Language of document : ECLI:EU:C:2024:533

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

MEDINA

ippreżentati fl‑20 ta’ Ġunju 2024 (1)

Kawża C197/23

S. S.A.

vs

C. sp. z o.o.,

Intervenjent:

Prokurator Prokuratury Regionalnej w Warszawie

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis‑Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell, Varsavja, ir-Repubblika tal-Polonja))

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Stat tad-dritt – Artikolu 19(1) TUE – Rimedji legali – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi – Prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja ‘interna’ – Dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw l-assenjazzjoni irregolari tal-kawżi lil imħallfin – Bidla tal-kulleġġ ġudikanti – Ksur flagranti ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali – Dispożizzjonijiet li jipprojbixxu lil qorti tat-tieni istanza milli tiddikjara li l-proċeduri tal-ewwel istanza ma humiex validi)






1.        Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari mis-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell, Varsavja, il-Polonja) (2) jitlob interpretazzjoni tal-Artikolu 2, l-Artikolu 6(1) u (3) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Ir-rikors fil-kawża prinċipali kien ippreżentat minn S. S.A. (iktar ’il quddiem il-“Kumpannija S”) kontra C. sp. z o.o. (iktar ’il quddiem il-“Kumpannija Ċ”) fir-rigward tal-ftehim qafas kummerċjali.

2.        Din il-kawża essenzjalment tqajjem żewġ mistoqsijiet. L-ewwel, il-Qorti tal-Ġustizzja hija msejħa sabiex tiddeċiedi dwar il-kwistjoni jekk l-assenjazzjoni (jew assenjazzjoni mill-ġdid) irregolari ta’ kawża speċifika lil imħallef relatur fi proċeduri nazzjonali taqax fil-portata tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Fi kliem ieħor, din l-assenjazzjoni mill-ġdid irregolari hija kapaċi li tippreġudika l-perċezzjoni tal-qrati u tribunali bħala indipendenti u imparzjali, b’mod partikolari, f’kawża fejn din l-assenjazzjoni (jew assenjazzjoni mill-ġdid) irregolari (i) tammonta għal ksur flagranti tad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli u (ii) ma tistax tkun mistħarrġa fl-appell minn qorti tat-tieni istanza minħabba l-fatt li dispożizzjonijiet nazzjonali espliċitament jipprojbixxu dan ir-rimedju legali? It-tieni mistoqsija li hija relatata hija jekk tali irregolarità flimkien, b’mod partikolari, man-nuqqas ta’ stħarriġ ġudizzjarju jew rimedju legali, jammontawx għal ksur tar-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva quddiem qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi; jiġifieri, jekk kwalunkwe irregolarità fl-assenjazzjoni (jew assenjazzjoni mill-ġdid) ta’ kawża lil imħallef relatur tistax tqajjem dubji fil-ħsieb tal-individwi dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallef li lilu ġiet assenjata l-kawża.

I.      Ilkuntest ġuridiku

A.      IlKodiċi ta’ Proċedura Ċivili

3.        L-Artikolu 47(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (3) jipprevedi li “fl-ewwel istanza, il-qorti għandha tkun adita bil-kawżi permezz ta’ qorti li hija komposta minn imħallef uniku, sakemm ma huwiex previst mod ieħor permezz ta’ dispożizzjoni speċifika”.

4.        Skont l-Artikolu 379(4) ta’ dan il-kodiċi, “il-proċeduri ma għandhomx ikunu validi […] jekk il-kompożizzjoni tal-qorti fil-proċess tkun kontra d-dispożizzjonijiet statutorji jew jekk il-każ kien mismugħ fil-preżenza ta’ mħallef li huwa suġġett għall-esklużjoni permezz tal-operat tal-liġi”.

5.        L-Artikolu 386(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprevedi li “fejn il-proċeduri huma ddikjarati li ma humiex validi, il-qorti tat-tieni istanza għandha twarrab is-sentenza appellata, twarrab il-proċeduri sa fejn dawn ma humiex validi, u tibgħat il-każ lura lill-qorti fl-ewwel istanza”.

B.      IlLiġi dwar lOrganizzazzjoni talQrati Ordinarji

6.        L-Artikolu 45 tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji (4) jipprevedi kif ġej:

“1.      Imħallef jew imħallef bi prova jista’ jiġi ssostitwit fil-funzjonijiet tiegħu minn imħallef jew imħallef bi prova tal-istess qorti, jew minn imħallef innominat skont l-Artikolu 77(1) jew (8).

2.      Din is-sostituzzjoni indikata fil-paragrafu 1 tista’ tkun ir-riżultat ta’ miżura li ttieħdet mill-President tad-Diviżjoni jew mill-President tal-qorti, miksuba fuq talba tal-imħallef jew imħallef bi prova ex officio, sabiex jiġi żgurat li l-proċeduri jitwettqu b’mod korrett.”

7.        Skont l-Artikolu 47a(1) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, “il-kawżi għandhom ikunu assenjati lil imħallfin u lil imħallfin bi prova b’mod irregolari skont il-kategoriji speċifiċi ta’ kawżi, bl-eċċezzjoni tal-assenjazzjoni tal-kawżi lil imħallef tal-għassa”.

8.        L-Artikolu 47b ta’ din il-liġi jipprevedi:

“1.      Bidla fil-kompożizzjoni tal-qorti tista’ biss issir fejn huwa impossibbli għall-qorti sabiex tieħu konjizzjoni u tiddetermina l-kawża fil-kompożizzjoni kurrenti tagħha jew fejn hemm ostakolu rimanenti għall-qorti sabiex tieħu konjizzjoni u tiddetermina l-kawża fil-kompożizzjoni kurrenti tagħha. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47a għandhom japplikaw mutatis mutandis.

2.      Jekk huwa neċessarju li jittieħdu miżuri f’kawża, b’mod partikolari fejn dan huwa meħtieġ permezz ta’ dispożizzjonijiet separati jew iġġustifikati għal raġunijiet tal-iżvolġiment korrett tal-proċedura, u fejn il-kulleġġ ġudikanti li lilu ġiet assenjata l-kawża ma jistax jagħmel dan, għandhom jittieħdu miżuri mill-kulleġġ innominat skont il-pjan ta’ sostituzzjoni u, jekk il-miżuri ma humiex koperti mill-pjan ta’ sostituzzjoni, mill-kulleġġ innominat skont l-Artikolu 47a.

3.      Deċiżjonijiet fil-każijiet indikati fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jittieħdu mill-President tal-qorti jew minn imħallef awtorizzat minnu.

[…]”

9.        Il-Liġi tal‑20 ta’ Diċembru 2019 żiedet paragrafu 4 mal-Artikolu 55 tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, li huwa redatt kif ġej:

“L-imħallfin jistgħu jagħtu sentenza fil-każijiet kollha fil-post li fih ġew assenjati u wkoll fil-qrati l-oħrajn fil-każijiet iddefiniti bil-liġi (ġurisdizzjoni tal-imħallef). Id-dispożizzjonijiet relatati mal-assenjazzjoni tal-kawżi u man-nomina u l-bidla tal-kulleġġ ġudikanti ma għandhomx jillimitaw il-ġurisdizzjoni tal-imħallef u ma jistgħux jiffurmaw il-bażi li fuqha jiġi ddeterminat li kulleġġ imur kontra l-liġi, li qorti hija komposta b’mod mhux xieraq jew li persuna li tifforma parti minn din il-qorti ma hijiex awtorizzata jew kompetenti sabiex tagħti sentenza.”

10.      Skont l-Artikolu 8 tal-Liġi tal‑20 ta’ Diċembru 2019, l-Artikolu 55(4) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji għandu japplika wkoll għal kawżi li bdew jew spiċċaw qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi tal‑20 ta’ Diċembru 2019.

C.      IrRegoli talProċedura tal2015

11.      L-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-2015 (5) jipprevedi li “kawżi għandhom jiġu assenjati lil imħallfin relaturi (imħallfin u mħallfin bi prova) b’mod irregolari, skont id-distribuzzjoni ta’ attivitajiet stabbiliti, minn għodda tal-IT [iktar ’il quddiem is-‘sistema LPS’ (6)] fuq il-bażi ta’ ġeneratur tan-numri irregolari, b’mod separat għal kull reġistru, lista jew makkinarju li jirreġistra ieħor, sakemm id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jipprevedi għal regoli ta’ assenjazzjoni oħrajn […]”

12.      Skont l-Artikolu 52b ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura:

“1.      Il-lista ta’ sostituzzjoni turi s-sostituti (imħallfin, imħallfin bi prova u ġurati) għal kull jum ta’ xogħol.

2.      Il-lista tas-servizz tal-għassa tindika l-imħallfin u mħallfin bi prova li jkunu tal-għassa għal kull jum.

3.      It-tabelli ta’ sostituzzjoni u ta’ servizz tal-għassa għandhom jiddeterminaw in-numru ta’ [mħallfin u mħallfin bi prova] sostituti u tal-għassa permezz ta’ perijodu ta’ żmien, permezz ta’ diviżjoni jew permezz ta’ tip ta’ kawżi assenjati lill-[imħallfin u mħallfin bi prova] sostituti u tal-għassa, kif ukoll l-ordni li biha s-sostituzzjonijiet għandhom isiru, u l-kawżi assenjati lill-[imħallfin u mħallfin bi prova] tal-għassa fejn iktar minn wieħed [imħallef u mħallef bi prova] huma sostituti u tal-għassa.”

13.      L-Artikolu 52c tar-Regoli tal-Proċedura tal-2015 jipprevedi:

“1.      Fil-każ tal-assenza tal-imħallef relatur fis-seduta, il-President tad-Diviżjoni għandu jikkanċella s-seduta jekk huwa possibbli li l-persuni kkonċernati jiġu nformati, sakemm l-iżvolġiment korrett tal-proċedura jeżiġi li għandha tinżamm is-seduta.

2.      Il-kawża li fir-rigward tagħha ma ġietx ikkanċellata s-seduta għandha tingħata konjizzjoni mill-imħallef supplenti kif previst fil-pjan ta’ sostituzzjoni għall-jum inkwistjoni. Jekk is-sostitut ma jkunx jista’ jagħmel preparazzjonijiet adegwati jew jekk l-eżami tal-kawża minn dan is-sostitut jeħtieġ li parti sostanzjali tal-proċedura tinfetaħ mill-ġdid, il-President tad-Diviżjoni għandu jordna li s-seduta tkun ikkanċellata. [...]”

L-imħallef supplenti għandu jkollu l-awtorità li jassenja l-każ eżaminat taħt il-paragrafu 2 lilu nnifsu. F’dan il-każ, l-għodda tal-IT għandha tassenjah każ wieħed inqas fl-istess kategorija.”

II.    Preżentazzjoni suċċinta talfatti u proċedura filkawża prinċipali u ddomandi preliminari magħmula

14.      Fis‑27 ta’ April 2018, il-Kumpannija S ippreżentat rikors kummerċjali quddiem is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali, Varsavja, il-Polonja). Il-Kumpannija S taġixxi bħala ċ-ċessjonarja ta’ talba kontra l-Kumpannija Ċ, li topera fis-settur tal-kummerċ. L-ewwel waħda talbet deċiżjoni li biha tal-aħħar tħallas is-somma ta’ PLN 4 572 648 zloty Pollakk (madwar EUR 1 045 000), li tikkorrispondi għal primjums tal-flus fuq id-dħul mill-bejgħ miksub f’sena finanzjarja speċifika (marġini ta’ arretrati), li hija rċeviet fil-kuntest tal-ftehim qafas konkluż maċ-ċedent. Skont il-Kumpannija S, l-irċevuta ta’ dawn il-primjums kienet kontra l-liġi tal-kompetizzjoni nazzjonali.

15.      Il-kawża kienet assenjata lis-sittax-il Diviżjoni tal-Kummerċ ta’ din il-qorti u, skont is-sistema tas-software għall-assenjazzjoni irregolari ta’ kawżi, kienet assenjata lill-Imħallef E.T., Viċi Presidenta ta’ din id-diviżjoni, li tippresjedi bħala mħallef uniku.

16.      Madankollu, fil‑25 ta’ Marzu 2019, il-ġurnata tas-seduta, billi l-Imħallef E.T. kienet assenti b’leave mitlub minnha, il-President tas-sittax-il Diviżjoni Kummerċjali appunta lill-Imħallef J.K., l-imħallef tal-għassa ta’ dak il-jum, sabiex iżomm is-seduta, u l-kawża għalhekk ġiet assenjata lilha.

17.      Permezz ta’ sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2019, mogħtija mill-imħallef uniku tas-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali, Varsavja) kompost mill-Imħallef J.K, ir-rikors ippreżentat mill-Kumpannija S ġie miċħud.

18.      Din tal-aħħar ippreżentat appell fis‑27 ta’ Ottubru 2019 quddiem is-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell, Varsavja), li hija l-qorti tar-rinviju.

19.      F’dan l-appell, il-Kumpannija S tissottometti li l-proċeduri quddiem il-qorti tal-ewwel istanza ma kinux validi skont l-Artikolu 379(4) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, fuq il-bażi li l-kulleġġ ġudikanti ta’ din il-qorti kien kontra l-liġi minħabba li kiser il-prinċipju ta’ kompożizzjoni kostanti tal-kulleġġi ġudikanti, peress li l-kawża kienet deċiża mill-Imħallef J.K. minflok l-Imħallef Relatur E.T., li kien ġie magħżul b’mod irregolari mis-sistema LPS.

20.      Wara li ħadet miżuri kunsiderevoli ta’ inkjesta u kontrolli fir-rigward tal-qorti tal-ewwel istanza (7) sabiex tistħarreġ il-legalità tal-proċeduri quddiem din il-qorti, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-bidla fil-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti fl-ewwel istanza – li f’dik il-kawża kien mismugħ mill-Imħallef J. K. minflok l-imħallef relatur oriġinali E. T. – saret bi “ksur flagranti” tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-assenjazzjoni tal-kawżi u n-nomina u l-bidla tal-kulleġġi ġudikanti, jiġifieri, l-Artikolu 47b(1) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, moqri flimkien mal-Artikolu 52c(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-2015. Hija tiddikjara wkoll li ma sarux il-formalitajiet kollha neċessarji li jikkonċernaw tali sostituzzjoni, li wassalha sabiex tissuspetta li l-qorti tal-ewwel istanza kienet emendat ċerti dokumenti sabiex tipprova tirrimedja tali irregolaritajiet a posteriori.

21.      Il-qorti tar-rinviju tiddikjara li hija ma tafx ir-raġuni għal din is-sostituzzjoni, li hija tqisha irregolari u deliberata, filwaqt li tinnota li l-użu ta’ tali proċess jista’ jwassal għat-trasferiment ta’ numru kunsiderevolment kbir ta’ kawżi minn imħallef għal ieħor.

22.      Hija tiddikjara wkoll li, fit-teorija, ma jistax jiġi eskluż li l-kompożizzjoni ta’ kulleġġ ġudikanti bi mħallef uniku jista’ jinbidel deliberatament f’każijiet sensittivi. Dan jista’ jseħħ meta mħallef inizjalment magħżul b’mod irregolari mis-sistema LPS jiffissa seduta f’data li fiha huwa ser ikun fuq leave fuq talba tiegħu u l-fatt tal-assenza tiegħu jintuża sabiex jiġi ssostitwit dan l-imħallef bi mħallef ieħor li, f’dik id-data, jidher fuq it-talba tal-imħallfin tal-għassa, u li ismu jista’ jkun magħruf minn qabel.

23.      Finalment, il-qorti tar-rinviju tiċċita riżoluzzjonijiet tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) li skonthom il-kompożizzjoni ta’ kumitat ta’ mħallfin bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jirrigwarda l-assenjazzjoni tal-kawżi u għan-nomina u l-bidla tal-kumitati li jieħdu konjizzjoni tal-kawża tista’ tikkostitwixxi bażi sabiex il-proċeduri jiġu ddikjarati li ma humiex validi, kif previst fl-Artikolu 379(4) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

24.      Hija tinnota, madankollu, li kull stħarriġ f’dan ir-rigward fil-kuntest ta’ appell huwa pprojbit minħabba l-introduzzjoni tal-Artikolu 55(4) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji.

25.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      L-Artikolu 2, l-Artikolu 6(1) u (3) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tat-[TUE], moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-[Karta], għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma hijiex qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi u li tiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva, il-qorti tal-ewwel istanza ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, li hija komposta minn imħallef uniku ta’ dik il-qorti nnominat biex jieħu konjizzjoni ta’ kawża bi [“ksur flagranti”]tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-assenjazzjoni tal-kawżi kif ukoll dwar in-nomina u l-bidla tal-kulleġġi ġudikanti?

2.      L-Artikolu 2, l-Artikolu 6(1) u (3) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tat-[TUE], moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-[Karta], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, bħat-tieni sentenza tal-Artikolu 55(4) tal-[Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji] moqrija flimkien mal-Artikolu 8 tal-[Liġi tal‑20 ta’ Diċembru 2019] sa fejn dawn jipprojbixxu qorti tat-tieni istanza milli tagħti deċiżjoni, skont il-punt 4 tal-Artikolu 379 tal-ustawa z 17 listopada 1964 r. Kodeks postępowania cywilnego (il-Liġi tas-17 ta’ Novembru 1964 li tistabbilixxi l-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) (test ikkonsolidat, Dz.U. tal-2021, pożizzjoni 1805, kif emendat) li tannulla l-proċedura quddiem il-qorti nazzjonali tal-ewwel istanza, fil-kawża li biha hija adita din il-qorti, minħabba li l-kompożizzjoni ta’ din il-qorti kienet kontra l-liġi, li l-qorti kienet komposta b’mod mhux xieraq jew li persuna li ma kinitx awtorizzata jew kompetenti biex tiddeċiedi għamlet parti minn din il-qorti, inkwantu sanzjoni ġuridika li tiggarantixxi protezzjoni ġudizzjarja effettiva, meta mħallef jiġi nnominat biex jieħu konjizzjoni ta’ kawża bi [“ksur flagranti”] tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-assenjazzjoni tal-kawżi kif ukoll in-nomina u l-bidla tal-kulleġġi ġudikanti?”

III. IlProċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

26.      Osservazzjonijiet bil-miktub kienu ppreżentati mill-Kumpannija Ċ (il-konvenuta fil-kawża prinċipali), mill-Prokurator Prokuratury Regionalnej w Warszawie (il-Prosekutur tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali, Varsavja, il-Polonja, iktar ’il quddiem il-“Prosekutur Reġjonali”), mill-Gvern Pollakk u mill-Kummissjoni Ewropea. Kienet inżammet seduta fis‑7 ta’ Marzu 2024, li fiha l-partijiet kollha indikati iktar ’il fuq kienu rrappreżentati, minbarra l-prosekutur reġjonali.

IV.    Evalwazzjoni

A.      Ilġurisdizzjoni talQorti talĠustizzja u lammissibbiltà taddomandi preliminari magħmula

27.      Il-Kumpannija Ċ u l-prosekutur reġjonali ressqu argumenti varji f’dan ir-rigward (8).

28.      L-ewwel, il-Kumpannija Ċ u l-prosekutur reġjonali sostnew, essenzjalment, li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli, minħabba li hija titlob interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali u l-konnessjoni mad-dritt tal-Unjoni ma hijiex ċara b’mod suffiċjenti.

29.      Madankollu, huwa biżżejjed li titfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li skontha “it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE huwa intiż inter alia li japplika fir-rigward ta’ kull qorti nazzjonali li tista’ tiddeċiedi, bħala qorti jew tribunal, dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li għalhekk jaqgħu taħt l-oqsma koperti minn dan id-dritt” (9). Ma huwiex kontenzjuż li dan huwa l-każ preżentement. Kemm il-qorti tal-ewwel istanza (li r-regolarità tal-kompożizzjoni tagħha hija inkwistjoni) kif ukoll il-qorti tat-tieni istanza (li hija l-qorti tar-rinviju u li s-setgħat ta’ stħarriġ ta’ tali irregolarità huma pprojbiti, jew revokati, mid-dritt nazzjonali) jistgħu jissejħu sabiex jiddeċiedu dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, huma għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

30.      It-tieni, il-prosekutur reġjonali jsostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna dispożizzjonijiet li jirregolaw l-organizzazzjoni tas-sistema ġuridika ta’ Stat Membru, li, bħal kull mistoqsija li tirrigwarda l-organizzazzjoni u l-operat ta’ korpi tal-Istat, taqa’ fil-kompetenza esklużiva ta’ dan l-Istat.

31.      Dan l-argument jista’ jiġi miċħud fuq il-bażi ta’ ġurisprudenza stabbilita. Fil-fatt, “għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’ ċertament fil-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri huma meħtieġa josservaw l-obbligi tagħhom li jirriżultaw, fil-konfront tagħhom, mid-dritt tal-Unjoni” (10) u, b’mod partikolari, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (11).

32.      It-tielet, il-prosekutur reġjonali jissottometti li, skont l-Artikolu 51 tal-Karta, l-Artikolu 47 tagħha, li miegħu l-kwistjonijiet indikati jirrelataw, huwa inapplikabbli, minħabba li l-każ fil-kawża prinċipali ma huwiex konness mad-dritt tal-Unjoni. Din l-inapplikabbiltà hija rrinforzata, fil-każ tar-Repubblika tal-Polonja, permezz tal-Protokoll (Nru 30) dwar l-applikazzjoni tal-Karta fuq il-Polonja u fuq ir-Renju Unit.

33.      Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat id-differenza fil-portati rispettivi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta: “filwaqt li l-Artikolu 47 tal-Karta jikkontribwixxi għar-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ kull individwu li jinvoka, f’kawża partikolari, dritt li hu jgawdi bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE huwa intiż, min-naħa tiegħu, li jiżgura li s-sistema ta’ rimedji stabbilita minn kull Stat Membru tiggarantixxi l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni” (12).

34.      Jiena tal-fehma li, ċertament, it-tilwima nnifisha fil-kawża prinċipali tidher li ma għandha l-ebda rabta ma’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, sabiex issostni l-azzjoni tagħha kontra l-konvenuta fil-kawża prinċipali (il-Kumpannija Ċ), ir-rikorrenti (il-Kumpannija S) invokat biss dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, u, sussegwentement, il-qorti tar-rinviju ma tat l-ebda indikazzjoni li dan jissuġġerixxi li din id-dispożizzjoni għandha xi rabta mad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk jidher li, permezz tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, l-Artikolu 47 tagħha ma huwiex, bħala tali, applikabbli għall-każ fil-kawża prinċipali.

35.      Madankollu, kif il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (13) tagħmel ċar, f’sitwazzjoni bħal din inkwistjoni, minkejja l-fatt li l-Artikolu 47 tal-Karta ma huwiex, bħala tali, applikabbli għall-każ fil-kawża prinċipali, dan l-artikolu jibqa’ rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 19(1) TUE. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “peress li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jobbliga lill-Istati Membri kollha jistabbilixxu r-rimedji neċessarji sabiex jiżguraw, fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, protezzjoni ġudizzjarja effettiva, b’mod partikolari fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, din id-dispożizzjoni tal-aħħar għandha tittieħed debitament inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE” (enfasi miżjuda).

36.      Ir-raba’, il-prosekutur reġjonali jsostni, essenzjalment, li l-ewwel domanda preliminari magħmula ma hijiex “reali”, minħabba li risposta għal din id-domanda preliminari ma hijiex neċessarja sabiex il-qorti tar-rinviju tiddeċiedi fuq il-każ fil-kawża prinċipali.

37.      Fil-fehma tiegħi, huwa suffiċjenti li jiġi ddikjarat li (i) l-qorti tar-rinviju tiddikjara li t-tip ta’ irregolaritajiet ikkonċernati jinvolvi riskju li l-preżunzjoni tal-indipendenza tal-qorti tal-ewwel istanza titqiegħed fid-dubju, u (ii) l-qorti tar-rinviju hija mwaqqfa permezz ta’ dispożizzjoni legali nazzjonali (14) milli tasal għall-konsegwenzi ta’ dawn l-irregolaritajiet. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi sabiex taċċerta jekk din id-dispożizzjoni ma għandhiex tkun applikata skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

38.      Skont ġurisprudenza stabbilita, “id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħhom, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza” (15).

39.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena ssodisfatta li d-domandi preliminari magħmula f’dan il-każ jistgħu jitqiesu mill-Qorti tal-Ġustizzja li huma “meħtieġa” sabiex jippermettu lill-qorti tar-rinviju sabiex “tagħti sentenza” bit-tilwima li hija adita biha (16).

40.      Il-ħames, il-prosekutur reġjonali jissottometti, essenzjalment, li għall-kuntrarju tal-Artikolu 94(a) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju ma tatx xi spjegazzjoni dwar ir-raġunijiet għall-għażla ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ċċitati fid-domandi preliminari.

41.      Fir-rigward tal-Artikolu 2 u l-Artikolu 6(1) u (3) TUE, għandu jiġi ddikjarat li l-qorti tar-rinviju ma tistabbilixxix xi raġunijiet għalfejn hija qiegħda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta dawn id-dispożizzjonijiet speċifiċi. Madankollu, jiena tal-fehma li huwa apparenti mir-raġunijiet għala d-deċiżjoni tar-rinviju li d-domandi preliminari magħmula jikkonċernaw, essenzjalment, l-interpretazzjoni tar-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva quddiem qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Fir-rigward tal-Artikolu 2 TUE, l-Artikolu 19 TUE jagħti espressjoni konkreta lill-valur tal-Istat tad-dritt stabbilita fl-Artikolu 2 TUE (17). F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-evalwazzjoni għar-risposta lid-domandi preliminari magħmula għandha ssir taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kif interpretat fid-dawl tal-Artikolu 2 TUE u li tieħu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 47 tal-Karta (18).

B.      Mertu

1.      Osservazzjonijiet preliminari

42.      Qabel ma nirritorna għad-domandi preliminari magħmula, bħala osservazzjoni preliminari, huwa neċessarju li jiġu indirizzati diversi oġġezzjonijiet imqajma mill-Kumpannija Ċ u l-prosekutur reġjonali.

43.      L-ewwel, il-Kumpannija Ċ u l-prosekutur reġjonali jikkontestaw il-preżentazzjoni tad-dritt nazzjonali fid-deċiżjoni tar-rinviju, bil-fehma li hija parzjali u bi preġudizzju. Il-prosekutur reġjonali jissottometti wkoll li d-dritt nazzjonali ma fihx il-kunċett ta’ “ksur flagranti” tad-dispożizzjonijiet li jirrelataw mal-assenjazzjoni tal-kawżi u l-bidla fil-kulleġġ ġudikanti, kunċett użat mill-qorti tar-rinviju, li jikkuntrasta dan il-kunċett ma’ dak ta’ “sempliċi devjazzjoni” (waħda li hija aċċidentali, mhux volontarja, jew magħmula bi żball).

44.      Fil-fehma tiegħi, huwa suffiċjenti li titfakkar ġurisprudenza stabbilita, li skontha “l-qorti tar-rinviju biss hija kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża li jkollha quddiemha kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali” (19).

45.      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistrieħ fuq l-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju, li skontha l-assenjazzjoni mill-ġdid tal-kawża lill-imħallef relatur ieħor fl-ewwel istanza tista’, bħala prinċipju, twassal għall-annullament tas-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza minħabba ksur flagranti u/jew irregolarità f’dawk il-proċeduri, filwaqt li l-Artikolu 55(4) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji jikkostitwixxi ostakolu għal dan l-annullament potenzjali.

46.      It-tieni, il-Kumpannija Ċ u l-prosekutur reġjonali jsostnu, essenzjalment, li dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-assenjazzjoni ta’ kawżi u l-bidla tal-kulleġġ ġuridiku huma regoli ta’ natura amministrattiva u teknika biss, li l-iskop essenzjali tagħhom huwa sabiex jiżguraw distribuzzjoni ekwa tax-xogħol u li, min-natura tagħhom, ma jkunx probabbli li jservu bħala pont għal influwenza esterna, jiġifieri minn fergħat eżekuttivi jew leġiżlattivi. Għalhekk tali regoli ta’ natura amministrattiva u teknika ma għandhomx jaqgħu fil-portata tad-dritt tal-Unjoni.

47.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li “huwa meħtieġ li l-imħallfin ikunu protetti kontra interventi jew pressjonijiet esterni li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza tagħhom. Ir-regoli applikabbli għall-istatus tal-imħallfin u għall-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom bħala mħallef għandhom, b’mod partikolari, jippermettu li tiġi eskluża [...] wkoll […] il-forom ta’ influwenza iktar indiretta[i] li jistgħu jiggwidaw id-deċiżjonijiet tal-imħallfin ikkonċernati, u b’hekk jeskludu assenza ta’ apparenza ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità tagħhom li tista’ tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fil-partijiet fil-kawża f’soċjetà demokratika u fi Stat tad-dritt” (20).

48.      Id-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju meta tiddikjara li hemm riskju serju li ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-assenjazzjoni (jew assenjazzjoni mill-ġdid) tal-kawżi lill-kulleġġi ġudikanti għandhom l-iskop, b’mod partikolari, bejn l-imħallfin kollha kkonċernati, li jippermettu lil imħallef wieħed jissostitwixxi ieħor f’kawża speċifika jew f’ċerti tipi ta’ kawżi, huma bażi suffiċjenti sabiex dawn il-kwistjonijiet ma jitqisux bħala kwistjonijiet esklużivament ta’ natura amministrattiva u teknika, iżda bħala kwistjonijiet li għandhom ikunu evalwati fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni li jikkonċernaw il-garanzija ta’ qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi.

49.      It-tielet, il-Kumpannija Ċ u l-prosekutur reġjonali jissottomettu, essenzjalment, li l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li jipprevedi għan-nuqqas ta’ validità ta’ proċeduri fejn il-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti tkun kontra l-liġi (21) tista’ tkun limitata għal irregolaritajiet li jikkonċernaw il-kompożizzjoni tal-qorti bħala ħaġa waħda sħiħa, iżda mhux għall-kompożizzjoni ta’ kulleġġ ġudikanti partikolari.

50.      Sa mill-bidu, għandu jiġi ddikjarat li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet fis-sentenza Simpson u HG (22), li “skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem [iktar ’il quddiem il-‘Qorti EDB’)], l-introduzzjoni tal-espressjoni “mwaqqaf b’liġi” fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) KEDB[ (23)] hija li tiżgura … b’mod partikolari, [li] l-prinċipju tal-Istat tad-dritt [jiġi osservat] u tikkonċerna mhux biss il-bażi legali tal-eżistenza stess tal-qorti, iżda wkoll il-kompożizzjoni tas-sede f’kull kawża kif ukoll kull dispożizzjoni oħra tad-dritt intern li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom jirrendi irregolari l-parteċipazzjoni ta’ Mħallef wieħed jew iktar fl-eżami tal-kawża, li jinkludi, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-membri tal-qorti kkonċernata”. Għalhekk regoli bħal dawk fil-kawża prinċipali li jikkonċernaw l-assenjazzjoni (jew assenjazzjoni mill-ġdid) ta’ kawża lil imħallef relatur huma kjarament rilevanti għall-finijiet tal-verifika dwar jekk hijiex osservata l-garanzija ta’ qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi.

51.      Għalhekk, kif sostnut mill-Gvern Pollakk fis-seduta, ir-rekwiżit li tiġi ggarantita qorti indipendenti u imparzjali li jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu jkun osservat mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw l-assenjazzjoni tal-kawżi lil imħallef u l-bidla tal-kulleġġi ġudikanti a fortiori fejn huma msaħħa bid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprekludu qorti tat-tieni istanza milli tistħarreġ l-allegati irregolaritajiet fl-assenjazzjoni (jew assenjazzjoni mill-ġdid) tal-kawżi fl-ewwel istanza.

2.      Kunsiderazzjoni konġunta talewwel żewġ domandi 

52.      Permezz taż-żewġ domandi preliminari magħmula, li xieraq li jiġu indirizzati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, sabiex tevalwa l-effett kumulattiv ta’ applikazzjoni irregolari tad-dispożizzjonijiet dwar l-assenjazzjoni (jew assenjazzjoni mill-ġdid) ta’ kawża lil imħallef relatur u n-nuqqas ta’ rimedju legali f’dan ir-rigward, kif ukoll il-konformità ta’ dan l-effett kumulattiv mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 2 TUE u meħud inkunsiderazzjoni l-Artikolu 47 tal-Karta.

53.      Ser nindirizza d-domandi preliminari magħmula billi (a) nevalwa jekk ir-rekwiżit li tiġi ggarantita qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi tkoprix id-dispożizzjonijiet dwar l-assenjazzjoni (jew assenjazzjoni mill-ġdid) tal-kawżi lil imħallfin; (b) nindirizza d-domanda preliminari dwar jekk ir-rekwiżit skont id-dritt tal-Unjoni li qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi li għandha “tiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni” huwiex applikabbli f’din il-kawża; (ċ) niddiskuti jekk it-test li għandu jkun applikat meta jiġi eżaminat jekk l-assenjazzjoni (jew assenjazzjoni mill-ġdid) irregolari tal-kawżi lil imħallfin huwiex ser jipperikola r-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva quddiem qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi u jekk għandux ifisser l-annullament tal-proċeduri fl-ewwel istanza; u, finalment, (d) nindirizza l-impatt tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u Ħajja Privata tal-Imħallfin) (24) f’din il-kawża.

a)      Irrekwiżit li tiġi ggarantita qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel billiġi jkopri ddispożizzjonijiet dwar lassenjazzjoni (jew assenjazzjoni millġdid) lil imħallfin

54.      Bħala punt tat-tluq, huwa importanti li titfakkar il-gwida internazzjonali eżistenti u l-ġurisprudenza li tikkonċerna l-garanzija ta’ qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi sa fejn din tirrigwarda s-sistemi ta’ assenjazzjoni (jew assenjazzjoni mill-ġdid) tal-kawżi. F’dan ir-rigward, dispożizzjonijiet nazzjonali dwar in-nomina u l-bidla fil-kulleġġ ġudikanti diġà ġew eżaminati, b’mod partikolari, mill-Kummissjoni ta’ Venezja (25) u mill-Qorti EDB.

55.      Il-Kummissjoni ta’ Venezja, fir-rapport tagħha tas‑16 ta’ Marzu 2010 (26), tistabbilixxi ċerti standards li l-Istati għandhom jissodisfaw. Hija tirrakkomanda, inter alia, li l-assenjazzjoni (jew assenjazzjoni mill-ġdid) tal-kawżi lil imħallfin għandha tkun irregolata minn kriterji oġġettivi u trasparenti stabbiliti bil-liġi. Il-Kummissjoni ta’ Venezja tenfasizza wkoll li l-kunċett ta’ qorti stabbilita bil-liġi jimplika dispożizzjonijiet nazzjonali li jiggarantixxu indipendenza u imparzjalità mhux biss tal-qorti kollha kemm hi iżda wkoll dik tal-imħallef individwali (27). Fil-fehma tiegħi, dan ir-rekwiżit neċessarjament jestendi mhux biss għal dawn id-dispożizzjonijiet per se, iżda wkoll għall-applikazzjoni tagħhom, li għandha titwettaq b’mod oġġettiv u trasparenti jiġifieri, mhux b’mod arbitrarju.

56.      Barra minn hekk, isegwi mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, li d-dubji ta’ parti fil-proċeduri fir-rigward tal-indipendenza u l-imparzjalità ta’ mħallef huma leġittimi fejn id-dritt domestiku ma jipprevedi l-ebda garanziji proċedurali suffiċjenti sabiex jipprevjenu l-influwenzar ġudizzjarju (28) [traduzzjoni mhux uffiċjali].  

57.      Dan il-kuntest ġuridiku kien nieqes fil-kawża Miracle Europe Kft vs L‑Ungerija, fejn l-imħallef li kien jassenja l-kawżi lil imħallfin oħrajn kellu setgħa diskrezzjonali wiesgħa. F’din is-sentenza (29), il-Qorti EDB ikkonstatat li, bħala riżultat ta’ assenjazzjoni mill-ġdid diskrezzjonali tal-kawża, il-qorti rilevanti ma kinitx qorti stabbilita bil-liġi, u, għalhekk, iddeċidiet li kien hemm ksur tad-dritt għal smigħ xieraq skont l-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Dawn il-konstatazzjonijiet tal-Qorti EDB jenfasizzaw kemm huwa importanti li jitwettqu l-assenjazzjonijiet (jew assenjazzjonijiet mill-ġdid) tal-kawżi lil imħallfin strettament skont il-liġi u b’mod oġġettiv u trasparenti (30).

58.      Nistgħu wkoll nisiltu mill-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

59.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika tal-Polonja (Sistema Dixxiplinari Applikabbli għall-Imħallfin) (31) b’mod partikolari, dwar dispożizzjonijiet nazzjonali li taw lill-President tal-Awla Dixxiplinari tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) is-setgħa diskrezzjonali li jinnomina l-qorti dixxiplinari b’ġurisdizzjoni territorjali sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kawża dixxiplinari mwettqa fir-rigward ta’ mħallef tal-qrati ordinarji mingħajr ma jiġu speċifikati fil-leġiżlazzjoni applikabbli l-kriterji li għandhom jiġu ssodisfatti permezz ta’ tali nomina.

60.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “fl-assenza ta’ tali kriterji, tali setgħa tista’ tintuża b’mod partikolari sabiex ċerti każijiet jiġu diretti lejn ċerti mħallfin billi jiġi evitat li dawn jiġu indirizzati lil imħallfin oħra jew ukoll sabiex issir pressjoni fuq l-imħallfin hekk maħtura” (32).

61.      Jiena tal-fehma li dawn il-konstatazzjonijiet, meta evalwati fid-dawl tal-prinċipju tal-Istat tad-dritt, isiru rilevanti mhux biss f’każ fejn l-ebda kriterji ma ġew stabbiliti bil-liġi għall-assenjazzjoni (jew assenjazzjoni mill-ġdid) tal-kawżi lil imħallfin iżda wkoll fejn, fin-nuqqas ta’ stħarriġ ġudizzjarju, minkejja l-fatt li tali kriterji eżistew fil-liġi, bla ebda mod ma huma applikati, jew ma humiex applikati b’mod oġġettiv u trasparenti, minħabba li jistgħu jirriżultaw effetti negattivi simili f’dawn is-sitwazzjonijiet.

62.      Isegwi fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li r-rekwiżit tal-garanzija ta’ qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, interpretat fid-dawl tal-prinċipju tal-Istat tad-dritt kif sanċit fl-Artikolu 2 TUE, jeħtieġ li, fejn Stat Membru stabbilixxa dispożizzjonijiet dwar l-assenjazzjoni (jew assenjazzjoni mill-ġdid) tal-kawżi lil imħallfin, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu effettivi u applikati b’mod oġġettiv u trasparenti.

b)      Ittieni subparagrafu talArtikolu 19(1) TUE, li espliċitament jeżiġi “rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”, hija applikabbli f’din ilkawża

63.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, “Għalhekk l-Istati Membri għandhom jipprevedu sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri li jiżguraw stħarriġ ġudizzjarju effettiv fl-[oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni]” (33). Dan jirrifletti l-kliem espliċitu tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

64.      Meta jistabbilixxu tali sistema, l-Istati Membri huma meħtieġa sabiex jagħtu effett sħiħ lill-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[i]t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jikkonkretizza l-valur tal-Istat tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 2 TUE u, f’dan ir-rigward, jobbliga lill-Istati Membri sabiex jipprovdu sistema ta’ rimedji legali u ta’ proċeduri li jiżguraw lill-partijiet f’kawża r-rispett tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma kollha koperti mid-dritt tal-unjoni, peress li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jagħmel riferiment għalih jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li bħalissa huwa stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta” (34).

65.      Isegwi mill-analiżi tiegħi iktar ’il fuq (punti 54 sa 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet), mill-kliem stess tat-Trattat UE u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (punti 63 u 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet) li, f’sitwazzjoni li fiha l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ qorti kif meħtieġa mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE huma kkontestati, minħabba assenjazzjoni (jew assenjazzjoni mill-ġdid) irregolari ta’ kawża lil imħallef, l-eżistenza ta’ dritt għal rimedju legali effettiv u l-ġurisdizzjoni ta’ qorti li tinforza tali dritt sabiex tistħarreġ din l-allegata irregolarità hija essenzjali sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tar-rekwiżit li tiġi ggarantita qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi.

66.      Jidher li, f’din il-kawża, dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali (35) tipprevedi għall-esklużjoni ta’ regoli dwar assenjazzjoni (jew assenjazzjoni mill-ġdid) ta’ kawża fit-totalità tagħhom minn kwalunkwe stħarriġ ġudizzjarju fil-kuntest ta’ appell. Għalhekk, għandu jiġi evalwat jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 2 TUE sa fejn huwa sanċit il-prinċipju tal-Istat tad-dritt u jieħu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 47 tal-Karta fis-sens li jirrifletti d-dritt għal rimedju legali effettiv bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jipprekludix l-applikazzjoni ta’ tali dispożizzjoni nazzjonali fir-rigward tal-assenjazzjoni (jew assenjazzjoni mill-ġdid) irregolari tal-kawżi, fuq il-bażi li huwa inkompatibbli mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

67.      Permezz ta’ din il-projbizzjoni, il-leġiżlatura nazzjonali tidher li ddeċidiet – b’mod assolut – li l-ebda irregolarità fir-rigward tal-assenjazzjoni (jew assenjazzjoni mill-ġdid) tal-kawżi fl-ewwel istanza ma tista’ tiġi mistħarrġa fl-appell, filwaqt li, kif il-qorti tar-rinviju ssostni fid-deċiżjoni tar-rinviju, ma jistax jiġi eskluż neċessarjament li l-irregolaritajiet ikkonċernati jinvolvu riskju ta’ dannu sostanzjali għall-indipendenza jew għall-imparzjalità tal-kulleġġ ġudikanti,. Minħabba l-irwol mogħti lill-qrati nazzjonali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u, b’mod partikolari, sabiex jiġi żgurat l-Istat tad-dritt, dawn il-qrati f’kull livell għandhom, f’kull ħin, ikunu pperċepiti li huma indipendenti u imparzjali. Dan neċessarjament ifisser li, f’każ fejn qorti nazzjonali tat-tieni istanza adita bit-tilwima fuq il-bażi li hemm raġunijiet suffiċjenti sabiex wieħed jemmen li din il-perċezzjoni fir-rigward tal-qorti tal-ewwel istanza hija ddubitata (bħal pereżempju prima facie li jkun il-każ fil-kawża prinċipali), għandu jkun disponibbli rimedju legali effettiv għall-parti li titlob tali stħarriġ.

68.      Għalhekk, fil-fehma tiegħi, projbizzjoni assoluta fuq rimedji legali f’tali sitwazzjoni tmur kontra t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li skontu l-Istati Membri għandhom, permezz tal-qrati nazzjonali tagħhom, jipprovdu “rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li qorti nazzjonali tista’ tiġi adita bil-għan li tinterpreta jew tiġi applikata d-dritt tal-Unjoni huwa biżżejjed biex jagħti bidu għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (36).

69.      F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju stabbilixxiet li mhux biss hemm ksur flagranti tad-dispożizzjonijiet dwar l-assenjazzjoni (jew assenjazzjoni mill-ġdid) tal-kawżi lil imħallfin, iżda wkoll li dan huwa aggravat permezz tal-projbizzjoni ta’ rimedju legali. L-effett kumulattiv ta’ dawn iż-żewġ elementi huwa tali li jista’ joħloq dubji leġittimi fil-ħsieb tal-individwi dwar l-impermeabbiltà tal-qorti tal-ewwel istanza mill-influwenza interna jew esterna u n-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi miġjuba quddiemha. Tali dubji jistgħu, kif osservat mill-qorti tar-rinviju, iwasslu sabiex il-kulleġġ ġudikanti ma jidhirx indipendenti jew imparzjali, li sussegwentement jistgħu jippreġudikaw il-fiduċja li l-ġustizzja f’soċjetà demokratika rregolata mill-Istat tad-dritt hija intiża li għandha tispira fl-individwi (37).

70.      Barra minn hekk, tali esklużjoni assoluta tad-dispożizzjonijiet dwar assenjazzjoni (jew assenjazzjoni mill-ġdid) fit-totalità tagħhom minn kwalunkwe stħarriġ fil-kuntest ta’ appell iċċaħħad l-essenza tal-prinċipju li l-ġustizzja mhux biss għandha ssir, iżda għandha wkoll tidher li qiegħda ssir.

c)      Ittest għal irregolaritajiet flassenjazzjoni (jew assenjazzjoni millġdid) talkawżi lil imħallfin, li huma bħala tali jipperikolaw irrekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva quddiem qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel billiġi

71.      Jista’ jiġi konkluż mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li mhux kull irregolarità neċessarjament ser tirriżulta f’dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ validità tal-proċeduri tal-qorti fl-ewwel istanza mill-qorti tat-tieni istanza, u irregolaritajiet mingħajr konsegwenzi sostanzjali għall-eżistenza ta’ rimedju effettiv jistgħu jgħaddu bla ma jiġu ssanzjonati permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ validità (38).

72.      Fil-fatt, mhux kull irregolarità, imwettqa fil-kuntest tal-assenjazzjoni ta’ kawża lill-kulleġġ ġudikanti, jew l-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha lil kulleġġ ġudikanti differenti, twassal ipso facto għal ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u għaldaqstant għandha tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju fl-appell.

73.      Pereżempju, kif il-Kummissjoni ddikjarat fis-seduta, kumpilazzjoni żbaljata tal-lista ta’ mħallfin sostituti jew l-ordni tal-ismijiet mniżżla fuqha (pereżempju, mhux fl-ordni alfabetika, iżda skont id-dati tat-twelid) tidher prima facie li hija ta’ natura sekondarja. Fil-fatt, tali irregolaritajiet jidhru, bħala prinċipju, li ma humiex kapaċi li jġarrfu l-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja nazzjonali, u l-garanziji ta’ indipendenza u imparzjalità, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. L-għan ta’ dan l-artikolu huwa li jinqabdu biss kwistjonijiet ta’ ċerta gravità u/jew ta’ natura sistematika, li għalihom is-sistema ġudizzjarja nazzjonali ma tistax toffri rimedju xieraq (39).

74.      F’dan ir-rigward, jista’ jiġi ddikjarat li l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB tindirizza l-kwistjoni tal-gravità ta’ irregolaritajiet li jistgħu jammontaw għal ksur tad-dritt ta’ “qorti stabbilita bil-liġi” permezz ta’ “test tal-limitu” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (40). Il-Qorti EDB tindika fis-sentenza Miracle Europe “ksur flagranti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tad-dritt domestiku applikabbli. Kif iddikjarat iktar ’il fuq, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet tal-individwi skont id-dritt tal-Unjoni indikat fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u, għalhekk, ir-rekwiżit li jiġu ggarantiti l-indipendenza u l-imparzjalità tal-qrati u tribunali huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mill-prassi kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, li huwa preżentement ikkonfermat mill-ġdid mill-Artikolu 47 tal-Karta (41). Għandu jitfakkar li l-Artikolu 52(3) tal-Karta huwa intiż li jiżgura l-konsistenza neċessarja bejn id-drittijiet li jinstabu fil-Karta u d-drittijiet li jikkorrispondu ggarantiti fil-KEDB, mingħajr ma taffettwa b’mod ħażin l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni u dik tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-drittijiet li jikkorrispondu tal-KEDB għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Karta, bħala l-limitu minimu ta’ protezzjoni (42). Tali konsistenza ta’ interpretazzjoni hija tal-akbar importanza sabiex wieħed jifhem x’jikkostitwixxi ksur tar-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva quddiem qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi.

75.      Għalhekk, fil-fehma tiegħi, it-test għandu jkun strett u allegazzjonijiet ta’ ksur flagranti tad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli biss dwar l-assenjazzjoni (jew assenjazzjoni mill-ġdid) tal-kawżi lil imħallfin biss għandhom jiskattaw id-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju fil-proċeduri ta’ appell skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 2 TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta, sa fejn huwa biss tali ksur li huwa kapaċi li jixħet dubju fuq l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ qorti jew tribunal ta’ Stat Membru.

76.      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar dawn l-allegazzjonijiet billi tqis il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin. Fil-fehma tiegħi, jista’ jiġi konkluż mis-sentenza Simpson u HG li, fejn l-irregolarità hija ta’ natura u gravità sostanzjali, ikun hemm l-impressjoni li istituzzjonijiet oħra abbużaw mis-setgħa diskrezzjonali tagħhom billi jipperikolaw l-integrità tar-riżultat, u għalhekk tiżra’ dubju leġittimu fil-ħsieb tal-partijiet u tal-individwi dwar l-indipendenza tal-imħallef relatur jew dik ta’ qorti.

77.      Hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina n-natura u l-gravità tal-irregolarità, jekk l-assenjazzjoni (jew assenjazzjoni mill-ġdid) tal-kawża lil imħallfin fl-ewwel istanza osservatx id-dritt nazzjonali applikabbli u r-rekwiżit li tiġi żgurata l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva quddiem qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 2 TUE u meħud inkunsiderazzjoni l-Artikolu 47 tal-Karta. Il-qorti tar-rinviju għandha twettaq l-evalwazzjoni tagħha fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti. Ma għandhiex tistħarreġ biss l-osservanza tal-bidla fil-kulleġġ ġudikanti mad-dritt nazzjonali iżda teżamina wkoll, inter alia, iċ-ċirkustanzi, li fihom din il-bidla saret, kif ukoll il-mistoqsija dwar jekk il-bidla kinitx ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet li huma arbitrarji.

78.      Billi twettaq din l-evalwazzjoni, il-qorti tar-rinviju għandha tqis li, kif il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkjarifika, “ir-rekwiżit tal-indipendenza tal-ġudikatura, li jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jinkludi żewġ aspetti. L-ewwel aspett, ta’ natura esterna [...] [u] it-tieni aspett, ta’ natura interna, huwa marbut mal-kunċett ta’ imparzjalità u huwa intiż li jiżgura distanza ugwali fil-konfront tal-partijiet fit-tilwima u tal-interessi rispettivi tagħhom fid-dawl tas-suġġett tagħha. Dan l-aspett tal-aħħar jeżiġi l-osservanza tal-oġġettività u l-assenza ta’ kull interess fl-eżitu tat-tilwima għajr l-applikazzjoni stretta tar-regola tad-dritt” (43).

79.      Fil-fehma tiegħi, dawn iż-żewġ aspetti – estern u intern – jiffurmaw parti mit-test sabiex wieħed jikkonstata jekk is-sitwazzjoni speċifika li fiha l-kawża ġiet assenjata (jew assenjata mill-ġdid) lil imħallef relatur fl-ewwel istanza hijiex ta’ tali tip u tali gravità li toħloq riskju reali li (a) persuni jew korpi amministrattivi oħrajn fil-ġudikatura stess jistgħu jeżerċitaw diskrezzjoni indebita li ġġarraf l-integrità tal-eżitu tal-assenjazzjoni (jew assenjazzjoni mill-ġdid) tal-kawżi lil imħallfin u (b) ir-riżultat ta’ tali assenjazzjoni (jew assenjazzjoni mill-ġdid) jista’ joħloq dubju fuq l-oġġettività u l-assenza ta’ kull “interess fl-eżitu tat-tilwima” u għalhekk jirriżulta f’dubju leġittimu fil-ħsieb tal-individwi dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallfin ikkonċernati.

80.      Isegwi li hija l-qorti tar-rinviju sabiex tiddeċiedi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, dwar jekk l-applikazzjoni irregolari tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-assenjazzjoni (jew assenjazzjoni mill-ġdid) tal-kawżi lil imħallfin fil-kawża prinċipali hijiex tali li tikkostitwixxi ksur tar-rekwiżit li tiġi ggarantita qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi, li teħtieġ li l-proċeduri fl-ewwel istanza jiġu ddikjarati li ma humiex validi sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni.

d)      Limpatt tassentenza talQorti talĠustizzja f’IlKummissjoni vs IlPolonja (Indipendenza u Ħajja Privata talImħallfin)

81.      Fil‑5 ta’ Ġunju 2023 – wara l-preżentazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża – il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità li tiddeċiedi jekk l-Artikolu 55(4) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji (l-istess dispożizzjoni inkwistjoni wkoll f’din il-kawża) kisirx it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta.

82.      B’mod partikolari, fis-sentenza f’Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u Ħajja Privata tal‑Imħallfin) (44), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-ksur kien minħabba l-fatt li l-Artikolu 55(4) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji stabbilixxa projbizzjonijiet, li jistgħu japplikaw b’mod iktar ġenerali, minkejja eventwali oġġezzjonijiet minn individwu bl-effett li dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw, b’mod partikolari, jew l-assenjazzjoni tal-kawżi jew għan-nomina jew il-bidla tal-kulleġġi ġudikanti jew l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ikunu kuntrarji għar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni inerenti fid-dritt għal qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi.

83.      Għalhekk, sussegwenti għal din is-sentenza, li ddikjarat l-Artikolu 55(4) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji li hu inkompatibbli mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, il-qrati nazzjonali Pollakki ma għandhomx japplikaw (45) dan l-Artikolu 55(4) sakemm jiġi ssostitwit mil-leġiżlatura Pollakka skont l-Artikolu 260(1) TFUE (46) u l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali (l-Artikolu 4(3) TUE). Kif il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkjarifika, dan ir-rekwiżit isegwi mill-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, li “jimponi fuq il-qorti nazzjonali […] li […] għandha tħalli mhux applikata, ex officio, kull leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali […] li hija kuntrarja għal dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha effett dirett” (47). Skont ġurisprudenza stabbilita, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu dan l-effett (48).

84.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-qrati Pollakki preżentement (wara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u Ħajja Privata tal-Imħallfin)), ma għandhomx japplikaw l-Artikolu 55(4) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, u jistgħu għalhekk, f'dan il-każ, japplikaw l-Artikolu 379(4) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili u/jew kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali oħra applikabbli sabiex jaċċertaw jekk kawża fl-ewwel istanza ġietx assenjata (jew assenjata mill-ġdid) lil imħallef relatur b’mod regolari, jiġifieri skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli kif ukoll bir-rekwiżiti ta’ qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi, sabiex b’dan il-mod tiġi żgurata l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif sanċita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 2 TUE u b’teħid inkunsiderazzjoni dovut tal-Artikolu 47 tal-Karta.

V.      Konklużjoni

85.      Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari mis-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell, Varsavja, il-Polonja) kif ġej:

“It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 2 TUE u meħud inkunsiderazzjoni l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni,

għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tinkludi projbizzjoni assoluta ta’ rimedju legali għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-assenjazzjoni (jew assenjazzjoni mill-ġdid) tal-kawżi lil imħallfin fejn tali ksur joħloq riskju reali li (a) persuni jew korpi amministrattivi oħrajn fil-ġudikatura stess jistgħu jeżerċitaw diskrezzjoni indebita li ġġarraf l-integrità tal-eżitu tal-assenjazzjoni (jew assenjazzjoni mill-ġdid) tal-kawżi lil imħallfin, u (b) ir-riżultat ta’ tali assenjazzjoni (jew assenjazzjoni mill-ġdid) tista’ toħloq dubju fuq l-oġġettività u l-assenza ta’ kull interess fl-eżitu tat-tilwima u għajr l-applikazzjoni stretta tal-Istat tad-dritt u għalhekk toħloq dubju leġittimu fil-ħsieb tal-individwi dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallfin ikkonċernati.

Il-qorti tar-rinviju ma għandhiex tapplika tali dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali u tipproċedi sabiex tapplika l-Artikolu 379(4) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u/jew kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali applikabbli oħra sabiex teżamina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, jekk l-applikazzjoni irregolari tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-assenjazzjoni (jew assenjazzjoni mill-ġdid) tal-kawżi lil imħallfin hijiex ta’ tali tip u ta’ tali gravità li tikkostitwixxi ksur tad-dritt li tiġi ggarantita qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi u sabiex tiġġustifika d-dikjarazzjoni tal-proċeduri li ma humiex validi fl-ewwel istanza, bl-iskop li tiġi żgurata l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Id-deċiżjoni tar-rinviju tmur lura għat‑28 ta’ April 2022, iżda kienet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Marzu 2023.


3      L-Ustawa z 17 listopada 1964 r. Kodeks postępowania cywilnego (il-Liġi tas-17 ta’ Novembru 1964 li Tistabbilixxi l-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, test ikkonsolidat, Dz.U. tal‑2021, pożizzjoni 1805, kif emendat) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili”).


4      L-Ustawa z 27 lipca 2001 r. Prawo o ustroju sądów powszechnych (il-Liġi tas-27 ta’ Lulju 2001 dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, test ikkonsolidat, Dz.U. tal-2020, pożizzjoni 2072) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Qrati Ordinarji”), kif emendata mill-Ustawa o zmianie ustawy – Prawo o ustroju sądów powszechnych, ustawy o Sądzie Najwyższym oraz niektórych innych ustaw z 20 grudnia 2019 r. (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, il-Liġi dwar il-Qorti Suprema u Ċerti Liġijiet Oħra tal‑20 ta’ Diċembru 2019, Dz.U. tal-2020, pożizzjoni 190) (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-20 ta’ Diċembru 2019”).


5      Rozporządzenie Ministra Sprawiedliwości z 23 grudnia 2015 r. Regulamin urzędowania sądów powszechnych (Regolament tal-Ministru għall-Ġustizzja tat‑23 ta’ Diċembru 2015 li Jistabbilixxi Regoli li Jikkonċernaw l-Operat tal-Qrati Ordinarji) (Dz.U. tal‑2015, pożizzjoni 2316) (iktar ’il quddiem ir-“Regoli tal-Proċedura tal-2015”).


6      System Losowego Przydziału Spraw (is-Sistema għall-Assenjazzjoni Irregolari tal-Kawżi lil Imħallfin).


7      Madwar 36 paragrafu tad-deċiżjoni tar-rinviju fil-fatt huma ddedikati għall-miżuri ta’ inkjesta u kontrolli (ara l-paragrafi 21 sa 56 tagħha).


8      Fis-seduta, il-Gvern Pollakk irtira l-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, inkluż l-oġġezzjoni tal-inammissibbiltà, u ppreżenta osservazzjonijiet totalment ġodda. Huwa sostna, essenzjalment, li (i) ir-rekwiżit ta’ qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi pprekluda l-kawża milli tingħata konjizzjoni minn imħallef ġdid li kien appuntat bħala l-imħallef relatur bi ksur flagranti tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-assenjazzjoni tal-kawżi; u (ii) id-dritt tal-Unjoni jeżiġi li l-qorti tat-tieni istanza ma tapplikax dispożizzjonijiet nazzjonali, li jipprekluduha milli teżamina jekk, fl-ewwel istanza, ir-rekwiżit indikat iktar ’il fuq ma jkunx issodisfatt.


9      Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, iktar ’il quddiem is-“sentenza Miasto Łowicz”,  punti 33 u 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


10      Sentenza tat‑18 ta’ April 2024, OT et (Tneħħija ta’ Qorti) (C‑634/22, EU:C:2024:340, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11      Sentenza Miasto Łowicz, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata.


12      Sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 52). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Rantos fi Krajowa Rada Sądownictwa (Żamma tal-Funzjonijiet ta’ Mħallef) (C‑718/21, EU:C:2023:150, punt 20 u noti ta’ qiegħ il-paġna 26 sa 28).


13      Sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-Deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali) (C‑430/21, EU:C:2022:99, iktar ’il quddiem is-“sentenza RS” punti 36 u 37).


14      L-Artikolu 55(4) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji.


15      Ara s-sentenza Miasto Łowicz, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata.


16      Ibid., punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata.


17      Ara s-sentenza RS, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata.


18      Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2022:235, punti 77 sa 79).


19      Sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2016, Hünnebeck (C‑479/14, EU:C:2016:412, punt 36). Ara wkoll is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2018, Preindl  (C‑675/17, EU:C:2018:990, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).


20      Sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia ‘Forumul Judecătorilor din România’ et (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 197 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21      Pereżempju l-Artikolu 379(4) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.


22      Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Review Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX-II u C‑543/18 RX-II, EU:C:2020:232, (iktar ’il quddiem is-“sentenza Simpson u HG”) punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata). Enfasi miżjuda.


23      Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).


24      Sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023 (C‑204/21, EU:C:2023:442) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u Ħajja Privata tal-Imħallfin)).


25      Il-Kummissjoni ta’ Venezja, uffiċjalment il-“Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt”, hija korp konsultattiv tal-Kunsill tal-Ewropa.


26      “Report on the independence of the judicial system Part I: The independence of judges”, addottat mill-Kummissjoni ta’ Venezja fit-tnejn u tmenin sessjoni plenarja tagħha, Venezja, 12‑13 Marzu 2010, punt 81 u punt 82, (16).


27      Ibid., paragrafi 77 u 79.


28      Ara Sillen, J., “The concept of ‘internal judicial independence’ in the case law of the European Court of Human Rights, European Constitutional Law Review, Nru 15, 2019, p. 121 b’ħafna riferimenti għal ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti EDB.


29      Il-Qorti EDB, 12 ta’ Jannar 2016, CE:ECHR:2016:0112JUD005777413, (iktar ’il quddiem is-“sentenza Miracle Europe” § 58).


30      Kif tispjega l-letteratura legali, “malli kawża tkun assenjata lil imħallef […], bħala prinċipju, ma tistax tkun assenjata mill-ġdid lil imħallef differenti jew lil qorti […] mingħajr il-kunsens ta’ dawn tal-aħħar, ħlief fejn tali assenjazzjoni mill-ġdid tkun iġġustifikata mill-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja” [traduzzjoni libera], jiġifieri, “pereżempju, meta l-imħallef jew l-awla li għandhom kawżi li jeħtieġu li jitqiesu iktar malajr mis-soltu (pereżempju, fi kwistjonijiet tal-familja jew fi proċeduri kriminali) jaffaċċjaw ċirkustanzi mhux mistennija li jistgħu jestendu b’mod sinjifikattiv id-durata tal-proċeduri, għad-detriment tal-interessi tal-litiganti” [traduzzjoni libera]. Adam, S., “Good administration of justice from an EU law perspective: striking balance between disciplinary liability and judicial independence”, f’Adam, S., Dervaux, I., Grasso, I., u Vaz Ventura, F. (edituri), The Rule of law and good administration of justice in the digital era, Bruylant, 2024, p. 158.


31      Sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika tal‑Polonja (Sistema Dixxiplinari Applikabbli għall-Imħallfin) (C‑791/19, EU:C:2021:596,; iktar ’il quddiem is-“sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika tal‑Polonja (Sistema Dixxiplinari Applikabbli għall-Imħallfin), punt 172).


32      Ibid., punt 173.


33      Sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 34).


34      Sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u Ħajja Privata tal-Imħallfin)(punti 269 u 286).


35      Artikolu 55(4) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji.


36      Ara Prechal, S., “Article 19 TUE and national courts: A new role for the principle of effective judicial protection?”, f’Bonelli, M., Eliantonio, M., u Gentile, G., (edituri), Article 47 of the EU Charter and Effective Judicial Protection, Volume 1: The Court of Justice’s Perspective, Oxford, 2022, p. 23.


37      Ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika tal‑Polonja (Sistema Dixxiplinari Applikabbli għall-Imħallfin), punt 112.


38      Ara, b’analoġija, is-sentenza Simpson u HG, punti 75 sa 80.


39      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawżi magħquda Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:403, punti 143 et seq.). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev f’Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qrati Ordinarji) (C‑192/18, EU:C:2019:529, punt 115); u fil-Kawżi magħquda Miasto Łowicz u Prokuratur Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2019:775, punt 125); u ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Rantos li niċċita fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


40      Ara l-Qorti EDB l‑1 ta’ Diċembru 2020, Guðmundur Andri Ástráðsson vs L‑Islanda, CE:ECHR:2020:1201JUD002637418, § 235 sa 290.


41      Sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika tal‑Polonja (Sistema Dixxiplinari Applikabbli għall-Imħallfin), punt 52.


42      Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata).


43      Sentenza RS, punt 41; enfasi miżjuda.


44      Punti 226 u 227.


45      Ara wkoll is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, YP et (Tneħħija tal-Immunità u s-Sospensjoni tal-Funzjonijiet ta’ Mħallef) (C‑615/20 u C‑671/20, EU:C:2023:562), punti 61 sa 64, u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll is-sentenza f’Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u l-Ħajja Privata tal-Imħallfin), punt 271.


46      Kien jidher fis-seduta li fis‑7 ta’ Marzu 2024 din id-dispożizzjoni kienet għadha ma tħassritx.


47      Sentenza f’Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u Ħajja Privata tal-Imħallfin), punt 228 u l-ġurisprudenza ċċitata.


48      Ibid., punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata.