Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (l-Irlanda) fit-23 ta’ April 2024 – LD vs Criminal Injuries Compensation Tribunal, Minister for Justice and Equality, Ireland, Attorney General

(Kawża C-284/24, Criminal Injuries Compensation Tribunal et)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court (l-Irlanda)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: LD

Konvenuti: Criminal Injuries Compensation Tribunal, Minister for Justice and Equality, Ireland, Attorney General

Domandi preliminari

L-obbligu impost fuq l-Istati Membri permezz tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE tad-29 ta’ April 2004 li għandha x’taqsam ma’ kupens għal vittmi ta’ delitti (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2004/80”) 1 , li jipprovdu “kumpens ġust u xieraq” lill-vittmi ta’ kriminalità intenzjonali vjolenti, jeħtieġ li l-vittma tiġi kkumpensata kemm għad-dannu materjali kif ukoll għad-dannu morali fis-sens tas-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, Presidenza del Consiglio dei Ministri (C-129/19, EU:C:2020:566)?

Jekk ir-risposta għad-domanda (a) hija fl-affermattiv, liema forom ta’ danni jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “dannu morali”?

B’mod partikolari, l-“uġigħ u t-tbatija” mġarrba minn vittma jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “dannu morali”?

Jekk ir-risposta għad-domandi (a) u (c) hija fl-affermattiv, peress li l-Istati Membri huma obbligati jiżguraw li l-iskemi tagħhom ikunu finanzjarjament vijabbli, liema relazzjoni għandu jkollu l-“kumpens ġust u xieraq” li jingħata lil vittma skont id-Direttiva 2004/80 vis-à-vis d-danni kkawżati minħabba delitt li jingħataw lil din il-vittma kontra l-awtur rilevanti bħala l-awtur tad-delitt?

Il-kumpens stabbilit għall-vittmi ta’ kriminalità intenzjonali vjolenti taħt is-“Scheme of Compensation for Personal Injuries Criminally Inflicted” (l-Iskema ta’ Kumpens għall-Vittmi għal Danni Fiżiċi Kkawżati Kriminalment) jista’ jitqies bħala “kumpens ġust u xieraq lill-vittmi” fis-sens tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2004/80 jekk vittma tingħata s-somma ta’ EUR 645.65 bħala kumpens għal ferita serja fl-għajnejn li tirriżulta f’insuffiċjenza permanenti fil-vista?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 65.