Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta' Diċembru 2008 - Carpent Languages vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-582/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Carpent Languages SPRL (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: P. Goergen, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

b'hekk tannulla d-deċiżjoni li tiċħad l-offerta tar-rikorrenti;

tannulla d-deċiżjoni li tagħti l-kuntratt lill-kumpannija privata b'responsabbiltà limitata ADIE TECHNICS;

sussidjarjament, f'każ li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma tilqax it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrenti l-ammont ta' EUR 200 000, (mitejn elf Euro) bħala kumpens għad-danni morali u materjali tar-rikorrenti;

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż kollha ta' din l-istanza.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad l-offerta tagħha magħmula fil-kuntest tas-sejħa għal offerti għal-lott Nru 4 tal-kuntratt intitolat "Kuntratti f'bosta oqs[m]a għal servizzi għall-organizzazzjoni ta' laqgħat u konferenzi" (ĠU 2008, S 58-77561), kif ukoll id-deċiżjoni li tagħti l-kuntratt lil offerent ieħor. Ir-rikorrenti titlob ukoll kumpens għad-danni allegatament ikkawżati mid-deċiżjoni kkontestata.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi bbażati :

fuq ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni, peress li l-Kummissjoni ma indikat la n-numru ta' punti miksuba mill-offerent li ntgħażel, la l-vantaġġi tal-offerta li ntgħżlet fuq dawk tar-rikorrenti; barra minn hekk, il-Kummissjoni ma indikatx lir-rikorrenti liema miż-żewġ studji li hija ppreżentat ma kisibx numru ta' punti suffiċjenti;

fuq żball manifest ta' evalwazzjoni, billi l-Kumitat ta' Evalwazzjoni ta marki ta' inqas minn 70 punt lil wieħed mill-istudji ppreżentati mir-rikorrenti minkejja l-fatt li r-rikorrenti spjegat fid-detall, b'mod konformi mal-ispeċifikazzjonijiet, l-approċċ li hija kienet ser tieħu sabiex tforni s-servizzi mitluba, il-mezzi li hija kienet ser talloka għall-kompiti differenti, l-iskeda tax-xogħlijiet kif ukoll stima tal-ispejjeż;

fuq ksur tal-prinċipji ta' trattament ugwali u ta' non-diskriminazzjoni hekk kif definit mill-Artikolu 89(1) tar-Regolament Finanzjarju, inkwantu l-offerent li ntgħażel ma kienx jissodisfa l-kriterji tal-għażla fir-rigward tal-kapaċità teknika.

____________