Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-22 ta’ Lulju 2022 – Mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra CJ; parti oħra: Openbaar Ministerie

(Kawża C-492/22)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank Amsterdam

Partijiet fil-kawża prinċipali

Mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra: CJ

Parti oħra fil-proċedura: Openbaar Ministerie

Domandi preliminari

L-Artikoli 12 u 24(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri 1 , moqrija flimkien mal-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jipprekludu li persuna rikjesta, li l-konsenja tagħha għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ priġunerija ġiet awtorizzata b’mod definittiv iżda ġiet posposta “sabiex tkun tista’ tinbeda proċedura kontra l-persuna kkonċernata fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni [...] għal fatt ieħor differenti minn dak imsemmi fil-mandat ta’ arrest Ewropew”, tinżamm taħt detenzjoni b’eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew matul din il-proċedura kriminali?

a. Id-deċiżjoni li tiġi eżerċitata s-setgħa li tiġi posposta l-konsenja prevista fl-Artikolu 24(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew li, taħt l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqri flimkien mal-premessa 8 ta’ din id-deċiżjoni qafas, għandha tittieħed mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni?

b. Jekk dan huwa l-każ, il-fatt li d-deċiżjoni tkun ittieħdet mingħajr l-intervent tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ifisser li l-persuna rikjesta ma tistax tibqa’ tinżamm taħt detenzjoni għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontriha?

a. L-Artikolu 24(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqri flimkien mal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jipprekludi li l-konsenja ta’ persuna rikjesta tiġi posposta għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għas-sempliċi raġuni li l-persuna rikjesta ma tixtieqx, meta ssirilha t-talba, tirrinunzja għad-dritt tagħha li tkun preżenti matul din il-proċedura kriminali?

b. Jekk dan huwa l-każ, liema fatturi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni meta tiddeċiedi jekk tipposponix il-konsenja effettiva?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45.