Language of document : ECLI:EU:T:2014:909

Kawża T‑327/13

Konstantinos Mallis

u

Elli Konstantinou Malli

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

u

Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

“Rikors għal annullament — Programm ta’ sostenn għall-istabbiltà ta’ Ċipru — Dikjarazzjoni tal-grupp tal-euro dwar ir-ristrutturazzjoni tas-settur bankarju f’Ċipru — Isem żbaljat tal-konvenuta fir-rikors — Inammissibbiltà”

Sommarju — Digriet tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tas-16 ta’ Ottubru 2014

1.      Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Identifikazzjoni tal-konvenut — Deżinjazzjoni tal-konvenuta, mingħajr żball min-naħa tar-rikorrenti, ta’ persuna li ma hijiex l-awtur tal-att ikkontestat — Inammissibbiltà — Limiti — Elementi li jippermettu mingħajr ambigwità l-identifikazzjoni tal-konvenuta

(L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(b))

2.      Politika ekonomika u monetarja — Politika monetarja — Koordinazzjoni tal-politiki monetarji — Laqgħa informali tal-Istati Membri li għandhom l-ewro bħala munita fi ħdan il-grupp tal-euro — Entità awtonoma — Imputazzjoni tad-dikjarazzjonijiet adottati lill-Kummissjoni jew lil-Bank Ċentrali Ewropew — Esklużjoni

(Artikolu 137 TFUE; Protokoll Nru 14 anness mat-Trattati UE u FUE)

3.      Politika ekonomika u monetarja — Politika ekonomika — Koordinazzjoni tal-politika ekonomika — Mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbiltà — Possibbiltà għall-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew li jeżerċitaw kompetenzi ta’ kontroll — Esklużjoni

(Trattat li jistabbilixxi l-mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbiltà, Artikoli 1, 2 u 32(2))

4.      Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Kunċett — Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti — Evalwazzjoni ta’ dawn l-effetti skont is-sustanza tal-att — Dikjarazzjonijiet adottati mill-grupp tal-euro — Esklużjoni

(Artikoli 137 TFUE u 263(1) TFUE; Protokoll Nru 14 anness mat-Trattati UE u FUE)

5.      Rikors għal annullament — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Unjoni — Talbiet intiżi li tinkiseb sentenza dikjaratorja — Inammissibbiltà

(Artikolu 263 TFUE)

1.      L-isem fir-rikors, bi żball, ta’ konvenuta li ma tkunx l-awtur tal-att ikkontestat ma jwassalx għall-inammissibbiltà tar-rikors, jekk dan tal-aħħar ikun jinkludi elementi li jippermettu l-identifikazzjoni mingħajr ambigwità tal-parti li kontriha dan ikun ġie ppreżentat, bħall-isem tal-att ikkontestat u tal-awtur tiegħu. F’tali każ, l-awtur tal-att ikkontestat għandu jitqies li huwa l-konvenut, minkejja li dan ma jkunx jissemma fil-parti introduttiva tar-rikors. Madankollu, għandha ssir distinzjoni bejn dan il-każ u dak li fih ir-rikorrenti tippersisti bl-isem tal-konvenuta msemmi fil-parti introduttiva tar-rikors, meta tkun konxja mill-fatt li din ma hijiex l-awtur tal-att ikkontestat. F’dan l-aħħar każ, jeħtieġ li jittieħed kont tal-konvenuta indikata fir-rikors u, jekk ikun il-każ, li jinsiltu l-konsegwenzi ta’ din l-indikazzjoni fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors.

(ara l-punt 36)

2.      Id-dikjarazzjonijiet adottati mill-grupp tal-euro msemmi fl-Artikolu 137 TFUE u mill-Protokoll Nru 14 ma jistgħux jiġu imputati lill-Kummissjoni jew lill-Bank Ċentrali Ewropew. Fil-fatt, fl-ewwel lok, il-grupp tal-euro huwa forum ta’ diskussjoni, fil-livell ministerjali, tar-rappreżentanti tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, u mhux organu deċiżjonali. Dan il-forum informali, li l-għan tiegħu huwa li jiffaċilita l-iskambju ta’ opinjonijiet dwar ċerti kwistjonijiet speċifiċi ta’ interess komuni għall-Istati Membri li jifformaw parti minnu, għandu ċerta struttura istituzzjonali, sa fejn huwa għandu president elett għal perijodu ddeterminat. Issa, ma hemm l-ebda raġuni sabiex din l-istruttura titqies li hija integrata f’dik tal-Kummissjoni jew f’dik tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Fit-tieni lok, minkejja li l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni u tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-laqgħat tal-grupp tal-euro hija prevista fl-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 14, fejn il-Kummissjoni tista’ wkoll tikkontribwixxi għall-preparazzjoni tal-imsemmija laqgħat, il-grupp tal-euro jikkostitwixxi laqgħa informali tal-Ministri tal-Istati Membri kkonċernati. Fit-tielet lok, mir-regoli dwar il-grupp tal-euro ma jirriżultax li din l-entità rċeviet delega tal-kompetenza mill-Kummissjoni jew tal- Bank Ċentrali Ewropew, u lanqas li dawn l-istituzzjonijiet jistgħu jeżerċitaw kompetenzi ta’ kontroll fir-rigward tagħha jew li jressqulha xi rakkomandazzjonijiet, u wisq inqas xi istruzzjonijiet vinkolanti. Għaldaqstant, ma huwiex possibbli li jitqies li l-grupp tal-euro huwa kkontrollat mill-Kummissjoni jew mill-Bank Ċentrali Ewropew, u lanqas li dan jaġixxi bħala mandatarju ta’ dawn l-istituzzjonijiet.

(ara l-punti 39, 41-45)

3.      Għalkemm it-Trattat li jistabbilixxi l-mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbiltà jikkonferixxi ċerti kompiti lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew marbuta mal-implementazzjoni tal-għanijiet stabbiliti fih, l-ebda dispożizzjoni tal-imsemmi Trattat ma tippermetti li jitqies li l-mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbiltà irċieva delega tal-kompetenza mingħand dawn l-istituzzjonijiet, u lanqas li dawn jistgħu jeżerċitaw kompetenzi ta’ kontroll fir-rigward tiegħu jew jagħtuh ordnijiet.

Fil-fatt, il-funzjonijiet mogħtija lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew fil-kuntest tat-Trattat li jistabbilixxi l-mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbiltà ma jinkludu l-ebda setgħa deċiżjonali proprja, peress li l-attivitajiet eżerċitati minn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet fil-kuntest tal-istess Trattat jikkonċernaw biss lill-mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbiltà.

(ara l-punti 47, 48)

4.      Huma biss il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti li jistgħu jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni ġuridika tiegħu, li jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Sabiex jiġi ddeterminat jekk att jew deċiżjoni tipproduċix effetti legali vinkolanti li jistgħu jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni ġuridika tiegħu, hemm lok li tingħata importanza lis-sustanza tagħha.

Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tal-grupp tal-euro msemmija fl-Artikolu 137 TFUE u mill-Protokoll Nru 14, peress li l-grupp tal-euro ma jistax jitqies li huwa organu deċiżjonali, safejn id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-funzjonament tiegħu ma jawtorizzawhx li jadotta atti legalment vinkolanti, għaldaqstant, bħala prinċipju, dikjarazzjoni tal-grupp tal-euro ma tistax titqies bħala att li huwa maħsub li jipproduċi effetti legali fil-konfront ta’ terzi. Dan jgħodd ukoll għal dikjarazzjoni tal-grupp tal-euro ta’ natura purament informattiva dwar ir-ristrutturazzjoni tas-settur bankarju f’Ċipru.

(ara l-punti 51-53, 60)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 64)