Language of document : ECLI:EU:T:2011:227

Kawża T-580/08

PJ Hungary Szolgáltató kft (PJ Hungary kft)

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali PEPEQUILLO — Trade marks nazzjonali u Komunitarji verbali u figurattivi preċedenti PEPE u PEPE JEANS — Restitutio in integrum — Raġuni relattiva għal rifjut — Probabbiltà ta’ konfużjoni — Xebh tal-prodotti — Artikolu 78 tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 81 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009] — Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament Nru 207/2009]”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah li għandha reputazzjoni — Protezzjoni tat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni estiża lil prodotti jew servizzi li ma jixxibhux — Vantaġġ indebitu miksub min-natura distintiva jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(5))

1.      Għall-konsumatur medju Spanjol, hemm probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, dwar it-trade mark Komunitarja, bejn, minn naħa, is-sinjal verbali PEPEQUILLO, li għalih qed issir l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja għal “Ġilda jew imitazzjoni tal-ġilda, oġġetti oħra magħmula minn dan il-materjal u mhux inklużi fi klassijiet oħra; ġlud tal-annimali; bagolli u valiġġi; umbrelel, parasoli u bsaten; frosti u oġġetti tas-sarraġ”, “Ħwejjeġ, żraben u kpiepel”, u “Servizzi ta’ bejgħ bl-imnut fil-ħwienet ta’ kwalunke oġġett; servizzi ta’ assistenza fil-ġestjoni ta’ impriża kummerċjali fir-rigward ta’ franchises; servizzi ta’ promozzjoni u ta’ bejgħ permezz ta’ netwerks informatiċi; servizzi ta’ aġenziji tal-importazzjoni/esportazzjoni”, li jaqgħu rispettivament fil-klassijiet 18, 25 u 35 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice u, min-naħa l-oħra, it-trade marks verbali u figurattivi PEPE u PEPE JEANS, irreġistrati preċedentement fi Spanja bħala trade mark Komunitarja għal prodotti identiċi jew li jixxiebhu.

Għalkemm is-sinjal PEPEQUILLO jiddistingwi ruħu mis-sinjal preċedenti PEPE minħabba l-aħħar żewġ sillabi tiegħu, li huma itwal mill-ewwel żewġ sillabi, u mis-sinjali preċedenti kollha minħabba li huwa jikkostitwixxi kelma waħda relattivament twila, filwaqt li s-sinjali preċedenti l-oħra huma ġeneralment komposti minn kelma qasira, bħas-sinjal PEPE, jew minn żewġ kelmiet, bħas-sinjal PEPE JEANS, għandu madankollu jiġi rrilevat li dan ma huwiex determinanti sabiex jitneħħa kull xebh viżiv, għaliex skont ġurisprudenza stabbilita, il-konsumatur ġeneralment jagħti iktar attenzjoni lill-bidu ta’ trade mark milli lit-tmiem tagħha. Għaldaqstant, fuq livell viżiv, għandu jiġi rrikonoxxut grad medju ta’ xebh bejn is-sinjali inkwistjoni.

F’dak li jirrigwarda t-tqabbil tas-sinjali fuq livell fonetiku, l-ewwel żewġ sillabi tas-sinjali inkwistjoni huma identiċi u jiġu ppronunċjati bl-istess mod. Ċertament, l-aċċent toniku jaqa’ fuq it-tielet sillaba fis-sinjal PEPEQUILLO u fuq l-ewwel fis-sinjali preċedenti, imma dan ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi skartat kull xebh fonetiku. Minn dan, hemm lok li jitqies li jeżisti almenu grad dgħajjef ta’ xebh bejn is-sinjali inkwistjoni mil-lat fonetiku.

Minkejja li s-sinjal PEPEQUILLO huwa, fih innifsu, bla sinjifikat, għaliex ma huwiex isem kurrenti, huwa possibbli li l-konsumatur medju Spanjol jaqsamhom f’żewġ kelmiet li jagħtu għalih sinjifikat, jiġifieri l-kelmiet “pepe” u “quillo”. Fil-fatt, dawn iż-żewġ kelmiet, meħuda separatament, għandhom sinjifikat preċiż għall-konsumaturi Spanjoli: il-kelma “pepe” hija d-diminuttiv tal-isem José u l-kelma “quillo” hija t-taqsira familjari tal-kelma “chiquillo”. Għalhekk, anki jekk id-diminuttivi kurrenti ta’ “Pepe” huma l-kelmiet “pepito” u “pepillo”, ma jistax jiġi eskluż li l-konsumatur medju Spanjol jista’ jaħseb li s-sinjal PEPEQUILLO jfisser “PEPE ż-żgħiru”. Isegwi li l-konsumatur medju Spanjol jista’ jitwassal jaħseb li sar logħob bil-kliem sabiex issir it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mid-diminuttiv Pepe, bħalma huwa l-każ tat-trade marks preċedenti. Għalhekk, hemm lok li jitqies li s-sinjali inkwistjoni jixxiebhu fuq livell kunċettwali.

Barra minn hekk, it-trade mark PEPE tgawdi minn ċerta reputazzjoni, almenu għall-parti Spanjola tal-pubbliku kkonċernat, u għalhekk kisbet karattru distintiv għoli.

Bħala konklużjoni, it-trade marks PEPE u PEPE JEANS igawdu minn karattru distintiv tali li x-xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti, fuq il-livelli viżivi, fonetiċi u kunċettwali, u l-identiċità tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni huma suffiċjenti biex joħolqu probabbiltà ta’ konfużjoni.

(ara l-punti 77-80, 82-84, 91, 93, 96)

2.      Is-sinjal verbali PEPEQUILLO, li għalih qed issir l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja għal “Ġilda jew imitazzjoni tal-ġilda, oġġetti oħra magħmula minn dan il-materjal u mhux inklużi fi klassijiet oħra; ġlud tal-annimali; bagolli u valiġġi; umbrelel, parasoli u bsaten; frosti u oġġetti tas-sarraġ”, “Ħwejjeġ, żraben u kpiepel”, u “Servizzi ta’ bejgħ bl-imnut fil-ħwienet ta’ kwalunke oġġett; servizzi ta’ assistenza fil-ġestjoni ta’ impriża kummerċjali fir-rigward ta’ franchises; servizzi ta’ promozzjoni u ta’ bejgħ permezz ta’ netwerks informatiċi; servizzi ta’ aġenziji tal-importazzjoni/esportazzjoni” li jaqgħu rispettivament fil-klassijiet 18, 25 u 35 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice, jista’ jgawdi minn vantaġġ indebitu mir-reputazzjoni tat-trade marks verbali u figurattivi PEPE u PEPE JEANS, fis-sens tal-Artikolu 8( 5) tar-Regolament Nru 40/94, dwar it-trade mark Komunitarja.

Fil-fatt, il-konsumatur ser jixtri prodott tat-trade mark PEPEQUILLO mhux biss għax ikun jixtieq jixtri qalziet tal-jeans jew basket, imma wkoll għar-raġuni li jkollu din it-trade mark li tixxiebah mat-trade marks preċedenti ta’ reputazzjoni PEPE.

Issa, il-prodotti msemmija mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jixxiebhu. Minn dan il-fatt u fid-dawl tax-xebh tas-sinjali inkwistjoni, il-konsumaturi Spanjoli jistgħu jistabbilixxu rabta bejn it-trade marks preċedenti PEPE u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

(ara l-punti 118-120)