Language of document : ECLI:EU:C:2017:253

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-30 ta’ Marzu 2017 (1)

Kawża C73/16

Peter Puškár

Partijiet fil-proċedura:

Finančné riaditeľstvo Slovenskej republiky,

Kriminálny úrad finančnej správy

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Najvyšší súd Slovenskej republiky [qorti suprema tar-Repubblika Slovakka, is-Slovakkja])

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Ipproċessar ta’ data personali – Protezzjoni tad-drittijiet fundamentali – Neċessità ta’ proċedura preliminari – Lista ta’ data personali li tfasslet għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa – Ammissibbiltà ta’ din il-lista bħala prova – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali – Relazzjoni bejn il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem”







I.      Introduzzjoni

1.        Ma hijiex l-ewwel darba li nuqqas ta’ qbil bejn il-qorti suprema tas-Slovakkja u l-qorti kostituzzjonali ta’ dan l-Istat Membru qiegħed jagħti lok għal talba għal deċiżjoni preliminari (2). F’din il-kawża, hemm inkwistjoni l-fatt dwar jekk l-awtoritajiet tat-taxxa jistgħux iżommu lista kunfidenzjali ta’ persuni fiżiċi li jeżerċitaw b’mod fittizzju funzjonijiet ta’ amministrazzjoni ta’ ċerti persuni ġuridiċi. Din it-tilwima fl-istess waqt tqajjem domandi dwar il-protezzjoni legali effettiva, jiġifieri, minn naħa, jekk l-eżawriment ta’ rimedju amministrattiv obbligatorju jistax ikun prerekwiżit sabiex jiġi ppreżentat rikors u, min-naħa l-oħra, jekk lista tistax tiġi miċħuda bħala motiv ta’ prova inammissibbli jekk din tkun ġiet trażmessa mingħajr il-kunsens tal-awtoritajiet tat-taxxa. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab mill-qorti nazzjonali tindika jekk din għandhiex issegwi l-ġurisprudenza tagħha jew il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“QEDB”) meta ż-żewġ qrati jikkunfliġġu.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

2.        Id-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data, previst fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, huwa kkonkretizzat fid-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data (3), li fil-futur qarib ser tiġi ssostitwita bir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (4).

3.        L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data jinkludi ċerti prinċipji għall-ipproċessar ta’ data personali:

“Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali għandu jkun:

(a)      ipproċessat b’mod ġust u skond il-liġi;

[…]

(d)      eżatt u, fejn meħtieġ, jinżamm aġġornat; għandu jsir dak kollu raġjonevoli biex ikun assigurat li data li ma tkunx eżatta jew mhux kompleta, meħud kont tal-finijiet li għalihom kien inġabar jew li għalihom ikun sar iktar ipproċessar, jitħassar jew jissewwa;

[…]”

4.        L-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data jiddetermina l-kundizzjonijiet li taħthom huwa ammissibbli l-ipproċessar ta’ data personali:

“Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali jista’ jkun ipproċessat biss jekk:

(a)      is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens tiegħu b’mod ċar; jew

[…]

(ċ)      l-ipproċessar ikun meħtieġ biex titħares obbligazzjoni legali li s-suġġett tagħha jkun il-kontrollur; jew

[…]

(e)      l-ipproċessar ikun meħtieġ biex isir ħidma fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika vestita fil-kontrollur jew f’parti terza li lilha jkun żvelat id-data; jew

(f)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet ta’ l-interessi leġittimi li jkollu l-kontrollur jew il-parti terza jew il-partijiet li lilhom ikun żvelat id-data, ħlief meta dawk l-interessi jiġu wara l-interessi ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jkun jeħtiġilhom protezzjoni […]”

5.        L-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data jipprevedi li l-persuna kkonċernata għandha tingħata informazzjoni speċifika meta d-data personali tinkiseb direttament mingħandha. L-Artikolu 11 jinkludi dispożizzjonijiet korrispondenti għall-każijiet li fihom id-data ma tinkisibx mingħand il-persuna kkonċernata. L-Artikolu 12 jinkludi d-dritt tal-persuna kkonċernata għall-informazzjoni dwar l-ipproċessar tad-data tiegħu kif ukoll id-dritt tiegħu għal rettifika, tħassir jew imblokkar tad-data li l-ipproċessar tagħha ma jkunx konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva.

6.        L-Artikolu 13(1) jipprevedi derogi minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data:

“Stati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislattivi biex jirrestrinġu l-finijiet ta’ l-obbligazzjonijiet u d-drittijiet provduti fl-Artikoli 6(1), 10, 11 (1), 12 u 21 meta dawn ir-restrizzjonijiet jikkostitwixxu miżuri meħtieġa li jagħtu protezzjoni lil:

[…]

(d)      prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien u prosekuzzjoni ta’ offiżi kriminali jew il-ksur ta’ etika ta’ professjonijiet regolati;

(e)      interess ekonomiku jew finanzjarju ta’ importanza għal Stat Membru jew għall-Unjoni Ewopea, magħduda affarijiet monetarji, fiskali [baġitarji] jew ta’ l-estmi [fiskali];

(f)      monitoraġġ, spezzjoni jew funzjoni regolatorja marbuta, ukoll jekk kulltant, ma’ l-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali fil-każi msemmija f’ (ċ), (d) u (e);

[…]”

7.        L-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data jinkludi d-dritt għal oġġezzjoni tal-persuna kkonċernata:

“Stati Membri għandhom jagħtu lis-suġġett tad-data d-dritt:

(a)      li, bla ħsara għal dak provdut fil-liġijiet nazzjonali, mill-inqas fil-każi msemmija fl-Artikolu 7(e) u (f), jagħmel oġġezzjoni f’kull żmien kontra l-ipproċessar ta’ data dwaru għal raġunijiet gravi u leġittimi dwar is-sitwazzjoni partikolari tiegħu. Meta jkun hemm oġġezzjoni ġustifikata, l-ipproċessar mibdi mill-kontrollur jista’ ma jibqax [ma jistax jibqa’] juża dak id-data;

[…]”

8.        L-Artikolu 22 tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data jinkludi dispożizzjoni dwar rimedji ġudizzjarji:

“Bla ħsara għal kull rimedju amministrattiv li dwaru tista’ ssir dispożizzjoni, inter alia quddiem l-awtorità ta’ superviżjoni msemmija fl-Artikolu 28, qabel ma ssir referenza lill-awtorità ġudizjarja, Stati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt ta’ kull persuna għal rimedju ġudizjarju għal kull ksur tad-drittijiet garantiti lilha bil-liġi nazzjonali li tkun tapplika għall-ipproċessar in kwistjoni.”

9.        L-Artikolu 28(4) tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data jipprevedi dritt għall-ilment għand awtorità ta’ kontroll:

“Kull awtorità ta’ superviżjoni għandha tisma’ talbiet maghmulin minn kull persuna, jew minn għaqda li tirrappreżenta lil dik il-persuna, dwar il-protezzjoni tad-drittijiet jew libertajiet tagħha fl-ipproċessar ta’ data personali.

Il-persuna kkonċernata għandha tkun mgħarrfa bir-riżultat tat-talba. Kull awtorità ta’ superviżjoni għandha, partikolarment, tisma’ talbiet għal verifiki dwar il-legalità ta’ ipproċessar ta’ data mressqa minn kull persuna meta d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond l-Artikolu 13 ta’ din id-Direttiva jkunu japplikaw. Il-persuna għandha f’kull każ tkun mgħarrfa li tkun saret verifika.”

B.      Id-dritt Slovakk

10.      L-Artikolu 250v(1) u (3) tal-Občiansky súdny poriadok (kodiċi tal-proċedura ċivili, iktar ’il quddiem il-“kodiċi ċivili”), fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali, jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni ġudizzjarja:

“(1)      Kull persuna fiżika jew ġuridika li tallega li hija leża minħabba ksur tad-drittijiet jew tal-interessi legalment protetti tagħha, minħabba azzjoni illegali minn entità tal-amministrazzjoni pubblika, li ma tikkostitwixxix deċiżjoni, u li tqis li kienet id-destinatarja diretta ta’ dan l-intervent inkwistjoni jew tal-konsegwenzi tiegħu, tista’ titlob protezzjoni ġudizzjarja jekk l-intervent jew il-konsegwenzi tagħha jippersistu jew jekk ikun hemm riskju li jirrepetu ruħhom.

[…]

(3)      Ir-rikors huwa ammissibbli sakemm ir-rikorrent ma jkunx eżawrixxa r-rimedji kollha li huwa intitolat għalihom skont leġiżlazzjoni speċifika […]”

11.      Iz-Zákon č. 9/2010 Z. z. o sťažnostiach (Liġi Nru 9/2010 dwar l-ilmenti amministrattivi) tipprevedi l-possibbiltà li jitressaq ilment kontra l-azzjonijiet jew l-ommissjonijiet tal-amministrazzjoni.

12.      L-Artikolu 164 taz-Zákon č. 563/2009 Z. z. o správe daní (daňový poriadok) [Liġi Nru 563/2009 dwar l-amministrazzjoni tat-taxxa (kodiċi tat-taxxa)], fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali, jikkonċerna l-ipproċessar ta’ data personali:

“Għall-finijiet tal-ġbir tat-taxxa, l-awtoritajiet tat-taxxa, id-direttorat tal-finanzi u l-ministeru (tal-finanzi) għandhom is-setgħa jipproċessaw data personali tal-persuni taxxabbli, tar-rappreżentanti tagħhom u ta’ persuni oħra konformement ma’ leġiżlazzjoni speċifika(95) [(5)]; id-data personali tista’ tiġi żvelata biss lill-muniċipalità bħala awtorità tat-taxxa, lill-awtoritajiet finanzjarji u lill-ministeru tal-finanzi kif ukoll, fir-rigward tal-ġbir tat-taxxa u tat-twettiq tal-kompiti abbażi ta’ dispożizzjoni partikolari, lil kwalunkwe persuna, qorti jew istituzzjoni oħra li taġixxi fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali. Fis-sistemi tal-informatika (95) jistgħu jiġu pproċessati l-isem u l-kunjom ta’ persuna fiżika, l-indirizz residenzjali tagħha u, f’każ li ma tkunx ġiet attribwita numru ta’ identifikazzjoni fiskali waqt ir-reġistrazzjoni tagħha, n-numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali tagħha.”

13.      L-Artikolu 4(3)(d), (e) u (o) taz-Zákon č. 333/2011 Z. z. o orgánoch štátnej správy v oblasti daní, poplatkov a colníctva (Liġi Nru 333/2011 dwar l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti fil-qasam tat-taxxi, tal-imposti u tad-dazji) jirregola l-kompiti tad-direttorat tal-finanzi rilevanti għal din il-kawża:

“Id-direttorat tal-finanzi għandu l-kompiti li ġejjin:

d)      il-ħolqien, l-iżvilupp u l-ġestjoni tas-sistemi tal-informatika tal-amministrazzjoni finanzjarja […]; in-notifikazzjoni lill-ministeru tal-finanzi tal-intenzjoni tiegħu li jeżerċita attivitajiet relatati mat-tfassil u mal-iżvilupp ta’ sistemi tal-informatika;

e)      l-istabbiliment u l-ġestjoni ta’ reġistru ċentrali tal-operaturi tas-suq u persuni oħra li jeżerċitaw attivitajiet li fir-rigward tagħhom tapplika l-leġiżlazzjoni doganali, u l-garanzija li dan ir-reġistru jkun konformi mar-reġistri korrispondenti tal-Kummissjoni Ewropea, it-tfassil u l-ġestjoni ta’ reġistru ċentrali tal-persuni taxxabbli, iż-żamma u l-aġġornament ta’ databases; it-tfassil u ż-żamma tal-imsemmija reġistri permezz ta’ sistemi tal-informatika tal-amministrazzjoni finanzjarja;

o)      l-informazzjoni lill-pubbliku dwar id-drittijiet u d-dmirijiet tiegħu fis-settur tat-taxxi u tal-imposti kif ukoll dwar id-drittijiet u d-dmirijiet skont leġiżlazzjoni speċifika […]”

14.      L-ipproċessar ta’ data dwar ksur huwa rregolat fl-Artikolu 5(3)(b) tal-Liġi Nru 333/2011:

“L-uffiċċju tal-amministrazzjoni finanzjarja għall-ġlieda kontra l-kriminalità għandu juża s-sistemi tal-informatika pprovduti mill-amministrazzjoni finanzjarja billi jiġbor, jipproċessa, jaħżen, jittrażmetti, juża, jipproteġi kif ukoll iħassar informazzjoni u data personali li tikkonċerna persuni li kisru l-leġiżlazzjoni fiskali jew doganali jew li fir-rigward tagħhom jeżisti suspett iġġustifikat ta’ ksur kontra leġiżlazzjoni fiskali jew doganali, kif ukoll data li tikkonċerna persuni li, fil-qasam tal-kompetenza tal-amministrazzjoni finanzjarja, iddisturbaw l-ordni pubblika jew li fir-rigward tagħhom jeżisti suspett iġġustifikat ta’ disturb tal-ordni pubblika, kif ukoll informazzjoni oħra relatata ma’ tali ksur tal-leġiżlazzjoni fiskali jew doganali jew relatata mad-disturb tal-ordni pubblika; din l-informazzjoni u d-data personali għandhom jiġu trażmessi u żvelati lid-direttorat tal-finanzi, lill-awtorità fiskali jew lill-uffiċċju doganali, sa fejn dan ikun neċessarju għat-twettiq tal-kompiti rispettivi tagħhom.”

III. Il-fatti tal-kawża

15.      B’rikors tad-19 ta’ Novembru 2014 ippreżentat quddiem in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (qorti suprema tar-Repubblika Slovakka), P. Puškár talab li d-direttorat tal-finanzi u l-awtoritajiet fiskali taħt il-kontroll tiegħu kif ukoll l-uffiċċju tal-amministrazzjoni finanzjarja għall-ġlieda kontra l-kriminalità jiġu preklużi milli jinkludu ismu fil-lista ta’ persuni fiżiċi (skont l-indikazzjonijiet tiegħu, ammont ta’ 1 227 persuna) li fil-fehma tal-amministrazzjoni pubblika huma “biele kone” (espressjoni kollokjali li tfisser “żwiemel bojod” li tintuża komunament sabiex tiddeskrivi persuni li jokkupaw b’mod fittizzju funzjonijiet ta’ amministrazzjoni). F’din il-lista, persuna fiżika hija normalment assenjata lil entità ġuridika waħda jew iktar (minn total ta’ 3 369 skont l-indikazzjonijiet tar-rikorrent), li allegatament aġixxiet għaliha tali persuna, flimkien man-numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali tagħha, in-numru ta’ identifikazzjoni tal-entità taxxabbli li taġixxi għaliha l-persuna u l-perijodu tal-mandat tagħha. Fl-istess waqt, ir-rikorrent talab lill-awtoritajiet ineħħu ismu mill-imsemmija lista jew minn lista oħra simili kif ukoll u mis-sistemi ta’ informatika tal-amministrazzjoni finanzjarja.

16.      L-eżistenza ta’ lista “Biele-kone” ġiet ikkonfermata mill-uffiċċju tal-amministrazzjoni finanzjarja għall-ġlieda kontra l-kriminalità, li madankollu ddikjara li l-lista kienet tfasslet mid-direttorat tal-finanzi.

17.      Fil-fehma tar-rikorrent, l-intervent tad-direttorat tal-finanzi u tal-uffiċċju tal-amministrazzjoni finanzjarja għall-ġlieda kontra l-kriminalità huwa illegali partikolarment minħabba l-fatt li l-inklużjoni fl-imsemmija lista tikser id-drittijiet personali tiegħu, partikolarment id-dritt għall-ħarsien tal-unur, tad-dinjità u tar-reputazzjoni tajba.

18.      Il-qorti suprema ċaħdet ir-rikors bħala infondat, l-istess bħalma ċaħdet fi proċeduri differenti, ir-rikorsi ta’ żewġ persuni oħra elenkati fil-lista – parzjalment minħabba raġunijiet proċedurali u parzjalment minħabba raġunijiet sostantivi.

19.      Fil-kuntest tar-rikorsi kostituzzjonali tar-rikorrent u tal-persuni l-oħra msemmija hawn fuq, l-Ústavný súd (qorti kostituzzjonali, is-Slovakkja) ikkonstatat li, permezz tas-sentenzi tagħha, il-qorti suprema kienet kisret id-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti għal smigħ xieraq.

20.      Skont ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, f’waħda mill-kawżi li kellha quddiemha, il-qorti kostituzzjonali kkonstatat li, minbarra d-dritt li tiġi rrispettata l-ħajja privata, kien hemm ksur tad-dritt fundamentali tal-protezzjoni tad-data personali kontra l-ġbir mhux awtorizzat tagħha u abbuż ieħor. Filwaqt li bbażat ruħha fuq dawn il-bażijiet legali, il-qorti kostituzzjonali annulat is-sentenzi kollha tal-qorti suprema u rrinvijat il-kawżi lura lill-qorti suprema sabiex jinstemgħu mill-ġdid u tingħata deċiżjoni ġdida. Fl-istess waqt, hija fakkret li l-qorti suprema hija marbuta bil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“QEDB”) fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali.

21.      Fis-sentenzi l-oħra, il-qorti kostituzzjonali akkużat lill-qorti suprema li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, din tal-aħħar segwiet approċċ purament formalistiku għall-interpretazzjoni tan-norma ġuridika li tikkonċerna l-inammissibbiltà ta’ rikors kontra interventi illegali tal-amministrazzjoni pubblika. Hija ssostni wkoll li l-qorti suprema ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-portata kostituzzjonali tad-dritt fundamentali Slovakk għall-protezzjoni ġudizzjarja. Dan id-dritt jippermetti l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet u prattiki tal-amministrazzjoni pubblika li jirrestrinġu drittijiet fundamentali u libertajiet fundamentali. Min-naħa l-oħra, ġie allegat li l-qorti kostituzzjonali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea relatata mal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tad-data personali.

22.      Skont l-informazzjoni pprovduta fit-talba għal deċiżjoni preliminari, fis-snin li għaddew, il-qorti kostituzzjonali Slovakka, filwaqt li kienet influwenzata mill-ġurisprudenza tal-QEDB, abbandunat il-fehma li lment amministrattiv, imressaq abbażi tal-liġi dwar l-ilmenti amministrattivi, għandu dejjem jitqies bħala rimedju effettiv jekk isiru interventi illegali mill-awtoritajiet pubbliċi jew, f’ċerti ċirkustanzi, fil-każ tal-inattività tagħhom. Il-konstatazzjoni tagħha li fil-kawża prinċipali l-qorti suprema għandha ssegwi, inekwivokament, il-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, hija vinkolanti skont id-dritt Slovakk fir-rigward tas-segwitu tal-proċedura fil-kawża prinċipali, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni, bl-istess mod, l-effetti tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

IV.    Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari

23.      Għalhekk, il-qorti suprema tar-Repubblika Slovakka tirrinvija d-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jgħid li kull persuna li d-drittijiet tiegħu[tagħha] nkisru, f’dan il-każ id-dritt tar-rispett għall-ħajja privata fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, kif stabbilit fl-Artikolu 1(1) u d-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva 95/46/KE, għandha dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmi Artikolu 47, jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ tali rimedju quddiem il-qorti amministrattiva għal obbligu fuq ir-rikorrent, sabiex jiddefendi d-drittijiet u l-libertajiet tiegħu, li qabel ikun eżawrixxa r-rimedji disponibbli għalih taħt leġiżlazzjoni speċifika, bħal-liġi Slovakka dwar l-ilmenti amministrattivi?

2)      Fil-każ ta’ ksur allegat tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, li, għall-Unjoni Ewropea, huwa prinċipalment implementat permezz tad-Direttiva 95/36 95/46, u li jim[p]lika b’mod partikolari:

–        l-obbligu tal-Istati Membri biex jipproteġu d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali [Artikolu 1(1)],

–        id-dritt tal-Istati Membri li jipproċessaw data personali jekk l-ipproċessar ikun meħtieġ sabiex issir ħidma fl-interess pubbliku [Artikolu 7(e)] jew it-twettiq tal-interess leġittimi segwit mill-kontrollur jew mit-terz jew mit-terzi li d-data tagħha jiġu kkomunikati [li lilhom tiġi kkomunikata d-data] u

–        setgħa [ta’ restrizzjoni] eċċezzjonali tal-Istati Membri [Artikolu 13(1)(e) u (f)] meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja sabiex tissalvagwardja interess ekonomiku jew finanzjarju importanti ta’ Stat Membru jew tal-Unjoni Ewropea, inklużi fl-oqsma monetarju, baġitarju u fiskali,

–        id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, tad-dar u tal-komunikazzjonijiet, stabbilit fl-Artikolu 7, u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, stabbilit fl-Artikolu 8 tal-Karta,

jistgħu jkunu interpretati fis-sens li ma jippermettux lil Stat Membru li joħloq, mingħajr il-kunsens tal-persuna kkonċernata, listi ta’ data personali għall-finijiet tal-ġbir tat-taxxa, għalkemm il-ksib ta’ data personali mill-awtoritajiet pubbliċi għall-qirda tal-evażjoni tat-taxxa jippreżenta riskju fih innifsu?

3)      Jista’ jistiqes li lista ta’ istituzzjoni finanzjarja ta’ Stat Membru, li fiha data personali tar-rikorrent u li n-nuqqas ta’ disponibbiltà tagħha huwa ggarantit mill-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa sabiex jipproteġu din id-data kontra żvelar jew l-aċċess mhux awtorizzat fis-sens tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 95/46, tikkostitwixxi, sa fejn hija nkisbet mir-rikorrent mingħajr il-kunsens meħtieġ legalment tal-imsemmija istituzzjoni, motiv ta’ prova illegali li l-preżentazzjoni tiegħu għandhu jiġu miċħud mill-qorti nazzjonali skont ir-rekwiżit ta’ smigħ ġust ifformulat, fid-dritt tal-Unjoni, fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta?

4)      Qorti nazzjonali taġixxi b’mod konformi mad-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ ġust (li jinsabu b’mod partikolari fl-Artikolu 47 tal-Karta) jekk, wara li kkonstatat li, fil-kawża li biha hija adita, hemm differenzi bejn il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u risposta li ntbagħtet lilha mill-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea], tiffavorixxi l-pożizzjoni ta’ din tal-aħħar skont il-prinċipju ta’ lealtà stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE u fl-Artikolu 267 TFUE?”

24.      P. Puškár, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, l-Italja, il-Polonja u l-Kummissjoni Ewropea lkoll ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Fis-seduta tas-16 ta’ Frar 2017 ipparteċipaw ukoll Spanja u l-Kummissjoni minbarra P. Puškár u s-Slovakkja.

V.      Analiżi legali

25.      L-ewwel u t-tielet domanda tal-qorti suprema jikkonċernaw il-proċedura tal-protezzjoni ġudizzjarja. Għalhekk, dawn għandhom jiġu indirizzati wara xulxin (il-Partijiet B u C), jiġifieri qabel it-tieni domanda sostantiva rigward il-kompatibbiltà tal-lista inkwistjoni mal-protezzjoni tad-data personali (ara, f’dan ir-rigward, il-Parti D). Fl-aħħar nett, għandha tiġi eżaminata r-raba’ domanda, li tikkonċerna kontradizzjonijiet possibbli bejn il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u dik tal-QEDB (ara l-Parti E). Madankollu, fl-ewwel lok għandu jiġi ċċarat sa fejn id-dritt Ewropew dwar il-protezzjoni tad-data japplika għal-lista inkwistjoni (ara, f’dan ir-rigward, il-Parti A).

A.      Fuq l-applikabbiltà tad-dritt Ewropew dwar il-protezzjoni tad-data

26.      Huwa partikolarment ir-Renju ta’ Spanja li jargumenta li d-dritt Ewropew dwar il-protezzjoni tad-data ma japplikax għall-kawża preżenti.

27.      F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data u l-Artikolu 8 tal-Karta.

28.      Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data huwa ristrett partikolarment permezz tal-Artikolu 3(2) tagħha. Dan jistabbilixxi li d-Direttiva ma tapplikax, inter alia, għall-prosekuzzjoni kriminali. Dan irid japplika wkoll sa fejn il-lista inkwistjoni sservi għanijiet fil-qasam kriminali (6). Min-naħa l-oħra, id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data fil-prinċipju hija applikabbli għall-ġbir tat-taxxi u l-użu tal-lista f’dan il-kuntest (7). Dan jidher ukoll fl-Artikolu 13(1)(e) tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data li tawtorizza espressament limitazzjoni tal-protezzjoni tad-data għal finijiet fiskali.

29.      Kuntrarjament, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data skont l-Artikolu 8 tal-Karta ma huwiex affettwat mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tal-Protezzjoni tad-Data. Dan jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 51(1) tal-Karta. Skont din id-dispożizzjoni, id-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma applikabbli fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni (8). Kif ġie kkonstatat diġà, partikolarment fis-sentenza Åkerberg Fransson, il-Karta hija applikabbli wkoll għal sanzjonijiet fil-qasam tal-leġiżlazzjoni fiskali, sa fejn tkun tikkonċerna dispożizzjonijiet fiskali tad-dritt tal-Unjoni (9). Hawnhekk għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ u d-dazju tas-sisa. Madankollu, anki ċerti kwistjonijiet relatati mat-taxxi diretti huma suġġetti għad-dritt tal-Unjoni, pereżempju fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni speċifiċi (10) jew fil-każ li jiġu ristretti d-drittijiet fundamentali (11). Konsegwentement, fil-każijiet individwali, il-qorti nazzjonali ta’ spiss trid teżamina jekk il-Karta hijiex applikabbli. Sakemm id-dritt tal-Unjoni u l-Karta ma humiex applikabbli, ta’ spiss ser jirriżultaw rekwiżiti komparabbli mill-Artikolu 8 tal-KEDB.

30.      Għal din il-kawża, isegwi li l-użu tal-lista għall-finijiet tal-ġbir tat-taxxi huwa suġġett għad-Direttiva tal-Protezzjoni tad-Data u għall-Karta, filwaqt li l-Karta hija applikabbli biss fil-qasam tad-dritt kriminali, sakemm ikunu kkonċernati kwistjonijiet stabbiliti bid-dritt tal-Unjoni.

B.      Fuq l-ewwel domanda – rimedju amministrattiv obbligatorju

31.      L-ewwel domanda tikkonċerna l-prerekwiżiti tal-protezzjoni ġudizzjarja waqt l-implementazzjoni tad-drittijiet fir-rigward tad-data personali. Il-qorti suprema tixtieq tkun taf jekk huwiex kompatibbli mad-dritt tal-protezzjoni legali effettiva, previst fl-Artikolu 47(1) tal-Karta, li l-ammissibbiltà tar-rikors tkun tiddependi fuq l-eżawriment preċedenti ta’ rimedju amministrattiv mir-rikorrent.

32.      Ir-ratio ta’ din id-domanda huwa manifestament il-fatt li l-qorti kostituzzjonali Slovakka qajmet dubji dwar din il-kundizzjoni ta’ ammissibbiltà ta’ rikors.

33.      Normalment, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għal tali domandi b’riferiment għall-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, li trid tiġi eżerċitata filwaqt li jiġu osservati l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (12). Madankollu, l-awtonomija proċedurali tapplika biss sakemm id-dritt tal-Unjoni ma jinkludi ebda dispożizzjoni f’dan ir-rigward. Madankollu, id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data effettivament fiha dispożizzjonijiet li, minn tal-inqas, jindirizzaw din il-kwistjoni. Għalhekk, irrispettivament mill-possibbiltà ta’ infurzar iżolat tad-drittijiet mill-Artikolu 8 tal-Karta (13), fl-ewwel lok għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (ara l-punt 2 hawn taħt), qabel tiġi diskussa r-relazzjoni tal-prinċipju ta’ effettività mad-dritt għal protezzjoni legali effettiva (ara l-punt 3 hawn taħt). Fl-aħħar nett, jistgħu jinsiltu l-konsegwenzi tar-rekwiżiti għal azzjoni amministrattiva obbligatorja (ara l-punt 4 hawn taħt). Madankollu, qabelxejn għandhom isiru ċerti rimarki dwar l-ammissibbiltà ta’ din id-domanda (ara l-punt 1 hawn taħt).

1.      Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda

34.      P. Puškár jikkontesta partikolarment l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda. Huwa jargumenta li ressaq diversi rimedji ġudizzjarji, ilkoll mingħajr suċċess. Għalhekk, fil-fehma tiegħu, din id-domanda hija ipotetika.

35.      Madankollu, kif jammetti P. Puškár stess, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li l-evalwazzjoni tal-eżattezza tiegħu ma taqax taħt il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss, jekk ikun jidher manifestament li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-UE mitluba ma tikkonċernax il-fatti jew is-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex twieġeb b’mod effettiv għad-domandi li jsirulha (14).

36.      Sfortunatament, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tippreċiżax liema rimedji amministrattivi ġew eżawriti minn P. Puškár. Madankollu, hija tindika li bejn il-qorti suprema u l-qorti kostituzzjonali tas-Slovakkja ma hemmx qbil dwar in-neċessità tal-eżawriment tal-azzjonijiet amministrattivi u l-konsegwenzi għall-ammissibbiltà tar-rikors. Għaldaqstant, din id-domanda ma hijiex manifestament ipotetika u għandha tingħata risposta għaliha.

2.      Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data

37.      Id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data tindirizza r-rimedji ġudizzjarji fl-Artikoli 22 u 28. L-Artikolu 22 jipprevedi li, bla ħsara għar-rimedju skont l-Artikolu 28(4), kull persuna għandha dritt għal rimedju ġudizzjarju għal kull ksur tad-drittijiet iggarantiti lilha bil-liġi nazzjonali applikabbli għall-ipproċessar inkwistjoni.

38.      Skont l-Artikolu 28(4) tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data, kull persuna tista’ tressaq talba quddiem hekk imsejħa awtorità ta’ kontroll dwar il-protezzjoni tad-drittijiet jew libertajiet tagħha fl-ipproċessar ta’ data personali. L-awtorità ta’ kontroll tista’ partikolarment tiġi inkarigata bit-talba ta’ verifika tal-legalità ta’ pproċessar li tkun tressqet minn persuna.

39.      Fl-Artikolu 22 u l-Artikolu 28(4) tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data jidher prima facie li hemm regoli li jikkonċernaw ir-relazzjoni bejn rikors u rimedju ġudizzjarju amministrattiv tal-persuna li tkun ikkonċernata mill-qasam tal-implementazzjoni tad-dritt għall-protezzjoni tad-data.

40.      Madankollu, minn eżami mill-qrib, isir evidenti li għall-inqas l-ilment msemmi fl-Artikolu 28(4) tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data ma huwiex is-suġġett ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari. Il-mekkaniżmu tal-ilmenti tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data huwa eżegwit mill-awtorità ta’ kontroll indipendenti prevista fi ħdanha (15). B’kuntrast, l-ilment amministrattiv, li skont id-dritt Slovakk jippresupponi rikors, huwa indirizzat lill-korpi amministrattivi kompetenti.

41.      Id-dispożizzjoni iktar vasta u li ser tkun madankollu applikabbli fil-futur, prevista fl-Artikolu 79 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, tipprovdi stampa dwar il-pożizzjoni tad-dritt għal rikors fil-qasam tal-protezzjoni tad-data meta mqabbel ma’ rimedji oħra. Skont din ir-regola, kull persuna kkonċernata, irrispettivament mid-disponibbiltà ta’ rimedju amministrattiv jew extraġudizzjarju, inkluż id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja, għandha d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv.

42.      Għalhekk, għall-inqas fil-futur, ir-rimedju ġudizzjarju ser jingħata bla ħsara għar-rimedji l-oħra kollha. Dan ifisser li d-dritt għal rikors ma jaffettwax ir-rimedji l-oħra.

43.      Madankollu, dan ma jiċċarax jekk l-eżawriment ta’ rimedju ieħor jeħtieġx jikkostitwixxi, b’mod obbligatorju, kundizzjoni sabiex jitressaq rikors. Mill-Artikolu 79 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data jista’ jiġi biss dedott li dan ir-rimedju ġudizzjarju jrid ikun effettiv. Konsegwentement, l-obbligu li qabel ir-rikors għandu jiġi eżawrit rimedju ieħor għandu jitqies inammissibbli jekk ir-rimedju ġudizzjarju ma jkunx effettiv minħabba dan il-prerekwiżit.

44.      Filwaqt li huwa minnu li l-Artikolu 22 tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data jirriferi biss għal rimedju speċifiku u lanqas ma jeżiġi espressament l-effettività ta’ rimedju ġudizzjarju, minn tal-inqas il-karatteristika tal-effettività hija preżunta awtomatikament (16). Li d-dritt għal rimedju ġudizzjarju ma għandux jikkomprometti rimedji oħra diġà jirriżulta mill-fatt li l-Artikolu 22 ma jinkludi ebda dispożizzjoni f’dan ir-rigward.

45.      Konsegwentement, id-dritt għal rikors skont id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data, applikabbli fil-kawża preżenti, jimplika li l-eżawriment ta’ proċedura prekontenzjuża jista’ jintalab biss jekk ma tiġix kompromessa l-effettività tar-rimedju ġudizzjarju. Dan huwa l-istess ostakolu li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ effettività fuq l-awtonomija proċedurali nazzjonali.

3.      Il-prinċipju ta’ effettività u d-dritt għal protezzjoni legali effettiva

46.      Skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali għal rikorsi intiżi li jiggarantixxu l-protezzjoni tad-drittijiet mogħtija lill-partijiet fil-kawża mid-dritt tal-Unjoni, sakemm ma jkunx hemm dispożizzjonijiet rilevanti tal-Unjoni.

47.      Tradizzjonalment, din l-awtonomija hija ristretta bil-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Hawnhekk huwa rilevanti biss il-prinċipju tal-aħħar. Skont dan il-prinċipju, il-modalitajiet proċedurali ma jistgħux jirrendu impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (17).

48.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament ikkonstatat li kull każ fejn tqum il-kwistjoni li jsir magħruf jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi tagħha, quddiem il-varji istanzi nazzjonali; f’dan id-dawl, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-prinċipji li huma l-bażi tas-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħall-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (18).

49.      Madankollu, reċentement, il-prinċipju ta’ effettività iktar ma jmur qiegħed jiġi assoċjat ukoll mad-dritt għal protezzjoni legali effettiva skont l-Artikolu 47(1) tal-Karta (19). Fix-xhur li għaddew saħansitra kien hemm żewġ sentenzi rilevanti li ma għadhomx ibbażati fuq il-prinċipju ta’ effettività, iżda esklużivament fuq l-Artikolu 47(1) (20).

50.      Invokazzjoni tal-Artikolu 47(1) tal-Karta tagħti struttura lill-eżami neċessarju tal-miżura kkonċernata, peress li, inevitabbilment, din tiġbed l-attenzjoni lejn il-limiti tad-drittijiet fundamentali skont l-Artikolu 52(1) (21). Skont din id-dispożizzjoni, il-limitazzjoni tad-drittijiet fundamentali hija ġġustifikata biss jekk tkun prevista mil-liġi u tosserva l-kontenut essenzjali tad-dritt ikkonċernat. Barra minn hekk, bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa wkoll parti mill-prinċipju ta’ effettività. Dan huwa espress fil-limitu fuq diffikultà eċċessiva.

51.      Għalhekk, l-Artikolu 47(1) tal-Karta u l-prinċipju ta’ effettività, fl-aħħar mill-aħħar, jesprimu l-istess prinċipju tad-dritt u jistgħu jiġu eżaminati flimkien, bl-applikazzjoni tar-regoli fl-Artikolu 47(1) u fl-Artikolu 52(1) tal-Karta.

4.      Fuq il-kompatibbiltà tal-proċedura preliminari obbligatorja mal-protezzjoni legali effettiva

52.      Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk l-eżawriment obbligatorju ta’ rimedju amministrattiv qabel il-preżentata ta’ rikors ġudizzjarju huwiex kompatibbli mal-Artikolu 47(1) tal-Karta u mal-prinċipju ta’ effettività.

53.      Tali modalità proċedurali, minn tal-inqas, twassal għal dewmien fl-aċċess għal rimedju ġudizzjarju. Barra minn hekk, dan jista’ jikkawża spejjeż addizzjonali. Huwa possibbli li l-korpi amministrattivi jimponu tariffi għall-eżekuzzjoni tar-rimedju. Jista’ jkun utli wkoll, jew saħansitra neċessarju, li wieħed jitlob l-assistenza ta’ avukat jew perizja.

54.      Għalhekk, obbligu ta’ eżawriment ta’ rimedju amministrattiv qabel il-preżentata ta’ rikors jaffettwa d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv.

55.      Madankollu, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, tali modalità proċedurali tista’ tkun iġġustifikata.

56.      Skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, din il-modalità hija prevista bil-liġi fis-Slovakkja. Ftit li xejn jidher li din tirrestrinġi l-kontenut essenzjali tad-dritt għal protezzjoni legali effettiva, peress li ma tillimitax il-kategorija ta’ persuni li, fil-prinċipju, jistgħu jibbenefikaw minn stħarriġ ġudizzjarju (22). Dawn sempliċement huma meħtieġa jieħdu passi proċedurali addizzjonali.

57.      Għalhekk, il-kriterju determinanti huwa l-proporzjonalità tar-rimedju amministrattiv obbligatorju.

58.      Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li miżura għandha tkun “xierqa, neċessarja u proporzjonata għall-għan li hija ssegwi” (23) (24). Kif jenfasizza l-Artikolu 52(1) tal-Karta, dan l-għan għandu jiġi rrikonoxxut mill-Unjoni u jservi l-interess ġenerali jew ikun meħtieġ għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ oħrajn.

59.      Skont il-qorti suprema, l-eżawriment tar-rimedju amministrattiv jippermetti żieda fl-effiċjenza peress li jagħti opportunità lill-amministrazzjoni tirrimedja l-intervent illegali invokat, u jekonomizzaha minn proċedura ġudizzjarja mhux mixtieqa. Barra minn hekk, it-tilwima bejn il-partijiet hija speċifikata fid-dettall f’din il-proċedura amministrattiva, li tiffaċilita l-kompitu tal-qorti fit-trattament sussegwenti tal-kawża. Għandu jiġi nnotat ukoll li r-rimedju amministrattiv jipproteġi lill-qrati minn proċeduri li ma humiex neċessarji u jista’ jippromwovi l-istabbiltà legali wkoll meta l-persuna kkonċernata taċċetta l-intervent, pereżempju minħabba motivazzjoni iktar konvinċenti mingħajr l-eżekuzzjoni ta’ proċedura ġudizzjarja. Fl-aħħar nett, rimedju amministrattiv normalment jimplika sostanzjalment inqas spejjeż minn rimedju ġudizzjarju.

60.      Dan l-għan huwa rrikonoxxut fid-dritt tal-Unjoni, kif jixhdu proċeduri amministrattivi komparabbli, pereżempju fid-dritt tas-servizz pubbliku (25) jew fid-dritt tal-aċċess għal dokumenti (26). L-istanzi tal-appell, bħal dawk li ġew stabbiliti fl-EUIPO (27) jew fl-Uffiċċju Ewropew għall-Kimiki (28), iservu dan l-għan. Fl-aħħar u mhux l-inqas, anki talba mressqa quddiem l-Ombudsman Ewropew teħtieġ azzjoni amministrattiva (29).

61.      Nixtieq inżid li anki l-ordinament ġuridiku Ġermaniż jirrikonoxxi dan l-għan. Fi proċessi amministrattivi Ġermaniżi, l-eżekuzzjoni ta’ rimedju amministrattiv skont l-Artikolu 68 tal-organizzazzjoni tal-Verwaltungsgerichtsordnung (kodiċi tal-proċedura amministrattiva Ġermaniż) hija regolarment prerekwiżit għall-preżentata ta’ rikors ġudizzjarju. L-użu ta’ dan il-prerekwiżit fil-biċċa l-kbira (30) ma huwiex ikkontestat. Fil-fatt, il-qrati diġà kellhom jiddeċiedu jekk it-tneħħija parzjali tar-rimedju amministrattiv hijiex kompatibbli ma’ normi superjuri (31).

62.      Mingħajr dubju, proċedura amministrattiva obbligatorja hija xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fil-punt 59. Lanqas ma huwa identifikat metodu inqas oneruż li jista’ jilħaqhom bl-istess mod.

63.      Għalhekk, tibqa’ d-domanda dwar jekk ir-rimedju amministrattiv obbligatorju huwiex proporzjonat u adattat għall-għan segwit minnu. Ir-risposta tagħha tiddipendi mill-arranġament konkret tar-rimedju amministrattiv. Fl-aħħar mill-aħħar, dan jista’ jiġi analizzat b’mod eżawrjenti mill-qrati nazzjonali biss.

64.      Dan japplika partikolarment għal punt imressaq minn P. Puškár, jiġifieri l-allegata inċertezza dwar jekk it-terminu għall-preżentata ta’ rikors jibdiex jiddekorri diġà minn qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar ir-rimedju amministrattiv. F’każ li l-qrati nazzjonali jikkonstataw li fil-mument inkwistjoni ġenwinament kienet teżisti tali inċertezza, ma tantx ikun raġonevoli li l-ammissibbiltà ta’ rikors tkun dipendenti mill-eżawriment tar-rimedju amministrattiv.

65.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’kawżi dwar id-dritt tal-konsumaturi, li kien ammissibbli metodu obbligatorju għas-soluzzjoni tat-tilwim qabel titressaq talba quddiem il-qrati, peress li, inter alia, il-preżentata tar-rikors ma kinitx kunsiderevolment tardiva u ma kkawżat ebda spejjeż jew spejjeż minimi ħafna lill-konsumatur (32).

66.      Dawn iż-żewġ perspettivi huma importanti wkoll għall-evalwazzjoni tar-rimedju amministrattiv obbligatorju. Dewmien sinjifikattiv jew spejjeż eċċessivi għar-rikorrent ċertament jitfgħu dubju fuq l-adegwatezza tal-modalità proċedurali.

67.      Fir-rigward tad-dewmien, l-Artikolu 47(2) tal-Karta jistabbilixxi d-dritt ta’ kull persuna li l-kawża tagħha tiġi deċiża fi żmien xieraq. Filwaqt li huwa minnu li dan id-dritt jirreferi għall-proċedura ġudizzjarja, naturalment, dan ma jistax jiġi mminat minħabba kundizzjoni relatata mal-preżentata ta’ rikors. Konsegwentement, il-QEDB tinkorpora t-tul ta’ żmien tar-rimedji amministrattivi obbligatorji fl-eżami tat-tul ta’ żmien tal-proċedura ġudizzjarja (33). Anki fis-sitwazzjoni fejn l-applikazzjoni tal-Artikolu 47(2) tal-Karta tiġi eskluża, ikunu jirriżultaw rekwiżiti komparabbli minn prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (34).

68.      Fir-rigward tal-ispejjeż, l-Artikolu 47(3) tal-Karta jeżiġi biss għajnuna legali jekk din tkun neċessarja sabiex jiġi ggarantit effettivament l-aċċess għall-qrati. Fil-prinċipju, ma jistgħux jiġu kkontestati l-ispejjeż ta’ eżekuzzjoni ta’ proċedura amministrattiva (35).

69.      Madankollu, il-ġbir ta’ tariffi għal rimedji amministrattivi obbligatorji jrid ikun suġġett għal limiti iktar stretti, peress li din il-proċedura preliminari tikkostitwixxi ostakolu għall-eżerċizzju tar-rimedju ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta u l-ispejjeż tagħha jiżdiedu mal-ispejjeż tar-rimedju ġudizzjarju (36). Għalhekk, il-prinċipju li fuqu huwa bbażat id-dritt għall-għajnuna legali jkopri wkoll l-ispejjeż għal rimedju amministrattiv obbligatorju. Barra minn hekk, fi ħdan Unjoni rregolata mid-dritt, il-fatt li l-awtorità amministrattiva tikkontrolla lilha nfisha, kif huwa inerenti fir-rimedju amministrattiv, ma huwiex biss fl-interess tal-parti kkonċernata, iżda wkoll fl-interess pubbliku.

5.      Riżultat interim

70.      Id-dritt għal protezzjoni legali effettiva skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-prinċipju ta’ effettività ma jipprekludux rimedju amministrattiv suġġett għall-obbligu ta’ eżawriment qabel il-preżentata ta’ rikors, sakemm il-modalitajiet ta’ dan ir-rimedju ma jkunux jikkompromettu sproporzjonalment l-effettività tar-rimedju ġudizzjarju. Għaldaqstant, ir-rimedju amministrattiv obbligatorju ma għandux jikkawża dewmien irraġonevoli jew spejjeż eċċessivi lill-proċedura ġudizzjarja inġenerali.

71.      Madankollu, għandu jiġi ċċarat ukoll li l-kompatibbiltà tar-rimedju amministrattiv obbligatorju mad-dritt tal-Unjoni ma teskludix li tali mudell proċedurali ta’ stħarriġ ġudizzjarju jkun inkompatibbli mad-dritt kostituzzjonali nazzjonali.

C.      Fuq it-tielet domanda – esklużjoni tal-lista bħala prova

72.      Bit-tielet domanda tagħha, li għandha tingħata risposta qabel it-tieni domanda, il-qorti suprema tistaqsi jekk il-lista inkwistjoni tistax tiġi eskluża bħala prova peress li P. Puškár irnexxielu jikseb il-pussess tagħha mingħajr ma kellu l-kunsens tal-awtoritajiet kompetenti.

1.      Fuq l-ammissibbiltà tad-domanda

73.      Is-Slovakkja u P. Puškár iqisu li din id-domanda hija inammissibbli peress li fid-dawl tan-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet xierqa fid-dritt tal-Unjoni, din tirrigwarda biss l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali.

74.      Madankollu, din l-oġġezzjoni tonqos milli tirrikonoxxi l-fatt li, l-istess bħal fil-każ ta’ rimedju amministrattiv obbligatorju, ir-regoli dwar il-provi wkoll huma modalitajiet tal-proċedura li jistgħu jirrestrinġu l-effettività tal-protezzjoni legali fl-infurzar tad-drittijiet stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, id-dritt tal-Unjoni jista’ jillimita l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri f’dan il-qasam ukoll.

75.      Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Ċeka tiddubita mir-rilevanza ta’ din id-domanda peress li waħda mill-awtoritajiet involuti fil-kawża prinċipali, l-uffiċċju tal-amministrazzjoni finanzjarja għall-ġlieda kontra l-kriminalità, ammettiet li l-lista teżisti u li kienet tfasslet minn awtorità oħra parteċipanti fil-proċedura fil-kawża prinċipali, id-direttorat tal-finanzi. B’dan jista’ jiġi preżunt li ma hemmx bżonn ta’ provi addizzjonali u li din id-domanda hija ipotetika.

76.      Madankollu, partikolarment fis-seduta ntwera biċ-ċar li l-awtorità l-oħra involuta, id-direttorat tal-finanzi, fil-kawża prinċipali ċaħdet li hija kienet fasslet din il-lista jew li kienet taf biha. Barra minn hekk, fi kwalunkwe każ, ma huwiex ċar jekk l-informazzjoni li tikkonċerna lil P. Puškár hijiex parti minn din il-lista. Fl-aħħar nett, ma għandux jiġi eskluż li l-qorti suprema xorta waħda trid tieħu deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tal-lista bħala prova, indipendentement mill-eżitu tal-kawża.

77.      Konsegwentement, għandu jiġi preżunt li huwa neċessarju li tingħata risposta għal din id-domanda sabiex tittieħed deċiżjoni dwar it-tilwima prinċipali.

2.      Fuq ir-risposta għad-domanda

78.      L-istess bħal fil-kuntest tal-ewwel domanda, l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri tintlaħaq ukoll fir-rigward tar-regoli dwar il-provi. Dan peress li, bla ħsara għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività tal-Istati Membri, l-Istati Membri huma responsabbli li jistabbilixxu l-provi ammissibbli, fil-każ li ma hemmx regoli taħt id-dritt tal-Unjoni (37).

79.      Anki fir-rigward ta’ din id-domanda, ma hemm ebda indikazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ekwivalenza. Konsegwentement, mill-ġdid kollox jiddependi mill-prinċipju ta’ effettività li għandu jiġi applikat flimkien mad-dritt għal protezzjoni legali effettiva skont l-Artikolu 47 tal-Karta.

80.      Limitazzjoni tal-provi ammissibbli għall-finijiet ta’ evidenza tal-ksur ta’ dritt mogħti mid-dritt tal-Unjoni, tinterferixxi mad-dritt fundamentali għal protezzjoni legali effettiva. Għalhekk, din teżiġi ġustifikazzjoni skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta.

81.      Peress li hemm inkwistjoni biss prova potenzjali, il-kontenut essenzjali tal-protezzjoni legali effettiva ma huwiex affettwat. Għalhekk, għandha terġa’ tiġi eżaminata il-proporzjonalità.

82.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet, fil-prinċipju, l-għan li jiġi pprojbit l-użu mhux awtorizzat ta’ dokumenti interni fi proċeduri ġudizzjarji (38). Kif tinnota korrettament il-qorti suprema, dan l-għan għandu jiġi attribwit lill-prinċipju ta’ smigħ xieraq, u b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet fil-proċedura, kif previsti fl-Artikolu 47 tal-Karta (39), peress li l-aċċess illegali għal informazzjoni interna jista’ jimplika żvantaġġ sinjifikattiv għall-parti kkonċernata. Il-korpi statali wkoll jistgħu jinvokaw dawn il-prinċipji, sakemm ikunu partijiet f’kawża (40). Ir-rifjut ta’ dokument intern ippreżentat bħala prova mhux awtorizzata huwa adattat sabiex jintlaħaq dan l-għan.

83.      Madankollu, ir-rifjut inkondizzjonat ta’ tali prova ma huwiex l-approċċ l-inqas oneruż. Għandu pjuttost jiġi eżaminat jekk il-persuna kkonċernata għandhiex dritt għall-aċċess tal-informazzjoni inkwistjoni. F’dan il-każ, l-interess li jiġi pprojbit l-użu mhux awtorizzat ma jibqax jimmerita protezzjoni.

84.      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa konċepibbli li l-Qorti stess tordna l-preżentazzjoni ta’ dokumenti użati mingħajr permess meta dawn jiġu rrifjutati (41). Barra minn hekk, hija tenfasizza li l-protezzjoni kontra l-użu mingħajr permess hija bbażata fuq il-fatt li d-dokumenti kkonċernati ma humiex pubbliċi (42). Fl-aħħar nett, il-ġurisprudenza tagħha relatata mad-dritt għall-aċċess ta’ dokumenti, tixhed li s-sospensjoni ta’ dokumenti interni tista’ teżiġi ġustifikazzjoni (43). Għaldaqstant, id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti għandu valur indikattiv għall-finijiet tad-deliberazzjonijiet fir-rigward tar-rifjut ta’ dokumenti interni użati mingħajr permess (44).

85.      Fil-kawża preżenti għandu jiġi nnotat li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 8(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data, kull persuna għandha d-dritt tirċievi informazzjoni dwar data miġbura li tikkonċernaha. Fil-prinċipju, dan japplika wkoll għall-inklużjoni fil-lista inkwistjoni. Barra minn hekk, abbażi tal-ġbir tad-data, il-persuni kkonċernati kellhom jiġu nnotifikati, skont l-Artikolu 10 jew l-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data, dwar l-użu tagħha.

86.      Huwa minnu li l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data jippermetti li dan id-dritt għall-informazzjoni jiġi llimitat, jekk dan ikun partikolarment neċessarju għall-prevenzjoni, għall-investigazzjoni, għas-sejbien u għall-prosekuzzjoni ta’ offiżi kriminali (ittra d) jew għall-interess ekonomiku jew finanzjarju importanti ta’ Stat Membru, inkluż fil-qasam fiskali (ittra e) kif ukoll għall-funzjoni anċillari ta’ monitoraġġ, spezzjoni jew regolazzjoni (ittra f). Madankollu, l-Artikolu 13 jeżiġi espressament li limitazzjonijiet bħal dawn jiġu imposti permezz ta’ miżuri leġiżlattivi (45).

87.      Jekk jeżistu tali dispożizzjonijiet, huwa konċepibbli li tkun neċessarja limitazzjoni tad-drittijiet għall-informazzjoni fir-rigward tal-persuni kkonċernati. Possibbilment jeżisti r-riskju li l-attivitajiet ta’ monitoraġġ u ta’ spezzjoni abbażi tal-lista jkunu inqas effettivi jekk isir magħruf min huwa mniżżel fuq din il-lista.

88.      Għalhekk, qabel jirrifjutaw l-użu tal-lista inkwistjoni bħala prova, il-qrati kompetenti għandhom jeżaminaw jekk tali limitazzjoni tad-dritt għall-informazzjoni hijiex prevista u, fl-affermattiv, jekk hijiex iġġustifikata. Madankollu, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma saru ebda osservazzjonijiet dwar dawn il-punti.

89.      Anki jekk hemm indikazzjonijiet ta’ interess leġittimu fi kwalunkwe kunfidenzjalità tal-lista inkwistjoni, iġġustifikata legalment, il-qrati nazzjonali, barra minn hekk, iridu jeżaminaw jekk fil-każ individwali dawn jipprevalixxux fil-konfront tal-interess għal protezzjoni legali tal-individwu.

90.      Fid-dritt doganali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-infurzar tad-drittijiet tal-persuna inkwistjoni jsir eċċessivament diffiċli jekk din tintalab tippreżenta data li ma jistax ikollha aċċess għaliha (46). Dan l-eżami ta’ proporzjonalità jista’ jkollu eżitu differenti f’oqsma oħra, jekk ikun hemm inkwistjoni interessi iktar serji mid-dħul doganali (47). Madankollu, mingħajr kunsiderazzjonijiet addizzjonali, ma jidhirx mandatorju li d-dħul mit-taxxa għandu jkollu prijorità iktar importanti mid-dħul doganali.

91.      Barra minn hekk, l-interess fil-kunfidenzjalità tal-lista fil-kawża preżenti tilef piż sostanzjali, peress li din diġà ġiet ippubblikata minn terzi u l-uffiċċju tal-amministrazzjoni finanzjarja għall-ġlieda kontra l-kriminalità kkonferma l-eżistenza tagħha. Għalhekk, kwalunkwe dannu probabbilment diġà sar.

92.      Ċertament, huwa possibbli li persuna tista’ tiġi prekluża milli tinvoka l-lista jekk hija stess kienet involuta fid-distribuzzjoni mhux awtorizzata tagħha. Dan ixekkel lill-partijiet milli jibbenefikaw mill-imġiba illegali tagħhom stess. Madankollu, huwa ftit li xejn huwa ġustifikabbli li persuna bħal P. Puškár tiġi kkritikata għall-imġiba tat-terzi.

93.      Għalhekk, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li, fil-prinċipju, ir-rekwiżit ta’ smigħ xieraq previst fl-Artikolu 47(2) tal-Karta, jippermetti li dokumenti interni ta’ awtorità li hija parteċipanti fil-proċedura, liema dokumenti rnexxielha tikseb parti oħra fil-proċedura mingħajr il-kunsens ta’ din l-awtorità, jiġi rrifjutat bħala prova inammissibbli. Madankollu, dan ir-rifjut huwa eskluż jekk tkun ikkonċernata lista ta’ awtorità finanzjarja ta’ Stat Membru li tinkludi data personali li l-awtorità għandha tikkomunika lir-rikorrent skont l-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data.

D.      Fuq it-tieni domanda – l-ammissibbiltà tal-lista fid-dawl tal-protezzjoni tad-data

94.      It-tieni domanda tikkonċerna s-sostanza tal-kawża prinċipali. Id-domanda hija dwar jekk id-drittijiet fundamentali tal-ħajja privata u tal-protezzjoni tad-data, kif ukoll id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data, jipprojbixxux Stat Membru milli joħloq listi bid-data personali għall-finijiet tal-amministrazzjoni tat-taxxa mingħajr il-kunsens tal-persuna kkonċernata. Skont il-qorti suprema, f’dan il-każ is-setgħa ta’ disponiment ta’ data personali mill-awtoritajiet pubbliċi għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa tikkostitwixxi tali riskju.

95.      Madankollu, il-kawża preżenti ma teħtieġx risposta għad-domanda ġenerali dwar jekk l-awtoritajiet tat-taxxa jistgħux jiġbru data personali mingħajr il-kunsens tal-persuni kkonċernati. Ebda parti fil-proċedura ma tiddubita minn dan. Minflok, għandu jiġi ddeterminat jekk l-amministrazzjoni tat-taxxa tistax iżżomm lista, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, tal-persuni li jeżerċitaw b’mod fittizzju funzjonijiet ta’ amministrazzjoni ta’ ċerti persuni ġuridiċi u li ma tawx il-kunsens għall-inklużjoni tagħhom f’din il-lista. Din id-domanda għandha tingħata risposta prinċipalment fid-dawl tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data, peress li din tispeċifika d-drittijiet fundamentali tal-ħajja privata u tal-protezzjoni tad-data. Sakemm japplikaw biss id-drittijiet fundamentali, partikolarment fil-qasam tal-prosekuzzjoni kriminali fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jerġa’ jiġi vverifikat jekk jirriżultawx rekwiżiti differenti.

96.      Il-partijiet involuti fil-proċedura jaqblu bejniethom li l-inklużjoni ta’ persuna f’tali lista u l-assenjament tagħha ma’ entitajiet ġuridiċi partikolari għandha titqies bħala pproċessar ta’ data personali fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data.

97.      Kif speċifikat fid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data (“Regoli ġenerali dwar il-legalità ta’ l-ipproċessar ta’ data personali”), kull ipproċessar ta’ data personali – bla ħsara għall-eċċezzjonijiet permessi skont l-Artikolu 13 – irid ikun konformi mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6 fir-rigward tal-kwalità tad-data u għandu jissodisfa wieħed mill-prinċipji elenkati fl-Artikolu 7 fir-rigward tal-leġitimizzazzjoni tal-ipproċessar ta’ data (48).

98.      Kif diġà tindika d-domanda preliminari, bħala bażi għall-ħolqien tal-lista inkwistjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm l-Artikolu 7 (ara l-punt 1 hawn taħt) kif ukoll l-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data (ara l-punt 2 hawn taħt).

1.      Fuq l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data

99.      Kif speċifikat fl-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data, l-ipproċessar ta’ data personali jista’ jseħħ biss jekk jiġi ssodisfatt wieħed mis-sitt prerekwiżiti stabbiliti f’din id-dispożizzjoni. Fid-domanda preliminari huma indirizzati l-każijiet stabbiliti fl-ittri (e) u (f), jiġifieri n-neċessità għat-twettiq ta’ kompitu fl-interess tal-pubbliku, jew għall-finijiet tal-interessi leġittimi tal-kontrollur tad-data jew ta’ terz. B’mod supplimentari, jista’ jissemma wkoll l-Artikolu 7(ċ), jiġifieri n-neċessità li jiġi osservat obbligu legali.

100. Fl-istess waqt, nixtieq niċċara minn issa li f’dan il-każ inqis li jkun superfluwu l-eżami tal-Artikolu 7(ċ) jew (f). Dan peress li, kif jammettu l-partijiet kollha kkonċernati, il-ġbir tat-taxxa u l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa huma kompiti fl-interess pubbliku fis-sens tal-Artikolu 7(e) tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data.

101. Madankollu, P. Puškár huwa tal-fehma li l-lista tfasslet mid-direttorat tal-finanzi mingħajr bażi legali, peress li, fil-fehma tiegħu, l-uffiċċju tal-amministrazzjoni finanzjarja għall-ġlieda kontra l-kriminalità biss għandu s-setgħa jfassal tali lista. Din il-fehma hija bbażata fuq l-Artikolu 5(3)(b) tal-Liġi Nru 333/2011, li jiddelega s-setgħa lill-uffiċċju tal-amministrazzjoni finanzjarja għall-ġlieda kontra l-kriminalità sabiex jiġbor data dwar ksur jew dwar suspett ta’ ksur.

102. Fil-kuntest tal-eżami tal-Artikolu 7(e) tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data, din l-argumentazzjoni tista’ tiġi interpretata fis-sens li, skont P. Puškár, id-direttorat tal-finanzi ma ngħatax il-kompitu li jipproċedi kontra prestanome.

103. A contrario, is-Slovakkja tirribatti li l-Artikolu 164 tal-Liġi Nru 563/2009 diġà huwa bażi legali suffiċjenti. Skont dan, l-awtoritajiet tat-taxxa, id-direttorat tal-finanzi u l-ministeru (tal-finanzi) għandhom is-setgħa jipproċessaw data personali tal-persuni taxxabbli, tar-rappreżentanti tagħhom u ta’ persuni oħra għall-finijiet tal-amministrazzjoni finanzjarja.

104. Huma biss il-qrati nazzjonali li jistgħu jiddeċiedu dwar il-kompiti assenjati lill-awtoritajiet rispettivi fis-Slovakkja skont dawn id-dispożizzjonijiet. L-istess japplika għad-domanda dwar jekk regolament minnhom jew it-tnejn li huma għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lill-imsemmija awtoritajiet ifasslu l-lista inkwistjoni.

105. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tindirizza d-domanda dwar liema rekwiżiti, stabbiliti bid-dritt tal-Unjoni, għandhom jiġu ssodisfatti mid-delega tal-kompitu meħtieġ skont l-Artikolu 7(e) tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data.

106. Huwa minnu li l-Artikolu 7(e) tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data ma jinkludix dettalji f’dan ir-rigward, iżda din id-dispożizzjoni għandha tinqara b’rabta mal-prinċipji tal-Artikolu 6. Skont l-Artikolu 6(1)(b), id-data personali trid tinġabar għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi. Fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(e), l-iskop tal-ipproċessar tad-data huwa marbut b’mod inseparabbli mal-kompiti assenjati. Konsegwentement, l-assenjament tal-kompiti jrid ikopri b’mod ċar l-iskop tal-ipproċessar ikkonċernat.

107. Peress li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tippreċiżax l-iskop tal-lista inkwistjoni, hija r-responsabbiltà tal-qorti suprema li tistħarreġ din id-domanda iktar fid-dettall. Madankollu, ma jidhirx li huwa possibbli li l-lista inkwistjoni sservi għall-“finijiet tad-direttorat tal-finanzi”, kif stabbilit fl-Artikolu 164 tal-Liġi Nru 563/2009. Għalkemm dan l-artikolu ma jirreferix espressament għall-ħażna ta’ data personali fuq suspett ta’ ksur, il-persuni kkonċernati jridu jirrikonoxxu li l-awtoritajiet tat-taxxa jaħżnu din id-data sabiex ikunu jafu fir-rigward ta’ liema persuni għandhom jagħtu attenzjoni partikolari. Madankollu, huwa iktar ċar l-użu ta’ tali data għall-kompiti tal-uffiċċju tal-amministrazzjoni finanzjarja għall-ġlieda kontra l-kriminalità skont l-Artikolu 5(3)(b) tal-Liġi Nru 333/2011. Għaldaqstant, il-ħażna tagħha minn din l-awtorità hija prevedibbli fi kwalunkwe każ.

108. F’dan il-kuntest u bħala pass sussegwenti, il-qorti suprema għandha teżamina jekk it-tfassil u l-użu tal-lista inkwistjoni u, partikolarment, l-inklużjoni ta’ P. Puškár, humiex meħtieġa għall-interess pubbliku invokat. Fil-fatt, il-protezzjoni tad-dritt fundamentali għall-ħajja privata, iggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta, jeżiġi li l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali jiġu ristretti għal dak li huwa assolutament neċessarju (49). Dan ifisser li għandha tinżamm konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità (50), jiġifieri l-ipproċessar tad-data jrid ikun “xieraq, neċessarju u proporzjonat għall-għan li huwa jsegwi”.

109. Għalhekk, il-qorti suprema għandha teżamina fid-dettall jekk l-inklużjoni ta’ P. Puškár hijiex adattata sabiex jitwettqu d-diversi għanijiet tal-lista, jekk possibbilment jeżistux miżuri inqas onerużi iżda daqstant effettivi u, b’mod partikolari, jekk l-inklużjoni tiegħu hijiex xierqa fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet.

110. Huwa minnu li hemm dettalji konkreti neqsin dwar l-iskop tal-lista, iżda ma jistax jiġi ddubitat li l-inklużjoni fil-lista inkwistjoni tikkostitwixxi interferenza sostanzjali fid-drittijiet tal-persuna kkonċernata. Hija tirrestrinġi r-reputazzjoni tiegħu u tista’ twassal ukoll għal żvantaġġi prattiċi serji fir-relazzjonijiet tiegħu mal-awtoritajiet tat-taxxa. Fl-istess waqt, l-inklużjoni tiegħu taffettwa l-preżunzjoni tal-innoċenza stabbilita fl-Artikolu 48(1) tal-Karta (51). Barra minn hekk, l-entitajiet ġuridiċi assoċjati mal-persuna kkonċernata huma affettwati fir-rigward tal-libertà intraprenditorjali tagħhom skont l-Artikolu 16 tal-Karta.

111. Tali interferenza serja hija proporzjonata biss jekk ikunu jeżistu indikazzjonijiet suffiċjenti sabiex jiġi ssuspettat li l-persuna kkonċernata eżerċitat b’mod fittizzju funzjonijiet ta’ amministrazzjoni ta’ ċerti persuni ġuridiċi assoċjati magħha u b’dan il-mod imminat l-interess pubbliku tal-ġbir tat-taxxi u tal-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa (52).

2.      Fuq l-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data

112. L-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data jawtorizza lill-Istati Membri jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva minħabba raġunijiet speċifiċi. Madankollu, l-Artikolu 7 ma jissemmiex hemmhekk. Għalhekk, l-Artikolu 13 ma jistax jitfa’ dubju fuq l-eżitu tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(e).

113. Min-naħa l-oħra, kif diġà ġie sostnut (53), l-Artikolu 13 huwa rilevanti sabiex tingħata risposta għad-domanda dwar jekk il-lista inkwistjoni tistax tinżamm kunfidenzjalment, minkejja li, mill-Artikoli 10, 11 u 12 tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data, jirriżulta li l-persuni kkonċernati għandhom normalment jiġu informati dwar l-ipproċessar tad-data. Din l-informazzjoni hija prerekwiżit importanti sabiex il-persuna kkonċernata tinvoka d-drittijiet mogħtija lilha mid-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data u mid-drittijiet fundamentali fir-rigward tal-ħajja privata kif ukoll tal-protezzjoni tad-data personali (54). Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar, id-domanda dwar jekk il-lista inkwistjoni tistax tinżamm kunfidenzjali ma tistax taffettwa l-fatt dwar jekk P. Puškár huwiex ġustament inkluż fil-lista.

3.      Fuq id-drittijiet fundamentali tal-ħajja privata u tal-protezzjoni tad-data

114. Id-drittijiet fundamentali tal-ħajja privata, skont l-Artikolu 7 tal-Karta, u l-protezzjoni tad-data, skont l-Artikolu 8, li huma ta’ interess partikolarment għal miżuri kriminali fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iwasslu għall-istess eżitu bħall-applikazzjoni tal-Artikolu 7(e) tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data.

115. L-inklużjoni ta’ persuna fil-lista inkwistjoni taffettwa ż-żewġ drittijiet fundamentali. Skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, din l-interferenza hija ġġustifikata biss jekk tkun ibbażata fuq bażi legali suffiċjenti, tosserva l-kontenut essenzjali taż-żewġ drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

116. Minn dawn iż-żewġ aspetti, l-osservazzjoni tal-kontenut essenzjali biss għadu ma ġiex indirizzat. Madankollu, minkejja l-effetti negattivi marbuta mal-inklużjoni fil-lista inkwistjoni, dawn l-effetti xorta waħda ma jikkostitwixxux ksur tal-kontenut essenzjali jekk mill-bqija jiġi osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

4.      Riżultat interim

117. Għalhekk, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li, skont l-Artikolu 7(e) tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data, l-amministrazzjoni tat-taxxa tista’ tfassal lista, għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti tagħha, ta’ persuni li jeżerċitaw b’mod fittizzju funzjonijiet ta’ amministrazzjoni ta’ ċerti persuni ġuridiċi u li ma tawx il-kunsens għall-inklużjoni f’din il-lista. Dan jippreżumi li tali kompitu tal-amministrazzjoni tat-taxxa ġie assenjat lilha legalment, l-użu tal-lista huwa verament adattat u bżonnjuż għall-finijiet tal-amministrazzjoni tat-taxxa u li hemm indikazzjonijiet suffiċjenti ta’ suspett li dawn il-persuni għandhom ikunu inklużi fil-lista. F’dan il-każ, lanqas id-drittijiet fundamentali tal-ħajja privata, skont l-Artikolu 7 tal-Karta, u l-protezzjoni tad-data, skont l-Artikolu 8, ma jipprekludu t-tfassil u l-użu tal-lista.

E.      Fuq ir-raba’ domanda – relazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-QEDB

118. Bir-raba’ domanda għandu jiġi ċċarat jekk qorti nazzjonali tistax issegwi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jekk din tkun tikkontradixxi l-ġurisprudenza tal-QEDB.

119. Kif jinnotaw diversi partijiet, l-ammissibbiltà tad-domanda f’din il-forma hija dubjuża, speċjalment peress li l-qorti suprema ma tistqarrx kif iż-żewġ qrati Ewropej allegatament jikkontradixxu lil xulxin u sa fejn tali kontradizzjoni hija determinanti meta tittieħed deċiżjoni fil-kawża prinċipali. Rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jistax isir sabiex jingħataw pariri dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi (55).

120. Fl-istess waqt, din id-domanda fiha fattur li jista’ jkun ta’ importanza sabiex tittieħed deċiżjoni finali fil-kawża prinċipali. Dan peress li, skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, f’dan il-każ teżisti tilwima bejn il-qorti kostituzzjonali Slovakka u l-qorti suprema Slovakka, fejn tal-ewwel tirreferi għall-ġurisprudenza tal-QEDB, iżda ma tressaq ebda osservazzjoni dwar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Id-domandi preliminari l-oħra juru li l-qorti tar-rinviju ma hijiex ċerta dwar jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja twassalx għall-istess eżitu li waslet għalih il-qorti kostituzzjonali Slovakka. Għaldaqstant, huwa raġonevoli li jiġi stabbilit dak li għandu jsir jekk il-qorti tar-rinviju – possibbilment fid-dawl ta’ deċiżjoni tal-qorti kostituzzjonali Slovakka – tqis li ż-żewġ qrati Ewropej jikkontradixxu lil xulxin fir-rigward ta’ aspett li huwa kruċjali għal deċiżjoni fil-kawża prinċipali.

121. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet bl-istess mod meta ntalbet tippreċiża l-portata tas-setgħa jew tal-obbligu li jiġi ppreżentat rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE (56). Ħafna drabi, dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari diġà jkunu jinkludu d-domandi konkreti li jeħtieġu jingħataw risposta sabiex tittieħed deċiżjoni fil-kawża prinċipali kkonċernata. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi wkoll id-domanda ġenerali fil-kuntest tal-Artikolu 267 TFUE. Inkella, ikun improbabbli ħafna li l-Qorti tal-Ġustizzja tingħata l-opportunità tesprimi ruħha dwar tali domandi. Fl-istess waqt, ikun jeżisti r-riskju li l-qrati nazzjonali jibqgħu inċerti dwar is-setgħa jew l-obbligu tagħhom li jressqu talba għal deċiżjoni preliminari u, għaldaqstant, iwettqu żbalji evitabbli fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

122. Fir-rigward tad-domanda preliminari riformulata, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(3) tal-Karta tispeċifika li d-drittijiet tal-Karta, li jikkorrispondu mad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB, għandhom l-istess sinjifikat u portata bħal dawk mogħtija mill-KEDB. Skont l-ispjegazzjonijiet dwar din id-dispożizzjoni, is-sens u l-portata tad-drittijiet żgurati huma ddeterminati mhux biss mit-test tal-KEDB, iżda wkoll, b’mod partikolari, mill-ġurisprudenza tal-QEDB (57). Madankollu, it-tieni sentenza tal-Artikolu 52(3) tal-Karta tippermetti lid-dritt tal-Unjoni joffri protezzjoni iktar estensiva.

123. Konsegwentement, id-dritt tal-Unjoni jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tidderoga mill-ġurisprudenza tal-QEDB biss sa fejn tal-ewwel tattribwixxi protezzjoni iktar estensiva lil ċerti drittijiet fundamentali minn dik tal-aħħar. Min-naħa tagħha, din id-deroga hija biss ammissibbli sa fejn, fl-istess waqt, ma tattribwixxix lid-dritt fundamentali ieħor tal-Karta, li jikkorrispondi għad-dritt tal-KEDB, protezzjoni inqas milli fil-ġurisprudenza tal-QEDB. Hawnhekk iridu jitfakkru każijiet fejn, pereżempju, irid jinħoloq bilanċ bejn ċerti drittijiet fundamentali (58).

124. Jekk mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tirriżulta protezzjoni ammissibbli iktar estensiva tad-drittijiet fundamentali, il-preċedenza tad-dritt tal-Unjoni tobbliga lill-qrati nazzjonali sabiex fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jimxu mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u jipprovdu din il-protezzjoni.

125. Madankollu, jekk il-qorti nazzjonali tasal għall-fehma li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi inqas protezzjoni, rigward dritt fundamentali partikolari li huwa stabbilit kemm fil-Karta kif ukoll fil-KEDB, milli l-ġurisprudenza tal-QEDB, dan inevitabbilment iwassal għal kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tad-dritt fundamentali inkwistjoni u l-Artikolu 52(3) tal-Karta. Din il-konklużjoni mill-qorti nazzjonali tkun timplika interpretazzjoni fis-sens li d-dritt fundamentali inkwistjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ma huwiex kompatibbli mal-Artikolu 52(3).

126. Sa fejn tali domanda hija determinanti sabiex tiġi deċiża kawża li għandha quddiemha l-qorti nazzjonali, l-Artikolu 267(2) TFUE jippermettilha tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar id-domanda. Madankollu, jekk ma hemmx rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni tal-qorti nazzjonali, din saħansitra hija obbligata tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267(3) TFUE.

127. Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda għandha tkun hekk: jekk qorti nazzjonali tasal għall-fehma li d-deċiżjoni fil-proċedura li għandha quddiemha tista’ tiġi influwenzata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li tipprovdi inqas protezzjoni lid-drittijiet tal-Karta, li jikkorrispondu għad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB, meta mqabbla mal-protezzjoni pprovduta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, din tista’ tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għal interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-każ ineżami. Jekk ma hemmx rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni tal-qorti nazzjonali nfisha, hija obbligata tressaq talba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

VI.    Konklużjoni

128. Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)      Fil-kuntest tal-ġbir tat-taxxi, l-użu ta’ data personali huwa suġġett għad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Settembru 2003, kif ukoll għall-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li fil-qasam kriminali huma applikabbli biss l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta sa fejn huma kkonċernati kwistjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni.

2)      Id-dritt għal protezzjoni legali effettiva skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-prinċipju ta’ effettività ma jipprekludux rimedju amministrattiv suġġett għall-obbligu ta’ eżawriment qabel il-preżentata ta’ rikors, sakemm il-modalitajiet ta’ dan ir-rimedju ma jkunux jikkompromettu sproporzjonalment l-effettività tar-rimedju ġudizzjarju. Għaldaqstant, ir-rimedju amministrattiv obbligatorju ma għandux jikkawża dewmien irraġonevoli jew spejjeż eċċessivi lill-proċedura ġudizzjarja inġenerali.

3)      Skont l-Artikolu 7(e) tad-Direttiva 95/46, l-amministrazzjoni tat-taxxa tista’ tfassal lista, għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti tagħha, ta’ persuni li jeżerċitaw b’mod fittizzju funzjonijiet ta’ amministrazzjoni ta’ ċerti persuni ġuridiċi u li ma tawx il-kunsens għall-inklużjoni f’din il-lista. Dan jippreżumi li tali kompitu tal-amministrazzjoni tat-taxxa ġie assenjat lilha legalment, l-użu tal-lista huwa verament adattat u bżonnjuż għall-finijiet tal-amministrazzjoni tat-taxxa u li hemm indikazzjonijiet suffiċjenti ta’ suspett li dawn il-persuni għandhom ikunu inklużi fil-lista. F’dan il-każ, lanqas id-drittijiet fundamentali tal-ħajja privata, skont l-Artikolu 7 tal-Karta, u l-protezzjoni tad-data, skont l-Artikolu 8, ma jipprekludu t-tfassil u l-użu tal-lista.

4)      Ir-rekwiżit ta’ smigħ xieraq previst fl-Artikolu 47(2) tal-Karta jippermetti fil-prinċipju li dokumenti interni ta’ awtorità li hija parteċipanti fil-proċedura, liema dokumenti rnexxielha tikseb parti oħra il-proċedura mingħajr il-kunsens ta’ din l-awtorità, jiġi rrifjutat bħala prova inammissibbli. Madankollu, dan ir-rifjut huwa eskluż jekk tkun ikkonċernata lista ta’ awtorità finanzjarja ta’ Stat Membru li tinkludi data personali li l-awtorità għandha tikkomunika lir-rikorrent skont l-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva 95/46.

5)      Jekk qorti nazzjonali tasal għall-fehma li d-deċiżjoni fil-proċedura li għandha quddiemha tista’ tiġi influwenzata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li tipprovdi inqas protezzjoni lid-drittijiet tal-Karta, li jikkorrispondu għad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB, meta mqabbla mal-protezzjoni pprovduta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, din tista’ tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għal interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-każ ineżami. Jekk ma hemmx rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni tal-qorti nazzjonali nfisha, hija obbligata tressaq talba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2       Ara s-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2012, Profitube (C‑165/11, EU:C:2012:692, punti 36 sa 38), u tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punti 38 sa 46).


3       Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), fil-verżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Settembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 1, Vol. 4, p. 447).


4       Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ April 2016, dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU 2016 L 119, p. 1).


5       In-nota ta’ qiegħ il-paġna 95 tirreferi għaz-Zákon č. 428/2002 Z. z. o ochrane osobných údajov v znení neskorších predpisov (Liġi Nru 428/2002 dwar il-protezzjoni tad-data personali), kif emendata.


6       Ara s-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist (C‑101/01, EU:C:2003:596, punt 43), kif ukoll tas-16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia (C‑73/07, EU:C:2008:727, punt 41).


7       Ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Huber (C‑524/06, EU:C:2008:724, punt 45).


8       Sentenzi tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 19), u tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses (C‑419/14, EU:C:2015:832, punt 66).


9       Sentenza tas-26 ta’ Frar 2013 (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 27).


10       Ara, pereżempju, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2013, Sabou (C‑276/12, EU:C:2013:678, punt 23 et seq).


11       Sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et (C‑98/14, EU:C:2015:386, punt 74, u l-ġurisprudenza ċċitata).


12       Ara, pereżempju, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2014, N. (C‑604/12, EU:C:2014:302, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


13       Ara l-punt 29 iktar ’il fuq.


14       Ara, pereżempju, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Y S u Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel (C‑141/12 u C‑372/12, EU:C:2014:2081, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).


15       Ara s-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑518/07, EU:C:2010:125, punti 17 et seq), tas-16 ta’ Ottubru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑614/10, EU:C:2012:631, punti 36 et seq), u tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650, punti 38 et seq).


16       Ara, pereżempju, is-sentenzi tad-9 ta’ Lulju 1985, Bozzetti (179/84, EU:C:1985:306, punt 17), tal-15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223, punti 45), tat-8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie (C‑240/09, EU:C:2011:125, punt 47), u tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK (C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 65).


17       Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1976, Rewe-Zentralfinanz u Rewe-Zentral (33/76, EU:C:1976:188, punt 5), sentenza tad-9 ta’ Novembru 1983, San Giorgio (199/82, EU:C:1983:318, punt 12), tal-14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroeck (C‑312/93, EU:C:1995:437, punt 12), tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 67), tal-20 ta’ Ottubru 2016, Danqua (C‑429/15, EU:C:2016:789, punt 29), u tal-21 ta’ Diċembru 2016, TDC (C‑327/15, EU:C:2016:974).


18       Sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroeck (C‑312/93, EU:C:1995:437, punt 14), tal-10 ta’ April 2003, Steffensen (C‑276/01, EU:C:2003:228, punt 66), u tal-20 ta’ Ottubru 2016, Danqua (C‑429/15, EU:C:2016:789, punt 42).


19       Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB (C-‑279/09, EU:C:2010:811, punti 28 u 31), tal-11 ta’ April 2013, Edwards u Pallikaropoulos (C‑260/11, EU:C:2013:221, punt 33), tas-6 ta’ Ottubru 2015, East Sussex County Council (C‑71/14, EU:C:2015:656, punt 52), u tat-13 ta’ Ottubru 2016, Polkomtel (C‑231/15, EU:C:2016:769, punti 23 u 24), kif ukoll il-konklużjonijiet li jiena ppreżentajt fil-kawżi Mellor (C‑75/08, EU:C:2009:32, punt 28), Alassini (C‑317/08 sa C-320/08, EU:C:2009:720, punt 42), u Lesoochranárske zoskupenie VLK (C‑243/15, EU:C:2016:491, punt 99).


20       Sentenzi tal-15 ta’ Settembru 2016, Star Storage et (C‑439/14 u C‑488/14, EU:C:2016:688, punt 46), u tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK (C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 65).


21       Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2013, ZZ (C‑300/11, EU:C:2013:363, punti 51), tas-17 ta’ Settembru 2014, Liivimaa Lihaveis (C‑562/12, EU:C:2014:2229, punti 67 et seq), u tal-15 ta’ Settembru 2016, Star Storage et (C‑439/14 u C‑488/14, EU:C:2016:688, punti 49 et seq).


22       Ara s-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 95), u tal-4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38 (C‑477/14, EU:C:2016:324, punt 161).


23       Fir-rigward tal-formulazzjoni, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża G4S Secure Solutions (C‑157/15, EU:C:2016:382, punt 98), allinjati mal-Conseil constitutionnel Franċiż, Deċiżjonijiet Nru 2015-527 QPC, tat-22 ta’ Diċembru 2015 (FR:CC:2015:2015.527.QPC, punti 4 u 12) u Nru 2016-536 QPC, tad-19 ta’ Frar 2016 (FR:CC:2016:2016.536.QPC, punti 3 u 10); b’mod simili, Conseil d’État, sentenza Nru 317827, tas-26 ta’ Ottubru 2011 (FR:CEASS:2011:317827.20111026); ara wkoll il-qorti kostituzzjonali federali Ġermaniża, BVerfGE 120, 274, 318 et seq (DE:BVerfG:2008:rs20080227.1bvr037007, punt 218).


24       Ara, pereżempju, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38 (C‑477/14, EU:C:2016:324, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).


25       Ara l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.


26       Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).


27       Artikoli 58 et seq tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009 L 78, p. 1).


28       Artikoli 89 et seq tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) (ĠU 2006 L 396, p. 1).


29       It-tieni sentenza tal-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 1, Vol. 1, p. 283).


30       Ara madankollu d-deċiżjoni tal-Bundesverfassungsgericht tat-28 ta’ Ottubru 1975 (2 BvR 883/73, 379/74, 497/74, 526/74, Neue Juristische Wochenschrift 1976, 34 [36 u 37]).


31       Deċiżjoni tal-Bundesverfassungsgericht tad-9 ta’ Mejju 1973 (2 BvL 43 u 44/71, Neue Juristische Wochenschrift 1973, 1683) u d-deċiżjonijiet tal-qorti kostituzzjonali tal-Bavarja tal-15 ta’ Novembru 2006, R. R. u K. N. (6-VII-05 u 12-VII-05, VerfGHE 59, 219), kif ukoll tat-23 ta’ Ottubru 2008, A. D.-G. (10-VII-07, VerfGHE 61, 248).


32       Sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Alassini et (C‑317/08 sa C‑320/08, EU:C:2010:146, punti 55 u 57).


33       QEDB, sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 1978, König vs Il-Ġermanja (6232/73, CE:ECHR:1980:0310JUD000623273, § 98), tal-20 ta’ Diċembru 2001, Janssen vs Il-Ġermanja (23959/94, CE:ECHR:2001:1220JUD002395994, § 13 u § 40), u tat-2 ta’ Diċembru 2014, Siermiński vs Il-Polonja (53339/09, CE:ECHR:2014:1202JUD005333909, § 65).


34       Sentenza tat-8 ta’ Mejju 2014, N. (C‑604/12, EU:C:2014:302, punt 50).


35       Sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑216/05, EU:C:2006:706, punt 33). Ara wkoll QEDB, sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 2001, Kreuz vs Il-Polonja (28249/95, CE:ECHR:2001:0619JUD002824995, § 59), u tal-24 ta’ Mejju 2006, Weissman et vs Ir-Rumanija (63945/00, CE:ECHR:2006:0524JUD006394500, § 35).


36       Ara s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, X (C‑486/12, EU:C:2013:836, punt 29) dwar l-ispejjeż għall-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ipproċessar ta’ data personali.


37       Sentenzi tad-9 ta’ Frar 1999, Dilexport (C‑343/96, EU:C:1999:59, punt 48 [isemmi l-prinċipju tal-effettività biss]), tal-10 ta’ April 2003, Steffensen (C‑276/01, EU:C:2003:228, punt 63), tat-28 ta’ Jannar 2010, Direct Parcel Distribution Belgium (C‑264/08, EU:C:2010:43, punti 33 u 34), tat-23 ta’ Ottubru 2014, Unitrading (C‑437/13, EU:C:2014:2318, punt 27), tal-4 ta’ Ġunju 2015, Faber (C‑497/13, EU:C:2015:357, punt 64), tal-15 ta’ Ottubru 2015, Nike European Operations Netherlands (C‑310/14, EU:C:2015:690, punti 27 u 28), kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2015, Capoda Import-Export (C‑354/14, EU:C:2015:658, punt 44).


38       Deċiżjonijiet tat-23 ta’ Ottubru 2002, L-Awstrija vs Il-Kunsill (C‑445/00, EU:C:2002:607, punt 12), tat-23 ta’ Marzu 2007, Stadtgemeinde Frohnleiten u Gemeindebetriebe Frohnleiten (C‑221/06, EU:C:2007:185, punt 19), u tad-29 ta’ Jannar 2009, Donnici vs Il-Parlament (C‑9/08, mhux ippubblikata, EU:C:2009:40, punt 13).


39       Sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2012, Otis et (C‑199/11, EU:C:2012:684, punt 48), u tat-30 ta’ Ġunju 2016, Toma u Biroul Executorului Judecătoresc Horațiu-Vasile Cruduleci (C‑205/15, EU:C:2016:499, punti 36 u 47).


40       Sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 2005, Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑287/02, EU:C:2005:368, punt 37, dwar id-drittijiet tad-difiża tal-Istati Membri), tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et (C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 53, dwar l-istituzzjonijiet tal-Unjoni), u tat-18 ta’ Frar 2016, Il-Kunsill vs Bank Mellat (C‑176/13 P, EU:C:2016:96, punt 49, dwar istituzzjoni tal-Iran).


41       Deċiżjonijiet tat-23 ta’ Ottubru 2002, L-Awstrija vs Il-Kunsill (C‑445/00, EU:C:2002:607, punt 12), tat-23 ta’ Marzu 2007, Stadtgemeinde Frohnleiten u Gemeindebetriebe Frohnleiten (C‑221/06, EU:C:2007:185, punt 19), u tad-29 ta’ Jannar 2009, Donnici vs Il-Parlament (C‑9/08, mhux ippubblikata, EU:C:2009:40, punt 13).


42       Deċiżjoni tat-23 ta’ Marzu 2007, Stadtgemeinde Frohnleiten u Gemeindebetriebe Frohnleiten (C‑221/06, EU:C:2007:185, punt 19).


43       Ara s-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill (C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374), u tal-21 ta’ Lulju 2011, L-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni (C‑506/08 P, EU:C:2011:496, punti 77 et seq).


44       Sentenza tad-29 ta’ Jannar 2009, Donnici vs Il-Parlament (C‑9/08, mhux ippubblikata, EU:C:2009:40, punt 17).


45       Sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, Bara et (C‑201/14, EU:C:2015:638, punt 39).


46       Sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2014, Unitrading (C‑437/13, EU:C:2014:2318, punt 28).


47      Ara, bħala eżempju, is-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2013, ZZ (C‑300/11, EU:C:2013:363, punti 64 sa 68), u tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 128 u 129).


48       Sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Huber (C‑524/06, EU:C:2008:724, punt 48), u tal‑1 ta’ Ottubru 2015, Bara et (C‑201/14, EU:C:2015:638, punt 30).


49       Sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia (C‑73/07, EU:C:2008:727, punt 56), tas-7 ta’ Novembru 2013, IPI (C‑473/12, EU:C:2013:715, punt 39), tal-11 ta’ Diċembru 2014, Ryneš (C‑212/13, EU:C:2014:2428, punt 28), u tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 92).


50       Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2010:970, punt 96).


51       Ara QEDB, sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 2008, S. u Marper vs Ir-Renju Unit (30562/04 u 30566/04, CE:ECHR:2008:1204JUD003056204, § 122), kif ukoll tat-18 ta’ Ottubru 2011, Khelili vs L-Iżvizzera (16188/07, CE:ECHR:2011:1018JUD001618807, § 68).


52       Ara s-sentenzi tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punti 58 u 59), kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige kif ukoll Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punti 105 u 106), kif ukoll QEDB, sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Khelili vs L-Isvizzera (16188/07, CE:ECHR:2011:1018JUD001618807, § 66 sa § 68).


53       Ara iktar ’il fuq, punti 86, et seq.


54       Sentenzi tas-7 ta’ Mejju 2009, Rijkeboer (C‑553/07, EU:C:2009:293, punt 49), u tas-17 ta’ Lulju 2014, Y.S. (C‑141/12 u C‑372/12, EU:C:2014:2081, punt 44).


55       Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 130 u l-ġurisprudenza ċċitata).


56       Ara s-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 1991, Mecanarte (C‑348/89, EU:C:1991:278, punti 42 et seq), tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio (C‑210/06, EU:C:2008:723, punti 80 et seq), u tat-18 ta’ Lulju 2013, Consiglio Nazionale dei Geologi (C‑136/12, EU:C:2013:489, punti 21 et seq).


57       Sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB (C‑279/09, EU:C:2010:811, punti 35 u 37), u tat-30 ta’ Ġunju 2016, Toma u Biroul Executorului Judecătoresc Horațiu-Vasile Cruduleci (C‑205/15, EU:C:2016:499, punt 41).


58       Ara, pereżempju, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae (C‑275/06, EU:C:2008:54, punt 68).