Language of document : ECLI:EU:T:2024:100

Kawża T-38/21

Inivos Ltd
u
Inivos BV

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża) tal-21 ta’ Frar 2024

“Kuntratti pubbliċi – Proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt – Forniment ta’ robots ta’ diżinfezzjoni lill-isptarijiet Ewropej – Urġenza imperattiva – COVID-19 – Assenza ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt – Rikors għal annullament – Nuqqas ta’ inċidenza individwali – Natura kuntrattwali tat-tilwima – Inammissibbiltà – Responsabbiltà”

1.      Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti – Atti preparatorji – Esklużjoni – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tintuża l-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt – Inammissibbiltà

(Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punti 21 sa 24, 29 sa 31, 33)

2.      Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti kuntratt fil-kuntest ta’ proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt – Inklużjoni

(Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punti 37, 39 sa 41)

3.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Interess ġuridiku – Rikors li jista’ jagħti benefiċċju lir-rikorrent – Azzjoni mressqa minn operatur li jaġixxi fuq il-kuntratt suġġett għal proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt – Bażi ta' rikors għad-danni eventwali – Żamma tal-interess ġuridiku

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punti 42, 45, 47, 54, 56, 57)

4.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Inċidenza diretta – Kriterji – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti kuntratt fil-kuntest ta’ proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt – Inċidenza diretta fuq ir-rikorrent assenti mill-proċedura u li jaġixxi fis-suq ikkonċernat

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punti 60 sa 67)

5.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Inċidenza individwali – Kriterji – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti kuntratt fil-kuntest ta’ proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt – Rikors ippreżentat minn operatur, li ma huwiex mistieden jagħmel offerta, li ma jurix il-kapaċità tiegħu li jissodisfa l-kriterji użati sabiex jintgħażlu l-operaturi mistiedna – Assenza ta’ inċidenza individwali – Inammissibbiltà

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punti 68 sa 79)

6.      Rikors għal annullament – Rikors li fil-realtà jirrigwarda tilwima ta’ natura kuntrattwali – Rikors intiż għal deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonkludi kuntratti qafas mal-offerenti magħżula – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Inammissibbiltà

(Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punti 81 sa 84)

Sunt

Filwaqt li ddeċidiet bħala kulleġġ ġudikanti estiż għal ħames imħallfin, il-Qorti Ġenerali tiċħad bħala inammissibbli r-rikors ippreżentat mir-rikorrenti, Inivos Ltd u Inivos BV, intiż b’mod partikolari għall-annullament ta’ tliet deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-għoti ta’ kuntratt pubbliku tal-Unjoni għall-akkwist ta’ robots ta’ diżinfezzjoni. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali tagħmel preċiżazzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikors ta’ operatur ekonomiku li ma ġiex mistieden jipparteċipa fi proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt (iktar ’il quddiem il-“PNMPMQ”), intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt meħuda fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

Il-Kummissjoni ddeċidiet, abbażi tar-raġuni ta’ urġenza li rriżultat mill-kriżi tal-COVID-19, li tuża l-PNMPMQ biex takkwista 200 robot ta’ diżinfezzjoni awtonomu li jużaw ir-radjazzjoni UV sabiex tużahom fl-isptarijiet Ewropej (1). Konsultazzjoni preliminari tas-suq kienet ippermettiet li jiġu identifikati sitt fornituri, minbarra r-rikorrenti, li kienu jissodisfaw kriterji ddefiniti minn qabel u li ġew mistiedna mill-Kummissjoni sabiex jissottomettu offerta fil-kuntest tal-PNMPMQ. Din tal-aħħar adottat id-deċiżjoni li tagħti dan il-kuntratt lil tnejn minnhom, li magħhom ġew konklużi l-kuntratti qafas dwar ir-robots ta’ diżinfezzjoni.

Wara l-avviż ta’ għoti tal-kuntratt tad-9 ta’ Diċembru 2020, li jgħid li l-kuntratti qafas inkwistjoni kienu ġew konklużi fid-19 ta’ Novembru 2020, ir-rikorrenti ppreżentaw rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni li tintuża PNMPMQ, tad-deċiżjoni ta’ għoti ta’ dan il-kuntratt (iktar’ il quddiem id-“deċiżjoni ta’ għoti kkontestata”), u tad-deċiżjoni li jiġu konklużi l-kuntratti qafas maż-żewġ operaturi magħżula, kif ukoll rikors għad-danni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tal-kap tat-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni tal-għoti kkontestata, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi b’mod partikolari fuq il-kwistjoni tal-locus standi tar-rikorrenti (2).

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali teżamina jekk ir-rikorrenti humiex direttament ikkonċernati mid-deċiżjoni tal-għoti kkontestata. Din tikkonstata, l-ewwel nett, li din id-deċiżjoni kellha l-effett li ċċaħħadhom definittivament mill-possibbiltà li jipparteċipaw fil-PNMPMQ u bl-istess mod li teskludihom minnha. Għalhekk, id-deċiżjoni msemmija pproduċiet direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tagħhom. Filwaqt li enfasizzat li r-rikorrenti għandhom jipprovaw li huma operaturi li joperaw fis-suq ikkonċernat, il-Qorti Ġenerali tqis li huma wrew b’mod suffiċjenti li huma kienu attivi fis-suq tar-robots awtonomi ta’ diżinfezzjoni li jużaw ir-raġġi UV.

It-tieni nett, id-deċiżjoni ta’ għoti kkontestata indikat b’mod definittiv lil żewġ operaturi bħala li ngħataw il-kuntratt inkwistjoni b’effett immedjat u vinkolanti. Peress li din id-deċiżjoni tipproduċi l-effetti legali tagħha mingħajr ma hija meħtieġa ebda miżura addizzjonali, hija ma tħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha. Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni tal-għoti kkontestata affettwat lir-rikorrenti direttament.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali teżamina jekk ir-rikorrenti humiex ikkonċernati individwalment mid-deċiżjoni tal-għoti kkontestata. Fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ PNMPMQ, operatur li ma ġiex mistieden jipparteċipa fl-imsemmija proċedura, meta kien f’pożizzjoni li jissodisfa l-kriterji applikati mill-awtorità kontraenti sabiex tagħżel l-impriżi li lilhom kellha tintbagħat stedina għal offerta, għandu jitqies li jifforma parti minn ċirku ristrett ta’ kompetituri li jistgħu jissottomettu offerta jekk ikunu ġew mistiedna jipparteċipaw fil-proċedura.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni spjegat li l-kriterji użati fil-proċedura inkwistjoni kienu l-marka CE, kapaċità ta’ produzzjoni ta’ mill-inqas 20 unità fix-xahar u esperjenza fil-qasam tal-użu ta’ mill-inqas 10 robots fl-isptarijiet. Dawn il-kriterji ġew ikkomunikati lir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja.

L-ewwel nett, fir-rigward tal-kriterju dwar il-marka CE, il-Qorti Ġenerali tqis li r-rikorrenti wrew li r-robot tagħhom kien jissodisfa dan il-kriterju.

It-tieni nett, fir-rigward tal-kriterju dwar il-kapaċità ta’ produzzjoni, għalkemm ir-rikorrenti sostnew, matul is-seduta, li jissodisfaw dan il-kriterju u anki li huma f’pożizzjoni li jżidu l-kapaċità ta’ produzzjoni tagħhom, il-Qorti Ġenerali tirrileva li huma ma ressqu ebda prova li tistabbilixxi li l-kapaċità ta’ produzzjoni tagħhom setgħet tilħaq l-20 robot fix-xahar.

It-tielet nett, fir-rigward tal-kriterju dwar l-esperjenza meħtieġa fil-qasam tal-użu tar-robots fl-isptarijiet, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-provi prodotti mir-rikorrenti ma jippermettux li jiġi ddeterminat in-numru eżatt ta’ robots użati.

Minn dan il-Qorti Ġenerali tiddeduċi li r-rikorrenti ma pprovawx li huma kienu f’pożizzjoni li jissodisfaw il-kriterji użati mill-Kummissjoni sabiex tagħżel lill-operaturi mistiedna jissottomettu offerti fil-kuntest tal-PNMPMQ. Konsegwentement, huma ma pproduċewx il-prova li huma kienu jifformaw parti minn ċirku ristrett ta’ operaturi li jistgħu jiġu mistiedna biex jagħmlu u biex jissottomettu offerta. B’hekk, dawn huma mhumiex individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni tal-għoti kkontestata.

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-kap tat-talbiet intiż għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ għoti kkontestata huwa inammissibbli. Wara li ċaħdet bħala inammissibbli l-kapijiet tat-talbiet diretti kontra ż-żewġ deċiżjonijiet ikkontestati l-oħra, hija tiċħad ir-rikors għal annullament fl-intier tiegħu. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tiċħad ukoll ir-rikors għad-danni ppreżentat mir-rikorrenti.


1      Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU L 60, 28.2.2019, p. 36)


2      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kull persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra l-atti indirizzati lilha jew li jikkonċernawha direttament u individwalment […].