Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta' Settembru 2010 - Carpent Languages vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-582/08) 1

"Kuntratti pubbliċi għal servizzi - Proċedura ta' sejħa għal offerti Komunitarja - Organizzazzjoni ta' laqgħat u konferenzi - Ċaħda tal-offerta ta' offerent - Għoti tal-kuntratt lil offerent ieħor - Obbligu ta' motivazzjoni - Żball manifest ta' evalwazzjoni - Trattament ugwali"

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Carpent Languages (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: P. Goergen, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: B. Simon u E. Manhaeve, aġenti, assistiti minn F. Tulkens u V. Ost, avukati)

Suġġett

Rikors kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Ottubru 2008, li tiċħad l-offerta li saret mir-rikorrenti għal-lott nru 4 "Provvista ta' gruppi ta' interpreti skont il-bżonnijiet lingwistiċi ta' kull avveniment" tas-sejħa għal offerti VT/2008/036 (Kuntratti f'bosta oqsma għal servizzi għall-organizzazzjoni ta' laqgħat u konferenzi), u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Novembru 2008, li tagħti lill-kumpannija li ntgħażlet il-kuntratt għal-lott nru 4, kif ukoll talba għall-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas tad-danni f'każ li l-Qorti Ġenerali ma tilqax it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta' ċaħda tal-offerta tar-rikorrenti.

Dispożittiv

L-appell huwa miċħud.

Carpent Languages SPRL hija kkundannata għall-ispejjeż.

____________

1 - ĠU C 69, 21.03.2009.