Language of document : ECLI:EU:C:2024:531

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

20 ta’ Ġunju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 82 – Dritt għal kumpens għad-dannu kkawżat mill-ipproċessar tad-data li jikser dan ir-regolament – Kunċett ta’ ‘dannu morali’ – Kumpens ta’ natura punittiva jew bħala sempliċi kumpens u sodisfazzjon – Kumpens minimu jew simboliku – Serq ta’ data personali rreġistrata fuq applikazzjoni tal-kummerċ – Serq ta’ identità jew frodi”

Fil-Kawżi magħquda C‑182/22 u C‑189/22,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Amtsgericht München (il-Qorti Distrettwali ta’ München, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑3 ta’ Marzu 2022, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 u fl‑11 ta’ Marzu 2022, fil-proċeduri

JU (C‑182/22),

SO (C‑189/22)

vs

Scalable Capital GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, N. Piçarra u N. Jääskinen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal SO, minn M. Ruigrok van de Werve, Rechtsanwalt,

–        għal Scalable Capital GmbH, minn M. C. Mekat, Rechtsanwalt,

–        għall-Irlanda, minn M. Browne, Chief State Solicitor, A. Joyce u M. Tierney, bħala aġenti, assistiti minn D. Fennelly, BL,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouchagiar, M. Heller u H. Kranenborg, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑26 ta’ Ottubru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 82 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem il-“GDPR”).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn rispettivament, min-naħa, JU u SO, u, min-naħa l-oħra, Scalable Capital GmbH, dwar il-kumpens għad-dannu morali li huma jsostnu li ġarrbu minħabba s-serq, minn terzi li l-identità tagħhom ma hijiex magħrufa, tad-data personali tagħhom irreġistrata fuq applikazzjoni tal-kummerċ ġestita minn din il-kumpannija.

 Ilkuntest ġuridiku

3        Il-premessi 75, 85 u 146 tal-GDPR huma fformulati kif ġej:

“(75)      Ir-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, bi probabbiltà u gravità li jvarjaw, jistgħu jirriżultaw mill-ipproċessar ta’ data personali li tista’ twassal għal dannu fiżiku, materjali jew mhux materjali, b’mod partikolari fejn l-ipproċessar jista’ jagħti lok għal diskriminazzjoni, serq ta’ identità jew frodi, telf finanzjarju, dannu għar-reputazzjoni, telf ta’ kunfidenzjalità ta’ data personali protetta mis-segretezza professjonali, it-treġġigħ lura mhux awtorizzat tal-psewdonimizzazzjoni, jew kwalunkwe żvantaġġ ekonomiku jew soċjali sinifikanti ieħor; jew fejn is-suġġetti tad-data jistgħu jiġu mċaħħda mid-drittijiet u l-libertajiet tagħhom jew impediti milli jeżerċitaw kontroll fuq id-data personali tagħhom; fejn tiġi pproċessata data personali li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, is-sħubija fi trade union, u l-ipproċessar ta’ data ġenetika, data dwar is-saħħa jew data dwar il-ħajja sesswali jew kundanni kriminali u reati jew miżuri ta’ sigurtà relatati; fejn l-aspetti personali jiġu evalwati, b’mod partikolari l-analiżi jew it-tbassir ta’ aspetti rigward il-prestazzjoni fuq ix-xogħol, is-sitwazzjoni ekonomika, is-saħħa, il-preferenzi jew l-interessi personali, l-affidabbiltà jew l-imġiba, il-lokalizzazzjoni jew il-movimenti, sabiex jinħolqu jew jintużaw profili personali; fejn tiġi proċessata data personali ta’ persuni fiżiċi vulnerabbli, b’mod partikolari ta’ tfal; jew fejn l-ipproċessar jinvolvi ammont kbir ta’ data personali u jaffettwa numru kbir ta’ suġġetti tad-data.

[…]

(85)      Il-vjolazzjoni ta’ data personali tista’, jekk ma tiġix indirizzata b’mod adegwat u fil-ħin, tirriżulta f’dannu fiżiku, materjali jew mhux materjali lill-persuni fiżiċi bħat-telf ta’ kontroll tad-data personali tagħhom jew limitazzjoni tad-drittijiet tagħhom, diskriminazzjoni, serq tal-identità jew frodi, telf finanzjarju, it-treġġigħ lura mhux awtorizzat tal-psewdonimizzazzjoni, dannu għar-reputazzjoni, telf ta’ kunfidenzjalità tad-data personali protetta mis-segretezza professjonali jew kwalunkwe żvantaġġ ekonomiku jew soċjali ieħor għall-persuna fiżika kkonċernata. […]

[…]

(146)      […] Il-kontrollur jew il-proċessur għandu jiġi eżentat mir-responsabbiltà jekk iġib provi li huwa mhuwiex responsabbli bl-ebda mod għad-dannu. Il-kunċett ta’ dannu għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ fid-dawl tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja b’mod li jissodisfa b’mod sħiħ l-objettivi ta’ dan ir-Regolament. […] Is-suġġetti tad-data għandhom jirċievu kumpens sħiħ u effettiv għad-dannu li jkunu ġarrbu. […]”

4        L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi li:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(1)      ‘data personali’ tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); […]

[…]

(7)      ‘kontrollur’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew kwalunkwe korp ieħor li, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali; […]

[…]

(10)      ‘parti terza’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp għajr is-suġġett tad-data, il-kontrollur, il-proċessur u l-persuni li, taħt l-awtorità diretta tal-kontrollur jew tal-proċessur, ikunu awtorizzati li jipproċessaw id-data personali;

[…]

(12)      ‘ksur ta’ data personali’ tfisser ksur tas-sigurtà li jwassal għal qerda aċċidentali jew illegali, telf, bidliet, żvelar mhux awtorizzat ta’, jew aċċess għal, data personali trażmessa, maħżuna jew ipproċessata b’xi mod ieħor;

[…]”

5        L-Artikolu 82 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dritt għal rimedju u responsabbiltà”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu, li:

“1.      Kwalunkwe persuna li tkun ġarrbet xi dannu materjali jew mhux materjali b’riżultat ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament għandu jkollha d-dritt li tirċievi kumpens mill-kontrollur jew il-proċessur għad-dannu mġarrab.

2.      Kwalunkwe kontrollur involut fl-ipproċessar għandu jkunu responsabbli għad-dannu kkawżat mill-ipproċessar li jikser dan ir-Regolament. Proċessur għandu jkun responsabbli għad-dannu kkawżat mill-ipproċessar f’każ biss fejn ma jkunx ikkonforma mal-obbligi ta’ dan ir-Regolament diretti b’mod speċifiku lejn il-proċessuri jew fejn ikun aġixxa lil hinn minn jew kontra istruzzjonijiet legali tal-kontrollur.

3.      Kontrollur jew proċessur għandu jkun eżentat mir-responsabbiltà taħt il-paragrafu 2 jekk jagħti prova li bl-ebda mod m’huwa responsabbli għall-avveniment li wassal għad-dannu.”

 Ilkawżi prinċipali u ddomandi preliminari

6        Scalable Capital, kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż, tiġġestixxi trading app (applikazzjoni tal-kummerċ) li fuqha r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, JU u SO, kienu fetħu kont. Għal dan il-għan, dawn tal-aħħar irreġistraw ċerta data personali fuq il-kontijiet rispettivi tagħhom, b’mod partikolari isimhom, id-data tat-twelid tagħhom, l-indirizz postali tagħhom, l-indirizz tal-posta elettronika tagħhom kif ukoll kopja diġitali tal-karta tal-identità tagħhom. Ammont ta’ diversi eluf ta’ euro meħtieġ għall-ftuħ ta’ dawn il-kontijiet kien tħallas mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

7        Matul is-sena 2020, data personali kif ukoll data dwar il-portafoll tal-investimenti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġiet ikkupjata minn terzi li l-identità tagħhom tibqa’ mhux magħrufa. Skont Scalable Capital, l-imsemmija data personali ma kinitx is-suġġett ta’ użu frawdolenti sa issa.

8        F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxew lill-Amtsgericht München (il-Qorti Distrettwali ta’ München, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju, b’rikors intiż sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu morali li huma jsostnu li ġarrbu minħabba s-serq tad-data personali tagħhom.

9        Fl-ewwel lok, id-domandi tal-qorti tar-rinviju jirriżultaw minn approċċi diverġenti tal-qrati Ġermaniżi għall-evalwazzjoni tad-danni li għandhom jingħataw f’din it-tip ta’ sitwazzjoni. Minn dan jirriżultaw varjazzjonijiet sinjifikattivi fl-ammont tal-kumpens pekunjarju mogħti f’każijiet li madankollu huma analogi għal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari skont jekk itteħidx inkunsiderazzjoni, jew le, effett dissważiv eventwali. Il-qorti tar-rinviju tindika li, f’dan il-każ, diversi għexieren ta’ eluf ta’ persuni huma affettwati mit-telf tad-data inkwistjoni u li għalhekk għandu jiġi adottat metodu ta’ evalwazzjoni uniformi.

10      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-evalwazzjoni tad-danni morali, hija tibbaża ruħha fuq id-dritt Ġermaniż sabiex tiddistingwi funzjoni ta’ “kumpens” minn funzjoni ta’ “sodisfazzjon personali”. Il-funzjoni ta’ kumpens hija intiża sabiex tikkumpensa l-konsegwenzi mġarrba u prevedibbli tad-dannu allegat, filwaqt li l-funzjoni ta’ sodisfazzjon personali hija intiża sabiex tinnewtralizza s-sentiment ta’ inġustizzja li jinħass mill-fatt li jkun seħħ l-imsemmi dannu. Hija tindika li, fid-dritt Ġermaniż, din il-funzjoni ta’ sodisfazzjon għandha biss rwol aċċessorju u tqis li, f’dan il-każ, din il-funzjoni ma għandha teżerċita ebda influwenza fuq il-kalkolu tad-danni mitluba mir-rikorrenti.

11      Fit-tielet lok, fid-dritt Ġermaniż, ma teżistix skala li tippermetti li jiġi ffissat l-ammont tad-danni li għandu jingħata skont is-sitwazzjonijiet li fihom jintalbu. Madankollu, in-numru kbir ta’ deċiżjonijiet individwali mogħtija jippermetti li jiġi stabbilit qafas li għalih wieħed jirreferi, li jwassal għal forma ta’ sistematizzazzjoni tal-kumpens. F’dan ir-rigward, fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż, kumpens pekunjarju jingħata sabiex jikkumpensa l-ksur tad-drittijiet tal-personalità biss meta dan ikun partikolarment gravi. L-evalwazzjoni pekunjarja hija iktar oġġettiva għall-kumpens ta’ ħsara fuq il-persuna. Il-qorti tar-rinviju hija għalhekk tal-fehma li t-telf tad-data għandu jkollu inqas piż minn dak għall-ħsarat fuq il-persuna.

12      Fir-raba’ lok, din il-qorti tistaqsi dwar il-possibbiltà li jingħataw kumpensi baxxi, li jistgħu jiġu pperċepiti bħala simboliċi, fil-każijiet fejn id-dannu marbut ma’ ksur tal-GDPR ikun minimu.

13      Fil-ħames lok, hija tosserva li l-partijiet fil-kawżi prinċipali jinterpretaw b’mod differenti l-kunċett ta’ “serq ta’ identità”. F’dan ir-rigward, hija tqis li hemm biss serq ta’ identità meta d-data miksuba illegalment tintuża minn terz sabiex l-identità tas-suġġett tad-data tintuża b’mod frawdolenti.

14      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Amtsgericht München (il-Qorti Distrettwali ta’ München) iddeċidiet, fil-Kawżi C‑182/22 u C‑189/22, li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li huma fformulati f’termini identiċi f’dawn iż-żewġ kawżi:

“1)      L-Artikolu 82 [tal-GDPR] għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt għal kumpens ma għandux natura ta’ sanzjoni, lanqas fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tiegħu, u b’mod partikolari ma għandux funzjoni dissważiva ġenerali jew speċjali, sa fejn id-dritt għal kumpens għandu biss il-funzjoni li jinkiseb kumpens għad-danni mġarrba u jekk ikun il-każ funzjoni ta’ sodisfazzjoni?

2)      Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tad-dritt għal kumpens għad-danni mhux materjali, wieħed għandu jitlaq mill-prinċipju li dan id-dritt għandu wkoll funzjoni ta’ sodisfazzjoni individwali – fis-sens hawnhekk ta’ interess privat tal-persuna li ġarrbet id-danni li tara li l-aġir li kkawża d-danni jiġi ssanzjonat – jew id-dritt għal kumpens għandu biss il-funzjoni li jinkiseb kumpens għad-danni mġarrba?

Jekk wieħed għandu jitlaq mill-prinċipju li d-dritt għal kumpens għad-danni mhux materjali għandu l-funzjoni kemm ta’ kumpens kif ukoll ta’ sodisfazzjoni: fl-evalwazzjoni tiegħu għandu jiġi aċċettat li l-funzjoni ta’ kumpens tirbaħ b’mod strutturali fuq il-funzjoni ta’ sodisfazzjoni jew hija minn tal-inqas marbuta magħha fil-forma ta’ regola u ta’ eċċezzjoni? Dan jista’ jwassal sabiex funzjoni ta’ sodisfazzjoni tittieħed inkunsiderazzjoni biss fil-każ ta’ ksur intenzjonat jew ta’ negliġenza gravi?

Jekk id-dritt għal kumpens għad-danni mhux materjali ma għandux funzjoni ta’ sodisfazzjoni: fil-kalkolu ta’ dawn id-danni, huwa biss il-ksur intenzjonat jew ta’ negliġenza gravi għall-protezzjoni tad-data li għandu jingħata piż addizzjonali fl-evalwazzjoni tal-fatturi li kkontribwixxew għall-kawża?

3)      Għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-danni mhux materjali fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha, għandu jitqies li hemm relazzjoni ta’ ġerarkija strutturali jew, minn tal-inqas, relazzjoni ta’ ġerarkija bejn regola u eċċezzjoni, fis-sens li l-impatt tad-danni li jirriżultaw minn vjolazzjoni tad-data għandu inqas piż mill-impatt tad-danni u tat-tbatija marbuta ma’ danni fuq il-persuna?

4)      F’sitwazzjoni fejn l-eżistenza ta’ dannu hija preżunta, qorti nazzjonali tista’, fid-dawl tal-assenza ta’ gravità, tiddeċiedi li tordna biss l-għoti ta’ kumpens għad-danni li jkunu materjalment minimi u li jekk ikun il-każ jista’ jitqies biss li huwa kumpens simboliku mill-parti li ġarrbet id-danni jew mill-popolazzjoni b’mod ġenerali?

5)      Għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-danni mhux materjali fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tiegħu, wieħed għandu jitlaq mill-prinċipju li jkun hemm serq ta’ identità fis-sens tal-premessa 75 [tal-GDPR] fil-każ biss li kriminal ikun effettivament assuma l-identità tas-suġġett tad-data, jiġifieri jkun b’xi mod jew ieħor ippreżenta lilu nnifsu bħallikieku kien dan is-suġġett tad-data, jew ikun hemm diġà serq ta’ identità meta l-kriminal ikollu data li tippermettilu jidentifika lis-suġġett tad-data?”

 Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

15      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ April 2021, il-Kawżi C‑182/22 u C‑189/22 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura, kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

16      Fl‑1 ta’ Ġunju 2022, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħad it-talba ta’ Scalable Capital intiża sabiex tinkiseb l-anonimizzazzjoni ta’ din il-proċedura skont l-Artikolu 95(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

 Fuq lammissibbiltà tattalbiet għal deċiżjoni preliminari

17      Scalable Capital issostni, essenzjalment, li dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari ma humiex ammissibbli sa fejn dawn ma għandhomx effett fuq is-soluzzjoni tal-kawżi prinċipali. Hija tqis li telf astratt ta’ kontroll fuq id-data, bħalma huwa l-każ f’dan il-każ, ma għandux jiġi kklassifikat bħala “dannu”, fis-sens tal-Artikolu 82(1) tal-GDPR meta tali telf ta’ kontroll ikun baqa’ mingħajr konsegwenza konkreta, u għalhekk meta l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 82 ma jkunux issodisfatti. Fil-fatt, tali klassifikazzjoni twassal sabiex jitqies li kull ksur tar-Regolament joħloq preżunzjoni ta’ dannu, kuntrarjament għall-formulazzjoni, l-istruttura ġenerali u l-oriġini tal-Artikolu 82 tal-GDPR.

18      F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni li għandha tevalwa, fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, li jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Għaldaqstant, peress li d-domanda magħmula tirrigwarda l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni, ħlief jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, jekk il-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għall-imsemmija domanda (ara s-sentenzi tal‑5 ta’ Mejju 2022, Zagrebačka banka, C‑567/20, EU:C:2022:352, punt 43, u tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post (Dannu morali marbut mal-ipproċessar ta’ data personali), C‑300/21, EU:C:2023:370, punt 23).

19      F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jitfakkar li, meta ma jkunx jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, l-oġġezzjoni bbażata fuq l-inapplikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni għall-kawża prinċipali ma tirrigwardax l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, iżda tirrigwarda l-mertu tad-domandi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punt 30; tal‑4 ta’ Lulju 2019, Kirschstein, C‑393/17, EU:C:2019:563, punt 28, kif ukoll tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin, C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 66).

20      Minn dan jirriżulta li dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma ammissibbli.

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda u lewwel parti tattieni domanda

21      Permezz tal-ewwel domanda tagħha u tal-ewwel parti tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 82(1) tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li d-dritt għal kumpens previst f’din id-dispożizzjoni jissodisfa funzjoni kumpensatorja sa fejn kumpens pekunjarju bbażat fuq l-imsemmija dispożizzjoni għandu jippermetti li jiġi kkumpensat b’mod sħiħ id-dannu mġarrab minħabba l-ksur ta’ dan ir-regolament, jew li jissodisfa wkoll funzjoni punittiva intiża, b’mod partikolari, sabiex jiġu ssodisfatti l-interessi individwali tas-suġġett tad-data.

22      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 82 tal-GDPR ma għandux funzjoni punittiva iżda kumpensatorja, kuntrarjament għal dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament li jinsabu wkoll fil-Kapitolu VIII tiegħu, jiġifieri l-Artikoli 83 u 84 tiegħu, li għandhom, min-naħa tagħhom, essenzjalment għan punittiv, peress li dawn jippermettu rispettivament li jiġu imposti multi amministrattivi kif ukoll sanzjonijiet oħra. Ir-relazzjoni bejn ir-regoli stabbiliti fl-imsemmi Artikolu 82 u dawk stabbiliti fl-imsemmija Artikoli 83 u 84 turi li teżisti differenza bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ dispożizzjonijiet, iżda wkoll komplementarjetà, f’termini ta’ inċentiv għall-osservanza tal-GDPR, filwaqt li għandu jiġi osservat li d-dritt ta’ kull persuna li titlob kumpens għal dannu jsaħħaħ in-natura operattiva tar-regoli ta’ protezzjoni previsti minn dan ir-regolament u huwa ta’ natura li jiskoraġġixxi r-repetizzjoni ta’ aġir illegali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post (Dannu morali marbut mal-ipproċessar ta’ data personali), C‑300/21, EU:C:2023:370, punti 38 u 40, kif ukoll tal‑11 ta’ April 2024, juris, C‑741/21, EU:C:2024:288, punt 59).

23      Għaldaqstant, l-Artikolu 82(1) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt għal kumpens previst f’din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari fil-każ ta’ dannu morali, jissodisfa funzjoni esklużivament kumpensatorja, sa fejn kumpens pekunjarju bbażat fuq l-imsemmija dispożizzjoni għandu jippermetti li jiġi kkumpensat b’mod sħiħ id-dannu konkretament imġarrab minħabba l-ksur ta’ dan ir-regolament, u mhux funzjoni dissważiva jew punittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post (Dannu morali marbut mal-ipproċessar ta’ data personali), C‑300/21, EU:C:2023:370, punti 57 u 58, kif ukoll tal‑11 ta’ April 2024, juris, C‑741/21, EU:C:2024:288, punt 61).

24      Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda u għall-ewwel parti tat-tieni domanda hija li l-Artikolu 82(1) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt għal kumpens previst f’din id-dispożizzjoni jissodisfa funzjoni esklużivament kumpensatorja, sa fejn kumpens pekunjarju bbażat fuq l-imsemmija dispożizzjoni għandu jippermetti li jiġi kkumpensat b’mod sħiħ id-dannu mġarrab.

 Fuq ittieni parti tattieni domanda

25      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda u għall-ewwel parti tat-tieni domanda, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għal din it-tieni parti tat-tieni domanda.

 Fuq ittielet parti tattieni domanda

26      Permezz tat-tielet parti tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 82(1) tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li dan l-artikolu jirrikjedi li l-grad ta’ gravità u l-eventwali natura intenzjonali tal-ksur ta’ dan ir-regolament imwettaq mill-kontrollur għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kumpens għal dannu abbażi ta’ din id-dispożizzjoni.

27      Fir-rigward tal-evalwazzjoni tad-danni eventwalment dovuti skont l-Artikolu 82 tal-GDPR, fl-assenza ta’ dispożizzjoni li għandha tali għan f’dan ir-regolament, il-qrati nazzjonali għandhom japplikaw ir-regoli interni ta’ kull Stat Membru dwar il-portata tal-kumpens pekunjarju, sakemm jiġu osservati l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post (Dannu morali marbut mal-ipproċessar ta’ data personali), C‑300/21, EU:C:2023:370, punti 53, 54 u 59, kif ukoll tal‑25 ta’ Jannar 2024, MediaMarktSaturn, C‑687/21, EU:C:2024:72, punt 53).

28      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-kontrollur skont l-Artikolu 82 tal-GDPR huwa suġġett għall-eżistenza ta’ nuqqas imwettaq minnu, li huwa preżunt, sakemm dan tal-aħħar ma jipprovax li l-fatt li kkawża d-dannu bl-ebda mod ma huwa imputabbli lilu, u, min-naħa l-oħra, li dan l-Artikolu 82 ma jeħtieġx li l-grad ta’ gravità ta’ dan in-nuqqas jittieħed inkunsiderazzjoni fl-iffissar tal-ammont tad-danni mogħtija bħala kumpens għal dannu morali abbażi ta’ din id-dispożizzjoni (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Krankenversicherung Nordrhein, C‑667/21, EU:C:2023:1022, punt 103, u tal‑25 ta’ Jannar 2024, MediaMarktSaturn, C‑687/21, EU:C:2024:72, punt 52).

29      Barra minn hekk, il-funzjoni esklużivament kumpensatorja tad-dritt għal kumpens previst fl-Artikolu 82(1) tal-GDPR teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tan-natura eventwalment intenzjonali tal-ksur ta’ dan ir-regolament, li l-persuna responsabbli għall-ipproċessar hija preżunta li wettqet, fl-iffissar tal-ammont tad-danni mogħtija bħala kumpens għal dannu morali abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni. Madankollu, dan l-ammont għandu jiġi stabbilit b’mod li jikkumpensa b’mod sħiħ id-dannu konkretament subit minħabba l-ksur tal-imsemmi regolament (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Krankenversicherung Nordrhein, C‑667/21, EU:C:2023:1022, punt 102, u tal‑25 ta’ Jannar 2024, MediaMarktSaturn, C‑687/21, EU:C:2024:72, punt 54).

30      Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet parti tat-tieni domanda hija li l-Artikolu 82(1) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li dan l-artikolu ma jirrikjedix li l-grad ta’ gravità u l-eventwali natura intenzjonali tal-ksur ta’ dan ir-regolament imwettaq mill-kontrollur għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kumpens għal dannu abbażi ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq ittielet domanda

31      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 82(1) tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont ta’ danni dovuti abbażi tad-dritt għal kumpens għal dannu morali, għandu jitqies li tali dannu kkawżat minn ksur ta’ data personali huwa, min-natura tiegħu, inqas sinjifikattiv minn ħsara fuq il-persuna.

32      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-aspetti proċedurali tar-rikorsi ġudizzjarji intiżi li tiġi żgurata s-salvagwardja tad-drittijiet tal-partijiet fil-kawża, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn il-modalitajiet ma jkunux, fis-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jirrendux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet ikkonferiti mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2017, El Hassani, C‑403/16, EU:C:2017:960, punt 26, u tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post (Dannu morali marbut mal-ipproċessar ta’ data personali), C‑300/21, EU:C:2023:370, punt 53).

33      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-GDPR ma jinkludix dispożizzjoni li għandha l-għan li tiddefinixxi r-regoli dwar l-evalwazzjoni tad-danni li suġġett tad-data, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, jista’ jitlob, skont l-Artikolu 82 tiegħu, meta ksur tal-imsemmi regolament ikun ikkawżalu dannu. Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi l-modalitajiet tal-azzjonijiet intiżi li jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jgawdu taħt dan l-Artikolu 82 u, b’mod partikolari, il-kriterji li jippermettu li tiġi ddeterminata l-portata tal-kumpens dovut f’dan il-kuntest, bla ħsara għall-osservanza tal-imsemmija prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post (Dannu morali marbut mal-ipproċessar ta’ data personali), C‑300/21, EU:C:2023:370, punt 54).

34      Peress li ebda element tal-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jissuġġerixxi li l-prinċipju ta’ ekwivalenza jista’ jkun rilevanti fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi prinċipali, hemm lok li wieħed jiffoka fuq il-prinċipju ta’ effettività. Minn din il-perspettiva, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-modalitajiet previsti fid-dritt Ġermaniż, għall-iffissar ġudizzjarju tad-danni dovuti abbażi tad-dritt għal kumpens stabbilit fl-Artikolu 82 tal-GDPR, jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar speċifiku minn dan ir-regolament.

35      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 23 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, fid-dawl tal-funzjoni esklużivament kumpensatorja tad-dritt għal kumpens previst fl-Artikolu 82(1) ta’ dan ir-regolament, kumpens pekunjarju bbażat fuq din id-dispożizzjoni għandu jitqies li huwa “sħiħ u effettiv” jekk jippermetti li jiġi kkumpensat b’mod sħiħ id-dannu konkretament imġarrab minħabba l-ksur tal-imsemmi regolament.

36      Minn din il-perspettiva, il-premessa 146 tal-imsemmi regolament tindika barra minn hekk li “[i]l-kunċett ta’ dannu għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ fid-dawl tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja b’mod li jissodisfa b’mod sħiħ l-objettivi ta’ dan ir-Regolament” u li “[i]s-suġġetti tad-data għandhom jirċievu kumpens sħiħ u effettiv għad-dannu li jkunu ġarrbu”.

37      Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-premessi 75 u 85 tal-GDPR jipprevedu ċirkustanzi differenti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “danni fiżiċi, materjali jew danni morali” mingħajr ma joperaw ġerarkija bejniethom u mingħajr ma jindikaw li l-ksur li jirriżulta minn ksur ta’ data huwa, min-natura tiegħu, inqas sinjifikattiv mill-ħsara fuq il-persuna.

38      Issa, jekk jiġi preżunt, bħala prinċipju, li ħsara fuq il-persuna hija, min-natura tagħha stess, iktar sinjifikattiva minn dannu morali jkun hemm ir-riskju li jitqiegħed f’dubju l-prinċipju ta’ kumpens sħiħ u effettiv għad-dannu mġarrab.

39      Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li l-Artikolu 82(1) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont ta’ danni dovuti abbażi tad-dritt għal kumpens għal dannu morali, għandu jitqies li tali dannu kkawżat minn ksur ta’ data personali ma huwiex, min-natura tiegħu, inqas sinjifikattiv minn ħsara fuq il-persuna.

 Fuq irraba’ domanda

40      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 82(1) tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta jiġi stabbilit dannu, qorti nazzjonali tista’, meta dan ma jkunx serju, tikkumpensa lis-suġġett tad-data billi tagħtih kumpens minimu, li jista’ jiġi pperċepit bħala simboliku.

41      Għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Artikolu 82(1) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sempliċi ksur ta’ dan ir-regolament ma huwiex biżżejjed sabiex jagħti dritt għal kumpens, peress li l-eżistenza ta’ “dannu”, materjali jew morali, jew “dannu” li jkun ġie “mġarrab” jikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet tad-dritt għal kumpens previst fl-imsemmi Artikolu 82(1), bħall-eżistenza ta’ ksur tal-imsemmi regolament u ta’ rabta kawżali bejn dan id-dannu u dan il-ksur, liema tliet kundizzjonijiet huma kumulattivi (sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post (Dannu morali marbut mal-ipproċessar ta’ data personali), C‑300/21, EU:C:2023:370, punt 32, u tal‑11 ta’ April 2024, juris, C‑741/21, EU:C:2024:288, punt 34).

42      Għalhekk, il-persuna li titlob kumpens għal dannu morali abbażi ta’ din id-dispożizzjoni hija obbligata tistabbilixxi mhux biss il-ksur ta’ dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, iżda wkoll li dan il-ksur ikkawżalha tali dannu, li għalhekk ma jistax jiġi biss preżunt minħabba li jkun seħħ l-imsemmi ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post (Dannu morali marbut mal-ipproċessar ta’ data personali), C‑300/21, EU:C:2023:370, punt 42 u 50, kif ukoll tal‑11 ta’ April 2024, juris, C‑741/21, EU:C:2024:288, punt 35).

43      Meta persuna jirnexxilha turi li l-ksur tal-GDPR ikkawżalha dannu, fis-sens tal-Artikolu 82 ta’ dan ir-regolament, mill-punt 33 ta’ din is-sentenza jirriżulta, essenzjalment, li l-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-kumpens dovut fil-kuntest ta’ azzjonijiet intiżi li jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jnisslu minn dan l-artikolu għandhom jiġu stabbiliti fl-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat Membru, sakemm tali kumpens ikun sħiħ u effettiv.

44      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 82(1) tal-GDPR ma jeżiġix li, wara ksur ikkonfermat tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, id-dannu allegat mis-suġġett tad-data għandu jilħaq “livell de minimis” sabiex ikun jista’ jagħti dritt għal kumpens (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2023, Gemeinde Ummendorf, C‑456/22, EU:C:2023:988, punt 18).

45      Madankollu, kunsiderazzjonijiet bħal dawn ma jeskludux il-possibbiltà li l-qrati nazzjonali jistgħu jagħtu kumpens ta’ ammont żgħir sakemm dan il-kumpens jikkumpensa b’mod sħiħ l-imsemmi dannu, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, b’osservanza tal-prinċipji mfakkra fil-punt 43 ta’ din is-sentenza.

46      Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda hija li l-Artikolu 82(1) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta jiġi stabbilit dannu, qorti nazzjonali tista’, meta dan ma jkunx serju, tikkumpensa lis-suġġett tad-data billi tagħtih kumpens minimu, sakemm dan il-kumpens ikun kapaċi jikkumpensa b’mod sħiħ id-dannu mġarrab.

 Fuq ilħames domanda

 Fuq lammissibbiltà

47      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni Ewropea staqsiet dwar ir-rilevanza tal-ħames domanda sabiex tingħata risposta għall-kawżi prinċipali, sa fejn hija tikkonstata li ebda riferiment għal dispożizzjoni konkreta tad-dritt tal-Unjoni ma ssemma mill-qorti tar-rinviju.

48      F’dan ir-rigward, il-ħames domanda tirreferi għall-kunċett ta’ “serq ta’ identità”, fis-sens tal-premessa 75 tal-GDPR u ma tikkonċernax formalment l-Artikolu 82 ta’ dan ir-regolament. Madankollu, is-sempliċi fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja tintalab tiddeċiedi f’termini astratti u ġenerali ma jistax ikollu l-effett li jwassal għall-inammissibbiltà ta’ talba għal deċiżjoni preliminari (sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2007, International Mail Spain, C‑162/06, EU:C:2007:681, punt 24).

49      Issa, permezz ta’ din id-domanda l-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-kunċett ta’ “serq ta’ identità”, kif jinsab fil-premessa 75 tal-GDPR, sabiex tiddetermina l-ammont tal-kumpens pekunjarju previst fl-Artikolu 82 tal-GDPR. L-imsemmija domanda tirrigwarda għalhekk dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, ir-risposta għal din id-domanda hija rilevanti wkoll sa fejn la l-qorti tar-rinviju u lanqas il-partijiet fil-kawżi prinċipali ma jaqblu fuq id-definizzjoni ta’ dan il-kunċett għall-finijiet tal-evalwazzjoni tad-dannu mġarrab fil-kawżi prinċipali.

50      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħames domanda hija inammissibbli.

 Fuq ilmertu

51      Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Għal dan il-għan, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domanda tagħha (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Groenland Poultry, C‑169/22, EU:C:2023:638, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      F’dan il-każ, il-ħames domanda tirrigwarda d-dritt għal kumpens previst fl-Artikolu 82(1) tal-GDPR, u b’mod iktar partikolari l-kunċett ta’ “serq ta’ identità”, li jinsab fil-premessa 75 tal-GDPR. Issa, għandu jiġi rrilevat li, minbarra din il-premessa, dan il-kunċett jissemma wkoll fil-premessa 85 ta’ dan ir-regolament.

53      Konsegwentement, għandu jitqies li, permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 82(1) tal-GDPR, moqri fid-dawl tal-premessi 75 u 85 ta’ dan ir-regolament, għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi stabbilit u jagħti dritt għal kumpens għad-dannu morali skont din id-dispożizzjoni, il-kunċett ta’ “serq ta’ identità” jimplika li l-identità ta’ persuna kkonċernata minn serq ta’ data personali tintuża effettivament minn terz b’mod frawdolenti, jew jekk tali serq ta’ identità jiġix stabbilit meta dan it-terz ikollu data li tippermetti li jiġi identifikat is-suġġett tad-data.

54      Il-kunċett ta’ serq ta’ identità ma huwiex iddefinit fil-GDPR. Madankollu, is-“serq” jew l-“frodi” ta’ identità jissemmew fil-premessa 75 ta’ dan ir-regolament bħala li jagħmlu parti minn lista mhux eżawrjenti ta’ konsegwenzi ta’ pproċessar ta’ data personali li jista’ jwassal għal danni fiżiċi jew materjali, jew għal danni morali. Fil-premessa 85 tal-imsemmi regolament, is-“serq” jew l-“frodi” ta’ identità jissemmew mill-ġdid flimkien fost lista ta’ danni fiżiċi jew materjali, jew ta’ danni morali li jistgħu jiġu kkawżati minn ksur ta’ data personali.

55      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-premessi 75 u 85 tal-GDPR isemmu t-termini “serq ta’ identità”, “użurpazzjoni ta’ identità”, “frodi ta’ identità”, “abbuż ta’ identità” u “użu ħażin ta’ identità” li jintużaw hemmhekk mingħajr distinzjoni. Konsegwentement, il-kunċetti ta’ “serq” u ta’ “frodi” ta’ identità huma interkambjabbli u ma tista’ ssir ebda distinzjoni bejniethom. Dawn l-aħħar żewġ kunċetti jagħtu lok għall-preżunzjoni ta’ rieda li tintuża l-identità ta’ persuna li d-data personali tagħha tkun insterqet qabel.

56      Barra minn hekk, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, fost id-diversi kunċetti stabbiliti fil-listi li jinsabu fil-premessi 75 u 85 tal-GDPR, it-“telf ta’ kontroll” jew l-impediment milli “jeżerċitaw kontroll” fuq data personali huma distinti mis-“serq” jew mill-“frodi” ta’ identità. Minn dan isegwi li l-aċċess u t-teħid ta’ kontroll fuq tali data, li jistgħu jiġu assimilati ma’ serq ta’ din tal-aħħar, ma jistgħux, fihom innifishom, jiġu assimilati ma’ “serq” jew ma’ “frodi” ta’ identità. Fi kliem ieħor, is-serq ta’ data personali ma jikkostitwixxix, fih innifsu, serq jew frodi ta’ identità.

57      Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li l-kumpens għal dannu morali kkawżat mis-serq ta’ data personali, skont l-Artikolu 82(1) tal-GDPR, ma jistax jiġi limitat għall-każijiet fejn jintwera li tali serq ta’ data sussegwentement ikun ta lok għal serq jew għal frodi ta’ identità. Fil-fatt, is-serq tad-data personali ta’ suġġett tad-data jagħti dritt għal kumpens għad-dannu morali mġarrab, skont l-Artikolu 82(1) tal-GDPR, jekk jkunu japplikaw it-tliet kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri pproċessar ta’ data personali mwettaq bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-GDPR, dannu mġarrab mis-suġġett tad-data, u rabta kawżali bejn dan l-ipproċessar illegali u dan id-dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Österreichische Post (Dannu morali marbut mal-ipproċessar ta’ data personali) (C‑300/21, EU:C:2023:370, punti 32 u 36)).

58      Għal dawn il-motivi, ir-risposta li għandha tingħata għall-ħames domanda hija li l-Artikolu 82(1) tal-GDPR, moqri fid-dawl tal-premessi 75 u 85 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi stabbilit u jagħti dritt għal kumpens għad-dannu morali skont din id-dispożizzjoni, il-kunċett ta’ “serq ta’ identità” jimplika li l-identità ta’ persuna kkonċernata minn serq ta’ data personali tintuża effettivament minn terz b’mod frawdolenti. Madankollu, il-kumpens għal dannu morali kkawżat mis-serq ta’ data personali, skont l-imsemmija dispożizzjoni, ma jistax jiġi limitat għall-każijiet fejn jintwera li tali serq ta’ data sussegwentement ikun ta lok għal serq jew għal frodi ta’ identità.

 Fuq lispejjeż

59      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 82(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data),

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

id-dritt għal kumpens previst f’din id-dispożizzjoni jissodisfa funzjoni esklużivament kumpensatorja, sa fejn kumpens pekunjarju bbażat fuq l-imsemmija dispożizzjoni għandu jippermetti li jiġi kkumpensat b’mod sħiħ id-dannu mġarrab.

2)      L-Artikolu 82(1) tar-Regolament 2016/679

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

dan l-artikolu ma jirrikjedix li l-grad ta’ gravità u l-eventwali natura intenzjonali tal-ksur ta’ dan ir-regolament imwettaq mill-kontrollur għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kumpens għal dannu abbażi ta’ din id-dispożizzjoni.

3)      L-Artikolu 82(1) tar-Regolament 2016/679

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont ta’ danni dovuti abbażi tad-dritt għal kumpens għal dannu morali, għandu jitqies li tali dannu kkawżat minn ksur ta’ data personali ma huwiex, min-natura tiegħu, inqas sinjifikattiv minn ħsara fuq il-persuna.

4)      L-Artikolu 82(1) tar-Regolament 2016/679

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

meta jiġi stabbilit dannu, qorti nazzjonali tista’, meta dan ma jkunx serju, tikkumpensa lis-suġġett tad-data billi tagħtih kumpens minimu, sakemm dan il-kumpens ikun kapaċi jikkumpensa b’mod sħiħ id-dannu mġarrab.

5)      L-Artikolu 82(1) tar-Regolament 2016/679, moqri fid-dawl tal-premessi 75 u 85 ta’ dan ir-regolament,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

sabiex jiġi stabbilit u jagħti dritt għal kumpens għad-dannu morali skont din id-dispożizzjoni, il-kunċett ta’ “serq ta’ identità” jimplika li l-identità ta’ persuna kkonċernata minn serq ta’ data personali tintuża effettivament minn terz b’mod frawdolenti. Madankollu, il-kumpens għal dannu morali kkawżat mis-serq ta’ data personali, skont l-imsemmija dispożizzjoni, ma jistax jiġi limitat għall-każijiet fejn jintwera li tali serq ta’ data sussegwentement ikun ta lok għal serq jew għal frodi ta’ identità.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.