Language of document : ECLI:EU:T:2015:281

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

13 ta’ Mejju 2015 (*)

“Disinn Komunitarju — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Disinn irreġistrat li jirrappreżenta drejn għall-evakwazzjoni tal-ilma tad-doċċa — Disinn preċedenti — Raġunijiet għal invalidità — Novità — Karattru individwali — Karatteristiċi viżibbli tad-disinn preċedenti — Prodotti inkwistjoni — Artikoli 4 sa 7, 19 u Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002”

Fil-Kawża T‑15/13,

Group Nivelles, stabbilita fi Gingelom (il-Belġju), irrappreżentata minn H. Jonkhout, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn S. Bonne u A. Folliard‑Monguiral, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Easy Sanitary Solutions BV, stabbilita f’Losser (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn F. Eijsvogels, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-UASI tal-4 ta’ Ottubru 2012 (Każ R 2004/2010‑3), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn I-drain BVBA u Easy Sanitary Solutions BV,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Gratsias (Relatur), President, M. Kancheva u C. Wetter, Imħallfin,

Reġistratur: J. Weychert, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Jannar 2013,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Lulju 2013,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti, li tinkludi talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell fuq punt li ma tqajjimx fir-rikors, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Lulju 2013,

wara li rat ir-replika fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Settembru 2013,

wara li rat it-talba tal-intervenjenti, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Novembru 2014, li tirrigwarda l-irtirar mill-proċess ir-risposta ppreżentata mir-rikorrenti fit-30 ta’ Settembru 2013, l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti u tal-UASI fuq din it-talba, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fis-16 u fis-17 ta’ Diċembru 2013, rispettivament, u d-deċiżjoni tal-11 ta’ Novembru 2014 li tiċħad din it-talba,

wara li rat id-domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali lill-partijiet,

wara li rat it-talbiet għal produzzjoni ta’ dokumenti indirizzati mill-Qorti Ġenerali lir-rikorrenti u lill-intervenjenti fis-17 ta’ Novembru 2014,

wara s-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-28 ta’ Settembru 2003, l-intervenjenti, Easy Sanitary Solutions BV ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142). Minn din l-applikazzjoni kien kopert id-disinn li r-rappreżentazzjoni tiegħu hija s-segwenti:

Image not found

2        Id-disinn ikkontestat ġie rreġistrat bħala disinn Komunitarju bin-numru 000107834-0025 u ppubblikat fil-Bullettin ta’ Disinn Komunitarji Nru 19/2004 tad-9 ta’ Marzu 2014. Huwa jirrappreżenta, skont din ir-reġistrazzjoni, “sifun tad-doċċa” (shower drain)”.

3        Fil-31 ta’ Marzu 2009, ir-reġistrazzjoni tad-disinn ikkontestat iġġedded. Dan it-tiġdid kien ippubblikat fil-Bulletin ta’ Disinni Komunitarji Nru 61/2009 tat-2 ta’ April 2009.

4        Fit-3 ta’ Settembru 2009, I-drain BVBA ppreżentat talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat, konformement mal-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 6/2002. Insostenn ta’ din it-talba, hija invokat ir-raġuni ta’ invalidità msemmija fl-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002. Kif jirriżulta mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 6/2002, dawn il-kundizzjonijiet jirrigwardaw, b’mod partikolari, in-novità (fis-sens tal-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament ) u l-karattru individwali (fis-sens tal-Artikolu 6 tal-istess regolament) tad-disinn ikkonċernat, evalwati fid-data tal-iżvelar tiegħu lill-pubbliku, speċifikat konformement mal-Artikolu 7 tar-regolament inkwistjoni.

5        Insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħha, I-drain ipproduċiet, b’mod partikolari, estratti minn żewġ katalogi ta’ prodotti tal-kumpannija Blücher (iktar ’il quddiem, il-“katalogi Blücher”). Il-katalogi Blücher kienu jinkludu, b’mod partikolari, l-illustrazzjoni s-segwenti:

Image not found

6        Fit-30 ta’ Awwissu 2010, wara amalgazzjoni b’akkwist, ir-rikorrenti, Group Nivelles, assumiet id-drittijiet u l-obbligi ta’ I-drain, li ma baqgħetx teżisti bħala persuna ġuridika.

7        Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Settembru 2010, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI ddeċidiet fuq l-invalidità tad-disinn ikkontestat, u għalhekk laqgħet it-talba f’dan is-sens li kienet tressqet quddiemha minn I-drain.

8        Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni indikat li mill-argumenti ta’ I-drain kien jirriżulta b’mod ċar li t-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet ibbażata fuq l-allegata assenza ta’ novità u ta’ karattru individwali tad-disinn Komunitarju kkontestat (punt 3 tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni). Fil-fehma tagħha, dan id-disinn kien jirrappreżenta pjanċa, tank u sifun tad-doċċa, strictu sensu, u l-unika karatteristika viżibbli ta’ din id-disinn kienet il-parti ta’ fuq tal-imsemmija pjanċa (punt 15 tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni). Din il-pjanċa hija identika għal dik li tidher fiċ-ċentru tal-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 5 iktar ’il fuq u d-disinn ikkontestat ma kellux novità meta mqabbel mad-disinn li jidher f’dan id-dokument (punt 19 tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni). Barra minn hekk, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet bħala irrilevanti l-argument tal-intervenjenti li jipprovdi li l-pjanċa li tidher fin-nofs tal-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 5 iktar ’il fuq kienet użata f’ambjent differenti minn dak li fih il-prodott ikkonċernat mid-disinn ikkontestat kien intiż li jintuża. Fil-fehma tagħha, “l-użu tal-prodott li fih id-disinn huwa inkorporat ma huwiex element [tal-]apparenza [tiegħu] u konsegwentement id-differenza ma [għandhiex] impatt fuq il-paragun taż-żewġ disinni kunfliġġenti” (punt 20 tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni).

9        Fis-15 ta’ Ottubru 2010, l-intervenjenti appellat, skont l-Artikoli 55 sa 60 tar-Regolament Nru 6/2002, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

10      Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Ottubru 2012 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tielet Bord tal-Appell annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tat-23 ta’ Settembru 2010. Essenzjalment, huwa qies, kuntrarjament għad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, li d-disinn Komunitarju kkontestat kien jirrappreżenta karattru ġdid, fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002, sa fejn ma kienx identiku għall-pjanċa li tidher fiċ-ċentru tal-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 5 iktar ’il fuq, iżda kien jippreżenta, fir-rigward tagħha, differenzi li la kienu “minimi” u lanqas “diffiċli sabiex jiġu evalwati b’mod oġġettiv” u li, konsegwentement, ma setgħux jitqiesu li huma insinjifikattivi (punti 31 sa 33 tad-deċiżjoni kkontestata). Huwa rrinvija l-każ quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni “sabiex tiddeċiedi fuq it-talba għal annullament ibbażata fuq l-Artikolu 25(1)(b), moqri flimkien ma[l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 6]” tar-Regolament Nru 6/2002 (punt 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata).

 It-talbiet tal-partijiet

11      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkonferma, skont il-każ wara l-korrezzjoni tal-motivi, id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tat-23 ta’ Settembru 2010.

12      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

13      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata għal motiv differenti minn dawk invokati mir-rikorrenti;

–        tikkundanna r-rikorrenti u l-UASI għall-ispejjeż.

14      Fin-nota prevista fl-Artikolu 135(3) tar-Regoli tal-Proċedura, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali mir-rikorrenti fit-30 ta’ Settembru 2010, din tal-aħħar żammet l-istess talbiet inizjali u speċifikat li hija titlob, barra minn hekk, iċ-ċaħda tar-“rikors promotur” ippreżentat mill-intervenjenti u l-kundanna tal-“UASI [jew ta]l-intervenjenti” għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti

15      L-UASI jsostni li t-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti huwa inammissibbli. Fil-fehma tiegħu, ir-rikorrenti titlob, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali tikkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tat-23 ta’ Settembru 2010. Mill-ġurisprudenza [sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2011, El Jirari Bouzekri vs UASI – Nike International (NC NICKOL), T‑207/09, EU:T:2011:537, punti 15 sa 17, u tad-29 ta’ Frar 2012, Certmedica International u Lehning entreprise vs UASI – Lehning entreprise u Certmedica International (L112), T‑77/10 u T‑78/10, EU:T:2012:95, punt 32] jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex kompetenza sabiex tadotta sentenzi konfermattivi jew dikjaratorji. [REP. UASI punt 12]

16      L-intervenjenti, min-naħa tagħha, ma teċċepixxix espressament l-inammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti, iżda ssostni li l-Qorti Ġenerali ma kkonfermatx id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tat-23 ta’ Settembru 2010 u li, jekk il-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kkontestata, il-każ għandu jiġi rrinvijat quddiem il-Bord tal-Appell, li għandu jiddeċiedi billi jieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza ta’ annullament.

17      Dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu.

18      Qabel kollox, il-ġurisprudenza invokata mill-UASI hija irrilevanti. Fiż-żewġ sentenzi ċċitati mill-UASI, hija kwistjoni ta’ kapijiet tat-talbiet intiżi għall-konferma, mill-Qorti Ġenerali, tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell (u mhux tad-deċiżjoni tal-istanza inferjuri tal-UASI), fuq punt li fuqu din id-deċiżjoni kienet favorevoli għall-parti li ppreżentat ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali. Il-Qorti Ġenerali qieset madankollu li mill-Artikolu 65(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarju (ĠU L 78, p. 1) (li l-kontenut tiegħu huwa identiku għal dak tal-Artikolu 61(2) u (3) tar-Regolament Nru 6/2002), jirriżulta li kap tat-talbiet li permezz tiegħu rikorrent ifittex biss konferma tar-raġuni jew tal-argumenti li huwa kien ippreżenta fil-mument meta ġie ppreżentat l-appell quddiem il-Bord tal-Appell huwa inammissibbli u li dan tal-aħħar kien laqa’ favorevolment (sentenzi NC NICKOL, punt 15 iktar ’il fuq, EU:T:2011:537, punt 17, u L112, punt 15 iktar ’il fuq, EU:T:2012:95, punt 32).

19      Fil-fatt, l-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 6/2002 jipprovdi, fil-paragrafu 1, li jistgħu jiġu ppreżentati rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell, fil-paragrafu 2, li dan ir-rikors jista’ jiġi ppreżentat għal raġunijiet ta’ inkompetenza, ta’ ksur ta’ forom proċedurali, ta’ ksur tat-Trattat, tar-Regolament Nru 6/2002 u ta’ kull regola oħra ta’ dritt li jkollha x’taqsam mal-applikazzjoni tagħhom, jew ta’ użu ħażin ta’ poter, fil-paragrafu 3, li l-Qorti Ġenerali għandha l-ġurisdizzjoni li tannulla u li tibdel id-deċiżjoni kkontestata u, fl-aħħar nett, fil-paragrafu 4, li r-rikors għandu jkun miftuħ għal kull parti fil-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell affettwata b’mod negattiv bid-deċiżjoni tiegħu. Barra minn hekk, minn dan l-aħħar paragrafu jirriżulta, a contrario, li parti fil-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell ma tistax tippreżenta legalment rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni tal-imsemmi Bord tal-Appell li laqa’ t-talbiet tagħha fl-intier tagħhom.

20      F’dan il-każ, it-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrent ma huwiex intiż għall-konferma, kompleta jew parzjali, tad-deċiżjoni kkontestata, li, barra minn hekk, hija sfavorevoli għar-rikorrenti. Huwa intiż sabiex il-Qorti Ġenerali stess tieħu d-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kellu jieħu jew li seta’ jieħu, jiġifieri d-deċiżjoni li tiċħad ir-rikors quddiemha u li tikkonferma konsegwentement, id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tat-23 ta’ Settembru 2010. Fi kliem ieħor, huwa intiż għall-eżerċizzju, mill-Qorti Ġenerali, tas-setgħa ta’ tibdil tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, li hija għandha skont l-Artikolu 61(3) tar-Regolament Nru 6/2002. Tali kap tat-talbiet huwa għaldaqstant inammissibbli [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2010, Beifa Group vs UASI – Schwan-Stabilo Schwanhäußer (Strument tal-kitba) T‑148/08, Ġabra, EU:T:2010:190, punti 40 sa 44].

 Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ paġna tal-Anness A.9 tar-rikors

21      L-UASI u l-intervenjenti jsostnu li r-rikorrenti ppreżentat, fil-paġna 76 tal-Anness A.9 tar-rikors, dokument li ma kienx ippreżentat quddiem l-UASI. Huma jitolbu, għalhekk, li dan id-dokument ma jittieħidx inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali.

22      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fil-mument tal-qari tal-proċess tal-proċedimenti quddiem l-UASI, trażmess mill-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 133(3) tar-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal-aħħar, li d-dokument ippreżentat fil-paġna 76 tal-Anness A.9 tar-rikorrenti ma jinsabx fost id-dokumenti li kienu ġew ippreżentati mill-partijiet quddiem l-UASI. Ċertament, il-paġna 75 tal-imsemmi anness tinkludi kopja ta’ posta elettronika tal-5 ta’ Ottubru 2009, mibgħuta minn M.F. tal-impriża Blücher lil R.G. tal-kumpannija I-drain, li ġiet ikkomunikata mir-rikorrenti fl-Anness 4 tan-nota tal-osservazzjonijiet li hija kienet ippreżentat, fit-2 ta’ April 2010, quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. Madankollu, id-dokument ippreżentat fil-paġna 76 ta’ dan l-anness la jinsab fost l-annessi ta’ din in-nota tal-osservazzjonijiet u lanqas, b’mod iktar ġenerali, fost id-dokumenti differenti ppreżentati mill-partijiet waqt il-proċedimenti quddiem l-UASI. Barra minn hekk, waqt is-seduta, b’risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali, ir-rappreżentant tar-rikorrenti kkonferma li d-dokument ippreżentat fil-paġna 76 tal-anness inkwistjoni ma kienx waqt il-proċedimenti quddiem l-UASI.

23      Għandu jitfakkar li r-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali huwa intiż għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI fis-sens tal-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 6/2002, b’mod li l-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha.

24      Għaldaqstant għandu jiġi eskluż mid-dibattiti d-dokument ippreżentat fil-paġna 76 tal-Anness A.9 tar-rikors mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi eżaminata s-saħħa probatorja tiegħu [ara, f’dan is-sens, is-sentenza Grupo Promer Mon Graphic vs UASI – PepsiCo (Rappreżentazzjoni ta’ oġġetti promozzjonali ċirkulari) (T‑9/07, EU:T:2010:96), punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata].

 Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet tal-intervenjenti

25      Fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar it-talba tal-intervenjenti intiża għall-irtirar mill-proċess tan-nota prevista fl-Artikolu 135(3) tar-Regoli tal-Proċedura, ippreżentata mir-rikorrenti fit-30 ta’ Settembru 2013, l-UASI eċċepixxa, b’mod partikolari, l-inammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet tal-intervenjenti. Fil-fehma tiegħu, it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata magħmula mill-intervenjenti hija inammissibbli, peress li tirrigwarda deċiżjoni li tagħtiha raġuni. Insostenn tal-argument tiegħu, huwa jinvoka s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Budějovický Budvar vs UASI – Anheuser-Busch (BUD) (T‑225/06, T‑255/06, T‑257/06 u T‑309/06, Ġabra, EU:T:2008:574, punti 150 u 151).

26      Anki jekk l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li tirrigwarda t-tieni kap tat-talbiet tal-intervenjenti ma tistax tiġi invokata mill-UASI fl-osservazzjonijiet tiegħu fuq it-talba tal-intervenjenti intiża għall-irtirar mill-proċess tan-nota prevista fl-Artikolu 135(3) tar-Regoli tal-Proċedura, għandha tiġi eżaminata, peress li tirrigwarda domanda li tista’, skont il-każ, tiġi eżaminata ex officio mill-Qorti Ġenerali.

27      F’dan ir-rigward, għandu, qabel kollox, jitfakkar li, skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjenti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-istess artikolu (li tirreferi għall-partijiet fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell minbarra r-rikorrenti) tista’, fir-risposta tagħha, tifformula talbiet intiżi għall-annullament jew għall-bdil tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell fuq punt li ma jkunx tqajjem fir-rikors u tippreżenta motivi li ma jkunux tqajmu fir-rikors.

28      Sussegwentement, għandu jiġi eskluż, bħala irrilevanti, ir-riferiment għas-sentenza BUD, punt 25 iktar ’il fuq (EU:T:2008:574, punti 150 sa 151). F’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ċerti argumenti tal-intervenjenti f’din il-kawża billi rrilevat li, “jekk jitqies li l-argumenti [inkwistjoni] għandhom jinftiehmu bħala motiv awtonomu bbażat fuq l-Artikolu 134(2) tar-Regoli tal-Proċedura, għandu jiġi rrilevat li dan il-motiv huwa inkompatibbli mat-talbiet stess tal-intervenjenti […] [li] [ma talbitx] l-annullament jew il-bdil ta[d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell f’dan il-każ] skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura” (sentenza BUD, punt 25 iktar ’il fuq, EU:T:2008:574, punti 150 u 151). F’dan il-każ, l-intervenjenti titlob, preċiżament, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

29      Fir-rigward tal-argument tal-UASI, li jipprovdi li d-deċiżjoni kkontestata “tagħti raġuni” lill-intervenjenti, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell għandha titqies li laqgħet it-talbiet ta’ waħda mill-partijiet quddiem dan il-bord, meta hija tilqa’ t-talba ta’ din il-parti fuq il-bażi ta’ parti biss tal-argument ippreżentat mill-imsemmija parti, anki jekk hija ma teżaminax jew ma tiċħadx raġunijiet jew argumenti oħrajn invokati minn din l-istess parti [ara s-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2011, Völkl vs UASI – Marker Völkl (VÖLKL), T‑504/09, Ġabra, EU:T:2011:739, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Min-naħa l-oħra, deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell tal-UASI ma tilqax, fis-sens tal-Artikolu 61(4) tar-Regolament Nru 6/2002, it-talbiet ta’ parti, meta huwa jiddeċiedi fuq talba ppreżentata quddiem l-UASI minn din il-parti f’sens li huwa sfavorevoli għaliha (ara, b’analoġija, is-sentenza VÖLKL, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2011:739, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      F’dan il-każ, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kkonstatat li t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tar-rikorrenti kienet ibbażata, essenzjalment, fuq l-allegata assenza ta’ novità u ta’ karattru individwali tad-disinn Komunitarju kkontestat. Sussegwentement, huwa qies li dan id-disinn tal-aħħar kien identiku, fis-sens tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 6/2002, għal disinn preċedenti, jiġifieri dak li jirrappreżenta pjanċa li tidher fiċ-ċentru tal-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 5 iktar ’il fuq.

31      Kemm quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, fin-nota ta’ osservazzjonijiet tagħha tat-22 ta’ Ġunju 2010, ippreżentata b’risposta għall-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tat-2 ta’ April 2010 msemmija fil-punt 22 iktar ’il fuq, kif ukoll quddiem il-Bord tal-Appell (ara s-sommarju tal-argumenti tal-intervenjenti fil-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari l-parti intitolata “Teħid inkunsiderazzjoni indebitu, mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, tad-dokument D1, għall-finijiet li jiġu ddeterminati n-novità u l-karattru individwali tad-disinn ikkontestat”, paġni 9 sa 13 tad-deċiżjoni kkontestata), l-intervenjenti sostniet, b’mod partikolari, li l-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 5 iktar ’il fuq, riprodotta wkoll fil-punt 8 tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, ma kinitx tirrappreżenta sifun tad-doċċa, iżda biss gradilji li jistgħu jintużaw għad-drejns.

32      L-intervenjenti sostniet, għaldaqstant, li l-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 5 iktar ’il fuq u, b’mod iktar ġenerali, il-prodotti li jinsabu fi-katalogi Blücher kienet kompletament differenti mill-prodott ikkonċernat mid-disinn ikkontestat. Il-konsegwenza kellha tkun, skont l-intervenjenti, li ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn il-prodotti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-novità u tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat.

33      Dan l-argument ma ntlaqax mill-Bord tal-Appell. Bil-kontra, kif ġustament tirrileva l-intervenjenti, fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li “d-disinn preċedenti [kien] jikkostitwixxi sifun tad-doċċa sempliċi ħafna u rettangolari”. Għalhekk, huwa ċaħad, impliċitament, iżda b’mod ċar, l-argument tal-intervenjenti, li jgħid li kien jirrigwarda, pjuttost, gradilja ta’ drejn. Iċ-ċaħda ta’ dan l-argument neċessarjament waslet għaċ-ċaħda tal-argument tal-intervenjenti, li jipprovdi li d-disinni li jinsabu fil-katalogi Blücher ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-novità u tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat.

34      Fil-fatt, għalkemm il-Bord tal-Appell annulla, ċertament, id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li tiddeċiedi fuq l-invalidità ta’ dan id-disinn tal-aħħar minħabba assenza ta’ novità, huwa, xorta waħda, irrinvija l-każ quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni “sabiex tiddeċiedi fuq it-talba għal annullament ibbażata fuq l-Artikolu 25(1)(b), moqri flimkien ma[l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 6]” tar-Regolament Nru 6/2002, kif jirrileva mill-punt 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata. Mir-riferiment għall-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, li jikkonċerna l-karattru individwali, jirriżulta li hija d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, wara r-rinviju tal-każ quddiemha, li għandha tanalizza l-kwistjoni ta’ tali karattru tad-disinn ikkontestat. Barra minn hekk, fl-aħħar sentenza tal-punt 36 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell jirrileva espressament li dan “l-eżami ġdid għandu jibbaża fuq il-fatti, il-provi u l-argumenti prodotti quddiem il-Bord” tal-Appell, inkluż, konsegwentement, il-katalogi Blücher li l-intervenjenti riedet li jiġu esklużi minn din l-analiżi.

35      Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata tiddeċiedi fuq talba tal-intervenjenti f’sens li huwa sfavorevoli għaliha u, konsegwentement, għandu jitqies li hija ma laqgħetx it-talbiet tagħha, fis-sens tal-Artikolu 61(4) tar-Regolament Nru 6/2002. L-intervenjenti hija intitolata, għaldaqstant, titlob l-annullament tagħha, permezz tat-tieni kap tat-talbiet tagħha, u l-argumenti fis-sens kuntrarju tal-UASI għandhom jiġu miċħuda [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2009, Laytoncrest vs UASI – Erico (TRENTON), T‑171/06, Ġabra, EU:T:2009:70, punt 21 u s-sentenza VÖLKL, punt 29 iktar ’il fuq, EU:T:2011:739, punt 28].

 Fuq il-fondatezza tal-ewwel kap tat-talbiet tar-rikorrenti

36      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka motiv uniku, ibbażat fuq żball imwettaq mill-Bord tal-Appel waqt il-paragun tad-disinn ikkontestat mad-disinni preċedenti li kienu ġew invokati insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Fil-fehma tagħha, dan l-iżball wassal lill-Bord tal-Appell għall-konklużjoni żbaljata li tgħid li d-disinn ikkontestat kien ġdid fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002.

37      Għalhekk, huwa neċessarju, qabel kollox, li jiġi identifikat id-disinn preċedenti li ttieħed inkunsiderazzjoni mill-istanzi tal-UASI waqt l-analiżi tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Sussegwentement, sa fejn il-protezzjoni ta’ disinn, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 6/2002, tikkonsisti fil-protezzjoni tad-dehra ta’ prodott u, fejn, kif jirriżulta mill-premessa 12 ta’ dan ir-regolament, din il-protezzjoni ma tistax testendi għall-partijiet li ma humiex viżibbli waqt użu normali tal-prodott ikkonċernat [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2014, Biscuits Poult vs UASI – Banketbakkerij Merba (Biscuit), T‑494/12, Ġabra, EU:T:2014:757, punti 19 u 20 u s-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2014, Cezar vs UASI – Poli-Eco (Insert), T‑39/13, Ġabra, EU:T:2014:852, punti 40, 51 u 52), għandhom jiġu identifikati l-elementi viżibbli ta’ dan id-disinn preċedenti. Fl-aħħar nett, għandu jiġi vverifikat li l-paragun bejn l-elementi viżibbli tad-disinn ikkontestat u preċedenti twettaq b’mod korrett mill-Bord tal-Appell.

38      Qabel jitwettaq dan l-eżami, għandu jitfakkar, preliminarjament, li, skont l-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002, “disinn” ifisser id-dehra ta’ prodott jew parti minn prodott li tirriżulta mill-karatteristiċi, b’mod partikolari, tal-linji, tal-konfigurazzjoni, tal-kuluri, tal-għamla, tan-nisġa u/jew tal-materjali tal-prodott innifsu u/jew tal-ornamenti tiegħu.

39      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(1) tal-istess regolament, il-protezzjoni ta’ disinn minn disinn Komunitarju hija żgurata biss sa fejn dan ikun ġdid u jippreżenta karattru individwali.

40      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002, jipprovdi s-segwenti:

“1. Disinn għandu jitqies bħala ġdid jekk l-ebda disinn identiku ma jkun disponibbli għall-pubbliku:

[…]

b) fil-każ ta’ disinn Komunitarju rreġistrat, qabel id-data ta’ l-infilzar ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn li għalih ikun hemm talba għall-protezzjoni, jew, jekk ikun hemm talba dwar il-prijorità, id-data tal-prijorità.

2. Id-disinji jiġu meqjusa li jkunu identiċi jekk il-karatteristiċi tagħhom jiddifferixxu biss f’dettalji immaterjali.”

41      Għalhekk mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li żewġ disinni jitqiesu li jkunu identiċi jekk il-karatteristiċi tagħhom ikunu differenti biss f’dettalji immaterjali, jiġifieri dettalji li ma humiex perċepibbli immedjatament u li għaldaqstant ma jipproduċux differenzi, anki żgħar, bejn l-imsemmija disinni. Kuntrarjament, sabiex tiġi evalwata n-novità ta’ disinn, għandha tiġi evalwata l-eżistenza ta’ differenzi li ma humiex insinjifikattivi bejn id-disinni f’kunflitt, għalkemm huma żgħar [sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2013, Kastenholz vs UASI – Qwatchme (Kwadranti ta’ arloġġ), T‑68/11, Ġabra, EU:T:2013:298, punt 37].

42      Għandu jsir sommarju wkoll ta’ dak li ġie deċiż fid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u fid-deċiżjoni kkontestata.

43      Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni qieset, fil-punt 15 tad-deċiżjoni tagħha, li d-disinn ikkontestat jirrappreżenta “sifun tad-doċċa” (shower drain) kompost minn pjanċa, minn tank u minn sifun. Hija żiedet, f’dan ir-rigward: “It-tank u s-sifun jitwaħħlu fuq il-parti t’isfel tal-pjanċa.”

44      Billi jsir riferiment għar-rappreżentazzjoni tad-disinn ikkontestat, kif riprodott fil-punt 1 iktar ’il fuq, jista’ jiġi kkonstatat li, mix-xellug għal-lemin, l-ewwel stampa turi l-pjanċa, fil-parti t’isfel, mat-tank (li l-ilma jnixxi lejn in-naħa tiegħu) u, fiċ-ċentru ta’ dan tal-aħħar, il-konnessjoni tas-sifun; it-tieni stampa turi l-parti t’isfel tat-tank, fiċ-ċentru, mal-konnessjoni tas-sifun u, fl-aħħar nett, it-tielet stampa turi l-parti superjuri tal-pjanċa.

45      Fil-punt 16 tad-deċiżjoni tagħha, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni rrilevat li “[m]atul użu normali, jiġifieri meta d-doċċa [kienet taħdem], peress li l-pjanċa [kienet] integrata fl-art, it-tank u s-sifun ma kinux, għal din ir-raġuni, jidhru”. Fuq il-bażi ta’ din il-kunsiderazzjoni, hija kkonkludiet, fil-punt 19 tad-deċiżjoni tagħha, li “[l]-unika karatteristika viżibbli tad-disinn ikkontestat [kienet] il-parti ta’ fuq tal-pjanċa”. Peress li, fil-fehma tagħha, din il-karatteristika viżibbli tad-disinn ikkontestata kienet identika għall-“karatteristika murija fid-D1”, hija ddeċidiet fuq l-assenza ta’ novità tad-disinn ikkontestat”.

46      Fl-appell tagħha quddiem il-Bord tal-Appell, l-intervenjenti sostniet, b’mod partikolari, li l-Bord tal-Appell żbalja meta qies li l-pjanċa li tkopri kienet l-uniku element viżibbli tal-prodott ikkonċernat mid-disinn ikkontestat, wara l-installazzjoni tagħha. Fil-fehma tagħha, il-ġenb tal-pjanċa, kif ukoll il-gruvijiet ippreżentati minn naħa u minn oħra tal-pjanċa, kienu wkoll viżibbli. Għalhekk, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ma pparagunatx il-karatteristiċi rilevanti kollha tad-disinn ikkontestat mal-“karatteristiċi li jidhru fid-D1”, b’tali mod li l-konklużjoni tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, li tipprovdi li l-imsemmi disinn ma għandux novità, hija żbaljata.

47      Minn qari b’attenzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jirrileva, minkejja formulazzjoni kemxejn ambigwa, li l-argument li jipprovdi li l-parti ta’ fuq tal-pjanċa li tkopri ma kinitx l-uniku element tagħha li baqgħet viżibbli wara l-installazzjoni tad-“sifun tad-doċċa” (shower drain) ikkonċernat mid-disinn ikkontestat, kien aċċettat mill-Bord tal-Appell. Dan tal-aħħar jirrileva, fil-fatt, fil-punt 31 tal-imsemmija deċiżjoni li “d-disinn ikkontestat huwa kompost minn pjanċa li tkopri ta’ forma rettangolari, iżda wkoll minn gruvijiet laterali u minn trufijiet esterni fini tas-sifun tad-doċċa, u dawn l-elementi kollha kienu viżibbli waqt l-użu normali”.

48      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-prodott ikkonċernat mid-disinn ikkontestat huwa kompost, bħalma ġustament kienet ikkonstatat id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, minn pjanċa li tkopri, minn tank u minn konnessjoni ta’ sifun tad-doċċa. B’mod iktar partikolari, l-ilma tad-doċċa jnixxi lejn it-tank u, mis-sifun, jgħaddi fil-pajp. It-tank huwa mgħotti bil-pjanċa li tkopri, li l-karatteristika partikolari tagħha hija li hija solida, jiġifieri ma fihiex, fuq is-superfiċje tagħha, toqob li jippermettu l-ilma jnixxi lejn it-tank. It-tnixxija tal-ilma lejn it-tank issir permezz ta’ żewġ gruvijiet, min-naħa u l-oħra tal-ġnub twal tal-pjanċa.

49      Wara l-installazzjoni tas-“sifun tad-doċċa (shower drain)” ikkonċernat mid-disinn ikkontestat, jiġifieri l-integrazzjoni tiegħu fl-art tad-doċċa, hija biss il-parti ta’ fuq tal-pjanċa li hija viżibbli, iżda wkoll, kif ġustament ikkonstata l-Bord tal-Appell fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata, iż-żewġ toqob laterali kif ukoll il-parti ta’ fuq tal-bordura tat-tank. Huwa, ovvjament għal dan l-aħħar element li l-Bord tal-Appell jirreferi meta jsemmi t-“trufijiet esterni fini” tas-“sifun tad-doċċa (shower drain)”. Barra minn hekk, huma dawn il-kunsiderazzjonijiet li jiġġustifikaw il-konklużjoni li tgħid li l-frażi fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata, iċċitata fil-punt 47 iktar ’il fuq, għandha tinftiehem fis-sens li l-Bord tal-Appell qies, kif għamlet ukoll l-intervenjenti, li l-partijiet viżibbli, “waqt l-użu normali” tas-sifun tad-doċċa (shower drain) ikkonċernat mid-disinn ikkontestat, jiġifieri wara l-installazzjoni tiegħu, kienu mhux biss il-parti ta’ fuq tal-pjanċa li tkopri, iżda wkoll l-elementi l-oħrajn imsemmija iktar ’il fuq ta’ dan il-prodott.

50      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha titwettaq analiżi tal-motiv uniku tar-rikorrenti.

51      Fil-kuntest tar-rikors, ir-rikorrenti ma ressqitx argumenti li jistgħu jqiegħdu inkwistjoni l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 47 sa 49 iktar ’il fuq. Hija tikkontesta, pjuttost, it-termini tal-paragun, imwettaq mill-Bord tal-Appell, bejn id-disinn ikkontestat u d-“disinn preċedenti”, imsemmi fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fehma tagħha, dan il-punt tal-aħħar tad-deċiżjoni kkontestata jixhed qari żbaljat, mill-Bord tal-Appell, tal-punt 19 tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

52      Ir-rikorrenti tirrimarka li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni użat, fid-deċiżjoni tagħha, l-abbrevjazzjoni “D1” sabiex tirreferi għall-estratti kollha tal-katalogi li ġew ammessi fil-proċess, u mhux biss għall-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 5 iktar ’il fuq, li wkoll ġiet riprodotta fil-punt 8 tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. L-imsemmija illustrazzjoni hija parti biss mid-dokument imsejjaħ “D1 ”. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, il-konstatazzjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, li tinsab fil-punt 8 tad-deċiżjoni tagħha, ma kinitx kompletament korretta, peress li din l-illustrazzjoni ma kinitx tirrappreżenta “drejn għat-tnixxija tal-ilma”, iżda biss “gradilja zero” ta’ drejn għat-tnixxija tal-ilma. Ir-rikorrenti tispjega li, bl-espressjoni “gradilja zero”, jeħtieġ jinftiehem gradilja mqiegħda f’tank ta’ evakwazzjoni tal-ilma li huwa installat fl-art. Din il-gradilja ma toħloqx perforazzjonijiet fuq is-superfiċje orizzontali tagħha, b’tali mod li l-likwidu li jrid joħroġ jista’ jnixxi biss tul il-ġnub tal-gradilja.

53      Ir-rikorrenti ssostni li l-“gradilja zero” ppreżentata fl-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 5 iktar ’il fuq, tikkorrispondi għall-“gradilja zero” tad-disinn ikkontestat. It-tnejn li huma kienu mmanifatturati fl-azzar li ma jsaddadx u d-dehra tagħhom kienet ta’ kwadrilaterli oblung. L-ebda waħda fosthom ma kellha perforazzjonijiet fis-superfiċje orizzontali tagħha, b’tali mod li l-likwidu li jrid joħroġ seta’ joħroġ biss lejn it-tank ta’ evakwazzjoni tal-ilma mill-ġnub. Ir-rikorrenti tispeċifika, f’dan ir-rigward, l-uniku funzjoni li kellha t-toqba viżibbli fuq il-pjanċa li tidher fiċ-ċentru tal-imsemmija illustrazzjoni kien li tippermetti li titneħħa l-gradilja tat-tank għal skopijiet ta’ tindif. Hija tikkonkludi li l-istampa msemmija iktar ’il fuq ma turi xejn iktar u xejn inqas ħlief pjanċa li tkopri rettangolari, fi kliem ieħor “gradilja zero”, li ġejja mill-impriża Daniża Blücher, datata fl-1998 u li d-deskrizzjoni tat-tip tagħha hija “Spaltrost” (bil-Ġermaniż) jew “ Spalterist” (bid-Daniż), li tfisser “gradija bi slots”.

54      Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żball, sa fejn tirrileva, fil-punt 31 tagħha, li “d-disinn preċedenti (D1) huwa kompost minn sifun tad-doċċa [(shower drain)] sempliċi ħafna u rettangolari kompost minn pjanċa li tkopri li għandha toqba”. Huwa fatt magħruf li evakwazzjoni tal-ilma tad-doċċa ma hijiex komposta biss minn pjanċa li tkopri, li, kif isimha stess jindika, isservi sabiex tgħatti xi ħaġa, f’dan il-każ l-evakwazzjoni tal-ilma tad-doċċa jew it-tank ta’ evakwazzjoni tal-ilma. Fil-fehma tagħha, il-Bord tal-Appell ma ħax għalhekk inkunsiderazzjoni l-fatt li l-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 5 iktar ’il fuq tippreżenta biss id-dehra ta’ pjanċa li tkopri u mhux id-dehra kompleta, viżibbli waqt l-użu normali, tal-evakwazzjoni tal-ilma tad-doċċa li tikkostitwixxi d-disinn preċedenti, inkluż fil-katalogi Blücher.

55      Ir-rikorrenti ssostni, għalhekk, li mill-punti 7 u 31 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell ipparaguna, b’mod żbaljat, id-dehra viżibbli ta’ użu normali tad-disinn ikkontestat għall-unika pjanċa li tkopri li tidher fiċ-ċentru tal-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 5 iktar ’il fuq. Mill-kuntest tal-katalogi Blücher, prodotti mir-rikorrenti quddiem l-UASI jista’ jiġi dedott li l-“grilja zero” viżibbli f’din l-istampa kellha titqiegħed bejn il-borduri esterni fuq il-lemin tat-tank ta’ evakwazzjoni tal-ilma u li s-superfiċje tal-art madwar it-tank, il-borduri esterni fuq il-lemin tat-tank, kif ukoll il-“grilja zero” mqiegħda bejniethom, jinsabu fuq l-istess għoli. Dan ikun ukoll il-każ għad-disinn ikkontestat.

56      Barra minn hekk, mill-kuntest tal-katalogi Blücher jirriżulta li l-pjanċa li tkopri li tidher fiċ-ċentru tal-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 5 iktar ’il fuq, l-istess bħall-pjanċi li jkopru ta’ tipi oħrajn, kienet intiża li titqiegħed bejn il-borduri fuq il-lemin tat-tank ta’ evakwazzjoni tal-ilma installat fl-art. It-tank ta’ evakwazzjoni tal-ilma stess li jidher fuq l-ewwel u l-aħħar paġna tal-katalogi inkwistjoni, bid-differenza li, f’din ir-rappreżentazzjoni, huwa kien provdut bi gradilja li tinkludi, fuq is-superfiċje tagħha, perforazzjonijiet.

57      Skont ir-rikorrenti, meta l-pjanċa li tidher fiċ-ċentru tal-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 5 iktar ’il fuq titwaħħal f’tank ta’ evakwazzjoni tal-ilma bħal dik li tidher fil-katalogi Blücher, tali strument ta’ evakwazzjoni tal-ilma tad-doċċa kien jippreżenta, waqt użu normali, dehra li tinkludi mhux biss il-pjanċa li tkopri, iżda wkoll, u kuntrarjament għal dak li qies il-Bord tal-Appell, il-ġnub u l-borduri tal-imsemmija pjanċa, is-slots tawwalin minn naħa u oħra tal-pjanċa kif ukoll tarf il-bordura esterna tat-tank ta’ evakwazzjoni tal-ilma.

58      Ir-rikorrenti ssostni, konsegwentement, li l-Bord tal-Appell ibbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq raġunijiet ineżatti u fuq paragun żbaljat tad-disinni inkwistjoni.

59      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa esposti fil-punti 45 sa 47 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell ġustament qies li, wara l-installazzjoni tas-sifun tad-doċċa (shower drain) irrappreżentat mid-disinn ikkontestat, is-superfiċje orizzontali tal-pjanċa li tkopri ma kienx l-uniku element tagħha li baqa’ viżibbli. Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, li kienet wasslet għall-konklużjoni kuntrarja, fil-punt 16 tad-deċiżjoni tagħha, kienet għalhekk wettqet żball li kellu jiġi rrettifikat mill-Bord tal-Appell.

60      Il-Bord tal-Appell ma silitx, fid-deċiżjoni kkontestata, il-konsegwenzi korretti tal-iżball li huwa kien ikkonstata.

61      Huwa minnu li kien żbaljat li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-novità tad-disinn ikkontestat, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienet wettqet paragun tal-unika pjanċa li tkopri inkluża fid-disinn ikkontestat mal-pjanċa li tkopri li tidher fiċ-ċentru tal-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 5 iktar ’il fuq. Madankollu, dan ma jfissirx li huwa possibbli li tiġi evalwata n-novità tad-disinn ikkontestat billi jiġu pparagunati l-elementi kollha tiegħu li jibqgħu viżibbli wara l-installazzjoni tagħha, mal-uniku pjanċa li tidher fiċ-ċentru tal-illustrazzjoni inkwistjoni. Dan fil-fatt iwettaq paragun bejn, minn naħa, l-elementi kollha viżibbli ta’ strument ta’ evakwazzjoni tal-ilma tad-doċċa (dak irrappreżentat mid-disinn ikkontestat) u, min-naħa l-oħra, element uniku ta’ evakwazzjoni tal-ilma tad-doċċa preċedenti.

62      F’dan ir-rigward, ma huwiex neċessarju li jiġi ddeterminat li, kif issostni r-rikorrenti (ara l-punt 54 iktar ’il fuq), huwa fatt magħruf li evakwazzjoni tal-ilma tad-doċċa ma hijiex komposta biss minn pjanċa li tkopri. Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, l-eżami tal-elementi prodotti mill-partijiet quddiem l-UASI ma setax iwassal għall-konklużjoni li l-pjanċa li tkopri li tidher fiċ-ċentru tal-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 5 iktar ’il fuq kienet biss parti mill-istrument ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi u li, konsegwentement, l-evalwazzjoni tan-novità tad-disinn ikkontestat kienet teħtieġ paragun bejn il-karatteristiċi viżibbli, wara l-installazzjoni, ta’ dan tal-aħħar u l-karatteristiċi viżibbli, wara l-installazzjoni, tad-disinn preċedenti, li tifforma parti minnu l-pjanċa li tkopri msemmija iktar ’il fuq.

63      Fil-fatt, l-ewwel nett, fil-katalogi Blücher, prodotti f’estratti mir-rikorrenti, fil-punt 5 iktar ’il fuq kien ippreċedut bit-titolu “Roste für Rinnen und Aufsatzstücke” li jfisser “Gradilji għad-drejns u partijiet superjuri”. Għalhekk huwa ċert li l-pjanċa li tidher fiċ-ċentru ta’ din l-illustrazzjoni kienet biss sempliċi pjanċa li tkopri, li għandha funzjoni ta’ gradilja ta’ strument ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi, u ma kinitx tippreżenta tali strument kollu.

64      It-tieni nett, paġna oħra (il-paġna 21) tal-katalogi inkwistjoni, prodotta wkoll mir-rikorrenti quddiem l-UASI, kienet tinkludi dijagramma li turi kif elementi differenti pprovduti mill-impriżi Blücher setgħu jiġu abbinati sabiex jiġi kkostruwit strument komplet ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi. B’mod partikolari, din id-dijagramma kienet turi sitt tipi ta’ gradilji, li waħda minnhom ma kellhiex perforazzjoni, li setgħu jitwaħħlu fuq it-tank, li, min-naħa tiegħu, kellu jitwaħħal fuq sifun. L-imsemmija gradilji kellhom forma kwadrata u mhux oblunga, iżda huwa ċara li l-istess prinċipju seta’ japplika għal gradilji ta’ forom jew ta’ dimensjonijiet differenti.

65      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-gradilja mingħajr perforazzjonijiet (pjanċa li tkopri) murija f’din id-dijagramma kellha n-numru ta’ mudell 697.200.200.20. Mill-paġna 34 tal-imsemmi katalogu li kienet tirrigwarda varjant, ta’ forma kwadrata, tas-serje ta’ pjanċi li jkopru “Spaltrost”, propost mill-impriża Blücher. L-istess serje kienet tinkludi mudelli oħrajn (bin-numri 697.200.075.99, 697.200.150.99 u 697.200.200.99) li kellhom l-istess dehra (jiġifieri mingħajr toqba fuq is-superfiċje orizzontali), iżda ta’ forma oblunga. Barra minn hekk, il-paġna inkwistjoni kienet tinkludi, ħdejn id-dimensjonijiet ta’ dawn il-mudelli, stampa ta’ pjanċa li tkopri identika għal dik li tidher fiċ-ċentru tal-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 5 iktar ’il fuq. Għalhekk, seta’ faċilment jiġi konkluż, li t-tipi ta’ gradilji kollha (jew pjanċa li tkopri) li kienu jidhru kellhom jiġu abbinati ma’ elementi oħrajn, proposti wkoll mill-impriżi Blücher, sabiex jiġi kkostruwit minn strument ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi.

66      It-tielet nett, kif sostniet ir-rikorrenti, l-ewwel u l-aħħar paġni tal-katalogi Blücher, li kienu jidhru fl-estratti minn dawn il-katalogi li hija kienet ipproduċiet quddiem l-UASI, kienu jinkludu stampa ta’ strument ta’ evakwazzjoni tal-ilma b’forma oblunga propost mill-impriża Blücher, bid-differenza li kien mgħammar, f’dawn iż-żewġ stampi, minn pjanċa li tkopri li kienet tinkludi perforazzjonijiet fuq is-superfiċje orizzontali tagħha (gradilja).

67      Ir-raba’ nett, għandu wkoll jiġi rrilevat li mill-paragrafi 15 u 16 tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti, tat-2 ta’ April 2010, quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI, jirriżulta b’mod ċar li l-pjanċi li jkopru li jidhru fil-katalogi Blücher, fosthom il-pjanċa li tidher fiċ-ċentru tal-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 5 iktar ’il fuq, kienu biss parti minn strument ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi u ma kinux jifformaw parti, waħedhom, minn tali strument.

68      Il-ħames nett, fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-intervenjenti lanqas ikkontestat, quddiem l-istanzi tal-UASI, il-fatt li l-pjanċa li tkopri tat-tip “Spaltrost”, proposta mill-impriża Blücher, kellha tintuża bħala parti minn strument ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi. Għall-kuntrarju, fl-Anness 11 tal-osservazzjonijiet tagħha tas-27 ta’ Ġunju 2010 quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, l-intervenjenti pproduċiet estratti minn katalogu ieħor tal-impriża Blücher, li kienu jinkludu stampa ta’ pjanċa li tkopri bħal dik li tidher fiċ-ċentru tal-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 5 iktar ’il fuq, imqiegħda fuq tank li jinkludi, taħtu, sifun ta’ evakwazzjoni tal-ilma. Hija tfakkar, barra minn hekk, dan il-fatt fir-risposta tagħha.

69      Ċertament, huwa minnu li l-intervenjenti ppreżentat dan id-dokument insostenn tal-argument tagħha, irrepetut, barra minn hekk, quddiem il-Qorti Ġenerali, li jgħid li l-pjanċa li tkopri inkwistjoni tal-impriża Blücher u l-istrumenti ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi li fuqhom hija setgħet tintuża, ma kinux intiżi sabiex jintużaw f’doċċa, iżda għal użu industrijali. Fil-fatt, it-test li jidher fuq l-istess paġna li din l-stampa, fl-estratt mill-katalogu prodott mill-intervenjenti quddiem l-UASI, juri b’mod ċari li jirrigwarda strumenti ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi, użati fl-industrija tal-ikel.

70      Madankollu, dan bl-ebda mod ma jbiddel il-fatt li minn din l-istess stampa jirriżulta b’mod ċar li l-pjanċa li tkopri li tidher fiċ-ċentru tal-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 5 iktar ’il fuq ma kinitx, waħedha, strument ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi (jew sifun tad-doċċa, kif jidher li għamel il-Bord tal-Appell), iżda kienet biss parti minn tali strument. Minn dan isegwi, għalhekk, li l-Bord tal-Appell żbalja li, sabiex jevalwa n-novità tad-disinn ikkontestat, wettaq paragun bejn il-karatteristiċi viżibbli, wara l-installazzjoni, ta’ dan tal-aħħar u ta’ din il-pjanċa.

71      Dawn il-kunsiderazzjoni ma humiex imqiegħda inkwistjoni mill-argumenti tal-UASI jew tal-intervenjenti.

72      L-UASI jinvoka s-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2010, Shenzhen Taiden vs UASI – Bosch Security Systems (Apparat ta’ komunikazzjoni) (T‑153/08, Ġabra, EU:T:2010:248, punti 23 u 24). Fil-fehma tiegħu, minn din is-sentenza jirriżulta li, sa fejn l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jirreferi għal differenza bejn l-impressjonijiet globali prodotti mid-disinni inkwistjoni, l-eżami tal-karattru individwali ta’ disinn Komunitarju ma setax jitwettaq fir-rigward tal-elementi speċifiċi li jirriżultaw minn disinni preċedenti differenti. Għaldaqstant, għandu jsir paragun bejn, minn naħa, l-impressjoni globali prodotta mid-disinn Komunitarju kkontestat u, min-naħa l-oħra l‑impressjoni globali prodotta minn kull wieħed mid-disinni preċedenti invokati b’mod validu mill-applikant għad-dikjarazzjoni ta’ invalidità.

73      L-UASI jsostni li r-raġunament ta’ din s-sentenza, applikabbli għall-karattru individwali ta’ disinn, jestendi a fortiori għall-eżami tan-novità. Għalhekk, il-karatteristiċi ta’ diversi disinni preċedenti ma jistgħux jiġu abbinati sabiex iqiegħdu inkwistjoni n-novità ta’ disinn iktar reċenti.

74      Dan l-argument għandu jiġi eskluż li huwa bbażat fuq perċezzjoni żbaljata tal-argument tar-rikorrenti. Fil-fatt, din tal-aħħar ma tikkritikax lill-Bord tal-Appell li ma silitx elementi speċifiċi minn disinni preċedenti differenti, sabiex jipparagunahom mad-disinn ikkontestat, iżda li pparaguna s-sifun tad-doċċa kollu kemm hu (shower drain) li jikkostitwixxi d-disinn ikkontestat ma’ parti biss, mhux kollu kemm hu, tal-istrument ta’ evakwazzjoni tal-ilma ta’ likwidi, propost mill-impriża Blücher u invokat insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

75      L-UASI jsostni wkoll li r-rikorrenti baqgħet ma wrietx l-eżistenza ta’ disinn preċedenti għad-disinn ikkontestat, li għandu l-karatteristiċi kollha ta’ dan tal-aħħar. Fil-fehma tiegħu, l-argument tar-rikorrent jibbaża fuq l-abbinament ta’ żewġ disinni distinti. Għalkemm żvelati fl-istess katalogi (il-katalogi Blücher), dawn iż-żewġ disinni ma humiex irrappreżentati flimkien. Huwa jqis li, anki jekk jiġi preżunt li l-katalogi Blücher jikkostitwixxu żvelar, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 6/2002, kull wieħed mid-disinni li jidher fihom għandhom jiġi pparagunati b’mod individwali mad-disinn ikkontestat.

76      Dan l-argument jibbaża fuq il-premessa li tipprovdi li ebda stampa li tirrappreżenta l-pjanċa li tkopri li tidher fiċ-ċentru tal-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 5 iktar ’il fuq, imqiegħda f’tank ta’ evakwazzjoni ta’ forma oblunga u li jifforma, għalhekk, strument ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi komplet, ma ġiex ippreżentat quddiem l-UASI. Fil-fatt, l-espożizzjoni ta’ dan l-argument fir-risposta tal-UASI, hija ppreċeduta minn argument intiż li juri, ġustament (ara l-punti 22 u 23 iktar ’il fuq), li d-dokument ippreżentat fil-paġna 76 tal-Anness A.9 tar-rikors ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni. Mill-punt 68 iktar ’il fuq jirriżulta li l-premessa li fuqha jibbaża dan l-argument tal-UASI hija żbaljata, fatt li huwa diġà biżżejjed sabiex jinċaħad.

77      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li, b’mod iktar ġenerali, fl-ipoteżi li disinn huwa kompost minn diversi komponenti, għandu jitqies li huwa ġiet żvelat lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 6/2002, meta l-komponenti kollha jkunu ġew żvelati lill-pubbliku u li kien indikat b’mod ċar li dawn il-komponenti kienu intiżi sabiex jiġu abbinati bejniethom sabiex jikkostitwixxu prodott determinat, li jippermetti, għalhekk l-identifikazzjoni tal-forma u tal-karatteristiċi ta’ dan id-disinn.

78      Fi kliem ieħor, ma jistax jiġi ammess li disinn jippreżenta karattru ġdid, fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002, meta huwa jikkonsisti biss f’abbinament ta’ disinni diġà żvelati lill-pubbliku u li fir-rigward tagħhom diġà ġie indikat li huma kienu intiżi sabiex jintużaw flimkien.

79      F’dan il-każ, dan ifisser li, sa fejn, għar-raġunijiet esposti fil-punti 63 sa 67 iktar ’il fuq, mill-katalogi Blücher jirriżulta b’mod ċar li l-pjanċa li tkopri li tidher fiċ-ċentru tal-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 5 iktar ’il fuq kienet intiża sabiex tiġi abbinata ma’ tankijiet u ma’ sifuni proposti mill-impriżi Blücher u jidhru wkoll f’dawn il-katalogi, sabiex jikkostitwixxu strument ta’ evakwazzjoni ta’ likwidi komplet, kien l-UASI, sabiex jevalwa n-novità tad-disinn ikkontestat, li kellu jipparagunahom, b’mod partikolari, ma’ evakwazzjoni ta’ likwidi kkostitwita mill-pjanċa li tkopri inkwistjoni, flimkien mal-elementi l-oħra ta’ strument ta’ evakwazzjoni tal-ilma proposti mill-impriżi Blücher, u dan anki jekk ebda stampa ta’ tali abbinament ma kienet tidher fl-imsemmija katalogi.

80      L-UASI jsostni wkoll li l-preżenza ta’ toqba fil-pjanċa li tkopri li tidher fiċ-ċentru tal-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 5 iktar ’il fuq tikkostitwixxi element ta’ differenza addizzjonali bejnha u d-disinn ikkontestat, u dan anki jekk din id-differenza ma kinitx imsemmija mill-Bord tal-Appell.

81      Dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud. Minn naħa, ma huwiex possibbli li l-argument tar-rikorrenti, li jipprovdi li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball billi jsir riferiment għal element mhux imsemmi fl-imsemmi deċiżjoni, jiġi miċħud. Min-naħa l-oħra u fuq kollox, l-iżball imwettaq mill-Bord tal-Appell jikkonsisti, skont l-argument tar-rikorrenti li l-Qorti Ġenerali tqis bħala fondat, fil-fatt li l-Bord tal-Appell ipparaguna l-istrument kollu (sifun tad-doċċa) li jikkostitwixxi d-disinn ikkontestat ma’ komponent tad-disinn preċedenti biss. Fi kliem ieħor, l-iżball jikkonsisti fl-identifikazzjoni stess tad-disinn preċedenti li kellu jitqies għall-finijiet ta’ dan il-paragun u, kif jidher li jissoponi dan l-argument tal-UASI, fil-karatteristiċi ta’ dan id-disinn tal-aħħar.

82      L-intervenjenti, min-naħa tagħha, issostni li, peress li r-rikorrenti kienet sostniet quddiem l-UASI, prinċipalment, li d-disinn ikkontestat ma kellux novità fir-rigward tal-unika pjanċa li tidher fiċ-ċentru tal-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 5 iktar ’il fuq, huwa rikonoxxut li kemm id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kif ukoll il-Bord tal-Appell kienu bbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom fuq paragun tal-imsemmi disinn ma’ din l-unika pjanċa.

83      Dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud. Għandu jitfakkar li, quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, ir-rikorrenti kienet invokat diversi elementi insostenn tat-teżi tagħha li tgħid li d-disinn ikkontestat ma kellux novità u karattru individwali. Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, li qieset li l-uniku element viżibbli tad-disinn ikkontestat, wara l-installazzjoni, kienet il-pjanċa li tkopri tiegħu u li din tal-aħħar kienet identika għall-pjanċa li tidher fiċ-ċentru tal-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 5, laqgħet, fuq din l-unika bażi, it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidita. Hija ma wettqitx, għalhekk, paragun tad-disinn ikkontestat ma’ disinni kkontestati oħrajn, li kienu jidhru fid-dokumenti prodotti mir-rikorrenti.

84      Madankollu, sa fejn il-Bord tal-Appell qies, ġustament, li elementi oħrajn tas-sifun tad-doċċa rrappreżentat mid-disinn ikkontestat jibqgħu viżibbli wara l-installazzjoni, huwa ma jistax, kif diġà ġie rrilevat, jipparaguna dan id-disinn mal-uniku pjanċa li tkopri li tidher fiċ-ċentru tal-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 5 iktar ’il fuq. Sabiex tevalwa n-novità tad-disinn ikkontestata, huwa kellu jeżamina l-eżistenza ta’ differenzi li ma kinux insinjifikattivi bejn il-karatteristiċi viżibbli kollha ta’ dan id-disinn u dawk kollha tad-disinn preċedenti invokat, mingħajr ma jillimita ruħu għall-unika pjanċa li tkopri li kienet tifforma parti mid-disinn preċedenti.

85      L-intervenjenti jsostni wkoll li, minkejja li r-rikorrenti allegat, quddiem il-Bord tal-Appell, li kien possibbli li tiġi installata l-unika pjanċa li tkopri li tidher fiċ-ċentru tal-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 5 iktar ’il fuq f’tank rettangolari ta’ forma oblunga b’bordura li tibqa’ viżibbli wara l-installazzjoni, huwa ma ssostanzjax dawn l-affirmazzjonijiet bi provi, ebda stampa ta’ tali installazzjoni ma kienet tidher fil-katalogi Blücher. F’dan il-kuntest, l-intervenjenti tfakkar li d-dokument ppreżentat fil-paġna 76 tal-Anness A.9 tar-rikors, li jinkludi rappreżentazzjoni tal-pjanċa li tkopri inkwistjoni installata f’tank ta’ forma oblunga, ma kienx ippreżentat quddiem l-UASI u ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni.

86      Madankollu, għar-raġunijiet diġà indikati fil-punti 63 sa 70 iktar ’il fuq, dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu.

87      Minn dawn isegwi li l-uniku motiv tar-rikors huwa fondat.

88      Kif diġà ġie rrilevat fil-punt 20 iktar ’il fuq, mit-tieni kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob, essenzjalment, il-bidla tad-deċiżjoni kkontestata, fis-sens li l-appell tal-intervenjenti quddiem il-Bord tal-Appell, jiġi miċħud u d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, li tilqa’ t-talba għal dikjarazzjoni tal-invalidità, tiġi kkonfermata, skont il-każ b’sostituzzjoni ta’ motivi ta’ din id-deċiżjoni tal-aħħar. Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat id-destin li għandu jiġi rriżervat għat-talbiet għal bidla tar-rikorrenti.

 Fuq il-fondatezza tat-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti

89      Għandu jiġi rrilevat li l-istħarriġ li l-Qorti Ġenerali teżerċita konformement mal-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 6/2002 huwa stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI u hija tista’ tannulla jew tibdel id-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors biss jekk, fil-mument meta ttieħdet, din kienet ivvizzjata minn wieħed mill-motivi ta’ annullament jew ta’ bidla msemmija fl-Artikolu 61(2) ta’ dan ir-regolament. Minn dan isegwi li s-setgħa ta’ bdil mogħtija lill-Qorti Ġenerali ma għandhiex bħala effett li tagħti lil din il-qorti s-setgħa li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Bord tal-Appell u, lanqas li twettaq evalwazzjoni li fuqha l-imsemmi Bord tal-Appell għadu ma ddeċidiex. L-eżerċizzju tas-setgħa ta’ riforma għandu konsegwentement, bħala prinċipju, ikun limitat għas-sitwazzjonijiet fejn il-Qorti Ġenerali, wara li tkun stħarrġet l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell, tkun f’pożizzjoni li tiddetermina, fuq il-bażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kif stabbiliti, id-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kellu jadotta (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, Ġabra, EU:C:2011:452, punti 71 u 72).

90      F’dan il-każ, huwa ċertament minnu li l-kwistjoni ta’ novità tad-disinn ikkontestat ġiet eżaminata kemm mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kif ukoll mill-Bord tal-Appell. Madankollu, diġà ġie rrilevat li l-eżami mwettaq minn dawn l-istanzi tal-UASI kien, fiż-żewġ każijiet, ivvizzjat minn żbalji: fil-każ tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, din qieset, żbaljatament, li, wara l-installazzjoni tas-sifun tad-doċċa rrappreżentat mid-disinn ikkontestat, l-uniku element tiegħu li jibqa’ viżibbli tkun il-pjanċa li tkopri. Hija pparagunat, għalhekk, din il-pjanċa ma’ dik li tidher fiċ-ċentru tal-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 5 iktar ’il fuq, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni provi oħra invokati quddiemha mir-rikorrenti. Min-naħa tiegħu, il-Bord tal-Appell identifika korrettament l-iżball imwettaq mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, iżda minflok ipparaguna l-element viżibbli, wara l-installazzjoni, tas-sifun tad-doċċa rrappreżentat mid-disinn ikkontestat, mal-elementi viżibbli ta’ disinni preċedenti invokati mir-rikorrenti, inkluż dak li tifforma parti minnu l-pjanċa li tkopri li tidher fiċ-ċentru tal-imsemmija illustrazzjoni, il-Bord tal-Appell sempliċement, b’mod żbaljat, għamel sempliċi paragun bejn id-disinn ikkontestat u din il-pjanċa tal-aħħar.

91      Minn dan isegwi li l-eżami tan-novità tad-disinn ikkontestat, fir-rigward tad-disinni preċedenti invokati mir-rikorrenti, ma kienx komplet. Għalhekk, eżami, mill-Qorti Ġenerali, tan-novità tad-disinn ikkontestat, fid-dawl tal-elementi kollha invokati mir-rikorrenti quddiem l-istanzi tal-UASI, essenzjalment jinvolvi l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet amministrattivi u investigattivi li huma tal-UASI u minħabba f’dan, imorru kontra l-bilanċ istituzzjonali li minnu huwa inspirat il-prinċipju ta’ tqassim tal-kompetenzi bejn l-UASI u l-Qorti Ġenerali. Minn dan jirriżulta li l-interessi tar-rikorrenti huma suffiċjentement protetti permezz tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Instrument d’écriture, punt 20 iktar ’il fuq, EU:T:2010:190, punt 133; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza VÖLKL, punt 29 iktar ’il fuq, EU:T:2011:739, punt 121 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92      Konsegwentement, it-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti ma għandux jintlaqa’.

 Fuq il-fondatezza tat-tieni kap tat-talbiet tal-intervenjenti

93      Kif diġà ġie rrilevat, permezz tat-tieni kap tat-talbiet tagħha, l-intervenjenti talbet l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għal motiv differenti minn dawk invokati mir-rikorrenti. Insostenn tat-talba tagħha, hija ssostni li l-Bord tal-Appell kiser forom proċedurali sostanzjali billi kkonkluda, fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 5 iktar ’il fuq żvelat sifun tad-doċċa rettangolari sempliċi ħafna kompost minn pjanċa li tkopri mtaqqba b’toqba. Fil-fehma tagħha, din il-konklużjoni tikkontradixxi d-dikjarazzjonijiet tal-partijiet waqt il-proċedimenti quddiem l-UASI u ma kinitx immotivata, u dan il-fatt irendi d-deċiżjoni kkontestata insuffiċjentement komprensibbli.

94      L-intervenjenti tispjega, f’dan ir-rigward, li l-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 5 iktar ’il fuq tippreżenta biss gradilji li jistgħu jintużaw f’gandott ta’ evakwazzjoni tal-ilma ta’ likwidi. Dawn jinkludu l-pjanċa li tidher fiċ-ċentru tal-imsemmija illustrazzjoni, li hija magħluqa fuq is-superfiċje orizzontali u li l-likwidu jista’ joħroġ biss minn slots fil-ġnub tagħha.

95      L-intervenjenti ssostni madankollu li mill-estratti ta’ wieħed mill-katalogi Blücher, li hija stess ppreżentat quddiem l-istanzi tal-UASI, jirriżulta li din il-pjanċa li tkopri kienet intiża għal użu industrijali u mhux għal użu bħala element sifun tad-doċċa f’żona sanitarja. B’mod partikolari, l-istampa ta’ din il-pjanċa fl-imsemmi katalogu kienet ipprovduta b’stampa żgħira ta’ vann li, kif ser ikun spjegat f’paġna oħra tal-istess katalogu, tfisser li l-prodott kien intiż għal użu industrijali.

96      Ir-rikorrenti ma kkontestatx b’mod motivat dawn id-dikjarazzjonijiet, quddiem il-Bord tal-Appell. Hija kkontestat biss, barra minn hekk, b’mod żbaljat, li dan il-fatt iwassal għal konsegwenzi għall-fondatezza tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħha. Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata, li kklassifikat il-prodott inkwistjoni bħala sifun tad-doċċa, ma hijiex motivata u hija inkomprensibbli.

97      Fin-nota li hija ppreżentat skont l-Artikolu 135(3) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti ssostni li “l-motiv tal-intervenjenti ma jista’ jiġi rrikonoxxut ebda piż” peress li huwa “importanti li tingħata risposta għad-domanda dwar jekk il-Bord tal-Appell setax ġustament jikkunsidra li d-dokument ‘D1’ ma kienx jikkonċerna l-[katalogu] Blücher, kif iddeċidiet id-Diviżjoni ta’ Kanċellazzjoni, iżda kien jikkonċerna biss il-pjanċa li tkopri” li tidher fiċ-ċentru tal-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 5 iktar ’il fuq. Fil-fehma tagħha, il-motiv imqajjem mill-intervenjenti għandu, fir-realtà, l-għan li joħloq konfużjoni semantika eżistenti fid-deċiżjoni kkontestata għal dak li jikkonċerna l-identifikazzjoni ta’ dak li huwa mifhum minn “D1”, sabiex jinkiseb li d-disinn ikkontestat jiġi pparagunat mal-uniku pjanċa li tkopri msemmija iktar ’il fuq.

98      Peress li l-intervenjenti tinvoka, insostenn tat-tieni kap tat-talbiet tagħha, ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 6/2002, id-deċiżjonijiet tal-UASI għandhom jiġu mmotivati. Dan l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu l-istess portata bħal dik li tirriżulta mill-Artikolu 296 TFUE, li tipprovdi li r-raġunament tal-awtur tal-att għandu jidher b’mod ċar u mhux ekwivoku. Dan l-obbligu għandu l-għan doppju li jippermetti, minn naħa, lill-persuni interessati jsiru jafu bil-ġustifikazzjonijiet għall-miżura li ttieħdet sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom, u min-naħa l-oħra, lill-qorti tal-Unjoni Ewropea teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni. Madankollu, il-Bordijiet tal-Appell ma jistgħux jenħtieġu jipprovdu spjegazzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir‑raġunamenti kollha esposti mill‑partijiet quddiemhom. Għaldaqstant, il-motivazzjoni tista’ tkun impliċita bil-kundizzjoni li hija tippermetti lil dawk ikkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom ittieħdu l-miżuri inkwistjoni u lill-qorti kompetenti li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha [ara s-sentenza tal-25 ta’ April 2013, Bell & Ross vs UASI – KIN (Kaxxa ta’ arloġġ tal-idejn), T‑80/10, EU:T:2013:214, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata].

99      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet jikkostitwixxi forma proċedurali sostanzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivi, peress illi din taqa’ taħt il-legalità sostantiva tal-att inkwistjoni. Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tikkonsisti fl-espressjoni formali tal-motivi li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni. Jekk dawn il-motivi jkunu vvizzjati bi żbalji, dawn jivvizzjaw il-legalità sostantiva tad-deċiżjoni, iżda mhux il-motivazzjoni tagħha, li tista’ tkun suffiċjenti filwaqt li jkunu espressi motivi żbaljati (ara s-sentenza Kaxxa ta’ arloġġ tal-idejn, punt 98 iktar ’il fuq, EU:T:2013:214, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

100    Mill-argument tal-intervenjenti jirriżulta li din tqis li n-natura tal-oġġett li jidher fiċ-ċentru tal-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 5 iktar ’il fuq u, b’mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk huwiex intiż għal użu bħala element ta’ doċċa jew għal użu industrijali, bħala parti minn drejn għall-evakwazzjoni ta’ likwidi, għandu rilevanza għat-tip tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tar-rikorrenti. Madankollu, jekk jiġi preżunt li dan ikun il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi motivazzjoni suffiċjenti f’dan ir-rigward, sa fejn tirrileva, fil-punt 31 tagħha, li tirrigwarda “sifun tad-doċċa”.

101    Fir-realtà, permezz tal-argument tagħha, l-intervenjenti timmira li tqiegħed inkwistjoni l-fondatezza tal-konstatazzjoni inkwistjoni tal-Bord tal-Appell. Dan huwa dak li jista’ jiġi dedott mir-riferiment tal-intervenjenti għall-argument u għad-dokumenti li hija kienet invokat quddiem l-istanzi tal-UASI, li jipprovaw li l-oġġett inkwistjoni kien intiż għal użu industrijali. Essenzjalment, l-intervenjenti tqis li l-konstatazzjoni msemmija iktar ’il fuq tal-Bord tal-Appell hija żbaljata, sa fejn il-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni la dan l-argument u dawn id-dokumenti, u lanqas tal-assenza ta’ kull kontestazzjoni mir-rikorrenti. Għaldaqstant għandu wkoll jinftiehem l-argument tal-intervenjenti, li jipprovdi li d-deċiżjoni kkontestata hija, fuq dan il-punt “inkomprensibbli”.

102    Qabel jistħarreġ, skont il-każ, il-fondatezza tal-konstatazzjoni inkwistjoni tal-Bord tal-Appell, għandha tiġi eżaminata r-rilevanza tagħha għall-evalwazzjoni tal-fondatezza tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tar-rikorrenti. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-intervenjenti tinsisti fuq il-kwistjoni tal-identifikazzjoni korretta tal-prodott li jidher fiċ-ċentru tal-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 5 iktar ’il fuq, peress li hija tqis li jekk kellu jirriżulta li dan il-prodott kien differenti minn dak (is-sifun tad-doċċa) ikkonċernat mid-disinn ikkontestat, dan il-fatt ikun suffiċjenti sabiex iwassal għaċ-ċaħda tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tar-rikorrenti (ara wkoll il-punti 30 sa 35 iktar ’il fuq). Għalhekk għandu jiġi ddeterminat jekk din il-premessa tal-aħħar hijiex korretta.

103    Fil-fatt, huwa biss f’dan il-każ li żball ipotetiku tal-Bord tal-Appell fl-identifikazzjoni tal-prodott ikkonċernat mid-disinn preċedenti jista’ jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni tiegħu, mitlub mill-intervenjenti fit-tieni kap tat-talbiet tagħha.

104    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, quddiem l-istanzi tal-UASI, il-partijiet iddiskutew ir-rilevanza, għat-tip tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, tal-użu li għalih huma intiżi l-prodotti kkonċernati mid-disinni preċedenti, invokati mir-rikorrenti insostenn tal-imsemmija talba, u mid-disinn ikkontestat, rispettivament. Għalhekk, fl-osservazzjonijiet tagħha tat-22 ta’ Ġunju 2010, quddiem id-Diviżjoni ta’ Kanċellazzjoni, l-intervenjenti sostniet it-teżi li d-disinni preċedenti invokati mir-rikorrenti, fosthom dawk li jidhru fil-katalogi Blücher, ma jistgħux iqiegħdu inkwistjoni n-novità u l-karattru individwali tad-disinn ikkontestat, peress li jirreferu għal prodotti differenti, jiġifieri drejns għall-evakwazzjoni ta’ likwidi, intiżi għal użu industrijali.

105    Insostenn tat-teżi tagħha, ir-rikorrenti invokat estratt mill-kummentarju komuni tal-Gvernijiet tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar il-Protokoll, tal-20 ta’ Ġunju 2002, li jirrigwarda emenda tal-liġi uniformi tal-Benelux dwar id-disinni (iktar ’il quddiem, l-“LBD”). Din l-emenda kellha l-għan li tadatta l-LBD għad-Direttiva 98/71/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 1998, dwar il-protezzjoni legali tad-disinni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 120), li d-dispożizzjonijiet tagħha dwar in-novità u l-karattru individwali ta’ disinn huma redatti f’termini sostanzjalment identiċi għal dawk tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament Nru 6/2002.

106    B’mod partikolari, l-estratt mill-imsemmi kummentarju, invokat mill-intervenjenti, huwa redatt b’dan il-mod:

“Id-dritt tad-disinni jipproteġi attwalment d-dehra ġdida ta’ prodott li għandu funzjoni utilitarja. Dawn it-tliet kunċetti — dehra, prodott u funzjoni utilitarja — huma inseparabbli, kif il-Hoge Raad (Qorti Suprema) tal-Pajjiż l-Baxxi kkonfermat fis-sentenza tagħha tal-10 ta’ Marzu 1995 (NJ 1995, 670, Kinderkapperstoel). Artikolu eżistenti li jirċievi funzjoni utilitarja oħra differenti minn dik li tkun s-suġġett tar-reġistrazzjoni jista’ għalhekk jikseb protezzjoni awtonoma bħala disinni, anki jekk l-artikolu ma jkun sostna ebda emenda sinjifikattiva u jikkostitwixxi l-element karatteristiku tal-prodott li jkollu l-funzjoni utilitarja l-ġdida. Għalkemm id-Direttiva ma tagħrafx il-‘funzjoni utilitarja’, ir-riżultat huwa l-istess, peress li l-protezzjoni hija marbuta, permezz tal-mudell u tal-prodott, għal oġġett u li siġġu għat-tfal f’ħanut ta’ parrukier huwa oġġett ieħor differenti minn karozza ġugarell.”

107    Ir-riferiment f’dan l-estratt għal “siġġu għat-tfal f’ħanut ta’ parrukier” li huwa “oġġett ieħor differenti minn karozza ġugarell” jirreferi għall-fatti tal-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Hoge Raad der Nederlanden (Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) tal-10 ta’ Marzu 1995, punt 106 iktar ’il fuq. Kif jirriżulta minn kopja ta’ din is-sentenza, prodotta mill-intervenjenti b’risposta għal talba għal produzzjoni ta’ dokumenti tal-qorti Ġenerali, din il-kawża kienet tirrigwarda talba għar-reġistrazzjoni, bħala disinn protett fit-territorju tal-Benelux, ta’ siġġu għat-tfal f’ħanut ta’ parrukkier li għandu, bħala element prinċipali, karozza ġugarell, apparentement diġà preżenti fis-suq tal-pajjiżi tal-Benelux u magħruf mill-partijiet interessati. Il-Hoge Raad iddeċidiet li kien diffiċli li tara għaliex il-fatt li prodott li kien kompost, b’mod partikolari, minn oġġett b’funzjoni utilitarja oriġinali differenti, liema oġġett kien diġà magħruf fost iċ-ċirkli ta’ industriji u ta’ kummerċ rilevanti, jipprekludi li jiġi konkluż li kienet kwistjoni ta’ prodott b’dehra ġdida, li jista’ jiġi protett bħala disinn irreġistrat.

108    Fil-punt 20 tad-deċiżjoni tagħha, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni eskludiet dan l-argument tal-intervenjenti li kien irrilevanti. Fil-fehma tagħha, “l-użu tal-prodott li fih id-disinn huwa inkorporat ma huwiex karatteristika ta’ dehra u, konsegwentement, din id-differenza ma għandha ebda effett fuq il-paragun taż-żewġ disinni kunfliġġenti”.

109    Kif ġie rrilevat fil-punt 31 iktar ’il fuq, fl-appell tagħha quddiem il-Bord tal-Appell, l-intervenjenti rrepetiet, madankollu, l-argument tagħha miġbur fil-qosor fil-punti 104 sa 107 iktar ’il fuq, fid-dawl li l-imsemmi argument kien ġie miċħud mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

110    Fl-osservazzjonijiet tagħha tal-10 ta’ Mejju 2011, quddiem il-Bord tal-Appell, ir-rikorrenti kkontestat l-argument tal-intervenjenti miġbur fil-qosor fil-punti 104 sa 107 iktar ’il fuq. Hija sostniet, madankollu, li, kuntrarjament għal dak li jirrileva l-kummentarju komuni tal-Gvernijiet tal-Pajjiżi tal-Benelux, imsemmi fil-punt 105 iktar ’il fuq, it-teżi aċċettata mill-Hoge Raad fis-sentenza tal-10 ta’ Marzu 1995, punt 106 iktar ’il fuq, ma tistax tiġi applikata, fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/71 u tar-Regolament Nru 6/2002. Hija invokat, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-4 ta’ Frar 2005, tal-Avukat Ġenerali D.F.W. Verkade, fil-Kawża C‑04/27 HR, quddiem il-Hoge Raad. B’risposta għal talba għal produzzjoni ta’ dokumenti tal-Qorti Ġenerali, hija pproduċiet kopja ta’ dawn il-konklużjonijiet. Rigward il-kwistjoni dwar jekk it-teżi aċċettata fis-sentenza msemmija iktar ’il fuq tistax tapplika wara l-emenda tal-LBD konformement mad-Direttiva 98/71, l-Avukat Ġenerali indika li ma tistax tkun kwistjoni ta’ “att ċar” u li, jekk il-Hoge Raad qieset li din il-kwistjoni kienet rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima quddiemha, domanda preliminari għandha ssir lill-Qorti tal-Ġustizzja. Ir-rikorrenti invokat ukoll is-sentenza tal-Court of Appeal (England & Wales) [Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales)] tat-23 ta’ April 2008 [2008] EWCA Civ 358, li, fil-fehma tagħha, issostni wkoll din it-teżi. Hija ehmżet kopja ta’ din is-sentenza mal-osservazzjonijiet tagħha.

111    Il-partijiet iddiskutew ukoll din il-kwistjoni fir-repliki u fil-kontrorepliki ppreżentati quddiem il-Bord tal-Appell. Madankollu, dan tal-aħħar ma ħax pożizzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq il-kwistjonijiet imqajma mill-partijiet.

112    Sabiex jiġi ddeterminat jekk, konformement mar-Regolament Nru 6/2002, in-natura tal-prodott inkluża minn disinn tistax tinfluwenza l-evalwazzjoni tan-novità tiegħu jew tal-karattru individwali tiegħu, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 3(a) tal-istess regolament (ara l-punt 38 iktar ’il fuq), it-terminu “disinn”, użat f’dan ir-regolament, ifisser id-dehra ta’ prodott jew ta’ parti minn prodott. Minn dan jirriżulta li l-“protezzjoni ta’ disinn” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 6/2002 tikkonsisti fil-protezzjoni tad-dehra ta prodott [sentenza tad-9 ta’ Settembru 2014, Biscuits Poult vs UASI – Banketbakkerij Merba (Biscuit), T‑494/12, Ġabra, EU:T:2014:757, punt 19].

113    Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 6/2002, disinn Komunitarju rreġistrat, bħad-disinn ikkontestat, għandu jikkonferixxi fuq il-proprjetarju tiegħu d-dritt esklużiv li jużah u jipprevjeni kull terz li ma jkollux il-kunsens tiegħu milli jużah u, permezz ta’ użu fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, għandu jinftiehem “b’mod partikolari, l-għemil, l-offerta, it-tqegħid fis-suq, l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew l-użu ta’ prodott li fih ikun inkorporat id-disinn jew li jiġi applikat fih jew il-ħażna ta’ dan il-prodott għal dawn l-għanijiet”.

114    Għandu jitfakkar ukoll li, skont l-Artikolu 36(2) tar-Regolament Nru 6/2002, l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju għandu jkun fiha indikazzjoni dwar il-prodotti li fihom id-disinn ikun maħsub li jiġi inkorporat jew li miegħu jkun maħsub li jiġi applikat. Madankollu, il-paragrafu 6 tal-istess artikolu jispeċifika li t-tagħrif imsemmi fil-paragrafu 2 “ma għandux jaffettwa l-iskop tal-protezzjoni tad-disinn bħala ta’ hekk”.

115    B’mod partikolari, fid-dawl tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 36(6) tar-Regolament Nru 6/2002 u tar-riferiment, fit-tieni sentenza tal-Artikolu 19(1) tal-imsemmi regolament għal “prodott”, għandu jiġi konkluż li disinn Komunitarju rreġistrat jikkonferixxi lill-proprjetarju tiegħu d-dritt esklużiv li juża fuq kull tip ta’ prodotti (u mhux biss fuq il-prodott indikat fuq l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni) id-disinn inkwistjoni kif ukoll, konformement mal-Artikolu 10 tal-istess regolament, kull disinn li ma jħallix impressjoni viżwali ġenerali differenti fuq l-utent avżat. Huwa jikkonferixxi wkoll lill-proprjetarju tiegħu d-dritt li jipprojbixxi lill kull terz l-użu fuq kull tip ta’ prodotti tad-disinn li huwa l-proprjetarju tiegħu kif ukoll kull disinn li ma jħallix impressjoni viżwali ġenerali differenti. Kieku kien mod ieħor, it-tieni sentenza tal-Artikolu 19(1) tirreferi mhux għal “prodott”, iżda biss il-prodott (jew il-prodotti) indikat(i) fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

116    Fid-dawl ta’ din il-konklużjoni, għandu wkoll jiġi konkluż li disinn Komunitarju ma jistax jitqies li huwa ġdid, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 6/2002, jekk disinn identiku ġie żvelat lill-pubbliku qabel id-dati ppreċiżati f’din id-dispożizzjoni, anki jekk dan id-disinn preċedenti jkun intiż li jiġi inkorporat fi prodott differenti jew li jiġi applikat għal dan tal-aħħar. Fl-ipoteżi kuntrarja, ir-reġistrazzjoni sussegwenti ta’ dan id-disinn bħala disinn Komunitarju intiża li jiġi inkorporat fi prodott ieħor differenti minn dak li għaliha diġà ġie żvelat jew li jiġi applikat għal dan il-prodott l-ieħor, jippermetti, għall-motivi esposti fil-punt 115 iktar ’il fuq, lill-proprjetarju ta’ din ir-reġistrazzjoni sussegwenti, li jipprojbixxi l-użu tiegħu wkoll għall-prodott intiż mill-iżvelar preċedenti. Madankollu, tali riżultat ikun paradossali.

117    L-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002 lanqas jista’ jwassal għal konklużjoni differenti.

118    L-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jipprovdi li “[b]l-għan li jiġu applikati l-Artikoli 5 u 6 [tal-imsemmi regolament], disinn għandu jiġi meqjus li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku jekk ikun ġie ppubblikat wara r-reġistrazzjoni jew xorta oħra, jew esibit, użat fil-kummerċ jew żvelat xorta oħra, qabel id-data riferita fl-Artikoli 5(1)(a) u 6(1)(a) jew l-Artikoli 5(1)(b) u 6(1)(b) [ta’ dan ir-regolament], skond kif ikun il-każ, għajr meta dawn l-okkażjonijiet ma jkunux jistgħu jiġu magħrufa b’mod raġonevoli fil-kors normali tan-negozju lill-partijiet speċjalizzati fis-settur interessat, li jkunu qegħdin joperaw ġewwa l-[Unjoni]”.

119    Interpretazzjoni litterali tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002 twassal għall-konklużjoni li tipprovdi li s-“settur interessat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jista’ jkun biss dak li taħtu jaqa’ l-prodott li fih id-disinn żvelat ġie inkorporat jew li għalih ġie applikat. Għalhekk, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, disinn preċedenti, inkorporat fi prodott speċifiku jew applikat għal dan tal-aħħar, jitqies li ġie żvelat jekk huwa jkun sar pubbliku, ħlief jekk, fil-prattika normali tan-negozju, dan il-fatt ma jistax raġonevolment ikun magħruf fiċ-ċirkli speċjalizzati tas-settur interessat mill-prodott inkwistjoni, li joperaw fl-Unjoni.

120    Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mix-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 6/2002. Ir-redazzjoni tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament tinkorpora proposta, ifformulata f’termini simili ħafna, li tidher fil-punt 3.1.4 tal-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali fuq il-proposta tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-disinni Komunitarji (ĠU 1994, C 388, p. 9). Sabiex tiġi ġġustifikata din il-proposta, il-punti 3.1.2 u 3.1.3 ta’ din l-opinjoni jsemmu s-segwenti:

“3.1.2. [Id-]dispożizzjoni [dwar l-evalwazzjoni tan-novità ta’ disinn Komunitarju], maħsuba għal dan il-għan, tidher diffiċilment applikabbli f’numri ta’ oqsma u speċjalment fl-industrija tessili. Huwa frekwenti li l-bejjiegħa ta’ prodotti ffalsifikati jipprovdu ċertifikati foloż li jistabbilixxu li d-disinn ikkontestat kien diġà nħoloq qabel f’pajjiż terz.

3.1.3. F’dawn il-kundizzjonijiet, l-iżvelar għandu jkun immirat għall-partijiet ikkonċernati fil-Komunità Ewropea qabel id-data ta’ referenza.”

121    Fi kliem ieħor, billi teżiġi li l-iżvelar ta’ disinn preċedenti jkun magħruf mill-partijiet speċjalizzati tas-settur interessat, li joperaw fl-Unjoni, l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002, intiż li tiġi evitata l-possibbiltà li disinn allegatament preċedenti jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 5 u 6 tal-istess regolament, għalkemm il-partijiet speċjalizzati tas-settur interessat mill-prodott inkwistjoni (li, ġeneralment, jista’ jkollhom għarfien iktar fil-fond tal-patrimonju ta’ disinni li ġew żvelati fid-data tal-preżentata tad-disinn ikkontestat fis-settur inkwistjoni minn dak tal-pubbliku inġenerali) ma jkunux jafu dan id-disinn. Min-naħa l-oħra, il-ġustifikazzjoni mressqa mill-proposta msemmija iktar ’il fuq tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ma tkoprix l-ipoteżi li tipprovdi li d-disinn preċedenti jkun magħruf mill-partijiet interessati fis-settur speċifiku fl-Unjoni, iżda mill-partijiet interessati minn settur ieħor, li taħtu jaqgħu l-prodotti differenti.

122    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li s-“settur interessat”, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002 ma huwiex limitat għal dak tal-prodott li fih id-disinn ikkontestat huwa intiż li jiġi inkorporat jew applikat.

123    Konsegwentement, disinn preċedenti inkorporat jew applikat għal prodott differenti għal dak ikkonċernat minn disinn sussegwenti huwa, bħala prinċipju, rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-novità, fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002, ta’ dan id-disinn sussegwenti. Fil-fatt, il-kliem ta’ dan l-artikolu tal-aħħar jeskludi li disinn jista’ jitqies li huwa ġdid jekk disinn identiku ġie, preċedentement, żvelat lill-pubbliku, irrispettivament mill-prodott li għalih dan id-disinn preċedenti huwa intiż li jiġi inkorporat jew applikat.

124    Madankollu, is-settur interessat mid-disinn preċedenti jista’, skont il-każ, ikollu ċerta rilevanza għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru individwali, fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, ta’ disinn.

125    L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002 huwa fformulat b’dan il-mod:

“Artikolu 6

Karattru individwali

1. Disinn għandu jiġi meqjus li jkollu karattru individwali jekk l-impressjoni ġenerali li jħalli fuq utent avżat tkun differenti mill-impressjoni ġenerali mħollija fuq dan l-utent minn kull disinn li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku:

a)       fil-każ ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat, qabel id-data li fiha d-disinn li għalih ikun hmm talba għall-protezzjoni jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku għall-ewwel darba;

b)       fil-każ ta’ disinn Komunitarju rreġistrat, qabel id-data ta’ l-infilzar ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew, jekk ikun hemm talba dwar il-prijorità, id-data tal-prijorità.

2. Fl-istima tal-karattru individwali, għandu jittieħed f’kunsiderazzjoni l-grad tal-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn.”

126    Mill-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li l-karattru individwali ta’ disinn għandu jiġi evalwat konformement mal-impressjoni ġenerali li jħalli fuq l-utent avżat.

127    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kunċett ta’ utent avżat għandu jinftiehem bħala kunċett intermedjarju bejn dak ta’ konsumatur medju, applikabbli fil-qasam tat-trade marks, fejn l-ebda għarfien speċifiku ma huwa mitlub mill-konsumatur u li ġeneralment ma jagħmilx paragun dirett bejn it-trade marks kunfliġġenti, u dak ta’ bniedem tax-xogħol, espert li għandu kompetenzi tekniċi kbar. Għaldaqstant, għalkemm l-utent avżat ma huwiex il-konsumatur medju normalment avżat u raġonevolment attent u avżat li normalment jara disinn fl-intier tiegħu u ma jwettaqx eżami tad-diversi dettalji tiegħu huwa lanqas ma huwa l-espert jew il-bniedem tas-sengħa li huwa kapaċi josserva fid-dettall id-differenzi minimi li jistgħu jeżistu bejn id-disinni kunfliġġenti [ara s-sentenza tal-21 ta’ Novembru 2013, El Hogar Perfecto del Siglo XXI vs UASI – Wenf International Advisers (Trabixu), T‑337/12, Ġabra, EU:T:2013:601, punti 21 u 22 u l-ġurisprudenza ċċitata].

128    Il-ġurisprudenza tispeċifika wkoll li l-kwalità ta’ “utent” timplika li l-persuna kkonċernata tuża l-prodott li jkun is-suġġett tad-disinn konformement mad-destinazzjoni ta’ dan l-istess prodott. Id-definizzjoni “avżat” tissuġġerixxi barra minn hekk li, mingħajr ma jkun disinjatur jew espert tekniku, l-utent ikun jaf id-disinni differenti li jeżistu fil-qasam ikkonċernat, jiddisponi minn ċertu grad ta’ konoxxenzi fir-rigward tal-elementi li dawn id-disinni jkun fihom normalment u, minħabba l-interess tiegħu fil-prodotti kkonċernati, juża livell ta’ attenzjoni relattivament ogħla meta jagħmel użu minnhom (ara s-sentenza Trabixu, punt 127 iktar ’il fuq, EU:T:2013:601, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

129    Minn dan isegwi li l-utent li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, huwa l-utent tal-prodott li fih id-disinn ikun ġie applikat jew li fih ikun ġie inkorporat.

130    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll li l-formulazzjoni tal-premessa 14 tar-Regolament Nru 6/2002, li jipprovdi li “[l]-istima dwar jekk disinn ikollux karattru individwali għandha tkun imsejsa fuq jekk l-impressjoni ġenerali prodotta minn utent avżat li jara d-disinn, tiddiferixxix biċ-ċar minn dik prodotta fuqu bil-corpus tad-disinn eżistenti, filwaqt li jqis in-natura tal-prodott li fih id-disinn ikun ġie applikat jew inkorporat, u b’mod partikolari s-settur industrijali li għalih jappartjeni u l-grad tal-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn”. Minn dan jirriżulta wkoll li n-natura tal-prodott ikkonċernat minn disinn ikkontestat u s-settur industrijali li dan il-prodott jaqa’ taħtu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn inkwistjoni.

131    F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi eskluż li l-utent avżat tal-prodott li fih disinn speċifiku jkun ġie applikat jew li fih ikun ġie inkorporat ikun jaf ukoll bil-patrimonju tad-disinni li jirrigwardaw prodotti differenti, għalkemm tali għarfien lanqas jista’ jiġi awtomatikament preżunt.

132    Minn dan isegwi li l-identifikazzjoni tal-prodott li fih disinn preċedenti jkun ġie applikat jew li fih ikun ġie inkorporat, invokat sabiex jiġi kkontestat il-karattru individwali, fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, ta’ disinn sussegwenti, għandha rilevanza għal din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, huwa permezz tal-identifikazzjoni tal-prodott ikkonċernat li jista’ jiġi ddeterminat jekk l-utent avżat tal-prodott li fih id-disinn preċedenti jkun ġie applikat jew li fih ikun ġie inkorporat ikunx jaf id-disinn preċedenti. Huwa biss jekk din il-kundizzjoni tal-aħħar tkun issodisfatta li dan id-disinn preċedenti jkun jista’ jipprekludi r-rikonoxximent ta’ karattru individwali fid-disinn sussegwenti.

133    Applikati fil-każ ineżami, il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jwasslu għall-konklużjoni li tipprovdi li, jekk l-identifikazzjoni tal-prodott speċifikat li fih id-disinn preċedenti, invokat insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, kien ġie inkorporat ma kinitx rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-novità, fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002, tad-disinn ikkontestat, kellhiex, xorta waħda, rilevanza għall-evalwazzjoni tal-karattru individwali, fis-sens tal-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, ta’ dan id-disinn tal-aħħar.

134    Għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u rrinvija l-każ quddiem din tal-aħħar, “sabiex tiddeċiedi fuq it-talba għal annullament ibbażata fuq l-Artikolu 25(1)(b), moqri flimkien mal-[Artikolu 4(1) u l-Artikolu 6]” tar-Regolament Nru 6/2002 (ara l-punt 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata)” jew, fi kliem ieħor, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat. Konsegwentement, sa fejn il-Bord tal-Appell iddeċieda li jiddeċiedi huwa stess fuq in-natura tal-prodott li fih id-disinn kien ġie inkorporat u li ma jħallix din il-kwistjoni għall-evalwazzjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, huwa kellu jibbaża l-konklużjoni tiegħu fuq evalwazzjoni korretta tal-provi li jirrigwardawha, ippreżentati quddiemu mill-partijiet. Għalhekk, jeħtieġ li tistħarreġ il-fondatezza ta’ din l-evalwazzjoni, kif ukoll jitlob, essenzjalment, l-intervenjenti.

135    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li fil-proċess tal-UASI ma hemm xejn li jippermetti li l-pjanċa li tkopri li tidher fiċ-ċentru tal-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 5 iktar ’il fuq tiġi kkwalifikata bħala “sifun tad-doċċa” (shower drain) jew bħala element ta’ tali sifun. Kif ġustament issostni l-intervenjenti, l-estratti mill- katalogi Blücher, ippreżentati mir-rikorrenti quddiem l-UASI, juru drejns għall-evakwazzjoni tal-ilma ta’ likwidi u gradilji (inkluż il-pjanċa msemmija iktar ’il fuq) setgħu jintużaw magħhom. Tali drejns, flimkien mal-gradilji jew pjanċi ta’ rkupru tagħhom, jistgħu, b’mod ġenerali, jintużaw f’diversi postijiet differenti.

136    Kif ġustament tosserva l-intervenjenti, fil-katalogi Blücher, il-preżentazzjoni tal-pjanċa li tkopri li tidher fiċ-ċentru tal-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 5 iktar ’il fuq hija pprovduta bi stampa żgħira ta’ vann. Mill-estratti mill-imsemmija katalogi, mehmuża mill-intervenjenti stess fl-Anness 9 fl-osservazzjonijiet tagħha tat-22 ta’ Ġunju 2010 quddiem id-Diviżjoni ta’ Kanċellazzjoni, li l-istampa tal-vann żgħir tindika l-“klassi tal-piż” ta’ kull gradilja (jew pjanċa), proposta f’dawn il-katalogi. Fi kliem ieħor, din tirrigwarda riferiment għall-piż massimu li tista’ tiflaħ il-gradilja jew il-pjanċa inkwistjoni.

137    Fil-katalogi Blücher jeżistu, b’kollox, ħames “klassijiet ta’ piż”: waħda għaż-“żoni fejn wieħed inkun ħafi” (kamra tal-banju, eċċ.), waħda għaż-“żoni għal dawk li jimxu fit-triq” (ċentri kummerċjali, eċċ.), waħda għall-“pellets trucks, karretttuni” (industrija mhux peżanti), waħda għall-“vannijiet, trakkijiet” (industrija, fabbriki) u waħda għall-“fork lifters kbar” (industrija peżanti, eċċ.). Il-“klassi ta’ piż” indikata mill-istampa tal-vann żgħir tikkorrispondi, għaldaqstant, għat-tieni piż massimu li jista’ jiflaħ il-gradilja jew il-pjanċa inkwistjoni. L-oġġetti li jaqgħu taħt din il-“klassi ta’ piż” jaqblu, skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti, għal użu industrijali, pereżempju f’fabbrika, u jistgħu jifilħu l-piżijiet bħal tali użu implikat. Madankollu, kuntrarjament għal dak li tidher li qed tippreżumi l-intervenjenti, dan ma jfissirx li huma ma jistgħux jintużaw ukoll f’postijiet oħrajn, b’mod partikolari f’doċċa, jew huma għandhom normalment jifilħu piżijiet inqas kbar.

138    Xorta waħda jibqa’ l-fatt li, peress li fil-proċess ma hemm xejn li jindika li l-pjanċa li tkopri li tidher fiċ-ċentru tal-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 5 iktar ’il fuq kienet intiża, esklużivament jew prinċipalment, għal użu bħala element ta’ sifun tad-doċċa, il-Bord tal-Appell żbalja meta kkwalifikatha bħala “sifun tad-doċċa”, fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata. Huwa kellu juża, fir-rigward tagħha, deskrizzjoni iktar ġenerali u konformi mal-indikazzjonijiet li jirriżultaw mill-katalogi Blücher, billi jikkwalifikaha, pereżempju, bħala pjanċa li tkopri ta’ drejn għall-evakwazzjoni tal-ilma ta’ likwidi.

139    Għalhekk, l-argument tal-intervenjenti intiż li jikkontesta l-fondatezza tal-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell li tipprovdi li l-oġġett li jidher fiċ-ċentru tal-illustrazzjoni riprodotta fil-punt 5 iktar ’il fuq hija sifun tad-doċċa għandu jintlaqa’.

140    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li kemm il-motiv uniku tar-rikorrenti kif ukoll il-motiv inċidentali, imqajjem mir-rikorrenti, huma fondati. Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, kif jitolbu kemm ir-rikorrenti kif ukoll l-intervenjenti. Min-naħa l-oħra, kif ġie indikat fil-punt 92 iktar ’il fuq, il-kap tat-talbiet tar-rikorrenti, intiż għall-bidla tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

141    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

142    F’dan il-każ, l-UASI tilef fir-rigward tat-talbiet tagħhom u kemm ir-rikorrenti kif ukoll l-intervenjenti ressqu talbu għall-kundanna tiegħu għall-ispejjeż. Fid-dawl tal-fatt li l-kap tat-talbiet tar-rikorrenti dwar l-ispejjeż ġie ppreżentat biss wara l-preżentata tar-rikors, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, huwa possibbli għall-partijiet li jippreżentaw talbiet fuq l-ispejjeż sussegwentement, anki fis-seduta, għalkemm huma ma jkunux għamlu dan waqt il-preżentata tar-rikors [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Mast-Jägermeister vs UASI – Licorera Zacapaneca (VENADO b’bordura et), T‑81/03, T‑82/03 u T‑103/03, Ġabra, EU:T:2006:397, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Għalhekk, dan il-kap tat-talbiet tar-rikorrenti huwa ammissibbli.

143    Għaldaqstant, l-UASI għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż tar-rikorrenti u tal-intervenjenti, skont it-talbiet tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tal-4 ta’ Ottubru 2012 (Każ R 2004/2010‑3) hija annullata.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      L-UASI għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk esposti mill-Group Nivelles u minn Easy Sanitary Solutions BV.

Gratsias

Kancheva

Wetter

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Mejju 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.