Language of document : ECLI:EU:T:2024:114

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

21 ta’ Frar 2024 (*)

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ ċerti alkoħols tal-polivinil li joriġinaw miċ-Ċina – Dazju antidumping definittiv – Regolament ta’ implimentazzjoni (UE) 2020/1336 – Kalkolu tal-valur normali – Distorsjonijiet sinjifikattivi fil-pajjiż esportatur – Artikolu 2(6a) tar-Regolament (UE) 2016/1036 – Dritt tal-WTO – Prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi – Għażla tal-pajjiż rappreżentattiv xieraq – Informazzjoni faċilment disponibbli – Nuqqas ta’ kooperazzjoni – Kunċett ta’ ‘informazzjoni neċessarja’ – Artikolu 18 tar-Regolament 2016/1036 – Twaqqigħ tal-prezzijiet – Segmenti tas-suq – Metodu tan-numri ta’ kontroll tal-prodott – Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament 2016/1036 – Drittijiet tad-difiża – Trattament kunfidenzjali – Artikoli 19 u 20 tar-Regolament 2016/1036”

Fil-Kawża T‑763/20,

Inner Mongolia Shuangxin Environment-Friendly Material Co. Ltd, stabbilita f’Ordos (iċ-Ċina), irrappreżentata minn J. Cornelis, F. Graafsma u E. Vermulst, avukati,

rikorrenti,

sostnuta minn

Wegochem Europe BV, stabbilita f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn R. Antonini, E. Monard u B. Maniatis, avukati,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Luengo, bħala aġent,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn A. Neergaard, D. Moore u A. Pospíšilová Padowska, bħala aġenti,

minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn H. Marcos Fraile u B. Driessen, bħala aġenti, assistiti minn N. Tuominen, avukata,

minn

Kuraray Europe GmbH, stabbilita f’Hattersheim am Main (il-Ġermanja), irrappreżentata minn R. MacLean u D. Sevilla Pascual, avukati,

u minn

Sekisui Specialty Chemicals Europe SL, stabbilita f’La Canonja (Spanja), irrappreżentata minn A. Borsos u J. Jousma, avukati,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża),

komposta minn L. Truchot (Relatur), President, H. Kanninen, L. Madise, R. Frendo u T. Perišin, Imħallfin,

Reġistratur: I. Kurme, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑14 u tal‑15 ta’ Diċembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Inner Mongolia Shuangxin Environment-Friendly Material Co. Ltd, titlob l-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1336 tal‑25 ta’ Settembru 2020 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti alkoħols tal-polivinil li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU 2020, L 315, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”), sa fejn jikkonċernaha.

[omissis]

 Ittalbiet talpartijiet

13      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-Regolament ikkontestat sa fejn dan jikkonċernaha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

14      Wegochem Europe BV (iktar ’il quddiem “Wegochem”), intervenjenti insostenn tar-rikorrenti, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-Regolament ikkontestat, sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti minnha.

15      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn Kuraray u minn Sekisui Specialty Chemicals Europe SL (iktar ’il quddiem “Sekisui”), titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Iddritt

[omissis]

 Fuq ittalba talKummissjoni intiża għaċċaħda tattieni salħames motiv bħala ineffettivi

51      Il-Kummissjoni titlob li t-tieni sal-ħames motiv jiġu miċħuda bħala ineffettivi, minħabba li dawn jirrigwardaw il-marġni ta’ dumping, evalwat għal 115.6 % fir-Regolament ikkontestat, filwaqt li d-dazju antidumping applikabbli għar-rikorrenti jikkorrispondi għall-marġni ta’ dannu, evalwat għal 72.9 % fir-Regolament ikkontestat. Ir-rikorrenti, li ssostni l-oneru tal-prova, ma wrietx li, li kieku l-motivi inkwistjoni kienu fondati, id-differenza bejn il-marġni ta’ dumping u l-marġni ta’ dannu kienet titnaqqas għal inqas minn żero.

52      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti hija obbligata turi l-eżistenza ta’ interess personali, reali u attwali, li ma jistax jikkonċerna sitwazzjoni futura u ipotetika.

53      Insostenn tan-natura effettiva tal-motivi inkwistjoni, l-ewwel nett, ir-rikorrenti tinvoka l-ġurisprudenza dwar il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, li skontha ma jistax jiġi impost fuq rikorrent li juri li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kien ikollha kontenut differenti, iżda biss li tali ipoteżi ma hijiex kompletament eskluża (sentenzi tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il‑Kunsill, C‑141/08 P, EU:C:2009:598, punt 94, u tal‑11 ta’ Lulju 2013, Hangzhou Duralamp Electronics vs Il‑Kunsill, T‑459/07, mhux ippubblikata, EU:T:2013:369, punti 110 u 111). Din il-ġurisprudenza tista’ tiġi trasposta għal dan il-każ, peress li r-rikorrenti tinsab fis-sitwazzjoni diffiċli fejn hija ma tkunx f’pożizzjoni li tippreżenta ċ-ċifri tax-xenarju kontrofattwali. Għalkemm id-differenza bejn il-marġni ta’ dumping u l-marġni ta’ dannu hija sinjifikattiva, ma jistax jiġi eskluż li, wara l-korrezzjoni tal-iżbalji msemmija fil-motivi inkwistjoni, il-marġni ta’ dumping isir inqas mill-marġni ta’ dannu.

54      It-tieni nett, ir-rikorrenti għandha interess li l-Kummissjoni tikkalkola korrettament il-marġni ta’ dumping, fid-dawl tal-eżamijiet mill-ġdid possibbli tal-miżuri stabbiliti mir-Regolament ikkontestat, tal-proċeduri antidumping l-oħra li hija tista’ tkun is-suġġett tagħhom jew tat-talbiet għal rimbors tad-dazji antidumping imħallsa li hija tista’ tressaq. Dawn is-sitwazzjonijiet ma humiex futuri u ipotetiċi.

55      It-tielet nett, ir-rikorrenti tfakkar li l-informazzjoni relatata mal-valur normali tal-prodotti mmanifatturati minnha ntużat għall-finijiet tal-kalkolu tad-dazju antidumping applikabbli għal produttur-esportatur Ċiniż ieħor, dazju antidumping li ma kienx ġie stabbilit abbażi tal-marġni ta’ dannu ta’ dan il-produttur-esportatur, iżda abbażi tal-marġni ta’ dumping tiegħu. Ir-rikorrenti ma għandhiex tassumi r-responsabbiltà li tkun il-kawża prinċipali indiretta minħabba l-fatt li l-marġni ta’ dumping ta’ produttur-esportatur ieħor kien ġie sopravalutat.

56      Għandu jitfakkar li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku jipprevedi dan li ġej:

“L-ammont tad-dazju anti-dumping ma għandux jaqbeż il-marġni tad-dumping stabbilit iżda għandu jkun inqas mill-marġni jekk tali dazju inqas ikun adegwat biex jiġi eliminat id-dannu lill-industrija tal-Unjoni […]”

57      Skont il-ġurisprudenza, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi r-regola msejħa tad-“dazju inferjuri” (iktar ’il quddiem ir-“regola tad-dazju inferjuri”), li tipprovdi li l-marġni ta’ dannu għandu jintuża sabiex tiġi ddeterminata r-rata tad-dazju antidumping meta l-marġni ta’ dumping ikun ogħla mill-marġni ta’ dannu, u viċe versa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Marzu 2010, Foshan City Nanhai Golden Step Industrial vs Il‑Kunsill, T‑410/06, EU:T:2010:70, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑18 ta’ Ottubru 2016, Crown Equipment (Suzhou) u Crown Gabelstapler vs Il‑Kunsill, T‑351/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:616, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Ir-regola tad-dazju inferjuri għandha l-għan, b’mod partikolari, li tevita li d-dazju antidumping impost jeċċedi dak li huwa neċessarju sabiex jitneħħa d-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping. Fil-fatt, l-impożizzjoni tad-dazji antidumping tikkostitwixxi miżura ta’ difiża u ta’ protezzjoni kontra l-kompetizzjoni żleali li tirriżulta mill-prattiki ta’ dumping u mhux sanzjoni jew miżura li tagħti vantaġġ kompetittiv lill-industrija tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2016, Crown Equipment (Suzhou) u Crown Gabelstapler vs Il‑Kunsill, T‑351/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:616, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      F’dan il-każ, fil-premessa 658 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni “qabblet il-marġnijiet tad-dannu u l-marġnijiet ta’ dumping” u rrilevat li “l-ammont tad-dazji [antidumping] [kellu] jiġi stabbilit fil-livell tal-aktar marġnijiet baxxi ta’ dumping u ta’ dannu”.

60      Fil-premessa 659 tal-istess regolament tinsab it-tabella li ġejja:

Kumpanija

Marġni ta’ dumping

Marġni ta’ dannu

Dazju anti-dumping definittiv

Shuangxin Group [T‑763/20]

115,6 %

72,9 %

72,9 %

Sinopec Group [T‑762/20]

17,3 %

57,6 %

17,3 %

Wan Wei Group [T‑764/20]

193,2 %

55,7 %

55,7 %

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

80,4 %

57,9 %

57,9 %

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

193,2 %

72,9 %

72,9 %


61      Filwaqt li l-Kummissjoni sostniet li l-motivi inkwistjoni kienu ineffettivi, sa fejn ir-rikorrenti ma kinitx ipprovat li, li kieku dawn il-motivi kienu fondati, il-marġni ta’ dumping ikun inqas mill-marġni ta’ dannu, b’tali mod li d-dazju antidumping ikollu jitnaqqas, ir-rikorrenti wieġbet mhux biss billi invokat l-oneru tal-prova, iżda wkoll l-interess tagħha li tqajjem dawn il-motivi, u dan wassal lill-Kummissjoni sabiex issostni li dan l-interess ma kienx ikkaratterizzat f’dan il-każ.

62      Skont ġurisprudenza stabbilita, minn naħa, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, motiv li, anki fil-każ li jkun fondat, ma jkunx adattat sabiex iwassal għall-annullament mitlub mir-rikorrent (digriet tas‑26 ta’ Frar 2013, Castiglioni vs Il‑Kummissjoni, T‑591/10, mhux ippubblikat, EU:T:2013:94, punt 45, u sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2015, Franza vs Il‑Kummissjoni, T‑1/12, EU:T:2015:17, punt 73; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2000, EFMA vs Il‑Kunsill, C‑46/98 P, EU:C:2000:474, punt 38).

63      Min-naħa l-oħra, motiv ta’ annullament huwa inammissibbli minħabba n-nuqqas ta’ interess ġuridiku meta, anki jekk jitqies li dan il-motiv huwa fondat, l-annullament tal-att ikkontestat abbażi ta’ dan il-motiv ma jkunx ta’ natura li jagħti sodisfazzjon lir-rikorrent (ara d-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2020, Shindler et vs Il‑Kummissjoni, T‑627/19, EU:T:2020:335, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Dawn iż-żewġ kwistjonijiet huma differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 2000, EFMA vs Il‑Kunsill, C‑46/98 P, EU:C:2000:474, punt 38, u tal‑4 ta’ Mejju 2022, CRIA u CCCMC vs Il‑Kummissjoni, T‑30/19, EU:T:2022:266, punt 92 (mhux ippubblikata)).

65      Għandu jiġi kkunsidrat li, meta, fil-kuntest ta’ rikors li għandu bħala suġġett talba għall-annullament ta’ regolament li jimponi dazji antidumping li fih l-istituzzjonijiet tal-Unjoni applikaw ir-regola tad-dazju inferjuri, ir-rikorrenti tqajjem motivi jew partijiet ta’ motivi li jikkontestaw l-ogħla marġni bejn il-marġni ta’ dumping u l-marġni ta’ dannu, il-kwistjoni li tqum hija dik tan-natura effettiva ta’ dawn il-motivi jew partijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Marzu 2010, Foshan City Nanhai Golden Step Industrial vs Il‑Kunsill, T‑410/06, EU:T:2010:70, punti 94 sa 98, u tal‑21 ta’ Marzu 2012, Fiskeri og Havbruksnæringens Landsforening et vs Il‑Kunsill, T‑115/06, mhux ippubblikata, EU:T:2012:136, punti 45 sa 47).

66      Għaldaqstant, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti tal-partijiet dwar l-interess tar-rikorrenti li tqajjem il-motivi inkwistjoni huma irrilevanti.

67      Fir-rigward tan-natura effettiva tal-motivi inkwistjoni, bi tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni żammet il-pożizzjoni tagħha li skontha kienet ir-rikorrenti li kellha turi li l-motivi tagħha kellhom influwenza fuq l-eżitu tal-investigazzjoni, iżda qieset ukoll l-effett li kull wieħed mill-motivi inkwistjoni, li kieku kien fondat, kien seta’ jkollu fuq il-marġni ta’ dumping. B’mod partikolari, hija ssostni li l-fondatezza tal-ħames motiv hija kundizzjoni neċessarja, għalkemm mhux suffiċjenti, sabiex il-ksur imsemmi fil-motivi inkwistjoni jkun jista’ jnaqqas il-marġni ta’ dumping għal livell inqas mill-marġni ta’ dannu. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, li kieku l-ħames motiv kien fondat, hija tkun obbligata tikkalkola mill-ġdid il-marġni ta’ dumping, li b’hekk ikollu jitnaqqas b’ 41.1 punti perċentwali u għalhekk ikun ta’ 74.5 %. Dan il-marġni huwa wkoll ogħla mill-marġni ta’ dannu, li jilħaq 72.9 %, iżda, jekk motivi oħra inkwistjoni, jew partijiet minnhom, kienu min-naħa tagħhom fondati, ikun possibbli li l-marġni ta’ dumping isir inqas mill-marġni ta’ dannu. B’kuntrast ma’ dan, il-Kummissjoni ssostni li, jekk il-ħames motiv jiġi miċħud, il-marġni ta’ dumping li għandu jiġi kkalkolat mill-ġdid jibqa’ ogħla mill-marġni ta’ dannu, anki jekk il-motivi l-oħra inkwistjoni jkunu fondati. Fil-fatt, dawn ikopru allegati żbalji li l-eliminazzjoni tagħhom tista’, l-iktar l-iktar, tnaqqas il-marġni ta’ dumping għal livell li jkompli jaqbeż id‑90 %. B’hekk huwa jibqa’ ogħla, b’proporzjon sinjifikattiv, mill-marġni ta’ dannu.

68      Ir-rikorrenti, għalkemm tammetti li l-fondatezza tal-ħames motiv tista’ twassal għal tnaqqis tal-marġni ta’ dumping ta’ 41.1 punti perċentwali, tikkontesta l-kalkoli tal-Kummissjoni li minnhom hija tasal għall-konklużjoni li din il-fondatezza hija kundizzjoni sine qua non sabiex it-tieni sar-raba’ motiv ikunu effettivi, fis-sens li, jekk jintlaqgħu, il-marġni ta’ dumping ikun inqas mill-marġni ta’ dannu. Skont ir-rikorrenti, jekk il-motivi kollha inkwistjoni, ħlief il-ħames wieħed, kienu fondati, il-marġni ta’ dumping jitnaqqas għal 71.1 % u b’hekk ikun inqas mill-marġni ta’ dannu, li huwa ta’ 72.9 %. Waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti kkonfermat li din iċ-ċifra ta’ 71.1 % tippreżumi l-fondatezza tat-tieni motiv, li jwassal għal tnaqqis tal-marġni ta’ dumping ta’ 8.6 punti perċentwali, u li, fil-każ li dan il-motiv jiġi miċħud, dan il-marġni jitla’ għal 79.7 % u għalhekk ikun ogħla mill-marġni ta’ dannu.

69      Minn dan isegwi li r-rikorrenti tammetti li, fil-każ li t-tieni u l-ħames motiv jiġu miċħuda fil-mertu, ikun eskluż li l-motivi l-oħra inkwistjoni jistgħu jwasslu għal tnaqqis tal-marġni ta’ dumping b’tali mod li dan ikun inqas mill-marġni ta’ dannu. Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li, f’din l-ipoteżi, il-motivi l-oħra inkwistjoni jkunu neċessarjament ineffettivi.

70      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġu eżaminati fil-mertu t-tieni u l-ħames motiv, qabel ma tingħata deċiżjoni dwar in-natura effettiva tat-tielet u r-raba’ motiv.

 Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq ilksur talArtikolu 2(6a) tarRegolament bażiku, firrigward talgħażla talpajjiż rappreżentattiv xieraq

71      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, sa fejn hija qieset lit-Turkija bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq, abbażi tal-informazzjoni dwar Ilkalem Ticaret Ve Sanayi AS (iktar ’il quddiem “Ilkalem”), filwaqt li kellha tagħżel il-Messiku, abbażi tal-informazzjoni dwar Solutia Tlaxcala SA de CV (iktar ’il quddiem “Solutia Tlaxcala”) jew dwar Wyn De Mexico Productos Quimicos SA de CV (iktar ’il quddiem “Wyn”).

72      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat il-kundizzjoni, li tinsab fl-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, li skontha, sabiex l-informazzjoni dwar kumpannija stabbilita fil-pajjiż previst tkun tista’ tintuża, din għandha tkun “faċilment disponibbli”.

73      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tad-dmir ta’ diliġenza li l-Kummissjoni għandha tosserva fl-għażla tal-pajjiż rappreżentattiv xieraq.

74      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Messiku kien il-pajjiż rappreżentattiv l-iktar xieraq, minħabba li japplika livell ogħla ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali minn dak tat-Turkija.

75      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

76      Peress li l-kliem tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku ġie riprodott fil-punt 8 iktar ’il fuq, għandhom jinġabru fil-qosor l-istadji prinċipali segwiti, f’dan il-każ, mill-Kummissjoni waqt l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a)(a) tal-imsemmi regolament, kif jirriżultaw mir-Regolament ikkontestat.

77      Skont il-premessa 175 tar-Regolament ikkontestat, l-għażla tal-pajjiż rappreżentattiv kienet “ibbażata fuq il-kriterji li ġejjin:

–        Livell ta’ żvilupp ekonomiku simili [għaċ-Ċina;]

–        Il-produzzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat f’dan il-pajjiż[;]

–        Id-disponibbiltà ta’ data pubblika rilevanti f’dan il-pajjiż;

–        Meta kien hemm aktar minn pajjiż rappreżentattiv wieħed possibbli, ingħatat preferenza, fejn kien xieraq, lill-pajjiż b’livell xieraq ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali.”

78      Mill-premessi 177 sa 184, 198, 199 u 203 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li, wara li kkunsidrat ħames pajjiżi li setgħu jintużaw bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq, il-Kummissjoni eskludiet tlieta minnhom, b’tali mod li kellha tagħżel bejn il-bqija taż-żewġ pajjiżi, jiġifieri l-Messiku u t-Turkija.

79      Fir-rigward tal-Messiku, il-Kummissjoni analizzat id-disponibbiltà tal-informazzjoni finanzjarja ta’ Solutia Tlaxcala u ta’ Wyn (premessi 38, 200 sa 202, 212, 229 u 230 tar-Regolament ikkontestat).

80      Fir-rigward ta’ Solutia Tlaxcala, il-Kummissjoni ġiet ikkonfrontata bil-fatt li l-kumpannija omm, Solutia Europe SPRL/BVBA (iktar ’il quddiem “Solutia Europe”), utent tal-PVAL stabbilit fil-Belġju, kienet bagħtitilha l-informazzjoni finanzjarja neċessarja biss f’forma kunfidenzjali, li għaliha l-pubbliku ma setax ikollu aċċess, u li din l-informazzjoni ma kinitx disponibbli fid-database Orbis.

81      Il-Kummissjoni rrilevat ukoll li, għalkemm xi produtturi-esportaturi kienu sostnew li l-informazzjoni dwar Solutia Tlaxcala kienet disponibbli fid-database Dun&Bradstreet, huma llimitaw ruħhom li jinvokaw din l-evidenza bħala “prova prima facie” tad-disponibbiltà ta’ din l-informazzjoni, iżda ma kinux ipproduċewha. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li hija ma setgħetx tuża din l-informazzjoni fil-kuntest tal-proċedura.

82      Fir-rigward ta’ Wyn, il-Kummissjoni rrilevat li l-informazzjoni finanzjarja pubblika tagħha kienet disponibbli biss għall-ewwel sitt xhur tal‑2018 u li dan il-perijodu ma kienx jikkoinċidi ma’ dak previst mill-investigazzjoni tagħha u ma setax jiġi kkunsidrat bħala rappreżentattiv ta’ sena sħiħa, minħabba varjazzjonijiet staġjonali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat li Wyn ma kinitx profittabbli fl‑2017. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Messiku ma setax ikun pajjiż rappreżentattiv xieraq għall-investigazzjoni tagħha.

83      Fir-rigward tat-Turkija, il-Kummissjoni qieset li hija setgħet tibbaża ruħha fuq l-informazzjoni dwar Ilkalem, li kienet disponibbli fid-database Orbis, b’mod partikolari għall‑2018, u li kienet turi li, għalkemm din il-kumpannija kellha telf matul dik is-sena, minħabba spejjeż finanzjarji għoljin, l-eżami tal-informazzjoni għas-snin preċedenti kien jippermetti li dawn l-ispejjeż jiġu kklassifikati bħala straordinarji. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-informazzjoni relatata mal‑2018 setgħet tintuża, permezz ta’ aġġustament sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura straordinarja tal-ispejjeż finanzjarji sostnuti matul dik is-sena (premessi 205, 206 u 213 sa 215 tar-Regolament ikkontestat).

84      Barra minn hekk, fil-premessi 221 u 226 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni ppreċiżat li, peress li hija kienet stabbilixxiet li t-Turkija kienet l-uniku pajjiż rappreżentattiv xieraq possibbli, ma kienx neċessarju li ssir l-evalwazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(6a)(a) in fine tar-Regolament bażiku.

85      Il-prinċipji li għandhom jiġu applikati għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tfakkru fil-punt 28 iktar ’il fuq.

86      Fuq il-livell letterali, ir-rikorrenti ssostni li l-interpretazzjoni tal-espressjoni “informazzjoni faċilment disponibbli” adottata mill-Kummissjoni hija inkompatibbli mal-formulazzjoni tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, peress li l-avverbji “faċilment” u “pubblikament” ma humiex sinonimi.

87      Għandu jiġi rrilevat li, għalkemm ir-Regolament ikkontestat ma huwiex nieqes minn ambigwità f’dan ir-rigward, sa fejn juża diversi drabi l-espressjonijiet “data pubblika” u “data […] disponibbli għall-pubbliku” (ara b’mod partikolari l-premessi 175, 194, 202, 212 u 217 tal-imsemmi regolament), fil-premessa 228 ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni ddikjarat dan li ġej:

“(228) [s]kont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, id-data ma għandhiex għalfejn tkun ‘disponibbli pubblikament’ iżda ‘disponibbli faċilment’. Il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni li ‘disponibbli pubblikament’ tfisser disponibbli għall-pubbliku ġenerali filwaqt li ‘disponibbli faċilment’ tfisser disponibbli għal kulħadd, dment li jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, bħal pereżempju ħlas ta’ tariffa. Huwa importanti li jissemma li l-informazzjoni kollha użata biex jinħadem il-valur nominali tqiegħed għad-dispożizzjoni fil-fajl miftuħ. Dan ifisser li avolja l-informazzjoni hija disponibbli biss mal-ħlas, il-partijiet ikkonċernati kollha kellhom aċċess għaliha.”

88      Fid-dawl ta’ din l-interpretazzjoni tal-espressjoni “faċilment disponibbli”, ir-rikorrenti tiżbalja meta ssostni li l-Kummissjoni ħawdet il-kunċetti ta’ “pubblikament disponibbli” u ta’ “faċilment disponibbli”. Fil-fatt, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn dawn iż-żewġ kunċetti, li hija għalhekk ma qisitx bħala ekwivalenti.

89      Fuq il-livell kuntestwali, ir-rikorrenti tenfasizza li, meta r-Regolament bażiku jipprevedi li element huwa intiż li jsir pubbliku, din il-preċiżazzjoni tidher espressament fid-dispożizzjonijiet rilevanti. Barra minn hekk, mid-dritt tal-WTO jirriżulta li obbligi proċedurali ta’ kunfidenzjalità ma jipprekludux li, fil-mertu, awtorità kompetenti tuża data kunfidenzjali.

90      Minn naħa, peress li diġà ġie rrilevat li l-Kummissjoni ma ħawditx iż-żewġ kunċetti msemmija fil-punt 88 iktar ’il fuq, ftit jimporta li, f’ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku, il-leġiżlatur ippreċiża li ċerti elementi kellhom isiru aċċessibbli għall-pubbliku.

91      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni għandha raġun issostni li l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku għandu jiġi interpretat fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament iddedikati għat-trattament kunfidenzjali u minn dawk li jirregolaw l-informazzjoni tal-partijiet, sabiex jipproteġu d-drittijiet tad-difiża tagħhom.

92      Fuq il-livell teleoloġiku, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku għandu jikkontribwixxi għall-għan ta’ dan tal-aħħar, li jikkonsisti fil-prevenzjoni tal-prattiki ta’ dumping fis-suq tal-Unjoni u fl-iżgurar ta’ kummerċ u kompetizzjoni ġusta f’dan is-suq. B’hekk, l-għażla mill-Kummissjoni tal-pajjiż rappreżentattiv xieraq ma tistax tiddependi mill-kunsens ta’ produttur għall-iżvelar lill-pubbliku tad-data tiegħu.

93      Issa, għalkemm ir-Regolament bażiku huwa intiż li jiżgura l-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping billi jevita b’mod partikolari li jiġi kkawżat dannu lil produzzjoni stabbilita fl-Unjoni (ara, b’analoġija, id-digriet tal‑11 ta’ Ottubru 2011, DBV vs Il‑Kummissjoni, T‑297/10, mhux ippubblikat, EU:T:2011:583, punt 37; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2008, Carboni e derivati, C‑263/06, EU:C:2008:128, punt 39), il-leġiżlatur madankollu ddeċieda li jsegwi dan l-għan filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti marbuta mat-trattament kunfidenzjali ta’ ċerta informazzjoni u mal-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża.

94      Għandhom jitfakkru l-kliem tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku rilevanti f’dan ir-rigward.

95      Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku, huwa previst dan li ġej:

“1. Kwalunkwe informazzjoni li hija ta’ xorta kunfidenzjali, (per eżempju, minħabba li r-rivelazzjoni tagħha tkun ta’ vantaġġ kompetittiv sinifikanti għal xi kompetitur jew kien ikollha effett kuntrarju sinifikanti fuq persuna li tforni l-informazzjoni jew fuq persuna li minn għandha l-persuna li tforni l-informazzjoni ikun akkwista l-informazzjoni) jew li hija mogħtija fuq bażi kunfidenzjali minn partijiet għall-investigazzjoni għandha, jekk tiġi murija raġuni tajba, tiġi ttrattata bħala tali mill-awtoritajiet.

2. Partijiet interessati li jagħtu informazzjoni kunfidenzjali għandhom ikunu meħtieġa li jfornu taqsiriet mhux kunfidenzjali tagħha. Dawk it-taqsiriet għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu li tinftiehem b’mod raġonevoli s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’kunfidenzjalità. F’ċirkustanzi straordinarji, tali partijiet jistgħu jindikaw li tali informazzjoni ma tistax titqassar. F’tali ċirkostanzi eċċezzjonali, għandha tiġi mogħtija dikjarazzjoni tar-raġunijiet għaliex tali taqsira mhijiex possibbli.

3. Jekk jiġi kkunsidrat li mhijiex ġustifikata talba għall-kunfidenzjalità u jekk il-fornitur tal-informazzjoni mhuwiex lest li jagħmel l-informazzjoni disponibbli jew li jawtorizza r-rivelazzjoni tagħha taħt forma ġeneralizzata jew f’taqsira, tali informazzjoni tista’ tiġi injorata sakemm ma jistax jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi adatti li l-informazzjoni hija korretta. It-talbiet għall-kunfidenzjalità ma għandhomx jiġu rifjutati b’mod arbitrarju.

4. Dan l-Artikolu ma għandux jipprekludi r-rivelazzjoni ta’ informazzjoni ġenerali mill-awtoritajiet tal-Unjoni, u b’mod partikolari, tar-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati d-deċiżjonijiet meħuda skonttaħt dan ir-Regolament, jew ir-rivelazzjoni tal-evidenza li fuqha bbażaw l-argumenti tagħhom l-awtoritajiet tal-Unjoni sa fejn ikun meħtieġ li jiġu spjegati dawk ir-raġunijiet fi proċedimenti tal-qorti. Tali rivelazzjoni għandha tieħu kont tal-interessi leġittimi tal-partijiet konċernati li ma jiġux żvelati s-sigrieti kummerċjali tagħhom.

5. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri, inkluż l-uffiċjali tagħhom it-tnejn, ma għandhomx jiżvelaw informazzjoni riċevuta taħt dan ir-Regolament li għaliha jkun intalab trattament kunfidenzjali mill-fornitur tagħha, mingħajr permess speċifiku min dak il-fornitur.

[…]”

96      Skont l-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku, huwa previst dan li ġej:

“1. Min jagħmel l-ilment, l-importaturi u l-esportaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentanti tagħhom, u r-rappreżentanti tal-pajjiż ta’ esportazzjoni, jistgħu jitolbu r-rivelazzjoni tad-dettalji sottostanti l-fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom ġew imposti l-miżuri provviżorji […]

2. Il-partijiet msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jitolbu r-rivelazzjoni finali tal-fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom huwa maħsub li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni tal-miżuri definittivi, jew it-terminazzjoni ta’ investigazzjoni jew proċedimenti mingħajr l-impożizzjoni tal-miżuri, b’attenzjoni partikolari mogħtija lir-rivelazzjoni ta’ kwalunkwe fatti jew kunsiderazzjonijiet li jkunu differenti minn dawk użati għal kwalunkwe miżura provviżorja.

[…]”

97      Skont l-Artikolu 6(7) tar-Regolament bażiku, huwa previst dan li ġej:

“7. Min jagħmel l-ilment, l-importaturi u l-esportaturi […] jistgħu, fuq talba bil-miktub, jispezzjonaw l-informazzjoni kollha magħmula disponibbli minn kwalunklwe parti għal investigazzjoni, bħala distinta minn dokumenti interni ppreparati mill-awtoritajiet tal-Unjoni jew mill-Istati Membri tagħha, li tkun rilevanti għall-preżentazzjoni tal-każijiet tagħhom u mhux kunfidenzjali fis-sens tal-Artikolu 19, u li tkun użata fl-investigazzjoni.

[…]”

98      Permezz ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ir-Regolament bażiku għandu żewġ għanijiet, jiġifieri, minn naħa, li jippermetti lill-partijiet ikkonċernati jiddefendu l-interessi tagħhom b’mod utli u, min-naħa l-oħra, li jippreżerva l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miġbura matul l-investigazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Jinan Meide Casting vs Il‑Kunsill, T‑424/13, EU:T:2016:378, punt 96; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2017, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kunsill, T‑442/12, EU:T:2017:372, punt 142 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99      Fir-rigward tal-ewwel għan imsemmi fil-punt 98 iktar ’il fuq, għandu jitfakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura miftuħa kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi ggarantit, anki fl-assenza ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċedura. Dan il-prinċipju huwa ta’ importanza kbira fil-proċeduri ta’ investigazzjonijiet antidumping (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2017, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kunsill, T‑442/12, EU:T:2017:372, punt 139 u l-ġurisprudenza ċċitata).

100    Bis-saħħa tal-imsemmi prinċipju, l-impriżi kkonċernati għandhom ikunu tqiegħdu f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li jesprimu effettivament il-perspettiva tagħhom dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati u dwar il-provi prodotti mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ prattika ta’ dumping u tad-dannu li jirriżulta minnha (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2017, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kunsill, T‑442/12, EU:T:2017:372, punt 140 u l-ġurisprudenza ċċitata).

101    Fir-rigward tat-tieni għan imsemmi fil-punt 98 iktar ’il fuq, għandu jitfakkar li l-protezzjoni tas-sigriet tan-negozju tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Iż-żamma ta’ kompetizzjoni mingħajr distorsjoni tikkostitwixxi interess pubbliku importanti li s-salvagwardja tiegħu tista’ tiġġustifika r-rifjut tal-iżvelar tal-informazzjoni koperta bis-sigriet tan-negozju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Jinan Meide Casting vs Il‑Kunsill, T‑424/13, EU:T:2016:378, punt 165 u l-ġurisprudenza ċċitata).

102    Sabiex jirrikonċiljaw iż-żewġ għanijiet inkwistjoni, fit-twettiq tad-dmir ta’ informazzjoni tagħhom, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jaġixxu bid-diliġenza kollha meħtieġa meta jippruvaw jagħtu lill-impriżi kkonċernati, sa fejn l-osservanza tas-sigriet tan-negozju tibqa’ żgurata, indikazzjonijiet utli għad-difiża tal-interessi tagħhom u meta jagħżlu, jekk ikun xieraq ex officio, il-modalitajiet xierqa ta’ tali komunikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2017, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kunsill, T‑442/12, EU:T:2017:372, punt 141).

103    In-neċessità li dawn l-għanijiet jiġu rrikonċiljati tirriżulta wkoll mill-fatt li, skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku huwa intiż sabiex jipproteġi mhux biss is-sigrieti tan-negozju, iżda wkoll id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet l-oħra fil-proċedura antidumping (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2020, Zhejiang Jiuli Hi-Tech Metals vs Il‑Kummissjoni, T‑307/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:487, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

104    Fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u prinċipji, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni, meta tipprova tikseb, skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, informazzjoni “faċilment disponibbli”, għandha d-dritt tirrifjuta li tuża għal dan l-għan informazzjoni li titqies, mill-parti li tkun ipprovdietha, bħala kunfidenzjali u li mingħandha hija ma tkunx tista’ tikseb sunt mhux kunfidenzjali li abbażi tiegħu l-partijiet l-oħra kkonċernati mill-investigazzjoni jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

105    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mir-rapport tal-Korp tal-Appell dwar it-tilwima “It-Tajlandja – Dazji Anti-Dumping fuq l-Angoli, il-Forom u Qatgħat tal-Ħadid jew tal-Azzar Mhux Illigat u t-Tagħmir H mill-Polonja”, adottat mil-KST fil‑5 ta’ April 2001 (WT/DS 122/AB/R) (iktar ’il quddiem ir-“Rapport fuq il-forom u t-tagħmir”), invokat mir-rikorrenti.

106    Fil-fatt, skont il-punt 111 tar-Rapport fuq il-forom u t-tagħmir, huwa previst dan li ġej:

“[I]l-preskrizzjoni tal-Artikolu 3.1 [tal-Ftehim antidumping] li d-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu għandha tkun ibbażata fuq provi ‘pożittivi’ u għandha tinkludi eżami ‘oġġettiv’ tal-provi meħtieġa fir-rigward tad-dannu ma tfissirx li d-determinazzjoni għandha tkun ibbażata biss fuq ir-raġunament jew il-fatti li ġew żvelati lill-partijiet f’investigazzjoni antidumping jew li setgħu jiġu identifikati minnhom. [Dan] l-Artikolu 3.1, għall-kuntrarju, jippermetti lil awtorità [kompetenti] tibbaża d-determinazzjoni tagħha fuq ir-raġunamenti u l-fatti rilevanti kollha li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha.”

107    Madankollu, qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 3.1 tal-Ftehim antidumping ma jinkludix il-kundizzjoni, li tinsab, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, li l-informazzjoni li l-Kummissjoni tuża għandha tkun “faċilment disponibbli”.

108    Sussegwentement, għandu jitfakkar li, fil-punt 107 tar-Rapport fuq il-forom u t-tagħmir, il-Korp tal-Appell jippreċiża li “investigazzjoni antidumping […] għandha tinkludi l-ġabra u l-evalwazzjoni kemm ta’ informazzjoni kunfidenzjali kif ukoll ta’ informazzjoni mhux kunfidenzjali” u li d-“determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu […] għandha tkun ibbażata fuq dawn il-provi kollha”. Minn dan huwa jikkonkludi li “ma hemm xejn fl-Artikolu 3.1 [tal-Ftehim antidumping] li jobbliga lil awtorità [kompetenti] tibbaża d-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu biss fuq informazzjoni mhux kunfidenzjali”. Għaldaqstant, għalkemm, skont it-tagħlim li jirriżulta minn dan ir-rapport, l-awtorità kompetenti tista’ tuża wkoll, minbarra informazzjoni mhux kunfidenzjali, informazzjoni kunfidenzjali, hija ma tistax tibbaża ruħha esklużivament fuq informazzjoni kunfidenzjali. Madankollu, dan kien ikun il-każ li kieku l-Kummissjoni użat l-informazzjoni li Solutia Europe kienet ipprovditilha fir-rigward ta’ Solutia Tlaxcala.

109    Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li, fil-punt 109 tar-Rapport fuq il-forom u t-tagħmir, għalkemm il-Korp tal-Appell ifakkar li l-Artikolu 6 tal-Ftehim antidumping “jistabbilixxi qafas ta’ obbligi [proċedurali] li, fost affarijiet oħra, jeżiġi li l-awtoritajiet [kompetenti] jiżvelaw ċerti provi, matul l-investigazzjoni, lill-partijiet ikkonċernati” u jikkonstata li “[m]a hemm l-ebda raġuni sabiex dawn l-obbligi […] jinqraw b’mod li jinkludihom fid-dispożizzjonijiet sostantivi tal-Artikolu 3.1” ta’ dan il-ftehim, huwa jippreċiża li, b’dan il-mod, huwa “ma [jagħtix] x’jifhem […] li d-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu stabbilit f’dan il-każ neċessarjament tissodisfa r-rekwiżiti [tal-imsemmi] artikolu”. Fil-fatt, skont il-Korp tal-Appell, il-Bord, li r-rapport tiegħu kien ikkontestat quddiemu, “peress li kkonstata li l-allegazzjoni magħmula mir-[Repubblika tal-]Polonja skont [dan l-aħħar artikolu] ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 6.2 tal-[Qbil dwar is-Soluzzjoni tat-Tilwim, li jinsab fl-Anness 2 tal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO], ma eżaminax il-kwistjoni”.

110    Għaldaqstant, il-Korp tal-Appell ried jevita li, meta parti, fit-talba tagħha għall-istabbiliment ta’ bord, tkun naqset milli tqajjem biċ-ċarezza meħtieġa l-kwistjoni tal-osservanza mill-awtorità kompetenti tal-obbligi proċedurali previsti fl-Artikolu 6 tal-Ftehim antidumping, dwar it-trattament kunfidenzjali u d-drittijiet tad-difiża, hija tkun tista’ tirrimedja din l-ommissjoni billi ssostni li l-evalwazzjoni tal-ksur tad-dispożizzjonijiet sostantivi li hija adixxiet b’mod validu lil dan il-bord tinkludi l-eżami tal-osservanza ta’ dawn l-obbligi proċedurali.

111    Minn dan isegwi li r-Rapport fuq il-forom u t-tagħmir ma jistax jiġi interpretat bħala li jistabbilixxi prinċipju ġenerali li awtorità kompetenti tista’ fi kwalunkwe każ tuża informazzjoni kunfidenzjali.

112    F’dan il-każ, huwa stabbilit li Solutia Europe opponiet l-iżvelar tal-informazzjoni dwar Solutia Tlaxcala u li hija ma pprovdietx lill-Kummissjoni sunt mhux kunfidenzjali ta’ din l-informazzjoni. B’hekk, skont l-Artikolu 19(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni setgħet teskludi din l-informazzjoni, ħlief jekk hija setgħet tiksibha permezz ta’ sorsi oħra.

113    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-informazzjoni dwar Solutia Tlaxcala hija disponibbli fid-database Dun&Bradstreet, aċċessibbli b’abbonament. Ftit jimporta li l-Kummissjoni għażlet li tabbona biss għad-database Orbis.

114    Għandu jiġi kkonstatat li, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-informazzjoni finali, ir-rikorrenti ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni fuq il-fatt li d-database Dun&Bradstreet kien fiha informazzjoni faċilment disponibbli dwar Solutia Tlaxcala u daħħlet hyperlink fis-silta rilevanti ta’ dawn l-osservazzjonijiet, filwaqt li ppreċiżat li din l-informazzjoni kienet aċċessibbli permezz tal-ħlas ta’ drittijiet ta’ aċċess.

115    Mit-tweġibiet tal-partijiet prinċipali għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-hyperlink indikata mir-rikorrenti ma kinitx tippermetti l-aċċess għall-informazzjoni ta’ Solutia Tlaxcala li tinsab fid-database Dun&Bradstreet.

116    Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-informazzjoni finali, ir-rikorrenti llimitat ruħha li tindika li kienet teżisti prova “prima facie” tal-possibbiltà li tinkiseb l-informazzjoni ta’ Solutia Tlaxcala fid-database Dun&Bradstreet.

117    Minn dan isegwi li r-rikorrenti stess ma kellhiex aċċess għal din l-informazzjoni, b’tali mod li hija ma kinitx taf il-livell ta’ dettall tagħha u l-perijodu li hija kienet tkopri.

118    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament irrifjutat li tuża din l-informazzjoni fil-premessa 230 tar-Regolament ikkontestat.

119    Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-ksur tad-dmir ta’ diliġenza, peress li din tinvoka l-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, fil-verżjoni tiegħu preċedenti għar-Regolament 2017/2321, li huma applikabbli b’analoġija, hemm lok li jitfakkar il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, li jaqra kif ġej:

“Fil-każ ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq […], il-valur normali għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, jew il-prezz minn tali pajjiż terz għal pajjiżi oħra, inkluża l- Unjoni, jew, fejn dawn ma jkunux possibbli, fuq kwalunkwe bażi oħra raġonevoli, inkluż il-prezz attwalment imħallas jew pagabbli fl-Unjoni għal prodott simili, adegwatament aġġustat jekk meħtieġ biex jinkludi marġni ta’ profitt raġonevoli.

Għandu jiġi magħżul pajjiż terz xieraq b’ekonomija tas-suq b’manjiera li ma tkunx irraġonevoli, filwaqt jitqies kull tagħrif affidabbli li jsir disponibbli fiż-żmien tal-għażla […]”

120    Skont il-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, fil-verżjoni tiegħu preċedenti għar-Regolament 2017/2321, l-għażla tal-“pajjiż analogu” skont din id-dispożizzjoni taqa’ fil-kuntest tas-setgħa wiesgħa ta’ evalwazzjoni li għandhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi u politiċi li huma għandhom jeżaminaw (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Shanxi Taigang Stainless Steel vs Il‑Kummissjoni, C‑436/18 P, EU:C:2019:643, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, waqt l-għażla ta’ dan il-pajjiż, huwa suġġett għall-istħarriġ ġudizzjarju. Fil-fatt, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika l-osservanza tar-regoli proċedurali, l-eżattezza materjali tal-fatti stabbiliti sabiex issir l-għażla kkontestata, l-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew l-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter. B’mod partikolari, għandu jiġi vverifikat jekk dawn l-istituzzjonijiet naqsux milli jieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi essenzjali sabiex tiġi stabbilita l-adegwatezza tal-pajjiż magħżul u jekk l-elementi tal-proċess ġewx eżaminati bid-diliġenza kollha meħtieġa sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat li l-valur normali tal-prodott ikkonċernat ġie ddeterminat b’mod xieraq u mhux b’mod irraġonevoli (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tad‑29 ta’ Mejju 1997, Rotexchemie, C‑26/96, EU:C:1997:261, punti 10 sa 12; tal‑10 ta’ Settembru 2015, Fliesen-Zentrum Deutschland, C‑687/13, EU:C:2015:573, punt 51, u tat‑23 ta’ April 2018, Shanxi Taigang Stainless Steel vs Il‑Kummissjoni, T‑675/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:209, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

121    Minkejja d-differenzi li jeżistu bejn l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 2(7)(a) preċedenti tiegħu, dawn il-prinċipji huma applikabbli b’analoġija f’dan il-każ, kif issostni l-Kummissjoni.

122    F’dan il-każ, l-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni aċċettat l-informazzjoni relatata ma’ Ilkalem, minkejja l-fatt li, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, din il-kumpannija kienet qiegħda tagħmel telf minħabba piżijiet finanzjarji straordinarji u li, għaldaqstant, kien neċessarju li jsiru aġġustamenti abbażi taċ-ċifri li jirrigwardaw it-tliet snin finanzjarji preċedenti. L-aċċettazzjoni ta’ din l-informazzjoni tikkontradixxi l-fatt li l-Kummissjoni rrifjutat l-informazzjoni dwar Wyn, minħabba li din kienet tkopri perijodu li ma kienx jikkoinċidi ma’ dak kopert mill-investigazzjoni tagħha. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tiżbalja jekk tippreferi l-informazzjoni ta’ Ilkalem minn dik ta’ Wyn kif ukoll minn dik ta’ Solutia Tlaxcala, li mhux biss hija “faċilment disponibbli”, iżda wkoll sħiħa u kompluta.

123    Għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax ir-realtà tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fir-Regolament ikkontestat, li abbażi tagħhom il-Kummissjoni eskludiet li tibbaża ruħha fuq l-informazzjoni dwar Wyn, minħabba li din ma tirrigwardax il-perijodu ta’ investigazzjoni u turi li din il-kumpannija ma kinitx għamlet profitt fl‑2017 (ara l-punt 82 iktar ’il fuq). Ir-rikorrenti sempliċement issostni li din l-esklużjoni tikkuntrasta mal-fatt li l-Kummissjoni aċċettat l-informazzjoni dwar Ilkalem. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din l-aħħar informazzjoni, kuntrarjament għal dik dwar Wyn, kienet disponibbli għall‑2018 kollha, b’mod li kienet tkopri mill-inqas parti mill-perijodu ta’ investigazzjoni. Barra minn hekk, din l-informazzjoni wriet ukoll li Ilkalem kienet għamlet profitt matul it-tliet snin preċedenti u li l-assenza ta’ profitt fl‑2018 kienet dovuta għal spejjeż finanzjarji partikolarment għoljin, li l-Kummissjoni kklassifikat bħala straordinarji. Issa, ir-rikorrenti ma kkontestatx il-fondatezza ta’ din il-klassifikazzjoni, u lanqas ma wriet li l-aġġustamenti magħmula mill-Kummissjoni għall-informazzjoni ta’ Ilkalem tal‑2018 sabiex tagħmel tajjeb għall-effett ta’ dawn l-ispejjeż straordinarji ma kinux xierqa.

124    Fid-dawl tas-setgħa wiesgħa ta’ evalwazzjoni li għandha l-Kummissjoni f’dan il-każ fir-rigward tal-għażla tal-pajjiż rappreżentattiv xieraq (ara l-punti 120 u 121 iktar ’il fuq), sabiex il-motiv tagħha jkun jista’ jintlaqa’, ir-rikorrenti għandha tipproduċi l-elementi suffiċjenti sabiex l-evalwazzjonijiet tal-fatti stabbiliti fir-Regolament ikkontestat ma jibqgħux plawżibbli (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Yieh United Steel vs Il‑Kummissjoni, T‑607/15, EU:T:2019:831, punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata).

125    Għaldaqstant, dan l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

126    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha tal-inqas tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, l-informazzjoni li tikkonċerna l-valuri ta’ sostituzzjoni tal-fatturi ta’ produzzjoni (iktar ’il quddiem il-“valuri ta’ sostituzzjoni”) u, min-naħa l-oħra, dik li tirrigwarda l-ispejjeż SGA u l-marġni ta’ profitt. L-informazzjoni ta’ Ilkalem tkun utli biss għal dawn l-aħħar elementi, peress li l-valuri ta’ sostituzzjoni jistgħu jinkisbu minn sorsi pubbliċi, b’mod partikolari mid-database Global Trade Atlas, li tinkludi dawn il-valuri għall-materja prima Messikana. Ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni diġà użat informazzjoni minn sorsi differenti f’investigazzjoni antidumping, bħalma għamlu l-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal-Amerika.

127    Issa, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti sempliċement tafferma li d-database Global Trade Atlas tinkludi l-valuri ta’ sostituzzjoni relatati mal-Messiku, iżda ma tispjegax kif dawn il-valuri huma iktar rilevanti minn dawk li jirrigwardaw it-Turkija. A fortiori, hija ma turix li kien manifestament żbaljat li jintużaw il-valuri ta’ sostituzzjoni Torok.

128    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tippreċiżax kif ikun manifestament żbaljat li tintuża l-informazzjoni relatata mal-istess pajjiż terz wieħed kemm għall-valuri ta’ sostituzzjoni kif ukoll għall-ispejjeż SGA u għall-valuri ta’ sostituzzjoni kif ukoll għall-ispejjeż tal-marġni ta’ profitt.

129    Ir-rikorrenti tinvoka l-prassi tal-Kummissjoni, li turi li din diġà użat informazzjoni minn sorsi differenti, kif ukoll il-prassi tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal-Amerika, ikkonfermata mill-qrati kompetenti.

130    Madankollu, minn naħa, skont il-ġurisprudenza, il-legalità ta’ regolament li jimponi dazji antidumping għandha tiġi evalwata fid-dawl tar-regoli ta’ dritt u, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku, u mhux abbażi tal-allegata prassi deċiżjonali preċedenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal‑10 ta’ Frar 2021, RFA International vs Il‑Kummissjoni, C‑56/19 P, EU:C:2021:102, punt 79; tal‑4 ta’ Ottubru 2006, Moser Baer India vs Il Kunsill, T‑300/03, EU:T:2006:289, punt 45, u tat‑18 ta’ Ottubru 2016, Crown Equipment (Suzhou) u Crown Gabelstapler vs Il‑Kunsill, T‑351/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:616, punt 107).

131    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-prassi tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal-Amerika, għandu jiġi rrilevat li din il-prassi tista’ tirrigwarda biss l-applikazzjoni tad-dritt tal-Istati Uniti tal-Amerika, li d-dispożizzjonijiet tiegħu mhux neċessarjament jikkoinċidu ma’ dawk tar-Regolament bażiku, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, anki jekk din il-prassi tirrigwarda sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli għal dik inkwistjoni f’dan il-każ, ħaġa li r-rikorrenti ma stabbilixxietx, hija ma tistax torbot lill-Qorti Ġenerali.

132    Konsegwentement, dan l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

133    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Messiku għandu livell ogħla ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali minn dak tat-Turkija, għandu jiġi rrilevat li, skont il-formulazzjoni stess tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, il-kwistjoni tal-livell ta’ dawn il-protezzjonijiet tqum biss “f’każ li tali pajjiż jkunu aktar minnwieħed”.

134    Issa, peress li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kellha raġun tikkunsidra li kienet teżisti informazzjoni rilevanti dwar l-ispejjeż SGA u dwar il-marġni ta’ profitt għat-Turkija biss, u mhux għall-Messiku, hija setgħet ġustament tikkonkludi, fil-premessi 221 u 226 tar-Regolament ikkontestat, li t-Turkija kienet l-uniku pajjiż rappreżentattiv xieraq u li, konsegwentement, ma kinitx tqum il-kwistjoni tal-livell ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali.

135    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ilħames motiv, ibbażat fuq ilksur talArtikolu 18 tarRegolament bażiku

136    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni żbaljat meta, sabiex tikkalkola l-valur normali tal-prodotti mmanifatturati minnha, użat l-informazzjoni disponibbli fis-sens tal-Artikolu 18 fir-rigward tal-fatturi ta’ produzzjoni li pproduċiet hija stess, bħall-fwar u bħall-elettriku, minkejja l-fatt li hija kienet ikkooperat bl-aħjar mod possibbli, billi wieġbet għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni.

137    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni, li tikkritikaha li ma attribwixxietx lill-prodott ikkonċernat mill-investigazzjoni parti mill-ispejjeż dwar l-inputs li hija għandha bżonn għall-fatturi ta’ produzzjoni li pproduċiet hija stess li hija tuża sabiex tipproduċi l-PVAL tagħha, ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li din l-attribuzzjoni hija impossibbli, minħabba l-karatteristiċi tal-proċess ta’ produzzjoni tal-PVAL tagħha.

138    Barra minn hekk, peress li r-rikorrenti kkooperat mal-Kummissjoni bl-aħjar mod possibbli, din tal-aħħar kienet obbligata, skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament bażiku, tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li hija kienet ipprovditilha u ma kellhiex id-dritt li tuża l-informazzjoni disponibbli fis-sens ta’ dan l-artikolu.

139    Il-Kummissjoni, sostnuta minn Sekisui, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

140    Għandu jitfakkar il-kliem tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, iddedikat għan-“[n]uqqas ta’ kooperazzjoni”, li huma fformulati kif ġej:

“1.      F’każijiet fejn kwalunkwe parti interessata tirrifjuta li tagħti aċċess għal, jew b’mod ieħor ma tipprovdix, informazzjoni neċessarja fil-limiti ta’ żmien previsti f’dan ir-Regolament, jew sinifikattivament timpedixxi l-investigazzjoni, jistgħu jsiru konklużjoniet provviżorji jew finali, affirmattivi jew negattivi, fuq il-bażi tal-fatti disponibbli.

[…]

3.      Fejn l-informazzjoni ppreżentata minn parti interessata ma tkunx ideali f’kull rispett, din ma għandhiex madanakollu tiġi injorata, sakemm kwalunkwe defiċenza ma tkunx tali li tikkawża diffikultà mhux dovuta sabiex issir konklużjoni raġonevolment preċiża u sakemm l-informazzjoni tiġi ppreżentata b’mod adegwat f’qasir żmien u tkun verifikabbli, u li l-parti tkun aġixxiet bl-aħjar mod li tista’.

[…]”

141    Sabiex jinftiehem ir-raison d’être għall-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, għandu jitfakkar li hija l-Kummissjoni, bħala awtorità investigatriċi, li għandha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ dumping, ta’ dannu u ta’ rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping u d-dannu stabbilit. Peress li l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament bażiku ma tagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li ġġiegħel lill-partijiet ikkonċernati jipparteċipaw fl-investigazzjoni jew jipproduċu informazzjoni, dik l-istituzzjoni tiddependi fuq il-kooperazzjoni volontarja ta’ dawn il-partijiet sabiex jipprovdulha l-informazzjoni neċessarja. F’dan il-kuntest, mill-premessa 27 tar-Regolament bażiku jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies li huwa “meħtieġ li jsir provvediment biex, fejn partijiet ma jikkoperawx b’mod sodisfaċenti tkun tista’ tintuża informazzjoni oħra sabiex jiġu stabbiliti konklużjonijiet u li tali informazzjoni tkun tista’ tkun inqas favorevoli għall-partijiet milli kieku kienu kkoperaw”. Għaldaqstant, l-għan tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku huwa li jippermetti lill-Kummissjoni tkun tista’ twettaq l-investigazzjoni anki jekk il-partijiet ikkonċernati jirrifjutaw li jikkooperaw jew jikkooperaw b’mod insuffiċjenti. Għalhekk, peress li huma obbligati jikkooperaw bl-aħjar mod possibbli għalihom, il-partijiet ikkonċernati għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha li huma jkollhom u li l-istituzzjonijiet iqisu neċessarji sabiex jistabbilixxu l-konklużjonijiet tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2017, EBMA vs Giant (China), C‑61/16 P, EU:C:2017:968, punti 54 sa 56).

142    Ir-Regolament bażiku ma jiddefinixxix x’inhi informazzjoni “neċessarja” fis-sens tal-Artikolu 18(1) tiegħu.

143    Skont il-ġurisprudenza, mill-kliem, mill-kuntest u mill-iskop tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku jirriżulta li l-kunċett ta’ “informazzjoni neċessarja” jirreferi għall-informazzjoni li l-partijiet ikkonċernati jkollhom li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jitolbuhom jipprovdu sabiex jistabbilixxu l-konklużjonijiet li huma meħtieġa fil-kuntest ta’ investigazzjoni antidumping (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2017, EBMA vs Giant (China), C‑61/16 P, EU:C:2017:968, punt 57).

144    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku jikkostitwixxi t-traspożizzjoni fid-dritt tal-Unjoni tal-kontenut tal-Artikolu 6.8 kif ukoll tal-Anness II tal-Ftehim antidumping (iktar ’il quddiem l-“Anness II”), li fid-dawl tagħhom huwa għandu jiġi interpretat sa fejn possibbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2014, Guangdong Kito Ceramics et vs Il‑Kunsill, T‑633/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:271, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

145    Skont l-Artikolu 6.8 tal-Ftehim antidumping, huwa previst dan li ġej:

“Fil-każijiet meta kwalunkwe partijiet interessati jiċħdu l-aċċess, jew inkella ma jipprovdux, informazzjoni meħtieġa fi żmien raġonevoli jew ma jippermettux sostanzjalment, determinazzjonijet ta’ natura preliminari u finali, affermativa jew negattiva, dawn jistgħu jsiru fuq bażi tal-fatti disponibbli. Id-disposizzjonijiet ta’ l-Anness II għandhom jiġu osservati fl-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu.”

146    L-Artikolu 5 tal-Anness II jikkorrispondi għall-Artikolu 18(3) tar-Regolament bażiku, peress li jipprevedi dan li ġej:

“Għalkemm l-informazzjoni pprovduta ma tkunx ideali minn varji aspetti, dan m’għandux jiġġustifika l-awtoritajiet milli ma jirrigwardawhiex, sakemm li l-partijiet interessati aġġixxew bl-użu ta’ l-aħjar kapaċità possibbli.”

147    Għandu jiġi rrilevat li l-Anness II huwa “inkorporat b’referenza fl-Artikolu 6.8” tal-Ftehim antidumping (ir-rapport tal-Korp tal-Appell dwar it-tilwima “L-Istati Uniti – Miżuri antidumping applikati għal ċerti prodotti tal-azzar irrumblati bis-sħana li joriġinaw mill-Ġappun”, adottat mill-KST fit‑23 ta’ Awwissu 2001 (WT/DS 184/AB/R, punt 75)) u li d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-anness huma imperattivi, minkejja l-fatt li dawn huma ta’ spiss ifformulati b’kundizzjoni (ir-rapport tal-Bord “L-Istati Uniti” – Miżuri antidumping u kumpensatorji applikati għall-folji tal-azzar li joriġinaw mill-Indja”, adottat mill-KST fid‑29 ta’ Lulju 2002 (WT/DS 206/R, punt 7.56)).

148    Skont ir-rapport tal-Bord dwar it-tilwima “Korea – Dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu karti li joriġinaw mill-Indoneżja”, adottat mill-KST fit‑28 ta’ Ottubru 2005 (WT/DS 312/R, punt 7.43), id-deċiżjoni li informazzjoni partikolari tiġi kklassifikata jew le bħala neċessarja, fis-sens tal-Artikolu 6.8 tal-Ftehim antidumping, għandha tittieħed fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull investigazzjoni, u mhux fl-astratt. Barra minn hekk, skont ir-rapport tal-Bord dwar it-tilwima “Komunitajiet Ewropej – Miżura antidumping dwar is-salamun tat-trobbija li joriġina min-Norveġja”, adottata mill-KST fil‑15 ta’ Jannar 2008 (WT/DS 337/R, punt 7.343), għandha titqies bħala neċessarja, fis-sens tal-istess dispożizzjoni, informazzjoni partikolari miżmuma minn parti kkonċernata u mitluba mill-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni antidumping (iktar ’il quddiem l-“awtorità kompetenti”) sabiex tistabbilixxi d-“determinazzjonijiet” tagħha.

149    Barra minn hekk, ġie deċiż li l-informazzjoni dwar il-volumi ta’ produzzjoni u dwar l-ispejjeż tal-manifattura tal-prodott ikkonċernat minn investigazzjoni antidumping kienet manifestament informazzjoni neċessarja fis-sens tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2021, NLMK vs Il‑Kummissjoni, T‑752/16, mhux ippubblikata, EU:T:2021:611, punt 53).

150    F’dan il-każ, mill-premessi 274, 275 u 317 sa 322 tar-Regolament ikkontestat u mill-preċiżazzjonijiet li l-Kummissjoni pprovdiet fil-mori tal-kawża, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, jirriżulta li l-Kummissjoni, sabiex tibni l-valur normali, użat l-informazzjoni disponibbli fis-sens tal-Artikolu 18 sabiex tistabbilixxi l-volumi ta’ konsum tal-inputs, bħall-faħam u bħall-ilma, li r-rikorrenti użat sabiex tipproduċi l-fatturi ta’ produzzjoni li pproduċiet hija stess li kienu involuti fil-produzzjoni tal-PVAL tagħha, bħall-elettriku u bħall-fwar. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma kinitx ipprovdiet lill-Kummissjoni bl-informazzjoni li hija qieset li kellha bżonn għal dan l-għan.

151    Ma huwiex ikkontestat li l-fatturi ta’ produzzjoni li pproduċiet hija stess għandhom rwol kunsiderevoli fil-produzzjoni tal-PVAL. Issa, dawn il-fatturi ta’ produzzjoni min-naħa tagħhom jeħtieġu inputs, li jikkostitwixxu għalhekk spejjeż li r-rikorrenti ssostni sabiex tipproduċi l-PVAL tagħha. Peress li l-valur normali f’dan il-każ inbena skont metodu bbażat fuq l-ispejjeż ta’ produzzjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kellha bżonn tkun taf il-volumi ta’ konsum tal-inputs kollha użati għall-produzzjoni tal-PVAL, inklużi għalhekk l-inputs neċessarji għall-produzzjoni tal-fatturi ta’ produzzjoni li pproduċa l-produttur stess.

152    Ir-rikorrenti ssostni li kien impossibbli għaliha li tipprovdi l-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tal-proċess ta’ produzzjoni tagħha, li ma tteħidx inkunsiderazzjoni mill-kwestjonarju ppreparat minn din tal-aħħar. Fil-fatt, il-fatturi ta’ produzzjoni li pproduċiet hija stess ma jintużawx biss għall-produzzjoni tal-PVAL. Ir-rikorrenti tinvoka wkoll ir-riskju ta’ għadd doppju li, kif esponiet matul l-investigazzjoni, jirriżulta mill-fatt li l-fwar iġġenerat minn bojlers li jaħdmu bil-faħam jintuża, inizjalment, sabiex tiġi prodotta l-enerġija u, sussegwentement, sabiex jiġu prodotti l-PVAL, bl-elettriku li għalhekk ma huwiex iġġenerat direttament mill-faħam. Għaldaqstant, dan l-elettriku u dan il-fwar li pproduċiet hija stess ma jistgħux jiġu assimilati ma’ inputs tradizzjonali, bħall-faħam. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tenfasizza li l-proċess tagħha huwa reazzjoni kompletament kimika li matulha ingredjenti differenti jinteraġġixxu u kultant jassorbu lil xulxin, u jħallu residwi li jistgħu jerġgħu jintużaw jew li jinbidlu f’sustanzi oħra.

153    Għandu jitfakkar li, skont il-premessa 319 tar-Regolament ikkontestat, ir-rikorrenti kienet “diġà [rrapportat] l-inputs biex jipproduċu l-fatturi ta’ produzzjoni prodotti [minnha] stess”. Minn dan, il-Kummissjoni tikkonkludi li “dawn l-inputs setgħu jiġu allokati bl-istess mod għall-prodott li qed jiġi investigat”.

154    Mill-premessa 319 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li r-rikorrenti kienet indikat lill-Kummissjoni l-inputs li kienu neċessarji sabiex tipproduċi l-fatturi ta’ produzzjoni li pproduċiet hija stess. Madankollu, ir-rikorrenti tqis li ma hijiex f’pożizzjoni li tippreċiża sa fejn dawn il-fatturi ta’ produzzjoni li pproduċiet hija stess, u għalhekk l-inputs neċessarji għall-produzzjoni tagħhom, jistgħu jiġu attribwiti għall-produzzjoni ta’ PVAL.

155    Minn dan isegwi li r-rikorrenti tikkontesta, fir-realtà, il-fondatezza tal-metodu li l-Kummissjoni użat sabiex tibni l-valur normali, sa fejn dan il-metodu wassal għal stima eċċessiva tal-konsum tal-inputs ikkonċernati, li ġew attribwiti b’mod sinjifikattiv wisq għall-produzzjoni tal-PVAL, filwaqt li l-fatturi ta’ produzzjoni li pproduċiet hija stess ma kinux użati esklużivament għall-produzzjoni tagħhom. Issa, din il-kontestazzjoni ma hijiex ta’ natura li turi li kien impossibbli li tiġi pprovduta l-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni.

156    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, sabiex jiġi evitat li l-Kummissjoni tirrikorri għall-informazzjoni disponibbli fis-sens tal-Artikolu 18, ir-rikorrenti setgħet tikkomunikalha din l-informazzjoni, bla ħsara għall-possibbiltà li tikkontesta fuq il-mertu, inkluż quddiem il-Qorti Ġenerali, l-użu li l-Kummissjoni tagħmel minnha.

157    Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-ksur tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku għandhom jiġu miċħuda.

158    Fir-rigward tal-argumenti tagħha dwar il-ksur tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament bażiku, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament isemmi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu, sitwazzjonijiet differenti. B’hekk, filwaqt li l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku jiddeskrivi, b’mod ġenerali, każijiet li fihom l-informazzjoni li hija neċessarja għall-istituzzjonijiet, għall-finijiet tal-investigazzjoni, ma ġietx ipprovduta, l-Artikolu 18(3) ta’ dan ir-regolament jipprevedi l-każijiet li fihom l-informazzjoni neċessarja, għall-finijiet tal-investigazzjoni, ġiet ipprovduta, iżda ma hijiex rilevanti, b’tali mod li l-informazzjoni disponibbli ma għandhiex neċessarjament tintuża (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2014, Guangdong Kito Ceramics et vs Il‑Kunsill, T‑633/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:271, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).

159    F’dan il-każ, il-Kummissjoni użat l-informazzjoni disponibbli fis-sens tal-Artikolu 18 biss sabiex tissostitwixxi l-elementi li r-rikorrenti ma kinitx ipprovditilha, minħabba l-allegata impossibbiltà li tagħmel dan.

160    Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li l-portata tal-isforzi magħmula minn parti kkonċernata sabiex tikkomunika ċerta informazzjoni ma hijiex neċessarjament relatata mal-kwalità intrinsika tal-informazzjoni pprovduta u ma hijiex, fi kwalunkwe każ, l-uniku element determinanti. Għalhekk, jekk l-informazzjoni mitluba finalment ma tinkisibx, il-Kummissjoni jkollha d-dritt tagħmel użu mill-informazzjoni disponibbli fis-sens tal-Artikolu 18 fir-rigward tal-imsemmija informazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2010, Sun Sang Kong Yuen Shoes Factory vs Il‑Kunsill, T‑409/06, EU:T:2010:69, punt 104).

161    Peress li r-rikorrenti ma pprovdietx l-elementi li l-Kummissjoni talbitha fir-rigward tal-inputs tal-fatturi ta’ produzzjoni li pproduċiet hija stess, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 18(3) tar-Regolament bażiku ma kienx applikabbli u li l-Kummissjoni setgħet biss tuża l-informazzjoni disponibbli fis-sens tal-Artikolu 18, sabiex tissostitwixxi dawn l-elementi.

162    Fi kwalunkwe każ, skont il-Korp tal-Appell, l-Artikolu 5 tal-Anness II jeżiġi li l-partijiet ikkonċernati jkollhom livell ta’ sforz kbir ħafna (ir-rapport tal-Korp tal-Appell dwar it-tilwima “L-Istati Uniti – Miżuri antidumping applikati għal ċerti prodotti tal-azzar irrumblati bis-sħana li joriġinaw mill-Ġappun”, adottat mill-KST fit‑23 ta’ Awwissu 2001 (WT/DS 184, punt 102)).

163    Issa, ma jistax jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti wettqet tali sforz, peress li hija rrifjutat li twettaq l-eżerċizzju kontabbli meħtieġ mill-Kummissjoni sabiex tattribwixxi lill-PVAL parti mill-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-fatturi ta’ produzzjoni li pproduċiet hija stess.

164    Għaldaqstant, hemm lok li jiġu miċħuda wkoll l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-ksur tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament bażiku.

165    Fir-replika, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma kkomunikatilhiex fi żmien xieraq ir-“rapport ta’ verifika” li hija kienet obbligata tittrażmetti lil parti kkonċernata qabel ma tibgħatilha l-ittra li permezz tagħha hija tinformaha bl-intenzjoni tagħha li tuża l-informazzjoni disponibbli fis-sens tal-Artikolu 18. Din l-irregolarità proċedurali tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

166    Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, għalkemm ma jistax jiġi impost fuq ir-rikorrent li juri li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet tkun differenti fl-assenza tal-irregolarità proċedurali inkwistjoni, iżda biss li tali ipoteżi ma hijiex totalment eskluża peress li din il-parti setgħet tiżgura aħjar id-difiża tagħha fl-assenza ta’ din l-irregolarità, xorta jibqa’ l-fatt li l-eżistenza ta’ irregolarità relatata mad-drittijiet tad-difiża tista’ twassal għall-annullament tal-att inkwistjoni biss sa fejn teżisti possibbiltà li, minħabba din l-irregolarità, il-proċedura amministrattiva setgħet twassal għal riżultat differenti, u b’hekk tippreġudika b’mod konkret id-drittijiet tad-difiża tagħha (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Zhejiang Jiuli Hi-Tech Metals vs Il‑Kummissjoni, C‑718/20 P, EU:C:2022:362, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

167    Issa, ir-rikorrenti ma invokat l-ebda prova li tista’ turi li ma kienx eskluż li l-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti li kieku hija kienet irċeviet ir-“rapport ta’ verifika” qabel.

168    Għaldaqstant, dan l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tiegħu, ikkontestata mill-Kummissjoni minħabba li dan ma kienx ġie invokat fir-rikors.

169    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

170    Barra minn hekk, skont il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 69 iktar ’il fuq, iċ-ċaħda tat-tieni u tal-ħames motiv bħala infondati tippermetti li t-tielet u r-raba’ motiv jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Inner Mongolia Shuangxin Environment-Friendly Material Co. Ltd għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, minn Kuraray Europe GmbH u minn Sekisui Specialty Chemicals Europe SL.

3)      Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u Wegochem Europe BV għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Truchot

Kanninen

Madise

Frendo

 

      Perišin

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑21 ta’ Frar 2024.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1      Qegħdin jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.