Language of document :

Appell ippreżentat fil-25 ta’ Frar 2021 minn Oriol Junqueras i Vies mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fil-15 ta’ Diċembru 2020 fil-Kawża T-24/20, Junqueras i Vies vs Il-Parlament

(Kawża C-115/21 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Appellant: Oriol Junqueras i Vies (rappreżentant: A. Van den Eynde Adroer, abogado)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Tannulla u tirrevoka d-digriet tal-15 ta’ Diċembru 2020, tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea mogħti fil-Kawża T-24/20.

Tiddikjara li r-rikors ippreżentat minn din il-parti huwa kompletament ammissibbli.

Tibgħat il-proċedura lura sabiex, ladarba ddikjarata l-ammissibbiltà tar-rikors, is-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tkompli bit-trattazzjoni tagħha.

Tikkundanna lill-Parlament Ewropew kemm għall-ispejjeż tal-proċedura ta’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kif ukoll għal dawk tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju: Żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni għall-każ tal-Artikoli 13(3) u 7(3) tal-Att Elettorali Ewropew (1976) 1 . Ma hemm l-ebda kanċellazzjoni tal-mandat iżda applikazzjoni ta’ kawża ta’ inkompatibbiltà li tfaċċat u mhux stabbilita skont l-Artikolu 7(3) tal-Att Elettorali Ewropew (1976). Il-Parlament Ewropew ma seta’ jieħu nota tal-ebda annullament tal-mandat ta’ O. Junqueras u lanqas tal-eżistenza ta’ xi kawża ta’ inkompatibbiltà stabbilita skont l-Artikolu 7(3) tal-Att Elettorali Ewropew (1976) peress li la wieħed u lanqas l-oħra ma jeżistu, billi “jieħu nota” il-Parlament Ewropew jagħti effetti ġuridiċi lil deċiżjoni li ma setax ikollha tali effetti u jsir att li jista’ jiġi kkontestat konformament mal-Artikolu 263 TFUE, bi ksur tad-drittijiet ta’ O. Junqueras (b’mod partikolari, tal-Artikolu 39 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea).

It-tieni aggravju: Żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 4(7) tar-Regoli tal-Proċedura [tal-Parlament Ewropew]. Id-digriet appellat huwa vvizzjat minn żball ta’ liġi sa fejn fih jitqies li l-Parlament Ewropew ma huwiex kompetenti sabiex jirrifjuta li jirrikonoxxi l-kawżi ta’ inkompatibbiltà konformament mal-imsemmi artikolu. Peress li ma applikatx l-Artikolu 4(7) tar-Regoli tal-Proċedura, id-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew hija deċiżjoni li tbiddel is-sitwazzjoni ġuridika ta’ O. Junqueras billi taffettwa d-drittijiet tiegħu (speċifikament b’mod konformi mal-Artikolu 39 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea) u, għaldaqstant, id-digriet appellat huwa vvizzjat minn żball ta’ liġi sa fejn fih jitqies li din ma hijiex att li jista’ jiġi kkontestat konformement mal-Artikolu 263 TFUE.

It-tielet aggravju: Interpretazzjoni żbaljata tal-Artikoli 8 u 12 tal-Att Elettorali Ewropew (1976) u tal-Artikolu 3(3) tar-Regoli tal-Proċedura peress li l-kawża ta’ inkompatibbiltà applikata lil O. Junqueras ma hijiex xierqa għall-proċedura elettorali. Ma jistax jiġi dedott li l-Istat jista’ jistabbilixxi l-imsemmija kawża ta’ inkompatibbiltà skont il-leġiżlazzjoni tal-proċedura elettorali prevista fl-Att Elettorali Ewropew (1976). Id-digriet huwa vvizzjat minn żball ta’ liġi peress li ma qiesx li l-Artikolu 13(3) tal-Att Elettorali Ewropew (1976) u l-Artikolu 4(7) tar-Regoli tal-Proċedura jmorru kontra l-Artikolu 39 tal-Karta (iż-żewġ paragrafi), l-Artikolu 41 tal-Karta (paragrafi 1 u 2) u l-Artikolu 21 tal-Karta (paragrafu 2), peress li jistabbilixxu limitazzjonijiet fuq drittijiet li jmorru kontra l-paragrafi 1 u 3 tal-Artikolu 52 tal-Karta. Id-digriet huwa vvizzjat minn żball sa fejn ma jiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Karta ġiet elevata għal dritt primarju tal-Unjoni. Peress li applika regoli li jmorru kontra l-Karta, huwa evidenti li l-att ikkontestat huwa deċiżjoni li taffettwa l-pożizzjoni ġuridika ta’ O. Junqueras u li jista’ jiġi kkontestat skont l-Artikolu 263 TFUE, u għaldaqstant id-digriet appellat huwa vvizzjat minn żball ta’ liġi. Sussidjarjament, id-digriet kellu jasal għal interpretazzjoni tal-Artikolu 13(3) tal-Att Elettorali Ewropew (1976) u tal-Artikolu 4(7) tar-Regoli tal-Proċedura li tkun konformi mad-drittijiet protetti mill-Karta u mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’teħid inkunsiderazzjoni wkoll taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali tal-każ speċifiku u tal-informazzjoni li l-Parlament Ewropew diġà kellu. Id-digriet appellat huwa wkoll ivvizzjat minn żball ta’ liġi sa fejn fil-każ konkret ma qiesx jekk setgħetx tintlaħaq il-konklużjoni li kien hemm dikjarazzjoni skorretta sostantiva konformament mal-Artikolu 4(7) tar-Regoli tal-Proċedura li kienet tawtorizza li l-Parlament Ewropew jirrifjuta li jiddikjara l-pożizzjoni vakanti jew li jirrikonoxxi l-kawża ta’ inkompatibbiltà applikata. Għal din ir-raġuni, id-digriet appellat huwa vvizzjat minn żball ta’ liġi minħabba li l-att ikkontestat huwa deċiżjoni li tipproduċi effetti ġuridiċi fil-konfront ta’ O. Junqueras u li jista’ jiġi kkontestat skont l-Artikolu 263 TFUE.

Ir-raba’ aggravju: Id-digriet appellat huwa vvizzjat minn żball ta’ liġi sa fejn fih jitqies li nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni min-naħa tal-President tal-Parlament Ewropew konformament mal-Artikolu 8 tar-Regoli tal-Proċedura ma huwiex obbligatorju konformament mad-dritt tal-Unjoni. L-ordinament ġuridiku għandu jiġi interpretat fit-totalità tiegħu, u l-Artikolu 39 tal-Karta (li l-applikazzjoni tiegħu hija mandatorja għall-Istati Membri konformament mal-Artikolu 51(1) tal-Karta), id-dmir ta’ kooperazzjoni leali u l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 6 tar-Regoli tal-Proċedura jagħmlu obbligatorja l-osservanza tad-drittijiet ta’ O. Junqueras jekk l-Istat Membru jiġi mgħarraf bis-sitwazzjoni mill-President tal-Parlament Ewropew konformament mal-Artikolu 8 tar-Regoli tal-Proċedura. Id-digriet appellat jinterpreta b’mod żbaljat li f’dan il-każ ma hemmx ċirkustanzi speċjali li jwasslu sabiex in-nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni tal-Parlament Ewropew jitqies li huwa att li jista’ jiġi kkontestat (diversi talbiet preċedenti ta’ protezzjoni tal-immunità ta’ O. Junqueras li ġew injorati u, fuq kollox, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li tirrikonoxxi l-kwalità tiegħu ta’ (Membru tal-Parlament Ewropew) elett u tippermetti li jiġi kkonstatat il-ksur tad-drittijiet tiegħu minħabba l-assenza ta’ talba għat-tneħħija tal-immunità tiegħu). Id-digriet appellat jinterpreta b’mod żbaljat li, fiċ-ċirkustanzi speċjali tal-każ speċifiku, ir-rifjut li tiġi trattata talba b’urġenza għal-protezzjoni skont l-Artikolu 8 tar-Regoli tal-Proċedura, hija deċiżjoni li ċċaħħad lil O. Junqueras mill-effetti ġuridiċi tal-protezzjoni tal-immunità tiegħu u, għaldaqstant, tista’ tiġi kkontestata konformament mal-Artikolu 263 TFUE.

____________

1 ĠU 1976, L 278, p. 5