Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil du Contentieux des Étrangers (il-Belġju) fis-26 ta’ Jannar 2024 – X vs Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides

(Kawża C-50/24, Danané 1 )

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Conseil du Contentieux des Étrangers

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: X

Konvenut: Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides

Domandi preliminari

Proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali magħmula fil-fruntiera jew f’żona ta’ tranżitu minn applikant li, matul din il-proċedura, jiġi detenut f’post li ġeografikament jinsab fit-territorju, iżda li huwa ekwiparat minn test leġiżlattiv għal post li jinsab fil-fruntiera, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali 1  ?

L-eżami ta’ tali applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ta’ applikant li, wara li jiddekorri t-terminu ta’ erba’ ġimgħat previst fl-Artikolu 43(2) tad-Direttiva 2013/32, jiġi aċċettat bi dritt fit-territorju bis-saħħa tad-dritt nazzjonali iżda jibqa’ detenut, fuq il-bażi ta’ deċiżjoni ġdida ta’ detenzjoni, fl-istess post ta’ detenzjoni li inizjalment kien ikkunsidrat bħala post fil-fruntiera u li issa ġie kkategorizzat mill-awtoritajiet bħala post li jinsab fit-territorju, xorta jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 43 tad-Direttiva 2013/32?

L-istess post ta’ detenzjoni jista’, fil-kuntest tal-istess proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali, jiġi ekwiparat inizjalment, minn test leġiżlattiv, għal post li jinsab fil-fruntiera u, wara li l-applikant ikun ġie awtorizzat jidħol fit-territorju minħabba li jkun iddekorra t-terminu ta’ erba’ ġimgħat jew wara deċiżjoni ta’ eżami ulterjuri, jiġi kkunsidrat bħala post fit-territorju?

-    Liema hija l-implikazzjoni tad-detenzjoni tal-applikant fl-istess post li jinsab ġeografikament fit-territorju iżda li kien bażikament ekwipart għal post li jinsab fil-fruntiera u li ġie iktar tard ikkategorizzat, mill-awtoritajiet Belġjani, bħala post ta’ detenzjoni fit-territorju minħabba d-dekorriment tat-terminu ta’ erba’ ġimgħat, fuq il-kompetenza ratione temporis u ratione materiae tal-awtorità determinanti?

1.    L-awtorità determinanti li bdiet l-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fil-kuntest ta’ proċedura fil-fruntiera u li tħalli jiddekorri t-terminu ta’ erba’ ġimgħat previst fl-Artikolu 43(2) tad-Direttiva 2013/32 biex tiddeċiedi dwar din l-applikazzjoni, jew li preċedentement ħadet deċiżjoni ta’ eżami ulterjuri, tista’, minkejja li l-atti kollha ta’ investigazzjoni, inkluża l-intervista personali, seħħew qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu, tkompli bl-eżami ta’ din l-applikazzjoni fuq il-bażi ta’ trattament prijoritarju fis-sens tal-Artikolu 31(7) ta’ din id-direttiva, meta l-applikant jibqa’ detenut, fuq il-bażi tad-deċiżjoni ta’ awtorità oħra, fl-istess post ta’ detenzjoni, inizjalment ekwiparat għal post fil-fruntiera, minħabba li d-detenzjoni tiegħu hija neċessarja “sabiex jiġu ddeterminati dawk l-elementi li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li ma jkunux jistgħu jinkisbu li kieku l-applikant ma kienx detenut, b’mod partikolari meta jkun hemm riskju li l-applikant jaħrab”?

2.    L-awtorità determinanti li bdiet l-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fil-kuntest ta’ proċedura fil-fruntiera u li tħalli jiddekorri t-terminu ta’ erba’ ġimgħat previst fl-Artikolu 43(2) tad-Direttiva 2013/32 biex tiddeċiedi dwar din l-applikazzjoni, jew li preċedentement ħadet deċiżjoni ta’ eżami ulterjuri, mingħajr ma wettqet intervista personali mal-applikant fi ħdan dan it-terminu, tista’ tkompli bl-eżami ta’ din l-applikazzjoni fuq il-bażi ta’ trattament prijoritarju fis-sens tal-Artikolu 31(7) ta’ din id-direttiva, meta l-applikant jibqa’ detenut, fuq il-bażi tad-deċiżjoni ta’ awtorità oħra, fl-istess post ta’ detenzjoni, inizjalment ekwiparat għal post fil-fruntiera, minħabba li d-detenzjoni tiegħu hija neċessarja “biex jiġu ddeterminati l-elementi li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li ma jkunux jistgħu jinkisbu li kieku l-applikant ma kienx detenut, b’mod partikolari meta jkun hemm riskju li l-applikant jaħrab”?

Tali applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali hija kompatibbli man-natura eċċezzjonali tad-detenzjoni tal-applikant li tirriżulta mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali 1 u mill-għan ġenerali tad-Direttiva 2013/32 ?

L-Artikoli 31(7) u 31(8), 43 u 46 tad-Direttiva 2013/32, flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea 1 , għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-[Conseil du Contentieux des Étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju)], meta jiġi adit b’rikors kontra deċiżjoni meħuda fil-kuntest ta’ proċedura mibdija fil-fruntiera, għandu jqajjem ex officio d-dekorriment tat-terminu ta’ erba’ ġimgħat?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1     ĠU 2013, L 180, p. 60.

1     ĠU 2013, L 180, p. 96.

1     ĠU 2016, C 202, p. 389.