Language of document : ECLI:EU:C:2024:537

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKATA ĠENERALI

MEDINA

ippreżentati fl‑20 ta’ Ġunju 2024 (1)

Kawżi magħquda C258/23 sa C260/23

IMI – Imagens Médicas Integradas, SA (C258/23)

Synlabhealth II SA (C259/23)

SIBS - Sociedade Gestora de Participações Sociais SA,

SIBS, Cartões – Produção e Processamento de Cartões SA,

SIBS Processos – Serviços Interbancários de Processamento SA,

SIBS International SA,

SIBS Pagamentos SA,

SIBS Gest SA,

SIBS Forward Payment Solutions, SA,

SIBS MB SA (C260/23)

vs

Autoridade da Concorrência

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal da Concorrência, Regulação e Supervisão (il-Qorti tal-Kompetizzjoni, ta’ Regolamentazzjoni u ta’ Superviżjoni, il-Portugall))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni – Applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni – Konfiska ta’ posta elettronika – Mandat maħruġ mill-Uffiċċju tal-Prosekutur – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea– Artikolu 7 – Ksur tad-dritt għar-rispett tal-komunikazzjonijiet)






I.      Introduzzjoni

1.        Fit-tliet talbiet għal deċiżjoni preliminari tagħha, li huma s-suġġett ta’ dawn il-kawżi magħquda, it-Tribunal da Concorrência, Regulação e Supervisão (il-Qorti tal-Kompetizzjoni, ta’ Regolamentazzjoni u ta’ Superviżjoni, il-Portugall) tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja tliet domandi preliminari li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2.        Dawn id-domandi saru fil-kuntest ta’ tliet proċeduri bejn IMI – Imagens Médicas Integradas SA (iktar ’il quddiem “IMI”), diversi kumpanniji tal-grupp SIBS (iktar ’il quddiem, flimkien, “SIBS”) u Synlabhealth II SA (iktar ’il quddiem “Synlabhealth”) (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-“rikorrenti fil-kawża prinċipali”) u l-Autoridade da Concorrência (l-Awtorità tal-Kompetizzjoni, il-Portugall, iktar ’il quddiem l-“AdC”), dwar il-legalità tal-konfiska tal-posta elettronika ta’ impjegati tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, imwettqa waqt tfittxijiet fil-binjiet ta’ dawn tal-aħħar fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet imwettqa mill-AdC dwar allegat ksur tar-regoli Portugiżi tal-kompetizzjoni kif ukoll, skont il-każ, tal-Artikoli 101 jew 102 TFUE.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

1.      IlKarta

3.        Skont l-Artikolu 7 tal-Karta, “[k]ull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-komunikazzjonijiet tagħha”.

4.        L-Artikolu 52(1) u (3) tal-Karta, jipprovdi:

“1.      Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

[…]

3.      Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali [iktar ’il quddiem il-“KEDB”], it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva.”

5.        L-Artikolu 53 tal-Karta, intitolat “Il-livell ta’ protezzjoni”, jipprevedi li “[x]ejn f’din il-Karta m’għandu jiġi interpretat bħala li jillimita jew li jolqot b’mod negattiv id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali rikonoxxuti, fl-oqsma ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom, mil-liġi ta’ l-Unjoni u mil-liġi internazzjonali u mill-konvenzjonijiet internazzjonali li fihom l-Unjoni jew l-Istati Membri kollha huma parti, b’mod partikolari l-[KEDB], u mill-kostituzzjonijiet ta’ l-Istati Membri”.

2.      IdDirettiva 2019/1

6.        Id-Direttiva (UE) 2019/1 (2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 sabiex l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jingħataw setgħat biex ikunu inforzaturi aktar effettivi, u biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern għandha l-għan li tistabbilixxi ċerti regoli sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jkollhom il-garanziji ta’ indipendenza, riżorsi u setgħat ta’ infurzar u ta’ impożizzjoni ta’ multi neċessarji għall-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. Skont il-premessa 31 tagħha, “[l]-awtoritajiet […] nazzjonali tal-kompetizzjoni jenħtieġ li jkunu jistgħu jwettqu l-ispezzjonijiet kollha meħtieġa tal-binjiet tal-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi fejn […] jistgħu juru li hemm raġunijiet validi għas-suspett ta’ ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE. Jenħtieġ li din id-Direttiva ma tipprevjenix lill-Istati Membri milli jirrikjedu awtorizzazzjoni minn qabel minn awtorità ġudizzjarja nazzjonali għal tali spezzjonijiet”. Il-premessa 32 ta’ din id-direttiva tipprovdi, fl-aħħar mill-aħħar, li “[s]-setgħa li jeżaminaw kotba jew rekords jenħtieġ li tkopri l-forom kollha ta’ korrispondenza, inkluż messaġġi elettroniċi, irrispettivament minn jekk jidhirx li dawn għadhom ma nqrawx jew tħassru”. Il-premessa 73 tal-imsemmija direttiva tesponi li “[l]-evidenza hija element importanti fl-infurzar tal-Artikoli 101 u 102 TFUE” u li “l-[awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni] jenħtieġ li jkunu jistgħu jqisu messaġġi elettroniċi bħala evidenza rilevanti, irrispettivament minn jekk dawk il-messaġġi jidhrux li jkunu għadhom ma nqrawx jew ikunux tħassru”.

7.        L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2019/1, intitolat “Setgħa tal-ispezzjoni ta’ bini tan-negozju”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jkunu jistgħu jwettqu l-ispezzjonijiet għall-għarrieda kollha meħtieġa tal-impriżi u tal-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE u li jkollhom, fost l-oħrajn, is-setgħa li “jeżaminaw il-kotba u rekords oħrajn marbuta man-negozju irrispettivament mill-mezz li fuqu jkunu maħżuna, u li jkollhom id-dritt ta’ aċċess għal kwalunkwe informazzjoni li tkun aċċessibbli għall-entità soġġetta għall-ispezzjoni” kif ukoll li “jieħdu jew jiksbu, fi kwalunkwe forma, kopji ta’, jew siltiet minn, tali kotba jew rekords”. Il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jippreċiża li dan “huwa mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti skont il-liġi nazzjonali għall-awtorizzazzjoni minn qabel għal spezzjonijiet bħal dawn minn awtorità ġudizzjarja nazzjonali”.

8.        L-Artikolu 32 ta’ din id-direttiva, intitolat “Ammissibbiltà tal-evidenza quddiem l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni”, jipprevedi li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tipi ta’ provi li huma ammissibbli bħala evidenza quddiem awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jinkludu […] messaġġi elettroniċi”.

B.      Iddritt Portugiż

9.        L-Artikolu 34(1) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Portugiża (iktar ’il quddiem il-“KRP”), intitolat “Invjolabbiltà tad-domiċilju u tal-korrispondenza”, jipprovdi li “[d]-domiċilju u s-sigriet tal-korrispondenza kif ukoll ta’ mezzi oħra ta’ komunikazzjoni privata għandhom ikunu invjolabbli”. Il-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu jipprovdi li “[l]-awtoritajiet pubbliċi huma pprojbiti milli jinterferixxu fil-korrispondenza, fit-telekomunikazzjonijiet jew fi kwalunkwe mezz ieħor ta’ komunikazzjoni, ħlief fil-każijiet previsti mil-liġi dwar il-proċeduri kriminali.”

10.      Il-lei no 19/2012 (novo regime jurídico da concorrência) (il-Liġi Nru 19/2012 dwar l-Approvazzjoni tas-Sistema Ġuridika Ġdida tal-Kompetizzjoni), tat‑8 ta’ Mejju 2012 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kompetizzjoni”), kif applikabbli sal‑15 ta’ Settembru 2022, kienet tipprevedi, fl-Artikolu 18(1)(c) tagħha, li, fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha ta’ sanzjoni, l-AdC kellha d-dritt li “twettaq, fil-binjiet, fl-artijiet jew fil-mezzi ta’ trasport ta’ impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, operazzjonijiet ta’ tfittxija, ta’ eżami, ta’ rkupru u ta’ konfiska ta’ siltiet minn kitbiet u ta’ dokumenti oħra, ikun xi jkun il-mezz tagħhom, kull meta tali passi jirriżultaw meħtieġa sabiex tinkiseb prova”. Skont il-paragrafu 24 ta’ dan l-artikolu, dawn il-passi kienu suġġetti għall-“awtorizzazzjoni tal-awtorità ġudizzjarja kompetenti” (3).

11.      L-Artikolu 20(1) tal-imsemmija liġi jipprovdi li l-konfiski ta’ dokumenti, tkun xi tkun in-natura jew il-mezz tagħhom, huma awtorizzati, ordnati jew ivvalidati b’deċiżjoni tal-awtorità ġudizzjarja.

12.      L-Artikolu 21 tal-Liġi dwar il-Kompetizzjoni, kif applikabbli sal‑15 ta’ Settembru 2022, kien jipprevedi li “[g]ħandhom kompetenza għall-finijiet tal-awtorizzazzjoni tal-proċeduri previsti fl-Artikolu 18(1)(c) u (d) […] u fl-Artikolu 20, l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-ġurisdizzjoni fejn hi rreġistrata l-[AdC] jew, jekk dan ikun espressament previst, il-qorti istruttorja tal-istess ġurisdizzjoni” (4).

13.      Il-Liġi dwar il-Kompetizzjoni ġiet emendata, mis‑16 ta’ Settembru 2022, bil-Liġi Nru 17/2022 tas‑17 ta’ Awwissu 2022, li tittrasponi d-Direttiva 2019/1. Din il-liġi żiedet paragrafu 4 mal-Artikolu 18 tal-Liġi dwar il-Kompetizzjoni, li skontu, ir-rifjut mill-awtorità ġudizzjarja kompetenti li tagħti lill-AdC l-awtorizzazzjoni msemmija f’dan l-artikolu jista’ jkun is-suġġett “a) jekk id-deċiżjoni tirriżulta minn uffiċjal tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, ta’ appell lis-superjur ġerarkiku tiegħu; b) jekk id-deċiżjoni tirriżulta mill-qorti istruttorja, ta’ appell lill-Qorti tal-Appell, li tiddeċiedi fl-aħħar istanza”.

14.      L-Artikolu 21 tal-Liġi dwar il-Kompetizzjoni, kif emendata bil-Liġi Nru 17/2022 tas‑17 ta’ Awwissu 2022, jipprevedi li “[l]-awtorità ġudizzjarja kompetenti tal-ġurisdizzjoni fejn hi rreġistrata l-[AdC] hija awtorizzata tawtorizza l-proċeduri previsti fl-Artikolu 18(1)(a) sa (d), fl-Artikolu 19 u fl-Artikolu 20”.

III. Ilproċeduri filkawża prinċipali, iddomandi preliminari u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

15.      Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li, f’kull waħda mill-investigazzjonijiet li jikkonċernaw lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali (5), l-AdC qieset li kien neċessarju li tipproċedi għal “miżuri ta’ tfittxija, ta’ eżami, ta’ ġbir u ta’ konfiska ta’ provi”. Għal dan l-għan, hija talbet lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti, f’dan il-każ l-Uffiċċju tal-Prosekutur, tawtorizza dawn il-miżuri. Dawn it-talbiet intlaqgħu u, konformement mal-mandati maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, ġiet awtorizzata, b’mod partikolari, il-konfiska ta’ “[k]opji jew siltiet minn dokumenti tal-kontabbiltà u dokumenti oħra, kemm jekk miftuħa u kklassifikati u kemm jekk miftuħa u fiċ-ċirkulazzjoni fid-dipartimenti, b’mod partikolari posta elettronika u dokumenti interni intiżi għall-komunikazzjoni ta’ informazzjoni bejn livelli ġerarkiċi differenti u għall-preparazzjoni ta’ deċiżjonijiet fil-qasam tal-politika kummerċjali tal-impriżi, kif ukoll minuti tal-laqgħat tat-tmexxija jew tal-ġestjoni, kemm jekk jinsabu f’post riżervat jew mhux liberament aċċessibbli għall-pubbliku kif ukoll jekk le, inkluż kull mezz informatiku jew tal-kompjuter, kif ukoll l-eżami u l-ikkupjar tal-informazzjoni li hemm fihom, li hija direttament jew indirettament marbuta ma’ prattiki antikompetittivi”.

16.      Mill-fajls ġudizzjarji trażmessi lir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja jidher li l-operazzjonijiet ta’ tfittxija, ġbir u konfiska saru fil-binjiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali bejn Jannar 2021 u Marzu 2022 (6). Matul dawn l-operazzjonijiet, bosta eluf ta’ fajls tal-kompjuter, meqjusa rilevanti għall-investigazzjonijiet, ġew konfiskati wara t-tfittxija tal-posta elettronika tal-impjegati tal-kumpanniji spezzjonati. F’kull każ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali opponew dawn il-konfiski billi sostnew li dawn kienu illegali sa fejn kienu jiksru d-dritt tagħhom għas-sigriet tal-korrispondenza u, fi kwalunkwe każ, sa fejn ma kinux ġew awtorizzati mill-qorti istruttorja. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sussegwentement ikkontestaw quddiem il-qorti tar-rinviju d-deċiżjonijiet tal-AdC li jiċħdu l-oppożizzjonijiet tagħhom.

17.      Dik il-qorti tesponi li l-Liġi dwar il-Kompetizzjoni teżiġi awtorizzazzjoni mill-qorti istruttorja biss fil-każijiet ta’ konfiska ta’ dokumenti fl-istabbilimenti bankarji, ta’ tfittxijiet domiċiljari u ta’ tfittxijiet fl-uffiċċji tal-avukati jew fl-uffiċċji tat-tobba. Fil-każijiet l-oħra, l-awtorizzazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, bħala awtorità ġudizzjarja, tkun suffiċjenti. Hija tenfasizza li, għalkemm il-proċeduri fil-kawża prinċipali jirrigwardaw ksur amministrattiv, id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Kompetizzjoni huma konsistenti mal-loġika li fuqha huwa bbażat ir-reġim kriminali. Għalhekk, meta l-mezzi ta’ kisba tal-provi jkunu jistgħu jiksru d-drittijiet fundamentali, huwa meħtieġ l-intervent tal-qorti istruttorja, filwaqt li, fil-każijiet l-oħra, huwa meħtieġ biss l-intervent tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, li għandu jmexxi l-investigazzjoni. Għalhekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk, kif isostnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, is-sempliċi fatt li d-dokumenti kkonfiskati mill-AdC jirriżultaw minn komunikazzjonijiet li kienu jinsabu fil-posta elettronika funzjonali tal-impjegati tal-impriżi kkonċernati jippermettix li dawn id-dokumenti jiġu kklassifikati bħala “korrispondenza”, li l-invjolabbiltà tagħhom hija dritt fundamentali li jibbenefika minn livell ta’ protezzjoni ogħla. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li hija diġà kellha l-okkażjoni li tirrispondi fin-negattiv għal din id-domanda fil-passat.

18.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunal da Concorrência, Regulação e Supervisão (il-Qorti tal-Kompetizzjoni, ta’ Regolamentazzjoni u ta’ Superviżjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, f’kull waħda mill-kawżi prinċipali, id-domandi preliminari li ġejjin (7):

“1)      Id-dokumenti professjonali inkwistjoni, trażmessi permezz tal-posta elettronika, huma “korrispondenza” skont l-Artikolu 7 tal-[Karta]?

2)      L-Artikolu 7 tal-Karta jipprekludi s-sekwestru ta’ dokumentazzjoni professjonali, li tirriżulta minn komunikazzjonijiet stabbiliti bejn amministraturi [diretturi] u kollaboraturi [impjegati] ta’ impriżi permezz ta’ indirizzi ta’ posta elettronika, meta tkun inkwistjoni investigazzjoni ta’ ftehim u prattiki pprojbiti mill-Artikolu 101 TFUE (li kien l-Artikolu 81 KE) [jew, fil-kawża C‑260/23, mill-Artikolu 102 TFUE (li kien l-Artikolu 82 KE)]?

3)      L-Artikolu 7 tal-Karta jipprekludi s-sekwestru ta’ tali dokumentazzjoni professjonali, permezz ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtorità ġudizzjarja, in casu, il-Ministério Público (l-Uffiċċju tal-Prosekutur), li l-kompetenzi tiegħu huma li jirrappreżenta lill-Istat, li jiddefendi l-interessi ddeterminati mil-liġi, li jeżerċita l-azzjoni kriminali fid-dawl tal-prinċipju ta’ legalità u li jiddefendi l-legalità demokratika, skont il-Kostituzzjoni u li jaġixxi b’mod awtonomu mill-organi l-oħra ta’ poter ċentrali, reġjonali u lokali?”

19.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kawżi C‑258/23, C‑259/23 u C‑260/23 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-fażi bil-miktub u tal-fażi orali tal-proċedura kif ukoll tas-sentenza. Il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Portugiż, Ċek u dak Grieg, kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

IV.    Evalwazzjoni

20.      Skont it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jittrattaw biss it-tielet domanda preliminari. Madankollu, peress li r-risposta għal din id-domanda hija loġikament suġġetta għar-risposti li għandhom jingħataw għall-ewwel żewġ domandi, dawn għandhom jiġu eżaminati fil-qosor qabel ma tiġi indirizzata t-tielet domanda. Dan l-eżami ser jiġi ppreċedut minn xi osservazzjonijiet preliminari, li jikkonċernaw ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari fl-intier tagħhom.

A.      Osservazzjonijiet preliminari

21.      Nirrileva, qabelxejn, li ma hemmx dubju li l-Karta tapplika għall-kawżi prinċipali, li jirrigwardaw il-kwistjoni tar-rispett tad-drittijiet fundamentali matul l-ispezzjonijiet imwettqa minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet għal ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE (8).

22.      Sussegwentement, għandhom isiru żewġ rimarki fir-rigward tal-kuntest ġuridiku ta’ dawn il-kawżi magħquda.

23.      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kuntest ġuridiku nazzjonali, nosserva li mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-partijiet fil-kawża prinċipali kif ukoll mill-Kummissjoni jirriżulta li, permezz ta’ żewġ sentenzi, tas‑16 ta’ Marzu 2023 (9) u tas‑26 ta’ Mejju 2023 (10) rispettivament, it-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Portugall) iddikjarat bħala antikostituzzjonali r-regola bbażata fuq l-Artikolu 18(1)(c) u l-Artikolu 20(1) tal-Liġi dwar il-Kompetizzjoni, li abbażi tagħha l-AdC ipproċediet bit-tfittxija u l-konfiska ta’ messaġġi tal-posta elettronika “miftuħa”, jiġifieri ta’ posta mmarkata bħala “moqrija”, fuq sempliċi awtorizzazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur (iktar ’il quddiem “is-sentenzi tal‑2023”). F’dawn is-sentenzi, it-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali), minn naħa waħda, irrifjutat id-distinzjoni bejn messaġġi tal-posta elettronika miftuħa/moqrija, li jikkostitwixxu “dokumenti” sempliċi, u messaġġi tal-posta elettronika magħluqa/mhux moqrija, li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “korrispondenza”, li fuq il-bażi tagħha l-qrati Portugiżi kienu ġġustifikaw il-legalità tal-konfiska mill-AdC ta’ messaġġi tal-posta elettronika fl-ewwel kategorija biss bil-kunsens tal-Uffiċċju tal-Prosekutur (11). It-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li l-messaġġi tal-posta elettronika kollha, miftuħa jew magħluqa, jibbenefikaw mill-garanziji previsti fl-Artikolu 34 tal-KRP, sakemm jinħażnu f’post li għalih ikollu aċċess biss id-destinatarju tagħhom (12). Min-naħa l-oħra, l-imħallfin tal-Qorti Kostituzzjonali Portugiżi qiesu li t-tfittxija u l-konfiska tal-messaġġi tal-posta elettronika matul l-ispezzjonijiet imwettqa mill-AdC sabiex jinġabru provi fi proċedimenti għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni nazzjonali u tal-Unjoni kienu koperti mill-eċċezzjoni prevista mill-Artikolu 34(4), fl-aħħar mill-aħħar, tal-KRP, iżda li dawn setgħu jiġu awtorizzati biss mill-qorti istruttorja (13). Għalkemm il-qorti tar-rinviju ma semmietx is-sentenzi msemmija hawn fuq – li l-ewwel waħda biss ingħatat qabel id-data ta’ dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari (14) – jirriżulta b’mod partikolari mill-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-partijiet fil-kawża prinċipali li d-dikjarazzjoni ta’ antikostituzzjonalità mwettqa mit-Tribunal constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali) hija parti mill-qafas legali u fattwali li wassal biex dik il-qorti tirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan il-kuntest, ninnota li t-Tribunal da Concorrência, Regulação e Supervisão (il-Qorti tal-Kompetizzjoni, ta’ Regolamentazzjoni u ta’ Superviżjoni) introduċiet, f’April 2024, żewġ rinviji għal deċiżjoni preliminari ġodda li jqajmu essenzjalment l-istess domandi, li fihom is-sentenzi tal‑2023, kif ukoll il-konsegwenzi tagħhom fir-rigward tas-setgħat ta’ spezzjoni u ta’ konfiska tal-AdC, huma esposti fid-dettall (15).

24.      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest ġuridiku tal-Unjoni, nirrileva li ma huwiex ċert li d-Direttiva 2019/1 tapplika għall-proċeduri kollha fil-kawża prinċipali. Konformement għall-Artikolu 36 tagħha, din id-direttiva daħlet fis-seħħ fit‑3 ta’ Frar 2019 u, kif jirriżulta mill-Artikolu 34(1) tagħha, l-Istati Membri kellhom idaħħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom magħha sa mhux iktar tard mill‑4 ta’ Frar 2021. Fi kwalunkwe każ, kif ser nesponi iktar ’il quddiem fl-analiżi tiegħi, l-imsemmija direttiva ma hijiex direttament rilevanti, tal-inqas għar-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda preliminari, li fuqha huma ffokati dawn il-konklużjonijiet.

25.      B’dan ippreċiżat, hemm lok li tittieħed pożizzjoni fil-qosor dwar l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sabiex tiġi kkontestata l-ammissibbiltà tar-rinviji għal deċiżjoni preliminari.

26.      Fil-Kawża C‑258/23, IMI ssostni li, peress li l-qorti tar-rinviju ma informatx lill-Qorti tal-Ġustizzja bis-sentenza Nru 91/2023, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jiggarantixxix li r-risposta li ser tingħata minnha tkun kemm jista’ jkun kompleta u utli. F’dan ir-rigward, nirrileva li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija intiża sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara l-portata tal-protezzjoni offruta mill-Artikolu 7 tal-Karta kontra miżuri bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali f’kuntest li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. L-utilità ta’ tali interpretazzjoni għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali ma tistax għalhekk tiġi kkontestata, tal-inqas mingħajr ma jinqabżu l-limiti ta’ sempliċi kontestazzjoni tal-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari u mingħajr dibattitu dwar il-mertu.

27.      Fil-Kawża C‑259/23, Synlabhealth issostni li d-deċiżjonijiet tar-rinviju jħallu barra diversi fatti li huma essenzjali sabiex tinftiehem it-tilwima (16) kif ukoll id-dispożizzjonijiet legali applikabbli. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, riflessa fl-Artikolu 94(a) u (b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li dik il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u l-qafas regolamentari tad-domandi magħmula minnha jew li, tal-inqas, tispjega l-ipoteżijiet fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi (17). It-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑259/23 tissodisfa, fil-fehma tiegħi, dawn ir-rekwiżiti. Minn naħa, hija tinkludi biżżejjed elementi li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tifhem kemm il-kuntest ġuridiku u fattwali tal-kawża prinċipali kif ukoll is-sens u l-portata tad-domandi preliminari magħmula. Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni dwar jekk, kif issostni Synlabhealth, l-AdC qabżitx il-limiti tal-awtorizzazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur meta wettqet l-ispezzjonijiet u l-konfiski fil-bini ta’ din il-kumpannija hija kwistjoni għall-valutazzjoni tal-fatti u, għalhekk, taqa’ biss fil-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju (18). Synlabhealth issostni wkoll li ma nstemgħetx fir-rigward tad-domandi preliminari magħmula,, bi ksur tar-rekwiżiti proċedurali previsti mid-dritt Portugiż, u li għalhekk hija ressqet appell kontra d-deċiżjoni ta’ rinviju (19). Hija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tissospendi l-proċedura sakemm jiġi deċiż dan l-appell. F’dan ir-rigward, infakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tat-tqassim tal-funzjonijiet bejnha u l-qorti nazzjonali, li għandha tivverifika jekk id-deċiżjoni tar-rinviju tteħditx skont ir-regoli nazzjonali ta’ organizzazzjoni u ta’ proċedura ġudizzjarja. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita ruħha għad-deċiżjoni tar-rinviju maħruġa minn qorti ta’ Stat Membru, sakemm din ma tkunx ġiet irrevokata fil-kuntest tar-rimedji li jistgħu jkunu previsti mid-dritt nazzjonali (20). Għalhekk it-talba ta’ Synlabhealth għandha tiġi rrifjutata. Għall-finijiet tal-kompletezza, ninnota fl-aħħar nett li fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Synlabhealth tirreferi għal ksur tad-dritt tagħha ta’ parteċipazzjoni fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn hija ma rċevietx notifika tad-deċiżjoni tal-President dwar it-tgħaqqid tal-Kawża C‑259/23 mal-Kawżi C‑258/23 u C‑260/23, u lanqas tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari f’dawn iż-żewġ kawżi tal-aħħar. F’dan ir-rigward, nillimita ruħi li nenfasizza li l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 96(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jinkludu lista eżawrjenti tal-partijiet ikkonċernati li jistgħu jippreżentaw osservazzjonijiet fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari. Dan id-dritt ma jistax, għalhekk, jiġi estiż għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ma jkunux espressament previsti (21). Barra minn hekk, il-“partijiet fil-kawża prinċipali” huma, skont l-Artikolu 97(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, iddeterminati bħala tali mill-qorti tar-rinviju, konformement mar-regoli proċedurali nazzjonali. Issa, peress li Synlabhealth ma hijiex parti fil-Kawżi C‑258/23 u C‑260/23, hija ma tistax tiġi awtorizzata tippreżenta osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn il-kawżi. Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tgħaqqad diversi rinviji għal deċiżjoni preliminari minħabba konnessjoni skont l-Artikolu 54 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

28.      Fil-Kawża C‑260/23, SIBS issostni, minn naħa, li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari sar f’mument meta l-fatti kienu għadhom ma ġewx stabbiliti u lanqas diskussi, u, min-naħa l-oħra, li d-domandi magħmula huma irrilevanti fir-rigward tas-suġġett tat-tilwima, li jinvolvi l-evalwazzjoni tal-legalità tal-miżuri inkwistjoni fid-dawl tad-dritt Portugiż u mhux tal-Karta. Rigward l-ewwel argument, għandu jiġi mfakkar li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi f’liema stadju tal-proċedura huwa xieraq, għal din il-qorti, li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (22). Għalhekk, dan l-argument għandu jiġi miċħud. L-istess jgħodd għat-tieni argument, li huwa bbażat fuq allegazzjonijiet li jimplikaw eżami tal-mertu tad-domandi preliminari.

B.      Fuq lewwel żewġ domandi preliminari

29.      Kif diġà ddikjarajt, ser nieħu pożizzjoni fil-qosor dwar l-ewwel żewġ domandi preliminari, li jikkostitwixxu prerekwiżit loġiku għat-tielet waħda.

30.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-messaġġi ta’ posta elettronika ta’ natura professjonali, skambjati bejn impjegati u diretturi ta’ impriża permezz tal-indirizzi tal-posta elettronika tal-impriża, jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “komunikazzjonijiet” (23) fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Karta. Din id-domanda, li nqis li hija ammissibbli minkejja l-argumenti kuntrarji mressqa minn IMI (24), għandha, fil-fehma tiegħi, tingħata risposta fl-affermattiv.

31.      F’dan ir-rigward, infakkar li, b’referenza għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”), fis-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses (25), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tafferma li l-konfiski ta’ messaġġi tal-posta elettronika magħmula matul żjarat domiċiljari fil-bini professjonali jew kummerċjali ta’ persuna fiżika jew fil-bini ta’ kumpannija kummerċjali jikkostitwixxu interferenzi fl-eżerċizzju tad-dritt għar-rispett tal-korrispondenza iggarantit mill-Artikolu 8(1) tal-KEDB (26) u, għalhekk, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, fl-eżerċizzju tad-dritt korrispondenti stabbilit fl-Artikolu 7 tagħha (27). Din l-affermazzjoni tapplika għal konfiski magħmula kemm fil-kuntest ta’ proċedura kriminali kif ukoll fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva (28). Barra minn hekk, il-klassifikazzjoni tal-messaġġi tal-posta elettronika bħala “korrispondenza” fis-sens tal-Artikolu 8(1) tal-KEDB u “komunikazzjonijiet” skont it-tifsira tal-Artikolu 7 tal-Karta hija indipendenti mill-fatt ta’ jekk dawn il-messaġġi tal-posta elettronika diġà ġewx irċevuti mid-destinatarju tagħhom, moqrija, mhux moqrija jew imħassra, jekk il-komunikazzjoni ntbagħtitx minn bini jew tagħmir professjonali (29) jew permezz ta’ indirizz tal-posta elettronika professjonali (30) jew jekk l-indirizz tal-ispeditur jew tad-destinatarju huwiex dak ta’ persuna ġuridika (31), jew, saħansitra, mill-kwistjoni dwar jekk il-kontenut tagħhom huwiex privat jew le (32). Għalhekk, il-fatt li, fid-dawl tal-kontenut tiegħu, messaġġ tal-posta elettronika jista’ jiġi kklassifikat bħala “dokument professjonali” ma jċaħħdux mill-protezzjoni li l-Artikolu 7 tal-Karta jiggarantixxi lill-komunikazzjonijiet. Fl-aħħar nett, din il-protezzjoni ma tikkonċernax biss il-kontenut tal-messaġġi tal-posta elettronika, iżda testendi wkoll għad-data personali dwar it-traffiku ġġenerat minnhom, li hija wkoll protetta mill-Artikolu 8 tal-Karta (33).

32.      Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 7 tal-Karta jipprekludix il-konfiska, minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, waqt spezzjoni fil-binjiet kummerċjali ta’ impriżi ssuspettati bi ksur tal-Artikoli 101 jew 102 TFUE, ta’ messaġġi tal-posta elettronika bejn impjegati u diretturi ta’ dawn l-impriżi ta’ natura professjonali. Fil-fehma tiegħi, din id-domanda għandha tingħata risposta fin-negattiv.

33.      Infakkar li, konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, limitazzjonijiet fl-eżerċizzju tad-dritt għar-rispett tal-komunikazzjonijiet stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta jistgħu jsiru biss jekk ikunu previsti mil-liġi, jirrispettaw l-essenza tal-imsemmi dritt u jekk, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu meħtieġa u jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn (34).

34.      F’dan il-każ, fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kundizzjoni dwar l-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità, għandu jiġi rrilevat li l-miżuri inkwistjoni fil-kawżi prinċipali huma bbażati fuq l-Artikoli 18 sa 21 tal-Liġi dwar il-Kompetizzjoni.

35.      Fir-rigward, it-tieni nett, tar-rispett għall-kontenut essenzjali tad-dritt għas-sigriet tal-komunikazzjonijiet, nenfasizza li ċertament huwa minnu li tfittxijiet u konfiski bħal dawk inkwistjoni fil-proċeduri fil-kawża prinċipali jinvolvu aċċess għall-kontenut tal-komunikazzjonijiet bħala tali (35). Madankollu, f’dan il-każ, mid-deċiżjonijiet ta’ rinviju jirriżulta b’mod ċar li huma biss il-messaġġi tal-posta elettronika li jikkonċernaw is-suġġett tal-investigazzjoni li fil-prinċipju huma koperti minn dawn il-miżuri, fuq bażi ta’ każ b’każ. Barra minn hekk, fir-rigward tal-indħil fid-dritt għar-rispett tal-komunikazzjonijiet tal-persuni fiżiċi kkonċernati, dawn il-miżuri jidhru li jolqtu biss aspetti tal-ħajja professjonali tagħhom u mhux l-isfera intima u privata tagħhom. Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod ċar li l-eżistenza ta’ ksur tal-kontenut essenzjali tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 7 tal-Karta hija vvalutata b’mod aktar kwantitattiv (36). Għalhekk jiena tal-fehma li, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, it-tieni kundizzjoni prevista mill-Artikolu 52(1) tal-Karta hija ssodisfatta wkoll f’dan il-każ u li l-miżuri li wasslu għall-proċeduri fil-kawża prinċipali ma jistgħux jippreġudikaw l-kontenut essenzjali tad-dritt għar-rispett tal-komunikazzjonijiet tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kkonċernati.

36.      F’dak li jirrigwarda, it-tielet nett, l-għanijiet imfittxija, l-indħil fl-eżerċizzju tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 7 tal-Karta li jirriżulta mill-ispezzjonijiet u mill-konfiski mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni meta dawn japplikaw, konformement mal-Artikolu 3(1) u mal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (37), l-Artikoli 101 u 102 TFUE, għandu l-għan li jidentifika prattiki li jmorru kontra dawn id-dispożizzjonijiet. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tafferma li l-Artikoli 101 u 102 TFUE huma dispożizzjonijiet tal-ordni pubbliku li jipprojbixxu rispettivament l-akkordji u l-abbużi minn pożizzjoni dominanti u li jsegwu l-għan, indispensabbli għall-funzjonament tas-suq intern, li jiġi ggarantit li l-kompetizzjoni ma tkunx distorta f’dan is-suq (38).

37.      Fir-rigward, ir-raba’ nett, tar-rispett għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, infakkar li dan il-prinċipju jeżiġi li l-limitazzjonijiet li jistgħu jsiru għal drittijiet u libertajiet stabbiliti fil-Karta ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija, filwaqt li huwa mifhum li, meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas oneruża. Barra minn hekk, għan ta’ interess ġenerali ma jistax jintlaħaq mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dan għandu jiġi rrikonċiljat mad-drittijiet fundamentali kkonċernati mill-miżura, u dan billi jsir ibbilanċjar bejn, minn naħa, l-għan ta’ interess ġenerali u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet inkwistjoni, sabiex jiġi żgurat li l-inkonvenjenzi kkawżati minn din il-miżura ma jkunux sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija. Għalhekk, il-possibbiltà li tiġi ġġustifikata limitazzjoni għad-drittijiet iggarantiti fl-Artikolu 7 tal-Karta għandha tiġi evalwata billi titkejjel il-gravità tal-indħil li tali limitazzjoni tinvolvi u billi jiġi vverifikat li l-importanza tal-għan ta’ interess ġenerali mfittex minn din il-limitazzjoni tkun proporzjonata ma’ din il-gravità (39).

38.      F’dan il-każ, l-importanza li għandu l-għan tal-protezzjoni ta’ kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq intern tista’, fil-fehma tiegħi, tiġġustifika ndħil, anki serju, fid-dritt għar-rispett tal-komunikazzjonijiet tal-kumpanniji, anki fid-dawl tal-fatt li, kif irrikonoxxew il-Qorti EDB u l-Qorti tal-Ġustizzja, l-indħil pubbliku jista’ jmur lil hinn meta jirrigwarda bini jew attivitajiet professjonali jew kummerċjali (40). Barra minn hekk, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, fil-kuntest diġitali attwali, il-korrispondenza elettronika tikkostitwixxi wieħed mill-mezzi prinċipali ta’ komunikazzjoni tal-impriżi. Konsegwentement, id-diversi forom li fihom isseħħ din il-korrispondenza, bħal messaġġi tal-posta elettronika skambjati permezz ta’ indirizzi tal-posta elettronika professjonali, saru provi spiss insostitwibbli biex jinstabu prattiki antikompetittivi (41). Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-tfittxija u l-konfiska tal-messaġġi tal-posta elettronika mill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilha mill-Artikolu 20 tar-RegolamentNru 1/2003 huma ammissibbli (42), sakemm il-messaġġi tal-posta elettronika rilevanti biss ikunu inklużi fil-fajl (43). Bl-istess mod, mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB jirriżulta li tali miżuri ma humiex esklużi a priori fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi, meta l-interferenza fid-dritt għar-rispett tal-korrispondenza tkun relatata mal-importanza tal-għan leġittimu segwit (44)

39.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-opinjoni li l-Artikolu 7 tal-Karta ma jipprekludix it-tfittxija u l-konfiska, minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, tal-posta elettronika skambjata permezz tal-kaxxa tal-posta elettronika interna għal impriża suġġetta għal spezzjoni fil-bini professjonali jew kummerċjali tagħha fil-kuntest ta’ investigazzjoni għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, meta din il-posta tkun rilevanti għas-suġġett tal-ispezzjoni.

C.      Fuq ittielet domanda preliminari

40.      Permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 7 tal-Karta jipprekludix li l-konfiska, minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, ta’ messaġġi tal-posta elettronika bejn impjegati u diretturi ta’ impriża waqt spezzjoni fil-bini professjonali jew kummerċjali tagħha fil-kuntest ta’ investigazzjoni dwar ksur tal-Artikoli 101 jew 102 TFUE tiġi awtorizzata minn entità bħall-Uffiċċju tal-Prosekutur Portugiż, li huwa inkarigat li jirrappreżenta lill-Istat u li jeżerċita l-azzjoni pubblika fl-interess ġenerali kif ukoll li jiddefendi l-legalità demokratika skont il-Kostituzzjoni u li huwa indipendenti.

41.      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, qabel kollox għandha titfakkar fil-qosor il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB u tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tat-tfittxija u tal-konfiska fil-binjiet professjonali, sabiex jiġu ddefiniti l-istandards tal-protezzjoni previsti rispettivament mill-Artikolu 8 tal-KEDB u mill-Artikolu 7 tal-Karta kontra tali indħil fid-dritt, b’mod partikolari, għar-rispett tal-korrispondenza tal-kumpanniji.

42.      Fir-rigward tal-Artikolu 8 tal-KEDB, l-ewwel nett għandu jiġi mfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB huwa ċar li l-protezzjoni pprovduta minn dan l-artikolu tista’ testendi għal ċerti binjiet kummerċjali, u li l-miżuri ta’ tfittxija u ta’ konfiska f’dawn il-binjiet jikkostitwixxu ndħil fid-dritt tal-kumpanniji kkonċernati tar-rispett tad-“domiċilju” u l-“korrispondenza” (45). Din il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ppreċiżat, kif diġà kelli l-okkażjoni li ninnota, li l-indħil pubbliku jista’ jmur iktar lil hinn fil-każ tal-binjiet jew l-attivitajiet professjonali jew kummerċjali milli f’każijiet oħra (46). Barra minn hekk, il-marġni ta’ evalwazzjoni li jitħalla f’idejn l-Istat biex jiġġudika l-ħtieġa ta’ ndħil huwa usa’ meta l-miżura tkun immirata lejn persuni ġuridiċi u mhux individwi (47). Sussegwentement għandu jiġi rrilevat li minn analiżi tas-sentenzi tal-Qorti EDB dwar din il-kwistjoni, jirriżulta li din teżamina l-konformità mal-Artikolu 8 tal-KEDB tal-miżuri ta’ tfittxija u konfiska fil-binjiet tal-kumpanniji abbażi ta’ valutazzjoni globali taċ-ċirkustanzi legali u fattwali rilevanti kollha tal-każ, bħal, b’mod partikolari, l-estent tas-setgħat mogħtija lill-awtorità kompetenti, iċ-ċirkustanzi li fihom seħħ l-indħil u l-garanziji varji previsti mis-sistema ġuridika kkonċernata (48), fosthom il-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv a posteriori (49), b’mod partikolari, li titqies minn din il-Qorti tal-Ġustizzja li tikkostitwixxi garanzija fundamentali (50). Il-Qorti EDB enfasizzat ukoll il-ħtieġa li l-indħil jiġi bbilanċjat mal-importanza tal-interess pubbliku protett (51). Fis-sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2014, Delta Pekárny a.s. vs Ir‑Repubblika Ċeka (52), fir-rigward tal-ispezzjoni tal-binjiet fil-kuntest ta’ prattiki antikompetittivi, il-Qorti EDB affermat espressament li, fil-każ ta’ żjarat domiċiljari fil-bini ta’ kumpannija, l-assenza ta’ ħruġ minn qabel ta’ awtorizzazzjoni ta’ spezzjoni minn imħallef jista’ jiġi kkontrobilanċjat minn stħarriġ ġudizzjarju ex post facto tal-legalità u l-ħtieġa ta’ tali miżura istruttorja sakemm tali stħarriġ jkun effettiv fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni. Dan jimplika li l-persuni kkonċernati jistgħu jiksbu stħarriġ ġudizzjarju effettiv, fil-fatt kif ukoll fid-dritt, tal-miżura kontenzjuża u tal-iżvolġiment tagħha u li meta operazzjoni meqjusa irregolari tkun diġà seħħet, ir-rimedju jew ir-rimedji disponibbli jippermettu li jiġi fornit lill-persuna kkonċernata rimedju xieraq. B’mod ġenerali, għal dak li jinteressana għall-finijiet ta’ din il-kawża, mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB jirriżulta li d-dritt fundamentali għall-invjolabbiltà tad-domiċilju, kif protett mill-Artikolu 8 tal-KEDB, ma huwiex miksur, fir-rigward ta’ spezzjonijiet fil-binjiet tal-kumpanniji, sempliċement minħabba n-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel, sakemm jiġu stabbiliti garanziji adegwati u suffiċjenti kontra l-abbużi, b’mod partikolari, isir stħarriġ ġudizzjarju ex post komplet tal-miżuri inkwistjoni. L-istess japplika għad-dritt għar-rispett tal-korrispondenza, iggarantit minn dan l-artikolu, peress li l-kwistjoni tal-konfiska tal-komunikazzjonijiet tal-kumpanniji hija, fil-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, marbuta mill-qrib ma’ dik tat-tfittxijiet imwettqa fil-binjiet tagħhom (53).

43.      L-istess prinċipji jinsabu fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Artikolu 7 tal-Karta. Għalhekk, fis-sentenza WebMindLicenses, fir-rigward tal-konfiska ta’ posta elettronika fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li, fl-assenza ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel, il-protezzjoni tal-individwi kontra ksur arbitrarju tas-setgħa pubblika għad-drittijiet iggarantiti minn dan l-artikolu teżiġi qafas legali u limitazzjoni stretta ta’ tali konfiska. Hija ppreċiżat, minn naħa waħda, li tali konfiska tista’ tkun kompatibbli biss mal-Artikolu 7 jekk il-leġiżlazzjoni u l-prattika interna joffru garanziji adegwati u suffiċjenti kontra l-abbuż u l-arbitrarjetà u, min-naħa l-oħra, li n-nuqqas ta’ eżistenza ta’ mandat ġudizzjarju minn qabel jista’, sa ċertu punt, jiġi kkontrobilanċjat mill-possibbiltà li l-persuna suġġetta għall-konfiska tapplika a posteriori għal stħarriġ ġudizzjarju kemm dwar il-legalità kif ukoll dwar il-ħtieġa ta’ tali konfiska, b’tali stħarriġ ikun effettiv fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża inkwistjoni (54). Fir-rigward, b’mod iktar preċiż, tas-setgħat ta’ verifika tal-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tippreċiża li s-sistema stabbilita fl-Unjoni Ewropea tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 8 tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti EDB, kif ukoll l-Artikolu 7 tal-Karta u li l-assenza ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel ma tistax timplika, bħala tali, l-illegalità ta’ miżura ta’ spezzjoni deċiża mill-Kummissjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat b’mod partikolari li l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi kemm qafas legali ta’ dawn is-setgħat kif ukoll limitazzjonijiet stretti għall-eżerċizzju tagħhom u jindika espressament, fil-paragrafu 8 tiegħu, li l-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex teżerċita stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni adottata mill-Kummissjoni, stħarriġ li jintervjeni kemm fuq il-kwistjonijiet ta’ liġi kif ukoll fuq il-kwistjonijiet ta’ fatt u huwa, għaldaqstant, komplet (55).

44.      Issa, il-livell ta’ protezzjoni ggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, huwa evidentement neċessarju għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ tfittxija u ta’ konfiska tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni meta japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE (56).

45.      Għalhekk, fid-dawl ta’ dak li ġie espost fil-punti 42 u 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandu jiġi konkluż li l-Artikolu 7 tal-Karta ma jipprekludix il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru milli tipprovdi li, fil-kuntest ta’ investigazzjoni dwar allegat ksur tal-Artikolu 101 TFUE jew tal-Artikolu 102 TFUE, l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tista’ tipproċedi bit-tfittxija u bil-konfiska ta’ messaġġi tal-posta elettronika li l-kontenut tagħhom huwa relatat mas-suġġett tal-ispezzjoni mingħajr ma jkollha awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel, sakemm ikunu previsti qafas legali strett tas-setgħat ta’ din l-awtorità kif ukoll garanziji adegwati u suffiċjenti kontra l-abbuż u l-arbitrarjetà, b’mod partikolari stħarriġ ġudizzjarju ex post komplet tal-miżuri inkwistjoni.

46.      Madankollu, tali konklużjoni ma hijiex biżżejjed sabiex tingħata risposta kompleta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt huwa neċessarju li din il-kwistjoni tiġi indirizzata wkoll minn perspettiva differenti, u li jiġi vverifikat jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-proċeduri fil-kawża prinċipali, Stat Membru japplika livell nazzjonali ta’ protezzjoni tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-komunikazzjonijiet iggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta iktar għoli meta mqabbel ma’ dak previst minn din id-dispożizzjoni, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari billi jimponi fuq l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li tikseb awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel sabiex tkun tista’ twettaq spezzjonijiet u konfiski fil-bini ta’ kumpannija.

47.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Karta tagħmel parti minn sistema ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Ewropa li tinkludi diversi livelli, b’mod parallel, minn naħa, mar-regoli u mal-konvenzjonijiet tad-dritt internazzjonali, fosthom b’mod partikolari l-KEDB, u, min-naħa l-oħra, mal-kostituzzjonijiet nazzjonali. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 53 tal-Karta huwa intiż li jiċċara l-fatt li din ma tistax tintuża sabiex tiġġustifika rigressjoni f’termini ta’ livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali offruta mid-dritt internazzjonali, mid-dritt tal-Unjoni, jew mid-dritt tal-Istati Membri. Il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali offruta mid-dritt kostituzzjonali tal-Istati Membri tista’ għalhekk, fil-prinċipju, teżisti b’mod konġunt ma’ dik iggarantita mill-Karta u tikkompletaha (57).

48.      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat repetutament li, meta, f’sitwazzjoni fejn l-azzjoni tal-Istati Membri ma tkunx iddeterminata kompletament mid-dritt tal-Unjoni, dispożizzjoni jew miżura nazzjonali timplimenta dan id-dritt fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, jibqa’ possibbli għall-awtoritajiet u għall-qrati nazzjonali li japplikaw standards nazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, bil-kundizzjoni li din l-applikazzjoni ma tikkomprometti la l-livell ta’ protezzjoni previst fil-Karta, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, u lanqas is-supremazija, l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni (58).

49.      Għalhekk, l-applikazzjoni ta’ standards nazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali f’oqsma li jaqgħu taħt l-applikazzjoni tal-Karta għandha tliet limiti.

50.      L-ewwel nett, tali applikazzjoni tippreżupponi li s-sitwazzjoni inkwistjoni ma tkunx irregolata b’mod eżawrjenti mid-dritt tal-Unjoni. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva, dan ikun possibbli biss meta din id-direttiva ma twettaqx armonizzazzjoni kompleta (59).

51.      F’dan il-każ, għandu jiġi nnotat, minn naħa, li l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003 għandu l-għan li jirregola esklużivament is-setgħat investigattivi tal-Kummissjoni u li la mill-formulazzjoni tiegħu u lanqas mill-kuntest jew l-iskop tiegħu ma jirriżulta li japplika wkoll għall-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni (60). Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 2019/1, jekk jiġi preżuppost li hija applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma hijiex intiża għal approssimazzjoni kompleta tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-setgħat tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fir-rigward tal-ispezzjonijiet fil-binjiet professjonali u l-konfiski, b’mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-validità tad-deċiżjonijiet biex jittieħdu tali miżuri. Dawn il-kundizzjonijiet jaqgħu għalhekk taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, li fil-prinċipju huma liberi li japplikaw għall-indħil li jirriżulta mill-imsemmija miżuri l-garanziji kostituzzjonali previsti fl-ordinament ġuridiku tagħhom stess, inkluża n-neċessità ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel, suġġett għall-osservanza tad-dritt tal-Unjoni. L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2019/1, moqri fid-dawl tal-premessa 31 tagħha, jipprevedi barra minn hekk b’mod espliċitu li dan japplika mingħajr preġudizzju għall-obbligi previsti fid-dritt nazzjonali dwar l-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ tali spezzjonijiet minn awtorità ġudizzjarja nazzjonali (61).

52.      It-tieni nett, l-applikazzjoni ta’ standards nazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ma għandhiex tikkomprometti l-livell ta’ protezzjoni previst mill-Karta. Fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, il-Karta tistabbilixxi l-livell minimu ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet li hija tirrikonoxxi, b’tali mod li la l-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-organi tal-Unjoni, u lanqas l-Istati Membri, meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, ma jistgħu joffru livell iktar baxx ta’ protezzjoni.

53.      F’dan il-każ, huwa għalhekk possibbli li Stat Membru jipprevedi li, konformement mad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali nazzjonali li jiggarantixxu d-dritt fundamentali għar-rispett tal-korrispondenza, it-tfittxija u l-konfiska, mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, ta’ posta elettronika waqt spezzjonijiet fil-bini professjonali ta’ impriża fil-kuntest ta’ investigazzjoni dwar ksur tal-Artikoliu101 jew 102 TFUE jkollhom jiġu awtorizzati minn qabel minn awtorità ġudizzjarja, sew l-Uffiċċju tal-Prosekutur, responsabbli għall-eżerċizzju tal-azzjoni pubblika fl-interess ġenerali, jew qorti istruttorja, bil-kundizzjoni li, meħuda flimkien, il-garanziji dwar l-indħil fl-imsemmi dritt fundamentali li jirriżulta minn dawn il-miżuri, inklużi r-rimedji ġudizzjarji li għandhom il-persuni kkonċernati, jilħqu livell ta’ protezzjoni ta’ dan id-dritt tal-inqas ekwivalenti għal dak iggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

54.      It-tielet nett, l-applikazzjoni ta’ standards nazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ma għandhiex tikkomprometti s-supremazija, l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni (62). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat kwalunkwe interpretazzjoni tal-Artikolu 53 tal-Karta li skontha ġeneralment hija kienet tawtorizza lil Stat Membru japplika l-ogħla livell ta’ protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet iggarantit mill-Kostituzzjoni tiegħu u jopponih, fejn xieraq, għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (63). Il-possibbiltà li Stat Membru japplika l-garanziji kostituzzjonali tiegħu stess fir-rigward tat-tfittxijiet u tal-konfiski f’investigazzjonijiet dwar ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, li jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-korrispondenza minn dak iggarantit mill-Karta, għalhekk tiddependi, b’mod partikolari, fuq jekk tali applikazzjoni tistax iddgħajjef l-effikaċja tal-infurzar ta’ prattiki antikompetittivi fl-Unjoni. F’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja repetutament affermat li huma l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u l-qrati tagħhom li għandhom japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE, meta l-fatti jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u li jiżguraw l-applikazzjoni effettiva tagħhom fl-interess ġenerali (64).

55.      Issa, il-fatt li, konformement mal-Kostituzzjoni ta’ Stat Membru, kif interpretata mill-qorti kostituzzjonali ta’ dan l-Istat, it-tfittxija u l-konfiska ta’ posta elettronika, anki jekk miftuħa/moqrija, mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, waqt spezzjonijiet fil-bini professjonali ta’ impriża ssuspettata bi prattiki antikompetittivi għandhom jiġu awtorizzati minn qabel minn qorti istruttorja, ma huwiex, fih innifsu, ta’ natura li jikkontesta l-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. Fil-fatt, kif diġà osservajt fil-punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet, mid-Direttiva 2019/1 jirriżulta b’mod ċar li, f’moħħ il-leġiżlatur tal-Unjoni, il-previżjoni ta’ mekkaniżmu ta’ awtorizzazzjoni minn qabel minn awtorità ġudizzjarja għall-finijiet tal-eżerċizzju tas-setgħat ta’ spezzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri u li din id-direttiva barra minn hekk tipprevedi espressament, fl-Artikolu 6(3) tagħha, il-possibbiltà għall-Istati Membri li jipprevedu tali awtorizzazzjoni.

56.      L-AdC issostni li l-interpretazzjoni tat-Tribunal constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali) mhux biss tqiegħed f’dubju l-possibbiltà li jintużaw bħala mezzi ta’ prova l-messaġġi tal-posta elettronika kkonfiskati matul it-tfittxijiet li huma s-suġġett tal-proċeduri fil-kawżi prinċipali, iżda tirriskja wkoll li twassal sabiex jiġu invalidati deċiżjonijiet definittivi ta’ konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, minħabba l-kisba illegali tal-elementi probatorji li fuqhom din l-awtorità bbażat ruħha, u dan fuq perijodu li jkopri l-aħħar għaxar snin. Din l-interpretazzjoni għalhekk tostakola l-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

57.      F’dan ir-rigward, nosserva li mhux biss il-qorti tar-rinviju ma staqsietx lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-punt, iżda li din il-qorti lanqas ma pprovdiet lill-Qorti tal-Ġustizzja l-informazzjoni neċessarja sabiex tkun tista’ tevalwa l-portata tas-sentenzi tal‑2023 u l-portata tal-applikazzjoni tagħhom ratione temporis kif ukoll l-effett possibbli tagħhom fuq deċiżjonijiet definittivi ta’ konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE adottati mill-AdC.

58.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ser niffoka fuq il-ftit riflessjonijiet li ġejjin.

59.      Ir-regoli dwar il-kundizzjonijiet għall-kisba tal-provi u l-użu tagħhom fi proċeduri amministrattivi nazzjonali li japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE jaqgħu, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kwistjoni, fil-kompetenza tal-Istati Membri (65). Għalhekk, huwa possibbli għal Stat Membru li jipprevedi, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-proċeduri fil-kawżi prinċipali, li l-provi miġbura matul il-miżuri ta’ spezzjoni mwettqa mill-awtorità tal-kompetizzjoni fl-assenza tal-awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel meħtieġa mill-Kostituzzjoni ta’ dak l-Istat Membru, kif interpretata mill-Qorti Kostituzzjonali tiegħu wara l-eżekuzzjoni ta’ tali miżuri, tiġi eskluża minn tali proċedura (66).

60.      Madankollu, għalkemm l-istabbiliment u l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, dawn għandhom jeżerċitaw din il-kompetenza b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ effettività. Għalhekk, huma ma jistgħux jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, speċifikament, fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, huma għandhom jiżguraw li r-regoli li jistabbilixxu jew japplikaw ma jippreġudikawx l-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni huma mitluba jiżguraw fl-interess ġenerali (67).

61.      Issa, f’dan il-każ, minn naħa, fil-fehma tiegħi, hija l-qorti tar-rinviju, fl-evalwazzjoni tal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mis-sentenzi tal‑2023, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-neċessità li tiġi żgurata applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, billi tirrikorri għall-possibbiltajiet kollha offruti mid-dritt nazzjonali – inkluż, jekk ikun il-każ, dik li tirrimedja, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawżi prinċipali, l-assenza ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel permezz ta’ stħarriġ ġudizzjarju a posteriori – sabiex tiżgura li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn ir-regoli jiġi ssanzjonat.

62.      Min-naħa l-oħra, sabiex jingħata effett sħiħ lill-Artikoli 101 u 102 TFUE, il-qrati Portugiżi jistgħu jaslu sabiex iħallu mhux applikata regola nazzjonali li tirrikonoxxi fl-interpretazzjoni mogħtija fis-sentenzi tal‑2023 effett retroattiv, li jkollu l-konsegwenza li jqiegħed fid-dubju r-responsabbiltà tal-impriżi kkonċernati f’każijiet fejn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jkun ġie definittivament ikkonstatat mill-AdC, u b’hekk jinħoloq riskju sistemiku ta’ impunità għal tali ksur (68).

V.      Konklużjoni

63.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għat-tielet domanda preliminari magħmula mit-Tribunal da Concorrência, Regulação e Supervisão (il-Qorti tal-Kompetizzjoni, ta’ Regolamentazzjoni u ta’ Superviżjoni, il-Portugall) f’kull waħda mill-Kawżi magħquda C‑258/23 sa C‑260/23:

L-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha, matul spezzjoni fil-bini ta’ impriża, imwettqa fil-kuntest ta’ investigazzjoni dwar ksur tal-Artikoli 101 jew 102 TFUE, l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni twettaq it-tfittxija u l-konfiska ta’ messaġġi tal-posta elettronika li l-kontenut tagħhom huwa relatat mas-suġġett tal-ispezzjoni mingħajr ma jkollha awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel, sakemm ikunu previsti qafas legali strett tas-setgħat ta’ din l-awtorità kif ukoll garanziji adegwati u suffiċjenti kontra l-abbuż u l-arbitrarjetà, b’mod partikolari, stħarriġ ġudizzjarju ex post komplet tal-miżuri inkwistjoni.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU 2019, L 11, p. 3.


3      Test ipprovdut mill-Kummissjoni.


4      Test ipprovdut mill-Kummissjoni.


5      L-investigazzjonijiet kienu jirrigwardaw: għal IMI, l-eżistenza ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma fis-suq tat-teleradjoloġija, intiż li jelimina l-kompetizzjoni u li jwassal għal żieda fil-prezz imħallas mill-Istat għall-forniment ta’ servizzi f’dan is-settur; għal SIBS, il-possibbiltà ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti li jikkonsisti fl-impożizzjoni fuq partijiet terzi ta’ kundizzjonijiet abbużivi għall-aċċess għan-network Multibanco, intiż li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, b’mod partikolari, fil-qasam tal-ipproċessar tal-pagamenti, u, għal Synlabhealth, dwar prattika allegatament antikompetittiva, li tikkonsisti fl-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva bejn kompetituri u dwar konsultazzjoni fil-kuntest ta’ negozjati mal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika Portugiżi dwar il-prezzijiet tat-test tal-Covid-19.


6      Minn Jannar sa Frar 2021 fil-binjiet ta’ SIBS, minn Settembru sa Ottubru 2021 fil-binjiet ta’ IMI u f’Marzu 2022 fil-binjiet ta’ Synlabhealth, rispettivament.


7      Fit-tliet rinviji għal deċiżjoni preliminari, id-domandi huma fformulati bl-istess kliem, ħlief fir-rigward, fit-tieni domanda, tar-riferiment, skont il-każ, għall-Artikolu 101 jew 102 TFUE.


8      Ara, bħala eżempju, is-sentenza tat‑3 ta’ April 2019, Powszechny Zakład Ubezpieczeń na Życie (C‑617/17, EU:C:2019:283, punt 36).


9      Sentenza Nru 91/2023, Kawża Nru 559/2020 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Nru 91/2023”).


10      Sentenza Nru 314/2023, Kawża Nru 145/2021.


11      Id-differenza fin-natura bejn il-messaġġi tal-posta elettronika miftuħa jew il-messaġġi tal-posta elettronika magħluqa tidher li qajmet diversi dibattiti fil-ġurisprudenza u fid-duttrina Portugiża, kif jesponi b’mod partikolari l-Gvern Portugiż. Dan il-gvern jirreferi, b’mod partikolari, għall-fatt li, sa żmien reċenti ħafna, il-qrati Portugiżi kienu jqisu li, meta kienu jikkonfiskaw posta elettronika miftuħa/moqrija, l-AdC ma kinitx tintervjeni fil-proċess ta’ komunikazzjoni u ta’ “korrispondenza”, b’tali mod li din il-posta elettronika kienet taqa’ taħt il-kunċett ta’ “dokument”.


12      Ara sentenza Nru 91/2023, punti 15 sa 18 tal-motivi.


13      Ara sentenza Nru 91/2023, punti 19 et seq. tal-motivi.


14      Madankollu, l-ewwel waħda minn dawn is-sentenzi ddaħħlet fil-fajls tal-proċeduri fil-kawża prinċipali mibgħuta lir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja.


15      Dawk ir-rinviji huma s-suġġett tal-Kawżi C‑132/24, Apap et, u C‑195/24, Blueotter et.


16      L-istess argument tqajjem minn SIBS fil-Kawża C‑260/23.


17      Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, European Superleague Company (C‑333/21, EU:C:2023:1011, punt 59).


18      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, Global Ink Trade (C‑537/22, EU:C:2024:6, punt 40).


19      Nirrileva li tali appell ġie ppreżentat ukoll minn SIBS.


20      Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Krajowa Rada Sądownictwa (Żamma ta’ mħallef fil-kariga) (C‑718/21, EU:C:2023:1015, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Orizzonte Salute (C‑61/14, EU:C:2015:655, punt 31).


22      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Coleman (C‑303/06, EU:C:2008:415, punt 29).


23      Nirrileva li l-kelma “korrispondenza”, użata fil-formulazzjoni tal-ewwel domanda preliminari u li tinsab fit-test oriġinali tal-Artikolu 7 tal-Karta, ġiet issostitwita, fl‑2007, bil-kelma “komunikazzjonijiet”, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-avvanzi teknoloġiċi: ara l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17).


24      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-argument, imressaq minn IMI, li l-ewwel domanda preliminari hija inammissibbli minħabba l-assenza ta’ tismija mill-qorti tar-rinviju tas-sentenza Nru 91/2023, nirreferi għall-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet. F’dak li jirrigwarda, it-tieni nett, l-argument li din id-domanda ma tħallix lok għal “ebda dubju raġonevoli”, nillimita ruħi sabiex infakkar, skont ġurisprudenza stabbilita, li tali ċirkustanza tista’, l-iktar l-iktar, teżonera lil qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza mill-obbligu tagħha li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, iżda ma hijiex ta’ natura li turi l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari; ara s-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2023, Confédération paysanne et (Mutaġenesi każwali in vitro) (C‑688/21, EU:C:2023:75, punti 35 u 36, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2024, Croce Rossa Italiana et (C‑389/22, mhux ippubblikata, EU:C:2024:77, punt 52).


25      C‑419/14, iktar ’il quddiem is-sentenza “WebMindLicenses”, EU:C:2015:832.


26      L-Artikolu 8(1) tal-KEDB jipprovdi li “[k]ulħadd għandu d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu u tal-familja tiegħu, ta’ daru u tal-korrispondenza tiegħu”.


27      Ara s-sentenza WebMindLicences, punti 70 sa 73. Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq is-sentenzi tal-Qorti EDB tas‑16 ta’ Diċembru 1992, Niemietz vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:1992:1216JUD001371088, punti 29 sa 31, tas‑16 ta’ April 2002, Société Colas Est u oħrajn vs Franza (CE:ECHR:2002:0416JUD003797197 punt 40 sa 41), u tat‑2 ta’ April 2015, Vinci Construction u GTM Génie Civil et Services vs Franza, (CE:ECHR:2015:0402JUD006362910, punt 63); ara, iktar reċentement, il-Qorti EDB, 4 ta’ April 2023, UAB Kesko Senukai Lituanie vs Il‑Litwanja (CE:ECHR:2023:0404JUD001916219, punt 109).


28      Għalkemm il-kawża li wasslet għas-sentenza WebMindLicenses kienet tirrigwarda messaġġi tal-posta elettronika kkonfiskati matul proċedura kriminali, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ppreċiżat, f’din is-sentenza, li l-“użu” tagħhom fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva kien jikkostitwixxi wkoll, bħala tali, limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt iggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta(ara l-punt 80).


29      Ara l-Qorti EDB, 11 ta’ Jannar 2024, Arregui vs Spanja, (CE:ECHR:2024:0111JUD004254118, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fis-sentenza tagħha tal‑5 ta’ Settembru 2017, Bărbulescu vs Ir‑Rumanija, (CE:ECHR:2017:0905JUD006149608, punt 74), fejn dawn kienu messaġġi privati mibgħuta minn kompjuter professjonali, il-Qorti EDB ippreċiżat li regola stabbilita minn min iħaddem li tobbliga lill-impjegati joqogħdu lura minn kull attività personali fuq il-post tax-xogħol tagħhom u li tipprojbixxihom milli jużaw ir-riżorsi tal-impriża għal finijiet personali kienet irrilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni bħala “korrispondenza” skont l-Artikolu 8(1) tal-KEDB.


30      Ara l-Qorti EDB, 3 ta’ April 2007, Copland vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2007:0403JUD006261700, punti 41 u 42).


31      Ara l-Qorti EDB, 14 ta’ Marzu 2013, Bernh Larsen Holding ASu oħrajn vs In‑Norveġja (CE:ECHR:2013:0314JUD002411708, punt 106).


32      Ara l-Qorti EDB,5 ta’ Settembru 2017, Bărbulescu vs Ir‑Rumanija, (CE:ECHR:2017:0905JUD006149608, punti 72 u 73), u tal-Qorti EDB, 16 ta’ Diċembru 1992, Niemietz vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:1992:1216JUD001371088, punt 32 in fine).


33      Ara l-Qorti EDB, 16 ta’ Ottubru 2007, Wieser u Bicos Beteiligungen GmbH vs L‑Awstrija (CE:ECHR:2007:1016JUD007433601, punt 45).


34      Ara s-sentenza WebMindLicenses, punt 73.


35      Infakkar li fis-sentenza tat‑8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238), il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment qieset li l-obbligu ta’ żamma ta’ data impost mid-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temendi d-Direttiva 2002/58/KE (ĠU 2006, L 105, p. 54) ma kienx jilħaq livell ta’ gravità ta’ natura li jaffettwa l-kontenut essenzjali tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, peress li dan ma kienx jippermetti li “tittieħed konjizzjoni tal-kontenut tal-komunikazzjonijiet elettroniċi bħala tali”; ara wkoll, fir-rigward tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 101).


36      Ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE-Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017 (EU:C:2017:592, punt 150), u s-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains (C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 120) kif ukoll konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella f’dik il-kawża (EU:C:2022:65, punt 93).


37      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205.


38      Ara, għall-Artikolu 101 TFUE, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Nordzucker et (C‑151/20, EU:C:2022:203, punt 51, u l-ġurisprudenza ċċitata) u, għall-Artikolu 102 TFUE, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost (C‑117/20, EU:C:2022:202, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).


39      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Orde van Vlaamse Balies et (C‑694/20, EU:C:2022:963, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


40      Ara l-Qorti EDB, Niemietz vs Il‑Ġermanja (16 ta’ Diċembru 1992 (CE:ECHR:1992:1216JUD001371088, punt 31); ara wkoll, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni (C‑583/13 P, EU:C:2015:404, punt 20).


41      Ara, f’dan is-sens, id-Direttiva 2019/1, il-premessa 32 u l-Artikolu 32, li jikklassifikaw il-messaġġi tal-posta elettronika fost il-provi li għandhom jiġu kkunsidrati bħala ammissibbli quddiem awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni.


42      Ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Nexans France u Nexans vs Il‑Kummissjoni (C‑606/18 P, EU:C:2020:571, punti 56 sa 64), utat‑30 ta’ Jannar 2020, České dráhy vs Il‑Kummissjoni (C‑538/18 P u C‑539/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:53, punti 101 sa 104).


43      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Settembru 2020, Prysmian u Prysmian Cavi e Sistemi vs Il‑Kummissjoni (C‑601/18 P, EU:C:2020:751, punti 58 u 59) u tat‑30 ta’ Jannar 2020, České dráhy vs Il‑Kummissjoni (C‑538/18 P u C‑539/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:53, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).


44      Ara l-Qorti EDB, 14 ta’ Marzu 2013, Bernh Larsen Holding AS u oħrajn vs In‑Norveġja (CE:ECHR:2013:0314JUD002411708, punti 172 sa 175), dwar spezzjonijiet imwettqa għal finijiet ta’ kontroll fiskali.


45      Ara l-Qorti EDB, 4 ta’ April 2023, UAB Kesko Senukai vs Il‑Litwanja (CE:ECHR:2023:0404JUD001916219, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata).


46      Ara Qorti EDB, 16 ta’ Diċembru 1992, Niemietz vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:1992:1216JUD001371088, punt 31).


47      Ara l-Qorti EDB, 2 ta’ Ottubru 2014, Delta Pekárny A.S. vs Ir‑Repubblika Ċeka (CE:ECHR:2014:1002JUD000009711, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).


48      Ara, Qorti EDB, 16 ta’ April 2002, Colas Est u oħrajn vs Franza (CE:ECHR:2002:0416JUD003797197, punti 48 u 49) u, fir-rigward b’mod partikolari tal-korrispondenza tal-kumpanniji, Qorti EDB, 14 ta’ Marzu 2013, Bernh Larsen Holding AS u oħrajn vs In‑Norveġja (CE:ECHR:2013:0314JUD002411708, punti 172 sa 174); Qorti EDB, tat‑23 ta’ Ġunju 2022, Naumenco u Sia Rix Shipping vs Il‑Latvja (CE:ECHR:2022:0623JUD005080514, punt 62), u Qorti EDB, 4 ta’ April 2023, UAB Kesko Senukai vs Il‑Litwanja (CE:ECHR:2023:0404JUD001916219, punti 113 u 118 u l-ġurisprudenza ċċitata).


49      Ara l-Qorti EDB, 4 ta’ April 2023, UAB Kesko Senukai vs Il‑Litwanja (CE:ECHR:2023:0404JUD001916219, punti 113 u 117 u l-ġurisprudenza ċċitata).


50      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni (C‑583/13 P, EU:C:2015:404, punt 32).


51      Ara Qorti EDB, 14 ta’ Marzu 2013, Bernh Larsen Holding AS u oħrajn vs In‑Norveġja (CE:ECHR:2013:0314JUD002411708, punt 174).


52      CE:ECHR:2014:1002JUD000009711, punti 86 u 87 u l-ġurisprudenza ċċitata. Fl-istess sens, ara l-Qorti EDB, 19 ta’ Jannar 2017, Posevini vs Il‑Bulgarija (CE:ECHR:2017:0119JUD006363814, punt 84).


53      Ara l-Gwida dwar l-Artikolu 8 tal-KEDB, “Id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, tad-domiċilju u tal-korrispondenza”, 2022, punt 602.


54      Ara punti 77 u 78 ta’ din is-sentenza.


55      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni (C‑583/13 P, EU:C:2015:404, punti 29 sa 36); ara wkoll, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2013, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni (T‑289/11, T‑290/11 u T‑521/11, EU:T:2013:404, punti 74 sa 100); dwar il-possibbiltà li r-rikorsi kollha miftuħa kontra l-miżuri ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni jistgħu jikkontrobilanċjaw l-assenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju minn qabel, ara wkoll, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Les Mousquetaires u ITM Entreprises vs Il‑Kummissjoni (C‑682/20 P, EU:C:2023:170, punti 57 et seq.).


56      L-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni hija bbażata fuq sistema ta’ kompetenzi paralleli li fil-kuntest tagħha kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jistgħu japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE (ara s-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2017, Gasorba et (C‑547/16, EU:C:2017:891, punt 23). Fl-eżerċizzju ta’ dawn il-kompetenzi, dawn l-awtoritajiet huma obbligati josservaw il-Karta, u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tagħha fir-rigward tas-setgħat ta’ spezzjoni.


57      Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin (C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 115).


58      Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Spiegel Online (C‑516/17, EU:C:2019:625, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, fl-istess sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin (C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 110), u, fl-aħħar lok, id-digriet tad‑9 ta’ Jannar 2024, Unitatea Administrativ Teritorială Judeţul Braşov (C‑131/23, EU:C:2024:42, punt 81).


59      Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Funke Medien NRW (C‑469/17, EU:C:2019:623, punt 33).


60      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, Whiteland Import Export (C‑308/19, EU:C:2021:47, punti 35 sa 38).


61      Nirrileva li l-Istati Membri jingħataw marġni ta’ diskrezzjoni anki fil-każ fejn id-Direttiva 2019/1 tipprevedi li hija meħtieġa awtorizzazzjoni minn qabel: ara l-Artikolu 7(2) moqri flimkien mal-premessa 34 ta’ din id-direttiva.


62      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Melloni (C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 60).


63      Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Melloni (C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 56).


64      Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2011, Pfleiderer (C‑360/09, EU:C:2011:389, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata); fl-istess sens, ara wkoll, is-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2024, Lietuvos notarų rūmai et (C‑128/21, EU:C:2024:49, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata).


65      La r-Regolament 1/2003 u lanqas id-Direttiva 2019/1, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 32 tagħha, li jirrigwarda t-tipi ta’ provi ammissibbli quddiem awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, ma jinkludu dispożizzjonijiet f’dan ir-rigward.


66      Tali regola tirrifletti, barra minn hekk, biss ir-rekwiżiti li jirriżultaw mir-rispett tal-prinċipji tal-legalità u l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali; ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2019, Dzivev et (C‑310/16, EU:C:2019:30, punt 38); ara wkoll, is-sentenza WebMindLicenses, punti 80 sa 89.


67      Ara, s-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, Whiteland Import Export (C‑308/19, EU:C:2021:47, punt 46).


68      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin (C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punti 111 sa 124 u l-punt 1 tad-dispożittiv). Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2021, Whiteland Import Export (C‑308/19, EU:C:2021:47, punt 53).