Language of document : ECLI:EU:T:2023:733

Kawża T330/20

ACMO Sàrl

vs

Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzjoni

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) tat22 ta’ Novembru 2023

“Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment (SRM) – Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular Español – Deċiżjoni tas-SRB li tirrifjuta l-għoti ta’ kumpens għad-danni lill-azzjonisti u lill-kredituri kkonċernati mill-miżuri ta’ riżoluzzjoni – Valutazzjoni tad-differenza fit-trattament – Indipendenza tal-evalwatur”

1.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti impriżi ta’ investiment – Adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni – Setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) – Portata – Talba għal kumpens għad-danni tal-azzjonisti u tal-kredituri – Evalwazzjoni ta’ fatti ta’ natura xjentifika u teknika kumplessi ħafna – Evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi – Setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Oneru tal-prova

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(a))

(ara l-punti 39 sa 45, 68)

2.      Proċedura ġudizzjarja – Terminu għall-produzzjoni tal-provi – Artikolu 85(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali – Kamp ta’ applikazzjoni – Prova kuntrarja u għall-amplifikazzjoni tal-offerti ta’ provi – Esklużjoni – Artikolu 92(7) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali – Kamp ta’ applikazzjoni – Prova kuntrarja u għall-amplifikazzjoni tal-offerti ta’ provi – Inklużjoni

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 85(2) u 92(7))

(ara l-punt 50)

3.      Proċedura ġudizzjarja – Miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura – Talba għall-produzzjoni ta’ dokumenti – Setgħa ta’ evalwazzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Obbligi ta’ min iressaq it-talba

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 88(1) u 89(3)(d)]

(ara l-punti 263, 286)

4.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti impriżi ta’ investiment – Adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni – Mekkaniżmu għal kumpens għad-danni tal-azzjonisti u tal-kredituri – Metodu ta’ valutazzjoni tat-trattament tal-azzjonisti u tal-kredituri fil-kuntest ta’ proċeduri normali ta’ insolvenza – Indipendenza tal-evalwatur” – Portata

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014; Regolament tal-Kummissjoni 2016/1075)

(ara l-punt 336)

5.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Eżerċizzju tal-kompetenzi – Delegi – Kundizzjonijiet – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti impriżi ta’ investiment – Mekkaniżmu għal kumpens għad-danni tal-azzjonisti u tal-kredituri – Evalwazzjoni tal-uffiċċju evalwatur tat-trattament tal- azzjonisti u tal-kredituri affettwati minn deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni – Ammissibbiltà – Delega mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) tas-setgħa deċiżjonali tiegħu lil uffiċċju evalwatur – Assenza

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014, Artikolu 20(16) sa (18) u Artikolu 76(1)(e); Regolament tal-Kumissjoni Nru 2018/344)

(ara l-punti 357 sa 360, 364, 365)

Sunt

Fil-Kawżi magħquda T‑302/20, T‑303/20 u T‑307/20 u fil-Kawża T‑304/20, ir-rikorrenti huma persuni fiżiċi u ġuridiċi li kienu azzjonisti ta’ Banco Popular Español (iktar ’il quddiem “Banco Popular”) qabel l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ din tal-aħħar. Għall-kuntrarju, fil-Kawża T‑330/20, dawn huma fondi ta’ investiment li, qabel l-adozzjoni ta’ din l-istess skema, kellhom strumenti tal-kapital, bl-eċċezzjoni ta’ waħda minnhom li hija aventi kawża ta’ entità li kellha bonds ta’ Banco Popular.

Fis‑7 ta’ Ġunju 2017, is-sessjoni eżekuttiva tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) adottat abbażi tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 (1), skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular (2), li ġiet approvata fl-istess jum mill-Kummissjoni Ewropea (3).

Qabel l-adozzjoni ta’ din l-iskema, is-SRB kien qabbad lill-uffiċċju Deloitte Réviseurs d’Entreprises bħala evalwatur (iktar ’il quddiem l-“uffiċċju evalwatur”), sabiex iwettaq valutazzjoni ta’ Banco Popular, qabel eventwali riżoluzzjoni, kif ukoll il-valutazzjoni tad-differenza fit-trattament, wara riżoluzzjoni potenzjali. Fis‑6 ta’ Ġunju 2017, l-uffiċċju evalwatur bagħat lis-SRB valutazzjoni (iktar ’il quddiem il-“valutazzjoni 2”), li kellha l-għan li twettaq stima tal-valur tal-attiv u tal-passiv ta’ Banco Popular u li tipprovdi stima dwar it-trattament li minnu kienu jibbenefikaw l-azzjonisti u l-kredituri li kieku Banco Popular kienet is-suġġett ta’ proċedura normali ta’ insolvenza, kif ukoll li tipprovdi l-elementi li jippermettu li tittieħed id-deċiżjoni dwar l-azzjonijiet u t-titoli ta’ proprjetà li għandhom jiġu ttrasferiti u li jippermettu lis-SRB li jiddetermina l-kundizzjonijiet kummerċjali għall-finijiet tal-għodda tal-bejgħ ta’ negozju. Fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, peress li qies li l-kundizzjonijiet meħtieġa (4) kienu ssodisfatti, is-SRB iddeċieda li jissuġġetta lil Banco Popular għal proċedura ta’ riżoluzzjoni. Wara proċess ta’ bejgħ trasparenti u miftuħ imwettaq mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni Spanjola, il-Fond ta’ Ristrutturazzjoni Ordnata tal-Istituzzjonijiet Bankarji, (FROB), l-azzjonijiet ġodda ta’ Banco Popular ġew ittrasferiti lil Banco Santander SA.

Wara l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, l-uffiċċju evalwatur bagħat lis-SRB il-valutazzjoni tad-differenza fit-trattament (5) (iktar ’il quddiem il-“valutazzjoni 3”) intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk l-azzjonisti u l-kredituri affettwati kinux jibbenefikaw minn trattament aħjar li kieku Banco Popular kien is-suġġett ta’ proċedura normali ta’ insolvenza minn dak li kienu suġġetti għalih minħabba r-riżoluzzjoni. Din il-valutazzjoni twettqet fil-kuntest ta’ xenarju ta’ stralċ, b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Spanjola, fil-mument tal-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. L-uffiċċju evalwatur qies li l-ftuħ ta’ proċedura normali ta’ insolvenza għal kien iwassal għal stralċ mhux ippjanat. Dan ikkonkluda li l-ebda rkupru ma kien ikun mistenni fil-kuntest ta’ proċedura normali u li għalhekk ma kienx hemm differenza fit-trattament meta mqabbla ma’ dak li jirriżulta mill-miżura ta’ riżoluzzjoni.

Sussegwentement, sabiex ikun jista’ jieħu deċiżjoni finali dwar il-ħtieġa jew le li jingħatalhom kumpens għad-danni mill-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (6), is-SRB stedinhom jesprimu l-interess tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jinstemgħu, fid-dawl tad-deċiżjoni preliminari tiegħu f’dan ir-rigward (7), li fiha kkonkluda, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-valutazzjoni 3, li ma kienx obbligat iħallashom kumpens għad-danni. Il-proċedura dwar id-dritt għal smigħ żvolġiet f’żewġ fażijiet suċċessivi, jiġifieri, il-fażi ta’ reġistrazzjoni, li fiha l-azzjonisti u l-kredituri affettwati kienu mistiedna jesprimu l-interess tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jinstemgħu, u sussegwentement il-fażi ta’ konsultazzjoni, li matulha l-persuni kkonċernati setgħu jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni preliminari li magħha kienet annessa l-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-valutazzjoni 3.

Fi tmiem din il-fażi ta’ konsultazzjoni, is-SRB eżamina l-kummenti rilevanti u rċieva mingħand l-uffiċċju evalwatur dokument ta’ kjarifika li fih dan tal-aħħar ikkonferma li l-istrateġija u x-xenarji differenti ta’ stralċ ipotetiċi ddettaljati fil-valutazzjoni 3, kif ukoll il-metodoloġiji segwiti u l-analiżi mwettqa baqgħu validi.

Fis‑17 ta’ Marzu 2020, is-SRB adotta d-Deċiżjoni SRB/EES/2020/52, intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk kellux jingħata kumpens għad-danni lill-azzjonisti u lill-kredituri kkonċernati mill-miżuri ta’ riżoluzzjoni mwettqa fir-rigward ta’ Banco Popular (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li fiha qies li l-uffiċċju evalwatur kien indipendenti u li l-valutazzjoni 3 kienet konformi mal-qafas legali applikabbli u kienet suffiċjentement immotivata u kompleta. Dan ippreżenta wkoll il-kummenti trażmessi mill-azzjonisti u l-kredituri affettwati, kif ukoll l-evalwazzjoni tagħhom u kkonkluda li ma kienx hemm differenza bejn it-trattament li għalih kienu realment suġġetti l-azzjonisti u l-kredituri affettwati u dak li kienu jibbenefikaw minnu li kieku Banco Popular kienet suġġett għal proċedura normali ta’ insolvenza fid-data tar-riżoluzzjoni.

Permezz tas-sentenzi tagħha, li fihom dan jitlob iċ-ċaħda tat-tliet rikorsi, ibbażati fuq l-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi, għall-ewwel darba, dwar talba għall-annullament ta’ deċiżjoni tas-SRB dwar l-eventwali kumpens għad-danni tal-azzjonisti u tal-kredituri affettwati wara riżoluzzjoni bankarja. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali teżamina diversi kwistjonijiet ġodda mqajma fit-tliet rikorsi, b’mod partikolari li jirrigwardaw l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tal-azzjonisti u tal-kredituri affettwati fil-każ li Banco Popular kienet is-suġġett ta’ proċedura normali ta’ insolvenza, l-indipendenza tal-uffiċċju evalwatur, id-dritt għal smigħ matul il-proċedura, id-dritt għal rimedju effettiv u d-dritt għall-proprjetà.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali tiċħad l-ilmenti bbażati fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’illegalità fir-rigward tal-eżami tal-kwistjoni dwar jekk l-ex azzjonisti ta’ Banco Popular kinux jibbenefikaw minn trattament aħjar fil-kuntest ta’ proċedura normali ta’ insolvenza.

L-ewwel, il-Qorti Ġenerali tirrileva, minn naħa, li mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 806/2014 jirriżulta b’mod ċar li r-riferiment (8) għat-trattament li minnu kienu jibbenefikaw l-azzjonisti u l-kredituri tal-entità li kieku din kienet suġġetta għal proċedura normali ta’ insolvenza jirreferi għat-trattament ipotetiku tagħhom fil-każ ta’ stralċ tal-entità. Min-naħa l-oħra, il-metodu ta’ valutazzjoni tal-imsemmi trattament iddefinit fir-Regolament Delegat 2018/344 (9) jikkorrispondi għal-likwidazzjoni tal-assi tal-istituzzjoni u għalhekk għal stralċ kif iddefinit fil-punt 42 tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

It-tieni, sabiex tiġi stabbilita d-differenza fit-trattament, il-paragun jirrigwarda t-trattament reali li l-azzjonisti u l-kredituri affettwati kienu s-suġġett tiegħu minħabba r-riżoluzzjoni u l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tagħhom fil-każ li l-miżura ta’ riżoluzzjoni ma kinitx ġiet adottata, jiġifieri fil-każ li l-entità kienet ġiet stralċjata.

It-tielet, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tad-differenza fit-trattament wara riżoluzzjoni deċiża mill-FROB, id-dritt Spanjol jipprevedi li x-xenarju kontrofattwali huwa xenarju ta’ stralċ tal-entità li jieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Spanjola dwar l-istralċ. Minn dan din tikkonkludi li d-determinazzjoni tad-differenza fit-trattament għandha tkun ibbażata fuq xenarju ta’ stralċ, fatt li jeskludi l-possibbiltà ta’ xenarju bbażat fuq tkomplija tal-operat tal-entità jew fuq arranġament mal-kredituri.

Ir-raba’, il-Qorti Ġenerali tispeċifika li x-xenarju kontrofattwali ta’ stralċ previst fil-valutazzjoni 3 kellu jiġi ddefinit fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ Banco Popular fid-data tar-riżoluzzjoni. F’din id-data, Banco Popular ma kinitx f’pożizzjoni li tkompli bl-operat tagħha minħabba s-sitwazzjoni ta’ likwidità tagħha, is-sitwazzjoni ta’ falliment attwali jew probabbli tagħha u minħabba l-possibbiltà ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni bankarja tagħha, u li, għal din ir-raġuni, la arranġament mal-kredituri u lanqas xenarju ta’ insolvenza bħala impriża operattiva ma kienu prevedibbli.

Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali tiċħad l-argument li l-uffiċċju evalwatur kellu jwettaq valutazzjoni ta’ Banco Popular billi jipprevedi l-bejgħ tal-istituzzjoni ta’ kreditu fit-totalità tagħha jew permezz ta’ unitajiet ta’ produzzjoni, li jimplika tkomplija tal-attivitajiet tal-impriża. L-uffiċċju evalwatur għaldaqstant ma wettaqx żball meta uża metodoloġija bbażata fuq xenarju ta’ stralċ u fuq il-bejgħ tal-assi b’mod individwali jew permezz ta’ portafolli.

Il-ħames, id-deċiżjoni kkontestata ma hija vvizzjata b’ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni kemm fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tul massimu tal-proċedura ta’ stralċ ta’ seba’ snin, fid-dawl b’mod partikolari tal-għan li jitwettaq stralċ f’terminu raġonevoli u tal-inċertezzi li jirriżultaw minn perijodu ta’ stralċ estiż, kif ukoll fir-rigward tal-valutazzjoni tal-portafolli ta’ self li jrendi u li ma jrendix, tas-sussidjarji ta’ proprjetà immobbli ta’ Banco Popular u tar-riskji legali.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali tiċħad il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ indipendenza tal-uffiċċju evalwatur.

L-ewwel, din tirrileva li ċ-ċirkustanzi tal-każ, minn naħa, ma jistabbilixxux li l-uffiċċju evalwatur, meta wettaq il-valutazzjoni 3, kien influwenzat mill-fatt li huwa kien wettaq il-valutazzjoni 2 u, min-naħa l-oħra, jikkontradixxu l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li seta’ raġonevolment jidher li ma kienx oġġettiv jew imparzjali.

Fil-fatt, fil-valutazzjoni 3, l-analiżi tad-differenza fit-trattament hija bbażata fuq it-trattament reali li l-azzjonisti u l-kredituri affettwati ngħataw wara r-riżoluzzjoni. L-evalwazzjoni tal-attiv u tal-passiv ta’ Banco Popular li tinsab fl-ewwel parti tal-valutazzjoni 2 ma tteħditx inkunsiderazzjoni fil-valutazzjoni 3 u għalhekk ma setgħetx tinfluwenza l-uffiċċju evalwatur meta wettaq din tal-aħħar.

Barra minn hekk, il-valutazzjoni 2 kien fiha diversi riżervi dwar l-affidabbiltà tas-simulazzjoni tax-xenarju ta’ stralċ. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tiċħad l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-uffiċċju evalwatur, bl-għan li jipproteġi r-reputazzjoni professjonali tiegħu, qies lilu nnifsu marbut bil-konklużjonijiet li jinsabu fil-valutazzjoni 2 meta wettaq il-valutazzjoni 3.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tiċħad l-argument li l-uffiċċju evalwatur kien inċentivat jevita kull rettifika jew modifika tal-konklużjonijiet li jinsabu fil-valutazzjoni 2, minħabba l-fatt li huwa kontradett miċ-ċirkustanzi li fihom twettqu l-valutazzjonijiet 2 u 3. Fil-fatt, il-valutazzjoni 3 kienet ibbażata fuq informazzjoni iktar preċiża minn dik li kellha l-uffiċċju evalwatur fl-istadju tal-valutazzjoni 2. Barra minn hekk, is-SRB, minn meta rċieva l-valutazzjoni 2, kien informat bil-fatt li l-uffiċċju evalwatur kellu jibbaża ruħu fuq data ġdida fil-valutazzjoni 3 u għalhekk jibdel l-evalwazzjoni mwettqa fis-simulazzjoni tax-xenarju ta’ stralċ. Fil-valutazzjoni 3, l-uffiċċju evalwatur mhux sempliċement ikkonferma r-riżultat tas-simulazzjoni li tinsab fil-valutazzjoni 2 Fil-fatt, is-sempliċi fatt li l-uffiċċju evalwatur wasal għall-istess konklużjoni ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li huwa qies ruħu marbut mill-evalwazzjoni tiegħu mwettqa fil-valutazzjoni 2 meta wettaq il-valutazzjoni 3.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali tiċħad l-ilment ibbażat fuq il-fatt li s-SRB kellu juża evalwatur differenti sabiex iwettaq valutazzjoni fuq il-bażi ta’ metodu differenti, peress li l-evalwazzjoni tat-trattament tal-azzjonisti u tal-kredituri affettwati kellha ssir skont xenarju ta’ stralċ. Bl-istess mod, l-ebda dispożizzjoni la tar-Regolament Nru 806/2014 u lanqas tar-Regolament Delegat 2016/1075 ma tipprekludi espliċitament li l-valutazzjonijiet 2 u 3 jitwettqu mill-istess evalwatur.

It-tieni, il-Qorti Ġenerali tiċħad l-ilmenti bbażati fuq nuqqas ta’ indipendenza tal-uffiċċju evalwatur minħabba l-allegati rabtiet tiegħu ma’ Banco Popular u ma’ Banco Santander.

F’dan ir-rigward, din tosserva li, fid-data tal-ħatra tal-uffiċċju evalwatur bħala evalwatur indipendenti, minn naħa, l-identità tax-xerrej ma kinitx magħrufa, b’tali mod li ma kienx possibbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rabtiet bejn l-uffiċċju evalwatur u Banco Santander u, min-naħa l-oħra, l-uffiċċju evalwatur ma kienx għadu jipprovdi servizzi ta’ awditu lil Banco Santander.

Il-Qorti Ġenerali tenfasizza li, matul il-proċedura kollha dwar ir-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular, is-SRB żgura, kif kien obbligat jagħmel, li l-uffiċċju evalwatur josserva r-rekwiżiti ta’ indipendenza u, b’mod partikolari, dawk dwar l-assenza ta’ kunflitt ta’ interessi previsti fir-Regolament Delegat 2016/1075 (10).

Għalhekk, is-SRB ma wettaqx żball meta qies li s-servizzi pprovduti mill-uffiċċju evalwatur kemm lil Banco Popular kif ukoll lil Banco Santander ma kinux ta’ natura li jinfluwenzaw il-ġudizzju tiegħu fit-twettiq tal-valutazzjoni 3 u għalhekk ma kinux ta’ natura li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ interess reali jew potenzjali sinjifikattiv b’mod komuni jew f’kunflitt magħhom.

Bl-istess mod, l-ebda argument ma jikkontesta l-evalwazzjonijiet tas-SRB dwar l-assenza ta’ rabta bejn, minn naħa, is-servizzi ta’ awditu pprovduti lil Banco Santander mill-uffiċċju evalwatur għall-integrazzjoni ta’ Banco Popular u, min-naħa l-oħra, l-elementi rilevanti għall-valutazzjoni 3, li kienet tikkonċerna biss l-evalwazzjoni ta’ Banco Popular u mhux dik ta’ Banco Santander.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jispjegawx kif dawn is-servizzi pprovduti mill-uffiċċju evalwatur kienu ta’ natura li jinfluwenzaw jew setgħu raġonevolment jiġu pperċepiti bħala li jinfluwenzaw il-ġudizzju tiegħu fit-twettiq tal-valutazzjoni 3.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tqis li l-konstatazzjoni li s-SRB kellu jieħu inkunsiderazzjoni apparenza ta’ nuqqas ta’ oġġettività jew ta’ imparzjalità tal-uffiċċju evalwatur minħabba r-rabtiet tiegħu ma’ Banco Santander tippreżupponi li jiġi stabbilit li, meta l-ewwel wieħed qies, fil-valutazzjoni 3, li l-azzjonisti u l-kredituri affettwati ma kinux jibbenefikaw minn trattament aħjar fil-kuntest ta’ proċedura normali ta’ insolvenza, huwa kellu l-intenzjoni li jiffavorixxi lit-tieni waħda. Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-uffiċċju evalwatur ikkonkluda, fil-valutazzjoni 3, li l-azzjonisti u l-kredituri affettwati kienu jibbenefikaw minn trattament aħjar fil-każ ta’ stralċ ta’ Banco Popular, il-kumpens għad-danni li jista’ jirriżulta minnha jitħallas mill-fond uniku ta’ riżoluzzjoni u mhux minn Banco Santander.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tqis li r-riżultat tal-valutazzjoni 3 ma jaffettwax il-legalità u l-leġittimità tad-deċiżjoni li Banco Popular tiġi suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni kif ukoll ir-riżultat ta’ din ir-riżoluzzjoni, jiġifieri l-bejgħ tagħha lil Banco Santander, u li dan ma jistax ikollu l-konsegwenza li jagħti dritt għal kumpens lill-azzjonisti u lill-kredituri affettwati min-naħa ta’ Banco Santander.

Il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li, sa fejn il-valutazzjoni 3, irrispettivament mir-riżultat tagħha, ma setgħetx taffettwa s-sitwazzjoni ta’ Banco Santander, l-uffiċċju evalwatur ma kienx f’pożizzjoni li jiffavorixxiha. Għaldaqstant, ir-rabtiet tagħhom ma jistgħux joħolqu dubju leġittimu dwar l-eżistenza ta’ eventwali preġudizzju u lanqas ma jistgħu jwasslu għal nuqqas ta’ oġġettività jew ta’ imparzjalità tal-uffiċċju evalwatur. Dawn ir-rabtiet ma kinux jikkostitwixxu ċirkustanza ta’ natura tali li tikkontesta l-indipendenza tiegħu għat-twettiq tal-valutazzjoni 3 u l-ħatra tiegħu mis-SRB bħala evalwatur indipendenti

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali tiċħad il-motiv ibbażat fuq allegat ksur tad-dritt għal smigħ tal-azzjonisti u tal-kredituri, b’mod partikolari, sa fejn is-SRB imponilhom li jifformulaw il-kummenti tagħhom f’formola.

F’dan ir-rigward, l-ewwel, din tfakkar li r-rispett tad-dritt għal smigħ għandu jiġi żgurat anki fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni li tipprevedi espressament l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt u li la r-Regolament Nru 806/2014 u lanqas il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) ma jipprevedu proċedura speċifika sabiex jiġi implimentat id-dritt għal smigħ. Għalhekk, l-għażla tas-SRB li juża formola sabiex jiġbor il-kummenti tal-azzjonisti u tal-kredituri affettwati kienet taqa’ taħt il-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu fl-organizzazzjoni ta’ din il-proċedura, sabiex jippermetti lill-azzjonisti u lill-kredituri affettwati jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal smigħ, sakemm huma jkunu jistgħu jeżerċitawh b’mod effettiv u utli.

It-tieni, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tosserva li s-SRB eżamina l-kummenti kollha rċevuti u spjega, fid-deċiżjoni kkontestata, għal liema raġuni wħud minn dawn il-kummenti ma kinux rilevanti għall-finijiet tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u tiċħad l-argument ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ minħabba li s-SRB ċaħad kummenti irrilevanti.

It-tielet, din tikkonstata li, fil-formola, il-mistoqsijiet kienu redatti b’mod newtrali fil-forma ta’ preżentazzjoni qasira tas-suġġett ikkonċernat u ta’ riferiment għall-partijiet tad-deċiżjoni preliminari jew tal-valutazzjoni 3 imsemmija, segwit minn stedina lill-azzjonisti u lill-kredituri affettwati sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom jew l-opinjonijiet tagħhom dwar dan is-suġġett.

Ir-raba,’ il-Qorti Ġenerali tiċħad l-argument dwar il-limitazzjoni tat-tul tat-tweġibiet għall-formola minħabba li huwa purament teoretiku u ma jistax jistabbilixxi b’mod suffiċjenti fid-dritt li, fin-nuqqas ta’ tali limitu, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti.

Fil-fatt, minn naħa, il-kummenti ppreżentati matul il-proċedura dwar id-dritt għal smigħ bi tweġiba għall-formola kienu s-suġġett ta’ analiżi ddettaljata fid-deċiżjoni kkontestata u wasslu għall-adozzjoni mill-uffiċċju evalwatur tad-dokument ta’ kjarifika. Għalhekk, minkejja li t-tul tal-kummenti kien limitat, is-SRB u l-uffiċċju evalwatur wieġbu għalihom b’mod iddettaljat.

Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma jindikawx liema kummenti, minbarra dawk li kienu ġew ifformulati u li kienu wieġbu għalihom s-SRB u l-uffiċċju evalwatur, huma kienu preklużi milli jsostnu minħabba d-daqs tal-formola. Huma lanqas ma jippreċiżaw liema huma d-dokumenti li xtaqu jkunu jistgħu jehmżu mal-formola.

Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali tiċħad bħala ineffettiv il-motiv, ibbażat fuq il‑fatt li l‑valutazzjoni 3 hija bbażata fuq bażi żbaljata li tirrigwarda s‑sitwazzjoni finanzjarja ta’ Banco Popular fil‑mument tar‑riżoluzzjoni tagħha.

Fil-fatt, din tfakkar li l-evalwazzjoni tad-differenza fit-trattament kellha ssir fil-mument li fih l-iskema ta’ riżoluzzjoni ġiet adottata. Issa, il-perizja tal-Bank ta’ Spanja tat‑8 ta’ April 2019, li fuqha jibbażaw ruħhom ir-rikorrenti u li l-produzzjoni tagħha permezz ta’ miżura istruttorja kienet mitluba, tikkonċerna avvenimenti preċedenti għar-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular, li ma kinux rilevanti sabiex titwettaq il-valutazzjoni 3.

Fil-ħames lok, il-Qorti Ġenerali tiċħad il-motiv ibbażat fuq il‑fatt li s‑SRB iddelega indebitament lill‑uffiċċju evalwatur is‑setgħat deċiżjonali mogħtija lilu mir‑Regolament Nru 806/2014.

L-ewwel, wara li kkonstatat li r-rikorrenti ma jqajmu la eċċezzjoni ta’ illegalità tar-Regolament Nru 806/2014, la lmenti bbażati fuq l-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali mis-SRB jew fuq nuqqas ta’ ċarezza tad-delimitazzjoni tal-kompetenzi ta’ dan tal-aħħar f’dan ir-regolament, u lanqas ilmenti bbażati fuq il-ksur tal-imsemmi regolament mis-SRB, sa fejn huwa aġixxa lil hinn mis-setgħat mogħtija lilu, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-argumenti intiżi li jikkritikaw lis-SRB minħabba l-għoti ta’ setgħa deċiżjonali lill-uffiċċju evalwatur ma jistgħux jistabbilixxu ksur tal-prinċipji relatati mad-delega ta’ setgħa.

It-tieni, il-Qorti Ġenerali tfakkar li d-deċiżjoni li ma jingħatax kumpens għad-danni lill-azzjonisti u lill-kredituri affettwati ġiet effettivament adottata mis-SRB u mhux mill-uffiċċju evalwatur.

Barra minn hekk, skont ir-Regolament Nru 806/2014, l-aspetti ekonomiċi u tekniċi tal-evalwazzjoni tat-trattament li kienu jibbenefikaw minnu l-azzjonisti u l-kredituri affettwati li kieku Banco Popular kienet is-suġġett ta’ proċedura normali ta’ insolvenza kellhom jiġu evalwati minn evalwatur indipendenti u mhux mis-SRB innifsu. Għalhekk, il-fatt, għas-SRB, li inkariga lill-uffiċċju evalwatur bit-twettiq tal-valutazzjoni 3 ma jistax jiġi interpretat bħala delega tas-setgħa tiegħu li jadotta d-deċiżjoni.

It-tielet, minn naħa, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 806/2014, il-fatt li s-SRB approva l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni 3 ma jistax jiġi interpretat bħala assenza ta’ stħarriġ minnu tal-osservanza tar-rekwiżiti li l-evalwatur indipendenti għandu jikkonforma ruħu magħhom meta jwettaq il-valutazzjoni tiegħu Min-naħa l-oħra, mill-kontenut stess tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-SRB ma llimitax ruħu li jiġbor fil-qosor il-valutazzjoni 3 u d-dokument ta’ kjarifika, iżda dan eżamina l-validità tagħhom fid-dawl tal-kummenti tal-azzjonisti u tal-kredituri affettwati.

Fis-sitt lok, il-Qorti Ġenerali tiċħad il-motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal rimedju effettiv.

Fir-rigward tan-nuqqas ta’ żvelar ta’ ċerta informazzjoni fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-valutazzjoni 3, annessa mad-deċiżjoni preliminari, il-Qorti Ġenerali tirrileva li ma huwiex ikkontestat il-fatt li l-evalwazzjoni tas-SRB li l-informazzjoni moħbija dwar ir-riżervi għal riskji legali li tinsab fil-valutazzjoni 3 kienet koperta mis-sigriet professjonali u kienet kunfidenzjali, bl-istess mod bħal ma huwiex ikkontestat il-fatt li s-SRB għandu l-obbligu li jipproteġi l-informazzjoni kunfidenzjali (11). Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jindikawx li din l-informazzjoni moħbija hija neċessarja sabiex tinftiehem id-deċiżjoni kkontestata jew għall-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għal rimedju ġudizzjarju effettiv.

Fis-seba’ lok, il-Qorti Ġenerali tiċħad il-motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà.

Il-Qorti Ġenerali tfakkar li r-Regolament Nru 806/2014 jistabbilixxi mekkaniżmu intiż sabiex jiggarantixxi lill-azzjonisti u lill-kredituri tal-entità suġġetta għal riżoluzzjoni kumpens ġust skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 17(1) tal-Karta.

F’dan il-każ, fin-nuqqas ta’ stabbiliment tal-fatt li s-SRB wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkluda, abbażi tal-valutazzjoni 3, li l-azzjonisti u l-kredituri affettwati ta’ Banco Popular ma kinux ikunu ttrattati aħjar fil-kuntest ta’ proċedura normali ta’ insolvenza milli fil-kuntest tar-riżoluzzjoni, ir-rikorrenti ma rnexxilhomx juru ksur tad-dritt għall-proprjetà tagħhom li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata.

Barra minn hekk, ma jistax jiġi validament sostnut li s-SRB kiser l-Artikolu 17 tal-Karta sa fejn il-valur tal-kumpens għad-danni abbażi tal-prinċipju li l-ebda kreditur ma għandu jiġi ttrattat b’mod agħar ġie kkalkolat abbażi tal-agħar xenarju possibbli għall-azzjonisti, jiġifieri proċedura ta’ stralċ ta’ Banco Popular. Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ xenarju kontrofattwali ta’ stralċ hija konformi mad-dispożizzjonijiet applikabbli.




1      Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1).


2      Deċiżjoni SRB/EES/2017/08, dwar l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ riżoluzzjoni”).


3      Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1246 tas‑7 ta’ Ġunju 2017 li tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni għall-Banco Popular Español S.A. (ĠU 2017, L 178, p. 15, rettifika fil-ĠU 2017, L 320, p. 31).


4      Skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014.


5      Skont l-Artikolu 20(16) sa (18) tar-Regolament Nru 806/2014.


6      Skont l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru806/2014.


7      Deċiżjoni preliminari tas-SRB dwar in-neċessità li jingħata jew le kumpens għad-danni lill-azzjonisti u lill-kredituri li kienu s-suġġett tal-miżuri ta’ riżoluzzjoni li jirrigwardaw Banco Popular u t-tnedija tal-proċedura tad-dritt għal smigħ (SRB/EES/2018/132) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni preliminari”).


8      Skont l-Artikolu 20(16) sa (18) tar-Regolament Nru 806/2014.


9      Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/344, tal‑14 ta’ Novembru 2017 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji li għandhom x’jaqsmu ma’ metodoloġiji għall-valwazzjoni tad-differenza fit-trattament fir-riżoluzzjoni (ĠU 2018, L 67, p. 3).


10      Skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1075, tat‑23 ta’ Marzu 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 41/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kontenut tal-pjanijiet ta’ rkupru, il-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni u l-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni tal-grupp, il-kriterji minimi li l-awtorità kompetenti trid tivvaluta fir-rigward tal-pjanijiet ta’ rkupru u l-pjanijiet ta’ rkupru tal-grupp, il-kundizzjonijiet għall-appoġġ finanzjarju tal-grupp, ir-rekwiżiti għall-valutaturi indipendenti, ir-rikonoxximent kuntrattwali tas-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva u konverżjoni u l-avviż tas-sospensjoni u l-funzjonament operattivi tal-kulleġġi ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2016, L 184, p. 1).


11      Skont l-Artikolu 88(5) tar-Regolament Nru 806/2014.