Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta' April 2007 - UPS Europe u UPS Deutschland vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża T-100/07)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: UPS Europe NV/SA (Brussell, Il-Belġju) u UPS Deutschland Inc. & Co. OHG (Neuss, Il-Ġermanja) (rappreżentanti: T. Ottervanger u E. Henny, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

Fid-dawl ta' l-osservazzjonijiet tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha :

tiddikjara, skond l-Artikolu 232 KE, li l-Kummissjoni naqset milli tieħu azzjoni billi ma tatx deċiżjoni dwar l-ilment tar-rikorrenti ippreżentat lill-Kummissjoni fit-22 ta' April 2004;

tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti matul il-proċedimenti;

tieħu dawk il-passi oħra li tqis li huma xierqa.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti qed jiftħu kawża taħt l-Artikoli 232 KE, fejn qed isostnu li l-Kummissjoni naqset milli tieħu deċiżjoni finali dwar l-ilment tagħhom li ġie ppreżentat inizjalment fit-22 ta' April 2004, u wara talba sabiex tittieħed azzjoni, li ġiet ippreżentata fis-27 ta' Novembru 2006, fir-rigward ta' allegat abbuż ta' pożizzjoni dominanti minn Deutsche Post taħt l-Artikolu 82 EC.

Ir-rikorrenti jsostnu li huma għandhom interess leġittimu li jressqu dan l-ilment skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1/20031 u huma direttament u individwalment ikkonċernati min-nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni. Fil-fatt, ir-rikorrent jsostnu li huma milquta mill-prezzijiet eċċessivi ta' Deutsche Post f'suq li jinsab fil-linja t'isfel, kemm bħala konsumatur kif ukoll bħala kompetitur.

Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li skond il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar kif għandhom jiġu ttrattati l-ilmenti taħt l-Artikoli 81 u 82 EC2, il-Kummissjoni għandha l-obbligu, malli tirċievi lment li l-Artikolu 82 EC jkun ġie miksur, jew li tibda proċedura kontra s-suġġett ta' l-ilment jew li tadotta deċiżjoni finali li biha tiċħad l-ilment, wara li tkun tat lill-persuna li ressqet l-ilment l-opportunità li tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha. Ir-rikorrenti jsostnu, iżda, li għalkemm issottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom fuq iċ-ċaħda preliminari ta' l-ilment fiż-żmien stipulat, il-Kummissjoni, bi ksur tad-dritt Komunitarju, ma ħaditx deċiżjoni finali.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jallegaw li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża, il-perijodu ta' bejn wieħed u ieħor tliet snin li għadda li matulu huma kienu ripetutament ħeġġew lill-Kummissjoni tieħu azzjoni huwa biżżejjed twil sabiex hija setgħet tieħu deċiżjoni finali. B'mod partikolari, il-perijodu ta' 18-il xahar li għadda minn meta r-rikorrenti ssottomettew l-osservazzjonijiet finali tagħhom, huwa, fil-fehma tar-rikorrenti, bla dubju ta' xejn raġonevoli sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tagħlaq it-tielet stadju ta' investigazzjoni.

____________

1 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Aritkoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU : 1, 04.01.2003, p. 1-25)

2 - ĠU C 101, 27.04.2004, p. 65-77