċċjaw regolarment ħsara fit-tajers tal-ajruplani tagħhom, il-ħsara f’tajer li toriġina esklużivament mill-kolliżjoni ma’ oġġett estern fuq il-pista tal-ajruport ma tistax titqies bħala inerenti, min-natura jew mill-oriġini tagħha, għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat. Barra minn hekk, din iċ-ċirkustanza hija lil hinn mill-kontroll effettiv tiegħu, u, konsegwentement, għandha tiġi kklassifikata bħala “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens tar-Regolament Nru 261/2004.

Madankollu, sabiex jiġi eżentat mill-obbligu ta’ kumpens tiegħu skont ir-Regolament Nru 261/2004, huwa t-trasportatur tal-ajru li għandu juri li jkun implimenta l-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jiġi evitat li s-sostituzzjoni tat-tajer bil-ħsara minħabba oġġett estern fuq il-pista ta’ ajruport ma twassalx għal dewmien twil tat-titjira kkonċernata, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li, għal dak li jirrigwarda l-ħsara fit-tajers, it-trasportaturi tal-ajru jistgħu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom fl-ajruporti li minnhom joperaw kuntratti ta’ sostituzzjoni tat-tajers tagħhom u li jiżguraw fil-konfront tagħhom trattament prijoritarju.


1      Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).


2      Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004.


3      Artikolu 5(1)(a) u Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004.