Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Ġunju 2013 – Mallis u Malli vs Il-Bank Ċentrali Ewropew u Il-Kummissjoni

(Kawża T-327/13)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Konstantinos Mallis (Larnaca, Ċipru), Elli Malli (Larnaca, Ċipru) (rappreżentanti: E. Efstathiou, K. Efstathiou u K. Liasidou, avukati)

Konvenuti: Il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Grupp tal-Euro tal-25 ta’ Marzu 2013, li saret definittiva bid-Deċiżjoni tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Ċipru K.D.P. 104/2013, tad-29 ta’ Marzu 2013, li jaġixxi bħala rappreżentant għas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali tal-Bank Ċentrali Ewropew, li permezz tagħha ġie deċiż il-“bejgħ ta’ ċerti attivitajiet” ta’ Cyprus Popular Bank Public Co Ltd u li essenzjalment tikkostitwixxi deċiżjoni komuni tal-Bank Ċentrali Ewropew kif ukoll tal-Kummissjoni Ewropea;

sussidjarjament, tiddikjara li, irrispettivament mill-forma u mit-tip tagħha, id-deċiżjoni ċċitata iktar ’il fuq tal-Grupp tal-Euro essenzjalment tikkostitwixxi deċiżjoni komuni tal-Bank Ċentrali Ewropew u/jew tal-Kummissjoni Ewropea;

tikkundanna lill-Bank Ċentrali Ewropew u/jew lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż sostnuti għall-finijiet ta’ din il-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.

Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni hija nulla peress li l-Bank Ċentrali Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea marru lil hinn mil-limiti tas-setgħat mogħtija mit-Trattat tal-Unjoni Ewropea u għalhekk adottawha billi eċċedew il-poteri tagħhom.

Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tippreġudika d-dritt għall-proprjetà li huwa protett bl-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u bl-Artikolu 14 tal-istess Konvenzjoni, kif huwa kkonfermat mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija manifestament nieqsa minn bażi legali u li tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Permezz tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija, bl-istess mod, kuntrarja għall-prinċipji ġenerali rrikonoxxuti tad-dritt li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-prinċipju li jipprovdi li l-ebda persuna ma tista’ tinvoka l-ommissjoni tagħha stess sabiex tikseb vantaġġ u/jew tirregolarizza n-natura żbaljata u/jew illegali tal-imġiba tagħha.