Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Greċja) fl-4 ta’ Settembru 2023 – Zougla G.R. AE vs Ethniko Symvoulio Radiotileorasis (ESR)

(Kawża C-556/23, Zougla)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Qorti tar-rinviju

Symvoulio tis Epikrateias

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Zougla G.R. AE

Konvenut: Ethniko Symvoulio Radiotileorasis (ESR)

Domandi preliminari

L-għanijiet tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) 1 kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/1808 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li temenda d-Direttiva 2010/13/UE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) fid-dawl ta’ realtajiet tas-suq li qed jinbiddlu 2 , u, għaldaqstant, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva jinkludu: (a) il-garanzija tar-rispett u tal-protezzjoni tad-dinjità u tal-valur tal-persuna umana; u (b) il-prevenzjoni tax-xandir ta’ kontenut ta’ kwalità degradanti min-naħa ta’ fornituri ta’ servizzi għat-televiżjoni u, b’mod partikolari, ta’ kontenut bil-karatteristiċi bħal dawk imxandra fil-każ inkwistjoni mill-kumpannija rikorrenti?

Fl-ipoteżi fejn (a) l-obbligu ta’ rispett u ta’ protezzjoni tad-dinjità u tal-valur tal-persuna umana; u/jew (b) il-projbizzjoni ta’ xandir ta’ kontenut ta’ kwalità degradanti u, b’mod partikolari, kontenut li għandu l-karatteristiċi tal-programm inkwistjoni, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, leġizlazzjoni nazzjonali li timponi l-obbligi imsemmija iktar ’il fuq fuq il-fornituri kollha tas-servizzi tat-televiżjoni, bl-eċċezzjoni għal dawk li jxandru biss kontenut fuq l-internet, hija kuntrarja għall-Artikolu 4(1) tad-Direttiva moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sanċit fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?

F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel żewġ domandi, l-awtorità regolatorja nazzjonali, hija obbligata, sabiex tiggarantixxi l-effett utli tad-Direttiva, tapplika mingħajr distinzjoni għall-fornituri kollha ta’ servizzi tat-televiżjoni r-regoli tad-dritt nazzjonali li jimponu l-obbligi inkwistjoni, anki jekk id-dritt nazzjonali jipprevedi l-obbligi rilevanti u s-sanzjonijiet relatati għall-fornituri l-oħra ta’ servizzi tat-televiżjoni, iżda mhux għal dawk li jxandru l-kontenut tagħhom esklużivament fuq l-internet? Jew l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi minħabba ksur ta’ dawn l-obbligi mwettqa fi programm tat-televiżjoni mxandar fuq l-internet, abbażi ta’ interpretazzjoni wiesgħa jew ta’ applikazzjoni b’analoġija tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jkopru s-servizzi ta’ televiżjoni l-oħra, hija inkompatibbli mal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege certa, stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea moqri flimkien mal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali?

F’każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda preliminari u jekk jiġi deċiż li: (a) l-obbligu ta’ rispett u ta’ protezzjoni tad-dinjità u tal-valur tal-persuna umana; u/jew (b) il-projbizzjoni li jixxandar kontenut ta’ kwalità degradanti (u, b’mod partikolari, kontenut bħal dak tal-programm inkwistjoni) ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva fis-sens tal-Artikolu 4(1) tagħha, il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru timponi tali obbligi fuq il-fornituri ta’ servizzi tat-televiżjoni ta’ xandir terrestri, bis-satellita jew fuq network ta’ veloċità kbira, taħt piena ta’ sanzjonijiet amministrattiva, iżda li ma jinkludix regoli li jikkorrispondu f’dak li jikkonċerna l-fornituri ta’ servizzi tat-televiżjoni permezz tal-internet, l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2010/13, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ, għandu jiġi applikat fis-sens li l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha l-obbligu li tikkunsidra l-possibbiltà li timponi sanzjonijiet amministrattivi għall-ksur ta’ dawn ir-regoli, inkluż fil-każ ta’ xandir ta’ programm tat-televiżjoni permezz tal-internet abbażi tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament?

F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għar-raba’ domanda, l-obbligu tal-awtorità regolatorja nazzjonali, b’konformità ma’ dak li ntqal iktar ’il fuq u abbażi ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali konformi mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tad-Direttiva, li tapplika b’mod uniformi u mingħajr distinzjoni għas-servizzi tat-televiżjoni kollha, ikun xi jkun il-mod ta’ xandir tagħhom, ir-regoli tad-dritt nazzjonali li jimponu l-obbligi inkwistjoni, huwa konformi mal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege certa u mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, fid-dawl tal-fatt li dawn l-obbligi, previsti mid-dritt nazzjonali għall-fornituri kollha ta’ servizzi tat-televiżjoni, ma japplikawx għat-televiżjoni fuq l-internet?

____________

1 ĠU 2010, L 95, p. 1 u rettifika fil-ĠU 2010, L 263, p. 15.

1 ĠU 2018, L 303, p. 69