Language of document : ECLI:EU:C:2017:783

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

19 ta’ Ottubru 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Protezzjoni tal-annimali matul it-trasport – Ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni – Regolament (UE) Nru 817/2010 – Regolament (KE) Nru 1/2005 – Obbligu li tiġi aġġornata kopja tal-ktieb tal-vjaġġ sal-wasla tal-annimali fil-post tal-ewwel ħatt fil-pajjiż terz tad-destinazzjoni finali – Irkuprar ta’ ammonti mħallsin indebitament”

Fil-Kawża C‑383/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (qorti tal-appell għal kwistjonijiet amministrattivi fil-qasam ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Lulju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Lulju 2016, fil-proċedura

Vion Livestock BV

vs

Staatssecretaris van Economische Zaken

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský, M. Safjan, D. Šváby (Relatur) u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Mejju 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Vion Livestock BV, minn H. A. Pasveer, avukat,

–        għall-Gvern tal-Pajjiżi Baxxi, minn M. Bulterman u M. Noort, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u E. Sebestyén, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouquet u B. Eggers, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Ġunju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(4), tal-Artikolu 8(2), u l-punti 3 u 7 tal-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005, tat-22 ta’ Diċembru 2004, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li temenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97 (ĠU 2005, L 3, p. 1 u r-rettifikattiv ĠU 2011, L 336, p. 86), kif ukoll fuq l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3(1), 4, 5 u 7 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 817/2010, tas-16 ta’ Settembru 2010, li jippreskrivi regoli dettaljati skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward ta’ rekwiżiti għall-għoti ta’ rifużjonijiet konnessi mal-welfare tal-annimali tal-ifrat ħajjin matul it-trasport (ĠU 2010, L 245, p. 16).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Vion Livestock BV (iktar ’il quddiem “Vion”) u Staatssecretaris van Economische Zaken (segretarju tal-istat għall-affarijiet ekonomiċi, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem is-“segretarju tal-istat”), dwar l-irkupru ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni miġbura minn Vion wara l-esportazzjoni ta’ annimali tal-ifrat ħajjin lejn il-Libanu.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Nru 1/2005

3        Skont il-premessa 11 tar-Regolament Nru 1/2005, sabiex tiġi żgurata applikazzjoni effettiva u konsistenti ta’ dan tal-aħħar madwar l-Unjoni Ewropea fid-dawl tal-prinċipju fundamentali tagħha skont liema l-annimali ma għandhomx jiġu ttrasportati b’mod li jista’ jikkawża uġigħ u tbatija żejda għalihom, huwa xieraq li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet iddettaljati li jindirizzaw il-bżonnijiet speċifiċi li jivverifikaw ruħhom rigward it-tipi varji ta’ trasport.

4        L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1/2005, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għat-trasport ta’ annimali vertebrati ħajjin li jsir ġol-[Unjoni], inklużi l-ispezzjonijiet speċifiċi li jsiru minn uffiċjali fuq konsenji li jidħlu jew li jħallu t-territorju doganali tal-[Unjoni].”

5        L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Obbligi ta’ l-ippjanar għat-trasport ta’ l-annimali”, jipprevedi, fil-paragrafu 4 tiegħu:

“Għal vjaġġi twal bejn l-Istati Membri u ma’ pajjiżi terzi għal Equidae domestiċi barra minn Equidae reġistrati u annimali domestiċi ta’ speċi bovina, ovina, kaprina jew suwina, it-trasportaturi u organizzaturi għandhom jikkonformaw mad-disposizzjonijiet dwar ir-reġistru tal-vjaġġ stabbiliti fl-Anness II.”

6        L-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, intitolat “Gwardjani”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Il-gwardjani għandhom jeżaminaw lill-annimali kollha li jaslu f’post ta’ tranżitu jew post ta’ destinazzjoni u jiddeċiedu jekk l-annimali kienux soġġetti għal vjaġġ twil bejn Stati Membri u ma pajjiżi terzi. F’każ ta’ vjaġġi twal għal Equidae domestiċi, minbarra Equidae reġistrati, u annimali domestiċi ta’ speċi bovina, ovina, kaprina jew suwina, il-gwardjani għandhom jikkonformaw mad-disposizzjonijiet tar-reġistru tal-vjaġġ stabbiliti fl-Anness II.”

7        L-Artikolu 14 tal-istess regolament, intitolat “Spezzjonijiet u miżuri oħra relatati mar-reġistru tal-vjaġġ li għandhu jsir mill-awtorità kompetenti qabel vjaġġi twal”, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“F’każ ta’ vjaġġi twal bejn l-Istati Membri u ma’ pajjiżi terzi [għall-ispeċi inklużi], l-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq għandha:

(a)      tagħmel spezzjonijiet xierqa sabiex tivverifika li:

i)      it-trasportatur indika fil-ktieb tal-vjaġġ l-awtorizzazzjonijiet validi li jikkorrispondu ta’ trasportatur, iċ-ċertifikati validi ta’ l-approvazzjoni għal mezzi tat-trasport għal vjaġġi twal u ċertifikati validi ta’ kompetenza għax-xufiera u akkompanjanti;

ii)      il-ktieb tal-vjaġġ ippreżentat mill-organizzatur huwa realistiku u jindika konformità ma’ dan ir-Regolament;

b)      fejn ir-riżultat ta’ l-ispezzjonijiet li huwa pprovdut dwaru f’punt (a) m’huwiex sodisfaċenti, jirrikjedi lill-organizzatur sabiex jibdel l-arranġamenti għall-vjaġġ twil intenzjonat sabiex tikkonforma ma’ dan ir-Regolament;

(ċ)      fejn ir-riżultat tal-kontrolli previsti f’punt (a) ikun sodisfaċenti, l-awtorità kompetenti għandha tittimbra il-ktieb tal-vjaġġ;

[…]”

8        L-Anness II tar-Regolament Nru 1/2005 intitolat “Il-Ktieb tal-vjaġġ” jistabbilixxi fil-punti 1 sa 3, 7 u 8 tiegħu:

“1.      Persuna li tippjana vjaġġ twil, għandha tipprepara, tittimbra u tiffirma l-paġni kollha tal-ktieb tal-vjaġġ skond id-disposizzjonijiet ta’ dan l-Anness.

2.      Il-ktieb tal-vjaġġ għandu jinkludi dawn it-taqsimiet:

Taqsima 1 – Ippjanar;

Taqsima 2 – Post tat-tluq;

Taqsima 3 – Post ta’ destinazzjoni;

Taqsima 4 – Dikjarazzjoni minn trasportatur;

Taqsima 5 – Rapport dwar anomalija ta’ kampjun

[…]

3.      L-organizzatur għandu:

(a)      jidentifika kull dħul tal-vjaġġ permezz ta’ numru ta’ distinzjoni;

(b)      jassigura li kopja ffirmata u mimlija sħiħa tat-Taqsima 1 tal-ktieb tal-vjaġġ, mimlija kif xieraq barra n-numri taċ-ċertifikati veterinarji, tkun riċevuta mill-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq, mill-anqas jumejn ta’ xogħol qabel il-ħin tat-tluq bil-mod kif stabbilit mit-tali awtorità;

[…]

(e)      jassigura li l-ktieb tal-vjaġġ jakkompannja lill-annimali matul il-vjaġġ sal-post tad-destinazzjoni jew, fil-każ ta’ esportazzjoni lejn pajjiż terz, mill-anqas sal-punt tal-ħruġ.

[…]

7.      Jekk l-annimali huma esportati lejn pajjiż terz, it-trasportatur għandu jagħti l-ktieb tal-vjaġġ lill-veterinarju uffiċjali fil-punt tal-ħruġ.

F’każ ta’ esportazzjoni ta’ annimali bovini ħajjin b’rimbors, it-Taqsima 3 tal-ktieb tal-vjaġġ m’għandhiex tkun meħtieġa jekk il-leġislazzjoni agrikola tirrikjedi rapport.

8.      It-trasportatur imsemmi fit-Taqsima 3 tal-ktieb tal-vjaġġ għandu jżomm:

(a)      kopja tal-ktieb tal-vjaġġ komplet;

[…]

Id-dokumenti msemmija fil-punti (a) u (b) għandhom ikunu disponibbli għall-awtorità kompetenti li taw l-awtorizzazzjoni lit-trasportatur u fuq talba ta’ l-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq, fi żmien xahar wara li ġiet kompluta u għandha tinżamm minn trasportatur għal perijodu ta’ mill-anqas tliet snin mid-data ta’ l-ispezzjoni.

Id-dokumenti msemmija f’punt (a) għandhom jiġu mogħtija lura lill-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq fi żmien xahar minn meta jispiċċa l-vjaġġ […]”

9        L-Appendiċi tal-Anness II tar-Regolament Nru 1/2005 hija magħmula minn diversi taqsimiet, kull waħda minnhom tikkonsisti f’formola standard. Fit-Taqsima 3 ta’ din l-appendiċi tinsab formola intitolata “Post ta’ destinazzjoni”. Il-punt 4 ta’ dik il-formola jispeċifika “Spezzjonijiet [li għandhom isiru]” mill-“gwardjan fil-post tad-destinazzjoni/veterinarju uffiċjali” imsemmi fil-punt 1 tal-imsemmija formola. Waħda minn dawn is-spezzjonijiet ‑ imsemmija fil-punt 4.5 tal-istess formola ‑ hija dwar “id-data reġistrata fil-ktieb tal-vjaġġ u fil-ħin (terminu) tal-vjaġġ”. Barra minn hekk, it-Taqsima 4 tal-istess appendiċi hija formola li jkun fiha dikjarazzjoni mit-trasportatur li għandha titlesta mix-xufier matul il-kors tal-vjaġġ. Din id-dikjarazzjoni għandha tindika, fir-rigward tal-itinerarju attwali (mistrieħ, trasferiment jew punti ta’ ħruġ), id-diversi postijiet u l-indirizzi; dati u ħinijiet tal-wasla u t-tluq; it-tul ta’ waqfiet u r-raġunijiet għalihom; kwalunkwe raġunijiet għad-differenzi bejn l-itinerarji attwali u proposti u kull osservazzjoni oħra kif ukoll in-numru ta’ u r-raġuni għal kwalunkwe korrimenti jew imwiet ta’ annimali matul it-trasport. L-imsemmija dikjarazzjoni għandha tiġi ffirmata mix-xufier jew mix-xufiera u mit-trasportatur.

 Ir-Regolament Nru 817/2010

10      Skont il-premessa 3 tar-Regolament Nru 817/2010, “[b]iex ikun iggarantit li jinżammu l-istandards tal-welfare tal-annimali, għandha tkun introdotta sistema ta’ mmonitorjar li tikkomprendi kontrolli fil-punt ta’ ħruġ mit-territorju doganali tal-[Unjoni] u wara t-tluq mit-territorju doganali tal-[Unjoni] fejn ikun hemm bidla ta’ mezzi ta’ trasport u wkoll fil-post tal-ewwel ħatt fil-pajjiż terz tad-destinazzjoni finali”.

11      L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 817/2010, intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Skont l-Artikolu 168 tar-Regolament Nru 1234/2007 [tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU 2007, L 299, p. 1)], il-ħlas ta’ rifużjonijiet tal-esportazzjoni għal annimali tal-ifrat ħajjin li jaqgħu fil-kodiċi NM 0102 (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘l-annimali’), għandu jkun suġġett għall-konformità, waqt it-trasport tal-annimali lejn l-ewwel post tal-ħatt fil-pajjiż terz tad-destinazzjoni finali, mal-Artikoli 3 sa 9 tar-Regolament (KE) [Nru 1/2005] u l-Anness li hemm riferiment għalih, u ma’ dan ir-Regolament.”

12      L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 817/2010 intitolat “Kontrolli ġewwa t-territorju doganali tal-[Unjoni]”, jiddisponi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Il-veterinarju uffiċjali fil-punt ta’ ħruġ għandu jivverifika għal dawk l-annimali li għalihom dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni hija aċċettata […] jekk:

a)      ir-rekwiżiti preskritti fir-Regolament (KE) [Nru 1/2005] kinux osservati mill-post tat-tluq sal-punt ta’ ħruġ;

u

b)      il-kondizzjonijiet tat-trasport għall-bqija tal-vjaġġ jikkonformawx mar-Regolament (KE) [Nru 1/2005] u li l-arranġamenti meħtieġa ttieħdu biex tkun żgurata l-osservanza tiegħu sal-ewwel ħatt fil-pajjiż terz tad-destinazzjoni finali.

L-uffiċjal veterinarju li jkun mexxa l-kontrolli għandu jimla rapport skont il-mudell miġjub fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament li jiċċertifika jekk ir-riżultati tal-kontrolli mwettqa skont l-ewwel subparagrafu humiex sodisfaċenti jew mhux sodisfaċenti.

L-awtorità veterinarja responsabbli għall-punt tal-ħruġ għandhu żżomm dan ir-rapport għall-inqas għal tliet snin. Kopja tar-rapport għandha tintbagħat lill-aġenżija tal-ħlas.”

13      L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 817/2010 intitolat “Kontrolli f’pajjiżi terzi” jipprevedi:

“1.      Wara li jħallu t-territorju doganali tal-[Unjoni], l-esportatur għandu jiżgura li l-annimali għandhom ikunu suġġetti għal kontrolli:

a)      f’kull post fejn ikun hemm bidla fil-mezzi ta’ trasport ħlief fejn bidla tali ma kenitx ippjanata u hija dovuta għal ċirkostanzi eċċezzjonali u imprevedibbli;

b)      fil-post ta’ l-ewwel ħatt fil-pajjiż terz tad-destinazzjoni finali.

2.      Aġenzija internazzjonali ta’ kontroll u sorveljanza, approvata u kontrollata għal dan il-għan minn Stat Membru […] jew aġenzija uffiċjali ta’ Stat Membru għandha tkun responsabbli biex twettaq kontrolli li jipprovdi għalihom il-paragrafu 1.

[…]

Rapport ta’ kull kontroll imwettaq skont il-paragrafu 1 għandu jimtela skont il-mudelli miġjuba fl-Annessi III u IV ta’ dan ir-Regolament mill-veterinarju li jkun wettaq il-kontroll.”

14      L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Proċedura għal ħlas ta’ rifużjonijiet ta’ esportazzjoni” jistabbilixxi:

“1.      L-esportatur għandu jgħarraf lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn id-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni hija aċċettata dwar id-dettalji meħtieġa kollha tal-vjaġġ, l-iktar tard meta d-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni tkun iddepożitata.

[…]

2.      Applikazzjonijiet għall-ħlas ta’ rifużjonijiet ta’ esportazzjoni […] huma kompletati […]:

a)      bid-dokument li jirreferi għalih l-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-Regolament mimli b’mod dovut;

u

b)      ir-rapporti li jipprovdi għalihom it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament.

3.      Fejn il-kontrolli li jirreferi għalihom l-Artikolu 3(1) ma setgħux jitwettqu minħabba ċirkostanzi barra l-kontroll ta’ l-esportatur, l-awtorità kompetenti, wara talba rraġunata mill-esportatur, tista’ taċċetta dokumenti oħra li jipprovaw għas-sodisfazzjon tagħha li r-Regolament [Nru 1/2005] ġie osservat.”

15      L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, intitolat “Nuqqas ta’ pagament ta’ rifużjonijiet ta’ esportazzjoni”, jiddisponi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Is-somma totali tar-rifużjoni tal-esportazzjoni għal kull annimal li tiġi kkalkolata skont it-tieni subparagrafu ma għandhiex titħallas għal:

a)      annimali li jmutu waqt it-trasport, għajr kif previst fil-paragrafu 2;

[…]

c)      annimali li għalihom, fid-dawl tad-dokumenti msemmija fl-Artikolu 4(2) u/jew l-elementi l-oħra kollha disponibbli għaliha li jikkonċernaw il-konformità ma’ dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tqis li ma tkunx inżammet konformità mal-Artikoli 3 sa 9 tar-Regolament (KE) [Nru 1/2005] u l-Annessi msemmija fihom.

[…]”

16      L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 817/2010, intitolat “Irkuprar ta’ ammonti mħallsin aktar milli ħaqqhom”, jiddisponi:

“Fejn ikun stabbilit wara l-ħlas tar-rifużjoni li r-Regolament (KE) [Nru 1/2005] ma ġiex osservat, il-parti relevanti tar-rifużjoni, inkluża fejn xieraq il-piena skont l-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament, għandha titqies li kienet tħallset mingħajr raġuni u għandha tkun irkuprata skont l-Artikolu 49 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 612/2009. [tas-7 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (ĠU 2009, L 186, p. 1)].”

17      L-Anness IV tar-Regolament Nru 817/2010 jikkonsisti minn mudell ta’ rapport ta’ verifika fil-post tal-ewwel ħatt fil-pajjiż terz tad-destinazzjoni finali. Wieħed mill-każijiet iddedikati għall-“kontrolli imwettqa” huwa dwar ir-“rekords tal-pjanta tar-rotta”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18      Fl-aħħar tas-sena 2010, Vion esportat lejn il-Libanu 36 annimal tal-ifrat ħajjin. Qabel kollox dawn ġew ittrasportati bi trakk minn Woerden (il-Pajjiżi l-Baxxi) lejn Koper (is-Slovenja) fejn ġew ittrasferiti għal fuq bastiment adattat għat-trasport tal-bhejjem. Sussegwentement, dawn l-annimali tal-ifrat ħallew it-territorju tal-Unjoni, bil-baħar, għal Bejrut (il-Libanu).

19      Skont il-qorti tar-rinviju, it-trasportatur għadda l-ktieb tal-vjaġġ lill-veterinarju uffiċjali tal-punt ta’ ħruġ mill-Unjoni f’Koper, b’tali mod li l-oriġinali tal-ktieb tal-vjaġġ ma setax jinżamm aġġornat sa Bejrut.

20      Konformement mar-Regolament Nru 1/2005, Vion kienet issottomettiet lill-amministrazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi kompetenti, qabel il-vjaġġ, ktieb tal-vjaġġ, li jispeċifika, skont it-Taqsima 1 ta’ dan, intitolata “Ippjanar”, li ż-żmien totali tat-trasport kellu jkun ta’ sebat ijiem, li l-post tat-tluq kien Woerden u li l-post tad-destinazzjoni kien Bejrut. Dan it-trasport kellu jibda fid-9 ta’ Settembru 2010, mingħajr ma ġie speċifikat il-ħin tat-tluq, u kellu jintemm fis-16 ta’ Settembru 2010. Fl-aħħar nett ġie indikat li l-annimali kienu ser jistrieħu fi München (il-Ġermanja) u li kienu ser jiġu ttrasferiti fuq il-bastiment f’Koper.

21      Bl-istess mod, filwaqt li l-annimali tal-ifrat kellhom jiġu ttrasportati lejn il-Libanu, it-Taqsima 3 tal-ktieb tal-vjaġġ intitolata “Post ta’ destinazzjoni” kienet tindika lil Koper u s-Slovenja li kienu il-post u l-Istat Membru tad-destinazzjoni. Id-“[d]ikjarazzjoni tat-trasportatur” li tinsab fit-Taqsima 4 ta’ dan il-ktieb tal-vjaġġ, tikkonferma li l-annimali kienu waslu f’Koper fl-10 ta’ Settembru 2010 fl-10.50 li dawn id-data u l-ħin kienu jikkorrispondu ma’ dawk tal-wasla fil-post tad-destinazzjoni. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi ktieb tal-vjaġġ ma fihx informazzjoni dwar l-iżvolġiment tat-trasport bejn it-tluq tal-bastiment minn Koper u l-wasla tiegħu f’Bejrut.

22      L-annimali nħattu fit-22 ta’ Settembru 2010 mill-11.15. sas-13.30. u kienu s-suġġett ta’ kontroll magħmul minn veterinarju indipendenti stabbilit f’Bejrut, konformement mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 817/2010.

23      Abbażi ta’ rapport datat fl-istess jum u ffirmat minn dan il-veterinarju, Control Union Nederland, kumpannija li taġixxi f’isem Vion, iċċertifikat, fit-12 ta’ Ottubru 2010, li d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 1/2005 u 817/2010 kienu ġew osservati.

24      Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2014, madankollu s-segretarju tal-istat ordna lil Vion li tirrimborsa l-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni fl-ammont ta’ EUR 5 292.92 li huwa kien ħallasha, kif ukoll żieda ta’ 10 % u interessi li jlaħħqu l-ammont ta’ EUR 577.40. Is-segretarju tal-istat ikkritika lit-trasportatur ta’ Vion li pprovda biss it-Taqsima 4 tal-ktieb tal-vjaġġ fil-punt ta’ ħruġ mit-territorju tal-Unjoni u mhux fid-destinazzjoni finali tal-annimali. Għaldaqstant, fid-dawl tad-dikjarazzjoni ta’ dan it-trasportatur, il-vjaġġ kellu jieqaf f’Koper u ma kellux ikompli sa Bejrut.

25      Peress li s-segretarju tal-istat ċaħad l-ilment tagħha permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Ġunju 2014, Vion adixxiet lill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (qorti tal-appell għal kwistjonijiet amministrattivi fil-qasam ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi) b’rikors.

26      Vion u s-segretarju tal-istat ma jaqblux dwar jekk l-obbligu li jinżamm ktieb tal-vjaġġ, fil-każ ta’ trasport fit-tul ta’ annimali, huwa meħtieġ biss sal-punt ta’ ħruġ mit-territorju tal-Unjoni jew jekk japplika, b’mod iktar wiesgħa, sad-destinazzjoni finali, u għalhekk sal-wasla tal-annimali fil-pajjiż terz ikkonċernat.

27      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li hija kkonfrontata minn diffikultà serja ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fir-rigward tad-diverġenzi li jeżistu, fil-fehma tagħha, bejn ir-rekwiżiti tal-Artikoli 4, 5 u 7 tar-Regolament Nru 817/2010, minn naħa, u tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 1/2005, kif ukoll mill-punt 3 tal-Anness II ta’ dan ir-regolament tal-aħħar, min-naħa l-oħra. La t-teżi sostnuta minn Vion u lanqas dik imressqa mis-segretarju tal-istat ma jidhru li huma irrilevanti.

28      Fid-dawl tal-formulazzjoni tal-punti 3 u 7 tal-Anness II tar-Regolament Nru 1/2005, il-qorti tar-rinviju tiddubita, bħal Vion, li l-organizzatur jew it-trasportatur jista’ jżomm il-ktieb tal-vjaġġ sal-punt tad-destinazzjoni finali tal-vjaġġ, jiġifieri sal-pajjiż terz ikkonċernat. Għaldaqstant hija konvinta li huwa biss abbażi tal-ktieb tal-vjaġġ li l-veterinarju tal-post tal-ewwel ħatt fil-pajjiż terz tad-destinazzjoni finali jista’ effettivament jiżgura l-osservanza tar-Regolament Nru 1/2005.

29      L-obbligu li jagħti l-ktieb tal-vjaġġ lill-veterinarju uffiċjali fil-punt ta’ ħruġ mill-Unjoni, li jirriżulta mill-punt 7 tal-Anness II tar-Regolament Nru 1/2005, jimpedixxi għalhekk lill-esportatur milli jressaq il-prova, quddiem il-veterinarju tal-post tal-ewwel ħatt fil-pajjiż terz tad-destinazzjoni finali, li huwa effettivament osserva l-Artikoli 3 sa 9 ta’ dan ir-regolament, kif ukoll l-annessi ta’ dan tal-aħħar.

30      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrileva li t-teżi sostnuta mis-segretarju tal-istat hija bbażata fuq argumenti b’saħħithom. B’mod partikolari. il-premessa 11 tar-Regolament Nru 1/2005, li tiddikjara li l-annimali ma għandhomx jiġu ttrasportati b’mod li jista’ jikkawżalhom korriment jew tbatija bla bżonn, tista’ tkopri l-vjaġġ kollu lejn pajjiż terz.

31      Barra minn hekk, diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 817/2010 jissuġġettaw il-pagament tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni għall-osservanza tar-Regolament Nru 1/2005, osservanza li għandha tkun ivverifikata mill-veterinarju tal-ewwel post tal-ħatt fil-pajjiż terz tad-destinazzjoni finali. Issa, sabiex ikun effettiv, kontroll bħal dan jeħtieġ li l-ktieb tal-vjaġġ jinżamm sal-wasla fl-imsemmi pajjiż terz. Skont il-qorti tar-rinviju, kull soluzzjoni oħra jkollha bħala effett li timpedixxi li l-parti tat-trasport li sseħħ f’territorju ta’ pajjiż terz tista’ tiġi kkontrollata permezz tal-ktieb tal-vjaġġ.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven (qorti tal-appell għal kwistjonijiet amministrattivi fil-qasam ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikoli 5(4) u 8(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005, moqrija flimkien mad-dispożizzjonijiet dwar il-ktieb tal-vjaġġ li jinsab fl-Anness II ta’ dan ir-regolament, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jimponu fuq l-organizzatur tat-trasport jew fuq il-gwardjani tal-annimali, jew fuq it-tnejn li huma, l-obbligu, fil-każ tat-trasport ta’ annimali lejn pajjiż terz, li jinżamm il-ktieb tal-vjaġġ sad-destinazzjoni f’dan il-pajjiż terz?

2)      L-Artikoli 5 u 7 tar-Regolament Nru 817/2010, moqrija flimkien mal-Artikolu 4 ta’ dan l-istess regolament, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni għandhom jiġu rkuprati meta l-ktieb tal-vjaġġ ma jkunx inżamm sad-destinazzjoni fil-pajjiż terz għaliex it-trasportatur ikun issodisfa l-obbligu impost fuqu mill-Artikolu 7 tal-Anness II tar-Regolament Nru 1/2005 li jagħti dan il-ktieb tal-vjaġġ lill-veterinarju uffiċjali fil-punt ta’ ħruġ mit-territorju tal-Unjoni?

3)      L-Artikoli 5 u 7 tar-Regolament Nru 17/2010, moqrija flimkien mal-Artikolu 4 tal-istess regolament, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni għandhom jiġu rkuprati jekk l-esportatur ma jkunx jista’ juri li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2005 ikunu ġew osservati f’sitwazzjoni fejn il-veterinarju, fil-kuntest tal-kontrolli li għandu jwettaq fil-pajjiż terz skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 817/2010, ma jkunx jista’ jivverifika jekk l-informazzjoni tal-pjan ta’ rotta (il-ktieb tal-vjaġġ) hijiex jew le sodisfaċjenti, jiġifieri jekk hijiex jew le konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2005 (u meta, konsegwentement, lanqas ma jkun jista’ jiddikjara li l-eżitu ta’ dawn il-kontrolli huwa sodisfaċjenti) għaliex it-trasportatur ikun ta l-ktieb tal-vjaġġ lill-veterinarju uffiċjali fil-punt ta’ ħruġ mit-territorju tal-Unjoni?”

 Fuq id-domandi preliminari

33      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 817/2010, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) u (2) u l-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament, kif ukoll il-punti 3, 7 u 8 tal-Anness II tar-Regolament Nru 1/2005, għandux jiġi interpretat fis-sens li r-rimbors ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni skont ir-Regolament Nru 817/2010 jistgħu jkunu meħtieġa meta t-trasportatur ta’ annimali tal-ifrat ma żammx aġġornat il-ktieb tal-vjaġġ previst fl-Anness II tar-Regolament Nru 1/2005 sal-post tal-ewwel ħatt fil-pajjiż terz tad-destinazzjoni finali.

34      Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li la r-Regolament Nru 817/2010 u lanqas ir-Regolament Nru 1/2005 ma jipprevedu espressament id-dokumenti li trasportatur li jesporta annimali tal-ifrat għandu jipprovdi f’destinazzjoni ta’ pajjiż terz biex ikun jista’ jibbenefika mill-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni

35      Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dritt tal-Unjoni, hemm lok li wieħed jirrikorri mhux biss għall-kliem ta’ din tal-aħħar, iżda wkoll għall-kuntest li minnu jagħmel parti, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-istruttura u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12; tas-26 ta’ Ġunju 1990, Velker International Oil Company, C‑185/89, EU:C:1990:262, punt 17, kif ukoll tas-27 ta’ Settembru 2007, Teleos et, C‑409/04, EU:C:2007:548, punt 35).

36      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li, kif jirriżulta mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 817/2010, meta jkun stabbilit, wara l-ħlas lura tar-rimbors, li r-Regolament (KE) Nru 1/2005 ma ġiex osservat, il-parti rilevanti tal-ħlas lura, għandha titqies li kienet tħallset indebitament. Għalhekk hija għandha tiġi rkuprata, anki jekk il-penali tiġi eventwalment imposta fuq l-esportatur jew it-trasportatur. Għalhekk, ir-rimbors ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni huwa suġġett għal ksur mill-esportatur jew mit-trasportatur tal-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Nru 1/2005.

37      Issa l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 817/2010 jikkundizzjona l-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni fuq l-osservanza, matul it-trasport tal-annimali lejn l-ewwel post tal-ħatt fil-pajjiż terz tad-destinazzjoni finali, tal-Artikoli 3 sa 9 tar-Regolament Nru 1/2005 u l-Annessi msemmijin fih, kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tiegħu stess. Għalhekk, ir-rimbors għandu jkun immotivat minn ksur ta’ dawn l-istess Artikoli 3 sa 9 tar-Regolament Nru 1/2005.

38      It-tieni nett, ir-Regolament Nru 817/2010 jeħtieġ, konformement mal-premessa 3 tiegħu, sabiex jiżgura l-osservanza tal-istandards relattivi mal-benesseri tal-annimali, sistema ta’ monitoraġġ li tinkludi kontrolli obbligatorji mwettqa mhux biss fil-punt ta’ ħruġ mit-territorju doganali tal-Unjoni iżda wkoll fil-post tal-ewwel ħatt fil-pajjiż terz tad-destinazzjoni finali. Fil-fatt, konformement b’mod partikolari, mal-Artikolu 3(1)(b) ta’ dan ir-regolament, kontroll għandu jiġi mwettaq fil-post tal-ewwel ħatt fil-pajjiż terz tad-destinazzjoni finali, liema kontroll għandu, skont l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tal-imsemmi regolament, iwassal għall-istabbiliment ta’ rapport, skont il-mudell evokat fil-punt 17 ta’ din is-sentenza. Issa, kif jikkonferma dan il-mudell, l-għan ta’ dan il-kontroll huwa, essenzjalment, li jistabbilixxi jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2005 ġewx osservati, inkluż matul il-parti tal-vjaġġ bejn il-punt ta’ ħruġ mill-Unjoni u l-ewwel post tal-ħatt fil-pajjiż terz tad-destinazzjoni finali.

39      Sal-punt li wieħed mill-elementi li jridu jiġu eżaminati matul l-imsemmi kontroll huwa l-“[p]janta tar-rotta”, li tikkorrispondi mal-ktieb tal-vjaġġ, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-twettiq tal-kontroll imsemmi fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza jitlob il-kunsinna lill-kumpannija responsabbli sabiex twettaq dan il-kontroll tal-informazzjoni prevista għal dan il-għan.

40      Issa, d-“dikjarazzjoni tat-trasportatur”, li tikkostitwixxi t-Taqsima 4 tal-ktieb tal-vjaġġ, għandha tiġi kkompletata mix-xufier u ffirmata minn dan tal-aħħar u mit-trasportatur. Din id-dikjarazzjoni għandha tindika, fir-rigward tal-itinerarju attwali (mistrieħ, trasferiment jew punti ta’ ħruġ), id-diversi postijiet u indirizz, id-dati u ħinijiet tal-wasla u t-tluq, it-tul ta’ waqfiet u r-raġunijiet għalihom, kwalunkwe raġunijiet għad-differenzi bejn l-itinerarji attwali u proposti u kull osservazzjoni oħra, kif ukoll in-numru ta’ u r-raġuni għal kwalunkwe korrimenti u/jew imwiet ta’ annimali matul il-vjaġġ.

41      Din l-interpretazzjoni hija tali li tippreżerva l-effettività tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 1/2005, li għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex trasport ikkonċernat li jinvolvi vjaġġ twil ta’ annimali li jibda fit-territorju tal-Unjoni u jkompli barra dan it-territorju jkun jista’ jiġi awtorizzat mill-awtorità kompetenti tal-post tat-tluq, l-organizzatur tal-vjaġġ għandu jippreżenta ktieb tal-vjaġġ li jkun realistiku u jippermetti l-preżunzjoni li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament ser jiġu osservati, anki fir-rigward tal-parti mill-imsemmi vjaġġ li ssir fit-territorju ta’ pajjiż terz (sentenza tat-23 ta’ April 2015, Zuchtvieh-Export, C‑424/13, EU:C:2015:259, punt 56).

42      Għalhekk, sabiex jiggarantixxi kemm l-utilità ex ante ta’ dan il-kontroll imwettaq mill-awtorità kompetenti tal-punt ta’ ħruġ kif ukoll l-effettività tal-benesseri tal-annimali, huwa indispensabbli li jkun meħtieġ li dan il-ktieb tal-vjaġġ ikun aġġornat matul il-vjaġġ kollu, inkluż matul il-parti tal-vjaġġ bejn il-punt ta’ ħruġ mill-Unjoni u l-ewwel post tal-ħatt fil-pajjiż terz tad-destinazzjoni finali.

43      It-tielet nett, jirriżulta ċertament mill-punt 7 tal-Anness II tar-Regolament Nru 1/2005, li fil-każ ta’ esportazzjoni ta’ annimali li għalihom japplika dan ir-regolament lejn pajjiż terz, it-trasportaturi għandhom jagħtu l-ktieb tal-vjaġġ lill-veterinarju uffiċjali fil-punt ta’ ħruġ mill-Unjoni.

44      Madankollu, il-punt 8 tal-Anness II tar-Regolament Nru 1/2005 juri li dan ir-regolament jipprevedi l-użu ta’ kopji tal-ktieb tal-vjaġġ. Dan huwa wkoll il-każ tat-tieni sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 817/2010.

45      Barra minn hekk, jekk il-punt 3(e) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1/2005 jipprevedi li, fil-każ ta’ esportazzjoni lejn pajjiż terz, l-organizzatur għandu jiżgura li l-ktieb tal-vjaġġ jakkumpanja lill-annimali matul il-vjaġġ mill-inqas sal-punt ta’ ħruġ mill-Unjoni, dan jimplika li l-organizzatur għandu jkompli jaġġorna kopja sal-ewwel post tal-ħatt fil-pajjiż terz tad-destinazzjoni finali.

46      Konsegwentement, ir-rabta li stabbilixxa r-Regolament Nru 817/2010 mar-Regolament Nru 1/2005 tippermetti li jiġi kkunsidrat li l-kopja tal-ktieb tal-vjaġġ għandha tissodisfa l-istess funzjoni fil-każ ta’ trasport sal-post tal-ewwel ħatt fil-pajjiż terz tad-destinazzjoni finali daqs l-oriġinali matul it-trasport sal-punt ta’ ħruġ mill-Unjoni.

47      Peress li hija l-persuna li titlob il-ħlas lura tal-esportazzjoni li għandha ġġib prova tal-osservanza tal-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-Artikoli 3sa 9 tar-Regolament Nru 1/2005 u tal-Annessi hemm imsemmija, kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 817/2010, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li għandha tkun hija li tikkompleta kopja tal-ktieb tal-vjaġġ sal-kontroll tal-annimali mill-veterinarju fl-ewwel post tal-ħatt fil-pajjiż terz tad-destinazzjoni finali u li jippermetti lil dan tal-aħħar li jivverifika li hija osservat l-obbligi previsti fir-rigward taż-żamma tal-ktieb tal-vjaġġ.

48      Minn dan isegwi li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 817/2010 jassumi li t-trasportatur jipprovdi kopja tal-ktieb tal-vjaġġ sal-wasla tal-annimali kkonċernati fil-post tal-ewwel ħatt fil-pajjiż terz tad-destinazzjoni finali.

49      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula li l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 817/2010, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) u (2) u l-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament, kif ukoll il-punti 3, 7 u 8 tal-Anness II tar-Regolament Nru 1/2005, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rimbors ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni skont ir-Regolament Nru 817/2010 jistgħu jkunu meħtieġa meta t-trasportatur ta’ annimali tal-ifrat ma żammx aġġornat il-ktieb tal-vjaġġ previst fl-Anness II tar-Regolament Nru 1/2005 sal-post tal-ewwel ħatt fil-pajjiż terz tad-destinazzjoni finali.

 Fuq l-ispejjeż

50      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

L-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 817/2010, tas-16 ta’ Settembru 2010, li jippreskrivi regoli dettaljati skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward ta’ rekwiżiti għall-għoti ta’ rifużjonijiet konnessi mal-welfare tal-annimali tal-ifrat ħajjin matul it-trasport għall-għoti tal-ħlas lura għall-esportazzjoni, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) u (2) u l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 817/2010, kif ukoll il-punti 3, 7 u 8 tal-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005, tat-22 ta’ Diċembru 2004, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li temenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rimbors ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni skont ir-Regolament Nru 817/2010 jistgħu jkunu meħtieġa meta t-trasportatur ta’ annimali tal-ifrat ma żammx aġġornat il-ktieb tal-vjaġġ previst fl-Anness II tar-Regolament Nru 1/2005 sal-post tal-ewwel ħatt fil-pajjiż terz tad-destinazzjoni finali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.