Language of document : ECLI:EU:T:2013:31

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

22 ta’ Jannar 2013 (*)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjonijiet għal trade marks Komunitarji verbali u figurattivi BUD — Denominazzjonijiet ‘bud’ — Raġuni relattiva għal rifjut — Artikolu 8(4) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(4) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Fil-Kawżi magħquda T‑225/06 RENV, T‑255/06 RENV, T‑257/06 RENV u T‑309/06 RENV,

Budějovický Budvar, národní podnik, stabbilita f’České Budějovice (Ir-Repubblika Ċeka), irrappreżentata minn F. Fajgenbaum, C. Petsch, S. Sculy‑Logotheti u T. Lachacinski, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard‑Monguiral, bħala aġent,

konvenut,

l-intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, li qabel kienet Anheuser‑Busch, Inc., li hija l-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, hija

Anheuser-Busch LLC, stabbilita f’Saint Louis, Missouri (L-Istati Uniti), irrappreżentata minn V. von Bomhard, B. Goebel u A. Renck, avukati,

li għandha bħala suġġett rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI, mogħtija fl‑14 ta’ Ġunju (Każ R 234/2005‑2), fit‑28 ta’ Ġunju (Każijiet R 241/2005‑2 u R 802/2004‑2) u fl‑1 ta’ Settembru 2006 (Każ R 305/2005‑2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Budějovický Budvar, národní podnik u Anheuser‑Busch, Inc.,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn N. J. Forwood, President, F. Dehousse (Relatur) u J. Schwarcz, Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑11 ta’ Settembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl‑1 ta’ April 1996, fit‑28 ta’ Lulju 1999, fil‑11 ta’ April u fl‑4 ta’ Lulju 2000, Anheuser-Busch, Inc., li saret Anheuser‑Busch LLC, l-intervenjenti, ippreżentat erba’ applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja fl-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade marks li fir-rigward tagħhom intalbet ir-reġistrazzjoni, għal ċerti tipi ta’ prodotti u servizzi, fosthom il-birer, jaqgħu fil-klassijiet 16, 21, 25, 32, 33, 35, 38, 41 u 42 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u s-servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, huma s-sinjal verbali BUD u s-sinjal figurattiv li ġej:

Image not found

3        Fil‑5 ta’ Marzu 1999, fl‑1 ta’ Awwissu 2000, fit‑22 ta’ Mejju u fil‑5 ta’ Ġunju 2001, ir-rikorrenti, Budějovický Budvar, národní podnik, ippreżentat oppożizzjonijiet skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009), għar-reġistrazzjoni tat-trade marks li fir-rigward tagħhom intalbet ir-reġistrazzjoni għall-prodotti kollha msemmija fl-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni.

4        Insostenn ta’ dawn l-oppożizzjonijiet, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti invokat, fuq il-bażi tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)b tar-Regolament Nru 207/2009], it-trade mark figurattiva internazzjonali preċedenti riprodotta iktar ’il quddiem, irreġistrata bin-Nru 361566 irreġistrata għal “kull tip ta’ birra ċara u skura”, b’effett fl-Awstrija, fil-Benelux u fl-Italja:

Image not found

5        Fit-tieni lok, ir-rikorrenti kienet invokat, abbażi tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009), id-denominazzjoni “bud” hekk kif protetta, minn naħa, fi Franza, fl-Italja u fil-Portugall skont il-Ftehim ta’ Lisbona dwar il-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini u r-reġistrazzjoni internazzjonali tagħhom, tal‑31 ta’ Ottubru 1958, kif irrivedut u emendat (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Lisbona”), u, min-naħa l-oħra, fl-Awstrija skont trattat dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ta’ provenjenza, tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u tad-denominazzjonijiet l-oħra li jindikaw il-provenjenza ta’ prodotti agrikoli u industrijali, iffirmat fil‑11 ta’ Ġunju 1976 bejn l-Awstrija u r-Repubblika Soċjalista taċ-Ċekoslovakkja, (iktar ’il quddiem il-“konvenzjoni bilaterali”) u skont ftehim bilaterali dwar l-applikazzjoni tal-imsemmija konvenzjoni konkluż fis‑7 ta’ Ġunju 1979 (iktar ’il quddiem il-“ftehim bilaterali”) (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, it-“trattati bilaterali inkwistjoni”).

6        Permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Lulju 2004, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni magħmula kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li fir-rigward tagħha ntalbet ir-reġistrazzjoni fir-rigward tas-“servizzi ta’ ristoranti, barijiet u taverni” (klassi 42), imsemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tal-4 ta’ Lulju 2000, billi qieset, b’mod partikolari, li r-rikorrenti kienet uriet li hija kellha dritt fuq id-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” fi Franza, fl-Italja u fil-Portugall.

7        Permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑23 ta’ Diċembru 2004 u tas‑26 ta’ Jannar 2005, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjonijiet magħmula kontra r-reġistrazzjoni tat-trade marks li fuqhom huma bbażati t-tliet applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni l-oħra, billi qieset, essenzjalment, li ma kinitx ġiet prodotta l-prova li d-denominazzjoni ta’ oriġini “bud”, fir-rigward ta’ Franza, tal-Italja, tal-Awstrija u tal-Portugall, kienet sinjal użat fil-kummerċ u li l-portata tagħha ma kinitx biss lokali.

8        Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kkunsidrat li kien meħtieġ li jiġu applikati l-istess kriterji bħal dawk previsti fl-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009), moqri fid-dawl tar-Regola 22(2) u (3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), fejn dawn il-kriterji huma relatati mal-prova tal-“użu ġenwin” tat-trade marks preċedenti li fuqhom tkun ibbażata l-oppożizzjoni.

9        Fil‑21 ta’ Frar u fit‑18 ta’ Marzu 2005, ir-rikorrenti ppreżentat tliet appelli quddiem l-UASI, taħt l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94 (li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009), kontra d-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tat‑23 ta’ Diċembru 2004 u tas‑26 ta’ Jannar 2005.

10      Fit-8 ta’ Settembru 2004, Anheuser‑Busch ippreżentat appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tas‑16 ta’ Lulju 2004, sa fejn din kienet tilqa’ parzjalment l-oppożizzjoni magħmula mir-rikorrenti. Min-naħa tagħha, ir-rikorrenti talbet l-annullament tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, sa fejn din ċaħdet l-oppożizzjoni fir-rigward tas-servizzi l-oħra inklużi fil-klassijiet 35, 38, 41 u 42.

11      Permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑14 ta’ Ġunju, tat-28 ta’ Ġunju u l‑1 ta’ Settembru 2006, it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appelli ppreżentati mir-rikorrenti kontra d-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI tat‑23 ta’ Diċembru 2004 u tas‑26 ta’ Jannar 2005 u, permezz ta’ deċiżjoni mogħtija fit‑28 ta’ Ġunju 2006, l-imsemmi Bord tal-Appell laqa’ l-appell ippreżentat minn Anheuser‑Busch kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tas‑16 ta’ Lulju 2004 u ċaħad l-oppożizzjoni magħmula mir-rikorrenti kollha kemm hi (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”).

12      Fl-ewwel lok, il-Bord tal-Appell ikkonstata li r-rikorrenti kinitx tidher li qed tirreferi għat-trade mark figurattiva internazzjonali Nru 361566 sabiex tibbaża l-oppożizzjonijiet tagħha, iżda kienet qed tirreferi biss għad-denominazzjoni ta’ oriġini “bud”.

13      Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, essenzjalment, li kien diffiċli li jitqies li s-sinjal bud jista’ jiġi kkunsidrat bħala li huwa denominazzjoni ta’ oriġini, jew saħansitra bħala indikazzjoni indiretta ta’ provenjenza ġeografika. Minn dan il-Bord tal-Appell ikkonkluda li oppożizzjoni ma setgħetx tirnexxi, skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, fuq il-bażi ta’ dritt ippreżentat bħala denominazzjoni ta’ oriġini li, madankollu, fil-fatt, ma kienx tali.

14      Fit-tielet lok, il-Bord tal-Appell, billi applika b’analoġija d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009) u tar-Regola 22 tar-Regolament Nru 2868/95, qies li l-provi prodotti mir-rikorrenti fir-rigward tal-użu tad-denominazzjoni ta’ oriġini “bud” fi Franza, fl-Italja, fl-Awstrija u fil-Portugall kienu insuffiċjenti.

15      Fir-raba’ lok, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-oppożizzjoni kellha wkoll tiġi miċħuda peress li r-rikorrenti ma kinitx ipprovat li d-denominazzjoni ta’ oriġini inkwistjoni kienet tagħtiha d-dritt li tipprojbixxi l-użu tat-terminu “bud”, bħala trade mark, fi Franza jew fl-Awstrija.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja

16      Permezz ta’ talbiet ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑26 ta’ Awwissu (Kawża T‑225/06), fil‑15 ta’ Settembru (Kawżi T‑255/06 u T‑257/06) u tal‑14 ta’ Novembru 2006 (Kawża T‑309/06), ir-rikorrenti ppreżentat rikorsi għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

17      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali tal‑25 ta’ Frar 2008, il-Kawżi T‑225/06, T‑255/06, T‑257/06 u T‑309/06 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

18      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill‑Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal‑1 ta’ April 2008.

19      Permezz ta’ sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Budějovický Budvar vs UASI – Anheuser-Busch (BUD) (T‑225/06, T‑255/06, T‑257/06 u T‑309/06, Ġabra p. II‑3555, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-Qorti Ġenerali”), il-Qorti Ġenerali għaqqdet il-Kawżi T‑225/06, T‑255/06, T‑257/06 u T‑309/06 għall-finijiet tas-sentenza, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura, u annullat id-deċiżjonijiet ikkontestati. Hija kkundannat lill-UASI sabiex ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu nnifsu, żewġ terzi mill-ispejjeż tar-rikorrenti. Hija kkundannat ukoll lil Anheuser‑Busch sabiex tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha nnifisha, terz mill-ispejjeż tar-rikorrenti.

20      L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-kuntest tal-ewwel parti tal-motiv uniku mqajjem mir-rikorrenti, li l-Bord tal-Appell kien kiser l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 billi qies, qabel kollox, li d-dritt preċedenti invokat, protett taħt il-Ftehim ta’ Lisbona u taħt il-ftehim bilaterali, ma kienx “denominazzjoni ta’ oriġini”, sussegwentement, li l-kwistjoni dwar jekk is-sinjal BUD ġiex meqjus bħala denominazzjoni ta’ oriġini protetta, b’mod partikolari fi Franza u fl-Awstrija, kellha “importanza sekondarja” u billi kkonkluda li oppożizzjoni fuq din il-bażi ma setgħetx tirnexxi (sentenza tal-Qorti Ġenerali, punti 92 u 97).

21      It-tieni nett, fil-kuntest tal-ewwel ilment tat-tieni parti tal-motiv uniku mqajjem mir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali qiegħdet inkwistjoni l-applikazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell tal-kundizzjoni marbuta mal-użu fil-kummerċ ta’ sinjal li s-sinjifikat tiegħu ma kienx biss lokali, kif previst fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94.

22      Qabel kollox, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Bord tal-Appell kien wettaq żball ta’ liġi meta ddeċieda li japplika, b’analoġija, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea dwar l-użu “ġenwin” tat-trade mark preċedenti, b’mod partikolari sabiex jiddetermina jekk is-sinjali inkwistjoni kinux intużaw “fil-kummerċ”, u dan b’mod separat, fl-Awstrija, fi Franza, fl-Italja u fil-Portugall. Skont il-Qorti Ġenerali, il-Bord tal-Appell kellu jivverifika jekk il-provi mressqa mir-rikorrenti matul il-proċedimenti amministrattivi kinux jirriflettu l-użu tas-sinjali inkwistjoni fil-kuntest ta’ attività kummerċjali intiża li jkollha vantaġġ ekonomiku, u mhux fil-qasam privat, u dan indipendentement mit-territorju kkonċernat minn dan l-użu (sentenza tal-Qorti Ġenerali, punt 168). Barra minn hekk, f’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali speċifikat li mill-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 ma jirriżultax li l-parti li għamlet l-oppożizzjoni jmissha pprovat li s-sinjal inkwistjoni kien intuża qabel ma ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja. L-iktar l-iktar seta’ jkun rikjest li s-sinjal inkwistjoni jkun intuża qabel il-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark fil-Bulettin ta’ trade marks Komunitarji (sentenza tal-Qorti Ġenerali, punt 169). Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, fid-dawl tad-dokumenti kollha ppreżentati mir-rikorrenti quddiem l-UASI, ir-rikorrenti kienet ipproduċiet il-prova li s-sinjali inkwistjoni kienu ntużaw fil-kummerċ, fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, b’mod kuntrarju għall-konklużjoni tal-Bord tal-Appell (sentenza tal-Qorti Ġenerali, punt 177).

23      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Bord tal-Appell wettaq ukoll żball ta’ liġi meta, fir-rigward ta’ Franza, ħoloq rabta bejn il-prova tal-użu tas-sinjal ikkonċernat u l-kundizzjoni marbuta mal-fatt li d-dritt inkwistjoni għandu jkollu sinjifikat li ma huwiex biss lokali. Il-Qorti Ġenerali qieset li f’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li d-drittijiet preċedenti invokati kellhom sinjifikat li ma kienx biss lokali sa fejn il-protezzjoni tagħhom, fuq il-bażi tal-Artikolu 1(2) tal-Ftehim ta’ Lisbona u tal-Artikolu 1 tal-konvenzjoni bilaterali, testendi lil hinn mit-territorju ta’ oriġini tagħhom (sentenza tal-Qorti Ġenerali, punt 181).

24      It-tielet nett, fil-kuntest tat-tieni lment tat-tieni parti tal-motiv uniku mqajjem mir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta ma ħax inkunsiderazzjoni l-punti fattwali u legali rilevanti kollha sabiex jiddetermina jekk, skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, id-dritt tal-Istat Membru kkonċernat kienx jagħti d-dritt lir-rikorrenti li tipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti (sentenza tal-Qorti Ġenerali, punt 199).

25      Permezz ta’ talba ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Marzu 2009, Anheuser‑Busch ippreżentat appell kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li permezz tiegħu hija talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla l-imsemmija sentenza, bl-eċċezzjoni tal-punt 1 tad-dispożittiv tagħha li kien jgħaqqad il-kawżi għall-finijiet tas-sentenza.

26      Permezz ta’ sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2011, Anheuser‑Busch vs Budějovický Budvar (C‑96/09 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza mogħtija fl-appell”), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Qorti Ġenerali ma kinitx wettqet żball billi laqgħet l-ewwel parti u t-tieni lment tat-tieni parti tal-motiv uniku mqajjem mir-rikorrenti, iżda qieset li, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-użu fil-kummerċ ta’ sinjal li l-portata tiegħu ma hijiex biss lokali, hekk kif previst fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 (ara l-punti 21 sa 23 iktar ’il fuq), li kienet is-suġġett tal-ewwel ilment tat-tieni parti tal-motiv uniku, il-Qorti Ġenerali kienet wettqet żbalji ta’ liġi.

27      Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali “sa fejn il-Qorti Ġenerali, rigward l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament [Nru 40/94], ikkunsidrat b’mod żbaljat, l-ewwel nett, li s-sinjifikat tas-sinjal inkwistjoni, li ma jistax ikun biss lokali, [kellu] jkun esklużivament evalwat skont il-portata tat-territorju ta’ protezzjoni ta’ dan is-sinjal, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-użu tiegħu f’dan it-territorju, sussegwentement, li t-territorju rilevanti għall-evalwazzjoni tal-użu tal-imsemmi sinjal ma [kienx] neċessarjament it-territorju ta’ protezzjoni ta’ dawn tal-aħħar, u, fl-aħħar nett, li l-użu tal-istess sinjal ma [kellux] neċessarjament iseħħ qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja” (sentenza mogħtija fl-appell, punt 1 tad-dispożittiv).

28      Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet il-kumplament tal-appell.

29      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li, “[s]abiex jiġi evalwat l-aggravju [tar-rikorrenti fl-ewwel istanza] ibbażat fuq l-applikazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell tal-kundizzjoni relatata mal-użu fil-kummerċ ta’ sinjal li ma [kienx] biss ta’ sinjifikat lokali, [kien] neċessarju li ssir evalwazzjoni tal-valur probatorju tal-elementi fattwali li jistgħu juru li [kienet ġiet] sodisfatta f’din il-kawża din il-kundizzjoni abbażi tad-definizzjoni ta’ din tal-aħħar kif deċiż f’din is-sentenza, ta’ elementi fattwali li fosthom [kien] hemm, b’mod partikolari, id-dokumenti ppreżentati [mir-rikorrenti fl-ewwel istanza] u li [kienu] msemmija fl-punti 171 u 172 tas-sentenza appellata” (sentenza mogħtija fl-appell, punt 219). Inkwantu l-kwistjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tiġi deċiża, il-Qorti tal-Ġustizzja rrinvijat il-Kawżi T‑225/06, T‑255/06, T‑257/06 u T‑309/06 quddiem il-Qorti Ġenerali u rriżervat l-ispejjeż.

30      Il-kawżi inkwistjoni ġew allokati lit-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali.

31      Il-partijiet ressqu osservazzjonijiet dwar kif għandhom jitkomplew il-proċedimenti fit-termini mogħtija.

32      Fid-19 ta’ Ottubru 2011, Anheuser‑Busch ippreżentat kopja tas-sentenza tad‑9 ta’ Awwissu 2011 mogħtija mill-Oberster Gerichtshof (Qorti Suprema, l-Awstrija) fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali. Il-partijiet l-oħra setgħu jissottomettu osservazzjonijiet fir-rigward ta’ dan id-dokument, li ġie anness mal-proċess.

33      Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali tat‑22 ta’ Ġunju 2012, il-Kawżi T‑225/06 RENV, T‑255/06 RENV, T‑257/06 RENV u T‑309/06 RENV ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tad-deċiżjoni li twaqqaf l-istanza, b’mod konformi tal-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.

34      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill‑Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal‑11 ta’ Settembru 2012.

 It-talbiet ippreżentati mill-partijiet fl-istanza wara r-rinviju

35      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkonferma s-sentenza tal-Qorti Ġenerali;

–        tikkundanna lill-UASI u Anheuser-Busch għall-ispejjeż.

36      L-UASI u Anheuser‑Busch jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

37      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, permezz tat-talbiet tagħha intiżi sabiex tinkiseb il-konferma tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti għandha l-intenzjoni li tikseb l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, hekk kif kienet talbet fil-kuntest tar-rikorsi tagħha.

38      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, fir-rikors tagħha, motiv uniku, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94. Il-motiv uniku tar-rikorrenti jistrieħ fuq żewġ partijiet. Fl-ewwel parti, ir-rikorrenti tqiegħed inkwistjoni l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell li s-sinjal bud ma setax jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi denominazzjoni ta’ oriġini. Fit-tieni parti, ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 ma humiex, f’dan il-każ, sodisfatti.

39      Fis-sentenza mogħtija fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat numru ta’ konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar l-iżbalji mwettqa mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjonijiet ikkontestati.

40      B’mod partikolari, mis-sentenza mogħtija fl-appell jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja ma qiegħditx inkwistjoni l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li kien meħtieġ li tintlaqa’ l-ewwel parti tal-motiv uniku. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, billi kkonstatat li l-effetti tad-drittijiet preċedenti invokati ma kinux ġew finalment iddikjarati invalidi fi Franza u fl-Awstrija u li dawn id-drittijiet kienu baqgħu validi matul l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Qorti Ġenerali kienet ikkonkludiet korrettament, fil-punti 90 u 98 tas-sentenza tagħha, li l-Bord tal-Appell kellu jieħu inkunsiderazzjoni d-drittijiet preċedenti invokati mingħajr ma jqiegħed inkwistjoni l-kwalifika stess ta’ dawn id-drittijiet (sentenza mogħtija fl-appell, punti 92 u 93).

41      Fir-rigward tat-tieni parti tal-motiv uniku, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Qorti Ġenerali ma kinitx wettqet żball ta’ liġi billi qieset li l-kliem “użat fil-kummerċ” ma kellux jinftiehem bħala li jirreferi għal użu serju, b’analoġija ma’ dak li huwa previst fl-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 għat-trade marks preċedenti invokati insostenn ta’ oppożizzjoni, bħal ma kien ikkonstata l-Bord ta’ Appell fid-deċiżjonijiet ikkontestati (sentenza fuq appell, punti 142 sa 146).

42      Barra minn hekk, filwaqt li fakkret il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-fatt li s-sinjal bud intuża “bħala trade mark” ma kienx ifisser madankollu li l-imsemmi sinjal ma kienx intuża fil-kummerċ, liema fatt kien ikkonstata l-Bord tal-Appell fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li s-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni għandu jintuża bħala element distintiv fis-sens li għandu jservi sabiex jidentifika attività ekonomika mwettqa mill-proprjetarju tagħha, li, f’dan il-każ, ma ġiex diskuss (sentenza mogħtija fl-appell, punti 148 u 149).

43      Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament, fil-punt 195 tas-sentenza tagħha, fir-rigward tal-protezzjoni fi Franza tad-denominazzjoni ta’ oriġini bud irreġistrata skont il-Ftehim ta’ Lisbona, li l-Bord tal-Appell ma setax jibbaża ruħu fuq il-fatt li minn deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija f’dan l-Istat Membru jirriżulta li r-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni, sa dakinhar, li tipprekludi lid-distributur ta’ Anheuser-Busch milli jbigħ il-birra fi Franza taħt it-trade mark BUD sabiex jiġi dedott minn dan li r-rikorrenti ma kinitx ipprovat li l-kundizzjoni relatata mad-dritt li jiġi pprojbit l-użu ta’ trade mark iktar reċenti skont is-sinjal invokat kienet ġiet sodisfatta (sentenza mogħtija fl-appell, punt 193).

44      Fl-aħħar nett, ġaladarba ebda waħda mid-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi Franza u fl-Awstrija msemmija mill-Bord ta’ Appell ma kienet saret res judicata, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, ġustament, fil-punt 192, li l-Bord tal-Appell ma setax jibbaża ruħu biss fuq dawn id-deċiżjonijiet sabiex jasal għall-konklużjoni tiegħu, u jmissu ħa inkunsiderazzjoni wkoll id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali invokati mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni sabiex jiġi eżaminat jekk, skont dawn id-dispożizzjonijiet, ir-rikorrenti kellhiex id-dritt li tipprojbixxi trade mark iktar reċenti abbażi tas-sinjal invokat (sentenza mogħtija fl-appell, punti 195 sa 197).

45      Madankollu, minkejja l-fatt li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma vvizzjati b’numru ta’ żbalji, dawn ta’ l-aħħar ma humiex suffiċjenti sabiex il-Qorti Ġenerali tasal tilqa’ wkoll it-tieni parti tal-motiv uniku u tannulla l-imsemmija deċiżjonijiet. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fid-deċiżjonijiet ikkontestati, li s-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni ma kienx jissodisfa l-kundizzjoni, prevista mill-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, dwar l-użu fil-kummerċ ta’ sinjal li l-portata tiegħu ma hijiex biss lokali. Din il-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell kienet biżżejjed, waħedha, sabiex jiġu miċħuda l-oppożizzjonijiet magħmula mir-rikorrenti kontra r-reġistrazzjoni tat-trade marks Komunitarji li għalihom saret l-applikazzjoni. Fuq dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żbalji ta’ liġi (ara l-punt 27 iktar ’il fuq).

46      Għalhekk għandha ssir evalwazzjoni tal-valur probatorju tal-punti fattwali pprovduti mir-rikorrenti quddiem l-UASI li jistgħu juru li f’dan il-każ ġiet sodisfatta l-kundizzjoni, dwar l-użu fil-kummerċ ta’ sinjal li l-portata tiegħu ma hijiex biss lokali, prevista fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, abbażi tad-definizzjoni tagħha hekk kif ikkunsidrat fis-sentenza mogħtija fl-appell.

47      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-għan ta’ din il-kundizzjoni, previst fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, fir-rigward tal-użu fil-kummerċ ta’ sinjal li l-portata tiegħu ma hijiex biss lokali, huwa li jiġu limitati sinjali kunfliġġenti billi jiġi prekluż li dritt preċedenti li ma jkunx ikkaratterizzat biżżejjed, jiġifieri importanti u sinjifikattiv fil-kummerċ, jista’ jkun ta’ ostakolu għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja ġdida. Tali fakultà ta’ oppożizzjoni għandha tkun riżervata għas-sinjali li huma effettivament u realment preżenti fis-suq rilevanti tagħhom. Sabiex ikun ta’ ostakolu għar-reġistrazzjoni ta’ sinjal ġdid, dak li huwa invokat insostenn tal-oppożizzjoni għandu effettivament jintuża b’mod suffiċjentement sinifikanti fil-kummerċ u jkollu portata ġeografika li ma tkunx biss lokali, li jimplika li, meta t-territorju ta’ protezzjoni ta’ dan is-sinjal jista’ jiġi kkunsidrat bħala mhux lokali, dan l-użu jkun seħħ f’parti importanti ta’ dan it-territorju. Sabiex jiġi ddeterminat jekk dan huwiex il-każ, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tul u l-intensità tal-użu ta’ dan is-sinjal bħala elementi distintivi għad-destinatarji tiegħu li huma kemm ix-xerrejja u l-konsumaturi kif ukoll il-fornituri u l-kompetituri. F’dan ir-rigward, huma rilevanti b’mod partikolari l-użi tas-sinjal magħmula fir-reklamar u fil-korrispondenza kummerċjali. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-użu fil-kummerċ għandha ssir separatament għal kull territorju fejn id-dritt li huwa invokat insostenn tal-oppożizzjoni huwa protett. Fl-aħħar nett, l-użu tas-sinjal inkwistjoni fil-kummerċ għandu jiġi pprovat qabel id-data ta’ preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja (sentenza mogħtija fl-appell, punti 156 sa 169).

48      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, essenzjalment, li l-provi prodotti mir-rikorrenti quddiem l-UASI ma kinux jippermettu li jiġi konkluż, fir-rigward ta’ Franza, l-Italja, l-Awstrija u l-Portugall, li kien hemm użu fil-kummerċ ta’ sinjal li l-portata tiegħu ma kinitx biss lokali. Mill-osservazzjonijiet dwar l-eżitu tal-proċedura jirriżulta li r-rikorrenti tikkontesta d-deċiżjonijiet ikkontestati biss inkwantu dawn jiċħdu bħala insuffiċjenti l-provi tal-użu tas-sinjal inkwistjoni fi Franza u fl-Awstrija.

49      Ir-rikorrenti, fil-kuntest tal-osservazzjonijiet ippreżentati dwar l-eżitu tal-proċedura, tindika, preliminarjament, li l-kundizzjoni dwar il-portata tas-sinjal invokat ma tistax tiġi evalwata b’mod identiku għal drittijiet ta’ natura differenti. B’hekk, fir-rigward tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini, il-protezzjoni tagħhom ma timplikax kundizzjoni marbuta mal-użu tagħhom, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li inkludiet tali rekwiżit. Kull interpretazzjoni oħra tikkunsidra d-denominazzjonijiet ta’ oriġini bħala drittijiet revokabbli, liema fatt imur kontra l-ispirtu tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006, tal‑20 ta’ Marzu 2006, dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (ĠU L 335M, p. 213). Minn meta tiġi reġistrata denominazzjoni ta’ oriġini, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 jiġu sodisfatti. Ikun jeħtieġ sempliċement li tiġi prodotta l-prova ta’ din ir-reġistrazzjoni sabiex jiġi kkunsidrat li l-portata tas-sinjal inkwistjoni ma hijiex lokali. Barra minn hekk, f’dan il-każ, id-denominazzjoni ta’ oriġini inkwistjoni hija protetta fil-livelli nazzjonali, bilaterali u internazzjonali. Għaldaqstant il-portata ta’ din id-denominazzjoni ta’ oriġini ma hijiex lokali. Barra minn hekk ir-rikorrenti tenfasizza l-fatt li l-manifattura ta’ prodott marbut mad-denominazzjoni ta’ oriġini hija limitata u l-esportazzjonijiet tiegħu huma limitati wkoll. Il-manifattura ta’ prodott kopert minn denominazzjoni ta’ oriġini tibqa’, fil-fatt, fil-parti l-kbira fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. Ir-rikorrenti tispeċifika wkoll li s-suq tal-birra huwa suq speċifiku u tfakkar li l-istatus politiku tar-Repubblika Ċeka kien ippreċedut minn reġim li kien jillimita l-esportazzjonijiet. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-kundizzjoni li tikkonċerna l-użu tas-sinjal invokat fil-kummerċ hija kwalitattiva u mhux kwantitattiva. Il-Qorti Ġenerali għandha tieħu dawn il-punti inkunsiderazzjoni meta tiġi biex tevalwa l-punti ta’ fatt tal-każ inkwistjoni.

50      Fir-rigward tal-użu tas-sinjal invokat fi Franza, ir-rikorrenti tindika li hija pprovdiet l-istess provi tal-użu tal-imsemmi sinjal biss fil-kawżi li taw lok għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑12 ta’ Ġunju 2007, Budějovický Budvar vs UASI – Anheuser-Busch (BUD) (T‑60/04 sa T‑64/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra). Issa, f’dawn il-kawżi, sew il-Bord tal-Appell kif ukoll l-UASI rrikonoxxew quddiem il-Qorti Ġenerali li r-rikorrenti kienet ipproduċiet il-prova, fir-rigward ta’ Franza, ta’ użu tas-sinjal invokat fil-kummerċ, li l-portata tiegħu ma kienx biss lokali.

51      Fir-rigward tal-użu tas-sinjal invokat fl-Awstrija, ir-rikorrenti tenfasizza qabel kollox li, fis-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Budĕjovický Budvar, (C‑478/07, Ġabra p. I‑7721), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li “l-Artikolu 30 [KE] ma jimponix rekwiżit konkret għall-kwalità u tat-tul ta’ żmien tal-użu li jsir minn isem fl-Istat Membru ta’ oriġini sabiex il-protezzjoni tiegħu tkun iġġustifikata fir-rigward ta’ dan l-artikolu.” Sussegwentement, ir-rikorrenti ssostni li l-provi li hija pprovdiet quddiem l-UASI juru użu iktar milli sempliċement lokali fl-Awstrija.

52      L-UASI u Anheuser‑Busch jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti. Barra minn hekk, għalkemm kellu jiġi kkunsidrat li l-provi prodotti mir-rikorrenti huma suffiċjenti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ sinjal użat fil-kummerċ li l-portata tiegħu ma huwiex biss lokali, l-UASI u Anheuser‑Busch jistiednu lill-Qorti Ġenerali tieħu inkunsiderazzjoni elementi oħra. B’mod partikolari, b’riferiment għas-sentenza Budĕjovický Budvar, punt 51 iktar ’il fuq, l-UASI u Anheuser‑Busch isostnu li n-nuqqas ta’ reġistrazzjoni tas-sinjal bud skont ir-Regolament Nru 510/2006 jimplika li l-protezzjoni tal-imsemmi sinjal fl-Awstrija u fi Franza, rispettivament, fir-rigward tat-trattati bilaterali inkwistjoni u tal-Ftehim ta’ Lisbona kien mingħajr effett fuq dawn l-Istati Membri fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Din l-interpretazzjoni, fir-rigward tal-Awstrija, hija kkonfermata bis-sentenza tad‑9 ta’ Awwissu 2011 mogħtija mill-Oberster Gerichtshof (punt 32 iktar ’il fuq). Il-Qorti Ġenerali hija vvinkolata bid-dritt tal-Unjoni fis-seħħ.

53      L-ewwel nett, li kieku kellu jitqies li, mill-argumenti tagħha, ir-riorrenti ssostni li l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, dwar l-użu fil-kummerċ ta’ sinjal li l-portata tiegħu ma hijiex biss lokali, hija sodisfatta fir-rigward tat-territorju Franċiż sa fejn il-Bord tal-Appell ikkunsidrat li din il-kundizzjoni ġiet sodisfatta fil-kuntest ta’ każijiet preċedenti quddiem l-UASI li kienu jinvolvu l-istess partijiet u li kienu jikkonċernaw sinjal invokat identiku, dawn għandhom jiġu miċħuda. Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li d-deċiżjonijiet li l-Bordijiet tal-Appell huma mitluba jieħdu, skont ir-Regolament Nru 40/94 fir‑rigward tar‑reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja, jaqgħu taħt l‑eżerċizzju ta’ kompetenza limitata u mhux ta’ setgħa diskrezzjonali. Għaldaqstant, il-legalità tad‑deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell għandha tiġi evalwata biss abbażi ta’ dan ir-regolament, kif interpretat mill-qorti tal-Unjoni, u mhux abbażi ta’ prassi deċiżjonali li tippreċedihom [sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI C‑412/05 P, Ġabra p. I‑3569, punt 65, u tal-Qorti Ġenerali tat‑2 ta’ Mejju 2012, Universal Display vs UASI (UniversalPHOLED), T‑435/11, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 37]. Barra minn hekk, li kieku kellu jitqies li, permezz tal-argumenti tagħha, ir-rikorrenti tinvoka, effettivament, ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jitfakkar li l-osservanza ta’ dan il-prinċipju għandu jiġi kkonċiljat mal-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C‑51/10 P, Ġabra p. I‑1541, punt 75). Barra minn hekk, minħabba raġunijiet ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba, l-eżami ta’ kull applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandu jkun strett u komplet, u jseħħ f’kull każ konkret (sentenza Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 77). Dan l-eżami, strett u komplet għandu jikkonċerna wkoll is-sinjali invokati insostenn ta’ oppożizzjoni. Issa, għar-raġunijiet li ġejjin, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball billi kkunsidra li s-sinjal invokat f’dan il-każ ma kienx jissodisfa l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, fir-rigward tal-użu fil-kummerċ ta’ sinjal li l-portata tiegħu ma hijiex biss lokali. Għaldaqstant ir-rikorrenti ma tistax utilment tinvoka deċiżjonijiet preċedenti tal-UASI għall-finijiet tal-annullament tal-konklużjoni li għaliha wasal il-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punti 78 u 79, u UniversalPHOLED, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39). Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li t-trade marks li fir-rigward tagħhom intalbet ir-reġistrazzjoni fil-kawżi preċedenti msemmija mir-rikorrenti kienu jikkonċernaw jew trade marks differenti, jew prodotti differenti minn dawk ta’ din il-kawża, fejn il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni huma wkoll differenti.

54      It-tieni nett, għandu jiġi osservat li l-partijiet ma jikkontestawx iżjed il-fatt li d-dokumenti pprovduti mir-rikorrenti quddiem l-UASI setgħu jipprovaw l-użu tas-sinjal invokat fil-kummerċ, fis-sens li dan l-użu kien fil-kuntest ta’ attività kummerċjali intiża għal vantaġġ ekonomiku u mhux fil-qasam privat.

55      It-tielet nett, speċifikament fir-rigward tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja msemmija mir-rikors fil-Kawża T‑309/06 RENV, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li ebda prova ma ġiet prodotta mir-rikorrenti quddiem l-UASI li tippreċedi d-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja kkonċernata (l‑1 ta’ April 1996). Għalhekk, il-kundizzjoni prevista mill-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, dwar l-użu fil-kummerċ ta’ sinjal li l-portata tiegħu ma hijiex biss lokali ma ġietx sodisfatta. Inkwantu l-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell f’dan ir-rigward kienet suffiċjenti sabiex tiġi miċħuda l-oppożizzjoni inkwistjoni (ara l-punt 45 iktar ’il fuq), għandu jiġi miċħud ir-rikors fil-Kawża T‑309/06 RENV.

56      Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-oppożizzjonijiet li fil-kuntest tagħhom ir-rikorrenti kienet tinvoka l-protezzjoni tas-sinjal bud fi Franza (Kawżi T‑225/06 RENV, T‑255/06 RENV u T‑257/06 RENV), id-dokumenti pprovduti quddiem l-UASI kienu kkostitwiti minn erba’ rċevuti datati. Madankollu, fost dawn l-irċevuti, uħud minnhom għandhom jiġu esklużi mill-analiżi inkwantu huma wara d-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja kkonċernata. Dan huwa l-każ ta’ rċevuta (tal‑10 ta’ Ottubru 2000) fil-kuntest tal-Kawżi T‑225/06 RENV u T‑257/06 RENV, li jikkonċernaw applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja ppreżentati fil‑11 ta’ April u l‑4 ta’ Lulju 2000. Dan huwa wkoll il-każ ta’ żewġ irċevuti (tat‑3 ta’ Marzu u tal‑10 ta’ Ottubru 2000) fil-kuntest tal-Kawża T‑255/06 RENV, li tikkonċerna applikazzjoni għal reġistrazzjoni ppreżentata fit‑28 ta’ Lulju 1999. Fid-dawl tal-irċevuti rilevanti f’kull waħda minn dawn il-kawżi, għandu jiġi kkonstatat li dawn kienu jikkonċernaw volum limitat ħafna ta’ prodotti (mhux iktar minn 0.87 ettolitri, jiġifieri 87 litru), maqsuma fuq żewġ jew tliet provvisti bejn Diċembru 1997 u Marzu 2000. Barra minn hekk, il-provvisti inkwistjoni kienu limitati għal mhux iżjed minn tlett ibliet fit-territorju Franċiż, jiġifieri Thiais, Lille u Strasbourg. Fl-aħħar nett, ebda prova oħra ma ġiet prodotta mir-rikorrenti intiża sabiex jiġi pprovat li s-sinjal invokat intuża fir-reklamar fit-territorju rilevanti. Fid-dawl ta’ dawn il-provi, għandu jiġi kkunsidrat li l-kundizzjoni dwar l-użu fil-kummerċ ta’ sinjal li l-portata tiegħu ma hijiex biss lokali ma ġietx sodisfatta fir-rigward tat-territorju Franċiż.

57      Sa fejn, fil-kuntest tal-oppożizzjoni li tat lok għall-Kawża T‑257/06 RENV, ir-rikorrenti invokat biss il-protezzjoni fi Franza tas-sinjal BUD, mingħajr ma invokat il-protezzjoni tal-imsemmi sinjal fl-Awstrija, fejn il-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell dwar in-nuqqas ta’ użu fil-kummerċ ta’ sinjal li l-portata tiegħu ma huwiex biss lokali kienet biżżejjed biex tiġi miċħuda l-oppożizzjoni inkwistjoni (ara l-punt 45 iktar ’il fuq). F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li jiġi miċħud ir-rikors fil-Kawża T‑257/06 RENV.

58      Il-ħames nett, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li fil-kuntest tagħhom ir-rikorrenti kienet invokat il-protezzjoni tas-sinjal bud fl-Awstrija (Kawżi T‑225/06 RENV u T‑255/06 RENV), id-dokumenti pprovduti quddiem l-UASI kienu dawn li ġejjin:

–        dikjarazzjoni ġuramentata ta’ impjegat tar-rikorrenti, ta’ Ġunju 2001, li magħha ġew annessi disa’ siltiet mill-istampa Awstrijaka, datati minn Mejju sa Settembru 1997, dwar il-prodott “Bud Super Strong”;

–        dikjarazzjoni ġuramentata tad-direttur ġenerali ta’ kumpannija ta’ importazzjoni ta’ birra fl-Awstrija, tad‑9 ta’ Awwissu 2001, li magħha ġew annessi erba’ rċevuti tar-rikorrenti (datati s‑26 ta’ Mejju 1997, it‑22 ta’ Lulju 1997, il‑21 ta’ Novembru 1997 u t‑23 ta’ Jannar 1998), ħdax-il irċevuta ta’ bejgħ mill-kumpannija ta’ importazzjoni permezz tal-impriżi li jinsabu fl-Awstrija, kif ukoll lista ta’ prezzijiet ta’ bejgħ li tinkludi l-prodott “Bud Strong”;

–        dikjarazzjoni ġuramentata tad-direttur ġenerali tal-istess kumpannija ta’ importazzjoni ta’ birra fl-Awstrija, tas‑7 ta’ Diċembru 2001, li magħha kienu annessi tmien irċevuti tar-rikorrenti (datati l‑5 ta’ Ġunju 1998, il‑11 ta’ Diċembru 1998, l‑1 ta’ Marzu 1999, it‑18 ta’ Mejju 1999, is‑16 ta’ Novembru 1999, it‑23 ta’ Novembru 1999, l‑14 ta’ April 2000 u l‑20 ta’ Ġunju 2000) u tmien irċevuti ta’ bejgħ mill-kumpannija ta’ importazzjoni permezz ta’ impriżi li jinsabu fl-Awstrija;

–        dikjarazzjoni ġuramentata ta’ impjegat tar-rikorrenti, tal‑15 ta’ April 2005, li tiċċertifika d-dħul mill-bejgħ magħmul mill-bejgħ tal-prodott “Bud Super Strong” fl-Awstrija għas-snin 1997 sa 2004, li magħha kienu annessi numru ta’ rċevuti tar-rikorrenti lill-kumpannija ta’ importazzjoni ta’ birra fl-Awstrija ċċitata preċedentement, diġà pprovduti, kif ukoll irċevuta ġdida (tal‑21 ta’ Ottubru 1999) u eżempji ta’ strixxi ta’ imballaġġ għall-esportazzjoni lejn il-kumpannija ta’ importazzjoni ta’ birra fl-Awstrija ċċitata preċedentement għas-snin 1998, 1999, 2001 u 2002.

59      Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat, bħal ma jagħmlu l-UASI u Anheuser‑Busch, li d-dokumenti pprovduti mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva jistabbilixxu bejgħ limitat ħafna, kemm f’termini ta’ volum kif ukoll ta’ dħul mill-bejgħ. B’hekk, l-irċevuti inklużi fil-fajl juru l-bejgħ ta’ 22.96 ettolitru tal-prodott ikkonċernat għas-snin 1997 u 1998. Fir-rigward tas-sena 1999, l-irċevuti juru volum ta’ bejgħ ta’ 15.5 ettolitru u ta’ 5.14 ettolitru għall-perijodu li jippreċedi t‑28 ta’ Lulju 1999 (perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-Kawża T‑255/06 RENV). Minn dan jirriżulta li l-bejgħ inkwistjoni kien jammonta għal 12.28 ettolitru fis-sena. Li kieku kellu jitqies li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-volumi ta’ bejgħ għall‑1999 imsemmija fid-dikjarazzjoni ġuramentata ta’ impjegat tar-rikorrenti, il-volum ta’ bejgħ għal din is-sena jkun ta’ 51.48 ettolitru, jiġifieri medja ta’ 24.81 ettolitru fis-sena. Dan il-volum ta’ bejgħ għandu jiġi relatat mal-konsum medju ta’ birra fl-Awstrija li kien, għall-perijodu rilevanti, skont l-elementi prodotti fid-deċiżjonijiet ikkontestati u li ma ġewx ikkontestati mir-rikorrenti, ogħla minn 9 miljun ettolitru fis-sena. F’termini ta’ dħul mill-bejgħ, id-dikjarazzjoni ġuramentata ta’ impjegat tar-rikorrenti tistabbilixxi ammont ta’ CZK 44 546.76 għas-sena 1999, jiġifieri madwar EUR 1 200 (fil‑31 ta’ Diċembru 1999). Dan l-ammont, fid-dawl tal-atti tal-proċess, huwa ulterjorment iktar limitat fir-rigward tas-snin 1997 u 1998.

60      Fit-tieni lok, fir-rigward tas-siltiet mill-istampa inklużi fil-proċess, dawn jikkonċernaw biss perijodu qasir, jiġifieri dak li jkopri x-xhur ta’ Mejju sa Settembru 1997. Barra minn hekk, ebda prova ma ġiet prodotta li tippermetti preċiżament li tiġi ddeterminata l-kopertura ta’ dawn il-pubblikazzjonijiet f’termini ġeografiċi jew tal-pubbliku kkonċernat.

61      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-irċevuti tal-kumpannija ta’ importazzjoni mingħand impriżi li jinsabu fl-Awstrija, dawn juru bejgħ fi tmint ibliet fit-territorju Awstrijak (sebgħa, jekk wieħed jieħu inkunsiderazzjoni biss bejgħ li sar qabel it‑28 ta’ Lulju 1999 fil-kuntest tal-Kawża T‑255/06 RENV). F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, għalkemm il-prodott ikkonċernat inbigħ f’numru ta’ bliet fit-territorju Awstrijak, il-bejgħ magħmul barra minn Vjenna, bħal dak li kien jidher fl-irċevuti, kien jirrappreżenta volumi negliġibbli (24 flixkun mibjugħ f’sitt ibliet u 240 flixkun mibjugħ f’belt). Dan il-bejgħ negliġibbli għandu jitqiegħed f’perspettiva mat-tul rilevanti tal-ikkummerċjalizzar tal-prodotti kkonċernati (bejn sentejn u tliet snin skont il-kawżi) u l-konsum medju ta’ birra fl-Awstrija (iktar minn 9 miljun ettolitru fis-sena).

62      Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-ispejjeż ta’ kummerċjalizzazzjoni msemmija fid-dikjarazzjoni ġuramentata ta’ impjegat tar-rikorrenti, dawn jikkonċernaw il-prodotti kollha kkummerċjalizzati mir-rikorrenti fit-territorju Awstrijak. Għalhekk ma huwiex possibbli, fuq din il-bażi, bħal ma rrikonoxxiet ir-rikorrenti waqt is-seduta, li jiġu identifikati l-ammonti li ġew allokati għall-ikkummerċjalizzar tal-prodott ikkonċernat f’dan il-każ.

63      Fil-ħames lok, fir-rigward tal-lista ta’ prezzijiet inkluża mad-dikjarazzjoni ġuramentata tad-direttur ġenerali ta’ kumpannija ta’ importazzjoni ta’ birra fl-Awstrija, li ssemmi l-prodott “Bud Strong”, minbarra l-fatt li din tirreferi għal numru kbir ta’ trade marks ta’ birer, ebda prova ma ġiet prodotta li tippermetti li tiġi ddeterminata l-portata jew it-tul tad-distribuzzjoni tal-prodott inkwistjoni.

64      Fid-dawl ta’ dawn il-punti kollha, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma pproduċietx il-prova, f’dan il-każ, li s-sinjal invokat kellu portata li ma kinitx biss lokali, fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, fir-rigward tat-territorju Awstrijak.

65      L-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti ma jistgħux jqiegħdu inkwistjoni din il-konklużjoni. B’mod partikolari, fir-rigward tal-fatt sostnut mir-rikorrenti li l-produzzjoni ta’ prodott marbut ma’ denominazzjoni ta’ oriġini hija limitata u li l-esportazzjonijiet tiegħu huma limitati wkoll, għandu jiġi osservat li, speċifikament fir-rigward tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti, bħal ma rrikonoxxiet waqt is-seduta, il-volum ta’ produzzjoni tagħha huwa ogħla minn miljun ettolitru fis-sena, fejn nofs dan il-volum huwa esportat barra mir-Repubblika Ċeka. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti, fir-rigward tas-sitwazzjoni speċifika għall-każ inkwistjoni, huwa fattwalment żbaljat.

66      Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, u mingħajr ma hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-argumenti supplimentari mqajma mill-UASI u minn Anheuser‑Busch fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, għaldaqstant jeħtieġ li jiġu miċħuda r-rikorsi fil-Kawżi T‑225/06 RENV u T‑255/06 RENV.

 Fuq l-ispejjeż

67      Fis-sentenza tagħha mogħtija fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja rriżervat l-ispejjeż. Għaldaqstant hija l-Qorti Ġenerali li, f’din il-kawża, għandha tiddeċiedi dwar l‑ispejjeż kollha relatati mad-diversi proċeduri, skont l-Artikolu 121 tar-Regoli tal‑Proċedura.

68      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali.

69      F’dan il-każ, minkejja li r-rikorrenti tilfet, għandu jiġi enfasizzat li d-deċiżjonijiet ikkontestati kienu vvizzjati b’numru ta’ żbalji. Fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali, dawn l-iżbalji wasslu lill-Qorti Ġenerali tilqa’ l-ewwel parti u t-tieni lment tat-tieni parti tal-motiv uniku (ara l-punti 20 sa 24 iktar ’il fuq). L-iżbalji kkonstatati mill-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward ġew ikkonfermati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha mogħtija fl-appell (ara l-punt 26 iktar ’il fuq). Fid-dawl ta’ dawn il-punti, tkun saret evalwazzjoni ġusta taċ‑ċirkustanzi tal-każ jekk jiġi deċiż li kull parti tbati l‑ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

2)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Forwood

Dehousse

Schwarcz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ Jannar 2013.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.