Language of document : ECLI:EU:T:2024:113

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

21 ta’ Frar 2024 (*)

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ ċerti alkoħols tal-polivinil li joriġinaw miċ-Ċina – Dazju antidumping definittiv – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1336 – Kalkolu tal-valur normali – Distorsjonijiet sinjifikattivi fil-pajjiż esportatur – Artikolu 2(6a) tar-Regolament (UE) 2016/1036 – Dritt tal-WTO – Prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi – Aġġustamenti – VAT mhux rimborsabbli – Funzjonijiet li jistgħu jiġu assimilati ma’ dawk ta’ aġent li jaħdem abbażi ta’ kummissjonijiet – Paragun ġust tal-prezz tal-esportazzjoni u tal-valur normali – Oneru tal-prova – Artikolu 2(10)(b) u (i) tar-Regolament 2016/1036 – Nuqqas ta’ kooperazzjoni – Informazzjoni disponibbli – Artikolu 18 tar-Regolament 2016/1036 – Applikazzjoni doppja – Applikazzjoni penalizzanti – Proċessi ta’ produzzjoni differenti – Twaqqigħ tal-prezzijiet – Segmenti tas-suq – Metodu tan-numri ta’ kontroll tal-prodott – Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament 2016/1036 – Drittijiet tad-difiża – Trattament kunfidenzjali – Artikoli 19 u 20 tar-Regolament 2016/1036”

Fil-Kawża T‑762/20,

Sinopec Chongqing SVW Chemical Co. Ltd, stabbilita f’Chongqing (iċ-Ċina),

Sinopec Great Wall Energy & Chemical (Ningxia) Co. Ltd, stabbilita f’Lingwu (iċ-Ċina),

Central-China Company, Sinopec Chemical Commercial Holding Co. Ltd, stabbilita f’Wuhan (iċ-Ċina),

irrappreżentati minn J. Cornelis, F. Graafsma u E. Vermulst, avukati,

rikorrenti,

sostnuti minn

Wegochem Europe BV, stabbilita f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn R. Antonini, E. Monard u B. Maniatis, avukati,

intervenjenti,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Luengo, bħala aġent,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn A. Neergaard, D. Moore u A. Pospíšilová Padowska, bħala aġenti,

minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn H. Marcos Fraile u B. Driessen, bħala aġenti, assistiti minn N. Tuominen, avukata,

minn

Kuraray Europe GmbH, stabbilita f’Hattersheim am Main (il-Ġermanja), irrappreżentata minn R. MacLean u D. Sevilla Pascual, avukati,

u minn

Sekisui Specialty Chemicals Europe SL, stabbilita f’La Canonja (Spanja), irrappreżentata minn A. Borsos u J. Jousma, avukati,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża),

komposta minn L. Truchot (Relatur), President, H. Kanninen, L. Madise, R. Frendo u T. Perišin, Imħallfin,

Reġistratur: I. Kurme, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑14 u tal‑15 ta’ Diċembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti Sinopec Chongqing SVW Chemical Co. Ltd (iktar ’il quddiem “Sinopec Chongqing”), Sinopec Great Wall Energy & Chemical (Ningxia) Co. Ltd (iktar ’il quddiem “Sinopec Ningxia”) u Central-China Company, Sinopec Chemical Commercial Holding Co. Ltd (iktar ’il quddiem “Sinopec Central-China”), jitolbu l-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1336 tal‑25 ta’ Settembru 2020 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti alkoħols tal-polivinil li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU 2020, L 315, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”), sa fejn jikkonċernahom.

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Sinopec Chongqing u Sinopec Ningxia huma impriżi Ċiniżi li jipproduċu alkoħols tal-polivinil (iktar ’il quddiem il-“PVAL”), filwaqt li Sinopec Central-China hija impriża Ċiniża relatata ma’ dawk preċedenti, li tesporta b’mod partikolari lejn l-Unjoni Ewropea l-prodotti mmanifatturati minn dawn tal-aħħar.

3        Fit‑18 ta’ Ġunju 2019, Kuraray Europe GmbH (iktar ’il quddiem “Kuraray”), produttur ta’ PVAL li jirrappreżenta iktar minn 60 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni, ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni Ewropea, abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”). Konsegwentement, il-Kummissjoni ppubblikat Avviż ta’ bidu ta’proċediment antidumping dwar l-importazzjonijiet ta’ ċertu alkoħol polyvinyl li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU 2019, C 256, p. 4).

4        L-investigazzjoni dwar id-dumping u d-dannu li jirriżulta minn dan kopriet il-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ Lulju 2018 u t‑30 ta’ Ġunju 2019 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ investigazzjoni”). L-eżami tat-tendenzi utli għall-evalwazzjoni tad-dannu, relatati mal-elementi msemmija fit-tabelli nri 1 sa 11 tar-Regolament ikkontestat, kien ikopri l-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ Jannar 2016 u t-tmiem tal-perijodu ta’ investigazzjoni (iktar ’il quddiem il-“perijodu kkunsidrat”) (premessa 39 tar-Regolament ikkontestat).

5        Wara diversi skambji bil-miktub mar-rikorrenti u ma’ impriżi oħra kkonċernati mill-investigazzjoni tagħha, fit‑3 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti l-informazzjoni finali prevista fl-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku (iktar ’il quddiem l-“informazzjoni finali”), li fiha hija pprevediet li tadotta, fir-rigward tagħhom, dazju antidumping ta’ 26.3 %, li jikkorrispondi għall-marġni ta’ dumping tagħhom. Wara skambji bil-miktub oħra u ż-żamma, fis‑17 ta’ Lulju 2020, ta’ seduta mal-Kummissjoni, ir-rikorrenti, fl‑20 ta’ Lulju 2020, ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-informazzjoni finali. Fl‑24 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti informazzjoni finali addizzjonali (iktar ’il quddiem l-“informazzjoni finali addizzjonali”), li fiha hija qieset, wara li aċċettat uħud mill-argumenti ppreżentati minnhom, li l-marġni ta’ dumping seta’ jitnaqqas għal 17.3 %. Fid‑29 ta’ Lulju 2020, ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din l-informazzjoni addizzjonali.

6        Permezz tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni imponiet dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti PVAL li joriġinaw miċ-Ċina u stabbilixxiet li r-rata tad-dazju antidumping definittiv applikabbli għall-prezz nett ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel l-isdoganament, kienet tammonta, għar-rikorrenti, għal 17.3 %.

7        Sabiex tikkalkola l-valur normali tal-prodotti mmanifatturati mir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq ir-regola ġenerali prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku, li jipprovdi li l-“valur normali għandu normalment ikun ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, minn klijenti indipendenti fil-pajjiż esportatur”. Hija applikat l-Artikolu 2(6a) ta’ dan ir-regolament, dispożizzjoni introdotta bis-saħħa tar-Regolament (UE) 2017/2321 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2017 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1036 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament (UE) 2016/1037 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 338, p. 1) (premessi 86 u 87 tar-Regolament ikkontestat).

8        Skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, huwa previst kif ġej:

“6a. (a)      Fil-każ li jiġi determinat, meta tiġi applikata din id-dispożizzjoni jew kwalunkwe dispożizzjoni oħra rilevanti ta’ dan ir-Regolament, li mhuwiex xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi fil-pajjiż esportatur minħabba l-eżistenza f’dak il-pajjiż ta’ distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-punt (b), il-valur normali għandu jiġi kkalkolat esklużivament abbażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew valuri ta’ riferiment mingħajr distorsjoni, soġġett għar-regoli segwenti.

Is-sorsi li l-Kummissjoni tista’ tuża jinkludu:

–        kostijiet korrispondenti ta’ produzzjoni u bejgħ f’pajjiż rappreżentattiv xieraq b’livell simili ta’ żvilupp ekonomiku bħall-pajjiż esportatur, sakemm id-data rilevanti tkun disponibbli fil-pront; f’każ li tali pajjiż jkunu aktar minnwieħed, għandha tingħata preferenza, meta jkun il-każ, lill-pajjiżi li għandhom livell adegwat ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali;

–        jekk tqis li huwa xieraq, il-prezzijiet, il-kostijiet, jew il-valuri ta’ riferiment internazzjonali mingħajr distorsjoni; jew

–        kostijiet domestiċi, iżda sal-punt biss li jkunu stabbiliti pożittivament biex ma jkunux soġġetti għal distorsjoni, abbażi ta’ evidenza preċiża u xierqa, inkluż il-qafas tad-dispożizzjonijiet dwar il-partijiet interessati fil-punt (c).

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17, dik il-valutazzjoni għandha ssir separatament għal kull esportatur u produttur.

Il-valur normali maħdum għandu jinkludi ammont raġonevoli u mingħajr distorsjoni għal kostijiet amministrattivi, tal-bejgħ u ġenerali u għal profitti.

(b)      Id-distorsjonijiet sinifikanti huma dawk id-distorsjonijiet li jseħħu meta prezzijiet jew kostijiet irrappurtati, inklużi l-kostijiet ta’ materji primi u ta’ enerġija, ma jkunux ir-riżultat ta’ forzi tas-suq ħieles għax ikunu affettwati minn intervent sostanzjali tal-gvern. Meta tkun valutata l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti għandha tingħata attenzjoni, inter alia, lill-impatt potenzjali ta’ element wieħed jew aktar mis-segwenti:

–        is-suq inkwistjoni huwa servut f’miżura sinifikanti minn intrapriżi li joperaw taħt is-sjieda, kontroll jew superviżjoni politika jew gwida tal-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur;

–        il-preżenza tal-istat f’ditti li jippermettu lill-istat jinterferixxi fir-rigward tal-prezzijiet jew kostijiet;

–        politiki jew miżuri pubbliċi li jiddiskriminaw favur fornituri domestiċi jew li b’mod ieħor jinfluwenzaw il-forzi tas-suq ħieles;

–        in-nuqqas, l-applikazzjoni diskriminatorja jew l-infurzar inadegwat tal-liġijiet fil-qasam tal-fallimenti, dak soċjetarju jew dak tal-proprjetà;

–        il-kostijiet tal-pagi soġġetti għal distorsjoni;

–        l-aċċess għall-finanzi mogħtija minn istituzzjonijiet li jimplimentaw objettivi ta’ ordni pubbliku jew li b’xi mod ieħor ma jaġixxux indipendentement mill-Istat.

(c)      Fejn il-Kummissjoni jkollha indikazzjonijiet fondati sew tal-eżistenza potenzjali ta’ distorsjonijiet sinifikanti kif imsemmija fil-punt (b) f’ċertu pajjiż jew f’ċertu settur f’dak il-pajjiż, u fejn ikun xieraq għall-applikazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tipproduċi, tippubblika u taġġorna regolarment rapport li jiddeskrivi ċ-ċirkostanzi tas-suq imsemmija fil-punt (b) f’dak il-pajjiż jew settur. Tali rapporti u l-evidenza li fuqha huma bbażati għandhom jitqiegħdu fil-fajl ta’ kull investigazzjoni relatata ma’ dak il-pajjiż jew settur. Il-partijiet interessati għandu jkollhom biżżejjed opportunità biex jirrespinġu, iżidu, jikkummentaw jew joqogħdu fuq ir-rapport u l-evidenza li fuqha huwa bbażat f’kull investigazzjoni li fiha jintużaw tali rapport jew evidenza. Fil-valutazzjoni tal-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti, il-Kummissjoni għandha tqis l-evidenza rilevanti kollha preżenti fuq il-fajl ta’ investigazzjoni.”

9        Fir-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni, peress li kkonstatat, b’mod partikolari abbażi tar-rapport dwar is-sitwazzjoni fiċ-Ċina tal‑20 ta’ Diċembru 2017, li hija kienet ippubblikat skont l-Artikolu 2(6a)(c) tar-Regolament bażiku, li f’dan il-pajjiż kienu jeżistu “distorsjonijiet sinjifikattivi” fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b) tal-imsemmi regolament (premessi 91 u 171 tar-Regolament ikkontestat), ħadmet il-valur normali skont il-metodu previst fl-ewwel inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(6a)(a) tal-istess regolament. Għal dan l-għan, hija qieset lit-Turkija bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq (premessi 172 u 222 tar-Regolament ikkontestat). Barra minn hekk, skont l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni inkludiet ammont fil-valur normali li hija qieset bħala mhux distort u raġonevoli għall-ispejjeż amministrattivi, għall-ispejjeż ta’ bejgħ u għal spejjeż ġenerali oħra (iktar ’il quddiem l-“ispejjeż SGA”) kif ukoll għall-marġni ta’ profitt (premessa 87 tar-Regolament ikkontestat).

10      Minbarra dan, fir-rigward ta’ Sinopec Ningxia, il-Kummissjoni sabet li kien hemm lakuni sostanzjali u serji fid-data kkomunikata dwar l-ispejjeż tal-produzzjoni. Minħabba f’hekk, matul il-kalkolu, skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, tal-valur normali tal-prodotti mmanifatturati minn Sinopec Ningxia, il-Kummissjoni applikat l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku, li jipprovdi li, meta parti kkonċernata “tirrifjuta li tagħti aċċess għal, jew b’mod ieħor ma tipprovdix, informazzjoni neċessarja […] jew sinifikattivament timpedixxi l-investigazzjoni”, il-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq il-“fatti disponibbli” (iktar ’il quddiem l-“informazzjoni disponibbli fis-sens tal-Artikolu 18”). Il-valur normali tal-prodotti mmanifatturati minn Sinopec Ningxia ġie għalhekk ikkalkolat abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn produtturi-esportaturi oħra u, għal kull tip ta’ PVAL ikkonċernat, il-Kummissjoni użat l-ogħla valur normali maħdum fost dawk ta’ dawn il-produtturi-esportaturi l-oħra (premessi 327 sa 333 tar-Regolament ikkontestat).

11      Waqt il-paragun tal-valur normali tal-prodotti mmanifatturati mir-rikorrenti u tal-prezz tal-esportazzjoni tagħhom, il-Kummissjoni għamlet żewġ aġġustamenti skont l-Artikolu 2(10)(b) u (i) tar-Regolament bażiku. Minn naħa, hija żiedet il-valur normali, “għad-differenza fit-taxxi indiretti bejn il-bejgħ għall-esportazzjoni [miċ-Ċina] lejn l-Unjoni u l-valur normali fejn ġew esklużi taxxi indiretti [bħat-taxxa fuq il-valur miżjud]” (premessa 388 tar-Regolament ikkontestat). Min-naħa l-oħra, hija naqqset il-prezz tal-esportazzjoni, minħabba l-fatt li l-bejgħ fl-Unjoni tal-prodotti PVAL minn Sinopec Chongqing u minn Sinopec Ningxia kien isir permezz ta’ Sinopec Central-China, li kellha tiġi kkunsidrata mhux bħala dipartiment ta’ bejgħ intern, iżda pjuttost bħala operatur kummerċjali (premessi 358 u 373 tar-Regolament ikkontestat). Barra minn hekk, il-Kummissjoni għamlet ukoll aġġustamenti għat-tnaqqis tal-prezz tal-esportazzjoni sabiex tneħħi minnu l-ispejjeż tal-assigurazzjoni, tat-trasport, tal-immaniġġjar u tat-tagħbija, l-ispejjeż tal-kreditu u l-ispejjeż bankarji (iktar ’il quddiem l-“ispejjeż kontenzjużi”), sabiex tikseb il-livell li jikkorrispondi għal tranżazzjoni “mill-fabbrika” (premessi 313, 314 u 357 tar-Regolament ikkontestat).

12      Waqt l-eżami tad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni, imwettaq skont l-Artikolu 3(2), (3) u (6) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni analizzat it-twaqqigħ tal-prezzijiet. Għal dan l-għan, minn naħa, hija bbażat ruħha fuq il-konstatazzjonijiet tagħha li s-suq tal-PVAL ma kienx kompost minn żewġ segmenti distinti (premessi 61 sa 64 tar-Regolament ikkontestat). Min-naħa l-oħra, hija użat b’mod partikolari metodu li jikkonsisti fit-tqabbil tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet u l-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni skont it-tip ta’ prodott, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li hija ma sabitx tqabbil għal uħud minnhom (premessi 432 u 433 tar-Regolament ikkontestat).

 Ittalbiet talpartijiet

13      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-Regolament ikkontestat sa fejn dan jikkonċernahom;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni u lill-kumpanniji intervenjenti insostenn tagħha għall-ispejjeż.

14      Wegochem Europe BV (iktar ’il quddiem “Wegochem”), intervenjenti insostenn tar-rikorrenti, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-Regolament ikkontestat sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti minnha.

15      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn Kuraray u minn Sekisui Specialty Chemicals Europe SL (iktar ’il quddiem “Sekisui”), titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Iddritt

16      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq l-inkompatibbiltà tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku mal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 18(1) u (5) tar-Regolament bażiku kif ukoll tal-Artikolu 6.8 tal-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni ta’ l-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 189, iktar ’il quddiem il-“Ftehim antidumping”), li jinsab fl-Anness 1A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 82), u tal-Anness II tal-Ftehim antidumping (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 204, iktar ’il quddiem l-“Anness II”), ir-raba’ wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku waqt id-determinazzjoni tat-twaqqigħ tal-prezzijiet kif ukoll tal-ksur tal-Artikolu 3(6) tal-istess regolament u, il-ħames wieħed, tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża.

 Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq linkompatibbiltà talapplikazzjoni talArtikolu 2(6a) tarRegolament bażiku malobbligi li jirriżultaw middritt talWTO

17      Ir-rikorrenti jsostnu li, fir-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni applikat l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku b’mod mhux konformi mal-Ftehim antidumping, kif interpretat mid-deċiżjonijiet tal-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tal-WTO (iktar ’il quddiem il-“KST”). Ir-rikorrenti jammettu li l-Ftehim antidumping ma għandux effett dirett, iżda jsostnu li, fid-dawl tal-punti komuni bejn dan il-ftehim u r-Regolament bażiku, dan il-fatt ma jaffettwax l-obbligu, li l-Kummissjoni tkun kisret f’dan il-każ, li tinterpreta d-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq tar-Regolament bażiku b’mod konformi mad-dritt tal-WTO, inkluż mad-deċiżjonijiet tal-KST.

18      Ir-rikorrenti jippreċiżaw li dan il-motiv ma jistax jiġi kkunsidrat bħala eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, huma ma jikkontestawx din id-dispożizzjoni bħala tali, iżda l-applikazzjoni tagħha li l-Kummissjoni wettqet fir-Regolament ikkontestat. Ir-rikorrenti jenfasizzaw li huwa possibbli li l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku jiġi interpretat b’mod konformi mad-dritt tal-WTO, mingħajr ma tali interpretazzjoni tkun contra legem jew twassal sabiex titneħħa s-sustanza ta’ din id-dispożizzjoni.

19      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament, mill-Kunsill, minn Kuraray u minn Sekisui, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

20      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 216(2) TFUE, meta jiġu konklużi ftehimiet internazzjonali mill-Unjoni, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma marbuta b’dawn il-ftehimiet u, konsegwentement, dawn jipprevalu fuq l-atti tal-Unjoni. Għaldaqstant, it-testi tad-dritt sekondarju għandhom jiġu interpretati, sa fejn huwa possibbli, b’mod konformi ma’ dawn il-ftehimiet, b’mod partikolari meta tali testi huma intiżi preċiżament sabiex jimplimentaw ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Jannar 2003, Petrotub u Republica vs Il‑Kunsill, C‑76/00 P, EU:C:2003:4, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat‑18 ta’ Marzu 2014, Z., C‑363/12, EU:C:2014:159, punti 71 u 72 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Skont il-premessa 3 tar-Regolament bażiku, sabiex tiġi żgurata applikazzjoni xierqa u trasparenti tar-regoli tal-Ftehim antidumping, it-termini ta’ dan il-ftehim għandhom jiġi trasposti, sa fejn ikun possibbli, fid-dritt tal-Unjoni. Il-prinċipju tad-dritt internazzjonali ġenerali ta’ osservanza tal-impenji kuntrattwali (pacta sunt servanda), stabbilit fl-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-liġi tat-trattati tat‑23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331), jimplika li l-qorti tal-Unjoni għandha, għall-finijiet tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tal-Ftehim antidumping, tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet tal-KST li interpretaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punti 30, 32 u 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Madankollu, kif juri l-użu, fil-ġurisprudenza msemmija fil-punt 20 iktar ’il fuq, tal-espressjoni “sa fejn huwa possibbli”, tali ġurisprudenza ma tistax tapplika fir-rigward ta’ dispożizzjoni li s-sens tagħha huwa ċar u nieqes minn ambigwità u li ma teħtieġ l-ebda interpretazzjoni. Kieku dan kien il-każ, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tat-testi tad-dritt sekondarju tal-Unjoni jservi bħala bażi għal interpretazzjoni contra legem ta’ din id-dispożizzjoni, u dan ma jistax ikun aċċettat (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2018, Confédération nationale du Crédit mutuel vs BĊE, T‑751/16, EU:T:2018:475, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2017, Canadian Solar Emea et vs Il‑Kunsill, T‑162/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:124, punt 151).

23      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-interpretazzjoni konformi tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali li din tal-aħħar hija parti minnu, kif iddefinita mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 20 sa 22 iktar ’il fuq, ma għandhiex tiġi konfuża mal-istħarriġ tal-legalità ta’ dawn l-istess atti.

24      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali jistgħu jiġu invokati insostenn ta’ rikors għal annullament ta’ att tad-dritt sekondarju tal-Unjoni jew ta’ eċċezzjoni bbażata fuq l-illegalità ta’ tali att biss bil-kundizzjoni doppja li, minn naħa, in-natura u l-istruttura ta’ dan il-ftehim ma jipprekludux dan u, min-naħa l-oħra, li dawn id-dispożizzjonijiet, mil-lat tal-kontenut tagħhom, jidhru inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi. Għaldaqstant, huwa biss meta dawn iż-żewġ kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti kumulattivament li tali dispożizzjonijiet jistgħu jiġu invokati quddiem il-qorti tal-Unjoni sabiex iservu bħala kriterju għall-evalwazzjoni tal-legalità ta’ att tal-Unjoni (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Il‑Kummissjoni vs Rusal Armenal, C‑21/14 P, EU:C:2015:494, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti jiddikjaraw li ma jqajmux eċċezzjoni ta’ illegalità u li, fi kwalunkwe każ, huma la jsostnu u lanqas, a fortiori, juru li huma ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 24 iktar ’il fuq, huma għandhom jistabbilixxu, sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tilqa’ dan il-motiv, li l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku ma huwiex ċar jew jinkludi ambigwitajiet li għandhom jiġu eliminati permezz ta’ interpretazzjoni konformi ma’ dawn ir-regoli u li din l-interpretazzjoni ma hijiex contra legem.

26      Għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jsostnux li t-test tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku huwa ambigwu.

27      Madankollu, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li, sabiex l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku jkun jista’ jiġi applikat b’mod konformi mad-dritt tal-WTO, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fost it-tliet sorsi ta’ informazzjoni msemmija fih, fl-Artikolu 2(6a) tal-imsemmi regolament, huwa biss l-aħħar wieħed, li jikkonsisti fl-użu tal-ispejjeż fis-suq intern tal-pajjiż esportatur, li għandu jiġi aċċettat.

28      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2020, Magistrat der Stadt Wien (Ħamster komuni), C‑477/19, EU:C:2020:517, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Issa, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku proposta mir-rikorrenti teskludi l-ewwel żewġ sorsi ta’ informazzjoni li l-Artikolu 2(6a)(a) tal-imsemmi regolament jipprevedi u tagħti portata estensiva lit-tielet wieħed, fis-sens li din għandha tiġi applikata anki fl-assenza ta’ prova intiża sabiex tistabbilixxi li l-ispejjeż ikkonċernati ma humiex distorti.

30      Qabelxejn, l-interpretazzjoni invokata mir-rikorrenti ma tistax tkun ibbażata fuq il-formulazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni, li telenka tliet għażliet, li t-tielet waħda minnhom hija suġġetta għal kundizzjoni preċiża. Kif jirriżulta mill-użu tal-avverbju “inter alia”, dawn it-tliet għażliet ma humiex eżawrjenti, b’tali mod li l-Kummissjoni tista’ tuża sorsi oħra ta’ informazzjoni minbarra dawk koperti minn dawn it-tliet għażliet. Madankollu, il-marġni ta’ evalwazzjoni mogħti lill-Kummissjoni mil-leġiżlatur fir-rigward tal-għażla li jintużaw sorsi ta’ informazzjoni addizzjonali ma jistax jippermettilha tuża r-raba’ sors li jikkoinċidi mat-tielet wieħed ħlief li ma jkunx neċessarju li tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni li għandu jiġi pprovat li l-ispejjeż fis-suq intern tal-pajjiż esportatur ma humiex distorti.

31      Sussegwentement, din l-interpretazzjoni lanqas ma hija kkorroborata mill-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tintroduċi regoli speċifiċi li jiddistingwu ruħhom minn dawk li jirriżultaw minn paragrafi oħra tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku, sa fejn dawn japplikaw għall-każijiet fejn is-suq intern tal-pajjiż esportatur jippreżenta distorsjonijiet sinjifikattivi. Għaldaqstant, ir-riferiment magħmul fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku għal “meta tiġi applikata din id-dispożizzjoni jew kwalunkwe dispożizzjoni oħra rilevanti ta’ dan ir-Regolament” ma jfissirx li din id-dispożizzjoni għandha, fil-każijiet kollha, tiġi interpretata b’mod li tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim antidumping li jikkorrispondu għal dispożizzjonijiet oħra tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku.

32      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-għanijiet tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, għandu jiġi rrilevat li l-għan li għandu jintlaħaq minn din id-dispożizzjoni huwa li jiġi evitat li, għall-finijiet ta’ investigazzjoni antidumping, tintuża informazzjoni dwar il-prezzijiet u l-ispejjeż fil-pajjiż esportatur li tkun distorta mid-distorsjonijiet sinjifikattivi li jeżistu fis-suq intern ta’ dan il-pajjiż. Għalhekk huwa previst li tintuża jew informazzjoni relatata ma’ pajjiż terz rappreżentattiv xieraq, jew informazzjoni internazzjonali, jew inkella l-ispejjeż fis-suq intern tal-pajjiż esportatur, sakemm jintwera li dawn ma humiex distorti.

33      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-argument tagħhom miġbur fil-qosor fil-punt 27 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti jipproponu interpretazzjoni contra legem tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, li ma tistax tintlaqa’.

34      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku għandu jiġi interpretat b’mod konformi mal-Artikolu 2.2 u mal-Artikolu 2.2.1.1 tal-Ftehim antidumping.

35      Minn naħa, skont ir-rikorrenti, l-Artikolu 2.2 tal-Ftehim antidumping jippermetti li jiġi kkalkolat il-valur normali, minflok ma jiġi kkalkolat abbażi tal-prezzijiet mitluba fil-pajjiż esportatur, biss fi tliet ipoteżijiet, fosthom dik dwar l-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari tas-suq (iktar ’il quddiem is-“SPS”) fil-pajjiż esportatur.

36      Ir-rikorrenti jippreċiżaw li l-kunċett ta’ “SPS”, kif interpretat mid-deċiżjonijiet tal-KST, ma jagħtix libertà illimitata lill-awtorità inkarigata minn investigazzjoni antidumping (iktar ’il quddiem l-“awtorità kompetenti”), iżda jkopri biss is-sitwazzjonijiet li fihom il-komparabbiltà bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni hija affettwata. Għall-kuntrarju, sitwazzjoni kkaratterizzata minn distorsjonijiet sinjifikattivi li jirriżultaw minn interventi statali sinjifikattivi fis-suq tal-pajjiż esportatur ma tippermettix, waħedha, li jiġu injorati, fil-kalkoli tal-valur normali, l-ispejjeż irreġistrati mill-produtturi-esportaturi ta’ dan il-pajjiż u li jintużaw, minflok, l-ispejjeż sostnuti mill-produtturi ta’ pajjiż terz. Hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-eżistenza ta’ rabta bejn din is-sitwazzjoni u l-komparabbiltà tal-prezzijiet. Issa, f’dan il-każ, din il-prova ma ġietx prodotta.

37      Min-naħa l-oħra, skont ir-rikorrenti, anki jekk jitqies li distorsjoni tal-ispejjeż tal-input tagħti lok għal SPS, il-metodu adottat mill-Kummissjoni f’dan il-każ, li jwassal għall-obbligu li jintużaw spejjeż tal-input minn sorsi mhux distorti u li tiġi eskluża l-informazzjoni dwar l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-produtturi-esportaturi Ċiniżi inklużi fir-reġistri tagħhom, madankollu jmur kontra l-Artikolu 2.2.1.1 tal-Ftehim antidumping, kif interpretat mid-deċiżjonijiet tal-KST.

38      Għandu jitfakkar li, kif ġie rrilevat fil-punt 23 iktar ’il fuq, l-invokazzjoni tal-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi mir-rikorrenti ma tistax twassal sabiex il-Qorti Ġenerali tistħarreġ il-legalità tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku fid-dawl tar-regoli tal-WTO, mingħajr ma jkollha turi li huma ssodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa mill-ġurisprudenza għall-eżerċizzju ta’ dan l-istħarriġ.

39      Barra minn hekk, mill-punt 20 iktar ’il fuq jirriżulta li, sabiex il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jkun kompletament applikabbli, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni għandhom ikunu intiżi sabiex jimplimentaw ir-regoli tal-WTO.

40      Għandu jitfakkar li, permezz tar-Regolament 2017/2321, il-leġiżlatur tal-Unjoni emenda l-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku sabiex jinkludi fih il-paragrafu 6a u jemenda l-paragrafu 7.

41      Skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, fil-verżjoni tiegħu preċedenti għal dik li tirriżulta mir-Regolament 2017/2321, kien l-espressjoni tar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jadotta, f’dan il-qasam, approċċ speċifiku għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni billi jistabbilixxi sistema speċjali ta’ regoli ddettaljati relatati mal-kalkolu tal-valur normali fir-rigward tal-importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq. Għaldaqstant, ġie deċiż li din id-dispożizzjoni ma setgħetx titqies bħala miżura intiża li tiżgura fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni l-eżekuzzjoni ta’ obbligu partikolari assunt fil-kuntest tal-ftehimiet tal-WTO, li ma kinux jipprevedu regoli dwar il-kalkolu tal-valur normali għall-pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Zhejiang Jiuli Hi-Tech Metals vs Il‑Kummissjoni, C‑718/20 P, EU:C:2022:362, punt 88; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Il‑Kummissjoni vs Rusal Armenal, C‑21/14 P, EU:C:2015:494, punti 47 sa 50). Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li, peress li din id-dispożizzjoni kienet tistabbilixxi regoli dwar il-kalkolu tal-valur normali li ma kinux jikkorrispondu fil-ftehimiet tal-WTO, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tinterpretaha konformement mal-obbligi tal-Unjoni fil-kuntest tal-WTO. Fil-fatt, li kieku dan kien il-każ, hija kienet tkun imċaħħda mis-setgħa ta’ evalwazzjoni li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jagħtiha (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2019, Zhejiang Jndia Pipeline Industry vs Il‑Kummissjoni, T‑228/17, EU:T:2019:619, punti 111 sa 113).

42      Għandu jiġi kkunsidrat li dawn il-prinċipji huma applikabbli, b’analoġija, għall-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

43      Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi sistema speċjali li tiffissa r-regoli għad-determinazzjoni tal-valur normali fil-każ ta’ esportazzjonijiet minn pajjiżi fejn huwa stabbilit li s-suq intern tagħhom għandu distorsjonijiet sinjifikattivi, kif iddefiniti minn din l-istess dispożizzjoni. Issa, id-dritt tal-WTO ma jinkludix regoli speċifiċi intiżi għall-kalkolu tal-valur normali f’tali sitwazzjonijiet.

44      Barra minn hekk, huwa minnu li l-premessa 2 tar-Regolament 2017/2321 tippreċiża li dan “hu mingħajr preġudizzju għad-determinazzjoni dwar jekk Membru tad-WTO huwiex ekonomija tas-suq jew għat-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-protokolli u fi strumenti oħrajn li skonthom il-pajjiżi aderew mal-Ftehim [li jistabbilixxi l-WTO]”, li fosthom hemm il-Protokoll ta’ Adeżjoni tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-WTO (iktar ’il quddiem il-“Protokoll ta’ Adeżjoni”).

45      Huwa minnu wkoll li l-punt 15 tal-Protokoll ta’ Adeżjoni jinkludi regoli speċifiċi għall-applikazzjoni tal-Ftehim antidumping għall-importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina u jipprevedi perijodu tranżitorju li jiskadi sa mhux iktar tard minn ħmistax-il sena wara li r-Repubblika Popolari taċ-Ċina saret membru tal-WTO, jiġifieri fil‑11 ta’ Diċembru 2016.

46      Madankollu, il-preżenza tal-premessa 2 fil-preambolu tar-Regolament 2017/2321 ma tippermettix li jiġi konkluż li, permezz ta’ dan ir-regolament, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried joħloq mekkaniżmu li jimplimenta l-punt 15 tal-Protokoll ta’ Adeżjoni.

47      Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li l-punt 15 tal-Protokoll ta’ Adeżjoni, wara l-iskadenza tal-perijodu tranżitorju li huwa jipprevedi, jipprekludi l-użu, fil-kuntest ta’ investigazzjoni antidumping, ta’ metodu intiż sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali li ma huwiex ibbażat fuq il-prezzijiet jew l-ispejjeż Ċiniżi għall-industrija ta’ produzzjoni li hija s-suġġett tagħha, isegwi li l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku ma huwiex kompatibbli ma’ dan il-punt.

48      Peress li r-rikorrenti ma qajmux eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku fid-dawl tar-regoli tal-WTO, din l-inkompatibbiltà possibbli tikkonferma biss li huwa impossibbli li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata fis-sens mixtieq mir-rikorrenti.

49      Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li ma humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jkun applikabbli għall-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku fid-dawl tar-regoli tal-WTO.

50      Għalhekk, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq ilksur talArtikolu 2(10) tarRegolament bażiku u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

51      It-tieni motiv huwa kompost minn tliet partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq il-ksur tal-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, it-tieni waħda, fuq il-ksur tal-parti introduttiva tal-Artikolu 2(10) tal-imsemmi regolament u, it-tielet waħda, fuq il-ksur tal-Artikolu 2(10)(b) tal-istess regolament.

 Fuq lewwel parti

52      Ir-rikorrenti, sostnuti minn Wegochem, wara li fakkru li l-bejgħ kollu tagħhom ta’ PVAL għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni twettaq minn Sinopec Central-China, isostnu li l-Kummissjoni wettqet żball meta, peress li kkunsidrat li l-funzjonijiet ta’ din tal-aħħar ma kinux dawk ta’ dipartiment ta’ bejgħ intern, iżda kienu analogi għal dawk ta’ aġent li jaħdem abbażi ta’ kummissjonijiet, applikat għall-prezz tal-esportazzjoni relatat ma’ dan il-bejgħ aġġustament għat-tnaqqis skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku (iktar ’il quddiem l-“ewwel aġġustament ikkontestat”), li jikkorrispondi għall-ispejjeż SGA ta’ din il-kumpannija kif ukoll għal marġni ta’ profitt għaliha, stmat abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn operatur indipendenti.

53      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jenfasizzaw li, skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku u l-ġurisprudenza rilevanti, sabiex ikun jista’ jsir aġġustament bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni għandha minn tal-inqas tipproduċi indizji konverġenti li juru li kumpannija tal-bejgħ relatata ma’ produttur teżerċita funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem abbażi ta’ kummissjonijiet.

54      Ir-rikorrenti jippreċiżaw li l-Kummissjoni ma tistax taqleb l-oneru tal-prova billi tikkunsidra li, bħala regola ġenerali, tali aġġustament huwa ġġustifikat meta impriża toħloq kumpannija kummerċjali relatata sabiex twettaq il-bejgħ tagħha għall-esportazzjoni u li, għaldaqstant, huwa l-produttur li ħoloq din il-kumpannija li għandu juri li l-aġġustament inkwistjoni ma huwiex iġġustifikat.

55      Fit-tieni lok, l-elementi invokati mill-Kummissjoni matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat u fi ħdan dan tal-aħħar ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li l-ewwel aġġustament ikkontestat huwa ġġustifikat f’dan il-każ.

56      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

57      Fl-ewwel lok, teżisti regola ġenerali li tgħid li, meta impriża toħloq kumpannija relatata sabiex twettaq it-tranżazzjonijiet kummerċjali li kieku hija kien ikollha tafda lil operaturi terzi, huwa ġġustifikat aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, huwa fatt li l-kumpannija relatata maħluqa b’dan il-mod teżerċita funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem abbażi ta’ kummissjonijiet. Huwa biss bħala eċċezzjoni għal din ir-regola ġenerali li, meta l-produttur u d-distributur relatat miegħu inkarigat mill-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni jifformaw entità ekonomika waħda, tali aġġustament ma għandux isir. Kwalunkwe eċċezzjoni għal regola ġenerali għandha tiġi interpretata b’mod strett.

58      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tippreċiża li hija qatt ma sostniet li xi wieħed mill-elementi li fuqhom hija bbażat ruħha sabiex tagħmel l-ewwel aġġustament ikkontestat jippermetti, waħdu, li jiġi eskluż li Sinopec Central-China tista’ tiġi kklassifikata bħala dipartiment ta’ bejgħ intern. Hija tenfasizza n-neċessità li ssir evalwazzjoni globali tal-elementi rilevanti u ssostni li l-elementi kkunsidrati f’dan il-każ, meħuda flimkien, jippermettu li jiġi konkluż li Sinopec Central-China hija kumpannija kummerċjali awtonoma u indipendenti.

–       Regoli applikabbli

59      Għandu jitfakkar il-kliem tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, li huwa s-segwenti:

“Għandu jsir paragun xieraq bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali. Dan il-paragun għandu jsir fl-istess livell tal-kummerċ u fir-rigward ta’ bejgħ magħmul, kemm jista’ jkun viċin, fl-istess ħin, u b’kont dovut meħud ta’ differenzi oħra li jaffettwaw il-paragonabbiltà tal-prezz. Fejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni kif stabbiliti mhumiex fuq bażi daqshekk komparabbli għandu jkun hemm adattament, f’forma ta’ aġġustamenti, f’kull każ, fuq il-merti tiegħu, għal differenzi fil-fatturi li huma pretiżi, u murija, li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragonabbiltà tal-prezzijiet. Kwalunkwe duplikazzjoni meta jsiru l-aġġustamenti għandha tiġi evitata, b’mod partikolari relattivament għal tnaqqis, ribassi, kwantitajiet u l-livell tal-kummerċ. Meta l-kondizzjonijiet speċifikati jkunu sodisfatti, il-fatturi li għalihom jista’ jsir aġġustament huma elenkati kif ġej:

[…]

(i)      Kummissjonijiet

Għandu jsir aġġustament għad-differenzi fil-kummissjonijiet imħallsa fir-rigward tal-bejgħ ikkunsidrat.

It-terminu ‘kummissjonijiet’ għandu jinftiehem li jinkludi ż-żieda fuq il-prezz li jirċievi negozjant tal-prodott jew ta’ prodott simili jekk il-funzjonijiet ta’ tali negozjant ikunu simili għal dawk ta’ aġent li jaġixxi fuq il-bażi ta’ kummissjoni.”

60      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku jista’ jsir biss meta l-produttur stabbilit fi Stat terz u d-distributur relatat miegħu inkarigat mill-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni jifformaw entità ekonomika waħda (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2016, PT Musim Mas vs Il‑Kunsill, C‑468/15 P, EU:C:2016:803, punt 39).

61      Fil-fatt, it-tqassim tal-attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ bejgħ fi ħdan grupp ifformat minn kumpanniji legalment distinti ma jista’ bl-ebda mod ineħħi l-fatt li inkwistjoni hemm entità ekonomika waħda li torganizza b’dan il-mod numru ta’ attivitajiet eżerċitati, f’każijiet oħrajn, minn entità li hija unika wkoll mill-perspettiva legali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2016, PT Musim Mas vs Il‑Kunsill, C‑468/15 P, EU:C:2016:803, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda jippermetti li jiġi evitat li spejjeż, li huma manifestament inklużi fil-prezz ta’ bejgħ ta’ prodott meta dan il-bejgħ isir minn dipartiment ta’ bejgħ integrat fl-organizzazzjoni tal-produttur, ma jibqgħux inklużi iktar meta l-istess attività ta’ bejgħ tiġi eżerċitata minn kumpannija legalment distinta, minkejja li ekonomikament ikkontrollata mill-produttur (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2016, PT Musim Mas vs Il‑Kunsill, C‑468/15 P, EU:C:2016:803, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Minn dan jirriżulta li distributur li jifforma entità ekonomika waħda ma’ produttur stabbilit fi Stat terz ma jistax jitqies li jeżerċita funzjonijiet li jistgħu jiġu assimilati ma’ dawk ta’ aġent li jaħdem abbażi ta’ kummissjonijiet, fis-sens tal-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2016, PT Musim Mas vs Il‑Kunsill, C‑468/15 P, EU:C:2016:803, punt 42).

64      Fil-kuntest tal-analiżi tal-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda bejn produttur u d-distributur relatat miegħu, huwa determinanti li titqies ir-realtà ekonomika tar-relazzjonijiet li jeżistu bejn dan il-produttur u dan id-distributur. Fid-dawl tal-ħtieġa ta’ konstatazzjoni li tirrifletti r-realtà ekonomika tar-relazzjonijiet bejn l-imsemmi produttur u l-imsemmi distributur, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk dan id-distributur jeżerċitax jew le il-funzjonijiet ta’ dipartiment ta’ bejgħ integrat ma’ dan il-produttur (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2016, PT Musim Mas vs Il‑Kunsill, C‑468/15 P, EU:C:2016:803, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

–       Fuq ilprova

65      Fir-rigward tal-oneru tal-prova dwar l-aġġustamenti speċifiċi elenkati fl-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, skont il-ġurisprudenza, din għandha tiġi sostnuta mill-parti li tixtieq tinvoka dan l-oneru (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2016, PT Musim Mas vs Il‑Kunsill, C‑468/15 P, EU:C:2016:803, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Għalhekk, meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jqisu li għandu jiġi applikat aġġustament għat-tnaqqis tal-prezz tal-esportazzjoni għaliex kumpannija ta’ bejgħ relatata ma’ produttur teżerċita funzjonijiet li jistgħu jiġu assimilati ma’ dawk ta’ aġent li jaħdem abbażi ta’ kummissjonijiet, huma dawn l-istituzzjonijiet li għandhom mill-inqas jipprovdu indizji konverġenti li juru li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2016, PT Musim Mas vs Il‑Kunsill, C‑468/15 P, EU:C:2016:803, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      Minn dan isegwi li, fl-ipoteżi fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu pproduċew indizji konverġenti ta’ natura li jistabbilixxu li distributur relatat ma’ produttur eżerċita funzjonijiet li jistgħu jiġu assimilati ma’ dawk ta’ aġent li jaħdem abbażi ta’ kummissjonijiet, kien ikun dan id-distributur jew dan il-produttur li jkollu jipproduċi l-prova li aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku ma kienx iġġustifikat (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2016, PT Musim Mas vs Il‑Kunsill, C‑468/15 P, EU:C:2016:803, punt 85).

68      Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni, sabiex tkun tista’ twettaq ġustament l-ewwel aġġustament ikkontestat, kellha tipproduċi indizji konverġenti ta’ natura li jistabbilixxu li dan kien iġġustifikat.

69      Il-Kummissjoni ma tistax tikkunsidra li aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku għandu, bħala prinċipju, isir meta impriża toħloq kumpannija kummerċjali relatata sabiex twettaq il-bejgħ tagħha għall-esportazzjoni.

70      Fil-fatt, l-eżistenza ta’ din ir-regola ġenerali, li tammonta għal inverżjoni tal-oneru tal-prova, ma hijiex stabbilita, peress li l-ġurisprudenza ċċitata għal dan l-għan mill-Kummissjoni ma hijiex rilevanti.

71      L-ewwel, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq is-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2013, EuroChem MCC vs Il‑Kunsill (T‑459/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:66). Fil-punt 132 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali rrilevat li t-tieni sentenza tal-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51, rettifiki fil-ĠU 2010, L 7, p. 22, fil-ĠU 2011, L 293, p. 39 u fil-ĠU 2016, L 44, p. 20), kienet tirriżulta mill-Artikolu 1(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1972/2002 tal‑5 ta’ Novembru 2002 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 384/96 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjoni li hi l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi li ma humiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 132). Fl-istess punt, hija kkonstatat li, skont il-premessa 6 tar-Regolament Nru 1972/2002, ir-raġuni għall-introduzzjoni tas-sentenza inkwistjoni kienet li tispeċifika, b’mod konformi mal-prattika stabbilita tal-istituzzjonijiet, li l-aġġustamenti skont din id-dispożizzjoni kellhom isiru mill-partijiet anki jekk ma jkollhomx relazzjoni ta’ prinċipal u ta’ aġent, iżda kellhom jaslu għall-istess riżultat ekonomiku billi jaġixxu ta’ bejjiegħ u xerrej. Madankollu, mill-punti 133 u 134 tal-istess sentenza jirriżulta li għandu jsir aġġustament jekk il-kumpannija inkarigata mill-bejgħ li hija relatata ma’ produttur-esportatur taqdi funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem abbażi ta’ kummissjonijiet u li, sabiex jiġi ddeterminat jekk dan huwiex il-każ, għandhom jiġu eżaminati r-rwoli rispettivi żgurati mid-diversi kumpanniji relatati. Minn dan isegwi li, fl-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ma rrikonoxxietx l-eżistenza tar-regola ġenerali invokata mill-Kummissjoni f’dan il-każ.

72      It-tieni, il-Kummissjoni tinvoka s-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2016, PT Musim Mas vs Il‑Kunsill (C‑468/15 P, EU:C:2016:803, punt 39), li madankollu ma tagħmel l-ebda riferiment għal regola ġenerali u għal eċċezzjoni għaliha.

73      It-tielet, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-punt 50 tas-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2004, Shanghai Teraoka Electronic vs Il‑Kunsill (T‑35/01, EU:T:2004:317), u l-punt 49 tas-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2019, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kummissjoni (T‑741/16, mhux ippubblikata, EU:T:2019:454). F’dawn, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-metodu ta’ determinazzjoni tal-valur normali ta’ prodott kopert mill-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat‑22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45) u tar-Regolament Nru 1225/2009, rispettivament fis-seħħ fid-data tal-fatti rilevanti, kien eċċezzjoni għall-metodu speċifiku previst għal dan l-għan fl-Artikolu 2(7)(a) ta’ dawn ir-regolamenti, peress li dan tal-aħħar huwa bħala prinċipju applikabbli fil-każ ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq. Madankollu, f’dan il-każ, il-Kummissjoni la tesponi u lanqas, a fortiori, turi li n-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku meta produttur-esportatur ibigħ il-prodotti tiegħu fl-Unjoni permezz ta’ kumpannija relatata huwa eċċezzjoni għal regola stabbilita f’dan ir-regolament, li skontha dan l-aġġustament għandu bħala prinċipju jsir f’tali ċirkustanzi. Għaldaqstant, dawn is-sentenzi la jsostnu l-eżistenza tar-regola ġenerali invokata mill-Kummissjoni u lanqas in-natura eċċezzjonali tan-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ tali aġġustament meta teżisti entità ekonomika waħda.

74      Ir-raba’, waqt is-seduta, il-Kummissjoni invokat is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2022, Xinyi PV Products (Anhui) Holdings vs Il‑Kummissjoni, (T‑586/14 RENV II, mhux ippubblikata, EU:T:2022:799, punt 57), li tikkonferma l-eżistenza ta’ regola li abbażi tagħha aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku ġeneralment isir meta produttur-esportatur ibigħ il-prodotti tiegħu permezz ta’ kumpannija relatata. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, f’dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar sitwazzjoni kkaratterizzata mill-fatt li kien stabbilit li l-kumpannija relatata mal-produttur-esportatur ikkonċernat kienet miżjuda mad-dipartiment intern ta’ esportazzjoni li dan kellu, kif jirriżulta mill-punti 52 u 57 tas-sentenza msemmija iktar ’il fuq. Peress li s-sitwazzjoni f’dan il-każ hija differenti, il-Kummissjoni tiżbalja meta tibbaża ruħha fuq l-imsemmija sentenza.

75      Il-Kummissjoni lanqas ma tista’ tikkunsidra li aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku għandu jsir abbażi tal-fatt, invokat mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali, li Sinopec Central-China ma hijiex direttament ikkontrollata minn Sinopec Chongqing u minn Sinopec Ningxia.

76      F’dan ir-rigward, għalkemm mill-premessa 366 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-Kummissjoni tammetti l-eżistenza ta’ kontroll konġunt, peress li Sinopec Central-China, Sinopec Chongqing u Sinopec Ningxia kienu “kollha kkontrollati mill-Grupp Sinopec”, dan ir-regolament ma jinkludix premessa li hija ddedikata għall-eżami tan-natura indiretta ta’ dan il-kontroll u għall-konsegwenzi li dan jista’ jkollu fuq il-prova li l-Kummissjoni kienet obbligata tipproduċi skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 65 sa 67 iktar ’il fuq.

77      Fil-premessa 366 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni rrilevat ukoll li “l-eżistenza ta’ kontroll komuni kienet prerekwiżit meħtieġ għall-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda u li din kienet tiskatta l-analiżi dwar jekk it-totalità tal-fatti rilevanti li jappartjenu lill-kummerċjant relatat turix l-eżistenza ta’ entità ekonomika unika” u li “[l]-għan [kien] li jiġi determinat jekk il-funzjonijiet imwettqa mill-kummerċjant relatat kinux simili għal dawk ta’ dipartiment tal-bejgħ intern, jew le”.

78      Dan l-approċċ adottat mill-Kummissjoni fir-Regolament ikkontestat għandu jiġi approvat, peress li huwa konformi mal-ġurisprudenza, li tqis li l-istruttura tal-kapital tal-kumpanniji li jistgħu jifformaw entità ekonomika waħda hija indizju rilevanti tal-eżistenza ta’ din l-entità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2009, Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP vs Il‑Kunsill, T‑249/06, EU:T:2009:62, punt 179).

79      Għaldaqstant, abbażi ta’ din il-konstatazzjoni, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni pproduċietx biżżejjed indizji konverġenti li jippermettu li jintwera li, minkejja l-eżistenza ta’ kontroll komuni, ma setax jiġi kkunsidrat li Sinopec Central-China kienet qiegħda taġixxi bħala dipartiment ta’ bejgħ intern u li, konsegwentement, kien neċessarju li jsir l-ewwel aġġustament ikkontestat.

a)      Fuq lindizji miġbura millKummissjoni

80      Il-Kummissjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq l-indizji li ġejjin:

–        Sinopec Central-China fittxet il-klijenti u stabbilixxiet kuntatti magħhom;

–        Sinopec Chongqing wettqet bejgħ dirett għall-esportazzjoni;

–        Sinopec Chongqing u Sinopec Ningxia wettqu bejgħ dirett fiċ-Ċina;

–        Sinopec Chongqing u Sinopec Ningxia kellhom spejjeż ta’ bejgħ;

–        Sinopec Central-China kienet tikkummerċjalizza wkoll prodotti magħmula minn produtturi oħra minbarra Sinopec Chongqing u Sinopec Ningxia.

81      Għandu jiġi ddeterminat jekk l-indizji msemmija iktar ’il fuq jippermettux li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni pproduċiet il-prova li hija kienet obbligata tipproduċi.

82      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-ewwel element riprodott fil-punt 80 iktar ’il fuq, dwar il-fatt li Sinopec Central-China kienet tfittex il-klijenti u kienet tistabbilixxi kuntatti magħhom, kien jinsab fl-informazzjoni finali. Ir-rikorrenti kkontestaw ir-rilevanza tal-ewwel element fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-informazzjoni finali, billi sostnew li t-tfittxija ta’ klijenti u l-istabbiliment ta’ kuntatt magħhom kienu attivitajiet li kienu jeżerċitaw kemm operatur kummerċjali indipendenti kif ukoll dipartiment ta’ bejgħ intern. Fil-premessa 358 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni semmiet dan l-element, mingħajr madankollu ma wieġbet għall-argumenti tar-rikorrenti.

83      Quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni llimitat ruħha li ssostni li l-ewwel element kien rilevanti, minkejja li t-tfittxija ta’ klijenti u l-istabbiliment ta’ kuntatti magħhom huma attivitajiet li jistgħu jiġu eżerċitati kemm minn dipartiment ta’ bejgħ intern kif ukoll minn aġent ta’ bejgħ.

84      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti għandhom raġun isostnu li l-fatt li entità tiddedika ruħha għat-tfittxija ta’ klijenti u għall-istabbiliment ta’ kuntatti magħhom ma huwiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk hijiex dipartiment ta’ bejgħ intern jew aġent ta’ bejgħ.

85      Fir-rigward tat-tieni element riprodott fil-punt 80 iktar ’il fuq, dwar il-fatt li Sinopec Chongqing wettqet bejgħ dirett għall-esportazzjoni, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, iktar ma l-proporzjon ta’ dan il-bejgħ dirett ikun sinjifikattiv, iktar ikun diffiċli li jiġi sostnut li d-distributur relatat jeżerċita l-funzjonijiet ta’ dipartiment intern ta’ bejgħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Marzu 1992, Matsushita Electric vs Il‑Kunsill, C‑175/87, EU:C:1992:109, punt 14, u tal‑25 ta’ Ġunju 2015, PT Musim Mas vs Il‑Kunsill, T‑26/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:437, punt 69). Għall-kuntrarju, entità ekonomika waħda tista’ teżisti meta l-produttur jassumi parti mill-funzjonijiet ta’ bejgħ komplementari meta mqabbla ma’ dawk ta’ kumpannija distributriċi tal-prodotti tagħha (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2009, Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP vs Il‑Kunsill, T‑249/06, EU:T:2009:62, punt 179 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      F’dan il-każ, ir-rikorrenti jsostnu li l-bejgħ għall-esportazzjoni mwettaq direttament minn Sinopec Chongqing, mingħajr l-intervent ta’ Sinopec Central-China, huwa biss ta’ natura komplementari meta mqabbel mal-bejgħ għall-esportazzjoni mwettaq minn din tal-aħħar u ma jikkonċernax il-bejgħ ta’ PVAL lil klijenti stabbiliti fl-Unjoni, iżda dak indirizzat lil klijenti stabbiliti fl-Istati Uniti, għal raġunijiet relatati mas-sistema ta’ ġbir tad-dazji antidumping tal-Istati Uniti, li tippermetti li wieħed jibbenefika minn dazju b’rata żero biss għall-bejgħ dirett. Il-volum ta’ PVAL relatat ma’ dan il-bejgħ dirett għall-esportazzjoni lejn l-Istati Uniti, li jirrappreżenta biss 10.9 % tal-esportazzjonijiet akkumulati lejn l-Unjoni u l-Istati Uniti, ma jilħaqx volum suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li l-eżistenza ta’ dan il-bejgħ dirett tippermetti li jiġi konkluż li ma hemmx entità ekonomika waħda.

87      Il-Kummissjoni twieġeb li l-fatt li Sinopec Chongqing wettqet bejgħ dirett lejn l-Istati Uniti b’volum sostanzjali, li jikkorrispondi għal 12.1 % tal-volum relatat mal-bejgħ tagħha fl-Unjoni, juri li hija għandha d-dipartiment tal-bejgħ intern tagħha stess. Ir-raġuni li għaliha Sinopec Chongqing għamlet dan il-bejgħ ma hijiex “neċessarjament determinanti” għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-relazzjoni ekonomika tagħha ma’ Sinopec Central-China. Bl-istess mod, ftit jimporta li l-bejgħ kollu għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni sar minn din tal-aħħar.

88      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, fil-punt 185 tas-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2009, Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP vs Il‑Kunsill (T‑249/06, EU:T:2009:62), il-Qorti Ġenerali, sabiex tikkonstata li aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament Nru 384/96 kien sar b’mod żbaljat, qieset b’mod partikolari li l-bejgħ dirett għall-esportazzjoni mwettaq minn waħda mir-rikorrenti fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza kien marġinali u komplementari meta mqabbel ma’ dak imwettaq mid-distributur relatat ma’ dawn il-kumpanniji. Għal dan l-għan, il-Qorti Ġenerali rrilevat, minn naħa, li dan il-bejgħ dirett kien lejn l-Istati Membri l-ġodda, f’fażi ta’ tranżizzjoni, u, min-naħa l-oħra, li dan kien jirrappreżenta 8 % tal-bejgħ ta’ dawn il-kumpanniji lejn l-Unjoni.

89      Fit-tieni lok, fil-punti 69 u 70 tas-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2015, PT Musim Mas vs Il‑Kunsill (T‑26/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:437), il-Qorti Ġenerali qieset li l-eżistenza ta’ bejgħ dirett għall-esportazzjoni b’volum li jammonta għal 27.08 % tat-total tal-bejgħ għall-esportazzjoni ma kinitx tippermetti li jiġi eskluż li d-distributur relatat mal-produtturi kkonċernati kien jeżerċita l-funzjonijiet ta’ dipartiment ta’ bejgħ intern, iżda kienet tikkostitwixxi madankollu indizju li jikkorrobora fatturi oħra u għalhekk kienet tikkontribwixxi sabiex tiġi stabbilita l-assenza ta’ entità ekonomika waħda.

90      F’dan il-każ, huwa stabbilit li Sinopec Chongqing wettqet bejgħ dirett għall-esportazzjoni lejn l-Istati Uniti b’volum li jikkorrispondi għal 10.9 % tal-bejgħ akkumulat tagħha fl-Unjoni u lejn l-Istati Uniti, liema volum jikkorrispondi għal 12.1 % tal-bejgħ tagħha fl-Unjoni, jekk il-bejgħ dirett lejn l-Istati Uniti jkun espress f’perċentwali tal-bejgħ fl-Unjoni biss, għall-kuntrarju tal-bejgħ akkumulat fl-Unjoni u fl-Istati Uniti. Barra minn hekk, fis-seduta, ir-rikorrenti, mingħajr ma ġew kontradetti mill-Kummissjoni, ippreċiżaw li huma kienu jesportaw il-PVAL tagħhom ukoll lejn pajjiżi oħra u li dan il-bejgħ għall-esportazzjoni kien sar minn Sinopec Central-China. B’hekk, kieku ttieħed inkunsiderazzjoni l-bejgħ kollu għall-esportazzjoni, il-volum li jikkorrispondi għall-bejgħ dirett li sar minn Sinopec Chongqing kien jirrappreżenta perċentwali saħansitra inqas kbir tal-PVAL kollha prodotti minnha li kienu jinbiegħu għall-esportazzjoni.

91      Għaldaqstant, l-ewwel, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni tiżbalja meta ssostni li l-perċentwali tal-volum ta’ PVAL relatat mal-bejgħ dirett għall-esportazzjoni mwettaq minn Sinopec Chongqing huwa “manifestament sostanzjali”, sa fejn jaqbeż il-livell ta’ 8 %, li ġie kkunsidrat bħala marġinali fil-punt 185 tas-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2009, Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP vs Il‑Kunsill (T‑249/06, EU:T:2009:62). Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 88 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali, f’dik is-sentenza, eżaminat liema kien il-perċentwali tal-volum relatat mal-bejgħ dirett għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni mwettaq mill-produtturi-esportaturi kkonċernati meta mqabbla mal-volum totali tal-bejgħ tagħhom għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Issa, f’dan il-każ, il-perċentwali tal-volum relatat mal-bejgħ dirett għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni li sar minn Sinopec Chongqing huwa żero, peress li hija Sinopec Central-China li hija responsabbli mill-bejgħ kollu għall-esportazzjoni tal-PVAL prodotti minn Sinopec Chongqing li huma diretti lejn l-Unjoni.

92      It-tieni, għandu jiġi kkonstatat li, ikun xi jkun it-total tal-bejgħ li fir-rigward tiegħu l-perċentwali huwa kkalkolat (ara l-punt 90 iktar ’il fuq), il-volum ta’ PVAL relatat mal-bejgħ dirett għall-esportazzjoni mwettaq minn Sinopec Chongqing ma jirrappreżentax perċentwali ta’ dan it-total li joqrob lejn iċ-ċifra ta’ 27.08 %, li fir-rigward tagħha, fil-punti 69 u 70 tas-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2015, PT Musim Mas vs Il‑Kunsill (T‑26/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:437), il-Qorti Ġenerali, f’dak il-każ, ikkunsidrat li dan kien indizju li seta’ jikkontribwixxi sabiex tiġi stabbilita l-assenza ta’ entità ekonomika waħda (ara l-punt 89 iktar ’il fuq).

93      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fil-punt 68 tas-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2015, PT Musim Mas vs Il‑Kunsill (T‑26/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:437), il-Qorti Ġenerali rrilevat ukoll li ma kienx eskluż li, fi ħdan tali entità, kumpannija relatata teżerċita l-funzjonijiet ta’ dipartiment ta’ bejgħ intern billi torganizza u tinnegozja l-bejgħ tal-produttur, mingħajr madankollu ma toħroġ direttament il-fatturi kollha relatati ma’ dan il-bejgħ, peress li diversi raġunijiet jistgħu jiġġustifikaw l-intervent fuq il-karta tal-produttur. Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti, mingħajr ma ġew kontradetti mill-Kummissjoni, esponew li Sinopec Chongqing ibbenefikat minn dazju antidumping b’rata żero fl-Istati Uniti. Barra minn hekk, waqt is-seduta, Wegochem, mingħajr ma ġiet kontradetta lanqas mill-Kummissjoni, ippreċiżat li l-grupp li fih hija kienet taqa’ kien jimporta l-PVAL prodotti mir-rikorrenti kemm fl-Unjoni kif ukoll fl-Istati Uniti u li, fiż-żewġ każijiet, dan il-grupp kien jinnegozja ma’ Sinopec Central-China, minkejja li l-fatturi relatati mal-importazzjonijiet fl-Istati Uniti nħarġu minn Sinopec Chongqing, għar-raġuni msemmija iktar ’il fuq.

94      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi konkluż li t-tieni element ma huwiex indizju li juri li Sinopec Central-China ma tistax tiġi kklassifikata bħala dipartiment ta’ bejgħ intern.

95      Fir-rigward tat-tielet element riprodott fil-punt 80 iktar ’il fuq, dwar il-fatt li Sinopec Chongqing u Sinopec Ningxia wettqu bejgħ dirett fis-suq Ċiniż, ir-rikorrenti jsostnu li l-eżistenza ta’ dan il-bejgħ dirett ma tipprekludix li Sinopec Central-China tiġi kklassifikata bħala dipartiment ta’ bejgħ intern responsabbli mill-bejgħ għall-esportazzjoni. Fil-fatt, ir-rikorrenti qatt ma sostnew li Sinopec Central-China kienet qiegħda taġixxi bħala dipartiment ta’ bejgħ intern responsabbli kemm għall-bejgħ fis-suq Ċiniż kif ukoll għall-bejgħ għall-esportazzjoni. Huma llimitaw ruħhom li jsostnu li Sinopec Central-China kienet responsabbli mill-bejgħ għall-esportazzjoni. Il-mod li bih produttur ibigħ il-prodotti tiegħu fis-suq intern tiegħu ma huwiex rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda f’dak li jirrigwarda l-bejgħ għall-esportazzjoni.

96      Il-Kummissjoni twieġeb li l-fatt li Sinopec Chongqing u Sinopec Ningxia kellhom bejgħ sinjifikattiv fis-suq Ċiniż jgħin sabiex juri li huma kellhom dipartimenti tal-bejgħ interni, li kienu kapaċi jservu wkoll is-swieq tal-esportazzjoni tagħhom, u li Sinopec Central-China kienet qiegħda taġixxi bħala kumpannija kummerċjali awtonoma.

97      Għandu jiġi rrilevat li l-eżistenza ta’ bejgħ dirett ta’ PVAL imwettaq minn Sinopec Chongqing u minn Sinopec Ningxia fis-suq Ċiniż tista’ turi li dawn il-kumpanniji kellhom l-istruttura neċessarja sabiex ibigħu l-prodotti tagħhom mingħajr ma jirrikorru għas-servizzi ta’ Sinopec Central-China jew ta’ kumpanniji oħra, possibbilment mhux relatati.

98      Madankollu, hekk kif isostnu r-rikorrenti, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-bejgħ għall-esportazzjoni u l-bejgħ fis-suq nazzjonali ta’ produttur-esportatur jistgħu jinvolvu kumpanniji, kemm jekk relatati jew le, jew dipartimenti interni ta’ bejgħ differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 1992, Minolta Camera vs Il‑Kunsill, C‑178/87, EU:C:1992:112, punti 2, 9 u 13, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawżi magħquda Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2011:245, punti 65 u 66).

99      Minn dan isegwi li t-tielet element ma huwiex prova ta’ natura li tostakola r-rikonoxximent tal-istatus ta’ dipartiment ta’ bejgħ intern ta’ Sinopec Central-China.

100    Fir-rigward tar-raba’ element riprodott fil-punt 80 iktar ’il fuq, dwar il-fatt li Sinopec Chongqing u Sinopec Ningxia jsostnu l-ispejjeż ta’ bejgħ, ir-rikorrenti jsostnu li l-ispejjeż ta’ bejgħ imġarrba minn dawn il-kumpanniji kienu biss għall-bejgħ fis-suq Ċiniż u, fir-rigward ta’ Sinopec Chongqing, għal dak li sar lejn l-Istati Uniti.

101    Il-Kummissjoni twieġeb, fir-rigward tar-raba’ element, li l-fatt li Sinopec Chongqing u Sinopec Ningxia ġarrbu spejjeż ta’ bejgħ li kienu, għat-tieni waħda minnhom, ogħla minn dawk ta’ Sinopec Central-China huwa prova addizzjonali tal-awtonomija ta’ din tal-aħħar.

102    Għandu jiġi rrilevat li ma huwiex ikkontestat li Sinopec Chongqing u Sinopec Ningxia sostnew spejjeż biss għall-bejgħ fis-suq intern Ċiniż u, fir-rigward tal-ewwel waħda, għall-bejgħ dirett għall-esportazzjoni lejn l-Istati Uniti. Għaldaqstant, ir-raba’ element ma huwiex ta’ natura li jbiddel l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tat-tieni u t-tielet elementi.

103    Fir-rigward tal-ħames element riprodott fil-punt 80 iktar ’il fuq, dwar il-fatt li Sinopec Central-China tikkummerċjalizza wkoll prodotti magħmula minn produtturi oħra minbarra Sinopec Chongqing u Sinopec Ningxia, ir-rikorrenti jsostnu li x-xiri minn Sinopec Central-China ta’ PVAL prodotti minn produtturi terzi jirrappreżenta biss 2 % tax-xiri tagħha ta’ PVAL mingħand Sinopec Chongqing u Sinopec Ningxia. Huwa biss meta negozjant relatat iwettaq parti kbira mid-dħul mill-bejgħ tiegħu permezz tal-bejgħ ta’ prodotti li ġejjin minn impriżi terzi li l-funzjonijiet ta’ dan in-negozjant ma jistgħux jiġu assimilati ma’ dawk ta’ dipartiment ta’ bejgħ intern. Barra minn hekk, Sinopec Central-China biegħet biss fis-suq Ċiniż il-PVAL prodotti minn produtturi terzi.

104    Wegochem iżżid li s-sempliċi fatt li Sinopec Central-China kkummerċjalizzat ukoll ċerti prodotti ta’ produtturi oħra ma jistax juri li din il-kumpannija aġixxiet bħala negozjant indipendenti. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni kellha tistabbilixxi li dawn l-attivitajiet ta’ bejgħ kienu sinjifikattivi biżżejjed sabiex jippermettu lil Sinopec Central-China taġixxi b’mod indipendenti fir-rigward tal-grupp li kienet relatata miegħu. B’hekk, il-Kummissjoni kellha tevalwa l-bejgħ kunsiderevoli magħmul minn Sinopec Central-China ta’ PVAL li ġejjin minn impriżi terzi fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ tagħha. Madankollu, il-Kummissjoni ma wettqitx tali evalwazzjoni.

105    Il-Kummissjoni twieġeb li, għalkemm ma evalwatx, fost id-dħul mill-bejgħ globali ta’ Sinopec Central-China, i-bejgħ kunsiderevoli ta’ prodotti, ikunu xi jkunu, li din kienet xtrat mingħand kumpanniji oħra minbarra Sinopec Chongqing u Sinopec Ningxia, hija madankollu stabbilixxiet li l-bejgħ minn Sinopec Central-China ta’ PVAL immanifatturati minn produtturi oħra kien jirrappreżenta 10 % tal-bejgħ kollu ta’ PVAL imwettaq minn Sinopec Central-China fl-Unjoni u għalhekk ma kienx negliġibbli. 

106    Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-parti tal-bejgħ magħmula mid-distributur relatat ma’ produttur fir-rigward ta’ prodotti ġejjin minn produtturi mhux relatati hija fattur importanti sabiex jiġi ddeterminat jekk dan id-distributur jifformax entità ekonomika waħda mal-produttur relatat. B’hekk, jekk id-distributur jagħmel parti kbira mid-dħul mill-bejgħ tiegħu permezz tal-bejgħ ta’ prodotti li ġejjin minn impriżi mhux relatati, dan jista’ jikkostitwixxi indizju li l-funzjonijiet ta’ dan id-distributur ma humiex dawk ta’ dipartiment ta’ bejgħ intern (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021, Interpipe Niko Tube u Interpipe Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant vs Il‑Kummissjoni, T‑716/19, EU:T:2021:457, punt 159 u l-ġurisprudenza ċċitata).

107    Il-ġurisprudenza tippreċiża wkoll li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom id-dritt li jieħdu inkunsiderazzjoni wkoll l-attivitajiet tad-distributur relatat fir-rigward ta’ prodotti li ma humiex il-prodott li huwa s-suġġett tal-investigazzjoni antidumping kif ukoll il-parti mill-bejgħ imwettaq minn dan id-distributur li tirrigwarda l-prodotti li joriġinaw minn produtturi mhux relatati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2016, PT Musim Mas vs Il‑Kunsill, C‑468/15 P, EU:C:2016:803, punti 44 sa 46 u 49).

108    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni tammetti (ara l-punt 105 iktar ’il fuq) li hija ma wettqitx l-eżami previst mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq. Għaldaqstant, hija ma tistax tinvoka l-ħames element bħala indizju rilevanti tal-ineżistenza ta’ entità ekonomika waħda f’dan il-każ.

109    Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni kellha d-dritt li tillimita ruħha li teżamina d-dħul mill-bejgħ ta’ Sinopec Central-China ġġenerat mill-bejgħ tagħha ta’ PVAL, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma tikkontestax li, kif ir-rikorrenti kienu diġà sostnew fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-informazzjoni finali addizzjonali, ix-xiri minn Sinopec Central-China ta’ PVAL prodotti minn produtturi terzi jirrappreżenta biss 2 % tax-xiri tagħha ta’ PVAL mingħand Sinopec Chongqing u mingħand Sinopec Ningxia. B’hekk, id-dħul mill-bejgħ ta’ Sinopec Central-China ġġenerat mill-bejgħ tagħha ta’ PVAL jirriżulta mill-PVAL li din kienet xtrat, kważi kollha, mingħand Sinopec Chongqing u Sinopec Ningxia.

110    Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li l-volum ta’ xiri ta’ PVAL minn Sinopec Central-China mingħand produtturi terzi jirrappreżenta 10 % tal-volum totali ta’ PVAL li din esportat lejn l-Unjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma tispjegax kif din l-informazzjoni tikkontribwixxi sabiex turi li Sinopec Central-China ma kinitx qiegħda taġixxi bħala dipartiment ta’ bejgħ intern. Ir-rilevanza ta’ din l-informazzjoni hija kkontestata mill-fatt, enfasizzat fl-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fuq l-informazzjoni finali addizzjonali u waqt is-seduta, mhux ikkontestat mill-Kummissjoni, li l-PVAL li Sinopec Central-China xtrat mingħand produtturi terzi ma ġewx esportati fl-Unjoni, iżda nbiegħu, fiċ-Ċina, lil kumpannija relatata.

111    Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-ħames element ma huwiex rilevanti sabiex jintwera li Sinopec Central-China kienet teżerċita funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem abbażi ta’ kummissjonijiet.

112    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti dwar l-ewwel sal-ħames element, jidher li t-tieni u t-tielet element ma humiex biżżejjed sabiex jikkostitwixxu sensiela ta’ indizji konverġenti li juru li l-funzjonijiet ta’ Sinopec Central-China huma funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem abbażi ta’ kummissjonijiet jew li jostakola r-rikonoxximent tal-istatus tiegħu ta’ dipartiment ta’ bejgħ intern. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma pproduċietx il-prova li hija kellha tipproduċi skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 65 sa 67 iktar ’il fuq, b’tali mod li, billi qieset li Sinopec Central-China kienet teżerċita funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem abbażi ta’ kummissjonijiet, hija wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

113    Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tintlaqa’.

 Fuq ittieni parti

114    Ir-rikorrenti jsostnu li, fir-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni kisret l-obbligu, li jirriżulta speċifikament mill-parti introduttiva tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, li twettaq paragun xieraq, fl-istess stadju kummerċjali, tal-prezz tal-esportazzjoni u tal-valur normali.

115    Sabiex tikseb livell tal-prezz tal-esportazzjoni li jikkorrispondi għal tranżazzjoni “mill-fabbrika”, il-Kummissjoni għamlet aġġustamenti li jikkonsistu fit-tnaqqis, mill-prezz tal-bejgħ iffatturat lill-klijenti indipendenti, tal-ispejjeż kontenzjużi (ara l-punt 11 iktar ’il fuq).

116    Għall-kuntrarju, l-ebda aġġustament analogu ma ġie applikat għall-valur normali maħdum mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, li kien jitqies li jikkorrispondi, mingħajr ma kien neċessarju li jsiru aġġustamenti, għal tranżazzjoni “mill-fabbrika”. Madankollu, dan il-valur normali jikkorrispondi għall-ispiża ta’ produzzjoni, stabbilita abbażi tal-fatturi ta’ produzzjoni tar-rikorrenti mmultiplikati bil-valuri mingħajr distorsjoni relatati mal-pajjiż rappreżentattiv ikkunsidrat, jiġifieri t-Turkija, miżjud b’17.6 % bħala spejjeż SGA. Din iż-żieda ġiet deċiża abbażi ta’ informazzjoni miksuba mill-Kummissjoni dwar produttur Tork, Ilkalem Ticaret Ve Sanayi A. S. (iktar ’il quddiem “Ilkalem”), li ma tippreċiżax il-portata ta’ dawn l-ispejjeż SGA. Issa, dawn normalment jinkludu l-ispejjeż kontenzjużi.

117    Ir-rikorrenti jindikaw li, fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-informazzjoni finali, huma ġibdu l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li, peress li l-ispejjeż kontenzjużi kienu a priori inklużi fl-ispejjeż SGA li jagħmlu parti mill-valur normali stabbilit minnha, kien hemm probabbiltà kbira li l-paragun bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali ma jkunx ġust.

118    Ir-rikorrenti jippreċiżaw li l-Kummissjoni ma tistax tippreżumi li valur normali maħdum skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku jikkorrispondi, f’kull ċirkustanza, għal tranżazzjoni “mill-fabbrika”.

119    Wegochem issostni l-argumenti tar-rikorrenti u tenfasizza li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, għalkemm hija l-parti li tixtieq tinvoka aġġustament li għandha tipprova li l-kundizzjonijiet meħtieġa għal dan l-għan huma ssodisfatti, hija l-Kummissjoni li għandha tindikalha liema informazzjoni hija neċessarja u li ma timponilhiex oneru tal-prova irraġonevoli.

120    Skont Wegochem, fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-informazzjoni finali, ir-rikorrenti talbu l-applikazzjoni ta’ aġġustamenti għall-valur normali sabiex jiġi żgurat paragun ġust u mmotivaw din it-talba b’mod suffiċjenti, fid-dawl tal-fatt li l-valur normali kien inħadem skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku u li d-data dwar l-ispejjeż SGA użata mill-Kummissjoni ma kinitx toriġina minnhom, iżda mid-database Orbis, li l-Kummissjoni kienet għażlet li tuża, li kienet tipprovdi biss valur globali għal dawn l-ispejjeż, mingħajr it-tqassim tagħhom. Skont Wegochem, il-Kummissjoni ma setgħetx teżiġi li r-rikorrenti jipproduċu data, dwar terz, iktar iddettaljata minn dik li kellha l-Kummissjoni stess.

121    Fi kwalunkwe każ, Wegochem tippreċiża li huwa magħruf li, bħala regola ġenerali, l-ispejjeż SGA jinkludu l-ispejjeż kontenzjużi, kif tikkonferma l-gwida tal-utent tad-database Orbis.

122    Il-Kummissjoni tirrispondi li l-parti li tixtieq tagħmel użu minn aġġustament skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, sabiex tiżgura paragun ġust tal-prezz tal-esportazzjoni u tal-valur normali, għandha l-oneru li tipprova li dan l-aġġustament huwa ġġustifikat. Matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, ir-rikorrenti sostnew li ċerti spejjeż li kienu tnaqqsu mill-prezz tal-esportazzjoni ma tnaqqsux mill-valur normali, iżda huma ma sostnewx it-talba tagħhom għal aġġustamenti. Skont il-Kummissjoni, billi jinvokaw il-ksur tal-parti introduttiva tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq, ir-rikorrenti qegħdin jippruvaw jevitaw l-oneru tal-prova impost fuqhom.

123    Il-Kummissjoni tippreċiża wkoll li r-rikorrenti kellhom jissostanzjaw iktar it-talba tagħhom għal aġġustamenti, minkejja l-fatt li, f’dan il-każ, il-valur normali kien inħadem skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

124    Il-kliem tal-ewwel sal-ħames sentenza tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku tfakkru fil-punt 59 iktar ’il fuq.

125    F’dan il-każ, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħmel aġġustamenti għat-tnaqqis tal-prezz tal-esportazzjoni, ibbażati fuq l-Artikolu 2(10)(e), (g) u (k) tar-Regolament bażiku, sabiex tneħħi minnu l-ispejjeż kontenzjużi, sabiex tikseb il-livell li jikkorrispondi għal tranżazzjoni “mill-fabbrika”, konformement mal-prattika tagħha, kif jirriżulta mill-premessi 313, 314 u 357 tar-Regolament ikkontestat u mill-preċiżazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni bi tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub adottati mill-Qorti Ġenerali u waqt is-seduta.

126    Għandu jiġi rrilevat li l-aġġustamenti intiżi sabiex jinkiseb il-livell “mill-fabbrika” tal-prezz tal-esportazzjoni huma neċessarji sabiex jiġi żgurat “paragun xieraq bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali”, meħtieġ mill-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, biss jekk il-valur normali huwa wkoll ikkalkolat fil-livell “mill-fabbrika”.

127    Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 65 iktar ’il fuq, kienet il-Kummissjoni, li kienet għażlet li twettaq il-paragun inkwistjoni fil-livell “mill-fabbrika”, li kellha turi li dawn l-aġġustamenti kienu neċessarji sabiex il-paragun tal-prezz tal-esportazzjoni u tal-valur normali jkun ġust.

128    Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li l-oneru tal-prova kien jaqa’ fuq ir-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li dawn, fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-informazzjoni finali, sostnew li l-prezz tal-esportazzjoni kkunsidrat mill-Kummissjoni ma kienx jinkludi l-ispejjeż kontenzjużi, filwaqt li l-valur normali kien ġie maħdum bl-inklużjoni tal-ispejjeż SGA li, probabbilment, kienu jinkludu l-ispejjeż kontenzjużi, b’tali mod li l-paragun seta’ ma kienx ġust. Huma pproponew lill-Kummissjoni jew li ma tnaqqasx l-ispejjeż kontenzjużi mill-prezz tal-esportazzjoni, jew li tapplika aġġustamenti għat-tnaqqis għall-valur normali maħdum, abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn Sinopec Chongqing. Għalhekk, hekk kif tenfasizza Wegochem, ir-rikorrenti essenzjalment talbu lill-Kummissjoni tagħmel aġġustamenti sabiex tiġi ggarantita n-natura ġusta tal-paragun tal-prezz tal-esportazzjoni mal-valur normali u mmotivaw debitament it-talba tagħhom.

129    Huwa minnu li, skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, kuntrarjament għall-Artikolu 2.4 tal-Ftehim antidumping, ma jippreċiżax li l-“awtoritajiet għandhom jindikaw lill-partijiet in kwistjoni x’tip ta’ informazzjoni hi meħtieġa biex jassiguraw paragun imparzjali u [li] ma [għandhomx] jimponux oneru tal-prova ta’ natura mhux raġonevoli fuq il-partijiet”. Madankollu, ir-rekwiżiti li jirriżultaw minn dan l-aħħar artikolu, sa fejn dawn jirrigwardaw id-dritt tal-partijiet fi proċedura amministrattiva li jirċievu l-informazzjoni neċessarja sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw fiha b’għarfien sħiħ tal-fatti u l-intensità tal-oneru tal-prova li huma għandhom jissodisfaw, jagħmlu parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, stabbilit ukoll fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, huma l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandhom jindikaw lill-parti li titlob l-applikazzjoni ta’ aġġustament l-informazzjoni li hija neċessarja għal dan l-għan u li ma jimponux fuqha oneru tal-prova irraġonevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2008, Huvis vs Il‑Kunsill, T‑221/05, mhux ippubblikata, EU:T:2008:258, punti 77 u 78; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal‑10 ta’ Ottubru 2012, Ningbo Yonghong Fasteners vs Il‑Kunsill, T‑150/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:529, punt 124, u tal‑11 ta’ Settembru 2014, Gold East Paper u Gold Huasheng Paper vs Il‑Kunsill, T‑443/11, EU:T:2014:774, punt 166).

130    F’dan il-każ l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti riprodotti fil-punt 128 iktar ’il fuq ġew ittrattati fil-premessi 313 u 314 tar-Regolament ikkontestat, li huma fformulati kif ġej:

“(313) Fil-kummenti tagħhom dwar id-divulgazzjoni finali, tliet produtturi esportaturi fil-kampjun ikkontestaw il-fatt li l-Kummissjoni neħħiet ċerti spejjeż tal-merkanzija mill-prezz tal-esportazzjoni, filwaqt li dawn l-ispejjeż (flimkien mal-ispejjeż tal-immaniġġjar, eċċ. u l-ispejjeż finanzjarji bħal tariffi bankarji) ma tneħħewx mill-ispejjeż SG&A tal-produttur fil-pajjiż rappreżentattiv.

(314) Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din l-affermazzjoni. Il-Kummissjoni nnutat li ma hemm xejn li jindika li tali spejjeż kienu inklużi fil-kostijiet SG&A rrapportati għall-produttur fil-pajjiż rappreżentattiv. Barra minn hekk, il-produtturi esportaturi fil-kampjun ma pprovdew l-ebda evidenza li turi l-kuntrarju. Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.”

131    Għandu jiġi rrilevat li, peress li l-Kummissjoni ħadmet il-valur normali skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, l-informazzjoni li hija użat għal dan l-għan, fir-rigward tal-ispejjeż SGA, ma kinitx toriġina mir-rikorrenti, iżda minn Ilkalem, li kienet intgħażlet mill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, din tal-aħħar tammetti li, għall-ispejjeż SGA li hija użat, meħuda mid-database Orbis, l-ebda tqassim addizzjonali ma kien faċilment disponibbli u li, konsegwentement, hija kienet ikkomunikat lir-rikorrenti l-informazzjoni li tinsab f’din id-database dwar Ilkalem.

132    Issa, kif issostni Wegochem, l-informazzjoni użata mill-Kummissjoni tinkludi linja ddedikata għall-“other operating expenses” (spejjeż operatorji oħra). Il-gwida tal-utent tad-database Orbis issemmi li “other operating expenses” tfisser “All costs not directly related to the production of goods sold such as commercial costs, administrative expenses, etc. + depreciation of those costs” (l-ispejjeż kollha li ma humiex direttament marbuta mal-produzzjoni ta’ oġġetti mibjugħa bħall-ispejjeż kummerċjali, l-ispejjeż amministrattivi, eċċ. + id-deprezzament ta’ dawn l-ispejjeż). Bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ammettiet li ma kinitx taf jekk l-ispejjeż kontenzjużi kinux inklużi fl-“other operating expenses”. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li d-definizzjoni msemmija iktar ’il fuq ma tippermettix li jiġi eskluż li dawn l-“other operating expenses” jinkludu l-ispejjeż kontenzjużi.

133    Barra minn hekk, kif tfakkar ukoll Wegochem, il-Kummissjoni, fil-kwestjonarju mibgħut lill-produtturi-esportaturi fil-kuntest tal-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, inkludiet fl-ispejjeż SGA spejjeż li jikkorrispondu għall-ispejjeż kontenzjużi.

134    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni, li ma kellhiex hija stess tqassim iktar preċiż tal-ispejjeż SGA ta’ Ilkalem, ma setgħetx raġonevolment teżiġi mir-rikorrenti, meta huma kienu qajmu, fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-informazzjoni finali, il-kwistjoni tan-natura ġusta tal-paragun bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali, li huma jsostnu iktar it-talba tagħhom permezz tal-produzzjoni ta’ informazzjoni, relatata ma’ terz, iktar preċiża minn dik li kellha l-Kummissjoni.

135    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessa 314 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni eżiġiet li r-rikorrenti jipproduċu prova irraġonevoli.

136    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li minnha jirriżulta li s-sempliċi fatt li skontu l-valur normali kien ġie stabbilit abbażi ta’ elementi li ma joriġinawx mill-produtturi-esportaturi kkonċernati ma huwiex ta’ natura li jimponi flessibbiltà tar-regola ta’ tqassim tal-oneru tal-prova, kif tirriżulta mill-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku u mill-ġurisprudenza rilevanti (ara l-punti 65 sa 67 iktar ’il fuq). Skont din il-ġurisprudenza, fil-fatt, ir-regola li tgħid li hija l-parti li titlob aġġustament abbażi ta’ wieħed mill-fatturi msemmija f’dan l-artikolu li għandha turi li dan il-fattur huwa ta’ natura li jaffettwa l-prezzijiet, u, għaldaqstant, il-komparabbiltà tagħhom, tapplika indipendentement mill-metodu li abbażi tiegħu ġie ddeterminat il-valur normali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kummissjoni, C‑666/19 P, EU:C:2022:323, punt 151).

137    Fil-fatt, qabel ma kkonkludiet li l-Kummissjoni ma kinitx imponiet fuq il-produtturi-esportaturi kkonċernati oneru tal-prova irraġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li mir-Regolament ikkontestat kien jirriżulta li l-Kummissjoni kienet ikkomunikatilhom l-informazzjoni rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kummissjoni, C‑666/19 P, EU:C:2022:323, punt 152).

138    Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma pprovdietx lir-rikorrenti l-informazzjoni li kienet tippermettilhom jissostanzjaw iktar it-talba tagħhom intiża sabiex l-ispejjeż kontenzjużi ma jitneħħewx mill-prezz tal-esportazzjoni jew sabiex dawn jitneħħew mill-valur normali.

139    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tintlaqa’.

 Fuq ittielet parti

140    It-tielet parti ta’ dan il-motiv hija komposta minn żewġ ilmenti. Minn naħa, ir-rikorrenti, sostnuti minn Wegochem, jikkontestaw l-għażla tal-Kummissjoni li twettaq aġġustament ’il fuq tal-valur normali abbażi tal-Artikolu 2(10)(b) tar-Regolament bażiku (iktar ’il quddiem it-“tieni aġġustament ikkontestat”), sabiex tiġi riflessa d-differenza bejn ir-rata tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) li għandha titħallas u r-rata ta’ rimbors tal-VAT fuq l-esportazzjoni. Min-naħa l-oħra, huma jsostnu li, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ffissat dan l-aġġustament f’livell eċċessiv.

–       Fuq lewwel ilment

141    Ir-rikorrenti jsostnu li, għalkemm il-bejgħ tagħhom għall-esportazzjoni bbenefika minn rimbors tal-VAT tal-input, madankollu, huma ma kienu suġġetti għall-ebda VAT tal-output, kif juru l-fatturi tagħhom. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, peress li l-valur normali nħadem abbażi ta’ informazzjoni dwar pajjiż terz, dan ma jiħux inkunsiderazzjoni, mid-definizzjoni tiegħu stess, il-VAT Ċiniża. Il-Kummissjoni ma pproduċietx prova kuntrarja. B’hekk, ftit jimporta li r-regoli Ċiniżi dwar il-VAT ikunu differenti skont jekk ikunx bejgħ fis-suq intern Ċiniż jew bejgħ għall-esportazzjoni. Il-Kummissjoni ma spjegatx ir-raġuni għalfejn it-tieni aġġustament ikkontestat kien neċessarju minkejja l-fatt li l-valur normali kien ġie maħdum abbażi tal-imsemmija informazzjoni.

142    Minn dan ir-rikorrenti jikkonkludu li t-tieni aġġustament ikkontestat ma kienx meħtieġ sabiex il-paragun tal-prezz tal-esportazzjoni u tal-valur normali jkun fiskalment newtrali. Fil-fatt, dawn l-elementi jinsabu diġà fl-istess livell ta’ tassazzjoni indiretta, peress li t-tnejn huma espressi mingħajr VAT.

143    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

144    Għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(10)(b) tar-Regolament bażiku huwa fformulat kif ġej:

“Ħlas fuq l-importazzjoni u taxxi indiretti

Għandu jsir aġġustament għall-valur normali għal ammont li jikkorrispondi għal kwalunkwe ħlas fuq l-importazzjoni jew taxxi indiretti li jiġu mħallsa fuq il-prodott simili u fuq materjali fiżikament inkorporati fih, meta maħsuba għal konsum fil-pajjiż ta’ esportazzjoni u mhux miġbura jew mogħtija lura fir-rigward tal-prodott esportat lill-Unjoni.”

145    Fil-premessi 387 u 388 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni esponiet ir-raġunijiet li għalihom hija qieset neċessarju, sabiex tiggarantixxi n-natura ġusta tal-paragun bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali, li twettaq it-tieni aġġustament ikkontestat, minkejja l-oġġezzjonijiet imqajma b’mod partikolari mir-rikorrenti, fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-informazzjoni finali.

146    Skont dawn il-premessi, huwa indikat dan li ġej:

“(387) Fil-kummenti tagħhom dwar id-divulgazzjoni finali, tliet produtturi esportaturi fil-kampjun u produttur / utent tal-Unjoni sostnew li ma għandu jsir l-ebda aġġustament għal VAT mhux rifondibbli. B’mod partikolari, dawn il-partijiet interessati argumentaw li l-Kummissjoni ma spjegatx għaliex tali aġġustament kien meħtieġ, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-valur normali kien mibni minn (parzjalment) l-użu ta’ data minn pajjiż terz. Barra minn hekk, dawn il-partijiet interessati sostnew li l-Kummissjoni ma spjegatx għaliex, mingħajr l-aġġustament tal-VAT, kien ikun hemm differenza bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali maħdum li jaffettwa l-komparabbiltà tal-prezzijiet. Fil-fehma tagħhom, peress li l-prezz normali huwa bbażat fuq il-kostruzzjoni, ma hemmx rifużjoni fuq il-VAT tal-input u għalhekk jenħtieġ li ma jsir l-ebda aġġustament għad-differenzi fir-rifużjoni tal-VAT.

(388) Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din l-affermazzjoni. Il-Kummissjoni għamlet aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(b) tar-Regolament bażiku għad-differenza [fir-rigward tat-taxxi indiretti] bejn il-bejgħ għall-esportazzjoni [miċ-Ċina] lejn l-Unjoni u l-valur normali fejn ġew esklużi taxxi indiretti bħall-VAT. Il-Kummissjoni ma għandhiex għalfejn turi li l-valur normali maħdum fih il-VAT li tista’ tkun rimborżata kompletament fuq il-bejgħ fis-suq domestiku, peress li dan huwa irrilevanti. Il-valur normali li nħadem kif stipulat fil-premessi minn (335) sa (347) u (295) ma kienx jinkludi l-VAT, minħabba li għall-kalkolu tal-valur normali fil-pajjiż esportatur nett tal-VAT tagħhom, jintużaw il-valuri mingħajr distorsjoni fil-pajjiż rappreżentattiv. Is-sitwazzjoni reali li tikkonċerna t-trattament tal-VAT tal-bejgħ fis-suq domestiku u fil-mument tal-esportazzjoni sseħħ kollha kemm hi [fiċ-Ċina]. L-investigazzjoni kkonkludiet li fil-PI [fiċ-Ċina] il-produtturi esportaturi jġarrbu obbligazzjoni ta’ VAT ta’ 13 % jew 16 % (13 % hija applikabbli minn April sa Ġunju 2019 u 16 % hija applikabbli minn Lulju 2018 sa Marzu 2019) għall-esportazzjoni filwaqt li 5 %, 9 % jew 10 % hija rimborżata (5 % hija applikabbli minn Lulju sa Awwissu 2018, 9 % hija applikabbli minn Settembru sa Ottubru 2018 u 10 % hija applikabbli minn Novembru 2018 sa Ġunju 2019). Għaldaqstant, f’konformità mal-Artikolu 2(10)(b) tar-Regolament bażiku, fir-rigward tad-differenza fit-tassazzjoni indiretta f’dan il-każ li fih il-VAT kienet rimborżata parzjalment fir-rigward tal-bejgħ għall-esportazzjoni, il-Kummissjoni aġġustat kif xieraq il-valur normali […]”

147    Peress li hija l-Kummissjoni li ħadet l-inizjattiva li twettaq it-tieni aġġustament ikkontestat, hija kellha, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 65 sa 67 iktar ’il fuq, turi li dan l-aġġustament kien neċessarju.

148    Konsegwentement, għandu jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni wrietx b’mod suffiċjenti n-neċessità li jsir it-tieni aġġustament ikkontestat.

149    Għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tal-premessa 388 tar-Regolament ikkontestat ma tinftihemx faċilment.

150    Madankollu, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni tal-atti tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew il-persuni l-oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ liġi, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-imsemmi artikolu ma għandhiex tiġi evalwata biss fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu iżda fid-dawl ukoll tal-kuntest tiegħu u tat-totalità tad-dispożizzjonijiet legali li jirregolaw is-suġġett inkwistjoni (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

151    Bl-istess mod, fil-każ ta’ regolament, il-motivazzjoni tista’ sempliċement tindika, minn naħa, is-sitwazzjoni ġenerali li wasslet għall-adozzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-għanijiet ġenerali li huwa maħsub li jilħaq. Barra minn hekk, ma jistax jiġi meħtieġ mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jispeċifikaw id-diversi fatti li ta’ spiss ikunu numerużi u kumplessi li fuqhom ir-regolament ikun ġie adottat, u lanqas a fortiori li jipprovdu evalwazzjoni sħiħa jew kważi sħiħa (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

152    Minn dan isegwi li regolament li jiffissa dazji antidumping għandu jinkludi l-parti essenzjali tar-raġunament adottat mill-Kummissjoni, iżda ma għandux jinkludi motivazzjoni speċifika għal kull wieħed mid-diversi argumenti fattwali invokati mill-partijiet ikkonċernati. Il-Qorti Ġenerali tista’ għalhekk titlob mingħand il-Kummissjoni spjegazzjonijiet addizzjonali u teħodhom inkunsiderazzjoni waqt l-istħarriġ tagħha, sakemm dawn ikunu bbażati fuq elementi li jagħmlu parti mill-fajl tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punti 92, 93, 95 u 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

153    F’dan il-każ, il-Kummissjoni pproduċiet, bħala Annessi F.6 u F.7 tan-nota li tinkludi t-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, żewġ dokumenti intitolati kull wieħed “Rapport ta’ verifika”, li hija kienet bagħtet lir-rikorrenti wara żewġ żjarat imwettqa fil-bini ta’ Sinopec Chongqing u ta’ Sinopec Ningxia. Mill-paġna 12 tal-Anness F.6 u mill-paġna 8 tal-Anness F.7 jirriżulta li, meta kumpannija Ċiniża responsabbli għall-esportazzjonijiet tixtri mingħand kumpannija Ċiniża oħra l-prodotti li hija tixtieq tesporta sussegwentement, hija tħallas il-VAT, b’rata li kienet ta’ 16 % u mbagħad ta’ 13 % matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Waqt l-esportazzjoni, parti minn din il-VAT diġà mħallsa tista’ tkun is-suġġett ta’ talba għal rimbors parzjali, b’rata li matul l-imsemmi perijodu l-ewwel kienet ta’ 5 %, sussegwentement ta’ 9 % u fl-aħħar ta’ 10 %. Id-differenza bejn il-VAT tal-input imħallsa fuq l-esportazzjoni u dan ir-rimbors tikkostitwixxi l-VAT mhux rimborsabbli.

154    Barra minn hekk, waqt is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżaw li huma kienu qegħdin jikkontestaw il-premessa 388 tar-Regolament ikkontestat sa fejn fiha l-Kummissjoni affermat li, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, kienet teżisti fiċ-Ċina VAT fuq l-esportazzjoni b’rata ta’ 13 % jew ta’ 16 %, filwaqt li, fil-fehma tagħhom, din il-VAT kienet applikabbli għall-bejgħ nazzjonali, iżda ma kinitx applikabbli għall-bejgħ għall-esportazzjoni. Ir-rikorrenti rrikonoxxew ukoll li l-unika kwistjoni rilevanti kienet dik tal-VAT mhux rimborsabbli.

155    Fid-dawl tal-preċiżazzjonijiet hekk ipprovduti mill-Kummissjoni, li r-rikorrenti kellhom, il-premessa 388 tar-Regolament ikkontestat għandha tinftiehem fis-sens li l-Kummissjoni, kif ikkonfermat waqt is-seduta, qieset, minn naħa, li l-prezz tal-esportazzjoni tal-prodotti tar-rikorrenti kien jinkludi ammont li jikkorrispondi għall-VAT mhux rimborsabbli, filwaqt li l-valur normali kien ġie maħdum mingħajr VAT, u, min-naħa l-oħra, li dawn iċ-ċirkustanzi kienu jiġġustifikaw li l-valur normali jiġi aġġustat ’il fuq, sabiex jiġi żgurat paragun ġust.

156    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni wriet in-neċessità li jsir it-tieni aġġustament ikkontestat.

157    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 2(10)(b) tar-Regolament bażiku ma jipprevedix l-aġġustament tal-valur normali tal-pajjiż rappreżentattiv maħdum skont l-Artikolu 2(6a) ta’ dan ir-regolament sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-VAT mhux rimborsabbli li taffettwa l-prezz tal-esportazzjoni fil-pajjiż minn fejn joriġinaw l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping. Għalhekk, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-bażi legali tat-tieni aġġustament ikkontestat. Madankollu, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-annullament ta’ att tal-Unjoni minħabba bażi legali żbaljata ma huwiex iġġustifikat meta tali żball ma kellux influwenza determinanti fuq l-evalwazzjoni magħmula mill-awtur tiegħu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 1997, Costantini vs Il‑Kummissjoni, T‑57/96, EU:T:1997:214, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad‑9 ta’ Ġunju 2015, Navarro vs Il‑Kummissjoni, T‑556/14 P, EU:T:2015:368, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, hemm lok li jiġi applikat dan il-prinċipju. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku, li jipprovdi li “[j]ista’ jsir ukoll aġġustament għal differenzi f’fatturi oħra li ma jkunux previsti taħt il-punti (a) sa (j) [tal-Artikolu 2(10) tal-istess regolament], jekk jiġi ppruvat li dawn jaffettwaw il-komparabilità fil-prezzijiet kif meħtieġ taħt dan il-paragrafu, b’mod partikolari jekk ix-xerrejja konsistentement iħallsu prezzijiet differenti fis-suq domestiku minħabba d-differenza f’tali fatturi”, kien jippermetti lill-Kummissjoni twettaq it-tieni aġġustament ikkontestat bl-għan li tiġi stabbilita mill-ġdid is-simetrija bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat u sabiex jiġi żgurat paragun ġust bejn dawn iż-żewġ valuri (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2021, China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products et vs Il‑Kummissjoni, T‑254/18, taħt appell, EU:T:2021:278, punt 597).

158    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat, b’risposta għall-argument imqajjem mir-rikorrenti waqt is-seduta u minn Wegochem fin-nota ta’ intervent tagħha, li t-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku hija ssodisfatta f’dan il-każ. Fil-fatt, filwaqt li l-VAT mhux rimborsabbli taffettwa ż-żieda fil-prezz tal-esportazzjoni, huwa stabbilit li l-ebda VAT ma hija inkluża fil-valur normali li ġie maħdum abbażi ta’ data ta’ pajjiż terz u li, skont l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, jissostitwixxi l-prezz tal-prodott ikkonċernat fis-suq nazzjonali tal-pajjiż esportatur.

159    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-ewwel ilment invokat mir-rikorrenti insostenn tat-tielet parti tat-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

–       Fuq ittieni lment

160    Ir-rikorrenti jsostnu li, anki jekk jitqies li kien neċessarju li jsir aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(b) tar-Regolament bażiku, dak adottat fir-Regolament ikkontestat huwa eċċessiv, peress li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-VAT tal-input hija kkalkolata fuq il-valur tal-materji primi, filwaqt li r-rimbors tal-esportazzjoni huwa kkalkolat fuq il-valur tal-bejgħ. Huma juru dan l-ilment permezz ta’ eżempju kkwantifikat, li fih huma jikkalkolaw l-ammont tal-VAT mhux rimborsabbli bħala d-differenza bejn, minn naħa, l-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-rata tal-VAT tal-input għall-ispejjeż ta’ ċerti inputs użati sabiex jiġi maħdum il-valur normali u, min-naħa l-oħra, l-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-rata ta’ rimbors tal-VAT għall-prezz tal-esportazzjoni.

161    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

162    Għandu jitfakkar li t-tieni aġġustament ikkontestat jikkonsisti fiż-żieda tal-valur normali maħdum, mingħajr VAT, mid-data Torka, b’perċentwali li jippermetti li jiġi ggarantit paragun ġust mal-prezz tal-esportazzjoni, fid-dawl tal-fatt li dan tal-aħħar jinkludi, min-naħa tiegħu, ammont li jikkorrispondi għall-VAT mhux rimborsabbli. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li jidhru li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma applikatx ir-rata ta’ VAT tal-input għall-ispejjeż tal-input użati sabiex jiġi maħdum il-valur normali, u lanqas ma naqqset mill-ammont li hija b’hekk kisbet ammont li jikkorrispondi għall-applikazzjoni tar-rata tar-rimbors tal-VAT għall-prezz tal-esportazzjoni. Minn dan isegwi li l-argumenti tar-rikorrenti li huma intiżi sabiex isostnu dan l-ilment ma jikkorrispondux mal-fatti tal-każ, b’tali mod li ma jippermettux li jintwera li t-tieni aġġustament ikkontestat huwa eċċessiv.

163    Għaldaqstant, hemm lok li t-tieni lment invokat mir-rikorrenti insostenn tat-tielet parti tat-tieni motiv jiġi miċħud u, konsegwentement, li din il-parti tiġi miċħuda kollha kemm hi.

164    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi konkluż li t-tieni motiv huwa fondat fl-ewwel żewġ partijiet tiegħu filwaqt li dan ma huwiex fondat fit-tielet parti tiegħu.

 Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq ilksur talArtikolu 18(1) u (5) tarRegolament bażiku kif ukoll talArtikolu 6.8 talFtehim antidumping u talAnness II

165    Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti, wara li ppreċiżaw li huma ma jikkontestawx li l-Kummissjoni kellha dritt tikkalkola l-valur normali ta’ Sinopec Ningxia abbażi tal-informazzjoni disponibbli fis-sens tal-Artikolu 18 (ara l-punt 10 iktar ’il fuq), jinvokaw żewġ ilmenti. Minn naħa, huma jsostnu li l-Kummissjoni ma tistax tuża bħala informazzjoni disponibbli fis-sens tal-Artikolu 18 l-informazzjoni li hija tkun kisbet permezz tal-ewwel applikazzjoni ta’ dan l-artikolu. Min-naħa l-oħra, huma jikkritikaw lill-Kummissjoni talli tathom trattament li jippenalizza u li ma bbażatx ruħha fuq l-“aqwa informazzjoni disponibbli” msemmija fl-Anness II (iktar ’il quddiem l-“aqwa informazzjoni disponibbli”), fir-rigward tal-Artikolu 6.8 tal-Ftehim antidumping, fejn l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku huwa t-traspożizzjoni tiegħu fid-dritt tal-Unjoni.

 Fuq lewwel ilment

166    Ir-rikorrenti, sostnuti minn Wegochem, ifakkru li l-informazzjoni disponibbli fis-sens tal-Artikolu 18 użata mill-Kummissjoni għall-kalkolu tal-valur normali ta’ Sinopec Ningxia hija dik relatata ma’ żewġ gruppi oħra ta’ produtturi-esportaturi Ċiniżi li jagħmlu parti, bħalhom, mill-kampjun magħżul mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku (iktar ’il quddiem il-“produtturi-esportaturi l-oħra”), li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni applikat ukoll l-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament. Issa, skont ir-rikorrenti, ladarba l-Kummissjoni użat din id-dispożizzjoni sabiex tikkalkola l-valur normali ta’ produttur-esportatur, l-informazzjoni hekk miksuba ma tistax tikkostitwixxi informazzjoni disponibbli fis-sens tal-Artikolu 18 li tippermetti lill-Kummissjoni tikkalkola l-valur normali ta’ produttur-esportatur differenti, inkluż f’dan il-kampjun. Insostenn tal-argument tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw, b’analoġija, l-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku, li, minkejja li ma huwiex applikabbli f’dan il-każ, jippermetti li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ prinċipju ġenerali.

167    Il-Kummissjoni, sostnuta minn Kuraray u minn Sekisui, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

168    Għandu jitfakkar il-kliem tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, iddedikat għan-“[n]uqqas ta’ kooperazzjoni”, li huwa fformulat kif ġej:

“1.      F’każijiet fejn kwalunkwe parti interessata tirrifjuta li tagħti aċċess għal, jew b’mod ieħor ma tipprovdix, informazzjoni neċessarja fil-limiti ta’ żmien previsti f’dan ir-Regolament, jew sinifikattivament timpedixxi l-investigazzjoni, jistgħu jsiru konklużjoniet provviżorji jew finali, affirmattivi jew negattivi, fuq il-bażi tal-fatti disponibbli.

[…]

5.      Jekk id-determinazzjonijiet, inklużi dawk li jirrigwardaw il-valur normali, ikunu bbażati fuq id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, inkluża l-informazzjoni fornita fl-ilment, dan għandu, fejn prattikabbli u b’kont meħud tal-limiti ta’ żmien tal-investigazzjoni, jiġi kontrollat b’referenza għall-informazzjoni minn sorsi oħra indipendenti li jistgħu ikunu disponibbli, bħal listi ta’ prezzijiet ippubblikati, statistika uffiċjali dwar tal-importazzjoni u r-returns tad-dwana, jew informazzjoni miksuba minn partijiet interessati oħrajn matul l-investigazzjoni.

[…]

6.      Jekk xi parti interessata ma tikkoperax, jew tikkopera biss parzjalment, u b’hekk tinżamm informazzjoni rilevanti, ir-riżultat tal-investigazzjoni jista jkun inqas favorevoli għall-parti milli kieku kkoperat.”

169    Fir-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni qieset li Sinopec Ningxia ma pprovdietx l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-kalkolu tal-valur normali tal-prodotti tagħha. Għaldaqstant, hija applikat l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku sabiex tiddetermina dan il-valur normali. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni użat il-valuri normali tal-produtturi-esportaturi l-oħra, li hija kienet stabbilixxiet, parzjalment, skont din l-istess dispożizzjoni.

170    Peress li r-rikorrenti jinvokaw, b’analoġija, l-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tipprevedi dan li ġej:

“6.      Meta l-Kummissjoni tkun illimitat l-eżami tagħha skont l-Artikolu 17, kwalunkwe dazju anti-dumping applikat għall-importazzjonijiet minn esportaturi jew produtturi li jkunu ressqu d-dettalji tagħhom skont l-Artikolu 17 iżda li ma kinux ġew inklużi fl-eżami ma għandux jaqbeż il-marġini medju peżat ta’ dumping stabbilit fir-rigward tal-partijiet fil-kampjun, irrispettivament minn jekk il-valur normali għal tali partijiet huwiex determinat abbażi tal-Artikolu 2(1) sa (6) jew tal-punt (a) tal-Artikolu 2(7).

Għall-għan ta’ dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha tinjora kwalunkwe marġini żero u de minimis, u marġini stabbiliti fiċ-ċirkustanzi msemmijin fl-Artikolu 18.”

171    Għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku jistabbilixxu r-regoli applikabbli għall-produtturi-esportaturi li xtaqu jagħmlu parti mill-kampjun magħżul mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, iżda li finalment ma ġewx inklużi fih. Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi sabiex jipproteġu lil dawn il-produtturi-esportaturi, li ma setgħux jikkooperaw mal-Kummissjoni, b’mod partikolari kontra nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-produtturi-esportaturi li jiffurmaw dan il-kampjun. Madankollu, is-sitwazzjoni tal-produtturi-esportaturi inklużi fil-kampjun hija tant differenti minn dik tal-produtturi-esportaturi esklużi mill-kampjun li ma tista’ ssir l-ebda analoġija. Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet ma jippermettux li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ prinċipju ġenerali li jipprekludi li l-Kummissjoni tkun tista’ tuża, bħala informazzjoni disponibbli fis-sens tal-Artikolu 18, informazzjoni li hija tkun kisbet permezz tal-ewwel applikazzjoni ta’ dan l-artikolu.

172    Barra minn hekk, Wegochem tiżbalja meta ssostni li l-argument tar-rikorrenti huwa sostnut mir-rapport tal-Korp tal-Appell dwar it-tilwima “L-Istati Uniti – Miżuri antidumping applikati għal ċerti prodotti tal-azzar irrumblati bis-sħana li joriġinaw mill-Ġappun”, adottat mill-KST fit‑23 ta’ Awwissu 2001 (WT/DS 184/AB/R). Fil-fatt, skont il-punt 123 ta’ dan ir-rapport, l-Artikolu 9.4 tal-Ftehim antidumping, li, bħall-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku, jikkonċerna d-determinazzjoni tad-dazji antidumping applikabbli għall-produtturi-esportaturi li ma jagħmlux parti mill-kampjun magħżul mill-awtorità kompetenti, “huwa intiż sabiex jipprevjeni lill-esportaturi, li ma jkunux mitluba jikkooperaw matul l-investigazzjoni, milli jġarrbu dannu minħabba lakuni jew insuffiċjenzi fl-informazzjoni pprovduta mill-esportaturi taħt investigazzjoni”. Dan ir-rapport mhux talli ma jsostnix l-argument tar-rikorrenti iżda jikkonferma li l-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa dak indikat fil-punt 171 iktar ’il fuq.

173    Peress li r-rikorrenti kienu jagħmlu parti mill-kampjun magħżul mill-Kummissjoni f’dan il-każ, huma bbenefikaw mill-possibbiltà li jikkooperaw magħha sabiex jevitaw li jikkalkolaw il-valur normali ta’ Sinopec Ningxia abbażi tal-informazzjoni disponibbli fis-sens tal-Artikolu 18. Irrispettivament mir-raġunijiet għalfejn ma setgħux jipprovdu lill-Kummissjoni l-elementi kollha li kienet talbithom, is-sitwazzjoni tagħhom ma tistax titqabbel ma’ dik tal-produtturi-esportaturi esklużi mill-kampjun.

174    Għaldaqstant, l-ewwel ilment invokat mir-rikorrenti insostenn tat-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ittieni lment

175    Ir-rikorrenti, sostnuti minn Wegochem, ifakkru li, fir-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni, fir-rigward ta’ Sinopec Ningxia, stabbilixxiet il-valur normali għal kull tip ta’ prodott mibjugħ minnha billi bbażat ruħha fuq l-ogħla valur normali, għall-istess tip ta’ prodott, li hija kienet ikkalkolat għall-produtturi-esportaturi l-oħra, minflok ma użat l-informazzjoni vverifikata dwar Sinopec Chongqing. Huma jsostnu li d-differenzi bejn il-proċessi ta’ produzzjoni segwiti minn din tal-aħħar u minn Sinopec Ningxia ma humiex rilevanti, kif jikkonferma l-fatt li l-proċess ta’ produzzjoni ta’ Kuraray huwa differenti minn dak tal-produtturi-esportaturi Ċiniżi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni użat informazzjoni mhux affidabbli, li ma tikkostitwixxix l-aqwa informazzjoni disponibbli u ma tirriżultax minn evalwazzjoni komparattiva. B’hekk hija tat lir-rikorrenti trattament li jippenalizza, bi ksur tad-dritt tal-WTO, ukoll fid-dawl tal-fatt li l-marġni ta’ dumping tal-produtturi-esportaturi l-oħra huma ħafna ikbar minn dawk ta’ Sinopec Chongqing.

176    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jikkontestaw l-argument tal-Kummissjoni, li jinsab fil-premessa 333 tar-Regolament ikkontestat, li l-ebda element ma jippermetti li wieħed jaħseb li l-valur normali ta’ Sinopec Ningxia għal kull tip ta’ prodott huwa inqas mill-ogħla valur normali għal kull tip ta’ prodott tal-produtturi-esportaturi l-oħra. Fil-fatt, l-informazzjoni li tinsab fil-fajl tal-Kummissjoni turi li l-valur normali li hija stabbilixxiet għal Sinopec Ningxia huwa 50 % ogħla minn dak ta’ Sinopec Chongqing, minkejja li din tal-aħħar titlob prezz tal-esportazzjoni ogħla minn dak ta’ Sinopec Ningxia.

177    Wegochem tenfasizza li l-assenza ta’ provi invokata mill-Kummissjoni fil-premessa 333 tar-Regolament ikkontestat ma tagħmilx sens, peress li l-provi li, skont il-Kummissjoni, kienu neċessarji sabiex hija ma tużax, fir-rigward ta’ Sinopec Ningxia, l-ogħla valur normali fost dawk tal-produtturi-esportaturi l-oħra huma preċiżament l-elementi li Sinopec Ningxia ma kinitx f’pożizzjoni li tipproduċi u li l-assenza tagħhom wasslet għall-użu mill-Kummissjoni tal-informazzjoni disponibbli fis-sens tal-Artikolu 18.

178    Il-Kummissjoni, sostnuta minn Kuraray u minn Sekisui, twieġeb li hija ma kisritx l-Artikolu 18(6) tar-Regolament bażiku meta użat, bħala informazzjoni disponibbli fis-sens tal-Artikolu 18 sabiex tistabbilixxi l-valur normali ta’ kull tip ta’ prodott mibjugħ minn Sinopec Ningxia, l-ogħla valur normali fost dawk tal-produtturi-esportaturi l-oħra. B’dan il-mod, hija ma ppenalizzatx lir-rikorrenti. Il-Kummissjoni tippreċiża, minn naħa, li hija pproċediet b’dan il-mod minħabba li l-ebda prova ma kienet tindika li l-valur normali ta’ Sinopec Ningxia għal kull tip ta’ prodott kien inqas minn dak użat minnha u, min-naħa l-oħra, li hija ma setgħetx tuża l-medja tal-valuri normali tal-produtturi-esportaturi l-oħra, peress li, b’dan il-mod, hija ħolqot inċentiv, għall-produtturi-esportaturi, sabiex jirrifjutaw li jikkooperaw, b’mod selettiv, fl-oqsma kollha li fihom dawn kienu jafu li kienu qegħdin ibatu spejjeż ogħla mill-medja.

179    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li hija wettqet evalwazzjoni komparattiva tal-informazzjoni dwar il-produtturi-esportaturi l-oħra, li użaw proċess ta’ produzzjoni simili għal dak ta’ Sinopec Ningxia, peress li dawn il-proċessi kollha kienu jipprevedu l-użu tal-faħam. L-informazzjoni dwar Sinopec Chongqing ma kinitx adegwata, peress li l-proċess ta’ produzzjoni ta’ din tal-aħħar kien jipprevedi l-użu taż-żejt. Il-Kummissjoni b’hekk qabblet l-informazzjoni kollha li hija kellha u użat l-ogħla valuri normali fost dawk tal-produtturi-esportaturi li l-proċessi ta’ produzzjoni tagħhom kienu jipprevedu li jużaw il-faħam. Dawn il-valuri normali jikkostitwixxu l-aqwa informazzjoni disponibbli.

180    Kuraray tippreċiża li huwa irrilevanti l-fatt li l-proċess ta’ produzzjoni tagħha huwa distint minn dawk tar-rikorrenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma żviluppawx b’mod suffiċjenti l-argumenti tagħhom dwar dan is-suġġett, li huma għalhekk inammissibbli sa fejn ma josservawx l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

181    Sabiex jinftiehem ir-raison d’être għall-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, għandu jitfakkar li hija l-Kummissjoni, bħala awtorità investigatriċi, li għandha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ dumping, ta’ dannu u ta’ rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping u d-dannu. Peress li l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament bażiku ma tagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li ġġiegħel lill-partijiet ikkonċernati jipparteċipaw fl-investigazzjoni jew jipproduċu informazzjoni, dik l-istituzzjoni tiddependi fuq il-kooperazzjoni volontarja ta’ dawn il-partijiet sabiex jipprovdulha l-informazzjoni neċessarja. F’dan il-kuntest, mill-premessa 27 tar-Regolament bażiku jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies li huwa “meħtieġ li jsir provvediment biex, fejn partijiet ma jikkoperawx b’mod sodisfaċenti tkun tista’ tintuża informazzjoni oħra sabiex jiġu stabbiliti konklużjonijiet u li tali informazzjoni tkun tista’ tkun inqas favorevoli għall-partijiet milli kieku kienu kkoperaw”. Għaldaqstant, l-għan tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku huwa li jippermetti lill-Kummissjoni tkun tista’ twettaq l-investigazzjoni anki jekk il-partijiet ikkonċernati jirrifjutaw li jikkooperaw jew jikkooperaw b’mod insuffiċjenti. Għalhekk, peress li huma obbligati jikkooperaw bl-aħjar mod possibbli għalihom, il-partijiet ikkonċernati għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha li huma jkollhom u li l-istituzzjonijiet iqisu neċessarji sabiex jistabbilixxu l-konklużjonijiet tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2017, EBMA vs Giant (China), C‑61/16 P, EU:C:2017:968, punti 54 sa 56).

182    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku jikkostitwixxi t-traspożizzjoni fid-dritt tal-Unjoni tal-Artikolu 6.8 tal-Ftehim Antidumping u tal-Anness II, li fid-dawl tagħhom huwa għandu jiġi interpretat sa fejn ikun possibbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2014, Guangdong Kito Ceramics et vs Il‑Kunsill, T‑633/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:271, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

183    Skont l-Artikolu 6.8 tal-Ftehim antidumping, huwa previst dan li ġej:

“Fil-każijiet meta kwalunkwe partijiet interessati jiċħdu l-aċċess, jew inkella ma jipprovdux, informazzjoni meħtieġa fi żmien raġonevoli jew ma jippermettux sostanzjalment, determinazzjonijet ta’ natura preliminari u finali, affermativa jew negattiva, dawn jistgħu jsiru fuq bażi tal-fatti disponibbli. Id-disposizzjonijiet ta’ l-Anness II għandhom jiġu osservati fl-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu.”

184    L-Anness II huwa intitolat “L-aqwa informazzjoni disponibbli skond il-paragrafu 8 ta’ l-ArtikOLU 6”, iżda ma jinkludix definizzjoni ta’ din l-informazzjoni.

185    L-Artikolu 7 tal-Anness II, li essenzjalment jistabbilixxi l-istess regoli bħal dawk previsti fl-Artikolu 18(5) u (6) tar-Regolament bażiku, kif imfakkra fil-punt 168 iktar ’il fuq, jiddisponi dan li ġej:

“Jekk l-awtoritajiet għandhom jibbażaw is-sejbiet tagħhom, li jkunu jinkludu dawk fir-rigward tal-valuri normali, informazzjoni minn fond sekondarju, inkluż l-informazzjoni fornita fl-applikazzjoni għal bidu ta’ l-investigazzjoni, dawn għandhom jagħmlu dan permezz ta’ ċirkuspezzjoni speċjali. F’każijiet bħal dawn, l-awtoritajiet għandhom, meta jkun prattikabbli, jivverifikaw l-informazzjoni minn fondi oħra indipendenti għad-disposizzjoni tagħhom, bħall-elenku ta’ prezzijiet ippubblikati, statistiċi ta’ importazzjoni uffiċjali u l-flus mid-dwana, u mill-informazzjoni miksuba minn partijiet interessati oħra fil-kors ta’ l-investigazzjoni. Madankollu, huwa ċar, li jekk parti interessata ma tikkoperax u b’hekk informazzjoni rilevanti tinżamm mill-awtoritajiet, din is-sitwazzjoni tista’ tirriżulta f’mod inqas favorevoli fil-konfront tal-parti milli fil-każ li kieku din tkun ikkoperat.”

186    Għandu jiġi rrilevat li l-Anness II huwa “inkorporat b’referenza fl-Artikolu 6.8” tal-Ftehim antidumping (ir-rapport tal-Korp tal-Appell dwar it-tilwima “L-Istati Uniti – Miżuri antidumping applikati għal ċerti prodotti tal-azzar irrumblati bis-sħana li joriġinaw mill-Ġappun”, adottat mill-KST fit‑23 ta’ Awwissu 2001 (WT/DS 184/AB/R, punt 75)) u li d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-anness huma imperattivi, minkejja l-fatt li dawn huma ta’ spiss ifformulati b’kundizzjoni (ir-rapport tal-Bord “L-Istati Uniti – Miżuri antidumping u kumpensatorji applikati għall-folji tal-azzar li joriġinaw mill-Indja”, adottat mill-KST fid‑29 ta’ Lulju 2002 (WT/DS 206/R, punt 7.56)).

187    Skont ir-rapport tal-Bord dwar it-tilwima “Messiku – Miżuri anti-dumping definittivi fuq il-Laħam taċ-Ċanga u r-Ross”, adottat mill-KST fl‑20 ta’ Diċembru 2005 (WT/DS/295/R, punt 7.238), l-użu ta’ fatti disponibbli fis-sens tal-Artikolu 6.8 tal-Ftehim antidumping ma huwiex intiż li jippenalizza lill-partijiet li ma jipprovdux l-informazzjoni li l-awtorità kompetenti titlobhom jipprovdu. Kunsiderazzjonijiet simili jinsabu fir-rapport tal-Bord dwar it-tilwima “Ċina – Dazji Kumpensatorji u Dazji Antidumping fuq l-Azzar Elettriku Rromblat Ċatt Orjentat fuq Fili li Joriġina mill-Istati Uniti”, adottat mill-KST fis‑16 ta’ Novembru 2012 (WT/DS/414, punt 7.391), li jenfasizza li l-fatti disponibbli fis-sens tal-imsemmi artikolu ma għandhomx jiġu applikati b’mod li jikkastigaw in-nuqqas ta’ kooperazzjoni. Dan ir-rapport jikkonferma wkoll li, kif jippreċiża l-Artikolu 7 tal-Anness II, minn nuqqas ta’ kooperazzjoni tista’ madankollu tirriżulta sitwazzjoni inqas favorevoli milli kieku kien hemm kooperazzjoni.

188    Madankollu, għandu jitfakkar ukoll li l-qorti tal-Unjoni diġà ddeċidiet li, meta l-Kummissjoni tibbaża l-konklużjonijiet tagħha fuq l-informazzjoni disponibbli, fis-sitwazzjonijiet fejn l-informazzjoni ppreżentata tkun dgħajfa, dik l-istituzzjoni ma hijiex obbligata tispjega kif l-informazzjoni disponibbli użata kienet l-aħjar possibbli, peress li tali obbligu la jirriżulta mill-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku u lanqas mill-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2015, City Cycle Industries vs Il‑Kunsill, T‑413/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:164, punt 132).

189    L-ewwel, minn dan isegwi li l-Kummissjoni, meta tuża l-informazzjoni disponibbli fis-sens tal-Artikolu 18, ma għandhiex dritt tissanzjona produttur-esportatur minħabba li ma kkooperax jew ma kkooperax b’mod suffiċjenti. It-tieni, huwa possibbli li, anki meta l-Kummissjoni tkun ikkonformat ma’ dan il-prinċipju, il-parti kkonċernata tkun tinsab f’sitwazzjoni inqas favorevoli minn dik li kienet tkun fiha f’każ ta’ kooperazzjoni sħiħa. Din l-aħħar konstatazzjoni hija barra minn hekk konformi mal-formulazzjoni ċara tal-Artikolu 18(6) tar-Regolament bażiku. It-tielet, u fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tispjega kif l-informazzjoni disponibbli użata kienet aħjar.

190    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-Kummissjoni ma għandhiex setgħa diskrezzjonali mingħajr limitu, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, u b’mod partikolari fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi u politiċi li huma għandhom jeżaminaw, b’tali mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ din is-setgħa wiesgħa ta’ evalwazzjoni għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkonstatati, tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Il‑Kummissjoni vs Hansol Paper, C‑260/20 P, EU:C:2022:370, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

191    Barra minn hekk, l-istħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-provi li fuqhom l-istituzzjonijiet ibbażaw il-konstatazzjonijiet tagħhom ma jikkostitwixxix evalwazzjoni ġdida tal-fatti li tieħu post dik magħmula mill-istituzzjonijiet. Dan l-istħarriġ ma jinterferixxix fis-setgħa wiesgħa ta’ evalwazzjoni tal-imsemmija istituzzjonijiet fil-qasam tal-politika kummerċjali, iżda sempliċement jirrileva jekk dawn l-elementi humiex ta’ natura li jissostanzjaw il-konklużjonijiet misluta minnhom. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali għandha mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda wkoll tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni rilevanti kollha li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn humiex ta’ natura li jkunu ta’ bażi għall-konklużjonijiet misluta minnhom (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Il‑Kummissjoni vs Hansol Paper, C‑260/20 P, EU:C:2022:370, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

192    F’dan il-każ, huwa stabbilit li, kif jirriżulta mill-premessi 327 sa 333 tar-Regolament ikkontestat, peress li r-rikorrenti ma setgħux jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni li hija qieset li kellha bżonn, hija ddeterminat il-valur normali ta’ Sinopec Ningxia abbażi tal-informazzjoni disponibbli fis-sens tal-Artikolu 18. Għal dan l-għan, hija qieset, għal kull tip ta’ prodott, l-ogħla valur normali fost dawk tal-produtturi-esportaturi l-oħra, li hija kienet stabbilixxiet b’applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku fir-rigward tal-fatturi ta’ produzzjoni li pproduċa l-produttur stess, bħall-fwar u bħall-elettriku ġġenerat direttament fis-sit ta’ produzzjoni tal-produttur-esportatur, kif jirriżulta mill-preċiżazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali. Il-Kummissjoni ma użatx, bħala informazzjoni disponibbli fis-sens tal-Artikolu 18, dik relatata ma’ Sinopec Chongqing, minħabba li l-proċess ta’ produzzjoni tagħha, ibbażat fuq iż-żejt, kien differenti minn dak ta’ Sinopec Ningxia, ibbażat fuq il-faħam, bħal dawk tal-produtturi-esportaturi l-oħra.

193    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, ladarba tkun ħadet konjizzjoni tal-fatt, mhux ikkontestat (ara l-punt 165 iktar ’il fuq), li r-rikorrenti ma kinux f’pożizzjoni li jipprovdulha l-informazzjoni neċessarja dwar Sinopec Ningxia, qabblet l-informazzjoni li kienet fil-pussess tagħha. Għaldaqstant, huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti jikkritikawha li ma wettqitx eżami komparattiv tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha, u dan minkejja li mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 188 iktar ’il fuq jirriżulta li hija ma kinitx obbligata tispjega kif l-informazzjoni disponibbli użata kienet aħjar.

194    Fir-rigward tal-fondatezza tal-għażla magħmula mill-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li, fl-eżerċizzju tas-setgħa wiesgħa tagħha ta’ evalwazzjoni, hija setgħet tikkunsidra, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li l-informazzjoni dwar Sinopec Chongqing ma kinitx l-informazzjoni l-iktar rilevanti, minħabba l-fatt li l-proċess ta’ produzzjoni ta’ Sinopec Ningxia kellu iktar xebh ma’ dak ta’ produtturi-esportaturi oħra milli ma’ dak ta’ Sinopec Chongqing, peress li din tal-aħħar kienet l-unika waħda li użat iż-żejt bħala materja prima, u mhux il-faħam. Fil-fatt, kif enfasizzat il-Kummissjoni fil-premessa 332 tar-Regolament ikkontestat, il-kalkolu tal-valur normali huwa bbażat fuq il-fatturi ta’ produzzjoni, inklużi l-materji primi u r-rata ta’ użu tagħhom.

195    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti l-oħra tar-rikorrenti.

196    L-ewwel, huma jinvokaw il-fatt li Sinopec Chongqing u Sinopec Ningxia jagħmlu parti mill-istess grupp, li dawn iż-żewġ kumpanniji jwettqu l-bejgħ tagħhom lejn l-Unjoni mill-istess kumpannija relatata Sinopec Central-China u li dawn il-kumpanniji kollha japplikaw tariffi simili, kemm fis-suq Ċiniż kif ukoll f’dak tal-Unjoni. Ir-rikorrenti jirreferu wkoll għall-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-informazzjoni finali, li fihom huma sostnew li dawn l-elementi ma kinux ikkontestati mill-fatt li l-proċess ta’ produzzjoni ta’ Sinopec Chongqing kien differenti minn dak ta’ Sinopec Ningxia.

197    Madankollu, qabel kollox, għandu jiġi rrilevat, li, f’każ ta’ kalkolu tal-valur normali, bħal f’dan il-każ, ma humiex rilevanti l-prezzijiet li dawn il-kumpanniji jitolbu fiċ-Ċina. Sussegwentement, il-kalkolu tal-valur normali skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku huwa indipendenti mill-prezz tal-esportazzjoni. Fl-aħħar nett, ma huwiex manifestament żbaljat li jiġi kkunsidrat li l-proċess ta’ produzzjoni jaffettwa l-kalkolu tal-valur normali skont din id-dispożizzjoni.

198    It-tieni, ir-rikorrenti, sostnuti minn Wegochem, isostnu li l-valuri normali tal-produtturi-esportaturi l-oħra ma jistgħux ikunu l-aqwa informazzjoni disponibbli, peress li dawn il-valuri normali ġew stabbiliti abbażi, parzjalment, ta’ informazzjoni disponibbli fis-sens tal-Artikolu 18.

199    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni, meta kkonfrontata bil-fatt li r-rikorrenti ma kinux f’pożizzjoni li jipprovdulha l-informazzjoni meħtieġa sabiex hija tkun tista’ taħdem il-valur normali ta’ Sinopec Ningxia abbażi tal-informazzjoni dwarha, kienet obbligata tuża l-informazzjoni disponibbli fis-sens tal-Artikolu 18. Għal dan l-għan, hija kellha tiddeċiedi liema kienet l-iktar informazzjoni rilevanti bejn l-informazzjoni dwar Sinopec Chongqing u dik dwar il-produtturi-esportaturi l-oħra. Għalkemm din l-informazzjoni tal-aħħar kienet, min-naħa tagħha, ġiet stabbilita, parzjalment, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, dik relatata ma’ Sinopec Chongqing kienet tikkonċerna lil kumpannija li l-proċess ta’ produzzjoni tagħha kien differenti minn dak ta’ Sinopec Ningxia b’mod iktar sinjifikattiv mill-proċessi ta’ produzzjoni tal-produtturi-esportaturi l-oħra.

200    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tas-setgħa wiesgħa tagħha ta’ evalwazzjoni, setgħet tibbaża ruħha fuq il-livell ta’ xebh bejn il-proċessi ta’ produzzjoni użati mill-produtturi-esportaturi sabiex tagħżel l-informazzjoni disponibbli rilevanti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, permezz ta’ sentenza tal-lum, Inner Mongolia Shuangxin Environment-Friendly Material vs Il‑Kummissjoni (T‑763/20), li għandha bħala suġġett rikors dirett kontra r-Regolament ikkontestat ippreżentat minn produttur-esportatur li l-informazzjoni tiegħu ntużat bħala informazzjoni disponibbli fis-sens tal-Artikolu 18 fir-rigward ta’ Sinopec Ningxia, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv ta’ dan il-produttur-esportatur ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Fl-aħħar nett, kif ġie kkonstatat fil-punti 170 sa 174 iktar ’il fuq, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, ma jeżistix prinċipju ġenerali li jipprekludi applikazzjoni doppja tal-imsemmi artikolu.

201    Konsegwentement, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta għażlet li tuża l-informazzjoni tal-produtturi-esportaturi l-oħra minflok dik ta’ Sinopec Chongqing.

202    It-tielet, ir-rikorrenti jinvokaw il-punt 27 tas-sentenza tat‑30 ta’ April 2013, Alumina vs Il‑Kunsill (T‑304/11, EU:T:2013:224). Skont dik is-sentenza, meta l-valur normali ma jkunx jista’ jiġi stabbilit skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku, il-kalkolu tiegħu skont l-Artikolu 2(3) u (6) ta’ dan ir-regolament huwa intiż li jistabbilixxi valur normali li jkun l-eqreb possibbli għall-prezz ta’ bejgħ tal-prodott, kif ikun kieku l-prodott inkwistjoni jkun mibjugħ fil-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali.

203    Madankollu, il-Kummissjoni ma teċċedix is-setgħa wiesgħa tagħha ta’ evalwazzjoni meta tqis li l-fatt li tibbaża ruħha fuq informazzjoni dwar kumpannija li tuża proċess ta’ produzzjoni differenti minn dak użat mill-kumpannija li l-valur normali tagħha għandu jinħadem ma huwiex l-aħjar mod sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 202 iktar ’il fuq.

204    Ir-raba’, ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq il-punti 121 u 137 tas-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2018, Distillerie Bonollo et vs Il‑Kunsill (T‑431/12, EU:T:2018:251), sabiex isostnu li d-differenzi relatati mal-proċessi ta’ produzzjoni ma humiex rilevanti.

205    Issa, fis-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2018, Distillerie Bonollo et vs Il‑Kunsill (T‑431/12, EU:T:2018:251), il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-prodott ikkonċernat kellu l-istess karatteristiċi u kien intiż għall-istess użi bażiċi, indipendentement mill-proċess ta’ produzzjoni użat, fost it-tnejn li kienu rilevanti. Minn dan hija kkonkludiet li ma kienx kontra l-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku li l-valur normali kkalkolat abbażi ta’ informazzjoni relatata ma’ wieħed mill-proċessi ta’ produzzjoni jiġi pparagunat mal-prezz tal-esportazzjoni kkalkolat abbażi ta’ informazzjoni dwar il-proċess l-ieħor ta’ produzzjoni.

206    F’dan il-każ, dan il-motiv ma jirrigwardax il-paragun bejn il-valur normali u l-prezz ta’ esportazzjoni, iżda l-paragun bejn informazzjoni differenti li l-Kummissjoni setgħet tuża, bħala informazzjoni disponibbli fis-sens tal-Artikolu 18, sabiex tistabbilixxi l-valur normali ta’ Sinopec Ningxia, li huwa paragun li fi tmiemu l-Kummissjoni kellha tagħżel l-iktar informazzjoni rilevanti.

207    Minn dan isegwi li l-ġurisprudenza invokata mir-rikorrenti ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta eskludiet li tibbaża ruħha fuq l-informazzjoni dwar Sinopec Chongqing, minħabba d-differenzi bejn il-proċess ta’ produzzjoni tagħha u dak ta’ Sinopec Ningxia.

208    Il-ħames, ir-rikorrenti jsostnu li, fid-dritt tal-WTO, jeżisti prinċipju ġenerali li jgħid li għandha tintuża informazzjoni kemm jista’ jkun qrib tal-produttur-esportatur inkwistjoni.

209    Ir-rikorrenti jibbażaw l-eżistenza ta’ dan l-allegat prinċipju ġenerali fuq il-punt 6.34 tar-rapport tal-Korp tal-Appell dwar it-tilwima “Unjoni Ewropea – Miżuri antidumping fuq il-bijodiżil mill-Arġentina”, adottat mill-KST fis‑26 ta’ Ottubru 2016 (WT/DS 473/AB/R), li huwa punt li fih tinsab interpretazzjoni tal-Artikolu 2.2.2 tal-Ftehim antidumping, li tirrigwarda l-ispejjeż BAĠ u l-profitt tal-produtturi-esportaturi. Issa, ir-rikorrenti ma humiex f’pożizzjoni li jiġġustifikaw kif ikun possibbli li tingħata interpretazzjoni b’analoġija, ma’ din id-dispożizzjoni, tal-Artikolu 6.8 tal-Ftehim antidumping, li jikkorrispondi għall-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, li huwa dispożizzjoni li l-ksur tagħha huwa invokat fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

210    Is-sitt, ir-rikorrenti jsostnu li, peress li, fil-kuntest tal-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, il-Kummissjoni ma attribwietx importanza għad-differenzi bejn il-proċess ta’ produzzjoni ta’ Kuraray u dawk tagħhom, hija ma setgħetx tikkunsidra li l-informazzjoni dwar il-valur normali ta’ Sinopec Chongqing ma kinitx l-aqwa informazzjoni disponibbli, minħabba l-fatt li l-proċess ta’ produzzjoni tagħha kien differenti minn dak ta’ Sinopec Ningxia. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet ma hijiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-valur normali. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tiegħu, ikkontestata minn Kuraray (ara l-punt 180 iktar ’il fuq).

211    Peress li ġie kkonstatat li l-Kummissjoni kellha d-dritt li twarrab, bħala informazzjoni rilevanti, l-informazzjoni dwar Sinopec Chongqing u peress li hija setgħet tuża dik relatata mal-produtturi-esportaturi l-oħra, hemm lok li tiġi eżaminata l-għażla tal-Kummissjoni li tikkonsisti f’li tuża, għal kull tip ta’ prodott mibjugħ minn Sinopec Ningxia, l-ogħla valur normali fost dawk tal-produtturi-esportaturi l-oħra.

212    Jekk, meta għażlet l-ogħla valur normali, il-Kummissjoni neċessarjament wettqet paragun bejn il-valuri normali tal-produtturi-esportaturi l-oħra, għandu jiġi vverifikat jekk, b’dan il-mod, kif isostnu r-rikorrenti, hija ssanzjonathomx minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tagħhom, bi ksur tal-prinċipji mfakkra fil-punt 187 iktar ’il fuq.

213    F’dan ir-rigward, minn naħa, mill-ġurisprudenza jirriżulta, li preżunzjoni, anki jekk il-konfutazzjoni tagħha tkun diffiċli, tibqa’ fil-limiti aċċettabbli sakemm tkun proporzjonata għall-għan leġittimu mfittex, sakemm teżisti l-possibbiltà li tiġi prodotta prova kuntrarja u sakemm id-drittijiet tad-difiża jkunu żgurati (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il‑Kummissjoni, C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata).

214    Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma riedx jistabbilixxi preżunzjoni legali li tippermetti li min-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-partijiet ikkonċernati jiġi dedott direttament li l-valur normali, għal kull tip ta’ prodott, ma huwiex inqas mill-ogħla, għal kull tip ta’ prodott, tal-valuri normali ta’ produtturi-esportaturi oħra li kkooperaw u, għaldaqstant, li teħles lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni minn kull rekwiżit ta’ prova. Madankollu, fid-dawl tal-possibbiltà, irrikonoxxuta mill-ġurisprudenza, fil-qasam ta’ miżuri ta’ difiża kummerċjali, li jiġu stabbiliti konklużjonijiet, anki definittivi, abbażi tal-informazzjoni disponibbli u li l-parti li ma tikkooperax jew li tikkoopera biss parzjalment tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli milli kieku kienet ikkooperat, huwa daqstant evidenti li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma awtorizzati jibbażaw ruħhom fuq sensiela ta’ indizji konkordanti li tippermettilhom jagħżlu, fost l-informazzjoni disponibbli, fis-sens tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, dik li hija l-iktar rilevanti. Kull soluzzjoni oħra fil-fatt tirriskja li tikkomprometti l-effettività tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali tal-Unjoni kull darba li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu kkonfrontati bir-rifjut ta’ kooperazzjoni fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-valur normali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Simon, Evers & Co., C‑21/13, EU:C:2014:2154, punti 36 u 37).

215    F’dan il-każ, fil-premessa 329 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni essenzjalment iddikjarat li, minħabba lakuni sinjifikattivi u serji fid-dikjarazzjoni tal-ispejjeż tal-produzzjoni, il-valur normali għal Sinopec Ningxia kien ġie kkalkolat bl-użu tal-informazzjoni pprovduta mill-produtturi-esportaturi l-oħra li kkooperaw. Hija żiedet li użat l-ogħla valur normali maħdum mill-produtturi-esportaturi l-oħra li kkooperaw.

216    Fil-premessa 333 tar-Regolament ikkontestat, wara li wieġbet għall-allegazzjonijiet li saru minn produttur-esportatur inkluż fil-kampjun u minn produttur wieħed tal-Unjoni kontra l-metodoloġija applikata fir-rigward ta’ Sinopec Ningxia, il-Kummissjoni rrilevat li, “[m]inħabba li l-Kummissjoni ma setgħetx tivverifika u għalhekk tuża d-data pprovduta minn Sinopec Ningxia għall-kostruzzjoni tal-valur normali tagħha, ma hemm l-ebda evidenza li tissuġġerixxi li l-valur normali ta’ Sinopec Ningxia għal kull tip ta’ prodott [kien] ikun inqas mill-ogħla valur normali għal kull tip ta’ prodott tal-produtturi l-oħra li kkooperaw li [kienu użaw] materja prima simili”.

217    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni barra minn hekk irrikonoxxiet, matul is-seduta, li, fil-premessa 333 tar-Regolament ikkontestat, hija kienet applikat preżunzjoni li l-valur normali, għal kull tip ta’ prodott, ta’ Sinopec Ningxia ma kienx inqas mill-ogħla, għal kull tip ta’ prodott, tal-valuri normali tal-produtturi-esportaturi l-oħra.

218    Għaldaqstant, għandu jiġi osservat li, fil-premessi 329 u 333 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni, wara l-konstatazzjoni tal-assenza ta’ kooperazzjoni min-naħa tar-rikorrenti, applikat preżunzjoni li l-valur normali, għal kull tip ta’ prodott, ta’ Sinopec Ningxia ma huwiex inqas mill-ogħla, għal kull tip ta’ prodott, tal-valuri normali tal-produtturi-esportaturi l-oħra.

219    Barra minn hekk, il-Kummissjoni, mistoqsija waqt is-seduta speċifikament fuq il-kwistjoni dwar jekk il-fajl kienx fih elementi li jippermettu li jiġi ġġustifikat b’mod pożittiv l-użu sistematiku, għal Sinopec Ningxia, tal-ogħla valur normali fost dawk tal-produtturi-esportaturi l-oħra, wieġbet li l-element tal-fajl li fuqu hija bbażat ruħha kien l-assenza ta’ kooperazzjoni min-naħa tar-rikorrenti.

220    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, meta applikat il-preżunzjoni msemmija iktar ’il fuq, wettqet żball ta’ liġi. Fil-fatt, skont ir-raġunament segwit mill-Kummissjoni, sabiex il-preżunzjoni msemmija fil-punt 218 iktar ’il fuq tkun tista’ tiġi kkonfutata, ir-rikorrenti kellhom jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni li l-assenza ta’ produzzjoni tagħha tikkostitwixxi preċiżament il-fattur li wassal għall-użu mill-Kummissjoni tal-informazzjoni disponibbli fis-sens tal-Artikolu 18.

221    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, dan il-motiv għandu jintlaqa’ sa fejn il-Kummissjoni kkalkolat il-valur normali ta’ Sinopec Ningxia billi użat, għal kull tip ta’ prodott, l-ogħla valur normali fost dawk tal-produtturi-esportaturi l-oħra, u l-kumplament ta’ dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq irraba’ motiv, ibbażat fuq ilksur talArtikolu 3(2) u (3) tarRegolament bażiku fiddeterminazzjoni tattwaqqigħ talprezzijiet u talksur talArtikolu 3(6) talistess regolament

222    Ir-raba’ motiv huwa kompost minn tliet partijiet, kollha relatati mal-ksur tal-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku. B’mod iktar partikolari, dawn il-partijiet huma bbażati, l-ewwel waħda, fuq in-nuqqas ta’ analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet għal kull segment tas-suq, it-tieni waħda, fuq l-assenza ta’ aġġustament li jippermetti li tittieħed inkunsiderazzjoni d-differenza fil-kwalità bejn, minn naħa, il-PVAL importati u, min-naħa l-oħra, il-PVAL prodotti fl-Unjoni u, it-tielet waħda, fuq in-nuqqas ta’ stabbiliment tat-twaqqigħ tal-prezzijiet għall-prodott ikkonċernat kollu kemm hu. Ir-rikorrenti jinvokaw ukoll il-ksur korrelattiv tal-Artikolu 3(6) ta’ dan ir-regolament.

223    Peress li l-Kummissjoni, minbarra li tikkontesta l-fondatezza ta’ dan il-motiv, issostni li dan ma huwiex effettiv, hemm lok li qabel kollox tiġi eżaminata din il-kwistjoni.

 Fuq innatura effettiva tarraba’ motiv

224    Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, motiv li, anki fil-każ li jkun fondat, ma jkunx idoneu sabiex iwassal għall-annullament mitlub mir-rikorrent, huwa meqjus bħala ineffettiv (digriet tas‑26 ta’ Frar 2013, Castiglioni vs Il‑Kummissjoni, T‑591/10, mhux ippubblikat, EU:T:2013:94, punt 45, u s-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2015, Franza vs Il‑Kummissjoni, T‑1/12, EU:T:2015:17, punt 73; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2000, EFMA vs Il‑Kunsill, C‑46/98 P, EU:C:2000:474, punt 38).

225    Il-Kummissjoni ssostni li, fir-Regolament ikkontestat, minbarra li eżaminat it-twaqqigħ tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet, hija kkonstatat l-eżistenza ta’ ffriżar tal-prezzijiet tal-PVAL mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni, kif jirriżulta mill-premessi 460 sa 473, 462 u 490 ta’ dan ir-regolament. Ir-rikorrenti ma spjegawx kif il-konstatazzjonijiet tagħha dwar dan l-iffriżar huma insuffiċjenti sabiex isostnu l-konklużjoni tagħha li l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping ikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, ir-raba’ motiv, li permezz tiegħu r-rikorrenti jikkontestaw l-eżami tat-twaqqigħ tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet, ikun ineffettiv.

226    Ir-rikorrenti jwieġbu li s-sempliċi dikjarazzjonijiet, mhux sostnuti minn provi, dwar l-iffriżar tal-prezzijiet ma jippermettux li jiġi rrimedjat il-ksur tal-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku li huma jinvokaw permezz ta’ dan il-motiv.

227    Għandu jitfakkar il-kliem tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku, li huwa fformulat kif ġej:

“1.      Taħt dan ir-Regolament, it-terminu ‘dannu’ għandu, sakemm mhux speċifikat mod ieħor, jinftiehem li jfisser dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni, theddida ta’ dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni jew dewmien materjali fl-istabbiliment ta’ tali industrija u għandu jiġi interpretat skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

2.      Id-dannu għandu jiġi determinat billi jkun ibbażat fuq evidenza pożittiva u għandu jinvolvi eżami objettiv ta’:

(a)      il-volum ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u l-effett tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet fis-suq tal- Unjoni għal prodotti simili; u

(b)      l-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni.

3.      Fir-rigward tal-volum tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, għandu jittieħed kont ta’ jekk kienx hemm żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, kemm jekk f’termini assoluti kif ukoll jekk relattivament għall-produzzjoni jew għall-konsum fl-Unjoni. Fir-rigward tal-effett tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fuq prezzijiet, għandu jittieħed kont ta’ jekk kienx hemm undercutting sinifikanti fil-prezzijiet tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping meta mqabbla mal-prezz ta’ prodott simili tal-industrija tal-Unjoni, jew jekk l-effett ta’ tali importazzjonijiet huwiex mod ieħor biex iwaqqa’ l-prezzijiet għal grad sinifikanti jew biex jipprevjeni żidiet fil-prezz, li b’mod ieħor kienu jseħħu, sa grad sinifikanti. L-ebda wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi ma jista neċessarjament jagħti gwida deċiżiva.

[…]

5. L-eżami tal-impatt tal-prodotti li huma l-oġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Unjoni konċernata għandha tinkludi evalwazzjoni tal-fatturi ekonomiċi rilevanti kollha u l-indiċi kollha li għandhom effett fuq l-istat tal-industrija […]

6. Għandu jintwera, mill-evidenza rilevanti kollha ppreżentata relattivament għall-paragrafu 2, li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping qegħdin jikkawżaw dannu fis-sens ta’ dan ir-Regolament. B’mod speċifiku, dan għandu jinvolvi li jintwera li l-volum u/jew il-livelli tal-prezzijiet identifikati skont il-paragrafu 3 huma responsabbli għal impatt fuq l-industrija tal-Unjoni kif previst fil-paragrafu 5, u li dak l-impatt jeżisti sa grad li jagħmlu possibbli li jiġi kklassifikat bħala materjali.”

228    Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2), (3), (5) u (6) tar-Regolament bażiku jippreżentaw xebh importanti, jew saħansitra identiċità ma’ dawk tal-Artikolu 3.1, tal-Artikolu 3.2 u tal-Artikolu 3.5 tal-Ftehim antidumping. Għaldaqstant, japplikaw il-prinċipji mfakkra fil-punti 20 sa 22.

229    Skont ir-rapport tal-Korp tal-Appell dwar it-tilwima “Ċina – Dazji Kumpensatorji u Dazji Antidumping fuq l-Azzar Elettriku Rromblat Ċatt Orjentat fuq Fili li Joriġina mill-Istati Uniti”, adottat mill-KST fis‑16 ta’ Novembru 2012 (WT/DS 414/AB/R, punt 137), l-elementi rilevanti għall-eżami tat-twaqqigħ sinjifikattiv tal-prezzijiet jistgħu jkunu differenti minn dawk li huma rilevanti għall-eżami tat-tnaqqis sinjifikattiv tal-prezzijiet jew tal-impediment sinjifikattiv ta’ żidiet fil-prezzijiet. Konsegwentement, anki jekk il-prezzijiet tal-importazzjonijiet koperti ma jitnaqqsux b’mod sinjifikattiv meta mqabbla mal-prezzijiet tal-prodotti domestiċi simili, dawn l-importazzjonijiet xorta jista’ jkollhom effett ta’ tnaqqis fil-prezzijiet jew li jimpedixxu żidiet fil-prezzijiet fuq il-prezzijiet domestiċi.

230    Bl-istess mod, mir-rapport tal-Bord dwar it-tilwima “Korea – Dazji antidumping fuq il-valvi pnewmatiċi li joriġinaw mill-Ġappun”, adottat mill-KST fit‑30 ta’ Settembru 2019 (WT/DS 504/R, punt 7.299), jirriżulta li, għalkemm l-eżistenza ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet hija ta’ spiss invokata bħala element li jagħti x’jifhem li l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping għandhom l-effett li jwaqqgħu l-prezzijiet jew li jipprevjenu żidiet fil-prezzijiet mitluba mill-industrija tal-pajjiż importatur, l-awtorità kompetenti tista’ debitament tikkunsidra li l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping għandhom l-effett li jwaqqgħu l-prezzijiet jew li jipprevjenu żidiet fil-prezzijiet anki fl-assenza ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet.

231    F’dan il-każ, il-partijiet jaqblu fuq il-fatt li, bħala prinċipju, l-iffriżar tal-prezzijiet mitluba mill-industrija tal-Unjoni jista’ jseħħ anki fin-nuqqas ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet.

232    Madankollu, filwaqt li, skont il-Kummissjoni, il-konstatazzjonijiet li jinsabu fir-Regolament ikkontestat dwar l-eżistenza ta’ ffriżar tal-prezzijiet mitluba mill-industrija tal-Unjoni huma indipendenti minn dawk li jikkonċernaw it-twaqqigħ tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet, ir-rikorrenti jsostnu li dan l-iffriżar huwa konsegwenza ta’ dan it-twaqqigħ tal-prezzijiet.

233    Għandu jitfakkar li l-premessa 490 tar-Regolament ikkontestat hija redatta kif ġej:

“L-analiżi tal-indikaturi tad-dannu fil-premessi minn (398) sa (478) turi li s-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni marret għall-agħar matul il-perjodu kkunsidrat u dan ikkoinċida ma’ żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat, li nstabu li kienu qed iwaqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni u qed jikkawżaw soppressjoni tal-prezzijiet sinifikanti, billi l-industrija tal-Unjoni ma kinitx kapaċi żżid il-prezzijiet tagħha skont iż-żieda fil-kost tal-produzzjoni.”

234    Minħabba l-unika konġunzjoni “u” li tinsab, f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi tar-Regolament ikkontestat, bejn l-espressjonijiet “qed iwaqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni” u “qed jikkawżaw soppressjoni tal-prezzijiet sinifikanti”, il-premessa 490 tal-imsemmi regolament tista’ tinqara fis-sens li ż-żieda qawwija tal-importazzjonijiet Ċiniżi wasslet, minn naħa, għal twaqqigħ tal-prezzijiet u, min-naħa l-oħra, għal iffriżar tal-prezzijiet li huwa awtonomu meta mqabbel mat-twaqqigħ tal-prezzijiet.

235    Madankollu, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-Regolament ikkontestat fihx analiżi tar-rabta bejn dan l-iffriżar tal-prezzijiet u ż-żieda fl-importazzjonijiet li hija bbażata fuq elementi differenti minn dawk relatati mat-twaqqigħ tal-prezzijiet.

236    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinvoka l-premessi 460 sa 462 u 473 tar-Regolament ikkontestat.

237    Mill-premessi 460 sa 462 u 473 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-Kummissjoni studjat l-evoluzzjoni tal-prezzijiet ta’ bejgħ mitluba mill-industrija tal-Unjoni u kkonstatat li dawn il-prezzijiet kienu żdiedu b’14 % matul il-perijodu kkunsidrat, filwaqt li l-ispiża unitarja tal-produzzjoni kienet żdiedet b’24 %, minħabba ż-żieda fil-prezz tal-materja prima ewlenija użata. Hija rrilevat li l-pressjoni fuq il-prezzijiet eżerċitata mill-importazzjonijiet Ċiniżi kienet ipprekludiet lill-industrija tal-Unjoni milli żżid iktar il-prezzijiet tagħha u milli tikkumpensa għal din iż-żieda.

238    Minn dan isegwi li l-premessi 460 sa 462 u 473 tar-Regolament ikkontestat ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li l-iffriżar tal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni jirriżulta minn fatturi oħra li ma humiex it-twaqqigħ tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet. Fil-fatt, ir-raġuni għaliex din l-industrija, minkejja ż-żieda sinjifikattiva fl-ispiża unitarja tal-produzzjoni, ma żiditx il-prezzijiet tagħha b’mod korrispondenti hija l-pressjoni eżerċitata mill-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping. Din il-pressjoni tirriżulta mill-fatt li l-prezzijiet mitluba mill-produtturi-esportaturi Ċiniżi huma iktar baxxi minn dawk tal-industrija tal-Unjoni, li jikkorrispondi għall-eżistenza ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet.

239    Barra minn hekk, huwa b’mod żbaljat li l-Kummissjoni tinvoka l-punti 95 sa 99 tas-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2022, Methanol Holdings (Trinidad) vs Il‑Kummissjoni (T‑744/19, taħt appell, EU:T:2022:558), u l-punti 257 sa 261 tas-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2022, Nevinnomysskiy Azot u NAK “Azot” vs Il‑Kummissjoni (T‑865/19, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2022:559). Fil-fatt, qabelxejn, fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn is-sentenzi, il-kwistjoni ttrattata fil-punti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha kienet tirrigwarda l-ammissibbiltà ta’ lment imqajjem fir-replika, filwaqt li, f’dan il-każ, ir-raba’ motiv tqajjem fir-rikors. Barra minn hekk, f’dawn iż-żewġ sentenzi, fil-punti li jsegwu immedjatament dawk li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li kienet teżisti rabta bejn, minn naħa, it-twaqqigħ tal-prezzijiet u, min-naħa l-oħra, it-tnaqqis u l-iffriżar tal-prezzijiet. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma attribwixxietx valur awtonomu għat-tnaqqis jew għall-iffriżar tal-prezzijiet fil-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni.

240    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ir-raba’ motiv huwa effettiv, b’tali mod li għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-fondatezza tiegħu.

 Fuq ilfondatezza tarraba’ motiv


 Fuq lewwel parti

241    Ir-rikorrenti jsostnu li, kuntrarjament għal dak li qieset il-Kummissjoni fir-Regolament ikkontestat, is-suq tal-PVAL huwa maqsum f’żewġ segmenti. L-ewwel segment ikopri l-gradi ta’ PVAL ta’ kwalità għolja, ikkaratterizzati minn firxa dejqa ta’ viskożità u ta’ idroliżi, minn kontenut baxx ta’ metanol, minn kontenut baxx ta’ rmied u minn partikuli iżgħar. Dawn il-gradi ta’ PVAL jinbiegħu bi prezzijiet ogħla. It-tieni segment jikkonċerna l-gradi ta’ kwalità inferjuri, ikkaratterizzati minn firxa wiesgħa ta’ viskożità u ta’ idroliżi, b’kontenut għoli ta’ metanol, minn kontenut għoli ta’ rmied u minn partikuli ikbar. Dawn il-gradi ta’ PVAL jinbiegħu bi prezzijiet iktar baxxi.

242    Ir-rikorrenti jenfasizzaw li, għalkemm, fit-teorija, ċerti industriji li jużaw gradi ta’ PVAL ta’ kwalità inferjuri jistgħu jduru lejn gradi ta’ PVAL ta’ kwalità superjuri, tali bidla ma tagħmilx sens minn perspettiva ekonomika. L-industriji li jużaw gradi ta’ PVAL ta’ kwalità superjuri, min-naħa tagħhom, ma jistgħux jissostitwixxuhom bi gradi ta’ kwalità agħar.

243    Minħabba differenzi sinjifikattivi f’termini ta’ prezz u ta’ kwalità bejn il-gradi ta’ PVAL li jaqgħu taħt l-ewwel jew it-tieni segment tas-suq imsemmija iktar ’il fuq, dawn il-gradi ma humiex direttament interkambjabbli min-naħa tad-domanda.

244    Skont ir-rikorrenti, peress li s-suq tal-PVAL huwa maqsum bejn iż-żewġ segmenti msemmija iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kienet obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza tagħhom fl-analiżi tagħha tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li diversi produtturi Ċiniżi kienu jipproduċu prinċipalment PVAL li jaqgħu taħt is-segment inferjuri, filwaqt li l-PVAL prodotti fl-Unjoni kienu ġeneralment jappartjenu għas-segment superjuri.

245    Insostenn tal-argumenti tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw b’mod partikolari r-rapport tal-Korp tal-Appell dwar it-tilwima “Ċina – Miżuri li jimponu dazji antidumping fuq it-tubi, mingħajr saldatura, ta’ stainless steel prestazzjoni għolja li joriġinaw mill-Ġappun”, adottat mill-KST fit‑28 ta’ Ottubru 2015 (WT/DS 454/AB/R, punt 5.181) (iktar ’il quddiem ir-“rapport HP-SSST”).

246    Wara l-għoti tas-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube (C‑891/19 P, EU:C:2022:38), ir-rikorrenti, bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ippreċiżaw l-argumenti tagħhom fid-dawl tat-tagħlim li jirriżulta minn din is-sentenza, li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Hubei Xinyegang Special Tube vs Il‑Kummissjoni (T‑500/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:691), li huma kienu invokaw fin-noti tagħhom. Fil-fehma tagħhom, dan il-każ jikkorrispondi għat-tliet ċirkustanzi eċċezzjonali, li jirriżultaw mill-imsemmija sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex il-Kummissjoni ma tkunx tista’ sempliċement teżamina t-twaqqigħ tal-prezzijiet abbażi tan-numri ta’ kontroll ta’ prodott (iktar ’il quddiem il-“NKP”), iżda tkun obbligata twettaq analiżi skont is-segment tas-suq. Fil-fatt, l-ewwel, is-suq tal-PVAL huwa kkostitwit minn żewġ segmenti distinti, it-tieni, il-prezzijiet tal-PVAL huma sostanzjalment differenti skont is-segment u, it-tielet, il-bejgħ tal-PVAL prodotti mill-industrija tal-Unjoni huwa kkonċentrat fuq is-segment tal-PVAL ta’ kwalità għolja, filwaqt li l-importazzjonijiet li ġejjin miċ-Ċina huma kkonċentrati fuq is-segment tal-PVAL ta’ kwalità iktar baxxa.

247    Il-Kummissjoni, sostnuta minn Kuraray u minn Sekisui, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

248    Id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku tfakkru fil-punt 227 iktar ’il fuq.

249    Skont il-ġurisprudenza, il-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz tal-importazzjonijiet jitwettaq, skont l-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni minħabba dawn l-importazzjonijiet u jintuża, b’mod iktar wiesa’, bl-għan li jiġi evalwat dan id-dannu u li jiġi ddeterminat il-marġni ta’ dannu, jiġifieri l-livell ta’ eliminazzjoni tal-imsemmi dannu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni, T‑301/16, EU:T:2019:234, punt 176). Għal dan l-għan, il-Kummissjoni tgawdi minn setgħa wiesgħa ta’ evalwazzjoni (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

250    Ir-Regolament bażiku ma jinkludix definizzjoni tal-kunċett ta’ “twaqqigħ tal-prezz” u ma jipprevedix metodu għall-kalkolu ta’ dan tal-aħħar (sentenzi tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punt 73; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni, T‑301/16, EU:T:2019:234, punt 175).

251    Madankollu, mill-kliem stess tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku jirriżulta li l-metodu segwit sabiex jiġi ddeterminat eventwali twaqqigħ tal-prezzijiet għandu, bħala prinċipju, jintuża fil-livell tal-“prodott simili”, fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-imsemmi regolament, anki jekk dan jista’ jkun ikkostitwit minn diversi tipi ta’ prodotti li jaqgħu taħt diversi segmenti tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

252    Għaldaqstant, ir-Regolament bażiku, bħala prinċipju, ma jobbligax lill-Kummissjoni twettaq analiżi tal-eżistenza tat-twaqqigħ tal-prezzijiet f’livell differenti minn dak tal-prodott simili (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punt 75).

253    Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-punt 5.180 tar-rapport HP‑SSST, invokat mir-rikorrenti, li jipprovdi li l-awtorità kompetenti ma hijiex obbligata, skont l-Artikolu 3.2 tal-Ftehim antidumping, tistabbilixxi l-eżistenza ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet għal kull wieħed mit-tipi ta’ prodott ikkonċernati mill-investigazzjoni jew fir-rigward tal-firxa kollha tal-prodotti li jikkostitwixxu l-prodott nazzjonali simili (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punt 76).

254    Madankollu, kif jikkonferma l-punt 5.180 tar-rapport HP-SSST, peress li, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni hija obbligata twettaq “eżami oġġettiv” tal-effett tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet tal-prodotti simili tal-industrija tal-Unjoni, din l-istituzzjoni hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni, fl-analiżi tagħha tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, il-provi pożittivi rilevanti kollha, inkluż, jekk ikun il-każ, dawk relatati mad-diversi segmenti tas-suq tal-prodott ikkunsidrat (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punt 77).

255    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-eżami tat-twaqqigħ tal-prezzijiet abbażi ta’ metodu li jikkonsisti fit-twettiq ta’ paragun NKP b’NKP (iktar ’il quddiem il-“metodu NKP”) jippermetti, sa ċertu punt, li tittieħed inkunsiderazzjoni l-eventwali segmentazzjoni tas-suq tal-prodott ikkunsidrat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punti 106, 113 u 114).

256    Xorta jibqa’ l-fatt li, sabiex tiżgura l-oġġettività tal-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, il-Kummissjoni tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun obbligata twettaq tali analiżi fil-livell tas-segmenti tas-suq tal-prodott inkwistjoni, anki jekk is-setgħa wiesgħa ta’ evalwazzjoni li għandha din l-istituzzjoni, b’mod partikolari għad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu (ara l-punt 249 iktar’ il fuq), testendi, tal-inqas, għad-deċiżjonijiet dwar l-għażla tal-metodu ta’ analiżi, għall-informazzjoni u għall-provi li għandhom jinġabru, għall-metodu ta’ kalkolu li għandu jintuża sabiex jiġi ddeterminat il-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet kif ukoll għall-interpretazzjoni u għall-evalwazzjoni tal-informazzjoni miġbura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punt 78).

257    Għalhekk, analiżi komplementari tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, li tikkonsisti, minbarra l-applikazzjoni tal-metodu NKP, fit-tqabbil tal-prezzijiet f’kull segment, tista’ tiġi imposta fuq il-Kummissjoni f’ċerti ċirkustanzi eċċezzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punt 111).

258    Dawn iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali jirrigwardaw kemm l-eżistenza ta’ segmentazzjoni kkaratterizzata tas-suq tal-prodott ikkunsidrat li timplika varjazzjonijiet sinjifikattivi bejn is-segmenti tas-suq (iktar ’il quddiem l-“ewwel kundizzjoni”) kif ukoll sitwazzjoni kkaratterizzata minn konċentrazzjoni qawwija ta’ bejgħ domestiku u ta’ importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping f’segmenti distinti (iktar ’il quddiem it-“tieni kundizzjoni”) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punti 79 sa 81, 110 u 111).

259    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet u ta’ dawk dwar il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju esposti fil-punti 190 u 191 iktar ’il fuq li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti invokati insostenn ta’ din il-parti tar-raba’ motiv.

260    Fir-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni rrilevat dan li ġej:

“(60)      L-informazzjoni miġbura matul l-investigazzjoni wriet ukoll li xi wħud minn dawn il-gradi (mibjugħa kemm mill-industrija tal-Unjoni kif ukoll mill-produtturi esportaturi) għandhom firxa wiesgħa ta’ applikazzjoni u, ġeneralment, għandhom prezz aktar baxx. Gradi oħra aktar speċjalizzati mfassla għal applikazzjonijiet bi speċifikazzjonijiet stretti (bħal prodotti farmaċewtiċi jew il-produzzjoni tal-film PVB) bħala medja huma aktar għaljin. Dawn il-gradi jinbiegħu wkoll mill-produtturi tal-Unjoni u tal-produtturi esportaturi.

(61)      Minkejja għadd kbir ta’ gradi, il-Kummissjoni sabet li ma hemm l-ebda segment definit fis-suq tal-PVA. Utenti differenti jistgħu jiksbu għadd ta’ gradi ta’ PVA, skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa tagħhom. Għal xi utenti, il-kontenut ta’ rmied huwa l-aktar element importanti, għal oħrajn il-viskożità, u xi wħud jistgħu l-biċċ l-kbira jużaw kwalunkwe speċifikazzjoni. Kull industrija tal-utenti tista’ tuża sett differenti ta’ gradi ta’ PVA b’mod interkambjabbli. Minkejja li ċerti utenti […] huma aktar limitati f’termini tal-għadd ta’ gradi li jistgħu jużaw, il-firxa ta’ gradi tagħhom għadha tikkoinċidi ma’ tip ieħor ta’ utenti, li jistgħu jiksbu firxa usa’ ta’ gradi.

(62)      Għar-raġunijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-gradi kollha jikkompetu ma’ xulxin, għall-inqas sa ċertu punt, u għalhekk analiżi segmentali ma kinitx ġustifikata u lanqas xierqa f’dan il-każ […]

(64)      L-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni kkonfermat li l-gradi differenti, kif spjegat fil-premessa (61), huma interkambjabbli bejniethom, tal-inqas sa ċertu punt. Anki jekk huwa minnu li ċerti utenti jistgħu jiksbu biss sett limitat ta’ gradi għall-applikazzjoni tagħhom, dawn il-gradi ma jirrelatawx esklussivament mal-industrija downstream ta’ utent wieħed iżda jikkoinċidu mal-gradi miksuba minn applikazzjonijiet downstream oħra. Barra minn hekk, l-investigazzjoni żvelat li l-produtturi esportaturi Ċiniżi jipprovdu gradi għall-erba’ applikazzjonijiet ewlenin tal-PVA u jikkompetu b’mod sħiħ mal-gradi mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni.

[…]

(78)       [I]d-diversi gradi ta’ PVA jikkondividu l-karatteristiċi bażiċi u l-użi tagħhom huma fil-biċċa l-kbira identiċi u interkambjabbli. Il-livelli tal-kontenut ta’ rmied jew ta’ metanol weħidhom ma jiddefinixxux l-applikazzjonijiet jew il-prezz tal-prodott ikkonċernat, minħabba li hija l-kombinazzjoni mal-karatteristiċi rilevanti l-oħrajn, bħall-viskożità u l-idroliżi, li tiddefinixxi l-karatteristiċi tal-grad, l-użu finali possibbli tiegħu u l-prezz tal-bejgħ.

(79)      L-evidenza miġbura fl-investigazzjoni żvelat li d-differenza medja fil-prezz bejn il-gradi tal-PVA b’ ‘kontenut baxx ta’ rmied’ kontra dawk b’‘kontenut standard ta’ rmied’ hija ta’ madwar 10 %. Madankollu, il-prezzijiet tal-PVA jistgħu jvarjaw sa 40 % bejn il-gradi tal-PVA bl-istess kontenut ta’ rmied. Barra minn hekk, ċerti gradi allegatament orħos b’kontenut ta’ rmied ‘standard’ jistgħu jkunu sa 27 % aktar għaljin minn dawk bi gradi ta’ ‘kontenut baxx ta’ rmied’. Għalhekk, ma jistax jiġi konkluż, kif affermat mill-partijiet interessati, li s-suq tal-Unjoni kien maqsum f’PVAL ta’ kwalità għolja (manifatturat mill-industrija tal-Unjoni) u PVAL ta’ kwalità baxxa (importat [miċ-Ċina]) abbażi tal-kontenut ta’ rmied u ta’ metanol, u lanqas li din l-allegata qasma hija riflessa fil-prezzijiet u fl-ispiża tal-produzzjoni. Għall-kuntrarju, kif spjegat hawn fuq fil-premessi minn (58) sa(62), diversi gradi bi speċifikazzjonijiet allegatament ‘standard’ huma wkoll f’kompetizzjoni ma’ gradi ta’ livell allegatament ‘għoli’ tal-prodott simili.”

261    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni eskludiet kemm l-eżistenza ta’ segmentazzjoni kkaratterizzata mis-suq tal-PVAL kif ukoll il-konċentrazzjoni qawwija tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni u tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping f’żewġ segmenti distinti.

262    Peress li l-Kummissjoni kienet obbligata twettaq eżami oġġettiv tat-twaqqigħ tal-prezzijiet (ara l-punti 254 u 256 iktar ’il fuq), għandu jiġi vverifikat jekk il-konstatazzjonijiet tagħha humiex suffiċjentement sostnuti mill-elementi tal-fajl tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, inklużi dawk li ma humiex espliċitament imsemmija fir-Regolament ikkontestat (ara l-punt 152 iktar ’il fuq).

263    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni tippreċiża l-elementi tal-fajl li ppermettewlha teskludi kemm l-eżistenza ta’ suq segmentat kif ukoll il-konċentrazzjoni tal-importazzjonijiet u tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni f’segmenti distinti.

264    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rreferiet għat-tweġibiet tal-utenti ta’ PVAL għat-talba tagħha għal informazzjoni dwar ix-xiri tagħhom ta’ PVAL għal kull NKP u għall-informazzjoni li pprovditilha Kuraray.

265    Fir-rigward tal-assenza ta’ segmentazzjoni kkaratterizzata, il-Kummissjoni pproduċiet eżempju tat-talba tagħha għal informazzjoni, filwaqt li hija ma pproduċietx it-tweġibiet li rċeviet, ikklassifikati bħala kunfidenzjali. Hija ppreżentat ukoll estratt mis-sit internet ta’ Kuraray. Waqt is-seduta, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, il-Kummissjoni ppreċiżat li verżjoni preċedenti ta’ dan l-estratt kien jinsab fil-fajl tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat.

266    Għandu jiġi kkonstatat li l-estratt mis-sit internet ta’ Kuraray juri li diversi gradi ta’ PVAL jintużaw prinċipalment kemm f’industriji li huma mistennija jużaw PVAL ta’ kwalità għolja kif ukoll f’industriji li huma mistennija jużaw PVAL ta’ kwalità inqas għolja. Kif tosserva l-Kummissjoni, diversi gradi ta’ PVAL użati mill-industrija tal-karta u tal-adeżivi huma użati wkoll mill-industrija tal-polimerizzazzjoni ta’ emulsjoni u fil-produzzjoni tal-butiral tal-polivinil. Konsegwentement, dan l-estratt jippermetti li jiġi kkonfermat li s-suq tal-PVAL ma jippreżentax segmentazzjoni kkaratterizzata.

267    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, peress li l-ewwel kundizzjoni tirrigwarda l-eżistenza ta’ segmentazzjoni kkaratterizzata tal-prodott inkwistjoni, sabiex jiġi eskluż li din tkun issodisfatta, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, ma huwiex neċessarju li l-utenti kollha jkunu jistgħu jixtru mingħajr distinzjoni l-gradi kollha ta’ PVAL u li għalhekk teżisti interkambjabbiltà totali ta’ dawn il-gradi.

268    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, l-ewwel kundizzjoni ma hijiex issodisfatta.

269    Għaldaqstant, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar it-tieni kundizzjoni, jista’ diġà jitqies li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata twettaq analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet addizzjonali meta mqabbla ma’ dik ibbażata fuq il-metodu NKP.

270    Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, għandu jiġi rrilevat dan li ġej.

271    Il-proċess ta’ din il-kawża jinkludi tliet tabelli, li kienu jinsabu fil-fajl tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, dwar kull wieħed mit-tliet produtturi-esportaturi prinċipali Ċiniżi li kkooperaw, fosthom ir-rikorrenti. Dawn it-tabelli juru l-kwantitajiet ta’ PVAL, għal kull NKP, importati fl-Unjoni. Min-naħa l-oħra, għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, dawn it-tabelli ma jurux il-bejgħ kunsiderevoli mwettaq minn Kuraray għal kull NKP. L-istudju taċ-ċifri li jinsabu f’dawn it-tabelli jippermetti li jiġi stabbilit li l-importazzjonijiet, meħuda fl-intier tagħhom, ikopru tmien NKP differenti, fil-verżjonijiet riveduti tagħhom, mhux ikkontestati mir-rikorrenti, u li l-kwantitajiet relatati ma’ tnejn minn dawn in-NKP huma ekwivalenti, għal kull wieħed minnhom, għal madwar 29 % tat-total tal-importazzjonijiet ta’ dawn il-produtturi-esportaturi, filwaqt li l-kwantitajiet relatati mas-sitt NKP l-oħra jilħqu perċentwali ta’ bejn 3.24 u 9.54 %.

272    Konsegwentement, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-importazzjonijiet huma kkonċentrati b’mod qawwi, b’tali mod li, anki mingħajr l-informazzjoni dwar il-bejgħ ta’ Kuraray, għandu jiġi kkonstatat li t-tieni kundizzjoni ma hijiex issodisfatta.

273    Peress li l-kundizzjonijiet previsti mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 258 ma humiex issodisfatti, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata twettaq analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet addizzjonali meta mqabbla ma’ dik ibbażata fuq il-metodu NKP.

274    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tiġi miċħuda l-ewwel parti tar-raba’ motiv.

–       Fuq ittieni parti

275    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod korrett it-twaqqigħ tal-prezzijiet, peress li għamlet aġġustament ta’ 10 % sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-kwalità baxxa tal-PVAL importati miċ-Ċina f’termini ta’ kontenut ta’ rmied meta mqabbla ma’ dawk prodotti fl-Unjoni, iżda rrifjutat li tagħmel aġġustamenti oħra li jirriflettu d-differenzi kwalitattivi l-oħra bejn dawn il-PVAL.

276    Il-Kummissjoni, sostnuta minn Sekisui, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

277    Għandu jitfakkar li l-premessi rilevanti tar-Regolament ikkontestat huma fformulati kif ġej:

“(423) It-twaqqigħ tal-prezz tal-importazzjonijiet ġie stabbilit abbażi tad-data tal-produtturi esportaturi li kkooperaw fil-pajjiż ikkonċernat u d-data dwar il-bejgħ domestiku pprovduta mill-industrija tal-Unjoni għall-perjodu ta’ investigazzjoni […]

(424) It-tqabbil tal-prezzijiet sar fuq bażi ta’ tip b’tip għal tranżazzjonijiet fl-istess livell ta’ kummerċ, u wara tnaqqis tal-iskontijiet differiti. Meta meħtieġ, il-prezz tal-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat importat [miċ-Ċina] ġie aġġustat kif xieraq meta mqabbel mat-tip ta’ prodott komparabbli mibjugħ mill-industrija tal-Unjoni.

(425) Fir-rigward tad-differenzi f’ċerti karatteristiċi bejn il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili […] it-tipi ta’ prodotti importati [miċ-Ċina] jikkompetu mat-tipi ta’ prodotti manifatturati u mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni. Madankollu, billi l-kontenut ta’ rmied tal-PVA manifatturat u mibjugħ mill-produtturi esportaturi li kkooperaw kien ġeneralment ogħla mill-kontenut ta’ rmied tal-PVA manifatturat u mibjugħ mill-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni qieset li aġġustament kien ġustifikat biex jiġi żgurat tqabbil ġust bejn it-tipi ta’ prodotti Ċiniżi u dawk tal-UE abbażi tal-PCNs. Il-Kummissjoni stabbiliet l-aġġustament abbażi tad-differenza li nstabet għal importazzjonijiet tal-PVA b’kontenut għoli u baxx ta’ rmied minn pajjiżi terzi abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-utenti. Id-differenza fil-prezz ġiet stabbilita għal 10 %.

(426) Fuq din il-bażi, żdied aġġustament ta’ 10 % mal-prezz CIF tal-PVA b’kontenut għoli ta’ rmied mibjugħ mill-produtturi esportaturi li kkooperaw.

[…]

(429) Barra minn hekk, billi l-kontenut ta’ metanol u l-ippakkjar għandhom effett negliġibbli fuq il-prezzijiet […], il-Kummissjoni kkonkludiet li, għal skopijiet ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet, kien xieraq li jiġu injorati dawn il-karatteristiċi.”

278    Quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ppreċiżat li, kif jirriżulta minn kwestjonarju li hija kienet bagħtet lill-produtturi-esportaturi Ċiniżi, in-NKP kienu ġew stabbiliti abbażi ta’ ħames karatteristiċi tal-PVAL, jiġifieri l-viskożità tagħhom, il-grad ta’ idroliżi tagħhom, il-kontenut ta’ rmied tagħhom, il-kontenut ta’ metanol tagħhom u l-imballaġġ tagħhom.

279    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni qieset li kien neċessarju li jsir aġġustament ta’ żieda ta’ 10 % fil-prezzijiet ta’ ċerti tipi ta’ prodotti importati miċ-Ċina, li kienu jikkorrispondu, f’termini ta’ viskożità u ta’ grad ta’ idroliżi, għal tipi ta’ prodotti mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni, minħabba differenzi li jirrigwardaw il-kontenut ta’ rmied, li kien ogħla f’dawk tal-ewwel milli f’tat-tieni. Min-naħa l-oħra, hija eskludiet li d-differenzi f’termini ta’ kontenut ta’ metanol u ta’ imballaġġ jiġġustifikaw li jsiru aġġustamenti oħra.

280    Ir-rikorrenti ma jikkontestawx il-fondatezza tal-aġġustament ta’ 10 % magħmul mill-Kummissjoni minħabba d-differenzi fil-kontenut ta’ rmied, iżda jsostnu li kien meħtieġ aġġustament ieħor.

281    Madankollu, huma ma pproduċewx prova li tista’ turi li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li d-differenzi, f’termini ta’ kontenut ta’ metanol u ta’ imballaġġ, bejn tipi ta’ prodott komparabbli fir-rigward tal-viskożità tagħhom u tal-livell ta’ idroliżi tagħhom ma kinux jaffettwaw il-prezzijiet tagħhom b’mod sinjifikattiv.

282    Konsegwentement, it-tieni parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq ittielet parti

283    Ir-rikorrenti jsostnu li kemm mill-premessi 432 u 433 tar-Regolament ikkontestat kif ukoll mill-informazzjoni li huma setgħu kisbu mill-Kummissjoni u minn dik li l-produtturi-esportaturi l-oħra pprovdewlhom jirriżulta li l-Kummissjoni, fl-analiżi tagħha tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, qabblet 100 % tal-importazzjonijiet ta’ PVAL miċ-Ċina ma’ 82 % tal-bejgħ ta’ PVAL tal-industrija tal-Unjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni kkonstatat li kien hemm sovrappożizzjoni ta’ 82 % bejn in-NKP mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni u dawk mibjugħa mill-produtturi-esportaturi Ċiniżi. Għalhekk hija eskludiet 18 % tal-bejgħ magħmul mill-industrija tal-Unjoni mill-analiżi tagħha. B’dan il-mod, il-Kummissjoni tkun kisret l-obbligu, li jirriżulta mill-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku, li tistabbilixxi t-twaqqigħ tal-prezzijiet għall-prodott ikkonċernat kollu kemm hu.

284    Ir-rikorrenti jikkontestaw li r-Regolament ikkontestat jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-Kummissjoni pparagunat 100 % tal-bejgħ imwettaq mill-industrija tal-Unjoni ma’ 82 % tal-bejgħ imwettaq mill-produtturi-esportaturi Ċiniżi u għal dan l-għan jibbażaw ruħhom fuq il-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezzijiet relatati magħhom kif ukoll mal-produtturi-esportaturi l-oħra, li jippermettu li jiġi konkluż li 100 % tal-importazzjonijiet ġew ipparagunati ma’ 82 % tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, fil-fehma tagħhom, anki jekk din l-interpretazzjoni tiġi aċċettata, il-Kummissjoni madankollu kisret l-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku, peress li hija kienet obbligata tieħu inkunsiderazzjoni 100 % tal-importazzjonijiet.

285    Il-Kummissjoni, sostnuta minn Sekisui, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

286    Għandu jitfakkar li l-premessi 432 u 433 tar-Regolament ikkontestat huma fformulati kif ġej:

“(432) Wacker u l-produtturi esportaturi Ċiniżi sostnew li 18 % tal-esportazzjonijiet [miċ-Ċina] ma kinux mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni minħabba li għal din il-kwantità ma nstabu ebda PCNs komparabbli. Il-partijiet irreferew għas-sentenza [tal‑24 ta’ Settembru 2019, Hubei Xinyegang Special Tube vs Il‑Kummissjoni (T‑500/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:691)], b’appoġġ għall-affermazzjoni tagħhom li l-analiżi tad-dannu min-naħa tal-Kummissjoni kienet ibbażata biss fuq volum limitat tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni u mhux fuq il-prodott kollu simili.

(433) L-ewwel nett, il-Kummissjoni nnotat li din is-sentenza hija appellata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u għalhekk ma tistax titqies bħala awtorevoli. It-tieni, ir-Regolament bażiku ma jeħtieġx li l-Kummissjoni twettaq l-analiżi tal-prezzijiet għal kull tip ta’ prodott separatament. Minflok, ir-rekwiżit legali huwa determinazzjoni fil-livell tal-prodott simili. Filwaqt li l-PCNs jintużaw bħala l-punt tat-tluq għal valutazzjoni bħal din, ma jfissirx li l-PCNs differenti mhumiex f’kompetizzjoni. Għalhekk, il-fatt li ċerti PCNs tal-industrija tal-Unjoni ma kinux imqabbla mal-importazzjonijiet ma jfissirx li ma ġarrbux pressjoni fuq il-prezzijiet mill-importazzjonijiet oġġetti ta’ dumping. Fil-fatt, id-determinazzjoni tat-twaqqigħ tal-prezz u bejgħ taħt il-prezz billi l-ewwel jiġu kkalkolati l-marġnijiet fil-livell tal-PCN huwa biss miżura preparatorja ta’ dak il-paragun tal-prezzijiet meħtieġ. Dik il-miżura mhijiex legalment obbligatorja, iżda tikkostitwixxi l-prattika standard tal-Kummissjoni. It-tielet, f’każijiet fejn jiġi applikat il-kampjunar mhuwiex sorprendenti li l-importazzjonijiet tal-produtturi esportaturi fil-kampjun u l-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fil-kampjun ma jaqblux perfettament. Dan ma jfissirx neċessarjament li ma hemmx importazzjonijiet ta’ ċerti tipi, iżda li dawn it-tipi ma kinux esportati lejn l-Unjoni mill-produtturi esportaturi fil-kampjun matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Fl-aħħar nett, […] il-Kummissjoni kkonkludiet li l-gradi PVA kollha kkompetew ma’ xulxin, għall-inqas sa ċertu punt. Għalhekk, 18 % tal-esportazzjonijiet tal-produtturi esportaturi fil-kampjun mhux mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni ma jikkostitwixxux kategorija separata tal-prodott ikkonċernat iżda jikkompetu b’mod sħiħ mal-gradi li fadal li kienu jaqblu. Barra minn hekk, il-PCNs li mhumiex mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni kienu tipi ta’ prodotti adatti għall-applikazzjoni fis-setturi tal-adeżivi, tal-polimerizzazzjoni u tal-karti, u għalhekk ekwivalenti u f’kompetizzjoni diretta ma’ tipi oħra ta’ prodotti manifatturati u mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni għall-użu fl-istess applikazzjonijiet, anki jekk ma jintużawx għall-kwantifikazzjoni tat-twaqqigħ tal-prezz.”

287    Għandu jiġi rrilevat li, fil-premessi 432 u 433 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni ġabret fil-qosor argument li r-rikorrenti kienu siltu mis-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Hubei Xinyegang Special Tube vs Il‑Kummissjoni (T‑500/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:691), qabel ma ċaħditu.

288    Għandu jitfakkar li, fil-punti 68 sa 75 tas-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Hubei Xinyegang Special Tube vs Il‑Kummissjoni (T‑500/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:691), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, essenzjalment, li l-Kummissjoni, sa fejn, fil-kuntest tal-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni ċertu volum ta’ prodott ikkunsidrat immanifatturat mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, jiġifieri 17 minn 66 tip ta’ prodotti identifikati, li jirrappreżentaw 8 % tal-volum tal-bejgħ tal-imsemmija produtturi, li ma ġewx esportati mill-produtturi-esportaturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun, ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni l-informazzjoni rilevanti kollha tal-każ ineżami, bi ksur tal-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punt 22).

289    Sabiex tiċħad l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Hubei Xinyegang Special Tube vs Il‑Kummissjoni (T‑500/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:691), qabelxejn, fl-ewwel sentenza tal-premessa 433 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni enfasizzat li dik is-sentenza kienet is-suġġett ta’ appell.

290    Sussegwentement, fit-tieni sad-disa’ sentenza tal-premessa 433 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni ddefendiet il-fondatezza tal-mod li hija kienet ipproċediet fir-regolament li kien ikkontestat fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Hubei Xinyegang Special Tube vs Il‑Kummissjoni (T‑500/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:691), filwaqt li fformulat ukoll kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar l-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet permezz tal-metodu NKP. Huwa f’dan il-kuntest li hija rrilevat li “ċerti PCNs tal-industrija tal-Unjoni ma kinux imqabbla mal-importazzjonijiet”. Għalhekk, din il-frażi ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-Kummissjoni aċċettat li, f’dan il-każ, hija ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni ċerti NKP prodotti mill-industrija tal-Unjoni.

291    Fl-aħħar nett, fl-għaxar sat-tnax‑il sentenza tal-premessa 433 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni eżaminat iċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ. Minn dawn is-sentenzi jirriżulta li, minn naħa, għal 18 % tal-PVAL esportati lejn l-Unjoni mill-produtturi-esportaturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun, l-ebda tip ta’ prodott korrispondenti mibjugħ mill-industrija tal-Unjoni ma seta’ jinstab u, min-naħa l-oħra, minħabba l-fatt li l-PVAL kollha kienu f’kompetizzjoni ma’ xulxin sa ċertu punt, il-PVAL mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni kienu f’kompetizzjoni wkoll ma’ dawn it‑18 % ta’ PVAL importati miċ-Ċina.

292    Minn dan isegwi, minn naħa, li l-Kummissjoni assoċjat ma’ kull tip ta’ prodott mibjugħ mill-industrija tal-Unjoni tip ta’ prodott importat u, min-naħa l-oħra, li, fir-rigward tat-tipi ta’ prodotti importati li ma kinux jikkorrispondu għal tipi ta’ prodott mibjugħa minn din l-industrija, hija qieset li madankollu kienet teżisti relazzjoni ta’ kompetizzjoni. B’dan il-mod, il-Kummissjoni wettqet l-analiżi li jimponi l-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku, li jikkonsisti fl-eżami tal-effett fuq il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni tal-“importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping” (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punt 161) u analizzat it-twaqqigħ tal-prezzijiet għall-prodott ikkunsidrat kollu kemm hu.

293    Kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, din l-interpretazzjoni tal-premessa 433 tar-Regolament ikkontestat hija kompatibbli mal-ispjegazzjonijiet li l-Kummissjoni pprovditilhom matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, li jipprovdu li “il-perċentwali ta’ korrispondenza bejn l-industrija tal-Unjoni u l-kumpanniji Ċiniżi esportatriċi fil-kampjun hija ta’ 82 %”. Fil-fatt, għalkemm minn dawn l-ispjegazzjonijiet jirriżulta li ma setgħetx tinstab korrispondenza totali, il-formulazzjoni użata mill-Kummissjoni ma tippreċiżax jekk kinitx l-industrija tal-Unjoni jew il-produtturi-esportaturi Ċiniżi li kienu jbigħu iktar tipi ta’ prodott.

294    Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni tal-premessa 433 tar-Regolament ikkontestat ma hijiex ikkontestata mit-tabelli prodotti mir-rikorrenti fl-anness tar-replika. Fil-fatt, f’dawn it-tabelli jinsabu, għal kull wieħed mill-produtturi-esportaturi inklużi fil-kampjun, fosthom ir-rikorrenti, in-NKP li għalihom teżisti korrispondenza bejn it-tipi ta’ prodotti importati u dawk mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni. Għalkemm, għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, dawn it-tabelli ma jurux il-kwantitajiet li l-industrija tal-Unjoni biegħet, għal kull NKP, dan ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li 82 % biss tal-bejgħ ta’ din l-industrija ttieħed inkunsiderazzjoni, kif jallegaw ir-rikorrenti.

295    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni analizzat it-twaqqigħ tal-prezzijiet mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-bejgħ kollu ta’ PVAL imwettaq mill-industrija tal-Unjoni huwa fattwalment infondat.

296    Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni eskludiet ċerti tipi ta’ prodotti mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni mill-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, għandu jitfakkar li s-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Hubei Xinyegang Special Tube vs Il‑Kummissjoni (T‑500/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:691), ġiet annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Din ikkonkludiet li l-Qorti Ġenerali kienet ivvizzjat din is-sentenza bi żball ta’ liġi meta ddeċidiet li, fil-kuntest tal-analiżi tal-effetti tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni prevista fl-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku, u, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, il-Kummissjoni kienet, f’kull ċirkustanza, obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-prodotti kollha mibjugħa minn din l-industrija, inklużi t-tipi tal-prodott inkwistjoni mhux esportati mill-produtturi-esportaturi fil-kampjun (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punt 159).

297    Kif jenfasizzaw ir-rikorrenti, mill-punti 138 sa 140 tas-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube (C‑891/19 P, EU:C:2022:38), jirriżulta li, sabiex dan l-obbligu jaqa’ fuq il-Kummissjoni, għandhom jiġu ssodisfatti l-ewwel u t-tieni kundizzjoni (ara l-punt 258 iktar ’il fuq). Issa, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża (ara l-punti 265 sa 272 iktar ’il fuq).

298    Konsegwentement, it-tielet parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda wkoll.

299    Peress li l-partijiet kollha tar-raba’ motiv, dwar il-ksur tal-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku, ġew miċħuda, ir-rikorrenti lanqas ma huma ġġustifikati li jsostnu li, minħabba dan il-ksur, il-Kummissjoni kisret ukoll l-Artikolu 3(6) ta’ dan ir-regolament (ara l-punt 222 iktar ’il fuq).

300    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq ilħames motiv, ibbażat fuq ilksur taddrittijiet taddifiża

301    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom, sa fejn, minkejja t-talbiet tagħhom, hija ma pprovditilhomx informazzjoni dwar il-kwantitajiet mibjugħa u l-prezzijiet ta’ bejgħ tal-industrija tal-Unjoni għal kull NKP kif ukoll il-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet u tal-prezzijiet indikattivi għal kull NKP (iktar ’il quddiem l-“elementi kontenzjużi”). Huma jakkużaw lill-Kummissjoni li ma kkomunikatilhomx minn tal-inqas il-firxiet ta’ valuri relatati ma’ dawn l-elementi. Fil-fehma tagħhom, għalkemm l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku jipprevedi t-trattament kunfidenzjali ta’ ċerta informazzjoni, l-applikazzjoni tiegħu ma tistax twassal sabiex tneħħi l-kontenut essenzjali tad-drittijiet tad-difiża. Huma jfakkru li l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku jeżiġi li l-partijiet ikkonċernati li jinvokaw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni pprovduta jippreżentaw sunt mhux kunfidenzjali tagħha jew, minn tal-inqas, jesponu r-raġunijiet li għalihom tali sunt ma jistax jiġi redatt. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, ftit jimporta li l-informazzjoni allegatament kunfidenzjali tirrigwarda produttur wieħed tal-Unjoni.

302    Ir-rikorrenti jippreċiżaw li, sabiex dan il-motiv ikun fondat, huma ma humiex obbligati juru li l-eżitu tal-investigazzjoni kien ikun differenti, iżda biss li tali ipoteżi ma hijiex kompletament eskluża. Issa, peress li ma kellhomx l-elementi kontenzjużi, huma la setgħu jiddeterminaw jekk kienx ġie kkonstatat għal ċerti NKP xi twaqqigħ tal-prezzijiet jew tal-prezzijiet indikattivi, u lanqas liema kienu n-NKP li bihom l-industrija tal-Unjoni kienet wettqet il-parti l-kbira tal-bejgħ tagħha. Dawn l-elementi huma għalhekk essenzjali sabiex tkun tista’ tiġi mistħarrġa l-eżattezza kemm tad-determinazzjoni tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, li l-analiżi tiegħu tista’ teħtieġ l-eżami tal-partijiet tas-suq tad-diversi NKP, kif ukoll tal-eżistenza ta’ dannu li l-importazzjonijiet ikkawżaw lil din l-industrija.

303    Il-Kummissjoni, sostnuta minn Kuraray u minn Sekisui, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

304    Għandhom jitfakkru l-kliem tad-dispożizzjonijiet rilevanti sabiex jiġi eżaminat dan il-motiv.

305    Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku, huwa previst dan li ġej:

“1. Kwalunkwe informazzjoni li hija ta’ xorta kunfidenzjali, (per eżempju, minħabba li r-rivelazzjoni tagħha tkun ta’ vantaġġ kompetittiv sinifikanti għal xi kompetitur jew kien ikollha effett kuntrarju sinifikanti fuq persuna li tforni l-informazzjoni jew fuq persuna li minn għandha l-persuna li tforni l-informazzjoni ikun akkwista l-informazzjoni) jew li hija mogħtija fuq bażi kunfidenzjali minn partijiet għall-investigazzjoni għandha, jekk tiġi murija raġuni tajba, tiġi ttrattata bħala tali mill-awtoritajiet.

2. Partijiet interessati li jagħtu informazzjoni kunfidenzjali għandhom ikunu meħtieġa li jfornu taqsiriet mhux kunfidenzjali tagħha. Dawk it-taqsiriet għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu li tinftiehem b’mod raġonevoli s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’kunfidenzjalità. F’ċirkustanzi eċċezzjonali, tali partijiet jistgħu jindikaw li tali informazzjoni ma tistax titqassar. F’tali ċirkostanzi eċċezzjonali, għandha tiġi mogħtija dikjarazzjoni tar-raġunijiet għaliex tali taqsira mhijiex possibbli.

[…]

4. Dan l-Artikolu ma għandux jipprekludi r-rivelazzjoni ta' informazzjoni ġenerali mill-awtoritajiet tal-Unjoni, u b’mod partikolari, tar-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati d-deċiżjonijiet meħuda skonttaħt dan ir-Regolament, jew ir-rivelazzjoni tal-evidenza li fuqha bbażaw l-argumenti tagħhom l-awtoritajiet tal-Unjoni sa fejn ikun meħtieġ li jiġu spjegati dawk ir-raġunijiet fi proċedimenti tal-qorti. Tali rivelazzjoni għandha tieħu kont tal-interessi leġittimi tal-partijiet konċernati li ma jiġux żvelati s-sigrieti kummerċjali tagħhom.

5. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri, inkluż l-uffiċjali tagħhom it-tnejn, ma għandhomx jiżvelaw informazzjoni riċevuta taħt dan ir-Regolament li għaliha jkun intalab trattament kunfidenzjali mill-fornitur tagħha, mingħajr permess speċifiku min dak il-fornitur.

[…]”

306    Skont l-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku, huwa previst dan li ġej:

“1. Min jagħmel l-ilment, l-importaturi u l-esportaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentanti tagħhom, u r-rappreżentanti tal-pajjiż ta’ esportazzjoni, jistgħu jitolbu r-rivelazzjoni tad-dettalji sottostanti l-fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom ġew imposti l-miżuri provviżorji […]

2. Il-partijiet msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jitolbu r-rivelazzjoni finali tal-fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom huwa maħsub li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni tal-miżuri definittivi, jew it-terminazzjoni ta’ investigazzjoni jew proċedimenti mingħajr l-impożizzjoni tal-miżuri, b’attenzjoni partikolari mogħtija lir-rivelazzjoni ta’ kwalunkwe fatti jew kunsiderazzjonijiet li jkunu differenti minn dawk użati għal kwalunkwe miżura provviżorja.”

307    Skont l-Artikolu 6(7) tar-Regolament bażiku, huwa previst dan li ġej:

“7. Min jagħmel l-ilment, l-importaturi u l-esportaturi […] jistgħu, fuq talba bil-miktub, jispezzjonaw l-informazzjoni kollha magħmula disponibbli minn kwalunklwe parti għal investigazzjoni, bħala distinta minn dokumenti interni ppreparati mill-awtoritajiet tal-Unjoni jew mill-Istati Membri tagħha, li tkun rilevanti għall-preżentazzjoni tal-każijiet tagħhom u mhux kunfidenzjali fis-sens tal-Artikolu 19, u li tkun użata fl-investigazzjoni.

[…]”

308    Permezz ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ir-Regolament bażiku għandu żewġ għanijiet, jiġifieri, minn naħa, li jippermetti lill-partijiet ikkonċernati jiddefendu l-interessi tagħhom b’mod utli u, min-naħa l-oħra, li jippreżerva l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miġbura matul l-investigazzjoni (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Jinan Meide Casting vs Il‑Kunsill, T‑424/13, EU:T:2016:378, punt 96; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2017, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kunsill, T‑442/12, EU:T:2017:372, punt 142 u l-ġurisprudenza ċċitata).

309    Fir-rigward tal-ewwel għan imsemmi fil-punt 308 iktar ’il fuq, għandu jitfakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura miftuħa kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi ggarantit, anki fl-assenza ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċedura. Dan il-prinċipju huwa ta’ importanza kbira fil-proċeduri ta’ investigazzjonijiet antidumping (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2017, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kunsill, T‑442/12, EU:T:2017:372, punt 139 u l-ġurisprudenza ċċitata).

310    Bis-saħħa tal-imsemmi prinċipju, l-impriżi kkonċernati għandhom ikunu tqiegħdu f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li jesprimu effettivament il-perspettiva tagħhom dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati u dwar il-provi prodotti mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ prattika ta’ dumping u tad-dannu li jirriżulta minnha (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2017, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kunsill, T‑442/12, EU:T:2017:372, punt 140 u l-ġurisprudenza ċċitata).

311    Fir-rigward tat-tieni għan imsemmi fil-punt 308 iktar ’il fuq, għandu jitfakkar li l-protezzjoni tas-sigriet tan-negozju tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Iż-żamma ta’ kompetizzjoni mingħajr distorsjoni tikkostitwixxi interess pubbliku importanti li s-salvagwardja tiegħu tista’ tiġġustifika r-rifjut tal-iżvelar tal-informazzjoni koperta bis-sigriet tan-negozju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Jinan Meide Casting vs Il‑Kunsill, T‑424/13, EU:T:2016:378, punt 165 u l-ġurisprudenza ċċitata).

312    Sabiex jirrikonċiljaw iż-żewġ għanijiet inkwistjoni, fit-twettiq tad-dmir ta’ informazzjoni tagħhom, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jaġixxu bid-diliġenza kollha meħtieġa meta jippruvaw jagħtu lill-impriżi kkonċernati, sa fejn l-osservanza tas-sigriet tan-negozju tibqa’ żgurata, indikazzjonijiet utli għad-difiża tal-interessi tagħhom u meta jagħżlu, jekk ikun xieraq ex officio, il-modalitajiet xierqa ta’ tali komunikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2017, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kunsill, T‑442/12, EU:T:2017:372, punt 141).

313    In-neċessità li dawn l-għanijiet jiġu rrikonċiljati tirriżulta wkoll mill-fatt li, skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku huwa intiż sabiex jipproteġi mhux biss is-sigrieti tan-negozju, iżda wkoll id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet l-oħra fil-proċedura antidumping (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2020, Zhejiang Jiuli Hi-Tech Metals vs Il‑Kummissjoni, T‑307/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:487, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

314    Il-protezzjoni tal-informazzjoni koperta mis-sigriet tan-negozju ma teħtieġx li jiġi eskluż, bħala prinċipju, kull żvelar ta’ informazzjoni użata matul investigazzjoni antidumping lil partijiet ikkonċernati, indipendentement miċ-ċirkustanzi. B’mod partikolari, għandha tiġi evalwata s-sitwazzjoni partikolari tal-parti kkonċernata fir-rigward ta’ din l-informazzjoni u, b’mod partikolari, il-pożizzjoni li din il-parti kkonċernata tokkupa fis-suq ikkunsidrat meta mqabbla ma’ dik tal-persuna li pprovdiet din l-informazzjoni (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Jinan Meide Casting vs Il‑Kunsill, T‑424/13, EU:T:2016:378, punt 199; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2017, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kunsill, T‑442/12, EU:T:2017:372, punt 159).

315    Il-ġurisprudenza tippreċiża li l-obbligu ta’ osservanza tal-informazzjoni kunfidenzjali ma jistax iċaħħad id-drittijiet tad-difiża mill-kontenut essenzjali tagħhom (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2017, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kunsill, T‑442/12, EU:T:2017:372, punt 142 u l-ġurisprudenza ċċitata).

316    F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-premessa 435 tar-Regolament ikkontestat u minn ittra li r-rikorrenti bagħtu lill-Kummissjoni fit‑8 ta’ Lulju 2020, dawn tal-aħħar, wara li rċevew l-informazzjoni finali, talbu l-aċċess għall-elementi kontenzjużi.

317    Permezz ta’ messaġġ elettroniku tat‑13 ta’ Lulju 2020, Kuraray informat lill-Kummissjoni dwar l-oppożizzjoni tagħha għall-komunikazzjoni lir-rikorrenti tal-elementi kontenzjużi, inkluż fil-forma ta’ firxiet ta’ valuri li jissostitwixxu l-informazzjoni eżatta. Kif ippreċiżat il-Kummissjoni waqt is-seduta, dan il-messaġġ elettroniku kien jikkostitwixxi t-tweġiba ta’ Kuraray għal messaġġ elettroniku li l-Kummissjoni kienet bagħtitilha wara li rċeviet l-ittra tar-rikorrenti tat‑8 ta’ Lulju 2020, imsemmija fil-punt 316 iktar ’il fuq. Kuraray sostniet li l-elementi kontenzjużi kienu min-natura tagħhom kunfidenzjali fis-sens tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament bażiku u ppreċiżat li, peress li hija kienet l-uniku produttur tal-Unjoni li jaqa’ taħt il-kampjun magħżul mill-Kummissjoni li kien ibiegħ il-prodott ikkonċernat lil terzi, l-iżvelar ta’ elementi addizzjonali dwar il-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezzijiet u tal-prezzijiet indikattivi kien ser ikun ta’ benefiċċju għall-kompetituri tagħha u jkollu effett negattiv ħafna fuqha. Dan l-iżvelar, li jiżvela informazzjoni dwar il-kwantitajiet ta’ PVAL mibjugħa matul il-perjodu ta’ investigazzjoni kif ukoll il-prezzijiet medji għal kull NKP, jikkawża dannu irreparabbli għall-operazzjonijiet kummerċjali tagħha fl-Unjoni.

318    Barra minn hekk, Kuraray sostniet li l-informazzjoni dwar it-twaqqigħ tal-prezzijiet u tal-prezzijiet indikattivi diġà kkomunikata lir-rikorrenti kienet tippermettilhom jifhmu liema kien id-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet lill-industrija tal-Unjoni u li jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom. Hija enfasizzat li kull produttur-esportatur ikun suġġett għal dazju antidumping tal-istess livell għall-esportazzjonijiet kollha tiegħu fl-Unjoni tal-prodott ikkonċernat, mingħajr distinzjoni skont in-NKP.

319    Permezz ta’ messaġġ elettroniku tal‑14 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li, wara li evalwat it-talba tagħhom għal aċċess għall-elementi kontenzjużi, hija kienet iddeċidiet li tiċħadha, peress li dawn l-elementi kienu kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku. Ir-raġunijiet mogħtija mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha jikkoinċidu ma’ dawk invokati minn Kuraray, riprodotti fil-punt 318 iktar ’il fuq.

320    Fil-premessa 436 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni rrilevat li, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku, hija ma setgħetx tiżvela l-elementi kontenzjużi, peress li l-iżvelar ta’ tali livell ta’ dettall kien jippermetti, jew direttament jew billi tiżdied l-informazzjoni dwar is-swieq, li tiġi kkalkolata d-data kunfidenzjali dwar il-bejgħ u l-produzzjoni ta’ ċerti produtturi tal-Unjoni.

321    Għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-Artikolu 19(1) u (5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni, minħabba l-oppożizzjoni ta’ Kuraray, ma kinitx awtorizzata tikkomunika lir-rikorrenti l-elementi kontenzjużi (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Jinan Meide Casting vs Il‑Kunsill, T‑424/13, EU:T:2016:378, punt 178, u tad‑19 ta’ Mejju 2021, China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products et vs Il‑Kummissjoni, T‑254/18, taħt appell, EU:T:2021:278, punt 477).

322    Madankollu, meta l-informazzjoni ma tkunx tista’ tiġi kkomunikata minħabba n-natura kunfidenzjali tagħha, l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku jobbliga lill-partijiet li minnhom toriġina din l-informazzjoni jipprovdu sunt mhux kunfidenzjali tagħha kull darba li dan ikun possibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2021, China Chamber of Commerce for Import and Export of Machinery and Electronic Products et vs Il‑Kummissjoni, T‑254/18, taħt appell, EU:T:2021:278, punt 483).

323    Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni, billi ma ħaditx il-miżuri li jippermettu lir-rikorrenti li jiġu kkomunikati lilhom l-elementi kontenzjużi fil-forma ta’ sunti mhux kunfidenzjali, fis-sens tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, kisritx id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

324    Għal dan l-għan, għandu jsir riferiment, skont il-prinċipji mfakkra fil-punti 20 sa 22 iktar ’il fuq, għad-deċiżjonijiet tal-KST dwar l-Artikoli 6.5 u 6.5.1 tal-Ftehim antidumping, li jikkorrispondu, essenzjalment, għall-Artikolu 19(1) u (2) u għall-ewwel sentenza tal-Artikolu 19(5) tar-Regolament bażiku (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Jinan Meide Casting vs Il‑Kunsill, T‑424/13, EU:T:2016:378, punti 103, 188 u 190).

325    Skont ir-rapport tal-Korp tal-Appell dwar it-tilwima “Komunitajiet Ewropej – Miżuri Definittivi Anti-Dumping fuq Ċerti Qafliet tal-Ħadid jew tal-Azzar miċ-Ċina”, adottati mill-KST fit‑28 ta’ Lulju 2011 (WT/DS 397/AB/R, punti 542 sa 544), fir-rigward tal-informazzjoni ttrattata bħala kunfidenzjali skont l-Artikolu 6.5 tal-Ftehim antidumping, l-Artikolu 6.5.1 ta’ dan tal-aħħar jobbliga lill-awtorità kompetenti teżiġi li jiġi pprovdut sunt mhux kunfidenzjali tal-informazzjoni. In-natura suffiċjenti tas-sunt ipprovdut tiddependi mill-informazzjoni kunfidenzjali inkwistjoni, iżda s-sunt għandu jippermetti li tinftiehem b’mod raġonevoli s-sustanza tal-informazzjoni mhux ikkomunikata sabiex il-partijiet l-oħra fl-investigazzjoni jingħataw il-possibbiltà li jwieġbu u jiddefendu l-interessi tagħhom. L-Artikolu 6.5.1 tal-Ftehim antidumping jipprevedi l-possibbiltà li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, l-informazzjoni kunfidenzjali ma tkunx tista’ tinġabar fil-qosor. F’dawn iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali, parti tista’ tindika li ma tistax tipprovdi sunt mhux kunfidenzjali tal-informazzjoni ppreżentata fuq bażi kunfidenzjali, iżda xorta ser tkun obbligata tispjega r-raġunijiet għaliex ma jistax jingħata sunt. Min-naħa tagħha, l-awtorità kompetenti għandha teżamina bir-reqqa din l-espożizzjoni sabiex tiddetermina jekk hija tistabbilixxix l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali u jekk ir-raġunijiet mogħtija jispjegawx b’mod xieraq ir-raġuni għaliex, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jista’ jiġi pprovdut ebda sunt li jippermetti li tinftiehem raġonevolment is-sustanza tal-informazzjoni. Sunt tal-informazzjoni kunfidenzjali ma jistax jingħata fil-każijiet fejn ma jista’ jiġi elaborat l-ebda metodu ieħor ta’ preżentazzjoni ta’ informazzjoni li ma jiżvelax informazzjoni sensittiva jew ma jiżgurax livell ta’ dettall suffiċjenti sabiex tkun tista’ tinftiehem raġonevolment is-sustanza tal-informazzjoni kkomunikata fuq bażi kunfidenzjali.

326    F’dan il-każ, minn naħa, għandu jiġi kkunsidrat li Kuraray, meta opponiet l-iżvelar tal-elementi kontenzjużi inkluż fil-forma ta’ firxiet ta’ valuri, irrifjutat li tissuġġetta ruħha għall-obbligu li tipprovdi sunti mhux kunfidenzjali ta’ dawn l-elementi u li hija invokat għal dan l-għan l-eżistenza taċ-ċirkustanza eċċezzjonali rrappreżentata mill-fatt li hija kienet l-uniku produttur tal-Unjoni li l-bejgħ tiegħu kien ittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fl-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet u tal-prezzijiet indikattivi. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni eżaminat l-argumenti ta’ Kuraray u ddeċidiet li l-pożizzjoni ta’ din tal-aħħar kienet fondata, fid-dawl ukoll tal-fatt, irrilevat essenzjalment fil-premessa 436 tar-Regolament ikkontestat, li l-produtturi-esportaturi Ċiniżi setgħu jaqraw l-elementi mitluba fid-dawl tal-informazzjoni dwar is-swieq li huma diġà kellhom.

327    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni segwiet b’mod korrett l-istadji previsti mid-dispożizzjonijiet rilevanti sabiex twettaq l-ibbilanċjar taż-żewġ għanijiet imsemmija fil-punt 308 iktar ’il fuq.

328    Fir-rigward tal-fondatezza tal-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tas-sensittività tal-elementi kontenzjużi u taċ-ċirkustanzi eċċezzjonali tal-każ, dik l-istituzzjoni ma wettqitx żball meta rrifjutat l-iżvelar tagħhom.

329    L-assenza ta’ żball imwettaq mill-Kummissjoni hija kkorroborata mill-fatt li r-rikorrenti, meta rċevew il-messaġġ elettroniku tal-Kummissjoni li jiċħad it-talba tagħhom għal aċċess għall-elementi kontenzjużi (ara l-punt 319 iktar ’il fuq), ma ressqux din il-kwistjoni quddiem l-uffiċjal tas-seduta, minkejja li huma setgħu jagħmlu dan, skont l-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni (UE) 2019/339 tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tal‑21 ta’ Frar 2019 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti kummerċjali (ĠU 2019, L 60, p. 20).

330    Għandu jiġi kkunsidrat li, peress li rrinunzjaw li jadixxu lill-uffiċjal tas-seduta, ir-rikorrenti aċċettaw l-ibbilanċjar tal-għanijiet inkwistjoni mwettaq mill-Kummissjoni.

331    Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, għalkemm ma jistax jiġi impost fuq ir-rikorrent li juri li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet tkun differenti fl-assenza tal-irregolarità proċedurali inkwistjoni, iżda biss li tali ipoteżi ma hijiex totalment eskluża peress li din il-parti setgħet tiżgura aħjar id-difiża tagħha fl-assenza ta’ din l-irregolarità, xorta jibqa’ l-fatt li l-eżistenza ta’ irregolarità relatata mad-drittijiet tad-difiża tista’ twassal għall-annullament tal-att inkwistjoni biss sa fejn teżisti possibbiltà li, minħabba din l-irregolarità, il-proċedura amministrattiva setgħet twassal għal riżultat differenti, u b’hekk tippreġudika b’mod konkret id-drittijiet tad-difiża tagħha (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Zhejiang Jiuli Hi-Tech Metals vs Il‑Kummissjoni, C‑718/20 P, EU:C:2022:362, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

332    F’dan ir-rigward, l-ewwel, ir-rikorrenti jsostnu li, kieku huma kienu rċevew l-elementi kontenzjużi, ma kienx ikun hemm il-konfużjoni li nħolqot fir-rigward tal-perċentwali ta’ prodotti importati u mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni li ġew eżaminati waqt l-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet (ara t-tielet parti tar-raba’ motiv). Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din il-konfużjoni ma taffettwax l-eżistenza tal-possibbiltà li l-proċedura mibdija mill-Kummissjoni kienet twassal għal riżultat differenti. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti, jekk sabu li l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni (ara l-punt 293 iktar ’il fuq) kienu ambigwi, setgħu jitolbuha iktar preċiżazzjonijiet.

333    It-tieni, ir-rikorrenti jsostnu li, f’ċerti ċirkustanzi, sabiex jiġi ggarantit li l-eżami tal-eżistenza ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet sinjifikattiv fil-livell tal-prodott simili jkun oġġettiv, jista’ jkun xieraq li jiġu eżaminati l-partijiet tas-suq tad-diversi tipi ta’ prodott inkwistjoni. Sabiex parti kkonċernata tkun tista’ ssostni b’mod utli li jipprevalu dawn iċ-ċirkustanzi, huwa neċessarju li jkollha informazzjoni dwar dawn il-partijiet tas-suq.

334    Peress li, kif jirriżulta mill-punti 256 sa 258, f’ċerti ċirkustanzi, huwa possibbli li l-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet jkollha ssir skont is-segment tas-suq, ma huwiex a priori kompletament eskluż li r-rikorrenti, li kieku kellhom sunti mhux kunfidenzjali dwar l-elementi kontenzjużi, kienu jkunu jistgħu jinvokaw argumenti li jistgħu juru li ċ-ċirkustanzi tal-każ kienu jeżiġu li titwettaq tali analiżi.

335    Madankollu, kif jirriżulta mill-eżami tar-raba’ motiv, b’mod partikolari mill-punti 265 sa 272 iktar ’il fuq, il-każ ineżami ma jippreżentax ċirkustanza li tobbliga lill-Kummissjoni twettaq analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet għal kull segment tas-suq. Għaldaqstant, għandu jiġi eskluż li, li kieku r-rikorrenti kellhom is-sunti msemmija iktar ’il fuq, il-proċedura kienet tkun tista’ twassal għal riżultat differenti.

336    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

 Konklużjonijiet dwar leżitu tarrikors

337    L-eżami tal-motivi u tal-partijiet invokati mir-rikorrenti rrileva li r-Regolament ikkontestat kellu jiġi annullat fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar sa fejn, sabiex tikkalkola r-rata tad-dazju antidumping impost fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-PVAL mmanifatturati u mibjugħa mir-rikorrenti, il-Kummissjoni għamlet aġġustamenti għat-tnaqqis tal-prezz tal-esportazzjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 2(10)(e), (g), (i) u (k) tar-Regolament bażiku.

338    Il-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq lispejjeż

339    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet il-parti l-kbira tat-talbiet tagħha, hija għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrenti, kif mitlub minn dawn tal-aħħar.

340    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Konsegwentement, il-Parlament u l-Kunsill għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

341    Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tordna li parti intervenjenti differenti minn dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. F’dan il-każ, għandu jiġi deċiż li Wegochem, Kuraray u Sekisui għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1336 tal25 ta’ Settembru 2020 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti alkoħols tal-polivinil li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina huwa annullat sa fejn jikkonċerna Sinopec Chongqing SVW Chemical Co. Ltd, Sinopec Great Wall Energy & Chemical (Ningxia) Co. Ltd u Central-China Company, Sinopec Chemical Commercial Holding Co. Ltd sa fejn, sabiex tikkalkola r-rata tad-dazju antidumping impost fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea tal-alkoħols tal-polivinil immanifatturati u mibjugħa minn dawn tal-aħħar, il-Kummissjoni Ewropea għamlet aġġustamenti għat-tnaqqis tal-prezz tal-esportazzjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 2(10)(e), (g), (i) u (k) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn Sinopec Chongqing SVW Chemical Co., minn Sinopec Great Wall Energy & Chemical (Ningxia) Co. u minn Central-China Company, Sinopec Chemical Commercial Holding Co.

4)      Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

5)      Wegochem Europe BV, Kuraray Europe GmbH u Sekisui Specialty Chemicals Europe SL għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Truchot

Kanninen

Madise

Frendo

 

      Perišin

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑21 ta’ Frar 2024.

Firem


Werrej


I. Ilfatti li wasslu għallkawża

II. Ittalbiet talpartijiet

III. Iddritt

A. Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq linkompatibbiltà talapplikazzjoni talArtikolu 2(6a) tarRegolament bażiku malobbligi li jirriżultaw middritt talWTO

B. Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq ilksur talArtikolu 2(10) tarRegolament bażiku u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

1. Fuq lewwel parti

a) Regoli applikabbli

b) Fuq ilprova

c) Fuq lindizji miġbura millKummissjoni

2. Fuq ittieni parti

3. Fuq ittielet parti

a) Fuq lewwel ilment

b) Fuq ittieni lment

C. Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq ilksur talArtikolu 18(1) u (5) tarRegolament bażiku kif ukoll talArtikolu 6.8 talFtehim antidumping u talAnness II

1. Fuq lewwel ilment

2. Fuq ittieni lment

D. Fuq irraba’ motiv, ibbażat fuq ilksur talArtikolu 3(2) u (3) tarRegolament bażiku fiddeterminazzjoni tattwaqqigħ talprezzijiet u talksur talArtikolu 3(6) talistess regolament

1. Fuq innatura effettiva tarraba’ motiv

2. Fuq ilfondatezza tarraba’ motiv

a) Fuq lewwel parti

b) Fuq ittieni parti

c) Fuq ittielet parti

E. Fuq ilħames motiv, ibbażat fuq ilksur taddrittijiet taddifiża

F. Konklużjonijiet dwar leżitu tarrikors

IV. Fuq lispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.