Language of document : ECLI:EU:C:2022:990

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

COLLINS

ippreżentati fil‑15 ta’ Diċembru 2022 (1)

Kawżi magħquda C181/21 u C269/21

G.

vs

M.S.,

fil-preżenza ta’:

Rzecznik Praw Obywatelskich,

Prokuratura Okręgowa w Katowicach

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Katowicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Katowice, il-Polonja))

u

BC,

DC

vs

X,

fil-preżenza ta’:

Rzecznik Praw Obywatelskich,

Prokuratura Okręgowa w Krakowie

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków, il-Polonja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Stat tad-dritt – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1)TUE – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Ħatra ta’ mħallfin fil-qrati ordinarji – Rwol ta’ korpi ta’ awtoregolamentazzjoni tal-ġudikatura fil-ħatra tal-imħallfin – Nuqqas ta’ indipendenza tal-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura) – Ġurisdizzjoni tal-Izba Kontroli Nadzwyczajnej i Spraw Publicznych (l-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi tas-Sąd Najwyższy) (il-Qorti Suprema, il-Polonja) – Kwistjoni dwar jekk din l-awla tissodisfax il-kriterji ta’ qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel bil-liġi”






Werrej


I. Introduzzjoni

II. Ilkuntest ġuridiku – iddritt Pollakk

A. IlKostituzzjoni

B. IlLiġi dwar ilKRS

C. IlLiġi Emendata dwar ilQorti Suprema

D. IlLiġi dwar lOrganizzazzjoni talQrati Ordinarji

E. IlKodiċi ta’ Proċedura Ċivili

III. Ilkuntest fattwali talkawża prinċipali u ddomandi preliminari

A. Kawża C181/21

B. Kawża C269/21

IV. Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

V. Ammissibbiltà

Osservazzjonijiet sottomessi

Analiżi

VI. Fuq ilmertu

A. Osservazzjonijiet preliminari

B. Fuq lewwel domanda

1. Fuq ittieni fattur

2. Fuq lewwel fattur

3. Fuq ittielet fattur

VII. Konklużjoni


I.      Introduzzjoni

1.        Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni Ewropea ta’ ċerti aspetti tar-riforma reċenti tas-sistema ġudizzjarja Pollakka fil-kuntest ġdid tal-proċeduri ta’ ħatra ta’ mħallfin fil-qrati ordinarji fil-Polonja. Huma intiżi biex jaċċertaw jekk kulleġġ ġudikanti josservax ir-rekwiżit ta’ stabbiliment minn qabel bil-liġi skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), fejn uħud mill-membri tiegħu jkunu nħatru skont proċedura eżenti mill-parteċipazzjoni ta’ korpi ta’ awtoregolamentazzjoni tal-ġudikatura; fuq il-bażi ta’ riżoluzzjoni tal-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, iktar ’il quddiem il-“KRS”) fil-kompożizzjoni tiegħu ta’ wara l-2018 (2) u fejn il-kandidati eliminati ma għandhomx iktar dritt ta’ appell quddiem qorti li tissodisfa r-rekwiżit ta’ stabbiliment minn qabel bil-liġi. Il-qrati tar-rinviju jistaqsu dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix l-għoti ta’ ġurisdizzjoni esklużiva lill-Izba Kontroli Nadzwyczajnej i Spraw Publicznych (l-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) (iktar ’il quddiem l-“Awla Straordinarja”) sabiex tistħarreġ il-legalità tal-ħatriet ġudizzjarji fil-qrati ordinarji peress li din l-awla hija komposta esklużivament minn imħallfin maħtura wara proċedura simili għal dik użata għall-ħatra tal-imħallfin fil-qrati ordinarji. Skont il-qrati tar-rinviju, l-Awla Straordinarja ma tistax, fi kwalunkwe każ, teżamina kwalunkwe oġġezzjoni fir-rigward tal-legalità tal-ħatra ta’ mħallef jew tal-awtorità ta’ dan l-imħallef biex jeżerċita funzjonijiet ġudizzjarji. Fid-dawl tal-assenza ta’ rimedji fid-dritt Pollakk sabiex tinstab soluzzjoni għall-ħatra irregolari tal-imħallfin, il-qrati tar-rinviju jistaqsu wkoll jekk huma għandhomx, sabiex jiżguraw l-effettività tad-dritt tal-Unjoni, japplikaw ex officio regoli nazzjonali dwar ir-rikuża awtomatika tal-imħallfin (iudex intabiliti) b’analoġija u b’hekk jeskludu lill-imħallfin maħtura fil-qrati ordinarji bi proċedura illegali milli jisimgħu kawżi.

II.    Ilkuntest ġuridiku – iddritt Pollakk

A.      IlKostituzzjoni

2.        L-Artikolu 179 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja jipprevedi li l-President tar-Repubblika għandu, fuq proposta tal-KRS, jaħtar l-imħallfin għal żmien indeterminat. Skont l-Artikolu 180(1) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, l-imħallfin huma irremovabbli. Skont l-Artikolu 186(1) il-KRS huwa l-gwardjan tal-indipendenza tal-qrati u tal-imħallfin.

B.      IlLiġi dwar ilKRS

3.        L-Artikolu 44(1) tal-Liġi dwar il-KRS jipprevedi li “parteċipant fil-[proċedura ta’ ħatra fil-qrati ordinarji] jista’ jappella quddiem is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] fuq il-bażi tal-illegalità tar-riżoluzzjoni tal-[KRS], sakemm ma jkunx previst mod ieħor minn dispożizzjonijiet separati. […]”

C.      IlLiġi Emendata dwar ilQorti Suprema

4.        L-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema), tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (3), stabbilixxiet l-“Izba Dyscyplinarna” (iktar ’il quddiem l-“Awla Dixxiplinari”) u l-Awla Straordinarja bħala awli fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). Sa fejn huwa rilevanti għal dawn il-proċeduri, l-ustawa o zmianie ustawy – Prawo o ustroju sądów powszechnych, ustawy o Sądzie Najwyższym oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, il-Liġi dwar il-Qorti Suprema u Ċerti Liġijiet Oħra, iktar ’il quddiem il-“Liġi Emendatorja”) (4) introduċiet il-paragrafi 2 u 3 fl-Artikolu 26 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema b’effett mill‑14 ta’ Frar 2020.

5.        L-Artikolu 26(1) sa (3) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema jipprevedi:

“1.      Għandhom jaqgħu fil-kompetenza tal-[Awla Straordinarja] ir-rikorsi straordinarji, it-tilwimiet fil-qasam elettorali u l-kontestazzjonijiet tal-validità ta’ referendum nazzjonali jew ta’ referendum kostituzzjonali, il-konstatazzjoni tal-validità tal-elezzjonijiet u tar-referendums, il-kawżi l-oħra relatati mad-dritt pubbliku, inkluż il-kontenzjuż dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni, tar-regolamentazzjoni tal-enerġija, tat-telekomunikazzjonijiet u tat-trasport ferrovjarju, kif ukoll ir-rikorsi diretti kontra d-deċiżjonijiet tal-Przewodniczy Krajowej Rady Radiofonii i Telewizji (il-President tal-Kunsill Nazzjonali tar-Radju u tat-Televiżjoni, il-Polonja), jew li jikkontestaw it-tul eċċessiv tal-proċeduri quddiem il-qrati ordinarji u militari, kif ukoll quddiem is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)].

2.      L-[Awla Straordinarja] għandha ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni tat-talbiet jew dikjarazzjonijiet dwar ir-rikuża ta’ mħallef jew il-ħatra tal-qorti li quddiemha għandha ssir proċedura, li jinvolvu lmenti bbażati fuq l-assenza ta’ indipendenza tal-qorti jew tal-imħallef. Il-qorti adita bil-kawża għandha tibgħat immedjatament talba lill-President tal-[Awla Straordinarja] sabiex din tiġi ttrattata konformement mar-regoli stabbiliti minn dispożizzjonijiet distinti. Is-sottomissjoni ta’ talba lill-President tal-[Awla Straordinarja] ma tissospendix il-proċedura pendenti.

3.      It-talba msemmija fil-paragrafu 2 ma għandhiex tiġi eżaminata jekk din tkun tirrigwarda l-konstatazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-legalità tal-ħatra ta’ mħallef jew tal-leġittimità tiegħu sabiex jeżerċita funzjonijiet ġudizzjarji.”

D.      IlLiġi dwar lOrganizzazzjoni talQrati Ordinarji

6.        Il-Liġi Emendatorja ħassret l-Artikolu 58(2) tal-ustawa – Prawo o ustroju sądów powszechnych (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji”) tas‑27 ta’ Lulju 2001 (5). Barra minn hekk, hija emendat l-Artikolu 58(1) tagħha biex jaqra kif ġej:

“1.      Jekk ikun hemm iktar minn kandidatura waħda għal pożizzjoni ġudizzjarja battala, il-kandidaturi kollha għandhom jiġu eżaminati fl-istess laqgħa tal-assemblea.

[…]”

7.        Qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi Emendatorja fl‑14 ta’ Frar 2020, l-Artikolu 58 tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji kien jipprevedi li:

“1.      Jekk ikun hemm iktar minn kandidatura waħda għal pożizzjoni ġudizzjarja battala, il-kandidaturi kollha għandhom jiġu eżaminati fl-istess laqgħa tal-assemblea.

2.      L-assemblea ġenerali tal-imħallfin tal-appell jew l-assemblea ġenerali tal-imħallfin reġjonali għandha tiddeċiedi dwar il-kandidati permezz ta’ vot u għandha tittrażmetti l-kandidaturi kollha, b’indikazzjoni tan-numru ta’ voti miksuba, lill-President tas-[sąd apelacyjny (il-Qorti tal-Appell)] jew tas-[sąd okręgowy (il-Qorti Reġjonali)], skont il-każ.

[…]

4.      Il-president tal-qorti kompetenti għandu jissottometti lill-KRS, permezz tas-sistema elettronika, il-kandidaturi evalwati bil-mod previst fil-paragrafu 2, flimkien mal-evalwazzjoni tal-kwalifiki u l-opinjoni tal-kulleġġ tal-qorti kompetenti, kif ukoll l-informazzjoni miksuba mill-Kap tal-Pulizija tal-Provinċja jew il-Kap tal-Pulizija Metropolitana ta’ Varsavja, kif imsemmi fil-paragrafu 3, u dokumenti oħra relatati mal-proċedura inkwistjoni li jirrigwardaw il-ħatra għall-eżerċizzju ta’ funzjoni ġudizzjarja, miġbura fis-sistema elettronika.

[…]”

E.      IlKodiċi ta’ Proċedura Ċivili

8.        Permezz tal-Artikolu 48 tal-ustawa – Kodeks postępowania cywilnego (il-Liġi dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili tas‑17 ta’ Novembru 1964 (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili”) (6):

“1.      Imħallef jiġi rrikużat ipso iure:

1)      minn kawżi li fihom huwa parti jew li fihom huwa għandu rabta ġuridika tali ma’ waħda mill-partijiet li l-eżitu tal-kawża jkun jaffettwa d-drittijiet jew l-obbligi tiegħu;

[…]

5)      minn kawżi li pparteċipa fihom, f’qorti inferjuri, fir-rigward tal-għoti tas-sentenza appellata, kif ukoll minn kawżi li jikkonċernaw il-validità ta’ att ġuridiku redatt bil-parteċipazzjoni tiegħu jew li kien mistħarreġ minnu, u minn kawżi li fihom huwa aġixxa bħala prosekutur.

[…]”

9.        L-Artikolu 367(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jiddikjara li “l-qrati tat-tieni istanza għandhom jeżaminaw il-kawżi b’kulleġġ ta’ tliet imħallfin. In camera, il-qorti għandha tiddeċiedi b’kulleġġ ġudikanti ta’ mħallef uniku, ħlief meta tagħti sentenza”. Skont il-punt 4 tal-Artikolu 379 tiegħu, il-proċeduri jkunu invalidi “jekk il-kompożizzjoni tal-qorti adita ma tkunx konformi mad-dispożizzjonijiet legali jew jekk il-kawża tkun instemgħet fil-preżenza ta’ mħallef suġġett għal rikuża ipso jure […]”.

10.      Il-punt 1 tal-Artikolu 401 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprevedi li huwa possibbli li jintalab il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ta’ invalidità “jekk tkun ipparteċipat fil-kulleġġ ġudikanti persuna mhux awtorizzata jew jekk imħallef irrikużat ipso jure jkun ta deċiżjoni u l-parti ma setgħetx tinvoka r-rikuża qabel ma s-sentenza kisbet l-awtorità ta’ res judicata.”

III. Ilkuntest fattwali talkawża prinċipali u ddomandi preliminari

A.      Kawża C181/21

11.      Il-proċeduri quddiem is-Sąd Okręgowy w Katowicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Katowice, il-Polonja) jirrigwardaw tilwima bejn konsumatur u negozjant dwar kuntratt ta’ self irregolat mid-dritt nazzjonali li ttraspona d-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (7). Wara trasferiment tad-drittijiet tan-negozjant, ir-rikorrent ippreżenta azzjoni kontra l-konsumatur għall-ħlas ta’ somma ta’ 16 000.40 zloty Pollakki (PLN) (madwar EUR 3 420), flimkien mal-interessi u l-ispejjeż. Is-Sąd Rejonowy w Dąbrowie Górniczej (il-Qorti Distrettwali ta’ Dąbrowa Górnicza, il-Polonja) ordnat il-ħlas tas-somom mitluba u ċaħdet il-kontestazzjoni tal-konsumatur kontra dan id-digriet. Għalhekk, il-konsumatur ippreżenta azzjoni quddiem is-Sąd Okręgowy w Katowicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Katowice) kontra dan it-tieni digriet. Din l-azzjoni ġiet assenjata għal kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin.

12.      Fit‑18 ta’ Marzu 2021, is-Sąd Okręgowy w Katowicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Katowice), sedenti in camera u komposta minn imħallef uniku bħala mħallef relatur, esprimiet dubji dwar il-kapaċità ta’ din il-qorti, b’kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin, li tiddeċiedi dwar il-kwistjoni minħabba l-preżenza tal-Imħallef A.Z. f’dan il-kulleġġ ġudikanti. B’eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni tagħha taħt l-Artikolu 367(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, is-Sąd Okręgowy w Katowicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Katowice), komposta minn imħallef uniku, iddeċidiet li tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari.

13.      Mill‑1996, l-Imħallef A.Z. kien imħallef f’qorti inferjuri qabel ma kkandida ruħu għall-pożizzjoni ta’ mħallef fis-Sąd Okręgowy w Katowicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Katowice). Il-Kolegium Sądu Apelacyjnego (il-Kulleġġ tal-Qorti tal-Appell) ta l-opinjoni tiegħu dwar il-kandidatura tal-Imħallef A.Z. għal din il-pożizzjoni. L-Assemblea tar-Rappreżentanti tal-Ġudikatura tas-Sąd Apelacyjny w Katowicach (il-Qorti tal-Appell ta’ Katowice, il-Polonja) ma tatx l-opinjoni tagħha dwar il-kandidatura tal-Imħallef A.Z. minħabba tħassib dwar l-istatus tal-KRS u l-mod kif dan ħadem fl-assenza ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-istatus tal-KRS.

14.      Skont il-qorti tar-rinviju, waqt il-kompetizzjoni ta’ ħatra ta’ mħallfin fis-Sąd Okręgowy w Katowicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Katowice) li fiha pparteċipa l-Imħallef A.Z., id-dritt Pollakk kien josserva prinċipju kostituzzjonali li kien jimponi l-parteċipazzjoni ta’ korpi ta’ awtoregolamentazzjoni tal-ġudikatura fil-proċess ta’ ħatra. L-assemblea rilevanti tar-rappreżentanti tal-imħallfin ma kinitx ipparteċipat fil-proċess li wassal għall-ħatra tal-Imħallef A.Z. Ir-riżoluzzjonijiet adottati mill-Assemblea tar-Rappreżentanti tal-Ġudikatura juru li hija qagħdet lura milli tagħti l-opinjoni tagħha fuq il-kandidati sakemm l-istatus tal-KRS jiġi solvut minn korpi kompetenti biex jagħmlu dan, inkluża l-Qorti tal-Ġustizzja. Minkejja l-adozzjoni tal-imsemmija riżoluzzjonijiet, il-President tas-Sąd Apelacyjny w Katowicach (il-Qorti tal-Appell ta’ Katowice), li ppresjeda l-Assemblea tar-Rappreżentanti tal-Ġudikatura u li kien ġie maħtur mill-Ministru għall-Ġustizzja attwali, beda l-proċedura quddiem il-KRS għall-ħatra tal-Imħallef A.Z. (8). Wara riżoluzzjoni tal-KRS il-President tar-Repubblika tal-Polonja sussegwentement ħatar lill-Imħallef A.Z. għas-Sąd Okręgowy w Katowicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Katowice).

15.      Il-qorti tar-rinviju tosserva li fid-dritt Pollakk qorti ordinarja tiddeċiedi f’kulleġġ ġudikanti ta’ mħallef uniku ħlief meta tagħti sentenza. Hija tqis li d-domandi fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha huma ammissibbli minkejja li jista’ jkun li l-kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin ta’ din il-qorti ma huwiex qorti fis-sens tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk hija tqis li l-qorti tar-rinviju, sedenti in camera u komposta minn imħallef uniku, tagħmel parti mill-ordinament ġuridiku Pollakk f’“oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

B.      Kawża C269/21

16.      Billi bbażaw ruħhom fuq is-sentenza Dziubak (9), ir-rikorrenti talbu l-kundanna tal-konvenut quddiem is-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków, il-Polonja) għall-ħlas ta’ PLN 104 537.48 u 74 582.19 frank Svizzeru (CHF) (madwar EUR 76 000) – flimkien mal-interessi u l-ispejjeż – kif ukoll għall-annullament ta’ kuntratt ta’ self immobiljari. Din it-talba oriġinat wara ftehim ta’ self li r-rikorrenti, bħala konsumaturi, kienu kkonkludew ma’ bank. Il-ftehim ta’ self huwa rregolat mid-dritt nazzjonali li ttraspona d-Direttiva 93/13. Ir-rikorrenti talbu wkoll miżuri provviżorji, inter alia, għas-sospensjoni ta’ pagamenti ta’ kull xahar tal-ammonti stipulati fil-ftehim ta’ self. Skont il-qorti tar-rinviju, is-sospensjoni tal-ftehim ta’ self, li huwa rregolat minn proċedura inċidentali, hija parti integrali mill-kawża prinċipali peress li kwalunkwe ordni ta’ sospensjoni ta’ pagamenti taffettwa l-portata tat-talba tar-rikorrenti.

17.      Fid‑9 ta’ Ottubru 2020, is-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków), ippresjeduta minn imħallef uniku, laqgħet it-talba għal miżuri provviżorji. Fl‑1 ta’ Diċembru 2020, il-bank konvenut appella minn dan id-digriet quddiem l-istess qorti, issa b’kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin. Dan il-kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin tas-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków), li kien jinkludi lill-Imħallef A.T. li kienet qiegħda taġixxi bħala mħallef relatriċi u presidenta, laqa’ l-appell tal-konvenut u ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji. Din id-deċiżjoni tal-aħħar, li hija definittiva, intbagħtet lura quddiem is-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków). Is-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków), b’kulleġġ ġudikanti b’imħallef uniku, tqis li l-kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin tal-istess qorti li inkludiet l-Imħallef A.T. jista’ jkun inkompatibbli mad-dritt nazzjonali u mad-dritt tal-Unjoni b’tali mod li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal miżuri provviżorji tista’ tkun invalida.

18.      Skont il-qorti tar-rinviju, mill‑2009 l-Imħallef A.T. kienet imħallef fis-Sąd Rejonowy dla Krakowa – Krowodrzy w Krakowie (il-Qorti Distrettwali ta’ Kraków – Krowodrza, Kraków, il-Polonja) qabel ma kkandidat ruħha għall-pożizzjoni ta’ mħallef fis-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków) (10) fejn kienet l-unika kandidata għal din il-pożizzjoni. Fl‑1 ta’ Ġunju 2020, il-Kolegium Sądu Okręgowego w Krakowie (il-Kulleġġ tal-Qorti Reġjonali ta’ Kraków, il-Polonja) ta opinjoni favorevoli dwar il-kandidatura tagħha (11). Il-maġġoranza tal-membri tal-Kolegium Sądu Okręgowego w Krakowie (il-Kulleġġ tal-Qorti Reġjonali ta’ Kraków) huma presidenti tas-sądy rejonowe (il-Qrati Distrettwali) u ta’ sądy okręgowe (il-Qrati Reġjonali) li jinħatru mill-Ministru għall-Ġustizzja f’dawn il-pożizzjonijiet. Iż-Zgromadzenie Sędziów Sądu Okręgowego (l-Assemblea tal-Ġudikatura tal-Qorti Reġjonali) ma eżaminatx il-kandidatura tal-Imħallef A.T. peress li l-opinjoni ta’ din l-assemblea ma kinitx għadha meħtieġa wara l-emenda tal-Artikolu 58 tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji permezz tal-Liġi Emendatorja. Fl‑4 ta’ Frar 2021, wara riżoluzzjoni tal-KRS tas‑7 ta’ Lulju 2020, il-President tar-Repubblika ħatar lill-Imħallef A.T. fis-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków).

19.      Il-qrati tar-rinviju josservaw li l-kwistjonijiet imqajma fil-Kawżi C‑181/21 u C‑269/21 jirrigwardaw il-proċeduri li jirregolaw il-ħatra tal-imħallfin fil-qrati ordinarji fil-Polonja. Sal-lum, lill-Qorti tal-Ġustizzja sarulha domandi dwar il-legalità tal-proċeduri tal-ħatra tal-imħallfin fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). Għaldaqstant, il-qrati tar-rinviju ddeċidew li jissospendu l-proċeduri quddiemhom u li jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikoli 2 u 19(1) tat-[TUE] kif ukoll l-Artikolu 6(1) sa (3) TUE moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-[Karta] għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

(a)      qorti li fil-formazzjoni ġudikanti tagħha tpoġġi persuna maħtura fil-pożizzjoni ta’ mħallef f’din il-qorti permezz ta’ proċedura li teskludi l-parteċipazzjoni tal-korpi ta’ awtoregolamentazzjoni tal-ġudikatura li l-kompożizzjoni tagħhom fil-parti l-kbira hija indipendenti mill-eżekuttiv u mil-leġiżlattiv ma hijiex qorti stabbilita bil-liġi fis-sens tad-dritt tal-[Unjoni] f’sitwazzjoni fejn fid-dawl tal-acquis kostituzzjonali tal-Istat Membru l-parteċipazzjoni tal-korp ta’ awtoregolamentazzjoni tal-ġudikatura li jissodisfa r-rekwiżiti kkonċernati fil-proċedura ta’ ħatra ta’ mħallfin hija neċessarja, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest istituzzjonali u strutturali, ladarba:

–        ir-rekwiżit ta’ għoti ta’ opinjoni dwar il-kandidaturi għall-pożizzjoni ta’ mħallef kien jaqa’ fuq l-assemblea tal-ġudikatura u dan ir-rekwiżit ġie deliberatament eskluż kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet nazzjonali u tal-pożizzjoni ta’ dan il-korp ta’ awtoregolamentazzjoni tal-ġudikatura (12);

–        ir-rekwiżit ta’ għoti ta’ opinjoni dwar il-kandidaturi għall-pożizzjoni ta’ mħallef kien jaqa’ fuq il-kulleġġ ta’ dik il-qorti, li kien kompost b’tali mod li l-maġġoranza tal-membri tiegħu ġew maħtura minn rappreżentant tal-eżekuttiv, jiġifieri l-Minister Sprawiedliwości (il-Ministru għall-Ġustizzja), li huwa wkoll il-Prokurator Generalny (il-Prosekutur Pubbliku Ġenerali, il-Polonja) (13);

–        il-[KRS] preżenti, maħtur konformement mad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali u legali Pollakki, ma huwiex organu indipendenti u fih ma jpoġġux rappreżentanti tal-ġudikatura maħtura fi ħdanu b’mod indipendenti mill-eżekuttiv u mil-leġiżlattiv u għaldaqstant l-applikazzjoni għall-ħatra għall-uffiċċju ta’ mħallef fid-dritt nazzjonali ma ġietx sottomessa b’mod effettiv;

–        il-parteċipanti fil-kompetizzjoni għall-ħatra ma kellhomx dritt għal rimedju ġudizzjarju skont it-tifsira tal-Artikoli 2 u 19(1) TUE kif ukoll l-Artikolu 6(1) sa (3) TUE moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta.

(b)      qorti li fil-formazzjoni ġudikanti tagħha tpoġġi persuna maħtura fil-pożizzjoni ta’ mħallef f’din il-qorti permezz ta’ proċedura dipendenti fuq indħil arbitrarju tal-eżekuttiv u li teskludi l-parteċipazzjoni tal-korpi ta’ awtoregolamentazzjoni tal-ġudikatura li l-kompożizzjoni tagħhom fil-parti l-kbira hija indipendenti mill-eżekuttiv u mil-leġiżlattiv jew minn organu ieħor li jiżgura evalwazzjoni oġġettiva tal-persuna kkandidata ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ qorti indipendenti stabbilita fuq il-bażi tal-liġi, fid-dawl tal-fatt li l-parteċipazzjoni tal-korpi ta’ awtoregolamentazzjoni tal-ġudikatura jew ta’ korp ieħor indipendenti mill-eżekuttiv u mil-leġiżlattiv u li jiżgura evalwazzjoni oġġettiva tal-persuna kandidata fil-proċedura ta’ ħatra ta’ mħallef hija, f’kuntest ta’ tradizzjoni legali Ewropea msejsa fuq l-imsemmija dispożizzjonijiet tat-TUE u tal-Karta kif ukoll f’kuntest ta’ pedament kostituttiv ta’ unjoni legali bħalma hija l-Unjoni Ewropea, neċessarja biex jiġi rrikonoxxut li l-qorti nazzjonali tiggarantixxi l-livell meħtieġ ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva fi kwistjonijiet koperti mid-dritt tal-Unjoni u konsegwentement li jiġi żgurat il-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri u ta’ bilanċ tal-poteri kif ukoll il-prinċipju ta’ saltna tad-dritt[?]

2)      L-Artikolu 2 u l-Artikolu 19(1) TUE moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li f’sitwazzjoni fejn fil-formazzjoni ġudikanti ta’ qorti tpoġġi persuna maħtura fiċ-ċirkustanzi deskritti fl-ewwel domanda:

(a)      dawn jipprekludu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jqiegħdu l-evalwazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-ħatra ta’ tali persuna fil-kariga ta’ mħallef taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva ta’ Awla tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), komposta esklużivament minn persuni maħtura fil-kariga ta’ mħallef taħt iċ-ċirkustanzi deskritti [fil-punt (a) tal-ewwel domanda] u li fl-istess waqt jirrikjedu li ma jiġux eżaminati l-oġġezzjoniijiet għall-ħatra fil-kariga ta’ mħallef, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest istituzzjonali u sistemiku;

(b)      dawn jirrikjedu, sabiex tiġi żgurata l-effettività tad-dritt tal-Unjoni, tali interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li tippermetti lill-qorti teskludi ex officio lil tali persuna milli tieħu konjizzjoni ta’ kawża fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet – applikabbli b’analoġija – dwar l-esklużjoni ta’ mħallef minħabba inkapaċità li jiddeċiedi [iudex inhabilis][?]”

IV.    Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

20.      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Mejju 2021, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja għaqqad flimkien il-Kawżi C‑181/21 u C‑269/21 għall-finijiet tal-proċedura orali u bil-miktub, kif ukoll tas-sentenza. Il-qrati tar-rinviju kienu talbu wkoll proċedura mħaffa għat-talbiet għal deċiżjoni preliminari fiż-żewġ kawżi skont l-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Permezz tal-istess deċiżjoni tal‑5 ta’ Mejju 2021, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħad dawn it-talbiet.

21.      Ir-Rzecznik Praw Obywatelskich (l-Ombudsman, il-Polonja, iktar ’il quddiem l-“Ombudsman”), il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni Ewropea ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub. Waqt is-seduta tad‑29 ta’ Ġunju 2022, il-partijiet imsemmija iktar ’il fuq, il-Prokuratura Okręgowa w Katowicach (il-Prosekutur Reġjonali ta’ Katowice) u l-Prokuratura Okręgowa w Krakowie (il-Prosekutur Reġjonali ta’ Kraków), irrappreżentati mill-Prokurator Generalny (il-Prosekutur Pubbliku Ġenerali), il-Gvern tad-Danimarka u dak tal-Pajjiżi l-Baxxi ressqu argumenti orali u wieġbu għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja.

V.      Ammissibbiltà

 Osservazzjonijiet sottomessi

22.      Il-Gvern Pollakk jinvoka tmien motivi ta’ inammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari.

23.      L-ewwel, il-Gvern Pollakk iqis li r-riforma kontinwa tas-sistema ġudizzjarja tagħha taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva ta’ dan l-Istat Membru. Huwa jsostni li s-sentenza f’Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari għall-imħallfin) (14) tixbah att leġiżlattiv. Din il-pożizzjoni hija riflessa sa ċertu punt fis-sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja) tal‑14 ta’ Lulju 2021 fil-Kawża P 7/20, li fiha hija ddeċidiet, inter alia, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 279 TFUE, huwa inkompatibbli mal-Artikoli 2 u 7, mal-Artikolu 8(1) u mal-Artikolu 90(1) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(1) tagħha. It-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) għalhekk ikkunsidrat li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet ultra vires meta adottat miżuri provviżorji li jikkonċernaw lir-Repubblika tal-Polonja dwar l-organizzazzjoni u l-ġurisdizzjoni tal-qrati Pollakki u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti quddiemhom.

24.      It-tieni, skont il-Gvern Pollakk, id-domandi magħmula ma humiex neċessarji, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, peress li d-dritt tal-Unjoni la jeħtieġ li l-korpi ta’ awtoregolamentazzjoni tal-ġudikatura jagħtu opinjoni dwar il-kandidati għal karigi ġudizzjarji u lanqas ma jipprevedi dritt ġenerali ta’ appell mid-deċiżjonijiet meħuda fil-kuntest tal-proċeduri ta’ ħatra ġudizzjarji.

25.      It-tielet, il-Gvern Pollakk josserva li l-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta jeżiġu li l-Istati Membri jiżguraw li individwu jkollu aċċess għal qorti indipendenti. Għalkemm id-dritt tal-individwu għal rimedju effettiv għandu importanza fundamentali kemm taħt il-Kostituzzjoni tal-Polonja kif ukoll taħt id-dritt tal-Unjoni, l-organizzazzjoni tal-ġustizzja taqa’ fi ħdan il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ttrattat b’mod inekwivoku u eżawrjenti l-kwistjonijiet kollha mqajma mid-domandi magħmula, b’tali mod li l-qrati tar-rinviju jistgħu jiddeduċu mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja l-informazzjoni neċessarja sabiex jagħtu sentenza (15).

26.      Ir-raba’, skont l-Artikolu 365 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, it-talba għal miżuri provviżorji fil-Kawża C‑269/21 ġiet deċiża b’mod definittiv permezz ta’ digriet li jorbot lill-qorti tar-rinviju. Il-qorti tar-rinviju la għandha ġurisdizzjoni biex “tirrikuża” mħallef li ta deċiżjoni finali u lanqas li tikkontesta d-digriet ta’ ċaħda tat-talba għal miżuri provviżorji. Parti tista’, fi kwalunkwe każ, tressaq talba ġdida għal miżuri provviżorji li fil-kuntest tagħha hija tista’ titlob ir-rikuża ta’ mħallef minħabba nuqqas ta’ imparzjalità. Id-domandi magħmula fil-Kawża C‑269/21 ma jsolvux tilwima reali u huma, bħala tali, ipotetiċi (16).

27.      Il-ħames, minkejja li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma ddettaljati ħafna, il-motivazzjonijiet li wasslu lill-qrati tar-rinviju sabiex jitolbu l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jmorrux lil hinn mit-talba lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa jekk ċerti qrati humiex “stabbiliti minn qabel bil-liġi”. Fil-fehma tal-Gvern Pollakk, dan ma josservax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jikkonsistu fi kwistjonijiet ta’ natura ġenerali fuq ċerti riformi tas-sistema ġudizzjarja Pollakka, minkejja l-fatt li dawn ir-riformi ma biddlux il-kwalifiki meħtieġa mill-kandidati għal pożizzjonijiet ġudizzjarji. Id-data li fiha l-imħallfin jinħatru fil-qrati ordinarji għalhekk ma għandha ebda relazzjoni mal-kapaċitajiet tagħhom, mar-regoli wara l-eżerċizzju tad-dmirijiet jew mad-drittijiet u l-obbligi tagħhom, inkluża l-indipendenza tagħhom. Il-Gvern Pollakk jenfasizza li d-deċiżjonijiet tar-rinviju ma jipprovdu ebda eżempju konkret ta’ nuqqas ta’ indipendenza ta’ mħallef jew ta’ pressjoni eżerċitata fuq l-imħallfin maħtura fil-kuntest tas-sistema ta’ wara r-riforma. Id-domandi huma, għalhekk, ta’ natura ipotetika.

28.      Is-sitt, it-talbiet għal deċiżjoni preliminari fil-Kawżi C‑181/21 u C‑269/21 huma “eċċessivament ġenerali”. Ma hemm ebda relazzjoni bejn is-suġġett tad-domandi magħmula u l-azzjonijiet fil-kawżi prinċipali, li jirrigwardaw id-dritt nazzjonali tal-konsumatur li jittrasponi d-Direttiva 93/13. Il-qrati tar-rinviju jindikaw ukoll diversi drabi li s-“sitwazzjoni tmur lil hinn mill-kuntest fattwali tal-kawża”.

29.      Is-seba’, il-Gvern Pollakk iqis li s-suġġett tal-kawżi prinċipali ma huwiex direttament marbut mad-domandi dwar l-istatus tal-KRS jew jekk l-Awla Straordinarja hijiex “qorti” fis-sens tal-Artikolu 2, l-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 6(1) sa (3) TUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta. Lanqas ma teżisti rabta diretta bejn is-suġġett tal-kawża prinċipali u d-dritt tal-parteċipanti fi proċedura ta’ ħatra ġudizzjarja għal rimedju effettiv. Il-portata tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari hija għalhekk inaċċettabbilment wiesgħa.

30.      It-tmien, il-Gvern Pollakk iqis li fil-Kawża C‑269/21 hija biss il-qorti tar-rinviju b’kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin, iktar milli b’imħallef uniku, li għandha ġurisdizzjoni biex tagħmel domanda preliminari. Dan huwa partikolarment evidenti peress li t-talba saret wara li d-digriet tal-kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin għaċ-ċaħda tat-talba għal miżuri provviżorji kien sar definittiv. Fil-Kawża C‑181/21, hija ssostni li hija biss il-qorti tar-rinviju b’kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin jew il-President tagħha (17) li kellha ġurisdizzjoni biex titlob deċiżjoni preliminari. Il-fatti tat-talba għal deċiżjoni preliminari huma spjegati b’mod tant lakoniku li huwa impossibbli li jsir magħruf jekk l-imħallef relatur tal-kawża, li għamel it-talba, huwiex ukoll president tal-kulleġġ ġudikanti ta’ tliet Imħallfin. Il-qorti tar-rinviju għalhekk invokat l-Artikolu 367(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili bl-għan uniku li tagħmel domanda preliminari.

31.      Fis-seduta, il-Kummissjoni oġġezzjonat għall-ammissibbiltà tad-domandi fil-Kawża C‑269/21. Hija tqis li l-qorti tar-rinviju ma indikatx għalfejn kienet neċessarja, għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawżi prinċipali, deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjonijiet li jikkonċernaw il-proċedura li wasslet għall-ħatra tal-Imħallef A.T.

 Analiżi

32.      Konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ talba mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt jew ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (18).

33.      Huwa ċar kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 267 TFUE li qorti nazzjonali ma tistax tressaq kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari sakemm il-kawża ma tkunx pendenti quddiemha, li fil-kuntest tagħha hija għandha tagħti deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni preliminari. Rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jkun neċessarju għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima. Ma huwiex intiż li jiffaċilita l-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi (19).

34.      Permezz tal-ewwel ilment tagħha għall-ammissibbiltà, il-Gvern Pollakk jikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-ħatra tal-imħallfin nazzjonali. Hija ġurisprudenza stabbilita li l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’ taħt il-kompetenza tagħhom. Fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri huma madankollu obbligati li josservaw l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, fir-rigward tar-regoli nazzjonali dwar il-ħatra tal-imħallfin u, jekk ikun il-każ, l-istħarriġ ġudizzjarju disponibbli fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri ta’ ħatra (20). Konsegwenza tad-dritt għal qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi hija li kulħadd ikollu l-possibbiltà li dan id-dritt jiġi invokat (21). Fejn l-eżistenza ta’ qorti indipendenti u imparzjali tiġi kkontestata fuq bażi li fil-bidu ma tidhirx li hija manifestament nieqsa minn kunsiderazzjoni (22), kull qorti (23) għandha l-obbligu li tivverifika jekk, fil-kompożizzjoni tagħha, tikkostitwixxix tali qorti. Din il-ġurisdizzjoni hija neċessarja sabiex tinżamm il-fiduċja li l-qrati f’soċjetà demokratika għandhom jispiraw f’dawk li huma suġġetti għad-deċiżjonijiet tagħhom. Tali verifika tikkostitwixxi għalhekk rekwiżit proċedurali essenzjali li l-osservanza tiegħu hija kwistjoni ta’ ordni pubbliku u għandha tiġi vverifikata meta titqajjem mill-partijiet jew ex officio mill-qorti (24). L-Artikolu 2 TUE, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u r-rekwiżiti stabbiliti fis-sentenza Simpson huma ta’ natura trażversali u japplikaw kull darba li qorti jista’ jkollha tiddeċiedi dwar kawżi “fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni” (25). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk għandha ġurisdizzjoni biex tinterpreta d-dritt tal-Unjoni fil-kuntest ta’ tali rinviji għal deċiżjoni preliminari. Għaldaqstant nipproponi li l-ewwel ilment tal-Gvern Pollakk jiġi miċħud.

35.      It-tieni u t-tielet ilment għall-ammissibbiltà mqajma mill-Gvern Pollakk jirrigwardaw il-mertu tad-domandi preliminari u l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati tar-rinviju qegħdin jitolbu. Tali lmenti huma, min-natura tagħhom stess, inadegwati biex jiġġustifikaw konstatazzjoni tal-inammissibbiltà ta’ dawn id-domandi (26). Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li hija tista’ tirrispondi d-domandi magħmula billi tirreferi għall-ġurisprudenza stabbilita tagħha, hija tista’ tagħmel użu mill-fakultà prevista fl-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u tagħmel dan permezz ta’ digriet motivat.

36.      Permezz tar-raba’ u t-tmien ilment tagħha għall-ammissibbiltà, il-Gvern Pollakk jikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-qrati tar-rinviju bħala kwistjoni ta’ dritt intern sabiex iressqu t-talbiet għal deċiżjoni preliminari. Hija ssostni wkoll li t-talbiet ma jirriflettux ir-realtà u li l-qrati tar-rinviju setgħu jressquhom legalment biss bħala kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin (27).

37.      Fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, hija ġurisprudenza stabbilita li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex, fid-dawl tat-tqassim tal-funzjonijiet bejnha u l-qorti tar-rinviju, tiddetermina jekk id-deċiżjoni tar-rinviju saritx skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali dwar l-organizzazzjoni tal-qrati u l-proċedura tagħhom. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja hija obbligata tirrispondi għal deċiżjoni tar-rinviju minn qorti ta’ Stat Membru sa fejn din ma tkunx ġiet irrevokata fuq il-bażi ta’ rimedju previst mid-dritt nazzjonali (28). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li talba għal deċiżjoni preliminari mill-president ta’ kulleġġ ġudikanti ta’ qorti dwar ir-regolarità tal-kompożizzjoni tiegħu hija ammissibbli (29).

38.      Fi kwalunkwe każ, għalkemm fil-Kawża C‑181/21, il-Gvern Pollakk isostni li ma huwiex ċar jekk it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqitx mill-president tal-kulleġġ ġudikanti bi tliet imħallfin u li l-qorti tar-rinviju – in camera u komposta minn imħallef uniku – artifiċjalment invokat l-Artikolu 367(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili sabiex tagħmel it-talba tagħha, huwa ma weriex li l-qorti tar-rinviju ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħmel dan.

39.      Fil-Kawża C‑269/21, il-qorti tar-rinviju, ippresjeduta minn imħallef uniku, tindika r-raġunijiet għalfejn hija tqis li d-deċiżjoni ta’ din il-qorti, b’kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin li jisma’ appell dwar miżuri provviżorji, jista’ jkollha impatt fuq il-kawża prinċipali li għandha tiġi deċiża minn dan il-kulleġġ ġudikanti bi mħallef uniku. Hija tenfasizza li d-deċiżjoni tal-kulleġġ ġudikanti bi tliet imħallfin ġiet irrinvijata lilha u li għandha dubji raġonevoli dwar jekk dan il-kulleġġ ġudikanti bi tliet imħallfin josservax ir-rekwiżiti tad-dritt nazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-validità tad-deċiżjoni dwar miżuri provviżorji hija essenzjali sabiex tiġi ddeterminata s-sitwazzjoni ġuridika tal-konsumatur. Iċ-ċertezza dwar il-validità tal-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti li sema’ u ddeċieda dan l-appell hija għalhekk essenzjali għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali (30).

40.      Fid-dawl tar-rabta diretta li l-qorti tar-rinviju tiddeskrivi bejn id-deċiżjoni tal-kulleġġ ġudikanti bi tliet imħallfin fl-appell sabiex ma jingħatawx miżuri provviżorji u l-kawża prinċipali, inqis li, kuntrarjament għall-oġġezzjonijiet tal-Gvern Pollakk u tal-Kummissjoni, ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula lilha fil-Kawża C‑269/21 tista’ tkun neċessarja biex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ ssolvi kwistjonijiet ta’ dritt proċedurali nazzjonali quddiemha qabel ma tiddeċiedi fuq il-mertu tat-tilwima pendenti quddiemha.

41.      Fir-rigward tal-ħames u s-sitt ilment tal-Gvern Pollakk għall-ammissibbiltà, li jissovrapponu sa ċertu punt, inqis li l-qrati tar-rinviju ddeskrivew, b’mod suffiċjenti fid-dritt, il-fatti tat-tilwim fil-kawżi prinċipali, id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli u d-dubji tagħhom fir-rigward tal-konformità tal-proċeduri li wasslu għall-ħatra tal-Imħallfin A.Z. u A.T. mad-dritt tal-Unjoni. Huwa minnu li r-raġunijiet li għalihom il-qrati tar-rinviju qiesu li hija neċessarja risposta għad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja fid-dawl tas-sentenzi li huma għandhom jagħtu fil-kawżi pendenti quddiemhom jagħmlu biss ftit riferiment għat-tilwim sottostanti fil-qasam tad-dritt tal-konsumatur. Huwa madankollu ċar li dawn il-qrati jfittxu li jaċċertaw, qabel ma jiddeċiedu dwar dan it-tilwim fil-qasam tad-dritt tal-konsumatur, jekk il-kulleġġ ġudikanti tal-qrati tar-rinviju li fihom kienu sedenti l-Imħallfin A.Z. u A.T. josservax ir-rekwiżit ta’ “qorti stabbilita bil-liġi” skont id-dritt tal-Unjoni u, fil-każ li le, liema huma l-konsegwenzi ta’ din il-konstatazzjoni. B’mod partikolari, huma jixtiequ jkunu jafu jekk il-qrati tar-rinviju, ippresjeduta minn imħallef uniku, jistgħux jirrikużaw ex officio lill-Imħallfin A.Z. u A.T. Il-fatt li l-effett tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-qrati tar-rinviju jista’ jestendi lil hinn mill-fatti tal-kawżi pendenti quddiemhom hija għalhekk irrilevanti għall-ammissibbiltà tad-domandi magħmula minnhom (31).

42.      Għaldaqstant nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ilmenti kollha dwar l-ammissibbiltà tad-domandi magħmula mill-qrati tar-rinviju.

VI.    Fuq ilmertu

A.      Osservazzjonijiet preliminari

43.      Is-suġġett tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (32) fil-Kawża C‑204/21, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) (33) parzjalment jissovrapponi ma’ dawn it-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari. Filwaqt li azzjonijiet għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u talbiet għal deċiżjonijiet preliminari huma proċeduri differenti li għandhom effetti legali distinti (34), ser nirreferi, fejn ikun xieraq, għall-konklużjonijiet tiegħi f’din il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li ser jiġu ppreżentati fl-istess data bħal dawn il-konklużjonijiet, b’mod partikolari l-punti 46 sa 60 tagħhom, li jistabbilixxu proposti ta’ dritt stabbiliti sew li jidhirli li huma rilevanti għas-soluzzjoni ta’ dawn il-proċeduri.

44.      Mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qrati tar-rinviju jfittxu li jiksbu interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ stabbiliment minn qabel bil-liġi ta’ qorti rrikonoxxut mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta. Għaldaqstant għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qrati tar-rinviju esklużivament fid-dawl ta’ dan il-prinċipju.

45.      Skont il-Kummissjoni, ir-rwol kostituzzjonali u l-influwenza eżerċitata mill-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), meta mqabbla mal-imħallfin tal-qrati ordinarji, flimkien mar-riskju inferjuri ta’ ndħil mil-leġiżlatur u mill-eżekuttiv fil-ħatriet ta’ dawn il-qrati, jiġġustifikaw evalwazzjoni differenti tal-legalità tal-ħatra ta’ mħallef taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Fil-fehma tal-Kummissjoni, din l-evalwazzjoni tal-ħatra ta’ mħallef ta’ qorti ordinarja għandha ssir każ b’każ, b’kuntrast ma’ approċċ sistemiku fir-rigward tal-ħatriet fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). L-Ombudsman u l-Kummissjoni jirrilevaw li, permezz ta’ riżoluzzjoni tat‑23 ta’ Jannar 2020, l-Awla Ċivili, l-Awla Kriminali u l-Awla Industrijali u tal-Assigurazzjoni Soċjali tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) (35) għamlu distinzjoni bejn l-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u l-imħallfin tal-qrati ordinarji għall-finijiet tal-eżami tal-indipendenza u tal-imparzjalità tagħhom. Ir-riżoluzzjoni kkunsidrat li l-proċedura għall-ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji hija illegali meta din twassal, “fiċ-ċirkustanzi partikolari”, għal ksur tar-rekwiżit ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità skont l-Artikolu 45(1) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Għalhekk is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li fost iċ-ċirkustanzi li għandhom jiġu eżaminati hemm b’mod partikolari dawk relatati mal-parteċipazzjoni tal-imħallfin innifishom fil-proċeduri ta’ ħatra quddiem il-KRS u man-natura tal-kawżi li dawn l-imħallfin individwali jittrattaw jew ikunu ttrattaw (36). B’kuntrast, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ma rrikjedietx it-twettiq ta’ tali eżami individwali fir-rigward tal-ħatra tal-imħallfin f’din il-imsemmija qorti (37).

46.      Id-domandi magħmula jirrigwardaw ir-rekwiżit ta’ stabbiliment minn qabel bil-liġi, u mhux l-indipendenza u l-imparzjalità tal-qrati li l-imsemmija riżoluzzjoni indirizzat. Peress li dawn il-kriterji kollha huma intrinsikament marbuta u jissovrapponu b’mod kunsiderevoli (38), għandu jiġi enfasizzat li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, ma jagħmilx distinzjoni bejn il-qrati supremi tal-Istati Membri u l-qrati l-oħra fl-ordinamenti ġuridiċi rispettivi tagħhom. Ir-rekwiżiti fundamentali ta’ indipendenza (39), imparzjalità u stabbiliment minn qabel bil-liġi japplikaw mingħajr distinzjoni għall-qrati kollha tal-Istati Membri, irrispettivament mill-portata tal-ġurisdizzjoni tagħhom jew mill-pożizzjoni tagħhom fil-ġerarkija ġudizzjarja ta’ dan l-Istat. Kieku kien mod ieħor, l-istandard ta’ protezzjoni ġudizzjarja jkun jista’ jvarja skont il-pożizzjoni ġerarkika tal-qorti fis-sistema ġudizzjarja li taqa’ taħtha. Bħala prinċipju, din it-teżi hija manifestament żbaljata. Huwa pjuttost il-każ li peress li l-esperjenza diretta tal-maġġoranza kbira taċ-ċittadini tal-Unjoni tal-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali tagħhom hija limitata għall-qrati ordinarji, l-obbligu korrispondenti għall-qrati ordinarji li jirrispettaw il-fiduċja ta’ dawn iċ-ċittadini fl-applikazzjoni tal-Istat tad-dritt huwa partikolarment kbir. L-argument huwa ulterjorment assurd fid-dawl tal-iżvilupp tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, iffaċilitat ħafna mir-rwol importanti li kellhom il-qrati allegatament “inferjuri” fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istat Membru (40). It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, jeħtieġ standard uniformi li japplika indipendentement mil-livell li fih hija eżerċitata l-ġurisprudenza f’sistema legali nazzjonali. Evalwazzjoni dwar jekk dawn ir-rekwiżiti fundamentali humiex issodisfatti teħtieġ għalhekk eżami tal-fatturi rilevanti kollha, jekk ikunu ta’ natura sistemika u/jew ta’ natura individwali jew le.

B.      Fuq lewwel domanda

47.      L-ewwel domanda tfittex li tistabbilixxi jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat li jfisser li qorti ordinarja hija “qorti stabbilita bil-liġi” fejn imħallef f’kulleġġ ġudikanti adit b’kawża jkun inħatar permezz ta’ proċedura fejn: (a) l-opinjoni tal-assemblea tal-ġudikatura dwar l-adegwatezza tal-kandidati tkun ġiet imwarrba, kuntrarjament għad-dritt nazzjonali jew, wara bidla fid-dritt nazzjonali, tkun ingħatat opinjoni dwar l-adegwatezza ta’ kandidat mill-kulleġġ tal-qorti kompost primarjament minn individwi maħtura mill-Ministru għall-Ġustizzja; (b) il-kandidati ġew maħtura f’karigi fuq il-bażi ta’ riżoluzzjoni tal-KRS; u (c) il-parteċipanti fil-kompetizzjoni ma kellhomx dritt ta’ appell quddiem qorti fis-sens tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tad-dritt tal-Unjoni (41).

48.      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif żviluppata fid-dawl ta’ dik tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”), jirriżulta li l-proċedura ta’ ħatra tal-imħallfin hija element inerenti għall-kunċett ta’ “qorti stabbilita bil-liġi” peress li din il-proċedura għandha implikazzjonijiet fundamentali fuq il-funzjonament tajjeb u l-leġittimità tal-ġudikatura fi Stat demokratiku rregolat mill-Istat tad-dritt (42). Fis-sentenza Getin Noble Bank (43), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li irregolarità fil-ħatra ta’ mħallfin tikser ir-rekwiżit li qorti tkun stabbilita bil-liġi, b’mod partikolari meta din l-irregolarità tkun ta’ natura u ta’ gravità tali li hija toħloq riskju reali li fergħat oħra tal-poter tal-Istat, b’mod partikolari l-eżekuttiv, ikunu jistgħu jeżerċitaw setgħa diskrezzjonali indebita li tipperikola l-integrità tar-riżultat li jwassal għalih il-proċess ta’ ħatra u b’hekk tiżra’ dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet f’kawża, fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-imħallef jew tal-imħallfin ikkonċernati. Dan huwa l-każ meta jkunu inkwistjoni regoli fundamentali li jagħmlu parti integrali mill-istabbiliment u mill-funzjonament ta’ din is-sistema ġudizzjarja. Mhux kull żball fil-proċedura għall-ħatra ta’ mħallef neċessarjament iqajjem dubju dwar l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ dan l-imħallef u, għaldaqstant, dwar jekk tali kulleġġ ġudikanti li jinkludi tali mħallef huwiex, bħala kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni, “qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi”.

49.      Sabiex jiġi kkonstatat il-ksur tar-rekwiżit ta’ qorti stabbilita minn qabel bil-liġi u l-konsegwenzi ta’ dan, hija meħtieġa evalwazzjoni ġenerali ta’ numru ta’ fatturi li, meħuda flimkien, joħolqu dubji raġonevoli dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallfin f’din il-qorti (44). Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet sostantivi u l-modalitajiet proċedurali li jirregolaw il-proċeduri ta’ ħatra inkwistjoni joħolqux, f’moħħ l-individwi, dubji leġittimi dwar l-impermeabbiltà tal-imħallfin ikkonċernati fil-konfront ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħhom fir-rigward tal-interessi inkwistjoni quddiemhom meta jinħatru. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn il-kundizzjonijiet u modalitajiet proċedurali għandhom jitfasslu b’mod li jeskludu mhux biss kull influwenza diretta, fil-forma ta’ istruzzjonijiet, iżda wkoll kull tip ta’ influwenza indiretta li jista’ jkollha effett fuq id-deċiżjonijiet tal-imħallfin ikkonċernati (45).

50.      It-talbiet għal deċiżjoni preliminari u d-domandi preliminari jqajmu tħassib ta’ natura ġenerali jew sistemika (46). Dawn ma jirrigwardawx biss il-proċedura li wasslet għall-ħatra tal-Imħallfin A.Z. u A.T. fis-Sąd Okręgowy w Katowicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Katowice) u s-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków) rispettivament iżda b’implikazzjoni jirrigwardaw il-proċeduri ta’ ħatra ta’ diversi imħallfin oħra fil-qrati ordinarji. Xejn ma jindika li l-proċeduri li wasslu għall-ħatra tal-Imħallfin A.Z. u A.T. kienu sostanzjalment differenti minn dawk użati biex isiru ħatriet reċenti oħra fil-qrati ordinarji (47) jew li dawn l-imħallfin aġixxew b’mod mhux xieraq jew irregolari. F’dan ir-rigward, jista’ jiġi osservat li kemm l-Imħallef A.Z. kif ukoll l-Imħallef A.T. servew bħala mħallfin tal-qrati ordinarji sa mill-ħatra tagħhom rispettivament fl‑1996 u fl‑2009. Il-kawżi ineżami ma jqegħdux inkwistjoni l-legalità tal-proċeduri li wasslu għall-ħatra inizjali tagħhom bħala mħallfin. Barra minn hekk, il-kwalifiki u l-esperjenza professjonali tagħhom, u għalhekk il-kapaċità tagħhom li jeżerċitaw il-funzjonijiet il-ġodda tagħhom fis-Sąd Okręgowy w Katowicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Katowice) u s-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków), ma humiex inkwistjoni.

51.      Hija ġurisprudenza stabbilita li t-tliet fatturi invokati mill-qrati tar-rinviju, kif stabbiliti fil-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandhom qabel kollox jiġu evalwati individwalment qabel ma jkun jista’ jiġi evalwat l-effett kumulattiv tagħhom jew l-effett ġenerali tagħhom. Minkejja li fattur wieħed jew iktar li għalihom jirreferu l-qrati tar-rinviju jistgħu, meħuda individwalment, ma jimminawx ir-rekwiżiti li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, meta jittieħdu flimkien u jiġu evalwati fil-kuntest tal-iżvolġiment ta’ din il-proċedura ta’ ħatra, dawn il-fatturi jistgħu jqiegħdu f’dubju l-leġittimità ta’ din il-proċedura u l-osservanza tagħha ta’ dawn ir-rekwiżiti (48).

52.      Għall-konvenjenza, sejjer l-ewwel neżamina t-tieni fattur, li jikkonċerna l-parteċipazzjoni tal-KRS fil-proċeduri ta’ ħatra.

1.      Fuq ittieni fattur

53.      Skont il-qrati tar-rinviju, il-KRS fil-kompożizzjoni attwali tiegħu ma josservax ir-rwol kostituzzjonali tiegħu ta’ difiża tal-indipendenza tal-imħallfin u tal-qrati (49). F’dan ir-rigward, huma jirreferu b’mod wiesa’ għall-bidla fil-kompożizzjoni tal-KRS u għar-rwol tiegħu fil-proċedura ta’ ħatra sa mill‑2018 (50)

54.      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 19(1) TUE jipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-organizzazzjoni tal-ġustizzja li jnaqqsu, fl-Istat Membru kkonċernat, il-protezzjoni tal-valur tal-istat tad-dritt, b’mod partikolari l-garanziji tal-indipendenza tal-imħallfin. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-influwenza msaħħa tal-leġiżlattiv u tal-eżekuttiv fuq l-għażla tal-membri tal-KRS sa mill‑2018 qajmet dubji leġittimi u serji fir-rigward tal-indipendenza tiegħu, tar-rwol tiegħu fil-ħatra tal-imħallfin u, konsegwentement, l-indipendenza tal-imħallfin hekk maħtura u tal-qrati li fihom huma sedenti (51). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fid-dawl tal-Artikolu 179 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, il-KRS għandu rwol determinanti fil-ħatra tal-imħallfin fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) (52). Mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari huwa ċar li l-KRS għandu rwol daqstant determinanti fil-proċedura ta’ ħatra tal-imħallfin fil-qrati ordinarji.

55.      Minkejja dan it-tnaqqis fil-protezzjoni tal-istat tad-dritt mill‑2018, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-involviment ta’ korp bħall-KRS (53) fil-proċedura ta’ ħatra tal-imħallfin, fih innifsu, ma joħloq ebda dubju dwar l-indipendenza tal-imħallfin maħtura fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Din is-sitwazzjoni tista’ tkun differenti meta l-parteċipazzjoni ta’ korp bħall-KRS, flimkien ma’ fatturi oħra rilevanti u l-kundizzjonijiet li fihom tkun saret l-għażla tal-imħallfin, twassal biex jitqajmu tali dubji (54). Din l-evalwazzjoni tapplika wkoll għar-rekwiżit ta’ stabbiliment minn qabel bil-liġi invokat fil-kawżi ineżami, notevolment peress li l-KRS huwa l-gwardjan tal-indipendenza tal-qrati u tal-imħallfin skont l-Artikolu 186 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja.

2.      Fuq lewwel fattur

56.      Iċ-ċirkustanzi fattwali fil-Kawża C‑181/21 u fil-Kawża C‑269/21 huma differenti fir-rigward tal-applikazzjoni tal-ewwel fattur, dwar l-assenza ta’ parteċipazzjoni ta’ korp ta’ awtoregolamentazzjoni tal-ġudikatura fil-proċedura ta’ ħatra.

57.      It-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑181/21 tindika li, fiż-żmien rilevanti, id-dritt Pollakk kien jipprevedi espressament għall-parteċipazzjoni ta’ assemblea tal-ġudikatura fil-proċedura ta’ ħatra (55). Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ddikjarat li l-assemblea tal-ġudikatura kellha s-setgħa esklużiva li tiftaħ il-proċedura quddiem il-KRS u li l-parteċipazzjoni tagħha fil-proċedura ta’ ħatra tal-imħallfin kienet fundamentali (56) fid-dawl tal-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri li jirriżulta mill-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja (57). Hija tqis li l-esklużjoni tal-parteċipazzjoni tal-assemblea tal-ġudikatura għalhekk tagħmel il-proċedura ta’ ħatra inkompatibbli mal-ordinament ġuridiku u kostituzzjonali nazzjonali li twassal għalhekk għall-kompożizzjoni illegali tal-qorti rilevanti bħala kwistjoni tad-dritt Pollakk.

58.      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑181/21 jidher li l-assemblea tal-ġudikatura astjeniet temporanjament milli tagħti opinjoni dwar il-kandidati quddiemha minħabba t-tħassib tagħha dwar l-istatus tal-KRS. Il-proċedura ta’ ħatra saret minkejja din l-astensjoni u r-raġunijiet għaliha. Għalkemm l-assemblea tal-ġudikatura għalhekk ma ġietx eskluża mill-proċedura ta’ ħatra iżda pjuttost astjeniet milli tagħti l-opinjoni tagħha, jidher, suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, minkejja n-natura kemxejn miftuħa ta’ din l-astensjoni u kwalunkwe dewmien konsekuttiv għall-ħatriet ġudizzjarji, li fil-mument rilevanti kien kuntrarju għad-dritt nazzjonali li ssir proċedura ta’ ħatra mingħajr ma ġew aċċertati l-fehmiet tal-assemblea tal-ġudikatura. Ma hemm ebda indikazzjoni fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li kien hemm jew setgħet tittieħed xi azzjoni legali sabiex il-fehma tal-assemblea tiġi mwarrba legalment jew li kien hemm xi urġenza li kienet teħtieġ il-ħatra immedjata tal-imħallfin mingħajr stennija għall-għoti ta’ din l-opinjoni.

59.      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-parteċipazzjoni ta’ korp, bħal assemblea tal-ġudikatura, fil-proċess ta’ ħatra ġudizzjarja tista’, bħala prinċipju, tikkontribwixxi biex tiżdied l-oġġettività ta’ dan il-proċess, dejjem bil-kundizzjoni li l-imsemmi korp innifsu jkun suffiċjentement indipendenti mil-leġiżlatur u mill-eżekuttiv u mill-awtorità li quddiemha jkun meħtieġ jagħti l-opinjoni tiegħu (58). Iċ-ċirkustanzi li fihom l-assemblea tal-ġudikatura fil-Kawża C‑181/21 astjeniet milli tagħti opinjoni u l-azzjonijiet tal-President tas-Sąd Apelacyjny (il-Qorti tal-Appell), li jippresjedi din l-assemblea u li ġie maħtur mill-Ministru għall-Ġustizzja, jistgħu jqajmu tħassib. F’dan ir-rigward, inqis li l-azzjonijiet tal-President tas-Sąd Apelacyjny (il-Qorti tal-Appell), li aġixxa kuntrarjament għall-pożizzjoni tal-assemblea inkwistjoni, ma humiex sodisfaċenti, peress li dawn potenzjalment jesponu dan l-istadju fil-proċess ta’ ħatra għal kritika minħabba perċezzjoni possibbli mill-pubbliku ta’ indħil illegali mill-eżekuttivi. Fis-sentenza Getin Noble Bank (59), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li t-terminu “stabbilita bil-liġi” jirrifletti l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja ma tiddependix mid-diskrezzjoni tal-eżekuttiv, iżda li tkun irregolata minn liġi li tirriżulta mill-organu leġiżlattiv. Madankollu, fil-mument li fih kienet għaddejja l-proċedura ta’ ħatra fil-Kawża C‑181/21, jidher li r-rwol tal-assemblea tal-ġudikatura ġie mmarġinalizzat minħabba r-rwol determinanti tal-KRS fil-proċess ta’ ħatra (60). Għal din ir-raġuni, ma naħsibx li l-ewwel fattur, ikkunsidrat waħdu, huwa serju biżżejjed sabiex iqiegħed inkwistjoni l-legalità tal-ħatra ġudizzjarja fil-Kawża C‑181/21. Madankollu, din hija finalment kwistjoni li għandha tiġi deċiża mill-qorti tar-rinviju.

60.      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑269/21 huwa ċar li, wara li ġiet emenda l-liġi (61), opinjoni tal-assemblea tal-ġudikatura rilevanti dwar il-kandidati ma kinitx għadha meħtieġa fi żmien il-proċedura ta’ ħatra inkwistjoni. Il-qorti tar-rinviju indikat li din il-liġi ġiet emendata minħabba l-prattika tal-assemblej tal-ġudikatura li jastjenu mill-għoti ta’ opinjonijiet dwar il-kandidati. Il-kulleġġ tal-qorti rilevanti ta l-opinjoni tiegħu dwar il-kandidata unika fil-proċedura – l-Imħallef A.T. – kif obbligat il-Liġi Emendatorja, u dan l-aspett tal-proċedura għalhekk osserva d-dritt Pollakk. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-kulleġġ, li jikkonsisti mill-presidenti tal-qrati inkwistjoni, li nofshom jinħatru mill-Ministru għall-Ġustizzja (62), ma baqax korp ta’ awtoregolamentazzjoni tal-ġudikatura. Il-Liġi Emendatorja għalhekk neħħiet il-korpi ta’ awtoregolamentazzjoni tal-ġudikatura mill-proċedura ta’ ħatra (63). Skont il-qorti tar-rinviju, din it-tneħħija tmur kontra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja u l-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri b’tali mod li qorti komposta minn imħallef maħtur mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ tali korpi tkun komposta b’mod irregolari. Il-qorti tar-rinviju żżid li l-assenza ta’ korpi ta’ awtoregolamentazzjoni tal-ġudikatura hija partikolarment dannuża peress li l-KRS fil-kompożizzjoni tiegħu wara l‑2018 ma għadux jaġixxi bħala korp ta’ awtoregolamentazzjoni tal-ġudikatura.

61.      Fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-kulleġġ tal-qorti rilevanti fil-proċedura ta’ ħatra, isegwi mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Land Hessen (64) li l-fatt li l-Ministru għall-Ġustizzja jagħżel nofs il-membri ta’ tali korp ma jwassalx, minnu nnifsu, għal nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

62.      Mit-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑269/21 huwa ċar li r-rwol imnaqqas tal-assemblea tal-ġudikatura u l-parteċipazzjoni tal-kulleġġ tal-qorti rilevanti fil-proċedura ta’ ħatra ġudizzjarja huma marbuta mill-qrib mar-rwol imsaħħaħ tal-KRS f’din il-proċedura sa mill‑2018, u b’hekk jikkostitwixxu tnaqqis ulterjuri tal-protezzjoni tal-istat tad-dritt fil-Polonja (65). Madankollu, skont il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, il-KRS huwa l-gwardjan tal-indipendenza tal-qrati u tal-imħallfin, u mhux xi assemblea tal-ġudikatura jew kulleġġ tal-qorti. Peress li mit-talba għal deċiżjoni preliminari huwa evidenti li r-rwol imnaqqas tal-assemblea tal-ġudikatura fil-proċess ta’ ħatra u r-rwol tal-kulleġġ tal-qorti rilevanti jagħmel parti minn strateġija leġiżlattiva li qiegħda tevolvi mħaddma flimkien mar-ristrutturazzjoni tal-KRS u r-rwol imsaħħaħ tiegħu fil-proċess tal-ħatra, b’mod partikolari sa mill‑2018, dawn l-elementi għandhom jiġu evalwati flimkien. Fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita mil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (66) dwar il-KRS u r-rwol determinanti tiegħu fil-proċess ta’ ħatra sa mill‑2018, jiġifieri qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi Emendatorja, inqis li l-ewwel fattur ma jwassalx bħala tali għall-invalidità tal-proċedura ta’ ħatra kkontestata fil-Kawża C‑269/21. Din hija, għal darba oħra, finalment kwistjoni li għandha tiġi deċiża mill-qorti tar-rinviju.

3.      Fuq ittielet fattur 

63.      It-tielet fattur tal-ewwel domanda u t-tieni domanda huma marbuta sa fejn dawn it-tnejn jinvolvu d-dritt tal-kandidati eliminati li jikkontestaw proċedura li twassal għall-ħatra ta’ mħallfin fil-qrati ordinarji quddiem qorti li tosserva r-rekwiżiti stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta (67).

64.      Fir-rigward tat-tielet fattur tal-ewwel domanda, il-qrati tar-rinviju jsostnu li l-kandidati għall-ħatra ġudizzjarja fil-qrati ordinarji ma għandhomx dritt ta’ appell quddiem qorti li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta. F’dan ir-rigward, huma jirrilevaw li l-Awla Straordinarja, li għandha l-kompetenza biex tistħarreġ ir-riżoluzzjonijiet tal-KRS fir-rigward tal-ħatriet ġudizzjarji skont l-Artikolu 26(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema, ma hijiex konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti.

65.      Il-qrati tar-rinviju jirrilevaw ukoll li l-ħatra ta’ mħallfin ġodda fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), inkluż fl-Awla Straordinarja tagħha, hija vvizzjata peress li a) il-Prim Ministru ma ffirmax l-att tal-ħatra previst fl-Artikolu 144(2) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja; b) il-KRS ma eżaminax il-kandidaturi, iżda minflok għamel evalwazzjoni superfiċjali tal-kandidati fuq il-bażi ta’ numru żgħir ta’ dokumenti, fil-biċċa l-kbira sottomessi mill-kandidati stess; c) l-interess politiku u l-influwenza tal-eżekuttiv fil-proċess ta’ għażla kienu evidenti peress li l-KRS ippropona biss il-kandidati li kellhom l-appoġġ tal-gvern; d) ir-riżoluzzjoni tal-KRS li pproponiet il-ħatra ta’ mħallfin fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ġiet appellata quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja) minn ċerti kandidati eliminati u għalhekk ma kinitx legalment vinkolanti. Minkejja li din l-aħħar qorti ssospendiet ċerti riżoluzzjonijiet tal-KRS, il-President tar-Repubblika ħatar lill-kandidati proposti mill-KRS. Min-naħa tagħhom, dawn l-individwi aċċettaw il-ħatra tagħhom meta kienu jafu li l-proċedura ta’ ħatra kienet ġiet sospiża. Dawn il-fatti jaffettwaw kemm il-kompetenza professjonali kif ukoll l-integrità morali tal-persuni kkonċernati. Finalment, il-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ma kienx suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, la qabel u lanqas wara li l-President tar-Repubblika ħatar lil imħallfin f’din il-qorti (68).

66.      Minkejja l-konstatazzjoni tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), ibbażata fuq is-sentenza A. K (69), li d-deċiżjonijiet ta’ dawn l-imħallfin huma invalidi, l-Awla Straordinarja tkompli tiddeċiedi l-kawżi. Barra minn hekk, skont il-qrati tar-rinviju, sa mill-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tagħha tat‑8 ta’ Jannar 2020 (70), l-Awla Straordinarja ma teżaminax jekk ir-rekwiżit ta’ stabbiliment minn qabel bil-liġi skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, ġiex osservat fil-kawżi mressqa quddiemha (71). Il-qrati tar-rinviju jikkunsidraw għalhekk li l-proċedura ta’ stħarriġ tar-riżoluzzjonijiet tal-KRS mill-Awla Straordinarja hija ineffettiva. Fl-assenza ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv quddiem l-Awla Straordinarja fil-każ ta’ dubji dwar ir-regolarità tal-proċedura ta’ ħatra ta’ mħallfin fil-qrati ordinarji, dawn il-qrati ma humiex stabbiliti skont il-liġi.

67.      Permezz tat-tieni domanda tagħhom, il-qrati tar-rinviju jistaqsu jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Awla Straordinarja, komposta biss minn persuni maħtura bil-mod indikat fl-ewwel domanda, biex tistħarreġ il-legalità ta’ ħatriet ġudizzjarji fil-qrati ordinarji. Skont il-qrati tar-rinviju, konformement mal-Artikolu 26(2) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema, l-Awla Straordinarja għandha ġurisdizzjoni esklużiva biex tisma’ rikorsi dwar ir-“rikuża” ta’ mħallfin jew dwar il-ħatra tal-qrati li quddiemhom għandhom jitmexxew il-proċeduri li jinvolvu lmenti li jallegaw nuqqas ta’ indipendenza ta’ qorti jew ta’ mħallef. L-Artikolu 26(3) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema jipprevedi madankollu li talba skont l-Artikolu 26(2) tagħha ma għandhiex tiġi eżaminata jekk tirrigwarda l-istabbiliment jew l-evalwazzjoni tal-legalità tal-ħatra ta’ mħallef jew tal-awtorità tiegħu biex jeżerċita funzjonijiet ġudizzjarji. Il-qrati tar-rinviju jikkunsidraw għalhekk li l-Awla Straordinarja mhux biss ma tosservax hija nnifisha r-rekwiżit ta’ stabbiliment minn qabel bil-liġi, iżda wkoll li hija ma teżaminax il-mistoqsijiet dwar jekk qorti oħra tosservax dan ir-rekwiżit (72). Il-qrati tar-rinviju jqisu għalhekk li huma obbligati li jannullaw l-Artikolu 26(2) u (3) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema sabiex tiġi żgurata l-effettività tad-dritt tal-Unjoni. L-annullament ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, madankollu, ma jsolvix il-kwistjoni tal-approċċ proċedurali li għandha tieħu qorti fis-sitwazzjoni deskritta fl-ewwel domanda sabiex tiġi żgurata l-effettività tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk il-qrati tar-rinviju jistaqsu jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-esklużjoni awtomatika tal-imħallfin (iudex inhabiliti) (73) għandhomx japplikaw b’analoġija, u b’hekk jippermettu lil imħallef jeskludi, ex officio mħallef li jkun ġie maħtur b’tali mod f’qorti ordinarja milli jisma’ kawża (74).

68.      Suġġett għall-verifika mill-qrati tar-rinviju, jidher li, qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi Emendatorja tal‑14 ta’ Frar 2020, ir-riżoluzzjonijiet tal-KRS dwar il-ħatra tal-imħallfin fil-qrati ordinarji setgħu jiġu kkontestati quddiem l-Awla Straordinarja skont l-Artikolu 44(1) tal-Liġi dwar il-KRS u l-Artikolu 26(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema.

69.      Kif jindikaw il-punti 93 sa 111 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑204/21, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), l-għoti ta’ ġurisdizzjoni esklużiva lill-Awla Straordinarja straordinarja biex tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tal-indipendenza ta’ qorti, kulleġġ ġudikanti jew ta’ mħallef skont l-Artikolu 26(2) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema, bħala prinċipju, jikser, inter alia, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta biss jekk din id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali u l-proċeduri u r-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fiha jimminaw l-effettività sħiħa ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni. Din l-analiżi tapplika, fil-fehma tiegħi, b’analoġija, għall-Artikolu 44(1) tal-Liġi dwar il-KRS u għall-Artikolu 26(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema. Għaldaqstant inqis li l-għoti ta’ ġurisdizzjoni esklużiva lill-Awla Straordinarja skont l-Artikolu 44(1) tal-Liġi dwar il-KRS u l-Artikolu 26(1) u (2) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema ma huwiex, bħala prinċipju, kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni.

70.      Għalkemm l-Artikolu 44(1) tal-Liġi dwar il-KRS u l-Artikolu 26(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema jidhru li jibqgħu fis-seħħ, il-formulazzjoni, inter alia, tal-Artikolu 26(3) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi Emendatorja tipprojbixxi espliċitament lis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), inkluża l-Awla Straordinarja tagħha, milli tistabbilixxi jew tevalwa l-legalità tal-ħatra ta’ mħallef. Hija tipprojbixxi wkoll lil din il-qorti milli tikkonstata jew tevalwa s-setgħa ta’ eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji li jirriżultaw minn din il-ħatra (75). Il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija għalhekk tant wiesgħa li tneħħi l-possibbiltà għas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li teżamina kwistjonijiet relatati, inter alia, mal-istabbiliment minn qabel bil-liġi ta’ qorti kif teżiġi s-sentenza Simpson (76).

71.      Kemm mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari kif ukoll mid-domandi magħmula f’dawn il-kawżi huwa ċar li l-qrati tar-rinviju jqisu li l-Awla Straordinarja ma tistax teżamina kwalunkwe oġġezzjonijiet legali għall-ħatra ta’ mħallef mill-President tar-Repubblika jew jekk qorti hijiex stabbilita skont il-liġi (77). Għalhekk, filwaqt li jidher (78) li l-Awla Straordinarja għad għandha s-setgħa li tistħarreġ ir-riżoluzzjonijiet tal-KRS fir-rigward ta’ ħatriet ġudizzjarji tal-qrati ordinarji, il-portata ta’ dan l-istħarriġ ġiet ristretta ħafna u, fil-fehma tiegħi, illegalment (79).

72.      Fir-rigward tal-Kawża C‑269/21 (80), l-Imħallef A.T. ġiet maħtura fis-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków) wara riżoluzzjoni tal-KRS tas‑7 ta’ Lulju 2020, jiġifieri wara d-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 26(3) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema. Il-kwistjoni f’din il-kawża dwar jekk l-Awla Straordinarja hijiex konformi mar-rekwiżiti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, hija dibattibbli peress li din il-qorti ma kellhiex ġurisdizzjoni biex tistħarreġ ir-riżoluzzjoni rilevanti tal-KRS bħala kwistjoni ta’ dritt nazzjonali sabiex tistabbilixxi l-legalità tal-ħatra ta’ mħallef jew is-setgħa ta’ eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji li jirriżultaw minn din il-ħatra.

73.      Huwa għaldaqstant neċessarju li jiġi evalwat jekk l-assenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv tar-riżoluzzjonijiet tal-KRS li wasslu għall-ħatra ta’ mħallfin fil-qrati ordinarji, flimkien mar-rwol determinanti li għandu l-KRS fil-proċedura ta’ ħatra u r-rwol ridott tal-assemblej tal-ġudikatura, hijiex ta’ natura li toħloq dubju raġonevoli f’moħħ l-individwi dwar l-impermeabbiltà ta’ mħallef bħal A.T. għal fatturi esterni u għan-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi quddiemha.

74.      Isegwi mis-sentenza A. B. (81) li, peress li l-KRS ma joffrix garanziji ta’ indipendenza suffiċjenti, huwa neċessarju li l-kandidati eliminati għal karigi ġudizzjarji jingħataw il-possibbiltà li jikkontestaw ir-riżoluzzjonijiet tal-KRS meta l-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw il-proċess ta’ ħatra huma ta’ natura li joħolqu, f’moħħ l-individwi, dubji sistemiċi dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallfin maħtura taħt dan il-proċess (82).

75.      Fil-Kawża C‑269/21, il-qorti tar-rinviju ma ressqet ebda evidenza speċifika, la ta’ natura sistemika, minbarra t-tliet fatturi li għalihom hija tirreferi, u lanqas ta’ natura individwali, sabiex tissostanzja l-eżistenza ta’ dubji leġittimi u serji, f’moħħ l-individwi, dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallfin maħtura fil-qrati ordinarji taħt il-proċedura ta’ ħatra inkwistjoni, inkluża l-Imħallef A.T. (83).

76.      Suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, ma nqisx li t-tliet fatturi li għalihom hija tirreferi huma fihom innifishom suffiċjenti sabiex titqiegħed inkwistjoni l-proċedura li wasslet għall-ħatra ta’ mħallef bħall-Imħallef A.T. fil-qrati ordinarji skont ir-rekwiżiti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta. Minbarra l-elementi invokati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 128, 129 u 136 tas-sentenza A. B., l-uniku element ġdid fil-Kawża C‑269/21 huwa l-assenza ta’ korpi ta’ awtoregolamentazzjoni tal-ġudikatura mill-proċedura ta’ ħatra. Fid-dawl tar-rwol ċertament determinanti li l-KRS għandu fil-proċedura ta’ ħatra, ma nikkunsidrax li dan il-fattur ieħor huwa minnu nnifsu suffiċjenti sabiex titqiegħed inkwistjoni l-proċedura li wasslet għall-ħatra tal-Imħallef A.T. (84).

77.      Fil-Kawża C‑181/21, l-Imħallef A.Z. ġie maħtur mill-President tar-Repubblika fis‑26 ta’ Novembru 2020, wara riżoluzzjoni KRS tas‑7 ta’ Mejju 2019. Għaldaqstant jidher, għal darba oħra suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li r-riżoluzzjoni tal-KRS inkwistjoni setgħet, bħala prinċipju, tiġi kkontestata quddiem l-Awla Straordinarja (85) peress li din ir-riżoluzzjoni kienet tippreċedi kemm id-dħul fis-seħħ tal-Liġi Emendatorja (86) kif ukoll ir-riżoluzzjoni tal-Awla Straordinarja tat‑8 ta’ Jannar 2020 (87).

78.      Bħal fil-Kawża C‑269/21, fil-Kawża C‑181/21, il-qorti tar-rinviju ma pprodiċiet ebda evidenza speċifika ta’ natura sistemika, minbarra t-tliet fatturi deskritti fl-ewwel domanda, jew ta’ natura individwali, sabiex tissustanzja l-eżistenza ta’ dubji leġittimi u serji, f’moħħ l-individwi, dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallfin maħtura fil-qrati ordinarji taħt il-proċedura ta’ ħatra inkwistjoni, inkluż l-Imħallef A.Z. Peress li, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, ma nqisx li t-tliet fatturi li għalihom tirreferi huma minnhom innifishom suffiċjenti sabiex titqiegħed inkwistjoni l-proċedura li wasslet għall-ħatra tal-Imħallef A.Z. fil-qrati ordinarji skont ir-rekwiżiti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, jiena tal-parir li d-domanda dwar jekk l-Awla Straordinarja tissodisfax dawn ir-rekwiżiti hija dibattibbli.

VII. Konklużjoni

79.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mis-Sąd Okręgowy w Katowicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Katowice, il-Polonja) u mis-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków, il-Polonja):

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

Qorti ma tikkostitwixxix “qorti stabbilita bil-liġi” meta mħallef tal-kulleġġ ġudikanti jkun inħatar wara proċedura li fiha a) l-opinjoni ta’ korp ta’ awtoregolamentazzjoni tal-ġudikatura ma nstemgħetx; b) il-kandidati nħatru fuq il-bażi ta’ riżoluzzjoni ta’ korp bħall-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, il-Polonja); u c) il-kandidati fil-kompetizzjoni ma setgħux jikkontestaw il-proċedura ta’ ħatra quddiem qorti li tosserva r-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni u dawn l-elementi, flimkien ma’ kull fattur rilevanti ieħor li jikkaratterizza din il-proċedura, huma ta’ natura li jqajmu dubji sistemiċi f’moħħ l-individwi fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-imħallfin maħtura taħt dan il-proċess.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Ara l-ustawa o Krajowej Radzie Sądownictwa (il-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura) tat‑12 ta’ Mejju 2011 (Dz. U. of 2011, Nru 126, pożizzjoni 714), kif emendata mill-ustawa o zmianie ustawy o Krajowej Radzie Sądownictwa oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura u Ċerti Liġijiet Oħra) tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 3) li daħlet fis-seħħ fis‑17 ta’ Jannar 2018 u mill-ustawa o zmianie ustawy – Prawo o ustroju sądów powszechnych oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u Ċerti Liġijiet Oħra) tal‑20 ta’ Lulju 2018 (Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 1443) (iktar ’il quddiem “il-Liġi dwar il-KRS”).


3      Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 5; din daħlet fis-seħħ fit‑3 ta’ April 2018.


4      Dz. U. tal‑2020, pożizzjoni 190.


5      Dz. U. tal‑2001, Nru 98, pożizzjoni 1070.


6      Dz. U. tal‑1964, Nru 43, pożizzjoni 296.


7      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.


8      Ara l-Artikolu 58(4) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni Ġudizzjarja tal-Qrati Ordinarji.


9      Sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019 (C‑260/18, EU:C:2019:819).


10      Wara l-komunikazzjoni tal-Ministru għall-Ġustizzja tas‑6 ta’ Ġunju 2019 fuq il-pożizzjonijiet vakanti tal-imħallfin, ippubblikata fil-Monitor Polski (il-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika tal-Polonja).


11      12‑il vot “favur”, 6 voti “kontra” u 2 astensjonijiet.


12      Din il-parti tad-domanda tirrigwarda l-Kawża C‑181/21.


13      Din il-parti tad-domanda tirrigwarda l-Kawża C‑269/21.


14      Sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, (C‑791/19, EU:C:2021:596).


15      Ara s-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet fis-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586); tad‑9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen (C‑272/19, EU:C:2020:535) u tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311).


16      Digrieti tal‑24 ta’ Marzu 2009, Nationale Loterij (C‑525/06, EU:C:2009:179, punti 9 u 10) u tat‑23 ta’ Marzu 2016, Overseas Financial u Oaktree Finance (C‑319/15, mhux ippubblikat, EU:C:2016:268, punt 33).


17      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawżi magħquda Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:403, punti 48 sa 65).


18      Sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 20).


19      Sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten (C‑409/06, EU:C:2010:503, punt 38), u tas‑27 ta’ Frar 2014, Pohotovosť (C‑470/12, EU:C:2014:101, punti 28 u 29).


20      Sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21      Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-Ġdid Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punt 55).


22      Sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost vs UFEX et (C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 46).


23      Ara s-sentenza Simpson (punt 57) u s-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2022, Wagenknecht vs Il‑Kummissjoni (C‑130/21 P, EU:C:2022:226, punt 15) fir-rigward tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali. Ara wkoll is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punti 126 sa 131) fir-rigward tal-qrati u tribunali tal-Istati Membri.


24      Sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost vs UFEX et (C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 46) u s-sentenza Simpson (punti 55 u 57).


25      Sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 29, 36 u 37).


26      Sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27      Il-Gvern Pollakk ma jikkontestax li s-Sąd Okręgowy w Katowicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Katowice) u s-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków) jikkostitwixxu “qorti” ta’ dan l-Istat Membru għall-finijiet tal-Artikolu 267 TFUE. Il-qrati tar-rinviju jaqgħu taħt is-sistema ġudizzjarja Pollakka fl-“oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni” skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u għalhekk jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż.  (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata).


28      Sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).


29      Sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).


30      Skont il-qorti tar-rinviju, jekk il-miżuri provviżorji huma validi, il-konsumatur għandu jkompli jħallas il-pagamenti mensili tas-self. In-nuqqas li dan isir jista’ jkollu konsegwenzi gravi ħafna għall-konsumatur, inkluża l-affidabbiltà kreditizja tiegħu, l-impożizzjoni ta’ interessi punittivi jew it-terminazzjoni tas-self. Il-qorti tar-rinviju indikat ukoll li l-validità tad-digriet għal miżuri provviżorji għandha effett dirett fuq l-ammont mitlub fit-tilwima li għandha quddiemha.


31      Ir-rekwiżiti imposti mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE huma trasversali u japplikaw irrispettivament min-natura tal-proċeduri inkwistjoni. Huwa biżżejjed li l-ġurisdizzjoni inkwistjoni tista’ tintalab tiddeċiedi dwar kawżi “fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”.


32      Skont l-Artikolu 258 TFUE.


33      ĠU 2021, C 252, p. 9.


34      L-effetti differenti tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikoli 258 u 267 TFUE ma għandhomx jiġu enfasizzati żżejjed. Bħala eżempju, fis-sentenza tagħha tal‑10 ta’ Marzu 2022, Grossmania (C‑177/20, EU:C:2022:175) il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement iddeskriviet il-mod kif is-sentenzi tagħha fil-kuntest taż-żewġ proċeduri għandhom effetti konġunti.


35      Ref. BSA 1-4110-1/20.


36      Ara l-punt 47 tar-riżoluzzjoni.


37      Skont l-Ombudsman, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ibbażat din id-distinzjoni fuq il-funzjonijiet differenti tal-qrati ordinarji u tal-funzjonijiet tagħha nnifisha, il-varjazzjoni kbira fl-iskala ta’ irregolaritajiet li jaffettwaw il-proċeduri ta’ kompetizzjoni għall-pożizzjonijiet tal-qrati ordinarji, meta mqabbla mas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u l-possibbiltà li tiġi mistħarrġa l-osservanza mill-imħallfin tal-qrati ordinarji tal-prinċipji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità. L-Ombudsman iqis li din l-aħħar possibbiltà hija illużorja minħabba l-Liġi Emendatorja li tipprekludi lill-Awla Straordinarja milli twettaq tali stħarriġ. Huwa jirrileva wkoll li r-riżoluzzjoni tat‑23 ta’ Jannar 2020 tindirizza l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallfin minflok l-istabbiliment minn qabel ta’ qorti bil-liġi.


38      Ara b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata) fir-rigward tal-Artikolu 6(1) KEDB. Ara wkoll, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2022:235, punti 115 sa 120).


39      Ara b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander (C‑274/14, EU:C:2020:17) dwar il-kunċett ta’ qorti indipendenti ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 267 TFUE. Fil-fehma tiegħi, dan il-kunċett u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, huwa kunċett uniku, uniformi u awtonomu tad-dritt tal-Unjoni.


40      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑5 ta’ Frar 1963, van Gend & Loos (26/62, EU:C:1963:1) (Rinviju għal deċiżjoni preliminari mit-Tariefcommissie, il-Pajjiżi l-Baxxi); is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 1964, Costa (6/64, EU:C:1964:66) (Rinviju għal deċiżjoni preliminari mill-Giudice conciliatore di Milano, l-Italja) u s-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, EU:C:1978:49)  (Rinviju għal deċiżjoni preliminari mill-Pretura di Susa, l-Italja).


41      L-Ombudsman iqis li t-tliet fatturi li jiddeskrivu l-qrati tar-rinviju jikkostitwixxu erożjoni serja tal-Istat tad-dritt fil-Polonja peress li, bħala riżultat, l-imħallfin ma jinħatrux iktar fil-qrati ordinarji skont id-dritt Pollakk, l-Artikolu 19(1) TUE jew l-Artikolu 6(1) KEDB. Dan iwassal għall-perċezzjoni li l-qrati la huma indipendenti u lanqas imparzjali. Qorti tista’ għalhekk, fid-dawl tal-effett dirett tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, teskludi mħallef maħtur skont tali proċedura illegali milli jiddeċiedi dwar kawżi f’oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni.


42      Sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita mil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100 punti 57 u 74 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fis-sentenza tagħha tal‑1 ta’ Diċembru 2020, Guðmundur Andri Ástráðsson vs L‑Islanda (CE:ECHR:2020:1201JUD002637418, punti 231 u 233), il-Qorti EDB iddeċidiet li d-dritt għal “qorti stabbilita bil-liġi”, żgurat fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB jikkostitwixxi dritt indipendenti strettament marbut mal-garanziji ta’ “indipendenza” u ta’ “imparzjalità”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Din il-qorti ddeċidiet ukoll li l-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin jikkostitwixxi neċessarjament element inerenti għall-kunċett ta’ “qorti stabbilita bil-liġi”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2020, Guðmundur Andri Ástráðsson vs L‑Islanda (CE:ECHR:2020:1201JUD002637418, punti 227 u 232).


43      Sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022 (C‑132/20, EU:C:2022:235, punti 122 u 123 u l-ġurisprudenza ċċitata).


44      Dawn il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità meħtieġa taħt id-dritt tal-Unjoni jitolbu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-istanza, il-ħatra, it-tul tal-kariga kif ukoll il-motivi għal astensjoni, rikuża u tneħħija tal-membri tagħha, li jippermettu li jitneħħa kull dubju leġittimu, f’moħħ l-individwi, dwar l-impermeabbiltà ta’ din l-istanza fil-konfront ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi inkwistjoni quddiemha (sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2014:311, punt 53).


45      Sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311, punti 55 u 57). Ara wkoll is-sentenza Simpson (punti 57 u 71).


46      Il-Kummissjoni tirrileva li, mill‑2018, madwar 1360 mill‑10 000 imħallef tal-qrati ordinarji fil-Polonja nħatru fuq il-bażi tar-riżoluzzjonijiet tal-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida u emendata tagħha.


47      Forsi ħlief għall-imġiba tal-President tas-Sąd Apelacyjny w Katowicach (il-Qorti tal-Appell ta’ Katowice) kif ġie indikat fil-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


48      Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen (C‑272/19, EU:C:2020:535, punt 57).


49      Ara l-Artikoli 179 u 186 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja.


50      Il-punt 210 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑204/21, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) jinkludi ħarsa ġenerali lejn ir-ristrutturazzjoni tal-KRS.


51      Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 127 u, b’mod partikolari, il-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari għall-imħallfin) (C‑791/19, EU:C:2021:596, punti 104 sa 108).


52      Sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A. B. et (Ħatra ta’ mħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 126).


53      Li huwa, fil-parti l-kbira, kompost minn membri magħżula mil-leġiżlatur.


54      Sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita mil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100 punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).


55      Ara l-Artikolu 58(2) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji.


56      Iż-żewġ qrati tar-rinviju jiddeskrivu l-opinjoni tal-assemblea tal-ġudikatura bħala s-“sine qua non” għal proċedura ta’ ħatra valida fid-dritt nazzjonali.


57      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li dan huwa l-każ b’mod partikolari peress li l-KRS ma għadux jirrappreżenta l-fergħa ġudizzjarja kif jeħtieġu l-Artikolu 179 u l-Artikolu 186(1) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja.


58      Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A.K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punti 136 sa 138 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 149).


59      Sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 121).


60      Sentenza A. B. (punt 126). Ara wkoll is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita mil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100 punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).


61      B’effett mill‑14 ta’ Frar 2020 il-Liġi Emendatorja ħassret il-paragrafu 2 tal-Artikolu 58 tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji. Il-Gvern Pollakkisostni, inter alia, li din ir-riforma leġiżlattiva kienet intiża biex assemblea tal-ġudikatura ma tkunx tista’ tibqa’ twaqqaf il-proċedura ta’ ħatra. Ġiet stabbilita proċedura konsultattiva fakultattiva li, jingħad, tiżgura diskussjoni usa’ dwar il-merti tal-kandidati għal karigi ġudizzjarji.


62      Il-vot tal-President tas-Sąd Okręgowy (il-Qorti Reġjonali) jipprevali fil-każ ta’ voti ndaqs.


63      Il-Kummissjoni tosserva li r-rwol tal-assemblej tal-ġudikatura ma ġiex imneħħi iżda tnaqqas ħafna.


64      Sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020 Land Hessen (C‑272/19, EU:C:2020:535, punti 55 u 56).


65      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-osservanza minn Stat Membru tal-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE tikkostitwixxi kundizzjoni għat-tgawdija tad-drittijiet kollha li joħorġu mill-applikazzjoni tat-Trattati għal dan l-Istat Membru. Stat Membru ma jistax jemenda l-leġiżlazzjoni tiegħu b’mod li jġib rigress fil-protezzjoni tal-valur tal-Istat tad-dritt, valur li huwa espress b’mod konkret, inter alia, mill-Artikolu 19 TUE. L-Istati Membri huma għalhekk meħtieġa jiżguraw li jevitaw kull rigress, fir-rigward ta’ dan il-valur, fil-leġiżlazzjoni tagħhom fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ġustizzja billi jastjenu milli jadottaw regoli li jwasslu biex tiġi ppreġudikata l-indipendenza tal-membri tal-ġudikatura (sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punti 63 u 64).


66      Sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, (C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).


67      L-Ombudsman jittratta dawn il-kwistjonijiet flimkien ukoll. Huwa jqis li l-organu leġiżlattiv Pollakk adotta sensiela ta’ miżuri li jiżguraw li l-ħatriet tal-imħallfin fil-qrati ordinarji ma jkunux suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv anki fil-każ ta’ ksur manifest tal-liġi. L-Ombudsman jirreferi għal tliet fatturi: l-ewwel, il-membri tal-Awla Straordinarja ġew innominati mill-KRS u l-proċedura li wasslet għall-ħatra tagħhom ma kinitx suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju; it-tieni, il-legalità tal-ħatra ta’ mħallef jew tas-setgħa tiegħu li jeżerċita funzjonijiet ġudizzjarji ma hijiex suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju sa mill-adozzjoni tal-Liġi Emendatorja; u t-tielet, l-Awla Straordinarja għandha l-ġurisdizzjoni esklużiva biex tistħarreġ l-indipendenza tal-imħallfin.


68      Ara s-sentenza A. B.


69      Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982).


70      Ara Ref. I NOZP 3/19, li għandha s-saħħa ta’ “prinċipju ta’ liġi”.


71      Sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 48) tagħti spjegazzjoni ulterjuri ta’ din ir-riżoluzzjoni.


72      Il-punt 84 tat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑181/21 u l-punt 107 tat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑269/21 isostnu, fir-rigward tal-Artikolu 26(2) u (3) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema, li “l-kwistjonijiet relatati mat-tneħħija tad-dubji tal-qorti tar-rinviju stabbiliti fil-motivi tal-ewwel domanda jaqgħu taħt [il-kompetenza tal-Awla Straordinarja li] fiha nnifisha ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ qorti stabbilita bil-liġi u tqajjem tħassib iġġustifikat dwar l-imparzjalità u l-indipendenza tagħha. Barra minn hekk, il-proċedura quddiem dan il-korp ma jistax ikollha l-effett li tneħħi dawn id-dubji peress li l-kandidaturi li jqajmu dawn il-kwistjonijiet ma jiġux eżaminati.”


73      Ara, pereżempju, l-Artikolu 48 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.


74      Il-Gvern Pollakk isostni li tali interpretazzjoni hija contra legem.


75      Kif jindikaw il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑204/21, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) fil-punti 140 u 141, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma hijiex, prima facie, limitata għall-esklużjoni ta’ qorti milli jkollha l-ġurisdizzjoni biex tannulla, erga omnes, l-att ta’ ħatra ta’ mħallef mill-President tar-Repubblika.


76      Ara l-punt 55. Ara, b’analoġija, il-punti 138 sa 147 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑204/21, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin).


77      Waqt is-seduta, il-Gvern Pollakk ikkonferma li ma huwiex possibbli skont id-dritt Pollakk li l-qrati jeżaminaw jekk qorti hijiex stabbilita skont il-liġi jew il-legalità ta’ ħatra ġudizzjarja.


78      Din il-kwistjoni hija suġġetta għal verifika mill-qrati tar-rinviju. Fil-punt 104 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Gvern Pollakk irrefera għal diversi statistiċi dwar l-istħarriġ tar-riżoluzzjonijiet tal-KRS dwar il-ħatra tal-imħallfin fil-qrati ordinarji.


79      Anki jekk jiġi aċċettat li l-Artikolu 44(1) tal-Liġi dwar il-KRS u l-Artikolu 26(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema jippermettu lill-Awla Straordinarja tistħarreġ ir-riżoluzzjonijiet tal-KRS, il-koeżistenza tal-imsemmija dispożizzjonijiet mal-Artikolu 26(3) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi Emendatorja toħloq inċertezza legali kunsiderevoli, b’mod partikolari dwar il-portata ta’ dan l-istħarriġ. L-Artikolu 26(3) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema jimmina l-effikaċja tad-dispożizzjonijiet preċedenti tad-dritt nazzjonali, kuntrarjament għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta. Ara l-punti 133 sa 147 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑204/21, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-ħajja privata tal-imħallfin).


80      Li, għal finijiet ta’ konvenjenza, ser nindirizza l-ewwel.


81      Ara l-punti 128 sa 136.


82      Il-punt 129 tas-sentenza A. B. jistabbilixxi li “l-assenza eventwali tal-possibbiltà li tiġi eżerċitata azzjoni ġudizzjarja fil-kuntest ta’ proċess ta’ ħatra għal pożizzjonijiet ta’ mħallef ta’ qorti suprema nazzjonali tista’, f’ċerti każijiet, ma tirriżultax problematika fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE”. Il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, iddeċidiet f’diversi okkażjonijiet li l-istħarriġ ġudizzjarju effettiv ta’ proposti tal-KRS għall-ħatra ta’ mħallfin – inkluż, tal-inqas, eżami dwar kienx hemm ultra vires jew eżerċizzju mhux xieraq tas-setgħa, żball ta’ liġi jew żball manifest ta’ evalwazzjoni – huwa neċessarju fejn jitqajmu f’moħħ l-individwi dubji sistemiċi dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallfin maħtura taħt tali proċedura (sentenza A. B., punti 128 sa 136 u l-ġurisprudenza ċċitata).


83      Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2022:235, il-punti 129 sa 131). B’kuntrast, ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari għall-imħallfin)  (C‑791/19, EU:C:2021:596, punti 89 sa 94 u 104 sa 107), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeskriviet numru ta’ fatturi, li jinkludu iżda mhux limitati għar-rwol deċiżiv tal-KRS fil-ħatra tal-membri tal-Awla Dixxiplinari, bħala li joħolqu f’moħħ l-individwi dubji raġonevoli dwar l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ dan il-korp. Il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet, inter alia, għall-fatt li l-ħolqien tal-Awla Dixxiplinari ex nihilo b’ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tisma’ ċerti kawżi dixxiplinari jikkoinċidi mal-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li mminat l-irremovabbiltà u l-indipendenza tal-imħallfin tal-Qorti Suprema. Hija rrilevat li l-Awla Dixxiplinari kienet tgawdi minn livell partikolarment għoli ta’ awtonomija organizzattiva, funzjonali u finanzjarja fi ħdan il-Qorti Suprema meta mqabbla ma’ awli oħra ta’ din il-qorti. Ir-remunerazzjoni tal-imħallfin tal-Awla Dixxiplinari taqbeż b’madwar 40 % dik tal-imħallfin assenjati lill-awli l-oħra tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) mingħajr ma ngħatat xi tip ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva għal tali trattament preferenzjali. Barra minn hekk, meta nħolqot, l-Awla Dixxiplinari kellha tikkonsisti esklużivament minn imħallfin ġodda maħtura mill-President tar-Repubblika fuq proposta tal-KRS.


84      Fis-sentenza tagħha A. B. (punti 133 u 135 u l-ġurisprudenza ċċitata), il-Qorti tal-Ġustizzja invokat fatturi oħra bħal, inter alia, il-fatt li l-ħatriet fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) seħħew fil-kuntest ta’ tnaqqis tal-età tal-irtirar tal-imħallfin u tal-aspettattiva korrispondenti ta’ ħafna pożizzjonijiet ġodda li kienu ser isiru vakanti, liema fatturi ppreġudikaw in-natura tal-irremovabbiltà u l-indipendenza tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema).


85      Sabiex tiġi stabbilita l-legalità tal-ħatra ta’ mħallef jew is-setgħa ta’ eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji li jirriżultaw minn din il-ħatra u għalhekk sabiex jiġi evalwat jekk il-proċedura ta’ ħatra osservatx it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta.


86      U għalhekk l-Artikolu 26(3) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema.


87      Ma hemm ebda informazzjoni fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk tali kontestazzjoni tressqitx. F’dan ir-rigward, id-domandi tal-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward huma a priori ipotetiċi. Madankollu, bħala prinċipju, huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk l-Awla Straordinarja nnifisha tosservax ir-rekwiżiti stabbiliti mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, peress li, kieku kien mod ieħor, ikun diffiċli li l-kandidati jingħataw tort talli ma jkunux talbu stħarriġ quddiemha tar-riżoluzzjonijiet tal-KRS.