Language of document : ECLI:EU:T:2018:316

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

31 ta’ Mejju 2018 (*)

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra s-Sirja – Iffriżar ta’ fondi – Użu ħażin ta’ poter – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata – Ksur tal-Artikolu 266 TFUE – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Drittijiet fundamentali – Proporzjonalità – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni”

Fil-Kawża T‑461/16,

Khaled Kaddour, residenti f’Damas (is-Sirja), irrappreżentat minn V. Davies u V. Wilkinson, solicitors, u R. Blakeley, barrister,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentat minn J. Bauerschmidt u G. Étienne, sussegwentement minn J. Bauerschmidt u minn S. Kyriakopoulou, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/850 tas-27 ta’ Mejju 2016, li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2016, L 141, p. 125), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/840 tas-27 ta’ Mejju 2016 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2016, L 141, p. 30), sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrent,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, I. Labucka u I. Ulloa Rubio (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas-16 ta’ Novembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrent, Khaled Kaddour, huwa negozjant ta’ nazzjonalità Sirjana li żviluppa attività kummerċjali, b’mod partikolari, fil-qasam tat-tabakk u tal-karozzi.

2        Filwaqt li kkundanna b’mod sħiħ ir-repressjoni vjolenti tal-manifestazzjonijiet paċifiċi fis-Sirja u filwaqt li appella lill-awtoritajiet Sirjani sabiex dawn jastjenu milli jirrikorru għall-forza, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fid-9 ta’ Mejju 2011, adotta d-Deċiżjoni 2011/273/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 121, p. 11). Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kunsill adotta embargo fuq l-armi, projbizzjoni ta’ esportazzjoni ta’ materjal li jista’ jintuża għall-finijiet ta’ repressjoni interna, restrizzjonijiet tad-dħul fl-Unjoni Ewropea kif ukoll iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi ta’ ċerti persuni u entitajiet responsabbli għar-repressjoni vjolenti eżerċitata kontra l-popolazzjoni ċivili Sirjana.

3        L-ismijiet tal-persuni responsabbli għar-repressjoni vjolenti eżerċitata kontra l-popolazzjoni ċivili Sirjana kif ukoll dawk tal-persuni, fiżiċi jew ġuridiċi, u entitajiet li huma assoċjati magħhom huma msemmija fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/273. Skont l-Artikolu 5(1) ta’ din id-deċiżjoni, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta ta’ Stat Membru jew ta’ Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, jista’ jemenda l-imsemmi anness. L-isem tar-rikorrent ma kienx inkluż f’din il-lista.

4        Peress li wħud mill-miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Għarbija Sirjana jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Trattat FUE, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 442/2011 tad-9 ta’ Mejju 2011 dwar miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2011, L 121, p. 1). Dan ir-regolament huwa, fil-parti l-kbira, identiku għad-Deċiżjoni 2011/273, iżda jipprevedi possibbiltajiet għar-rilaxx ta’ fondi ffriżati. Il-lista tal-persuni, tal-entitajiet u tal-organi rrikonoxxuti li huma jew responsabbli għar-repressjoni inkwistjoni, jew assoċjati mal-imsemmija persuni responsabbli, li tinsab fl-Anness II tal-imsemmi regolament, hija identika għal dik li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/273. Għalhekk, l-isem tar-rikorrent ma kienx jidher f’din il-lista. Abbażi tal-Artikolu 14(1) u (4) tar-Regolament Nru 442/2011, meta l-Kunsill jiddeċiedi li japplika l-imsemmija miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuna, fiżika jew ġuridika, ta’ entità jew ta’ organu, dan għandu jemenda l-Anness II b’mod konsegwenti u, barra minn hekk, għandu jeżamina l-lista li tinsab fih f’intervalli regolari u mill-inqas kull tnax-il xahar.

 Dwar l-inklużjoni inizjali ta’ isem ir-rikorrent fil-listi ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi

5        Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/367/PESK tat-23 ta’ Ġunju 2011 li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/273/PESK (ĠU 2011, L 164, p. 14), il-Kunsill emenda d-Deċiżjoni 2011/273 sabiex, fost l-oħrajn, japplika l-miżuri restrittivi inkwistjoni fil-konfront ta’ persuni u entitajiet oħra. L-isem tar-rikorrent kien jinsab fil-linja 6 tat-tabella tal-Parti A tal-anness rigward il-persuni li kienu suġġetti għall-imsemmija deċiżjoni ta’ implimentazzjoni kif ukoll id-data tal-inklużjoni ta’ ismu fil-lista inkwistjoni, f’dan il-każ it-23 ta’ Ġunju 2011, u l-motivi segwenti:

“Soċju kummerċjali ta’ Maher Al-Assad; jipprovdi finanzjament għar-reġim.”

6        Fl-istess jum, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE u tad-Deċiżjoni 2011/273, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 611/2011, li jimplimenta r-Regolament Nru 442/2011 (ĠU 2011, L 164, p. 1). Isem ir-rikorrent kien jidher fil-linja 6 tat-tabella tal-anness tal-imsemmi regolament ta’ implementazzjoni mal-istess informazzjoni u motivi li ġew indikati fl-anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/367.

7        Permezz tad-Deċiżjoni 2011/782/PESK tal-1 ta’ Diċembru 2011 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/273/PESK (ĠU 2011, L 319, p. 56), il-Kunsill ikkunsidra li, fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fis-Sirja, kien meħtieġ li jiġu imposti miżuri restrittivi addizzjonali. Għall-finijiet ta’ ċarezza, il-miżuri imposti mid-Deċiżjoni 2011/273 u l-miżuri addizzjonali ġew integrati fi strument legali wieħed. Id-Deċiżjoni 2011/782 tipprovdi, fl-Artikolu 18 tagħha, restrizzjonijiet fil-qasam tal-ammissjoni fit-territorju tal-Unjoni u, fl-Artikolu 19 tagħha, l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tal-persuni u tal-entitajiet li isimhom jidher fl-Anness I. Isem ir-rikorrent kien jidher fil-linja 29 tat-tabella tal-Anness I rigward il-persuni li huma suġġetti għall-imsemmija deċiżjoni bl-istess informazzjoni u motivi bħal dawk indikati fl-anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/367.

8        Fis-26 ta’ Diċembru 2011, ir-rikorrent ippreżenta quddiem il-Qorti Ġenerali rikors għall-annullament tad-Deċiżjonijiet 2011/273, 2011/782 u tar-Regolament Nru 442/2011, kif implimentati jew emendati sal-jum tal-preżentata tar-rikors, sa fejn dawn l-atti kienu jikkonċernawh. Dan ir-rikors ġie rreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali taħt ir-referenza T‑654/11.

9        Ir-Regolament Nru 442/2011 ġie ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 tat-18 ta’ Jannar 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament Nru 442/2011 (ĠU 2012, L 16, p. 1). Isem ir-rikorrent kien jidher fil-linja 29 tat-tabella tal-Anness II ta’ dan l-aħħar regolament bl-istess informazzjoni u motivi bħal dawk indikati fl-anness tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2011/367.

10      Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/739/PESK tad-29 ta’ Novembru 2012 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/782 (ĠU 2012, L 330, p. 21), il-miżuri restrittivi inkwistjoni ġew integrati fi strument legali wieħed. Isem ir-rikorrent kien jidher fil-linja 28 tat-tabella tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2012/739 mal-istess informazzjoni u motivi bħal dawk indikati fl-anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/367.

11      Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/185/PESK tat-22 ta’ April 2013 li timplimenta d-Deċiżjoni 2012/739/PESK (ĠU L 111, p. 77), kellha l-għan li taġġorna l-lista ta’ persuni u entitajiet li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi li tidher fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2012/739. Isem ir-rikorrent kien jidher fil-linja 28 tat-tabella tal-Anness I mal-istess informazzjoni u motivi bħal dawk indikati fl-anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/367.

12      Ir-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 363/2013 tat-22 ta’ April 2013 li jimplementa r-Regolament Nru 36/2012 (ĠU L 111, p. 1), kien jinkludi l-istess informazzjoni u motivi bħal dawk indikati fl-anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/367.

13      Fil-31 ta’ Mejju 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2013, L 147, p. 14). Isem ir-rikorrent kien jidher fil-linja 28 tat-tabella tal-Anness I tal-imsemmija deċiżjoni mal-istess informazzjoni u motivi bħal dawk indikati fl-anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/367.

14      Permezz ta’ noti ta’ adattament ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 u fit-28 ta’ Ġunju, fit-23 u fil-31 ta’ Lulju 2012, kif ukoll fis-7 ta’ Jannar u fl-24 ta’ Ġunju 2013, ir-rikorrent talab l-annullament, b’mod partikolari, tar-Regolament Nru 36/2012, tad-Deċiżjoni 2012/739, tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/185, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 363/2013 u tad-Deċiżjoni 2013/255, sa fejn dawn l-atti kienu jikkonċernawh.

15      Permezz tas-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Kaddour vs Il-Kunsill (T‑654/11, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza Kaddour I”, EU:T:2014:947), il-Qorti Ġenerali laqgħet il-motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kunsill meta inkluda isem ir-rikorrent fil-listi ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi. Essenzjalment, hija qieset li l-proċess tal-Kunsill ma kien jinkludi l-ebda prova li tista’ ssostni l-allegazzjonijiet li r-rikorrent kien iżomm rabta professjonali ma’ Maher Al-Assad jew li kien jagħti appoġġ finanzjarju lir-reġim Sirjan. Għaldaqstant, filwaqt li laqgħet parzjalment ir-rikors tar-rikorrent, il-Qorti Ġenerali annullat ir-Regolament Nru 36/2012, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 363/2013 u d-Deċiżjoni 2013/255, sa fejn kienu jikkonċernawh, b’effett mit-23 ta’ Jannar 2015. Ir-rikors ġie ddikjarat inammissibbli fir-rigward tal-atti l-oħra li kontrihom kien dirett.

16      Il-Kunsill ma appellax mis-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Kaddour I (T‑654/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:947).

 Dwar l-inklużjoni mill-ġdid u ż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi tal-persuni suġġetti għal miżuri restrittivi

17      Fis-26 ta’ Jannar 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (PESK) 2015/117, li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255 (ĠU 2015, L 20, p. 85). Fl-istess jum, huwa adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/108 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 (ĠU 2015, L 20, p. 2). B’dawn l-atti, isem ir-rikorrent ġie inkluż mill-ġdid fil-listi inkwistjoni.

18      B’mod partikolari, isem ir-rikorrent ġie inkluż mill-ġdid fil-linja 28 tat-tabella li tinkludi l-listi inkwistjoni taħt it-titolu “A. Persuni”, u din l-inklużjoni mill-ġdid ġiet ibbażata fuq il-motivi segwenti:

“Negozjant prominenti Sirjan, qrib ta’ Maher al Assad, figura ewlenija tar-reġim Sirjan. Khalid Qaddur jibbenefika minn, u jipprovdi appoġġ lir-reġim Sirjan u huwa assoċjat ma’ persuni li jibbenefikaw minn, u jappoġġaw lir-reġim.”

19      Fis-27 ta’ Marzu 2015, ir-rikorrent ippreżenta quddiem il-Qorti Ġenerali rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/117 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/108, sa fejn dawn l-atti kienu jikkonċernawh. Dan ir-rikors ġie rreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali taħt ir-referenza T‑155/15.

20      Fit-12 ta’ Ottubru 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1836 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK (ĠU 2015, L 266, p. 75). Fl-istess jum, huwa adotta r-Regolament (UE) 2015/1828 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 (ĠU 2015, L 266, p. 1). Dawn l-atti kienu jipprevedu minn dakinhar restrizzjonijiet fuq id-dħul fit-territorju, jew it-tranżitu mit-territorju, tal-Istati Membri kif ukoll l-iffriżar ta’ fondi ta’ “negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja” kif ukoll tal-“membri tal-familji Assad jew Makhlouf”, ħlief jekk “biżżejjed informazzjoni li […] [tindika li dawn il-persuni ma kinux], jew […] [ma baqgħux], assoċjati mar-reġim”.

21      B’ittra tat-18 ta’ Marzu 2016, indirizzata lir-rappreżentanti tar-rikorrent fil-Kawża T‑155/15, il-Kunsill informa lir-rikorrent bl-intenzjoni tiegħu li jemenda l-motivi tal-inklużjoni ta’ ismu fl-listi inkwistjoni wara li kien wettaq eżami mill-ġdid tal-imsemmija inklużjoni. Il-Kunsill stabbilixxa terminu li fih ir-rikorrent seta’ jifformula eventwali osservazzjonijiet.

22      B’ittra tat-13 ta’ April 2016, ir-rappreżentanti tar-rikorrent fil-Kawża T‑155/15 opponew ruħhom għaż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni.

23      Fis-27 ta’ Mejju 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/850, li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK (ĠU 2016, L 141, p. 125). Fl-istess jum, huwa adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/840 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 (ĠU 2016, L 141, p. 30). B’dawn l-atti (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti kkontestati”), isem ir-rikorrent inżamm fil-listi inkwistjoni.

24      B’mod partikolari, isem ir-rikorrent inżamm fil-linja 28 tat-tabella li tinkludi l-listi inkwistjoni taħt it-titolu “A. Persuni” tal-anness, bil-motivazzjoni segwenti:

“Negozjant prominenti [ta’ influwenza] li jopera fis-Sirja, b’interessi u/jew attivitajiet fis-setturi tat-telekomunikazzjoni, iż-żejt u l-industrija tal-plastik u relazzjonijiet ta’ negozju mill-qrib ma’ Maher Al-Assad. Huwa jgawdi mir-reġim Sirjan u jagħtih appoġġ, permezz tal-interessi kummerċjali tiegħu. Soċju ta’ Maher Al-Assad, inkluż permezz tal-attivitajiet tiegħu ta’ negozju.”

25      B’ittra tat-30 ta’ Mejju 2016, il-Kunsill ikkomunika, lir-rappreżentanti tar-rikorrent fil-Kawża T‑155/15, f’dak iż-żmien pendenti, il-motivi l-ġodda insostenn tal-inklużjoni tar-rikorrent fil-listi inkwistjoni u bagħtitilhom proċess bil-provi intiżi sabiex isostnu ż-żamma tal-imsemmija inklużjoni.

26      B’ittra tas-6 ta’ Lulju 2016, ir-rappreżentanti l-ġodda tar-rikorrent informaw lill-Kunsill li issa kienu qed jirrappreżentaw lir-rikorrent u talbu lill-Kunsill jannulla l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni.

27      B’ittra tas-26 ta’ Lulju 2016, indirizzata lir-rappreżentanti l-ġodda tar-rikorrent, il-Kunsill irrisponda għall-ittra tagħhom tas-6 ta’ Lulju 2016 u nnotifikalhom kopja tal-atti kkontestati, kif ukoll id-dokumentazzjoni li fuqha huma bbażati dawn l-atti.

28      B’sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2016, Kaddour vs Il-Kunsill (T‑155/15, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza Kaddour II” EU:T:2016:628), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat mir-rikorrent kontra d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/117 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 2015/108, sa fejn dawn l-atti kienu jikkonċernawh. Hija qieset li l-inklużjoni mill-ġdid ta’ ismu fil-listi inkwistjoni kienet iġġustifikata mill-fatt li l-Kunsill kien ipproduċa sensiela ta’ indizji preċiżi u konsistenti li jistgħu juru li r-rikorrent kien żamm irbit ma’ ċerti figuri ewlenin tar-reġim Sirjan bħal Maher Al‑Assad, skont l-Artikolu 28(1) tad-Deċiżjoni 2013/255 u skont l-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 36/2012.

29      Ir-rikorrent ma appellax mis-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2016, Kaddour II (T‑155/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:628).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

30      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Awwissu 2016, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

31      Fit-28 ta’ Novembru 2016, il-Kunsill ippreżenta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali r-risposta tiegħu.

32      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-atti kkontestati;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

33      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu;

–        sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tannulla l-miżuri restrittivi adottati kontra r-rikorrent, tordna li l-effetti tad-Deċiżjoni 2016/850 jinżammu f’dak li jirrigwarda lir-rikorrent, sakemm l-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/840 jidħol fis-seħħ;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Fid-dritt

34      B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li d-Deċiżjoni 2016/850 ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 29 TUE li jagħti s-setgħa lill-Kunsill sabiex jadotta deċiżjonijiet li jiddefinixxu l-pożizzjoni tal-Unjoni fuq kwistjoni partikolari ta’ natura ġeografika jew tematika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2013, Anbouba vs Il-Kunsill, T‑592/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:427, punt 41).

35      Huwa wkoll abbażi tal-Artikolu 29 TUE li l-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2015/1836, li tgħid li l-fatt li wieħed ikun negozjant ta’ influwenza li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja jikkostitwixxi kriterju legali li jippermetti l-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi.

36      Fil-fatt, skont il-premessa 6 tad-Deċiżjoni 2015/1836:

“Il-Kunsill ivvaluta li minħabba l-kontroll strett eżerċitat fuq l-ekonomija mir-reġim Sirjan, ċirku ta’ ġewwa ta’ negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja jistgħu biss iżommu l-istatus tagħhom minħabba li jgawdu minn assoċjazzjoni mill-qrib mar-reġim u mill-appoġġ tiegħu, u billi għandhom influwenza fi ħdanu. Il-Kunsill iqis li għandu jipprevedi miżuri restrittivi biex jimponi restrizzjonijiet fuq id-dħul u jiffriża l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, huma proprjetà ta’, miżmumin jew ikkontrollati minn dawk in-negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja, kif identifikati mill-Kunsill u elenkati fl-Anness I, sabiex ma jħallihomx jipprovdu appoġġ materjali jew finanzjarju lir-reġim u, sabiex permezz tal-influwenza tagħhom, tiżdied il-pressjoni fuq ir-reġim innifsu biex ibiddel il-politiki ta’ repressjoni tiegħu”.

37      Bl-istess mod, l-Artikoli 27 u 28(2) tad-Deċiżjoni 2013/255 kif emendati permezz tad-Deċiżjoni 2015/1836 jipprevedu restrizzjonijiet fuq id-dħul fit-territorju, jew it-tranżitu mit-territorju, tal-Istati Membri u l-iffriżar ta’ fondi ta’ “negozjanti ta’ influwenza li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fis-Sirja”. Barra minn hekk, l-Artikoli 27 u 28(3) ta’ din id-deċiżjoni jipprevedu li dawn il-persuni “m’għandhomx jiġu inklużi jew miżmuma fuq il-lista ta’ persuni u entitajiet fl-Anness I jekk hemm biżżejjed informazzjoni li huma m’humiex, jew m’għadhomx, assoċjati mar-reġim jew ma jeżerċitawx influwenza fuqu jew ma joħolqux riskju reali ta’ ċirkomvenzjoni”.

38      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka, essenzjalment, ħames motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq użu ħażin ta’ poter u fuq ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ awtorità ta’ res judicata kif ukoll ta’ ċertezza legali u tad-dritt għal rimedju effettiv. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 266 TFUE. It-tielet motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet fundamentali f’dak li jirrigwarda r-rispett tar-reputazzjoni u t-tgawdija paċifika tal-beni tiegħu u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter u fuq ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ awtorità ta’ res judicata kif ukoll ta’ ċertezza legali u tad-dritt għal rimedju effettiv

39      L-ewwel motiv huwa maqsum fi tliet ilmenti. L-ewwel nett, ir-rikorrent isostni li, billi żamm il-miżuri kontenzjużi fir-rigward tiegħu, il-Kunsill wettaq użu ħażin ta’ poter. Huwa jsostni, it-tieni nett, li l-Kunsill kiser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba stabbilit permezz tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, minħabba li dan għadu, sal-ġurnata tal-lum, ma neħħiex ismu mil-listi inkwistjoni. Huwa jallega, it-tielet nett, li l-Kunsill kiser id-dritt tiegħu għal rimedju effettiv u l-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata għaliex inkluda mill-ġdid ismu f’dawn il-listi, meta l-Qorti Ġenerali kienet annullat l-inklużjoni inizjali tal-imsemmi isem f’dawn il-listi.

 Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter

40      Ir-rikorrent jallega li l-Kunsill “manifestament uża ħażin il-poter tiegħu” meta inkluda mill-ġdid ismu fil-listi inkwistjoni, u b’hekk evita s-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Kaddour I (T‑654/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:947). Fil-fehma tiegħu, il-Kunsill kellu jippreżenta rikors kontra din is-sentenza minflok jinkludi ismu mill-ġdid f’dawn il-listi billi jibbaża ruħu fuq motivi essenzjalment identiċi għal dawk li l-Qorti Ġenerali kienet iddikjarat bħala infondati. Huwa jsostni, barra minn hekk, li l-Kunsill kien żamm l-inklużjoni tal-imsemmi isem f’dawn il-listi abbażi tal-kriterji ta’ assoċjazzjoni u ta’ appoġġ lir-reġim Sirjan li diġà kienu ġew invalidati mill-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, huwa jsostni li l-allegazzjonijiet il-ġodda tal-Kunsill kienu bbażati wkoll fuq fatti, provi jew ċirkustanzi li diġà kienu ġew iddikjarati insuffiċjenti mill-Qorti Ġenerali u li l-Kunsill diġà kellu fid-dispożizzjoni tiegħu fil-mument tal-inklużjoni inizjali ta’ ismu f’dawn l-istess listi.

41      Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

42      Skont il-ġurisprudenza, att huwa vvizzjat b’użu ħażin ta’ poter biss jekk fuq il-bażi ta’ provi oġġettivi, rilevanti u konkordanti, jidher li dan ġie adottat bl-iskop esklużiv jew, għall-inqas determinanti, li jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk iddikjarati jew sabiex tiġi evitata proċedura prevista speċifikament mit-Trattat sabiex jiġu ttrattati ċ-ċirkustanzi tal-każ (ara s-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T‑390/08, EU:T:2009:401, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrent ma pproduċiex provi li jistgħu jistabbilixxu li, meta adotta l-atti kkontestati, il-Kunsill kien qed isegwi għan ieħor għajr dak li jtemm ir-repressjoni vjolenti eżerċitata mir-reġim Sirjan kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja billi jiffriża l-fondi tal-persuni li jiksbu vantaġġ mill-imsemmi reġim u jappoġġjawh, skont il-proċedura prevista għal dan l-għan mit-Trattat FUE u mir-Regolament Nru 36/2012.

43      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argument tar-rikorrent li l-Kunsill manifestament uża ħażin il-poter tiegħu billi żamm il-miżuri kontenzjużi fir-rigward tiegħu għal kważi ħames snin minkejja l-fatt li l-inklużjoni inizjali ta’ ismu fil-listi inkwistjoni kienet ġiet annullata permezz tas-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Kaddour I (T‑654/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:947), huwa jista’ biss jiġi miċħud. Fil-fatt, mill-punt 93 tal-imsemmija sentenza jirriżulta li l-Kunsill, fil-kuntest ta’ eżami mill-ġdid, għandu l-possibbiltà li jinkludi mill-ġdid isem ir-rikorrent fl-imsemmija listi abbażi ta’ motivi sostnuti b’mod suffiċjenti fid-dritt.

44      Minbarra dan, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 32(1) u (3) tar-Regolament Nru 36/2012, meta l-Kunsill jiddeċiedi li japplika għal persuna fiżika jew ġuridika, għal entità jew għal organu l-miżuri restrittivi previsti, huwa għandu jemenda l-Annessi II jew IIa tal-imsemmi regolament b’mod korrispondenti u li, barra minn hekk, jekk provi ġodda sostanzjali jiġu ppreżentati, huwa għandu jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu u jinforma b’dan lill-persuna fiżika kkonċernata. Minbarra dan, għandu jeżamina l-listi inklużi f’dawn l-annessi f’intervalli regolari u mill-inqas darba kull tnax-il xahar, skont il-paragrafu 4 tal-istess artikolu. Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-Kunsill għandu l-obbligu li jeżamina mill-ġdid il-listi inkwistjoni u għandu d-dritt, jekk provi ġodda sostanzjali jiġu ppreżentati, bħalma huwa l-każ hawnhekk, li jemenda l-motivi jew li jinkludi mill-ġdid isem ir-rikorrent f’dawn il-listi. Għaldaqstant, peress li l-atti kkontestati huma r-riżultat ta’ eżami mill-ġdid li l-Kunsill għandu jwettaq fir-rigward tal-miżuri meħuda kontra r-rikorrent, għandu jitqies li dan aġixxa b’mod konformi mal-poteri li huma mogħtija lilu.

45      Fit-tieni lok, rigward l-argument tar-rikorrent li l-motivazzjoni mressqa mill-Kunsill sabiex tiġi ġġustifikata l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni hija kważi l-istess bħal dik li fuqha huma bbażati l-atti annullati permezz tas-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Kaddour I (T‑654/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:947), dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 64 tas-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2016, Kaddour II (T‑155/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:628), deċiżjoni ta’ inklużjoni mill-ġdid ta’ isem fl-imsemmija listi adottata abbażi tal-istess motivi bħal dawk ikkunsidrati fl-ewwel inklużjoni ta’ dan l-isem tista’ tkun biżżejjed sabiex tiġġustifika l-imsemmija inklużjoni mill-ġdid sakemm il-provi prodotti mill-Kunsill isostnu b’mod suffiċjenti fid-dritt l-imsemmija motivi.

46      Minbarra dan, għandu jiġi osservat li, bil-kontra ta’ dak li jsostni r-rikorrent, il-motivazzjoni li tirriżulta mill-atti kkontestati hija distinta sew mill-motivazzjoni mressqa mill-Kunsill fil-kuntest tal-atti annullati permezz tas-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Kaddour I (T‑654/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:947). Fil-fatt, isem ir-rikorrent kien ġie inkluż inizjalment, fil-listi annessi mad-Deċiżjoni 2011/273 u mar-Regolament Nru 442/2011, minħabba li kien soċju ma’ Maher Al‑Assad u minħabba l-appoġġ finanzjarju tiegħu lir-reġim Sirjan (kriterju ta’ appoġġ finanzjarju). Min-naħa l-oħra, iż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni hija bbażata, minn naħa, fuq il-kundizzjoni tiegħu ta’ negozjant ta’ influwenza (negozjant ta’ influwenza li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja) u min-naħa l-oħra, fuq ir-relazzjonijiet ta’ negozju mill-qrib li huwa għandu ma’ Maher Al‑Assad (kriterju ta’ assoċjazzjoni mar-reġim). Minn dan jirriżulta li, minħabba l-attivitajiet kummerċjali tiegħu, huwa jikseb vantaġġ, skont l-atti kkontestati, minn dan ir-reġim, u jappoġjah (kriterju ta’ assoċjazzjoni u ta’ vantaġġ miksub mir-reġim).

47      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li l-allegazzjonijiet il-ġodda tal-Kunsill huma bbażati fuq fatti, provi jew ċirkustanzi li ġew iddikjarati bħala insuffiċjenti mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tat-13 ta’ Novembru 2014, Kaddour I (T‑654/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:947), għandu jiġi kkonstatat li din il-kwistjoni taqa’ taħt il-fondatezza ta’ motivi stabbiliti kontra r-rikorrent. Dan l-argument għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud bħala ineffettiv sa fejn huwa mqajjem insostenn ta’ dan l-ilment.

48      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, l-ewwel ilment tal-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

49      Ir-rikorrent isostni li, billi inkluda mill-ġdid u żamm ismu fil-listi inkwistjoni, il-Kunsill kiser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba stabbilit permezz tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Fil-fehma tiegħu, il-każ tiegħu ma ġiex ittrattat b’mod imparzjali u ġust u lanqas ma ġie ttrattat fi żmien raġonevoli. F’dan ir-rigward, huwa jallega, essenzjalment, li ismu kien inkluż fil-listi inkwistjoni għal iktar minn ħames snin u li l-Kunsill, billi ma fformulax l-allegazzjonijiet kollha tiegħu fl-inklużjoni inizjali, tawwal il-perijodu ta’ trattament ta’ din l-inklużjoni billi kiser id-dritt li l-kawżi tiegħu jiġu ttrattati fi żmien raġonevoli u l-obbligu ta’ amministrazzjoni tajba.

50      Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

51      B’mod preliminari, għandu jitfakkar li l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipprevedi dan li ġej:

“1.      Kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni.

2. Dan id-dritt jinkludi:

a)      id-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament;

b)      id-dritt ta’ kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl li jikkonċernaha, filwaqt li jiġu rrispettati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali u tan-negozju;

ċ)      l-obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha.

[…].”

52      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi, il-Kunsill huwa suġġett għall-obbligu li jirrispetta d-dritt tal-imsemmi prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li miegħu huwa marbut, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu tal-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, il-provi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni (ara s-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T‑545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li, bl-argument tiegħu, ir-rikorrent jikkontesta biss il-fatt li ismu għadu inkluż fil-listi inkwistjoni, u ma jikkontestax il-fatt li huwa nstema’ qabel ma dawn il-miżuri ttieħdu fir-rigward tiegħu, u lanqas il-fatt li huwa seta’ jaċċedi għall-fajl amministrattiv tiegħu, u lanqas li l-atti kontenzjużi huma mmotivati suffiċjentement b’mod konformi mal-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

54      Qabel kollox, fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li l-Kunsill, billi inkluda mill-ġdid u żamm ismu fil-listi inkwistjoni, kiser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, mill-punti 43 u 44 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kunsill seta’ validament jinkludi mill-ġdid u jżomm isem ir-rikorrent fl-imsemmija listi, wara li jkun wettaq eżami mill-ġdid ta’ dawn il-listi. Għaldaqstant, l-imsemmi argument għandu jiġi miċħud.

55      Imbagħad, fir-rigward tal-allegazzjonijiet tar-rikorrent rigward l-assenza ta’ trattament tal-każ tiegħu b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-Kunsill, għandu jiġi osservat li l-fatt, imsemmi mir-rikorrent, li ismu jidher għal perijodu twil fil-listi inkwistjoni ma jippermettix, minnu nnifsu, li jitqies li l-każ tiegħu kien is-suġġett ta’ trattament parzjali, inġust jew fi żmien mhux raġonevoli mill-Kunsill meta dan tal-aħħar adotta l-atti kkontestati. Minbarra dan, għandu jitfakkar li l-atti kkontestati ġew adottati abbażi tal-Artikolu 29 TUE, li jagħti s-setgħa lill-Kunsill li jadotta deċiżjonijiet li jiddefinixxu l-pożizzjoni tal-Unjoni dwar kwistjoni partikolari ta’ natura ġeografika jew tematika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2013, Anbouba vs Il-Kunsill, T-592/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:427, punt 41). Is-sempliċi fatt li isem ir-rikorrent jidher fil-listi inkwistjoni ma huwiex suffiċjenti sabiex iqiegħed f’dubju l-imparzjalità tal-Kunsill.

56      F’kull każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma pproduċa l-ebda prova speċifika insostenn tal-allegazzjonijiet tiegħu, b’tali mod li għandhom jiġu miċħuda.

57      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li l-Kunsill ma setax jibbaża d-deċiżjoni tiegħu dwar l-inklużjoni mill-ġdid ta’ ismu fil-listi inkwistjoni fuq motivi li huwa seta’ jinvoka fl-inklużjoni inizjali tal-imsemmi isem fl-imsemmija listi, għandu jiġi osservat li, fid-dawl tal-motivi tal-annullament tad-deċiżjoni li tirrigwarda l-ewwel inklużjoni ta’ dan l-isem f’dawn il-listi permezz tas-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Kaddour I (T‑654/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:947), xejn ma kien jipprekludi lill-Kunsill milli jwettaq tali inklużjoni mill-ġdid għall-istess motivi, sakemm din l-inklużjoni mill-ġdid tkun ġiet ibbażata fuq provi differenti minn dawk li l-Qorti Ġenerali qieset bħala insuffiċjenti sabiex jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-miżuri kontenzjużi għar-rikorrent. Dan l-argument għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud.

58      Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li t-tieni lment tal-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal rimedju effettiv u tal-prinċipji ta’ awtorità ta’ res judicata u ta’ ċertezza legali

59      Ir-rikorrent isostni, minn naħa, li l-Kunsill kiser id-dritt tiegħu għal rimedju effettiv minħabba l-inklużjoni mill-ġdid ta’ ismu fil-listi inkwistjoni wara li l-Qorti Ġenerali kienet annullat l-inklużjoni inizjali tal-imsemmi isem fl-imsemmija listi. Fil-fehma tiegħu, din l-inklużjoni mill-ġdid iċċaħħad lir-rikors, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Kaddour I (T‑654/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:947), minn “kull valur fil-prattika”.

60      Ir-rikorrent isostni, min-naħa l-oħra, li l-Kunsill kiser il-prinċipji ta’ awtorità ta’ res judicata u ta’ ċertezza legali meta inkluda mill-ġdid ismu fil-listi inkwistjoni wara li l-Qorti Ġenerali kienet annullat l-inklużjoni inizjali tal-imsemmi isem fl-imsemmija listi.

61      Il-Kunsill jirrifjuta l-argumenti tar-rikorrent.

62      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li ġie stabbilit permezz tal-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, (iktar ’il quddiem, il-“KEDB”) kif ukoll permezz tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (sentenza tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen vs Il-Kunsill, T‑439/10 u T‑440/10, EU:T:2012:142, punt 87).

63      Qabel kollox, għandu jiġi nnotat li l-argumenti tar-rikorrent rigward il-fatt li l-Kunsill inkluda mill-ġdid ismu fil-listi inkwistjoni wara l-annullament tal-inklużjoni inizjali tal-imsemmi isem diġà ġew miċħuda fil-punti 43 u 44 iktar ’il fuq.

64      Imbagħad, fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li r-rikors fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Kaddour I (T‑654/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:947) ġie mċaħħad minn “kull valur fil-prattika”, għandu jitqies li d-deċiżjoni ta’ inklużjoni mill-ġdid u ta’ żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni ma tippreġudikax l-effettività tar-rikors li ta lok għall-imsemmija sentenza. Fil-fatt, din is-sentenza kellha bħala konsegwenza t-tneħħija, b’mod retroattiv, tal-imsemmi isem mill-imsemmija listi. Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 93 tal-imsemmija sentenza, il-Kunsill, fil-kuntest ta’ eżami mill-ġdid, kellu l-possibbiltà li jerġa’ jinkludi dan l-isem f’dawn il-listi abbażi ta’ motivi sostnuti b’mod suffiċjenti fid-dritt.

65      Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent għamel użu mid-dritt tiegħu li jippreżenta dan ir-rikors kontra l-atti kkontestati quddiem il-qorti tal-Unjoni taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 moqri flimkien mar-raba’ u s-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għaldaqstant, ir-rikorrent ma jistax jinvoka ksur tad-dritt tiegħu għal rimedju effettiv.

66      Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrent rigward il-ksur tad-dritt għal rimedju effettiv għandhom jiġu miċħuda.

67      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, is-sentenzi ta’ annullament mogħtija mill-qrati tal-Unjoni għandhom l-awtorità assoluta ta’ res judicata b’effett minn meta jsiru definittivi. Din tkopri mhux biss id-dispożittiv tas-sentenza ta’ annullament, iżda wkoll il-motivi li wasslu għal dan u li jikkostitwixxu l-bażi neċessarja tiegħu, fis-sens li huma indispensabbli sabiex jiġi stabbilit is-sens eżatt ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2000, Industrie des poudres sphériques vs Il-Kunsill, C‑458/98 P, EU:C:2000:531, punt 81; ara wkoll f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2009, ThyssenKrupp Stainless vs Il-Kummissjoni, T‑24/07, EU:T:2009:236, punti 113 u 140). Meta, wara sentenza li tannulla, l-awtur tal-att annullat jadotta wieħed ġdid, huwa għandu josserva mhux biss id-dispożittiv tas-sentenza, iżda wkoll il-motivi li wasslu għal dan u li jikkostitwixxu l-bażi neċessarja tiegħu, billi jiżgura ruħu għalhekk li dan l-att ġdid ma jkunx ivvizzjat bl-istess irregolaritajiet bħala dawk identifikati fis-sentenza ta’ annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Settembru 2014, Éditions Odile Jacob vs Il-Kummissjoni, T‑471/11, EU:T:2014:739, punt 56 u tas-6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il-Kummissjoni, C‑41/00 P, EU:C:2003:125, punti 29 u 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      L-awtorità ta’ res judicata ta’ sentenza hija marbuta, madankollu, biss mal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li ġew effettivament jew neċessarjament deċiżi (sentenza tad-19 ta’ Frar 1991, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑281/89, EU:C:1991:59, punt 14). B’dan il-mod, l-Artikolu 266 TFUE jobbliga lill-istituzzjoni awtriċi tal-att annullat biss fil-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament. Barra minn hekk, l-awtur tal-att jista’ jinvoka, fid-deċiżjoni l-ġdida tiegħu, motivi differenti minn dawk li fuqhom kien ibbaża l-ewwel deċiżjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2003, Interporc vs Il-Kummissjoni, C‑41/00 P, EU:C:2003:125, punti 30 sa 32).

69      F’dan il-każ, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill kiser il-prinċipji ta’ awtorità ta’ res judicata u ta’ ċertezza legali meta inkluda mill-ġdid ismu fil-listi inkwistjoni, meta l-Qorti Ġenerali kienet annullat l-inklużjoni inizjali tal-imsemmi isem fl-imsemmija listi. Madankollu, biżżejjed jitfakkar li l-fatt li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fis-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Kaddour I (T‑654/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:947), li l-Kunsill ma kienx sostna b’mod suffiċjenti fid-dritt il-kriterji li abbażi tagħhom l-imsemmija inklużjoni inizjali kienet ġiet adottata ma għandux effett rigward il-validità tad-deċiżjonijiet ta’ inklużjoni mill-ġdid u ta’ żamma posterjuri ta’ dan l-isem f’dawn il-listi li huma bbażati fuq kriterji u provi differenti. Fil-fatt, bil-kontra ta’ dak li jallega r-rikorrent, sabiex jiġġustifika dawn id-deċiżjonijiet imsemmija l-aħħar, il-Kunsill jinvoka, fl-atti kkontestati, bażi oħra, jiġifieri dik tan-negozjant ta’ influwenza li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja kif ukoll dik tal-assoċjazzjoni tiegħu mar-reġim Sirjan.

70      Barra minn hekk, fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali allegat mir-rikorrent, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, dan il-prinċipju jimplika li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tkun ċerta u li l-applikazzjoni tagħha tkun prevedibbli għall-individwi (ara s-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2006, Belgique u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416, punt 69, u tal-14 ta’ Ottubru 2010, Nuova Agricast u Cofra vs Il-Kummissjoni, C‑67/09 P, EU:C:2010:607, punt 77).

71      F’dan il-każ, għandu jitfakkar mill-ġdid li l-Kunsill seta’, wara s-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Kaddour I (T‑654/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:947), jiddeċiedi li jinkludi mill-ġdid isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni. Fil-fatt, il-Kunsill jista’, skont l-Artikolu 266 TFUE, jirrimedja l-irregolaritajiet ikkonstatati fis-sentenza ta’ annullament billi jadotta, wara eżami mill-ġdid, deċiżjoni ġdida ta’ inklużjoni abbażi ta’ motivi sostnuti b’mod suffiċjenti fid-dritt. Il-Qorti Ġenerali, barra minn hekk, żammet l-effetti tad-deċiżjoni u tar-regolament li permezz tagħhom isem ir-rikorrent kien ġie inkluż inizjalment fl-imsemmija listi sal-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ appell sabiex tippermetti lill-Kunsill jirrimedja fi żmien xieraq l-irregolaritajiet ikkonstatati fis-sentenza inkwistjoni u sabiex jiġi evitat li tiġi ppreġudikata l-effettività tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi li jistgħu, fil-ġejjieni, jiġu adottati fir-rigward tar-rikorrent (sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Kaddour I, T‑654/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:947, punti 92 u 93).

72      Minkejja li l-Kunsill ma ppreżentax appell mis-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Kaddour I (T‑654/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:947), u ma ħax l-opportunità offruta mill-Qorti Ġenerali li jinkludi mill-ġdid isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni fit-terminu għall-preżentata ta’ appell, li kien jiskadi fit-23 ta’ Jannar 2015, dawn iċ-ċirkustanzi ma setgħux joħolqu fir-rikorrent it-tama li ismu ma jiġix inkluż mill-ġdid fl-imsemmija listi. Fil-fatt, minn naħa, l-assenza ta’ appell ippreżentat kontra l-imsemmija sentenza ma setgħet bl-ebda mod tiġi interpretata bħala rinunzja min-naħa tal-Kunsill li jinkludi mill-ġdid isem ir-rikorrent f’dawn il-listi, sa fejn il-Qorti Ġenerali kienet indikat b’mod espliċitu li kien dan tal-aħħar li kellu jiddeċiedi dwar il-miżuri għall-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, li setgħu jikkonsistu f’inklużjoni mill-ġdid abbażi ta’ motivi sostnuti b’mod suffiċjenti fid-dritt. Min-naħa l-oħra, iż-żamma tal-effetti tal-ewwel inklużjoni sal-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ appell kienet intiża biss sabiex jiġi evitat li r-rikorrent jittrasferixxi l-fondi tiegħu barra mill-Unjoni qabel ma l-Kunsill ikun jista’ jirrimedja l-irregolaritajiet ikkonstatati fl-imsemmija sentenza. L-ebda obbligu ma ġie madankollu impost fuq il-Kunsill sabiex jipproċedi bl-inklużjoni mill-ġdid ta’ isem ir-rikorrent f’dan it-terminu, li jista’, f’ċerti ċirkustanzi, jirriżulta insuffiċjenti sabiex il-Kunsill ikun jista’ jwettaq verifiki u jirrimedja l-imsemmija irregolaritajiet, b’mod partikolari meta dan jimplika l-ġbir ta’ provi addizzjonali, bħal f’dan il-każ.

73      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill ma jistax jiġi kkritikat li kiser il-prinċipji ta’ awtorità ta’ res judicata u ta’ ċertezza legali.

74      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, it-tielet ilment tal-ewwel motiv kif ukoll l-ewwel motiv kollu kemm hu għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 266 TFUE

75      Ir-rikorrent isostni li, skont l-Artikolu 266 TFUE, il-Kunsill kellu jikkoreġi l-iżbalji identifikati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Kaddour I (T‑654/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:947), jew iħassar ismu mil-listi inkwistjoni. Madankollu, fil-fehma tiegħu, il-Kunsill dar ma’ din is-sentenza billi inkluda mill-ġdid ismu fl-imsemmija listi abbażi tal-istess kriterji legali, motivi u provi bħal dawk użati għall-inklużjoni inizjali tal-imsemmi isem f’dawn il-listi. Huwa jsostni li l-Kunsill ma ħax il-miżuri neċessarji sabiex jirrimedja l-irregolaritajiet ikkonstatati mill-Qorti Ġenerali fl-imsemmija inklużjoni inizjali skont l-Artikolu 266 TFUE.

76      Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

77      Skont l-Artikolu 266 TFUE, l-istituzzjoni li l-att tagħha ġie annullat għandha tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament.

78      Wara l-annullament parzjali tar-Regolament Nru 36/2012, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 363/2013 u tad-Deċiżjoni 2013/255, kien il-Kunsill li kellu jipproċedi, abbażi tal-Artikolu 266 TFUE, b’eżami mill-ġdid tal-fatti sabiex jevalwa jekk kellux jiġi inkluż mill-ġdid l-imsemmi isem fl-imsemmija listi, abbażi ta’ motivi ġodda sostnuti b’mod suffiċjenti fid-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2015, Iranian Offshore Engineering & Construction vs Il-Kunsill, T‑95/14, EU:T:2015:433, punt 63 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      Għandu jitfakkar, qabel kollox, li, fis-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Kaddour I (T‑654/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:947), il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kunsill ma kienx stabbilixxa li r-rikorrent kellu rabta professjonali ma’ Maher Al‑Assad u lanqas li kien jagħti appoġġ finanzjarju lir-reġim Sirjan u, konsegwentement, hija annullat ir-Regolament Nru 36/2012, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 363/2013 u d-Deċiżjoni 2013/255, b’effett mit-23 ta’ Jannar 2015 sa fejn kienu jikkonċernaw lir-rikorrent.

80      Għandu jitqies, imbagħad, li t-tieni motiv huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 266 TFUE. Fil-fatt, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-irtirar ta’ isem ir-rikorrent mil-listi inkwistjoni huwa l-konsegwenza tas-sentenza ta’ annullament, skont liema l-atti annullati huma eliminati b’mod retroattiv mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 78 iktar ’il fuq, l-imsemmi artikolu ma jipprekludix il-possibbiltà għall-Kunsill li jinkludi mill-ġdid isem ir-rikorrent f’dawn il-listi għal motivi differenti minn dawk li fuqhom kienet ibbażata l-inklużjoni inizjali ta’ dan l-isem fl-istess listi.

81      Għalhekk, wara s-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Kaddour I (T‑654/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:947), il-Kunsill seta’ validament jiddeċiedi li jinkludi mill-ġdid isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni kif jirriżulta mill-punti 72 u 73 iktar ’il fuq. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali indikat, fil-punt 93 ta’ din is-sentenza, li l-Kunsill seta’ jirrimedja l-ksur ikkonstatat fis-sentenza ta’ annullament billi jadotta miżuri ġodda restrittivi fir-rigward tar-rikorrent. Il-Qorti Ġenerali, barra minn hekk, żammet l-effetti tal-inklużjoni inizjali tal-imsemmi isem fl-imsemmija lista sal-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ appell sabiex tippermetti lill-Kunsill jirrimedja fi żmien xieraq l-irregolaritajiet ikkonstatati fis-sentenza inkwistjoni u sabiex jiġi evitat li tiġi ppreġudikata l-effettività tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi li jistgħu, fil-ġejjieni, jiġu adottati fir-rigward tar-rikorrent.

82      Fl-atti kkontestati, li jżommu isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni, il-Kunsill applika kriterji differenti u bbaża ruħu fuq motivi ugwalment differenti. Fil-fatt, minn naħa, l-espożizzjoni tal-motivi tad-deċiżjoni ta’ żamma hija bbażata fuq il-kriterju dwar l-assoċjazzjoni, il-benefiċċju u l-appoġġ lir-reġim Sirjan skont l-Artikolu 28(1) tad-Deċiżjoni 2013/255 u skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 36/2012 kif ukoll fuq il-kriterju ta’ negozjant ta’ influwenza li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja, imsemmi fl-Artikolu 27(2), u fl-Artikolu 28(2)(a) tad-Deċiżjoni 2013/255 u fl-Artikolu 15(1a)(a) tar-Regolament Nru 36/2012. Min-naħa l-oħra, il-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni ta’ żamma, jiġifieri ta’ “negozjant ta’ influwenza li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja, b’interessi u/jew attivitajiet fis-setturi tat-telekomunikazzjoni, iż-żejt u l-industrija tal-plastik u relazzjonijiet ta’ negozju mill-qrib ma’ Maher Al-Assad”, peress li ma jidhrux fir-Regolament Nru 36/2012, fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 363/2013 u fid-Deċiżjoni 2013/255, sa fejn kienu jikkonċernawh, b’effett fit-23 ta’ Jannar 2015, ma ġewx suġġetti għall-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Kaddour I (T‑654/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:947).

83      F’kull każ, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 93 tas-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Kaddour I (T‑654/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:947), il-Kunsill, fil-kuntest ta’ eżami mill-ġdid, għandu l-possibbiltà li jinkludi mill-ġdid isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni abbażi ta’ motivi sostnuti b’mod suffiċjenti fid-dritt. Għaldaqstant, deċiżjoni ta’ żamma ta’ isem ir-rikorrent fl-imsemmija listi adottata abbażi tal-istess motivi bħal dawk użati fl-ewwel inklużjoni tista’ tkun suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-imsemmija inklużjoni sakemm il-provi miġjuba mill-Kunsill isostnu b’mod suffiċjenti fid-dritt l-imsemmija motivi.

84      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent fis-sens li l-allegazzjonijiet il-ġodda tal-Kunsill huma bbażati fuq fatti, provi jew ċirkustanzi li ġew iddikjarati insuffiċjenti mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Kaddour I (T‑654/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:947), għandu jiġi kkonstatat li din il-kwistjoni taqa’ pjuttost taħt il-fondatezza tal-motivi stabbiliti kontra r-rikorrent u, għaldaqstant, taħt il-legalità fuq il-mertu tal-att kontenzjuż. Dan l-argument għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud bħala ineffettiv sa fejn huwa mqajjem insostenn tat-tieni motiv.

85      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

86      Ir-rikorrent isostni, qabel kollox, li l-Kunsill żamm l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni billi bbaża ruħu fuq l-istess allegazzjonijiet bħal dawk li ġġustifikaw l-inklużjoni inizjali ta’ ismu f’dawn il-listi, jiġifieri, l-appoġġ finanzjarju li huwa jagħti lir-reġim Sirjan (ara l-punt 5 iktar ’il fuq). Huwa jsostni, imbagħad, li l-Kunsill ma ġabx provi li juru l-fondatezza tal-motivi taż-żamma tal-imsemmija inklużjoni. Huwa jikkontesta, fl-aħħar nett, li huwa negozjant ta’ influwenza fis-Sirja.

87      Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

88      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali teħtieġ b’mod partikolari li, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tal-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni li jiġi inkluż jew li jinżamm l-isem ta’ persuna partikolari fil-listi ta’ persuni suġġetti għal sanzjonijiet, il-qorti tal-Unjoni tiżgura li din id-deċiżjoni tkun ibbażata fuq bażi fattwali suffiċjentement solida. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li fuqhom hija bbażata l-imsemmija deċiżjoni, b’tali mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tal-kredibbiltà astratta tal-motivi invokati, iżda jkun jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk dawn il-motivi jew, minn tal-inqas, wieħed minnhom li jitqies li huwa suffiċjenti fih innifsu sabiex isostni din l-istess deċiżjoni, humiex sostnuti (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 119).

89      Hija l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha, fil-każ ta’ kontestazzjoni, tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi mqajma kontra l-persuna kkonċernata u mhux din tal-aħħar li għandha tippreżenta prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza tal-imsemmija motivi. Huwa importanti li l-informazzjoni jew il-provi prodotti mill-awtorità inkwistjoni jsostnu l-motivi użati kontra l-persuna kkonċernata. Jekk dawn l-elementi ma jippermettux li tiġi kkonstatata l-fondatezza ta’ motiv, il-qorti tal-Unjoni għandha teskludi dan tal-aħħar inkwantu sostenn għad-deċiżjoni ta’ inklużjoni jew ta’ żamma tal-inklużjoni inkwistjoni (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 121 sa 123).

90      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-motivi ta’ inklużjoni għandha ssir billi jiġu eżaminati l-provi mhux b’mod iżolat, iżda fil-kuntest li huma jinsabu fih (sentenzi tal-21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il-Kunsill, C‑630/13 P, EU:C:2015:247, punt 51, u tal-21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il-Kunsill, C‑605/13 P, EU:C:2015:248, punt 50).

91      Barra minn hekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, il-Kunsill jissodisfa l-oneru tal-prova impost fuqu jekk jippreżenta quddiem il-qorti tal-Unjoni sensiela ta’ indizji suffiċjentament konkreti, preċiżi u konsistenti li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti bejn il-persuna suġġetta għal miżura ta’ ffriżar tal-fondi tagħha u r-reġim li kontrih tkun qiegħda tittieħed azzjoni (sentenza tal-21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il-Kunsill, C‑630/13 P, EU:C:2015:247, punt 53).

92      F’dan il-każ, għandu jitfakkar li ż-żamma tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni hija bbażata fuq żewġ motivi distinti, jiġifieri, minn naħa, fuq il-kundizzjoni tiegħu ta’ negozjant ta’ influwenza (kriterju ta’ negozjant ta’ influwenza li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja) u min-naħa l-oħra, fuq ir-relazzjonijiet ta’ negozju mill-qrib ma’ Maher Al-Assad (kriterju ta’ assoċjazzjoni mar-reġim). Minn dan jirriżulta li, minħabba l-attivitajiet kummerċjali tiegħu, ir-rikorrent jikseb vantaġġ, skont l-atti kkontestati, mir-reġim Sirjan u jappoġjah (kriterju ta’ assoċjazzjoni u ta’ vantaġġ miksub mir-reġim).

93      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, kif tfakkar fil-punti 35 u 36 iktar ’il fuq, il-fatt li wieħed ikun negozjant ta’ influwenza li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja jikkostitwixxi, skont l-Artikolu 27(2) u skont l-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata, l-aħħar, permezz tad-Deċiżjoni 2015/1836, wieħed mill-kriterji ġuridiċi sabiex jiġu applikati l-miżuri restrittivi, u għaldaqstant, għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni.

94      Huwa minnu li, skont l-Artikolu 27(3) u l-Artikolu 28(3) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif applikabbli f’dan il-każ, l-ismijiet ta’ negozjanti nisa u ta’ rġiel ta’ influwenza li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fis-Sirja ma humiex inklużi jew miżmuma fil-lista inkwistjoni jekk ikun hemm informazzjoni suffiċjenti li tindika li dawn il-membri ma humiex, jew ma għadhomx, marbuta mar-reġim Sirjan jew li huma ma jeżerċitaw l-ebda influwenza fuqu jew li huma ma humiex assoċjati ma’ riskju reali ta’ evitar.

95      Ir-rikorrent isostni, fl-ewwel lok, li l-Kunsill żbalja meta żamm l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni billi bbaża ruħu fuq l-istess motivi bħala dawk li ġġustifikaw l-inklużjoni inizjali tal-imsemmi isem fl-imsemmija listi, jiġifieri, il-fatt li kien soċju ma’ Maher Al Assad u l-appoġġ finanzjarju tiegħu lir-reġim Sirjan.

96      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-punti 82 u 83 iktar ’il fuq, il-motivi għaż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni ma jikkorrispondux għall-motivi tal-inklużjoni inizjali tal-imsemmi isem fl-imsemmija listi. Fil-fatt, il-motivi “negozjant ta’ influwenza li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja, b’interessi u/jew attivitajiet fis-setturi tat-telekomunikazzjoni, iż-żejt u l-industrija tal-plastik u relazzjonijiet ta’ negozju mill-qrib ma’ Maher Al-Assad”, huma differenti minn dawk li fuqhom ġiet ibbażata l-imsemmija inklużjoni inizjali. B’dan il-mod, mhux biss il-kriterji ta’ inklużjoni f’dawn il-listi, iżda, ukoll, il-motivi użati mill-Kunsill kontrih ġew emendati bejn, minn naħa, din l-inklużjoni inizjali u, min-naħa l-oħra, l-inklużjoni mill-ġdid kif ukoll iż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni.

97      F’kull każ, għandu jitfakkar li deċiżjoni ta’ żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni adottata abbażi tal-istess motivi bħal dawk użati fl-ewwel inklużjoni tista’ tkun suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-imsemmija inklużjoni sakemm il-provi miġjuba mill-Kunsill isostnu b’mod suffiċjenti fid-dritt l-imsemmija motivi (ara b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Kaddour I, T‑654/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:947, punt 93).

98      Għaldaqstant għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrent li l-Kunsill żamm, b’mod żbaljat, l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni billi bbaża ruħu fuq l-istess motivi bħala dawk li ġġustifikaw l-inklużjoni inizjali tal-imsemmi isem fl-imsemmija listi.

99      Ir-rikorrent isostni, fit-tieni lok, li l-Kunsill ma ġabx provi ġodda jew tali li juru l-fondatezza tal-motivi għall-inklużjoni ta’ ismu fl-imsemmija listi, b’mod partikolari l-assoċjazzjoni tiegħu ma’ Maher Al‑Assad u l-appoġġ tiegħu lir-reġim Sirjan.

100    B’mod preliminari, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali, fis-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2016, Kaddour II (T‑155/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:628), qieset li l-inklużjoni mill-ġdid ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni kienet iġġustifikata bil-fatt li l-Kunsill kien ippreżenta sensiela ta’ indizji preċiżi u konsistenti li jistgħu juru li r-rikorrent kien żamm irbit ma’ ċerti figuri ewlenin tar-reġim Sirjan, bħal Maher Al‑Assad.

101    Barra minn hekk, f’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-Kunsill ta lir-rappreżentanti tar-rikorrent, sabiex jiġġustifika ż-żamma ta’ isem dan fil-listi inkwistjoni, id-dokument COREU tal-20 ta’ Mejju 2016 bir-referenza PESK/0049/16 – ST 9478/16 u d-dokumenti bir-referenza 430/16 sa 435/16 RELEX. Dawn huma diversi dokumenti, li jinkludu informazzjoni aċċessibbli pubblikament, intiżi sabiex jippreċiżaw, skont il-Kunsill, il-kuntest ġenerali u personali li jirrigwarda lir-rikorrent. B’mod partikolari, id-dokument COREU tal-20 ta’ Mejju 2016 jinkludi spjegazzjoni tal-motivi l-ġodda użati kontra r-rikorrent kif ukoll informazzjoni prodotta insostenn ta’ din il-motivazzjoni. Din l-informazzjoni hija, b’mod partikolari, links lejn siti internet tal-Washington Institute, tal-Jamestown Foundation, tal-WorldCrunch, ta’ The New York Sun, Lebanon Wire, Middle East Transparent, ta’ Recherches sur le terrorisme, ta’ Shabab Kurd, Ya Libnan u tas-Syrian Democratic Union Organization li jippubblikaw artikli rigward ir-rikorrent. Fir-rigward tad-dokumenti bir-referenza 430/16 sa 435/16 RELEX, huma jinkludu artikli tal-istampa ġodda ċċitati fid-dokument COREU tal-20 ta’ Mejju 2016 u ppubblikati fuq is-siti internet ta’ Shabab Kurd, Ya Libnan, Writtingcompany, WorldCrunch u tas-Syrian Democratic Union Organization kif ukoll rapport ta’ solvenza ta’ kumpannija ta’ trasport ta’ karozzi u ta’ vannijiet, prodott f’Diċembru tal-2015 minn Orbis.

102    Għandu jiġi osservat li d-dokumenti inkwistjoni jagħtu, bil-kontra ta’ dak li jsostni r-rikorrent, informazzjoni distinta, li ġejja minn sorsi miftuħa u pubbliċi varji u differenti minn dawk li l-Qorti Ġenerali kienet ikkunsidrat fis-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2016, Kaddour II (T‑155/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:628), bħala li jikkostitwixxu sensiela ta’ indizji li jippermettu li tiġi ġġustifikata l-inklużjoni mill-ġdid ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni. L-uniku xebh bejn l-imsemmija dokumenti u d-dokumentazzjoni mogħtija mill-Kunsill sabiex isostni l-imsemmija inklużjoni mill-ġdid huwa li din l-informazzjoni tikkoinċidi dwar il-fatt li r-rikorrent jagħmel parti mill-qalba tal-klassi ekonomika ta’ tmexxija fis-Sirja minħabba t-tmexxija tan-negozju ta’ Maher Al-Assad u dwar in-natura li ma tistax tiġi miċħuda tal-irbit mar-reġim Sirjan, sa fejn huwa jeżerċita influwenza determinanti, permezz tal-attivitajiet kummerċjali u professjonali tiegħu, fuq l-ewwel ċirku ta’ mexxejja ta’ dan ir-reġim.

103    B’mod partikolari, għandu jiġi osservat dan li ġej:

–        qabel kollox, id-dokument bir-referenza 433/16 RELEX, jiġifieri artiklu ppubblikat fis-27 ta’ Marzu 2005 fuq il-blog Writtingcompany rigward il-falliment ta’ bank Libaniż jidentifika r-rikorrent bħala “maniġer tal-uffiċċju (officer manager) tal-Lt. Col. M. Maher Al-Assad”. B’mod simili, id-dokument bir-referenza 431/16 RELEX, jiġifieri artiklu ppubblikat fid-9 ta’ Frar 2013 fuq is-sit internet ta’ Ya Libnan, jinkludi l-affermazzjoni li “appartament f’Bejrut ta’ 2.5 miljun dollaru taħt il-kontroll ta’ Maher ġie ttrasferit mingħajr spejjeż lill-maniġer tal-uffiċċju ta’ dan, Khaled Kaddour”;

–        imbagħad, id-dokument bir-referenza 432/16 RELEX, jiġifieri artiklu ppubblikat fis-26 ta’ Novembru 2015 fuq is-sit internet ta’ WorldCrunch, jinkludi l-affermazzjonijiet li “[l]-grupp tal-oligarki Sirjani jinkludi wkoll lil Maher [A]l-Assad, ħu l-president, u s-sefturi tiegħu Mohamad Hamcho, Samer Debs u Khaled Kaddour” u li, “[b]i skambju għall-kontribuzzjoni tal-Istat, dawn in-negozjanti jittrasferixxu parti mill-profitti tagħhom”;

–        barra minn hekk, id-dokument bir-referenza 430/16 RELEX, jiġifieri artiklu ppubblikat fis-27 ta’ Marzu 2012 fuq is-sit internet ta’ Shabab Kurd, jirreferi għal lista tal-membri tal-“grupp ekonomiku privat ta’ Maher Al-Assad” li tiddeskrivi lir-rikorrent bħala “[d-]driegħ il-lemin ta’ Maher Al-Assad”. F’dan l-artiklu, huwa indikat ukoll li r-rikorrent “għandu fabbrika tal-plastik u impriża speċjalizzata fl-għoti ta’ kuntratti barranin għall-armata”;

–        barra minn hekk, id-dokument bir-referenza 434/16 RELEX, jiġifieri artiklu ppubblikat fit-3 ta’ Ġunju 2015 fuq is-sit internet tas-Syrian Democratic Union Organization, li huwa intitolat “Il-mafja Sirjana l-ġdida ta’ Maher Al-Assad”, tinkludi l-affermazzjoni li, “f’dak li jirrigwarda l-korruzzjoni ta’ Maher Al-Assad barra mis-Sirja, hija kienet topera permezz ta’ Mirza Nitham Eddin u r-raġel ta’ bintha, Khaled Nasser Kaddour, li jifformaw ‘il-bord ta’ tmexxija’ għan-negozju tiegħu barra mill-pajjiż”;

–        fl-aħħar nett, id-dokument bir-referenza 435/16 RELEX jinkludi rapport ta’ solvenza prodott f’Diċembru tal-2015 minn Orbis rigward kumpannija ta’ trasport ta’ karozzi u ta’ vannijiet, li tappartjeni lil Ayman Jaber u li ġiet ikkostitwita fl-2010, li fiha r-rikorrent għandu holding kunsiderevoli, jiġifieri 40 % tal-ishma tal-imsemmija kumpannija.

104    Għaldaqstant, għandu jitqies li, bil-kontra ta’ dak li jsostni r-rikorrent, il-Kunsill ġab, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, dokumenti ġodda li rriżultaw rilevanti sabiex isostnu l-motivi għaż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni.

105    Ir-rikorrent jikkontesta, fit-tielet lok, il-korrettezza tal-informazzjoni li tinsab fid-dokumenti inkwistjoni u jsostni li dawn tal-aħħar ma għandhomx saħħa probatorja.

106    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li r-rikorrent jikkontesta l-korrettezza tal-informazzjoni li tinsab fid-dokumenti inkwistjoni, iżda ma jipprovdi l-ebda element li jista’ jsostni din il-kontestazzjoni, minbarra x-xhieda tiegħu annessa mar-rikors.

107    Imbagħad, rigward l-affidabbiltà tal-informazzjoni pprovduta mill-Kunsill, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-attività tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali hija rregolata mill-prinċipju ta’ evalwazzjoni libera tal-provi u l-uniku kriterju għall-evalwazzjoni tal-valur tal-provi prodotti jinstab fil-kredibbiltà tagħhom. Barra minn hekk, sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta’ dokument, għandu jiġi vverifikat jekk l-informazzjoni inkluża fih hijiex verosimili u għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi li fihom tħejja, id-destinatarju tiegħu, u jekk, abbażi tal-kontenut tiegħu, jidhirx li huwa raġonevoli u affidabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Shell Petroleum et vs Il-Kummissjoni, T‑343/06, EU:T:2012:478, punt 161 u l-ġurisprudenza ċċitata).

108    Għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-punt 101 iktar ’il fuq, kull sors ta’ informazzjoni numerika, aċċessibbli pubblikament, tagħti informazzjoni differenti u li dawn is-sorsi kollha huma konsistenti, essenzjalment, fil-fatt li jindikaw lir-rikorrent bħala membru tal-qalba tal-klassi ekonomika ta’ tmexxija fis-Sirja minħabba l-attivitajiet kummerċjali tiegħu u t-tmexxija tiegħu tan-negozju ta’ Maher Al-Assad, li jibbenefika b’dan il-mod mir-reġim Sirjan, b’mod partikolari fil-kuntest attwali ta’ gwerra ċivili. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li din id-dokumentazzjoni ġiet ippubblikata f’diversi dati u saħansitra, fir-rigward ta’ ċerti artikli, qabel il-bidu tal-kriżi Sirjana, u li, diġà f’dan l-istadju, ir-rikorrent kien meqjus bħala soċju ta’ Maher Al-Assad.

109    Fl-aħħar nett, din id-dokumentazzjoni mhux biss ikkorroborat l-informazzjoni kkunsidrata mill-Qorti Ġenerali, fis-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2016, Kaddour II (T‑155/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:628), bħala preċiża u konsistenti, li tista’ turi li r-rikorrenti żamm irbit ma’ ċerti figuri ewlenin tar-reġim Sirjan bħal Maher Al‑Assad, iżda wkoll ipprovdiet informazzjoni ġdida u iktar attwali, li tista’ tiġġustifika ż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni.

110    Fil-fatt, b’mod partikolari, id-dokument bir-referenza 430/16 RELEX, jiġifieri artiklu ppubblikat fis-27 ta’ Marzu 2012 fuq is-sit internet ta’ Shabab Kurd, jiddeskrivi ċerti attivitajiet kummerċjali tar-rikorrent, b’mod partikolari, il-fatt li huwa proprjetarju ta’ “fabbrika tal-plastik u impriża speċjalizzata fl-għoti ta’ kuntratti barranin għall-armata”. Barra minn hekk, id-dokument bir-referenza 434/16 RELEX, jiġifieri artiklu ppubblikat fit-3 ta’ Ġunju 2015 fuq is-sit internet tas-Syrian Democratic Union Organization juri r-relazzjoni ta’ negozju u r-rabta ta’ familja tar-rikorrent ma’ Mirza Nitham Eddin, jiġifieri li r-rikorrent huwa ħu l-konjuġi ta’ din tal-aħħar, relazzjoni li hija barra minn dan irrikonoxxuta mir-rikorrent innifsu fir-rikors. Barra minn hekk, f’dan l-aħħar artiklu, huwa indikat li r-rikorrent huwa l-mexxej tan-negozju barra mill-pajjiż ta’ Maher Al-Assad. Minbarra dan, id-dokument bir-referenza 435/16 RELEX, jiġifieri r-rapport ta’ solvenza mwettaq f’Diċembru tal-2015 minn Orbis, jenfasizza li r-rikorrent għandu holding kunsiderevoli f’kumpannija ta’ trasport ta’ karozzi u ta’ vannijiet li tappartjeni lil A. Jaber, negozjant Sirjan li ismu huwa wkoll inkluż fil-listi inkwistjoni, li ma ġiex ikkontestat mis-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2016, Jaber vs Il-Kunsill (T‑154/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:629). F’dan ir-rigward, ir-rikorrent sempliċement jafferma, mingħajr ma jiċħad il-holding tiegħu u mingħajr ma jġib prova kontrarja, li din il-kumpannija qatt ma kienet attiva u qatt ma wettqet operazzjonijiet kummerċjali. Għaldaqstant, xejn ma jippermetti li tiġi kkontestata l-affidabbiltà ta’ din l-informazzjoni.

111    Għaldaqstant l-argument tar-rikorrent li jikkontesta l-korrettezza tal-informazzjoni inkluża f’dawn id-dokumenti u l-affidabbiltà ta’ dawn tal-aħħar għandu jiġi miċħud bħala infondat.

112    Ir-rikorrent jikkontesta, fir-raba’ lok, l-allegazzjonijiet tal-Kunsill rigward il-motivi għaż-żamma tal-inklużjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni, billi jibbaża ruħu fuq estratti tax-xhieda tiegħu annessa mar-rikors. Huwa jistieden ukoll lill-Qorti Ġenerali sabiex “teżamina fl-integralità tagħhom il-provi mressqa”.

113    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm it-test tar-rikors jista’ jiġi sostnut u kkompletat fir-rigward ta’ punti speċifiċi b’riferimenti għal siltiet speċifiċi minn dokumenti li jkunu annessi miegħu, riferiment globali għal dokumenti oħra, anki jekk annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa għall-assenza tal-elementi essenzjali fir-rikors. Ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors, peress li l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali (ara d-digriet tad-19 ta’ Mejju 2008, TF1 vs Il-Kummissjoni, T‑144/04, EU:T:2008:155, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2012, Arbos vs Il-Kummissjoni, T‑161/06, mhux ippubblikata, EU:T:2012:573, punt 23).

114    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ser teżamina biss l-estratti tax-xhieda tar-rikorrent li huma msemmija u analizzati b’mod espliċitu fir-rikors, peress li r-riferimenti integrali għall-imsemmi xhieda għandhom jitqiesu bħala inammissibbli.

115    Fir-rigward tal-estratti tax-xhieda tiegħu li huma msemmija u analizzati fir-rikors, ir-rikorrent jafferma, qabel kollox, li huwa la għandu relazzjoni professjonali u lanqas kummerċjali ma’ Maher Al-Assad u li huwa qatt ma appoġġja jew okkupa pożizzjoni politika fil-gvern. Huwa jsostni, sussegwentement, li l-ġid “preċedenti” tiegħu u l-interessi kummerċjali tiegħu ma jirriżultawx minn vantaġġi jew minn favuri mogħtija mir-reġim Sirjan iżda mill-inizjattivi imprenditorjali proprji tiegħu (b’mod partikolari fis-settur tat-tabakk). Huwa jikkontesta, barra minn hekk, ir-realtà tal-allegati attivitajiet tiegħu fis-setturi tat-telekomunikazzjoni, taż-żejt u tal-industrija tal-plastik. Huwa jsostni, minbarra dan, li huwa qatt ma kkonkluda kuntratti mal-gvern u ma wettaq l-ebda tip ta’ tranżazzjoni li fuqha rċieva kummissjoni. Huwa jafferma, fl-aħħar nett, li issa huwa negozjant mingħajr influwenza, għaliex l-interessi kummerċjali tiegħu nqerdu minn meta bdiet il-gwerra. Huwa jipprovdi insostenn tax-xhieda tiegħu fotokopji ta’ ritratti li huma intiżi sabiex juru l-qerda tal-fabbrika ta’ tabakk tiegħu.

116    F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jippreżenta biss ix-xhieda tiegħu u fotokopji ta’ ritratti bl-abjad u l-iswed u ta’ kwalità ħażina ta’ dak li qisu bini meqrud mingħajr ma jġib l-iċken prova li tista’ tikkontesta l-allegazzjonijiet tal-Kunsill u d-dokumentazzjoni li fuqha dan ibbaża ruħu f’dan il-każ. Fil-fatt, ir-rikorrent seta’ jippreżenta statuti, kuntratti jew dokumenti oħra li jiċċertifikaw l-attivitajiet kummerċjali jew professjonali tiegħu jew, inkella, il-waqfien ta’ kull attività. Minbarra dan, għandu jiġi osservat li din ix-xhieda, li ġejja mir-rikorrent innifsu għandha biss valur probatorju baxx.

117    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma pprovda l-ebda prova li tista’ tikkontesta l-fondatezza tal-motivi użati għaż-żamma tal-inklużjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni. Bil-kontra, huwa rrikonoxxa, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, li kien negozjant ta’ influwenza fis-Sirja qabel ma faqqgħet il-gwerra.

118    Barra minn hekk, kif ġie indikat fil-punti 101, 103, 109 u 110 iktar ’il fuq, il-Kunsill ipproduċa sensiela sħiħa ta’ dokumenti ta’ oriġini varji, li jistgħu juru li r-rikorrent kien marbut mar-reġim Sirjan eżistenti li kien jiġġustifika ż-żamma ta’ ismu fil-listi inkwistjoni.

119    Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-Kunsill ta lir-rappreżentanti tar-rikorrent, permezz tal-ittri tiegħu tat-30 ta’ Mejju u tas-26 ta’ Lulju 2016, kopja tad-dokumenti u l-informazzjoni l-ġodda (id-dokument COREU tal-20 ta’ Mejju 2016 bir-referenza PESK/0049/16 – ST 9478/16 u d-dokumenti bir-referenzi 430/16 sa 435/16 RELEX) dwar iż-żamma tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni u dwar l-emenda tal-espożizzjoni tal-motivi li fuqhom hija bbażata din l-inklużjoni (punti 25 u 27 iktar ’il fuq). Din id-dokumentazzjoni ġdida tinkludi, minn naħa, indizji ġodda u informazzjoni ġdida rigward ir-rikorrent f’dak li jirrigwarda l-indizji diġà ddikjarati fis-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2016, Kaddour II (T‑155/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:628) bħala suffiċjenti sabiex isostnu l-motivi użati mill-Kunsill sabiex jiġġustifikaw l-inklużjoni mill-ġdid tal-imsemmi isem fl-imsemmija listi (ara l-punti 101, 103 u 110 iktar ’il fuq), u, min-naħa l-oħra, informazzjoni li tikkorrobora l-indizji diġà ppreżentati mill-Kunsill waqt l-imsemmija inklużjoni mill-ġdid.

120    Barra minn hekk, il-Kunsill annetta mar-risposta artikli oħrajn tal-istampa li ġejjin minn diversi sorsi. F’dawn l-artikli, jingħad li l-elite ekonomika Sirjana kienet fil-parti l-kbira tagħha fformata minn imprendituri magħżula minn Bachar Al-Assad u l-familja estiża tiegħu u li din l-elite kompliet tistagħna billi pprofittat minn favuri tar-reġim. Għandu, għalhekk, jitqies li l-Kunsill kellu raġun jieħu inkunsiderazzjoni dawn l-elementi, mhux biex jimmotiva ex post l-atti kontenzjużi, iżda bħala indizji li jippermettu li jintwera li, fid-dawl tal-kuntest li fih ġew adottati dawn l-atti, il-motivazzjoni ta’ dawn kienet suffiċjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Il-Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 62).

121    Għaldaqstant, għandu jitqies li dawn id-dokumenti kollha jikkostitwixxu b’dan il-mod sensiela ta’ indizji fis-sens tas-sentenza tal-21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il-Kunsill (C‑630/13 P, EU:C:2015:247, punt 52), li wkoll jistgħu jiġġustifikaw iż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni.

122    Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-Kunsill ipproduċa sensiela ta’ indizji preċiżi u konsistenti, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 91 iktar ’il fuq, li jistgħu juru li r-rikorrent kien żamm irbit ma’ ċerti figuri ewlenin tar-reġim Sirjan bħal Maher Al‑Assad. Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li t-tieni motiv għaż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni huwa sostnut suffiċjentement.

123    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, fir-rigward ta’ deċiżjoni li tadotta miżuri restrittivi, fid-dawl tan-natura preventiva ta’ dawn, jekk il-qorti tal-Unjoni tqis li, mill-inqas, wieħed mill-motivi msemmija huwa suffiċjentement preċiż u konkret, li huwa sostnut u li minnu nnifsu jikkostitwixxi bażi suffiċjenti sabiex isostni din id-deċiżjoni, il-fatt li ma jistax jingħad l-istess dwar oħrajn minn dawn il-motivi ma jistax jiġġustifika l-annullament ta’ din id-deċiżjoni.(ara s-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

124    F’dan il-każ, peress li t-tieni motiv għaż-żamma tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni, jiġifieri r-relazzjonijiet ta’ negozju mill-qrib tiegħu ma’ Maher Al-Assad, ġie stabbilit ġustament mill-Kunsill u huwa bażi suffiċjenti għall-inklużjoni bis-saħħa tal-kriterju legali stabbilit permezz tal-Artikolu 28(1) tad-Deċiżjoni 2013/255 u permezz tal-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 36/2012, ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-fondatezza tal-ewwel motiv.

125    Madankollu, għandu jiġi osservat, biss għal raġunijiet ta’ kompletezza, li l-Kunsill ipproduċa wkoll indizji ġodda intiżi sabiex juru li r-rikorrent kien negozjant ta’ influwenza, b’mod partikolari, l-indizju rigward il-fatt li huwa għandu fabbrika tal-plastik u impriża speċjalizzata fl-għoti ta’ kuntratti barranin għall-armata kif ukoll l-indizju rigward is-sehem tiegħu li kien jammonta għal 40 % tal-kapital f’kumpannija ta’ trasport ta’ karozzi ma’ A. Jaber, negozjant ta’ influwenza wkoll inkluż fil-listi inkwistjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrent innifsu rrikonoxxa li kien negozjant ta’ influwenza fis-Sirja qabel ma bdiet il-gwerra fix-xhieda tiegħu mogħtija f’anness mar-rikors mingħajr ma ġab provi li jippermettu li jitqies li dan ma għadux il-każ.

126    Issa, kif jirriżulta mill-Artikolu 27(3) u mill-Artikolu 28(3) tad-Deċiżjoni 2013/255, l-ismijiet tan-negozjanti ta’ influwenza ma jiġux inklużi jew miżmuma fil-listi tal-persuni li jinsabu fl-Anness I tal-imsemmija deċiżjoni jekk teżisti informazzjoni suffiċjenti li tindika li huma ma humiex, jew ma għadhomx, marbuta mar-reġim jew li ma jeżerċitaw l-ebda influwenza fuqu jew li huma ma humiex assoċjati ma’ riskju reali ta’ evitar. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, minbarra x-xhieda tar-rikorrent li, kif ġie indikat fil-punt 116 iktar ’il fuq, ma tistax titqies bħala prova suffiċjenti, ma jirriżultax mill-proċess tal-kawża li r-rikorrent ma għadux marbut mar-reġim u, għaldaqstant, il-Kunsill ma wettaqx żball meta inkludieh fil-listi inkwistjoni abbażi tal-kriterju ta’ “negozjant ta’ influwenza” stabbilit permezz tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

127    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-miżuri previsti fl-Artikolu 27(2) u fl-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni 2015/255, kif emendata, l-aħħar, permezz tad-Deċiżjoni 20151836, “negozjanti [nisa u rġiel] ewlenin [ta’ influwenza] li joperaw fis-Sirja” kif ukoll il-“persuni assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness I”. Peress li, minn naħa, kif jirriżulta mis-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2016, Jaber vs Il-Kunsill (T‑154/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:629, punt 109), il-Kunsill kien ġab biżżejjed provi sabiex jistabbilixxi li A. Jaber kien ġie ġustament inkluż fil-listi inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-provi prodotti f’dan il-każ mill-Kunsill, ir-rikorrent huwa marbut ma’ A. Jaber, K. Kaddour jista’ jkun marbut mar-reġim, fis-sens tal-Artikolu 27(2) u tal-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni 2015/1836. Barra minn hekk, l-ebda element tal-proċess ma jista’ jikkontesta din il-konstatazzjoni. Bil-kontra, kif diġà ġie indikat, ir-rikorrent huwa marbut ma’ A. Jaber sa fejn huma t-tnejn li huma azzjonisti maġġoritarji f’ammont ta’ 40 % tal-kapital ta’ kumpannija tat-trasport.

128    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, hemm lok li jiġi miċħud it-tielet motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur ta’ drittijiet fundamentali u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

129    Ir-rikorrent isostni, minn naħa, li ż-żamma ta’ ismu fil-listi inkwistjoni, wara l-annullament tal-inklużjoni inizjali tal-imsemmi isem fl-imsemmija listi, tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tiegħu għar-rispett tar-reputazzjoni tiegħu u għall-proprjetà ggarantiti, rispettivament, permezz tal-Artikoli 7 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali kif ukoll permezz tal-Artikoli 1 u 8 tal-KEDB. Huwa jsostni, min-naħa l-oħra, li l-miżuri adottati kontrih huma sproporzjonati, għaliex, l-ewwel nett, il-Kunsill ma setax juri l-fondatezza tal-motivi invokati f’dan ir-rigward, it-tieni nett, dawn il-miżuri ma ser ikollhom l-ebda effett fuq ir-reġim Sirjan minħabba li huwa ma jagħmilx parti minn dan u ma jokkupax pożizzjoni ta’ influwenza u, it-tielet nett, l-imsemmija miżuri kkawżaw danni reali lilu u lill-familja tiegħu.

130    Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

131    F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-argument tar-rikorrent ibbażat fuq ksur tad-dritt tiegħu għall-proprjetà, għandu jiġi osservat li dan id-dritt jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u huwa stabbilit permezz tal-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ara s-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2013, Makhlouf vs Il-Kunsill, T‑383/11, EU:T:2013:431, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

132    Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt għall-proprjetà ma jgawdix, fid-dritt tal-Unjoni, minn protezzjoni assoluta. Konsegwentement, jista’ jkun hemm restrizzjonijiet fir-rigward tal-użu ta’ dan id-dritt fundamentali, bil-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Unjoni Ewropea u ma jikkostitwixxux, fid-dawl tal-għan tagħhom, intervent żmiżurat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza nnifisha tad-dritt iggarantit b’dan il-mod (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punt 121, u tal-25 ta’ Ġunju 2015, Iranian Offshore Engineering & Construction vs Il-Kunsill, T‑95/14, EU:T:2015:433, punt 59 (mhux ippubblikata)).

133    Minn dan jirriżulta li, fid-dawl tal-importanza primordjali tal-protezzjoni tal-popolazzjonijiet ċivili fis-Sirja, ir-restrizzjonijiet għad-dritt għall-proprjetà msemmija mir-rikorrent ma humiex sproporzjonati (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2013, Makhlouf vs Il-Kunsill, T‑383/11, EU:T:2013:431, punt 106), iktar u iktar għaliex id-Deċiżjoni 2013/255 u r-Regolament Nru 36/2012 jipprevedu ċerti eċċezzjonijiet li jippermettu lill-persuni u lill-entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi jiffaċċjaw l-ispejjeż essenzjali.

134    Fil-fatt, id-Deċiżjoni 2013/255 u r-Regolament Nru 36/2012 jipprevedu l-possibbiltà li jiġi awtorizzat l-użu ta’ fondi ffriżati sabiex jiġu ssodisfatti bżonnijiet essenzjali jew ċerti impenji, li jingħataw awtorizzazzjonijiet speċifiċi li jippermettu li fondi, assi finanzjarji oħra jew riżorsi ekonomiċi oħra ma jibqgħux iffriżati u li l-kompożizzjoni tal-listi tiġi rreveduta perijodikament sabiex jiġi żgurat li jitneħħew l-ismijiet tal-persuni u tal-entitajiet li ma għadhomx jissodisfaw il-kriterji meħtieġa għall-inklużjoni fil-lista kontenzjuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2013, Makhlouf vs Il-Kunsill, T‑383/11, EU:T:2013:431, punti 102 u 105).

135    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-rikorrent qatt ma semma l-bżonn li jaċċedi għall-integralità jew għal parti mill-fondi ffriżati.

136    Għalhekk, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

137    F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-argument tar-rikorrent ibbażat fuq ksur tad-dritt għar-reputazzjoni, għandu jitfakkar li dan id-dritt ma huwiex prerogattiva assoluta u li l-eżerċizzju tiegħu jista’ jkun is-suġġett ta’ restrizzjonijiet iġġustifikati minn għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Unjoni. B’dan il-mod, kull miżura restrittiva ekonomika jew finanzjarja għandha, minnha nnifisha, effetti li jolqtu r-reputazzjoni tal-persuna jew tal-entità li hija suġġetta għaliha, u b’hekk tikkawża preġudizzji lil din tal-aħħar. L-importanza tal-għanijiet segwiti permezz tal-miżuri restrittivi inkwistjoni hija madankollu tali li tiġġustifika konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, għall-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Marzu 2015, Central Bank of Iran vs Il-Kunsill, T‑563/12, EU:T:2015:187, punt 115)

138    Barra minn hekk u f’kull każ, għandu jiġi kkonstatat li, kif ġie osservat mill-Kunsill, ir-rikorrent ma ġab l-ebda prova li turi li l-miżuri adottati kontrih ikkawżaw preġudizzju lir-reputazzjoni tiegħu u, għaldaqstant, l-allegazzjonijiet tiegħu għandhom jiġu miċħuda.

139    F’dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, l-argument tar-rikorrent ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u jeżiġi li l-mezzi implimentati permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi segwiti permezz tal-leġiżlazzjoni kkonċernata u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-imsemmija għanijiet (sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punt 122; tal-25 ta’ Ġunju 2015, Iranian Offshore Engineering & Construction vs Il-Kunsill, T‑95/14, EU:T:2015:433, punt 60 (mhux ippubblikata), u tal-14 ta’ Marzu 2017, Bank Tejarat vs Il-Kunsill, T‑346/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:164, punt 149).

140    Huwa minnu li d-drittijiet tar-rikorrent huma ristretti f’ċertu miżura minħabba l-miżuri restrittivi adottati kontrih, għaliex huwa ma jistax, b’mod partikolari, jiddisponi mill-fondi tiegħu eventwalment misjuba fit-territorju tal-Unjoni, u lanqas ma jista’ jittrasferixxihom lejn l-Unjoni, ħlief bis-saħħa ta’ awatorizzazzjonijiet speċifiċi. Bl-istess mod, il-miżuri li għalihom huwa suġġett ir-rikorrent jistgħu, skont il-każ, iwasslu sabiex is-sieħba u l-klijenti tiegħu jkollhom ċertu suspett jew ċerta sfiduċja fir-rigward tiegħu.

141    Madankollu, mill-eżami tat-tielet motiv jirriżulta li l-Kunsill żamm, ġustament, isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni billi bbaża ruħu fuq ir-relazzjonijiet professjonali miżmuma ma’ figuri ewlenin tar-reġim, b’mod partikolari ma’ Maher Al-Assad. Minħabba f’hekk, ir-rikorrent għandu jitqies bħala negozjant ta’ influwenza li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja.

142    Id-deċiżjoni taż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni, sa fejn hija bbażata fuq il-kriterju rigward l-assoċjazzjoni tar-rikorrent mar-reġim Sirjan permezz tar-relazzjonijiet ta’ negozju mill-qrib tiegħu ma’ Maher Al-Assad u, għaldaqstant, permezz tal-appoġġ tiegħu lill-imsemmi reġim, hija xierqa sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess ġenerali segwit permezz tal-politika tal-miżuri restrittivi adottata mill-Kunsill, jiġifieri t-tmiem tar-repressjoni eżerċitata kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja, li swiet il-ħajja għal eluf ta’ persuni ċivili. Dan l-għan jagħmel parti mill-kuntest iktar ġenerali tal-isforzi marbuta maż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, previsti fl-Artikolu 21 tat-TUE li jirreferi għad-dispożizzjonijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, u huwa, għaldaqstant, leġittimu.

143    Fir-rigward tan-natura allegatament sproporzjonata taż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-punti 133 u 134 iktar ’il fuq, li l-Artikolu 28(6) tad-Deċiżjoni 2013/255, fil-verżjoni emendata tiegħu, jipprevedi l-possibbiltà, minn naħa, li jiġi awtorizzat l-użu ta’ fondi ffriżati sabiex jiġu ssodisfatti bżonnijiet essenzjali jew ċerti impenji u, min-naħa l-oħra, li jingħataw awtorizzazzjonijiet speċifiċi li jippermettu li fondi, assi finanzjarji oħra jew riżorsi ekonomiċi oħra ma jibqgħux iffriżati (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 364, u tal-15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punt 127).

144    Barra minn hekk, għandu jitqies li ż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni ma tistax tiġi kklassifikata bħala sproporzjonata minħabba l-allegata natura potenzjalment illimitata tagħha. Fil-fatt, din iż-żamma hija s-suġġett ta’ eżami mill-ġdid perijodiku (mill-inqas annwali) sabiex jiġi żgurat li l-persuni u l-entitajiet li ma jibqgħux jissodisfaw il-kriterji sabiex jidhru fl-imsemmija listi jitħassru minn fuqhom (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 365, u tal-15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punt 129).

145    Rigward id-danni allegati mir-rikorrent li ġew ikkawżati minħabba ż-żamma tal-inklużjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni u, skont liema, l-impriżi tiegħu ġew meqruda u ħajtu kif ukoll il-ħajja ta’ familtu hija fil-perikolu, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li r-rikorrent ma fformulax talba għal kumpens ta’ dawn id-danni fit-talbiet tiegħu.

146    F’dan ir-rigward u f’kull każ, għandu jiġi kkonstatat imbagħad li, sabiex jipprova l-eżistenza tad-danni allegati, ir-rikorrent sempliċement ippreżenta x-xhieda proprja tiegħu kif ukoll fotokopji ta’ ritratti bl-abjad u l-iswed u ta’ kwalità ħażina ta’ dak li qisu bini meqrud. Il-provi miġjuba mir-rikorrent ma humiex suffiċjenti, għalhekk, sabiex juru l-eżistenza tal-imsemmija danni.

147    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-importanza tal-għanijiet segwiti permezz tal-atti kkontestati hija tali li tiġġustifika li dawn seta’ jkollhom konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, għar-rikorrent mingħajr ma dan jaffettwa l-legalità tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill, T‑256/11, EU:T:2014:93, punt 191).

148    Minn dan jirriżulta li, fid-dawl tal-importanza primordjali taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, ir-restrizzjonijiet għad-dritt għall-proprjetà u għar-reputazzjoni tar-rikorrent eventwalment ikkawżati permezz tal-atti kkontestati huma ġġustifikati minn għan ta’ interess ġenerali u ma humiex sproporzjonati fid-dawl tal-għanijiet segwiti.

149    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, hemm lok li jiġi miċħud ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur ta’ drittijiet fundamentali u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

150    Ir-rikorrent isostni li l-Kunsill kiser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni billi ttratta ż-żamma tal-inklużjoni ta’ ismu fil-listi inkwistjoni bl-istess mod bħal dik tal-ismijiet ta’ M. Hamcho u A. Jaber fl-imsemmija listi. Huwa jsostni, f’dan ir-rigward, li l-imsemmi prinċipju jimplika mhux biss li l-kawżi simili jiġu ttrattati bl-istess mod, iżda, ukoll, li l-kawżi differenti jiġu ttrattati b’mod differenti. Fil-fehma tiegħu, minkejja li huwa minnu li huwa uża l-istess rappreżentant legali bħal M. Hamcho u A. Jaber, jibqa’ l-fatt li l-fatti li huma allegati kontrih u s-sitwazzjoni professjonali tiegħu huma kompletament differenti mill-fatti allegati kontra dawn tal-aħħar u s-sitwazzjoni professjonali tagħhom.

151    Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

152    Skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li huwa prinċipju fundamentali tad-dritt, jipprojbixxi li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod ugwali, sakemm tali differenza fit-trattament ma tkunx oġġettivament iġġustifikata (sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T‑390/08, EU:T:2009:401, punt 56).

153    F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, kif tqajjem mill-Kunsill fid-difiża tiegħu, ir-rikorrent kien is-suġġett tal-miżuri kontenzjużi wara evalwazzjoni individwali, ibbażata fuq provi konkreti. Fil-fatt, il-motivi u l-provi li l-Kunsill ibbaża ruħu fuqhom sabiex iżomm l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni huma differenti, kif ġie rrikonoxxut minn dan, mill-motivi u l-provi li fuqhom ibbażat ruħha l-imsemmija istituzzjoni sabiex iżżomm l-inklużjoni tal-ismijiet ta’ M. Hamcho u A. Jaber fl-imsemmija listi. Huwa minnu li l-ismijiet ta’ dawn it-tliet persuni ġew inklużi f’dawn il-listi minħabba l-attivitajiet kummerċjali tagħhom peress li, għalkemm l-attivitajiet tagħhom huma differenti, huma jiksbu vantaġġ mir-reġim Sirjan u jappoġjawh (kriterju tan-negozjanti ta’ influwenza li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fis-Sirja). Madankollu, xejn ma jindika li l-Kunsill ittratta s-sitwazzjoni tar-rikorrent bl-istess mod bħal dawk ta’ M. Hamcho u A. Jaber.

154    Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

155    Għalhekk, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud u, konsegwentement, ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

156    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Billi r-rikorrent tilef, huwa għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk tal-Kunsill, skont it-talbiet ta’ dan tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Khaled Kaddour huwa kkundannat għall-ispejjeż tiegħu kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Gratsias

Labucka

Ulloa Rubio

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-31 ta’ Mejju 2018.

Firem


Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Dwar l-inklużjoni inizjali ta’ isem ir-rikorrent fil-listi ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi

Dwar l-inklużjoni mill-ġdid u ż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi tal-persuni suġġetti għal miżuri restrittivi

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Fid-dritt

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter u fuq ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ awtorità ta’ res judicata kif ukoll ta’ ċertezza legali u tad-dritt għal rimedju effettiv

Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter

Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal rimedju effettiv u tal-prinċipji ta’ awtorità ta’ res judicata u ta’ ċertezza legali

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 266 TFUE

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur ta’ drittijiet fundamentali u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż