Language of document : ECLI:EU:T:2024:111

Kawża T466/16 RENV

NRW. Bank

vs

IlBord Uniku ta’ Riżoluzzjoni

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) tal21 ta’ Frar 2024

“Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment (SRM) – Fond uniku ta’ riżoluzzjoni (SRF) – Deċiżjoni tas-SRB dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2016 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività – Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/63 – Esklużjoni ta’ ċerti obbligazzjonijiet mill-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante – Self għall-iżvilupp – Attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp – Eċċezzjoni ta’ illegalità”

1.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Irkupru u riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti ta’ investiment – Bank ta’ żvilupp – Kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond uniku ta’ riżoluzzjoni (SRF) – Esklużjoni tal-obbligazzjonijiet marbuta mas-self ta’ żvilupp minn dan il-kalkolu – Portata – Obbligazzjoni marbuta ma’ attività awżiljarja ta’ żvilupp imwettqa f’ambjent kompetittiv u bi skop ta’ lukru – Esklużjoni

(Regolament tal-Kummissjoni 2015/63, premessa 13 u l-punt 28 tal-Artikolu 3 u Artikolu 5(1)(f))

(ara l-punti 45, 50, 58 sa 63, 261)

2.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Eżerċizzju tal-kompetenzi – Setgħa mogħtija lill-Kummissjoni biex tadotta atti ddelegati – Portata – Evalwazzjonijiet kumplessi – Marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ – Direttiva 2014/59 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment – Iffissar tal-kriterji ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Artikolu 290 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014, premessa 41; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/59)

(ara l-punti 90, 91, 97, 98, 112)

3.      Atti tal-istituzzjonijiet – Applikazzjoni ratione temporis – Nuqqas ta’ retroattività – Eċċezzjonijiet – Kundizzjonijiet – Twettiq ta’ għan ta’ interess ġenerali u osservanza tal-aspettattivi leġittimi – Irtirar ta’ deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) li tistabbilixxi kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) sabiex jiġi rrimedjat nuqqas ta’ motivazzjoni – Adozzjoni ta’ deċiżjoni li tidħol fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni preċedenti – Assenza ta’ bidliet fl-ammont u fil-kalkolu tal-imsemmija kontribuzzjonijiet – Teħid inkunsiderazzjoni tal-għan tal-kontribuzzjonijiet lis-SRF – Ammissibbiltà

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014, Artikoli 2, 67(4), 69 u 70)

(ara l-punti 170, 172, 173)

4.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal smigħ – Portata – Komunikazzjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) li tindika lir-rikorrent l-irtirar ta’ deċiżjoni u s-sostituzzjoni tagħha – Ammissibbiltà – Ksur tad-dritt għal smigħ – Assenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(a))

(ara l-punti 235, 243)

5.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) li tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond uniku ta’ riżoluzzjoni (SRF) – Obbligu tas-SRB li jikkomunika lill-istituzzjonijiet ikkonċernati l-metodu ta’ kalkolu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet u l-metodu ta’ determinazzjoni tal-ammont tal-livell fil-mira annwali

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014, Artikoli 69(1) u (2) u 70(2); Regolament tal-Kunsill 2015/81, Artikolu 4; Regolament tal-Kummissjoni 2015/63, Artikolu 4(2); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/59)

(ara l-punti 283, 292 sa 303)

Sunt

Adita b’rikors għal annullament, li hija ċaħdet, kontra d-Deċiżjoni SRB/ES/2022/23 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), tas‑27 ta’ April 2022 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Qorti Ġenerali għamlet kjarifiki importanti dwar, minn naħa, il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF), b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63 (1) u, min-naħa l-oħra, dwar il-motivazzjoni tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali tas-SRF għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2016.

NRW.Bank, ir-rikorrenti, hija l-bank ta’ żvilupp tal-Land Nordrhein-Westfalen (il-Land ta’ Nordrhein-Westfalen, il-Ġermanja).

Fil‑15 ta’ April 2016, is-SRB adotta deċiżjoni dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2016 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB/ES/SRF/2016/06) tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti ditti tal-investiment, fosthom ir-rikorrenti. Fl‑20 ta’ Mejju 2016, is-SRB adotta deċiżjoni dwar l-aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2016 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, li tissupplimenta d-deċiżjoni tas-SRB tal‑15 ta’ April 2016 dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2016 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB/ES/SRF/2016/13). Adita b’rikors għal annullament ippreżentat mir-rikorrenti kontra dawn iż-żewġ deċiżjonijiet (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet inizjali”), il-Qorti Ġenerali, permezz ta’ sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, NRW.Bank vs SRB (T‑466/16) (2), ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli. Permezz ta’ sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2021, NRW.Bank vs SRB (C‑662/19 P) (3), il-Qorti tal-Ġustizzja, adita b’appell ippreżentat mir-rikorrenti, annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali u bagħtet lura l-kawża lil din tal-aħħar. Fis‑27 ta’ April 2022, is-SRB adotta d-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha rtira u ssostitwixxa d-deċiżjonijiet inizjali, sabiex jirrimedja n-nuqqas ta’ motivazzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet li huwa kien ikkonstata wara sentenzi tal-Qorti Ġenerali (4).

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu li mill-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante jiġu esklużi l-obbligazzjonijiet marbuta mal-attivitajiet imsejħa “awżiljarji ta’ żvilupp”, li jikkonsistu b’mod partikolari fix-xiri ta’ titoli ta’ dejn fis-suq tal-kapital (iktar ’il quddiem l-“attivitajiet ikkonċernati”). Il-Qorti Ġenerali rrilevat li dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu li l-obbligazzjonijiet inkwistjoni jistgħu jiġu esklużi mill-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tal-istituzzjoni kkonċernata biss sal-ammont tas-self għall-iżvilupp amministrat minn din l-istituzzjoni. Sabiex jiġu kklassifikati bħala “self għall-iżvilupp”, l-operazzjonijiet inkwistjoni għandhom jitwettqu fuq bażi mhux kompetittiva u mhux għall-profitt (5). Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-attivitajiet ikkonċernati jitwettqu, minn naħa, fis-suq tal-kapital miftuħ li fih joperaw atturi oħra, li jwettqu l-istess tipi ta’ attivitajiet u li jistgħu jakkwistaw l-istess titoli ta’ dejn bħall-banek ta’ żvilupp, u dan taħt l-istess kundizzjonijiet tas-suq bħal dawn tal-aħħar. Issa, f’tali suq, il-banek ta’ żvilupp huma, mid-definizzjoni tagħhom stess, f’kompetizzjoni diretta ma’ dawn l-atturi l-oħra tas-suq, b’tali mod li l-attività kkonċernata ma tistax titqies li hija eżerċitata fuq bażi mhux kompetittiva. Min-naħa l-oħra, l-attivitajiet ikkonċernati huma intiżi li jiġġeneraw dħul, sa fejn dawn jipproduċu marġni ta’ interessi sabiex tiġi ffinanzjata l-attività bankarja bħala tali tal-banek tal-iżvilupp. Għaldaqstant, dawn l-attivitajiet ma jistgħux jitqiesu li huma eżerċitati mingħajr skop ta’ lukru.

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tar-rikorrenti li l-“għan aħħari” tal-imsemmija attivitajiet ma huwiex il-ksib ta’ profitt minħabba l-projbizzjoni imposta fuqha li tqassam dividendi. Fil-fatt, in-natura mhux profitabbli ta’ attività (6), għandha tiġi evalwata fid-dawl tan-natura ta’ kull attività kkonċernata, mingħajr ma huwa rilevanti jekk il-profitti ġġenerati minn din l-attività jintużawx sussegwentement għall-finanzjament tal-attivitajiet ta’ żvilupp, li min-naħa tagħhom huma eżerċitati mingħajr skop ta’ lukru. Kwalunkwe interpretazzjoni oħra twassal sabiex jitqies li l-attivitajiet ikkonċernati ma humiex intiżi għall-ksib ta’ profitt għas-sempliċi raġuni li dawn jitwettqu minn bank ta’ żvilupp, li jċaħħad mill-kontenut tagħha l-kundizzjoni li tirriżulta mill-użu tal-espressjoni “fuq bażi mhux kompetittiva u mhux għall-profitt” (7).

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63, moqri flimkien mal-punti 27 u 28 tal-Artikolu 3 ta’ dan l-istess regolament delegat, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix li jiġu esklużi l-obbligazzjonijiet marbuta mal-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp tal-banek tal-iżvilupp, bħar-rikorrenti, mill-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħhom.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li, fil-kuntest ta’ setgħa ddelegata fis-sens tal-Artikolu 290 TFUE, il-Kummissjoni Ewropea għandha, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilha, setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa meta tintalab, b’mod partikolari, twettaq evalwazzjonijiet kumplessi. Il-Qorti Ġenerali qieset li dan huwa l-każ fir-rigward tal-iffissar tar-regoli li jippreċiżaw il-kunċett ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-profil ta’ riskju għall-istituzzjonijiet (8). F’dawn iċ-ċirkustanzi, fir-rigward tal-metodu ta’ aġġustament tar-riskju tal-kontribuzzjonijiet annwali bażiċi, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għal eżami dwar jekk l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni huwiex ivvizzjat minn żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter jew jekk din tal-aħħar eċċedietx manifestament il-limiti ta’ din is-setgħa. Il-Qorti Ġenerali qieset li r-rikorrenti ma wrietx li l-Artikolu 5(1)(f) tar-Regolament Delegat 2015/63 kien ivvizzjat minn żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter jew li kien eċċeda manifestament il-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni minħabba l-fatt li ma kienx jeskludi l-obbligazzjonijiet marbuta mal-attivitajiet awżiljarji ta’ żvilupp tal-banek ta’ żvilupp reġjonali mill-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħhom.

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali fakkret li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata sabiex tirrimedja n-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet inizjali kkonstatat mis-SRB wara sentenzi tal-Qorti Ġenerali, mingħajr ma din id-deċiżjoni jew dawn is-sentenzi ma biddlu l-portata tal-obbligu tar-rikorrenti li tħallas kontribuzzjoni ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2016, kif kienet ġiet adottata mid-deċiżjonijiet inizjali u kif kienet teżisti għal dan il-perijodu ta’ kontribuzzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari, li kieku s-SRB ma kienx adotta d-deċiżjoni kkontestata bl-għoti ta’ effett mid-data effettiva tal-ewwel waħda mid-deċiżjonijiet inizjali, id-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tkun tista’ tipproduċi l-effetti tagħha matul il-perijodu ta’ bejn il‑15 ta’ April 2016 u s‑27 ta’ April 2022, li matulu r-rikorrenti kienet ġiet eżentata mill-obbligu tagħha li tħallas kontribuzzjoni ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2016, filwaqt li hija kienet suġġetta għal dan l-obbligu (9). Bl-istess mod, matul dan il-perijodu, is-SRF kien ikun ġie mċaħħad, bi ksur ta’ dawn l-istess dispożizzjonijiet, mill-fondi provenjenti mill-kontribuzzjonijiet ex ante tar-rikorrenti, fatt li kien jippreġudika l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2014/59, tar-Regolament Nru 806/2014 u tar-Regolament Delegat 2015/63. Konsegwentement, il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata b’effett mill‑15 ta’ April 2016 kien intiż li jiżgura koinċidenza bejn l-applikabbiltà tad-deċiżjoni kkontestata u l-mument li fih kien tnissel l-obbligu tar-rikorrenti li tħallas kontribuzzjoni ex ante għall‑2016 u, għalhekk, li jiġi evitat riżultat li jmur kontra l-leġiżlazzjoni applikabbli. Issa, it-twettiq ta’ tali għan kien jeżiġi li din id-deċiżjoni jkollha d-dħul fis-seħħ tagħha stabbilit għal data preċedenti għal dik tal-adozzjoni tagħha.

Fir-raba’ u fl-aħħar lok, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-istituzzjonijiet responsabbli għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet ex ante għandhom ikunu jistgħu jifhmu, mill-qari tad-deċiżjoni kkontestata, tal-inqas l-istadji prinċipali tal-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-livell fil-mira annwali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni kkonċernat.

Fir-rigward tan-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2016 jikkorrispondi għall-ewwel sena tal-perijodu inizjali ta’ tmien snin. Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-SRB iddetermina l-livell fil-mira annwali billi segwa ż-żewġ stadji prinċipali. Fl-ewwel lok, huwa ddetermina l-ammont imbassar tal-livell fil-mira finali u, fit-tieni lok, huwa qasam dan l-ammont bi tmienja sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-perijodu inizjali kien jinkludi tmien snin ta’ kontribuzzjoni Għall-kuntrarju, xejn ma jindika li l-kalkolu tal-livell fil-mira annwali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2016 kien sar skont formula matematika differenti minn dik li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata jew li kien jinkludi stadji supplimentari oħra mhux esposti fid-deċiżjoni kkontestata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li s-SRB naqas milli jesponi, fid-deċiżjoni kkontestata, l-istadji prinċipali tal-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-livell fil-mira annwali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2016.

Fir-rigward tal-ammont imbassar tal-livell fil-mira finali, il-Qorti Ġenerali nnotat li dan l-ammont jista’ jiġi dedott mill-formula matematika li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata.

Fir-rigward tal-mod kif is-SRB iddetermina l-ammont tbassir tal-livell fil-mira finali, dan ibbaża l-analiżi tiegħu fuq il-fatt li, skont ir-Regolament Nru 806/2014, dan l-ammont kellu jikkorrispondi għal mill-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti, fi tmiem il-perijodu inizjali, tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fl-Istati Membri kollha parteċipanti fil-mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni. F’dan ir-rigward, huwa ħa inkunsiderazzjoni l-iżvilupp mbassar tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fl-Istati Membri parteċipanti kollha, u dan abbażi tal-ammont ta’ dawn id-depożiti kif kien fl‑2015 u sat-tmiem tal-perijodu inizjali, jiġifieri sa tmiem is-sena 2023. Barra minn hekk, is-SRB identifika, fl-ewwel lok, rata ta’ tkabbir annwali tal-imsemmija depożiti koperti ta’ 3 % bejn l‑2015 u l‑2023, iżda, sussegwentement, huwa naqqas dan il-perċentwali sabiex jieħu inkunsiderazzjoni l-analiżi tal-fażi taċ-ċiklu tan-negozju u l-effett proċikliku potenzjali li l-kontribuzzjonijiet ex ante jista’ jkollhom fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet. Għalhekk, huwa adotta rata ta’ tkabbir annwali tad-depożiti koperti inqas minn 3 % bejn l‑2015 u l‑2023 sabiex jiġi ddeterminat il-livell fil-mira finali.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li s-SRB ma kellux, fil-mument tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2016, data affidabbli dwar l-iżvilupp probabbli tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet bejn l‑2015 u l‑2023 minħabba l-fatt li definizzjoni ġdida tad-depożiti koperti kienet ġiet introdotta biss sena qabel (10). Fin-nuqqas ta’ tali data, is-SRB kellu jevalwa l-iżvilupp imbassar tal-imsemmija depożiti abbażi tar-rati ta’ tkabbir tad-depożiti tal-unitajiet domestiċi u tad-depożiti tal-kumpanniji kummerċjali mhux finanzjarji.

F’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari, u fid-dawl, barra minn hekk, tal-fatt li d-deċiżjoni kkontestata kienet tirrigwarda l-ewwel perijodu ta’ kontribuzzjoni wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 806/2014, l-istituzzjonijiet, bħala operaturi avżati, setgħu raġonevolment jistennew li, sabiex jiġi ddeterminat il-livell fil-mira annwali għal dan il-perijodu, is-SRB jieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-ammont imbassar tal-livell fil-mira finali, kif kien jidher fl-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tal-Kummissjoni li wasslet għall-adozzjoni ta’ dan ir-regolament (11).

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali qieset li l-istituzzjonijiet kienu f’pożizzjoni li jifhmu l-modalitajiet prinċipali li bihom is-SRB kien ser jiddetermina l-livell fil-mira finali, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2016.


1      Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal‑21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44, rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 38).


2      Sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, NRW.Bank vs SRB (T‑466/16, mhux ippubblikata, EU:T:2019:445).


3      Sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2021, NRW.Bank vs SRB (C‑662/19 P, EU:C:2021:846).


4      Sentenzi tat‑28 ta’ Novembru 2019, Hypo Vorarlberg Bank vs SRB (T‑377/16, T‑645/16 u T‑809/16, EU:T:2019:823), u tat‑28 ta’ Novembru 2019, Portigon vs SRB (T‑365/16, EU:T:2019:824).


5      Il-punt 28 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat 2015/63 jiddefinixxi “self promozzjonali [għall-iżvilupp]” bħala “self [mogħti] minn bank promozzjonali [ta’ żvilupp] jew permezz ta’ bank intermedjarju, fuq bażi mhux kompetittiva u mhux għall-profitt sabiex jiġu promossi l-objettivi tal-politika pubblika ta’ gvernijiet ċentrali jew reġjonali fi Stat Membru”.


6      Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-punt 28 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat 2015/63.


7      Kif previst fil-punt 28 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat 2015/63.


8      Skont l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190)


9      Skont l-Artikolu 2, l-Artikolu 67(4) u l-Artikoli 69 u 70 tar- Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1)


10       Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti (ĠU 2014, L 173, p. 149, rettifiki fil-ĠU 2014, L 212, p. 47 u fil-ĠU 2014, L 309, p. 37).


11      Proposta tal-Kummissjoni COM(2013) 520 final, tal‑10 ta’ Lulju 2013.