Language of document :

Appell ippreżentat fl-14 ta’ Settembru 2023 minn Aldo D’Agostino mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fil-25 ta’ Lulju 2023 fil-Kawża T-90/23, Aldo D’Agostino vs Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

(Kawża C-571/23 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellant: Aldo D’Agostino (rappreżentant: M. De Siena, avvocato)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Bank Ċentrali Ewropew

Talbiet

L-appellant jitlob l-annullament tad-digriet ta’ ċaħda mogħti mill-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Lulju 2023 fil-Kawża T-90/23 imressqa minn Aldo D’Agostino kontra l-Bank Ċentrali Ewropew u, konsegwentement, li jintlaqgħu it-talbiet proposti fir-rikors tal-ewwel istanza u, għalhekk, jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

I. tistabbilixxi u tikkonstata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Bank Ċentrali Ewropew, irrappreżentat mill-Presidenta Christine Lagarde, talli:

I.a) ikkawża, fir-rigward tat-titoli finanzjarji ta’ Aldo D’Agostino, bl-isem SI FTSE.COPERP, annessi mar-rikors tal-ewwel istanza, tnaqqis fil-valur ta’ EUR 841 809.34 b’telf ekwivalenti għal 99.47 % tal-valur totali tal-kapital investit, ekwivalenti għal EUR 846 198.90, peress li fit-12 ta’ Marzu 2020, Christine Lagarde, fil-kwalità ta’ Presidenta tal-BĊE, qalet il-famuża frażi “Aħna mhux qegħdin hawnhekk biex innaqsu l-firxiet, dan ma huwiex ir-rwol tal-BĊE”, u b’hekk kienet ikkawżat tnaqqis sinjifikattiv fil-valur tat-titoli fil-boroż kollha madwar id-dinja u telf ta’ 16.92 % fil-Borża ta’ Milano kkwantifikat f’perċentwali li qatt ma seħħ qabel fl-istorja tal-imsemmija istituzzjoni, u kkomunikat, bl-imsemmija frażi, li ntqalet fi stqarrija għall-istampa, lid-dinja kollha, li l-BĊE ma kienx ser jibqa’ jappoġġa l-valur tat-titoli maħruġa minn pajjiżi f’diffikultà u, għalhekk, ikkomunikat il-bidla sħiħa fl-orjentazzjoni tal-politika monetarja adottata mill-BĊE taħt it-tmexxija tal-President preċedenti, li kien temm il-mandat tiegħu f’Novembru 2019;

I.b) bl-imsemmi aġir, u bħala konsegwenza tal-fuq imsemmi tnaqqis sinjifikattiv tal-indiċi tal-Borża ta’ Milano, ikkawża tnaqqis fil-valur tal-assi tar-rikorrent;

I.c) ikkawża dannu patrimonjali li jirriżulta minn damnum emergens ta’ EUR 841 809.34 u dannu li jirriżulta minn lucrum cessans ta’ EUR 998 683.90;

I.d) ikkawża dannu patrimonjali li jammonta għas-somma totali ta’ EUR 1 840 493.24;

I.e) ikkawża dannu morali minħabba tbatija psikoloġika tiegħu stess u tal-familja tiegħu, dannu morali minħabba ħsara lill-unur, lir-reputazzjoni, lill-identità personali u professjonali kkwantifikat għal EUR 1 000 000.00;

Konsegwentement:

II) tikkundanna lill-Bank Ċentrali Ewropew, irrappreżentat mill-President provviżorju, għall-kumpens tad-danni materjali, li jinkludu d-damnum emergens u l-lucrum cessans, tad-danni mhux materjali u tad-danni mġarrba minħabba telf ta’ opportunità lil Aldo D’Agostino, evalwati abbażi tal-kriterji indikati fil-kapitoli u paragrafi rispettivi ta’ dan ir-rikors, permezz tal-pagament tal-ammonti ekwivalenti:

II.1. EUR 1 840 493.24 bħala danni patrimonjali,

II.2. EUR 1 000 000.00 bħala danni morali;

II.3. u, għaldaqstant, għall-pagament tas-somma totali ta’ EUR 2 840 493.24;

II.4. tas-somma li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li tordna, skont l-evalwazzjoni ġusta tagħha, bħala danni mġarrba minħabba telf ta’ opportunità;

II.5 għall-pagament tal-interessi moratorji miżjuda fuq dawn l-ammonti li għandhom jiġu kkalkolati mit-12 ta’ Marzu 2020, id-data li fiha seħħ l-avveniment dannuż, sar-rimbors effettiv;

III) sussidjarjament, tikkumpensa lill-appellant billi tikkundanna lill-BĊE, irrappreżentat mill-President provviżorju, għall-pagament tat-tipi ta’ danni elenkati iktar ’il fuq, jiġifieri kwalunkwe somma oħra li tirriżulta mill-proċedura ġudizzjarja, sal-ammont li tqis xieraq;

IV) għall-pagament tal-interessi moratorji miżjuda fuq dawn l-ammonti li għandhom jiġu kkalkolati mit-12 ta’ Marzu 2020, id-data li fiha seħħ l-avveniment dannuż, sar-rimbors effettiv;

V) tikkundanna lill-konvenut għar-rimbors tal-ispejjeż legali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jiddeduċi, fl-ewwel lok u qabel kollox, li l-Qorti Ġenerali ma tikkummentax dwar jekk, bid-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Marzu 2020, il-Presidenza tal-BĊE kisritx ir-regoli msemmija fir-rikors, billi llimitat ruħha li tiddikjara li l-imsemmija regoli ma humiex imfassla sabiex jagħtu drittijiet lill-individwi, u għalhekk ifformolat ġustifikazzjoni insuffiċjenti u mhux kompleta.

Fit-tieni lok, l-appellant jiċħad id-dikjarazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punti 15 sa 28 tad-digriet appellat, li skonthom ma kien hemm l-ebda każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-BĊE peress li, fil-każ inkwistjoni, ma kienx hemm ksur mill-BĊE ta’ dispożizzjoni legali intiża sabiex tagħti drittijiet lill-individwi. L-appellant isostni li d-dispożizzjonijiet li jirreferi għalihom huma regoli istituzzjonali li jistabbilixxu l-kompetenzi tal-korpi individwali tal-BĊE, billi jiġu attribwiti setgħat speċifiċi lilhom. Dawn l-istess regoli jattribwixxu drittijiet lill-individwi u speċifikament id-dritt tal-individwi li l-korpi differenti jaġixxu b’osservanza tas-setgħat istituzzjonali mogħtija lilhom mil-liġi, skont il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi.

Fit-tielet lok, sussidjarjament, l-appellant jemmen li fl-ipoteżi li fiha d-dispożizzjonijiet miksura mill-Presidenta tal-BĊE ma kinux intiżi li jagħtu drittijiet lill-individwi kif iddikjarat mill-Qorti Ġenerali, ir-raġunament ta’ din tal-aħħar ma jistax jiġi aċċettat peress li huwa r-riżultat ta’ interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 340 TFUE. Din ir-regola, kif ukoll l-Artikolu 2043 tal-Kodiċi Ċivili Taljan, ma jagħmlu l-ebda distinzjoni li tiffavorixxi r-regoli maħsuba sabiex jagħtu drittijiet lill-individwi fuq regoli oħra, u b’hekk id-dritt għal kumpens tal-persuna leża jirriżulta esklużivament mill-ksur tar-regoli li jappartjenu lill-ewwel kategorija. Barra minn hekk, ir-raġunament jikkuntrasta mal-prinċipji espressi fis-sentenza tal-istess Qorti Ġenerali fil-Kawża T-868/16, li fiha ġie kkonstatat li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni jista’ jingħad li teżisti fil-preżenza ta’ kwalunkwe aġir illegali li jagħti lok għal dannu li jista’ jistabbilixxi tali responsabbiltà.

Fir-raba’ lok, l-appellant jiċħad id-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 32 tad-digriet li l-appellant, meta sostna li l-Presidenta tal-BĊE kienet wettqet abbuż ta’ poter, ma kienx żviluppa speċifikament dan l-argument fir-rikors u kien ippreżentah biss bħala konsegwenza tal-ksur tad-dispożizzjonijiet indikati fir-rikors mhux intiżi li jagħtu drittijiet lill-individwi. L-appellant joġġezzjona li l-abbuż ta’ poter huwa “l-użu ta’ poter b’mod li ma jikkonformax mar-rekwiżit leġiżlattiv” u jeżisti meta istituzzjoni tal-Unjoni tiddevja minn prinċipji ġenerali, bħall-korrettezza, il-bona fide, id-diliġenza; ma kienx hemm dubju li, bid-dikjarazzjoni kontroversjali, il-Presidenta tal-BĊE kienet kisret il-prinċipju ta’ korrettezza u ta’ diliġenza.

Fil-ħames lok, l-appellant jiċħad id-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-prova tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn id-dikjarazzjonijiet ikkontestati tal-Presidenta tal-BĊE u t-tnaqqis tal-indiċi tal-Borża ma kinitx ipprovduta, billi jsostni li tali prova kienet evidenti mir-rikors u mill-annessi tiegħu. Huwa jenfasizza kif mill-analiżi tal-istampa dwar il-konferenza stampa mogħtija mill-Presidenta tal-BĊE fit-12 ta’ Marzu 2020, mill-kummenti ta’ gazzetti Taljani u internazzjonali kif ukoll mid-dikjarazzjonijiet tal-President tar-Repubblika Taljana, deher li kien ġeneralment mifhum li t-tnaqqis tal-Borża kien ikkawżat esklużivament mid-dikjarazzjoni kkontestata tal-Presidenta tal-BĊE. Barra minn hekk, l-inizjattiva tal-Presidenta tal-BĊE li tiskuża ruħha u li tikkoreġi d-dikjarazzjoni magħmula kienet tindika r-rikonoxximent tagħha stess li kkawżat konsegwenzi estremament dannużi fuq is-swieq. Il-prova msemmija kienet ipprovduta wkoll mill-kontenut, mill-konklużjonijiet u mill-annessi tar-rapport ġuramentat tal-konsulent maħtur mill-appellant.

Fis-sitt lok, l-appellant jikkontesta d-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 33 tad-digriet appellat dwar il-valur probatorju limitat ħafna tar-rapport tekniku ġuramentat, peress li dan tal-aħħar kien ġie mfassal mill-konsulent maħtur mill-appellant. Huwa joġġezzjona li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni li din kienet konsulenza ġuramentata, quddiem il-korp ġudizzjarju kompetenti li ħa l-ġurament tal-konsulent li kien iddikjara s-sentenza li ġejja: “Naħlef li wettaqt l-operazzjonijiet fdati lili tajjeb u fedelment għall-uniku skop li l-Imħallef ikun jaf il-verità”.

____________