Language of document : ECLI:EU:T:2023:787

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla)

6 ta’ Diċembru 2023 (*)

“FAEG u FAEŻR – Infiq eskluż mill-finanzjament – Proċedura tal-approvazzjoni tal-konformità – Bidwi attiv – Artijiet bil-ħaxix permanenti – Kampjun ta’ kontroll – Ħlasijiet indebiti – Preżentazzjoni tardiva tal-applikazzjoni – Dixxiplina finanzjarja – Obbligu ta’ motivazzjoni – Aspettattivi leġittimi – Proporzjonalità”

Fil-Kawża T‑48/22,

IrRepubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, J. Vláčil, O. Serdula u J. Očková, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Aquilina, A. Becker, K. Walkerová u J. Hradil, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla),

komposta minn M. Jaeger (Relatur), li qiegħed jaġixxi bħala President, P. Nihoul u S. Verschuur, Imħallfin,

Reġistratur: R. Ūkelytė, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑24 ta’ Mejju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-Repubblika Ċeka titlob l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2020 tas‑17 ta’ Novembru 2021 li teskludi mill-finanzjament mill-Unjoni Ewropea ċertu nefqa imġarrba mill-Istati Membri fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2021, L 413, p. 10, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), sa fejn din tirrigwarda l-infiq li hija sostniet matul is-snin 2015 sa 2017, għal ammont ta’ EUR 43 470 836.30 (iktar ’il quddiem il-“korrezzjoni finanzjarja kkontestata”).

I.      Ilfatti li wasslu għallkawża

A.      Investigazzjoni AA/2017/010/CZ

2        Il-Kummissjoni Ewropea fetħet l-investigazzjoni AA/2017/010/CZ kontra r-Repubblika Ċeka sabiex tivverifika jekk il-kontroll imwettaq minnha tal-għajnuna mħallsa lill-bdiewa taħt il-FAEG u l-FAEŻR kienx twettaq konformement mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea għas-snin 2015 sa 2017 (iktar ’il quddiem l-“investigazzjoni”), abbażi tal-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 327, p. 83) u tal-Artikolu 34 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 tas‑6 ta’ Awwissu 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta’ kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU 2014, L 255, p. 59), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fil-mument tal-investigazzjoni.

3        Mit‑18 sat‑22 ta’ Settembru 2017, fil-kuntest tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni wettqet awditu fuq il-post, fir-Repubblika Ċeka.

4        Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Novembru 2017 (iktar ’il quddiem l-“ittra ta’ konstatazzjoni”), il-Kummissjoni kkomunikat lill-awtoritajiet Ċeki r-riżultati tal-verifiki tagħha, konformement mal-Artikolu 34(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014. F’din l-ittra, il-Kummissjoni rrilevat, b’mod partikolari, li s-sistema ta’ kontroll implimentata mir-Repubblika Ċeka sabiex tivverifika l-għoti lill-bdiewa tal-għajnuna skont iż-żona taħt il-FAEG u l-FAEŻR ma kinitx konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Barra minn hekk, hija talbet lill-awtoritajiet Ċeki jipprovdu deskrizzjoni ddettaljata tal-miżuri korrettivi stabbiliti.

5        Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Marzu 2018, ir-Repubblika Ċeka bagħtet lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tagħha relatati mal-ittra ta’ konstatazzjoni.

6        Permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika Ċeka għal laqgħa bilaterali, konformement mal-Artikolu 34(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014.

7        Fil‑11 ta’ Settembru 2018, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Ċeka l-minuti ta’ din il-laqgħa bilaterali u talbitha informazzjoni addizzjonali f’dak li kien jirrigwarda, b’mod partikolari, il-klassifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti.

8        Permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Ottubru 2018, ir-Repubblika Ċeka bagħtet lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tagħha relatati mal-minuti tal-laqgħa bilaterali. F’din l-ittra, hija pprovditilha, b’mod partikolari, informazzjoni relatata mal-modalitajiet tal-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għal għajnuna u għal ħlas, konformement mal-Artikolu 13 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità (ĠU 2014, L 181, p. 48).

9        Permezz ta’ ittra tal‑11 ta’ Diċembru 2018, ir-Repubblika Ċeka kkomunikat lill-Kummissjoni informazzjoni addizzjonali f’dak li kien jirrigwarda, b’mod partikolari, iċ-ċaħda ta’ diversi applikazzjonijiet intiżi li jinkisbu ħlasijiet taħt l-iskema ta’ bidwi attiv, konformement mal-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 7).

10      Permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Ċeki dwar l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fir-rigward tar-rata minima ta’ kontrolli li kellhom jitwettqu, abbażi tal-Artikolu 35 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas‑17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU 2014, L 227, p. 69), għall-iskema ta’ għajnuna “ekoloġizzazzjoni” (iktar ’il quddiem l-“iskema ekoloġizzazzjoni”), u talbithom informazzjoni addizzjonali. Din l-informazzjoni ġiet ipprovduta mill-awtoritajiet Ċeki permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ Lulju 2019.

11      Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Ċeki l-konklużjonijiet preliminari tal-investigazzjoni (iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet preliminari”), konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 34(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014. F’din l-ittra, il-Kummissjoni kkonfermat il-pożizzjoni tagħha, diġà espressa fl-ittra ta’ konstatazzjoni, fir-rigward tan-nuqqas ta’ konformità tas-sistema ta’ kontroll implimentata mir-Repubblika Ċeka sabiex tivverifika l-għoti tal-għajnuna skont iż-żona mħallsa lill-bdiewa, taħt il-FAEG u l-FAEŻR, matul is-snin 2015 sa 2017. Barra minn hekk, hija informat lir-Repubblika Ċeka dwar id-dritt tagħha li tibda proċedura ta’ konċiljazzjoni, konformement mal-Artikolu 40(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014.

12      B’mod iktar partikolari, fir-rigward tan-nuqqas ta’ konformità tas-sistema ta’ kontroll implimentata mir-Repubblika Ċeka, il-Kummissjoni, b’mod partikolari, irrilevat insuffiċjenzi relatati ma’ ħames kontrolli prinċipali.

13      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni qieset li, fid-determinazzjoni tal-istatus ta’ bidwi attiv tal-applikant għall-għajnuna, l-awtoritajiet Ċeki kienu kisru l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 (iktar ’il quddiem il-“ksur li jirrigwarda l-istatus ta’ bidwi attiv”).

14      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni argumentat li l-awtoritajiet Ċeki:

–        kienu użaw kriterju wieħed sabiex jipprovaw li tnejn mit-tliet kundizzjonijiet previsti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 kienu ssodisfatti; għalhekk, il-Kummissjoni qieset li r-Repubblika Ċeka kienet irrestrinġiet, b’mod inġustifikat, l-aċċess għall-istatus ta’ bidwi attiv għall-persuni li jaqgħu taħt il-lista ta’ persuni li, sakemm ma jkunx hemm prova kuntrarja, ma humiex awtorizzati jirċievu għajnuna fil-kuntest tal-politika agrikola komuni (PAK) peress li dawn ma humiex meqjusa bħala bdiewa attivi, jiġifieri l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi u l-gruppi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi li joperaw ajruporti, servizzi ferrovjarji jew sistemi tal-infrastruttura tal-ilma, li jiġġestixxu kumpanniji ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli, jew li jimmaniġġaw artijiet tal-isport u ta’ rikreazzjoni permanenti (iktar il quddiem il-“lista ta’ esklużjoni”), imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013;

–        ma kinux ħadu inkunsiderazzjoni l-kumpanniji marbuta mal-applikant għall-għajnuna waqt il-verifika tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 għall-eliġibbiltà għall-istatus ta’ bidwi attiv.

15      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni rrilevat nuqqasijiet fis-sistema ta’ kontroll implimentata mill-awtoritajiet Ċeki f’dak li kien jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti, bi ksur tal-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1307/2013 (iktar ’il quddiem il-“ksur li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti”).

16      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni kkonstatat ksur, mill-awtoritajiet Ċeki, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirrigwardaw l-għażla tal-kampjun tal-benefiċjarji ta’ għajnuna li għandhom ikunu suġġetti għal kontroll min-naħa tagħha (iktar ’il quddiem il-“ksur li jirrigwarda l-għażla tal-kampjun ta’ kontroll”). Il-ksur li jirrigwarda l-għażla tal-kampjun ta’ kontroll kien jikkonsisti f’żewġ partijiet:

–        fir-rigward tal-ewwel parti (iktar ’il quddiem il-“ksur li jirrigwarda l-għażla tal-kampjun ta’ kontroll li jirrigwarda l-kontrolli standard”), il-Kummissjoni qieset li l-awtoritajiet Ċeki kienu b’mod żbaljat inkludew, fil-kalkolu tar-rata minima tal-kontrolli standard li għandhom jitwettqu għall-iskema ta’ ħlas uniku skont iż-żona (iktar ’il quddiem l-“iskema SĦUŻ”), skont l-Artikolu 30(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014 (iktar ’il quddiem il-“kontrolli standard”), il-kontrolli ta’ monitoraġġ li għandhom jitwettqu meta l-benefiċjarju ta’ għajnuna jkun irċieva, matul is-sena preċedenti, sanzjoni amministrattiva mnaqqsa, fis-sens tal-Artikolu 33a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014 kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1394 tas‑16 ta’ Awwissu 2016 li jemenda r-Regolament Nru 809/2014 fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (iktar ’il quddiem il-“kontrolli ta’ monitoraġġ”);

–        fir-rigward tat-tieni parti (iktar ’il quddiem il-“ksur li jirrigwarda l-għażla tal-kampjun ta’ kontroll li jirrigwarda l-ekoloġizzazzjoni”), il-Kummissjoni kkonstatat ksur tal-Artikolu 35 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, minħabba li fl‑2016 u fl‑2017 l-awtoritajiet Ċeki ma kinux żdiedu, għall-iskema ekoloġizzazzjoni, il-perċentwali tal-benefiċjarji tal-għajnuna li għandhom ikunu suġġetti għal kontroll fuq il-post sussegwentement għall-konstatazzjoni tal-eżistenza, matul is-snin preċedenti, ta’ irregolaritajiet fl-iskema SĦUŻ.

17      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni rrilevat ksur tal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 1306/2013 u tal-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, li jipprevedu li, sussegwentement għad-dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ eliġibbiltà ta’ żona għall-benefiċċju tal-għajnuna, il-ħlasijiet mħallsa indebitament lill-bdiewa għal din iż-żona għandhom jiġu rkuprati u għandhom jiġu applikati sanzjonijiet amministrattivi. Issa, skont il-Kummissjoni, is-sistema implimentata mill-awtoritajiet Ċeki għall-identifikazzjoni taż-żoni mhux eliġibbli, permezz tal-aġġornament annwali tas-sistema ta’ identifikazzjoni tal-irqajja tal-art agrikoli (iktar ’il quddiem is-“SIIAA”), ma kinitx tippermetti li jiġi vverifikat jekk żona mhux eliġibbli għall-benefiċċju tal-għajnuna għal sena kinitx mhux eliġibbli wkoll għas-snin preċedenti u kellha tagħti lok għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ rkupru tal-ħlasijiet indebiti. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, sussegwentement għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ żona mhux eliġibbli fl‑2017, l-awtoritajiet Ċeki kien imisshom ivverifikaw jekk l-istess żona kinitx mhux eliġibbli fl‑2015 u fl‑2016 (iktar ’il quddiem il-“ksur li jirrigwarda l-irkupru tal-ħlasijiet indebiti”).

18      Fil-ħames lok, il-Kummissjoni kkonstatat ksur tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 640/2014 (iktar ’il quddiem il-“ksur li jirrigwarda l-preżentazzjoni tardiva tal-applikazzjoni”). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrilevat li, meta l-applikazzjonijiet għal għajnuna jew għal ħlas kienu ġew ippreżentati online fit-termini previsti fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 640/2014 mingħajr firma elettronika u kienu ġew, sussegwentement, iffirmati personalment mill-applikant fl-uffiċċju kompetenti, fil-ħamest ijiem sussegwenti, l-awtoritajiet Ċeki kien imisshom applikaw it-tnaqqis ta’ 1 % għal kull jum ta’ xogħol mill-ammont tal-għajnuna li għalih kellu dritt l-applikant, previst fl-Artikolu 13(1) tal-istess regolament (iktar ’il quddiem it-“tnaqqis ta’ 1 %”). Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, id-data tal-preżentazzjoni ta’ dawn l-applikazzjonijiet kienet dik tal-firma tagħhom personalment mill-applikant, u mhux dik tal-preżentazzjoni online tagħhom, u din id-data kienet sussegwenti għal dik tal-iskadenza tat-termini previsti fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 640/2014. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, dawn kienu applikazzjonijiet tardivi li kien imisshom taw lok għall-applikazzjoni tat-tnaqqis ta’ 1 %.

19      Fl‑4 ta’ Frar 2020, l-awtoritajiet Ċeki talbu konċiljazzjoni, abbażi tal-Artikolu 40(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014.

20      Fil‑5 ta’ Ottubru 2020, il-korp ta’ konċiljazzjoni bagħat ir-rapport tiegħu, li fih huwa kkonkluda li konċiljazzjoni ma kinitx possibbli.

21      Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Novembru 2020, ir-Repubblika Ċeka bagħtet lill-Kummissjoni informazzjoni addizzjonali.

22      Permezz ta’ ittra tas‑26 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Ċeka l-konklużjonijiet finali tal-investigazzjoni (iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet finali”), konformement mal-Artikolu 34(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014.

23      Qabel kollox, fil-konklużjonijiet finali, il-Kummissjoni kkonfermat il-pożizzjoni tagħha li r-Repubblika Ċeka kienet kisret ħames kontrolli prinċipali.

24      Sussegwentement, fil-konklużjonijiet finali, il-Kummissjoni ddeċidiet li tapplika korrezzjoni b’rata fissa ta’ 2 % fuq il-krediti li hija kienet irrimborsat lir-Repubblika Ċeka taħt l-iskema tad-dixxiplina finanzjarja għas-snin 2015 sa 2017.

25      Il-Kummissjoni fakkret li l-krediti inizjalment irtirati mill-ħlasijiet intiżi għall-bdiewa kienu tħallsu lura lill-awtoritajiet Ċeki permezz tar-regolamenti ta’ implimentazzjoni li ġejjin (iktar ’il quddiem ir-“regolamenti ta’ rimbors”):

–        ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2073 tat‑23 ta’ Novembru 2016 dwar ir-rimborż, f’konformità mal-Artikolu 26(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-approprjazzjonijiet riportati mis-sena finanzjarja tal‑2016 (ĠU 2016, L 320, p. 25);

–        ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2197 tas‑27 ta’ Novembru 2017 dwar ir-rimborż, b’konformità mal-Artikolu 26(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-approprjazzjonijiet riportati mis-sena finanzjarja tal‑2017 (ĠU 2017, L 312, p. 86);

–        ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1848 tas‑26 ta’ Novembru 2018 dwar ir-rimborż, b’konformità mal-Artikolu 26(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-approprjazzjonijiet riportati mis-sena finanzjarja tal‑2018 (ĠU 2018, L 300, p. 4).

26      Peress li l-ammont tal-krediti rrimborsati mill-Kummissjoni, permezz tar-regolamenti ta’ rimbors, kellu jirrifletti dak tas-somom inizjalment irtirati mill-ħlasijiet diretti intiżi għall-bdiewa, hija ddeċidiet, fil-konklużjonijiet finali, li tissuġġetta dawn il-krediti għal korrezzjoni b’rata fissa ta’ 2 %, b’mod konformi mal-korrezzjonijiet li hija kienet applikat, fil-kuntest tal-investigazzjoni, għall-iskemi SĦUŻ u ekoloġizzazzjoni kif ukoll għall-iskema favur il-bdiewa żgħażagħ (iktar ’il quddiem l-“iskema SBŻ”) u għall-iskema ta’ appoġġ akkoppjat volontarju (iktar ’il quddiem l-“iskema AAV”). L-ammont ta’ din il-korrezzjoni b’rata fissa kien għalhekk jammonta għal EUR 654 697.95.

27      Fl-aħħar, fil-konklużjonijiet finali, għall-ksur kollu allegat fil-konfront tar-Repubblika Ċeka, il-Kummissjoni pproponiet li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni somma li tammonta għal EUR 44 098 570.70, li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja konformement mal-Artikolu 12(6) sa (8) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU 2014, L 255, p. 18).

28      Permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ Ottubru 2021, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Ċeka rapport sommarju (iktar ’il quddiem ir-“rapport sommarju”) li fih hija fakkret id-diversi stadji tal-investigazzjoni, il-portata tal-osservazzjonijiet ifformulati mir-Repubblika Ċeka matul il-proċedura tal-approvazzjoni tal-konformità u l-motivazzjoni tal-konklużjonijiet finali tagħha.

29      Fis‑17 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata li timponi fuq ir-Repubblika Ċeka korrezzjoni finanzjarja ta’ ammont ta’ EUR 44 098 570.70.

B.      Investigazzjoni ta’ segwitu AA/2020/012/CZ

30      Qabel il-konklużjoni tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni ta’ segwitu kontra r-Repubblika Ċeka sabiex tapprofondixxi ċerti kwistjonijiet li diġà kienu s-suġġett tal-investigazzjoni (AA/2020/012/CZ, iktar ’il quddiem l-“investigazzjoni ta’ segwitu”), abbażi tal-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013 u tal-Artikolu 34 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014. L-investigazzjoni ta’ segwitu ffokat, b’mod partikolari, fuq il-ksur li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti.

31      Mill‑31 ta’ Awwissu 2020 sal‑4 ta’ Settembru 2020, fil-kuntest tal-investigazzjoni ta’ segwitu, il-Kummissjoni wettqet awditu ta’ segwitu fuq il-post, fir-Repubblika Ċeka.

32      Permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni kkomunikat lill-awtoritajiet Ċeki r-riżultati tal-verifiki tagħha, konformement mal-Artikolu 34(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014. F’din l-ittra, hija b’mod partikolari indikat li l-investigazzjoni ta’ segwitu kienet enfasizzat nuqqasijiet fil-klassifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti, bi ksur tal-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1307/2013. Fil-fehma tagħha, dawn kienu l-istess nuqqasijiet li kienu ġew ikkonstatati fil-konklużjonijiet preliminari tal-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Ċeki jipprovdu informazzjoni addizzjonali.

33      Fl‑1 ta’ Lulju 2021, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Ċeki ltaqgħu waqt laqgħa bilaterali ta’ segwitu.

34      Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Lulju 2021, l-awtoritajiet Ċeki pprovdew lill-Kummissjoni informazzjoni addizzjonali f’dak li kien jirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1307/2013 (iktar ’il quddiem l-“ittra tat‑30 ta’ Lulju 2021”).

35      Fl‑24 ta’ Awwissu 2021, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Ċeka l-minuti tal-laqgħa bilaterali ta’ segwitu. F’dan id‑dokument il‑Kummissjoni indikat li:

–        wara l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Ċeki waqt il-laqgħa bilaterali ta’ segwitu u fl-ittra tat‑30 ta’ Lulju 2021, hija qieset il-kwistjoni relatata mal-eżistenza tal-ksur li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti għall-perijodu kopert mill-investigazzjoni ta’ segwitu bħala magħluqa;

–        jiddispjaċiha li l-informazzjoni pprovduta, li kienet rilevanti wkoll fil-kuntest tal-investigazzjoni, ma ġietx trażmessa mill-awtoritajiet Ċeki fil-kuntest tal-proċedura tal-approvazzjoni tal-konformità li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

II.    Ittalbiet talpartijiet

36      Ir-Repubblika Ċeka titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrigwarda l-impożizzjoni, mill-Kummissjoni, tal-korrezzjoni finanzjarja kkontestata minħabba ksur li jirrigwarda l-istatus ta’ bidwi attiv, l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti, l-għażla tal-kampjun ta’ kontroll, l-irkupru tal-ħlasijiet indebiti u l-preżentazzjoni tardiva tal-applikazzjoni kif ukoll fil-kuntest tal-iskema tad-dixxiplina finanzjarja;

–        tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż.

37      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika Ċeka għall-ispejjeż.

III. Fuq ilmertu

38      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Ċeka tqajjem sitt motivi, li jikkontestaw, l-ewwel motiv, il-ksur li jirrigwarda l-istatus ta’ bidwi attiv, it-tieni motiv, il-ksur li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti, it-tielet motiv, il-ksur li jirrigwarda l-għażla tal-kampjun ta’ kontroll, ir-raba’ motiv, il-ksur li jirrigwarda l-irkupru tal-ħlasijiet indebiti, il-ħames motiv, il-ksur li jirrigwarda l-preżentazzjoni tardiva tal-applikazzjoni u, is-sitt motiv, l-iskema tad-dixxiplina finanzjarja.

A.      Fuq lewwel motiv, li jikkontesta lksur li jirrigwarda listatus ta’ bidwi attiv

39      L-ewwel motiv, li jikkontesta l-ksur li jirrigwarda l-istatus ta’ bidwi attiv, jinkludi żewġ partijiet.

1.      Fuq lewwel parti talewwel motiv, ibbażata fuq lillegalità talimpożizzjoni, millKummissjoni, talkorrezzjoni finanzjarja kkontestata meta rRepubblika Ċeka ma kisritx lArtikolu 9(2) tarRegolament Nru 1307/2013

40      Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-Repubblika Ċeka tressaq żewġ ilmenti.

a)      Fuq lewwel ilment, li jikkontesta lksur tattielet subparagrafu talArtikolu 9(2) tarRegolament Nru 1307/2013 minħabba lużu ta’ kriterju wieħed sabiex tiġi pprovata losservanza ta’ tnejn mittliet kundizzjonijiet previsti f’din iddispożizzjoni

41      Permezz ta’ dan l-ewwel ilment, ir-Repubblika Ċeka ssostni li hija ma kisritx it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013. L-għażla tagħha li tuża kriterju wieħed sabiex tipprova kemm l-osservanza tal-kundizzjoni prevista fil-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013, li taħtha l-attivitajiet agrikoli tal-applikant ma humiex negliġibbli (iktar ’il quddiem il-“kundizzjoni (b)”], kif ukoll l-osservanza tal-kundizzjoni prevista fil-punt (c) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tal-istess regolament, li taħtha l-attività prinċipali jew l-għan tal-kumpannija tal-applikant jikkonsistu fl-eżerċizzju ta’ attività agrikola (iktar ’il quddiem il-“kundizzjoni tal-punt (c)”), ma hijiex illegali.

42      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-ilment.

43      Preliminarjament, għandu jitqies li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 jistabbilixxi preżunzjoni sempliċi li skontha l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi u l-gruppi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jeżerċitaw attività li taqa’ taħt il-lista ta’ esklużjoni ma għandhomx jitqiesu bħala bdiewa attivi u ma humiex eliġibbli għall-benefiċċju tal-ħlasijiet diretti taħt il-FAEG u l-FAEŻR (iktar ’il quddiem il-“preżunzjoni sempliċi”). Madankollu, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013, dawn l-istess persuni fiżiċi jew ġuridiċi u gruppi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi jistgħu jikkonfutaw il-preżunzjoni sempliċi jekk jipproduċu provi verifikabbli, skont ir-rekwiżiti tal-Istati Membri, li juru li waħda mit-tliet kundizzjonijiet sussegwenti hija ssodisfatta:

–        l-ammont annwali tal-ħlasijiet diretti li huma jkunu rċevew jammonta mill-inqas għal 5 % tad-dħul totali li jirriżulta mill-attivitajiet mhux agrikoli matul is-sena fiskali l-iktar reċenti li għaliha huma jkollhom tali provi;

–        l-attivitajiet agrikoli tagħhom ma humiex negliġibbli;

–        l-attività prinċipali tagħhom jew l-għan tal-kumpannija tagħhom jikkonsistu fl-eżerċizzju ta’ attività agrikola.

44      Il-kriterji għall-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet previsti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 huma speċifikati fl-Artikolu 13 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament Nru 1307/2013 u li jemenda l-Anness X ta’ dak ir-Regolament (ĠU 2014, L 181, p. 1). Din id-dispożizzjoni tipprevedi:

–        fir-rigward tal-kundizzjoni (b), li l-attivitajiet agrikoli tal-applikant ma jkunux negliġibbli jekk id-dħul totali li jirriżulta minn attivitajiet agrikoli, irċevut mill-applikant matul l-iktar sena fiskali reċenti li għaliha jkun hemm provi, jirrappreżenta mill-inqas terz tad-dħul totali rċevut matul is-sena fiskali l-iktar reċenti li għaliha jkunu jeżistu tali provi; madankollu, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu kriterji oħra li jippermettu lill-applikant jipproduċi l-prova li l-attivitajiet agrikoli tiegħu ma humiex negliġibbli;

–        fir-rigward tal-kundizzjoni (c), li attività agrikola għandha titqies bħala l-attività prinċipali jew l-għan tal-kumpannija ta’ persuna ġuridika jekk din l-attività tkun irreġistrata bħala tali fir-reġistru uffiċjali tal-kummerċ jew fi kwalunkwe dokument ta’ prova uffiċjali ekwivalenti ta’ Stat Membru; fil-każ ta’ persuna fiżika, għandu jkun meħtieġ dokument ta’ prova ekwivalenti; fl-assenza ta’ reġistru ta’ dan it-tip, l-Istati Membri għandhom jużaw dokumenti ta’ prova ekwivalenti; madankollu, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu kriterji oħra li skonthom attività agrikola għandha titqies bħala l-attività prinċipali jew l-għan tal-kumpannija ta’ persuna fiżika jew ġuridika.

45      Huwa f’dan il-kuntest li għandhom jiġu analizzati l-erba’ argumenti mqajma mir-Repubblika Ċeka.

1)      Fuq lewwel argument, li skontu ttielet subparagrafu talArtikolu 13(1) u ttielet subparagrafu tal-Artikolu 13(3)tar-Regolament ta’ Delega Nru 639/2014 jagħtu lill-Istati Membri l-possibbiltà li jidentifikaw kriterji alternattivi għal dawk li dawn jiddefinixxu u ma jipprevedu ebda restrizzjoni fir-rigward tal-għażla tagħhom

46      Permezz tal-ewwel argument, ir-Repubblika Ċeka tirrileva li l-kriterji għall-interpretazzjoni tal-kundizzjoni (b) u tal-kundizzjoni (c) huma stabbiliti mill-Artikolu 13(1) u (3) tar-Regolament ta’ Delega Nru 639/2014.

47      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament ta’ Delega Nru 639/2014 jistabbilixxu żewġ kriterji differenti għall-evalwazzjoni tal-osservanza tal-kundizzjoni (b) u tal-kundizzjoni (c). Fil-fatt, fil-fehma tagħha, dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu li, sabiex tiġi pprovata l-osservanza tal-kundizzjoni (b), għandu jintwera li tal-inqas terz mid-dħul tal-applikant għall-għajnuna huwa dħul agrikolu (iktar ’il quddiem il-“kriterju relatat mad-dħul agrikolu”) u li, sabiex tiġi pprovata l-osservanza tal-kundizzjoni (c), għandu jintwera li l-eżerċizzju mill-applikant għall-għajnuna ta’ attività agrikola jirriżulta mir-reġistru uffiċjali tal-kummerċ jew minn kull dokument ta’ prova uffiċjali ekwivalenti. Madankollu, ir-Repubblika Ċeka tirrileva li, b’deroga minn dawn il-kriterji, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(1) u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament ta’ Delega Nru 639/2014 jagħtu lill-Istati Membri l-possibbiltà li jistabbilixxu kriterji alternattivi li jippermettu li tiġi prodotta l-prova li l-applikant għall-għajnuna jissodisfa l-kundizzjoni (b) u l-kundizzjoni (c).

48      Barra minn hekk, skont ir-Repubblika Ċeka, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament ta’ Delega Nru 639/2014 ma jipprevedu ebda restrizzjoni fir-rigward tal-għażla, mill-Istati Membri, tal-kriterji alternattivi li għandhom jiġu adottati sabiex jiġi pprovat li l-kundizzjoni (b) u l-kundizzjoni (c) huma ssodisfatti u ma jipprekludux lill-imsemmija Stati milli jużaw l-istess kriterju sabiex jipprovaw l-osservanza ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, peress li huma għandhom, f’dan ir-rigward, setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa.

49      Konsegwentement, ir-Repubblika Ċeka tqis li hija kienet libera, f’dan il-każ, li tapplika l-kriterju relatat mad-dħul agrikolu sabiex tipprova li l-kundizzjoni (b) u l-kundizzjoni (c) kienu ssodisfatti. Fil-fatt, dan huwa kriterju rilevanti sabiex jintwera mhux biss li l-attivitajiet agrikoli tal-applikant ma kinux negliġibbli (kundizzjoni (b)), iżda wkoll li l-attività agrikola kienet l-attività prinċipali jew kienet tagħmel parti mill-għanijiet tal-kumpannija tal-applikant (kundizzjoni (c)).

50      Għandu jitqies li, għalkemm ma jistax jiġi miċħud li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(1) u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13 (1) tar-Regolament ta’ Delega Nru 639/2014 jagħtu lill-Istati Membri l-possibbiltà li jidentifikaw kriterji alternattivi għal dawk li huma jiddefinixxu u ma jipprevedu ebda restrizzjoni fir-rigward tal-għażla tagħhom, xorta jibqa’ l-fatt li l-Istati Membri għandhom jużaw dawn il-kriterji alternattivi sabiex jevalwaw l-osservanza tat-tliet kundizzjonijiet indikati fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013.

51      Għalhekk, l-għażla ta’ kriterji oħra mill-Istati Membri, fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(1) u tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament ta’ Delega Nru 639/2014, ma tistax twassal sabiex waħda mill-kundizzjonijiet previsti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 tiġi mċaħħda mill-għan tagħha u, għalhekk, sabiex jiġu ristretti l-possibbiltajiet li l-benefiċjarji tal-għajnuna għandhom sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni sempliċi.

52      F’dan il-każ, l-użu mir-Repubblika Ċeka tal-kriterju relatat mad-dħul agrikolu sabiex tipprova kemm l-osservanza tal-kundizzjoni (b) kif ukoll dik tal-kundizzjoni (c) illimitat għal tnejn il-kundizzjonijiet li jippermettu lill-benefiċjarji tal-għajnuna jikkonfutaw il-preżunzjoni sempliċi. Għaldaqstant, din l-għażla tikser it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013, li jipprevedi espressament li l-benefiċjarju tal-għajnuna għandu tliet possibbiltajiet differenti sabiex jikkonfuta l-preżunzjoni sempliċi.

53      Konsegwentement l-ewwel argument għandu jiġi miċħud.

2)      Fuq ittieni argument, li skontu, firRepubblika Ċeka, ma kienx hemm reġistru jew dokument ta’ prova uffiċjali ekwivalenti li jippermettu li jintwera li lattività prinċipali jew lgħan talkumpannija talapplikant għallgħajnuna kienu attività agrikola

54      Permezz tat-tieni argument, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-għażla li jintuża l-kriterju relatat mad-dħul agrikolu sabiex tiġi pprovata kemm l-osservanza tal-kundizzjoni (b) kif ukoll dik tal-kundizzjoni (c) kienet saret neċessarja minħabba l-fatt li, fid-dritt nazzjonali tagħha, ma kienx hemm reġistru jew dokument ta’ prova uffiċjali ekwivalenti li jippermettu li jintwera li l-attività prinċipali jew l-għan tal-kumpannija tal-applikant għall-għajnuna kienu attività agrikola, hekk kif previst fil-punt (c) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 u mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament ta’ Delega Nru 639/2014.

55      Għandu jiġi nnotat li, għalkemm, fid-dritt nazzjonali tagħha, ma kienx hemm reġistru jew dokument ta’ prova uffiċjali ekwivalenti li jippermettu li tintwera l-osservanza tal-kundizzjoni (c), ir-Repubblika Ċeka kienet libera, taħt it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament ta’ Delega Nru 639/2014, li tipprevedi kriterju alternattiv sabiex tiġi pprovata l-osservanza tal-kundizzjoni (c).

56      Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, ir-Repubblika Ċeka setgħet tagħżel kriterju differenti sabiex tipprova l-osservanza tal-kundizzjoni (c) mingħajr il-bżonn li tuża l-kriterju relatat mad-dħul agrikolu, li hija kienet diġà użat sabiex turi l-osservanza tal-kundizzjoni (b).

57      Għalhekk hemm lok li t-tieni argument jiġi miċħud.

3)      Fuq ittielet argument, li skontu lpossibbiltà li jiġi applikat ilkriterju relatat maddħul agrikolu sabiex tiġi pprovata kemm losservanza talkundizzjoni (b) kif ukoll dik talkundizzjoni (c) kienet ġiet ikkonfermata mill-Kummissjoni

58      Permezz tat-tielet argument, ir-Repubblika Ċeka tirrileva li l-possibbiltà li jiġi applikat il-kriterju relatat mad-dħul agrikolu sabiex tiġi pprovata kemm l-osservanza tal-kundizzjoni (b) kif ukoll dik tal-kundizzjoni (c) kienet ġiet ikkonfermata mill-Kummissjoni fl-okkażjoni ta’ preżentazzjoni lill-Istati Membri li kienet inżammet fis‑27 ta’ Ottubru 2015 dwar l-evalwazzjoni tal-istatus ta’ bidwi attiv (iktar ’il quddiem il-“preżentazzjoni lill-Istati Membri”).

59      Għandu jiġi rrilevat li, anki jekk jitqies li l-preżentazzjoni lill-Istati Membri tista’ torbot lill-Kummissjoni fl-interpretazzjoni li għandha tingħata lit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013, din tal-aħħar ippreċiżat fiha li l-kriterju relatat mad-dħul agrikolu seta’ jiġi applikat, bħala kriterju alternattiv sabiex tintwera l-osservanza tal-kundizzjoni (c), biss jekk l-Istat Membru ma jkunx użah ukoll sabiex jipprova l-osservanza tal-kundizzjoni (b).

60      Għaldaqstant it-tielet argument għandu jiġi miċħud.

4)      Fuq ir-raba’ argument, li skontu l-Artikolu 9(7) tar-Regolament Nru 1307/2013, kif emendat bir-Regolament 2017/2393, jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li kundizzjoni waħda jew tnejn biss mill-kundizzjonijiet previsti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 jistgħu jiġu invokati sabiex jintwera l-istatus ta’ bidwi attiv tal-applikant għall-għajnuna

61      Permezz tar-raba’ argument, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-Artikolu 9(7) tar-Regolament Nru 1307/2013, kif emendat bir-Regolament (UE) 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2017 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), (UE) Nru 1306/2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni, (UE) Nru 1307/2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni, (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u (UE) Nru 652/2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal-pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti (ĠU 2017, L 350, p. 15), jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li kundizzjoni waħda jew tnejn biss mill-kundizzjonijiet previsti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 jistgħu jiġu invokati sabiex jintwera l-istatus ta’ bidwi attiv tal-applikant għall-għajnuna.

62      Ċertament, hemm lok li jitqies li l-Artikolu 9(7) tar-Regolament Nru 1307/2013, fil-verżjoni tiegħu attwalment fis-seħħ wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2017/2393, jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li kundizzjoni waħda jew tnejn biss mit-tliet kundizzjonijiet elenkati fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 jistgħu jiġu invokati minn persuni jew gruppi ta’ persuni sabiex juru li huma bdiewa attivi.

63      Madankollu, din il-possibbiltà hija limitata ratione temporis, sa fejn l-Istati Membri jistgħu jinvokawha biss mis-sena 2018, u hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-Istat Membru kkonċernat għandu jibgħat komunikazzjoni lill-Kummissjoni sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Marzu 2018, jekk id-deċiżjoni tkun tapplika mis-sena 2018, jew mill‑1 ta’ Awwissu tas-sena ta’ qabel l-applikazzjoni tad-deċiżjoni, jekk din tkun tapplika minn sena sussegwenti.

64      F’dan il-każ, l-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tkopri s-snin 2015 sa 2017. Il-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri mill-Artikolu 9(7) il-ġdid tar-Regolament Nru 1307/2013 li jillimitaw għal waħda jew tnejn il-kundizzjonijiet previsti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tal-imsemmi regolament setgħet tintuża biss mill‑2018, jiġifieri sussegwentement għall-fatti ta’ dan il-każ, u għalhekk għandha titqies bħala li hija irrilevanti għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża.

65      Għalhekk hemm lok li r-raba’ argument jiġi miċħud u, għaldaqstant, li jiġi miċħud l-ewwel ilment kollu kemm hu.

b)      Fuq ittieni lment, li jikkontesta lksur talArtikolu 9(2) tarRegolament Nru 1307/2013 minħabba nnuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni talkumpanniji marbuta waqt ilverifika talistatus ta’ bidwi attiv talapplikant għallgħajnuna

66      Permezz tat-tieni lment, ir-Repubblika Ċeka ssostni li hija ma kisritx l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 minħabba n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kumpanniji marbuta waqt il-verifika tal-istatus ta’ bidwi attiv tal-applikant għall-għajnuna.

67      F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-espressjoni “gruppi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi” li tinsab fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 tirreferi biss għall-gruppi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, bl-esklużjoni tal-kumpanniji marbuta. Skont ir-Repubblika Ċeka, dan ifisser li huwa biss fir-rigward ta’ grupp kollu kemm hu li għandha tiġi vverifikata l-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni li jippermettu lill-applikant għall-għajnuna jaċċedi għall-istatus ta’ bidwi attiv.

68      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-ilment.

69      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “gruppi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi” li jinsab fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013, li t-termini tiegħu huma mfakkra fil-punt 43 iktar ’il fuq, la huwa ddefinit mir-Regolament Nru 1307/2013, u lanqas mir-Regolament ta’ Delega Nru 639/2014, li madankollu jipprevedi l-kriterji għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1307/2013.

70      Fir-rigward tal-kumpanniji marbuta, għandu jiġi rrilevat li ebda riferiment għal dan il-kunċett u, a fortiori, ebda definizzjoni ta’ dan il-kunċett ma jinsabu la fir-Regolament Nru 1307/2013, la fir-Regolament ta’ Delega Nru 639/2014, u lanqas fid-Dokument ta’ Gwida tal-Kummissjoni DSCG/2014/29 tal‑15 ta’ April 2014, li jistabbilixxi l-kriterji għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1307/2013.

71      Madankollu, fil-preżentazzjoni lill-Istati Membri, il-Kummissjoni indikat li l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 kellu jiġi interpretat fis-sens li l-attivitajiet li jaqgħu taħt il-lista ta’ esklużjoni setgħu jiġu eżerċitati mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew mill-gruppi tagħhom direttament jew permezz ta’ kumpannija marbuta.

72      Barra minn hekk, f’ittra mibgħuta lill-Ministeru Ġermaniż għall-Ikel u għall-Agrikoltura, fid‑29 ta’ Jannar 2016, li sussegwentement tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri l-oħra, il-Kummissjoni ddikjarat li, fis-sens tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013, “kumpannija marbuta” kienet tfisser kull entità direttament jew indirettament marbuta mal-applikant għall-għajnuna permezz ta’ relazzjoni ta’ kontroll fil-forma ta’ pussess sħiħ jew maġġoritarju.

73      Huwa f’dan il-kuntest li għandhom jiġu analizzati l-erba’ argumenti mqajma mir-Repubblika Ċeka insostenn tat-tieni lment tagħha.

1)      Fuq lewwel argument, li skontu linklużjoni ta’ kumpanniji marbuta filkamp ta’ applikazzjoni talArtikolu 9(2) tarRegolament Nru 1307/2013 tmur kontra lformulazzjoni ta’ din iddispożizzjoni

74      Permezz tal-ewwel argument, ir-Repubblika Ċeka ssostni li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 ma jirriżultax li l-kumpanniji marbuta mal-applikant għall-għajnuna għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt il-verifika minn Stat Membru tal-osservanza tal-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-istatus ta’ bidwi attiv. Minn dan isegwi, skont ir-Repubblika Ċeka, li l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 għandu jiġi interpretat bħala li huwa intiż li jindika li ebda ħlas dirett ma għandu jingħata lil persuni fiżiċi, lil persuni ġuridiċi jew lil gruppi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jeżerċitaw huma stess waħda mill-attivitajiet li jaqgħu taħt il-lista ta’ esklużjoni.

75      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

76      Fl-ewwel lok, jista’ jiġi osservat li l-kunċett ta’ “kumpanniji marbuta” ma jinsabx fit-test tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013.

77      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, essenzjalment, grupp jindika numru ta’ entitajiet marbuta ma’ xulxin fi ħdan l-istess organizzazzjoni. Għalhekk, it-terminu “grupp” għandu jiġi interpretat bħala li huwa simili għat-terminu “iggruppar” u bħala li jkopri kull grupp ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi marbuta ma’ xulxin fi ħdan l-istess organizzazzjoni tal-kumpannija bejn wieħed u ieħor strutturata. Minn dan isegwi li grupp ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi jinkludi l-kumpanniji marbuta.

78      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, skont il-kliem tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013, l-applikant għall-għajnuna, grupp ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, jista’ jeżerċita l-attivitajiet li jaqgħu taħt il-lista ta’ esklużjoni kemm direttament kif ukoll permezz ta’ kumpannija marbuta li tagħmel parti mill-istess grupp. Bl-istess mod, jekk l-applikant għall-għajnuna ma jkunx grupp, iżda persuna fiżika jew ġuridika li tagħmel parti minn grupp, huwa jista’ jeżerċita l-attivitajiet li jaqgħu taħt il-lista ta’ esklużjoni direttament jew permezz ta’ kumpanija marbuta li tagħmel parti mill-istess grupp.

79      Konsegwentement, l-ewwel argument għandu jiġi miċħud.

2)      Fuq ittieni argument, li skontu linklużjoni ta’ kumpanniji marbuta filkamp ta’ applikazzjoni talArtikolu 9(2) tarRegolament Nru 1307/2013 tmur kontra ddefinizzjoni ta’ “bidwi” li tinsab flArtikolu 4(1)(a) tarRegolament Nru 1307/2013

80      Permezz tat-tieni argument, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-kunċett ta’ “bidwi attiv”, fis-sens tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013, għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-kunċett ta’ “bidwi”, konformement mal-Artikolu 4(1)(a) tal-istess regolament. Issa, kemm il-kunċett ta’ “bidwi attiv” kif ukoll dak ta’ “bidwi” jirreferu għall-applikanti nnifishom, bl-esklużjoni tal-kumpanniji marbuta.

81      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

82      Hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1307/2013 jiddefinixxi bidwi bħala persuna fiżika jew ġuridika jew grupp ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, ikun x’ikun l-istatus legali mogħti skont id-dritt nazzjonali lil tali grupp u lill-membri tiegħu, li l-impriża tagħhom tkun taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tat-Trattati, hekk kif iddefinit fl-Artikolu 52 tat-TUE, moqri flimkien mal-Artikoli 349 u 355 TFUE.

83      L-eżistenza ta’ rabta bejn il-kunċett ta’ “bidwi attiv”, fis-sens tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013, u dak ta’ “bidwi”, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tal-istess regolament, hija kkonfermata mill-ġurisprudenza li tippreċiża li, sabiex tkun tista’ tibbenefika mill-istatus ta’ bidwi attiv, persuna għandha, l-ewwel, tissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1307/2013 dwar il-kunċett ta’ “bidwi” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Avio Lucos, C‑176/20, EU:C:2022:274, punt 54).

84      Issa, l-eżistenza ta’ rabta bejn il-kunċett ta’ “bidwi” u dak ta’ “bidwi attiv” ma tistax tikkontesta l-konklużjoni, stabbilita fil-punt 78 iktar ’il fuq, li, skontha, taħt l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013, l-applikant għall-għajnuna jista’ jeżerċita l-attivitajiet li jaqgħu taħt il-lista ta’ esklużjoni kemm direttament kif ukoll permezz ta’ kumpannija marbuta li tagħmel parti mill-istess grupp.

85      Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Ċeka, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1307/2013 ma jirriżultax li, sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala bidwi, persuna fiżika, persuna ġuridika jew grupp ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi għandhom jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom direttament.

86      Għalhekk hemm lok li t-tieni argument jiġi miċħud.

3)      Fuq ittielet argument, li skontu l-inklużjoni ta’ kumpanniji marbuta fil-kamp ta’ applikazzjoni talArtikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 tmur kontra l-iskop ta’ din id-dispożizzjoni

87      Permezz tat-tielet argument, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-inklużjoni ta’ kumpanniji marbuta fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 tmur kontra l-iskop ta’ din id-dispożizzjoni, li huwa li jiġu limitati l-ħlasijiet diretti, taħt il-PAK, għall-bdiewa li jeżerċitaw huma stess attività agrikola mhux marġinali.

88      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

89      Għandu jiġi rrilevat li l-għan tar-regoli dwar il-kunċett ta’ “bidwi attiv” huwa ppreċiżat mill-premessa 10 tar-Regolament Nru 1307/2013, li tindika b’mod partikolari dan li ġej:

“L-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni tad-diversi skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa uriet li, f’għadd ta’ każijiet, l-appoġġ ingħata lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi li l-fini tan-negozju tagħhom ma kinitx jew kienet biss marġinalment immirata lejn attività agrikola. Sabiex jiġi żgurat immirar aħjar tal-appoġġ, l-Istati Membri għandhom jibqgħu lura milli jagħtu pagamenti diretti lil ċerti persuni fiżiċi u ġuridiċi sakemm tali persuni ma jkunux jistgħu juru li l-attività agrikola tagħhom mhix marġinali. ”

90      Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Ċeka, il-premessa 10 tar-Regolament Nru 1307/2013 ma teħtieġx li l-attivitajiet li jaqgħu taħt il-lista ta’ esklużjoni jiġu eżerċitati direttament mill-applikanti, kemm jekk dan ikun persuna fiżika, persuna ġuridika jew grupp ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi.

91      Fid-dawl tal-iskop tiegħu, li huwa li jiġi evitat ir-riskju ta’ frodi kontra l-baġit tal-Unjoni u li jiġu limitati l-ħlasijiet, taħt il-PAK, għall-bdiewa biss li jeżerċitaw verament attività agrikola, l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika indipendentement mill-fatt li l-applikant, persuna fiżika jew ġuridika, jew il-grupp ikkonċernat jeżerċita waħda mill-attivitajiet li jaqgħu taħt il-lista ta’ esklużjoni direttament jew permezz ta’ kumpanniji marbuta.

92      Fin-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kumpanniji marbuta, l-applikanti jkunu jistgħu, fil-fatt, iqassmu l-attivitajiet tagħhom bejn diversi entitajiet ġuridiċi marbuta sabiex jevitaw il-limiti imposti minn din id-dispożizzjoni fuq ir-rikonoxximent tal-istatus tagħhom ta’ bidwi attiv. Il-kontroll imwettaq mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri huwa għalhekk limitat għall-attivitajiet agrikoli eżerċitati direttament mill-applikant, bl-esklużjoni ta’ dawk imwettqa permezz ta’ kumpanniji marbuta.

93      F’dan ir-rigward, fir-replika, ir-Repubblika Ċeka ssostni li r-riskju li l-applikant għall-għajnuna jaqsam, b’mod intenzjonali, l-attivitajiet tiegħu f’diversi entitajiet ġuridiċi sabiex jevita l-applikazzjoni tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 huwa previst fl-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1306/2013.

94      Madankollu, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1306/2013 ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ frodi għall-baġit tal-Unjoni li jkun jirriżulta mill-qsim tal-attivitajiet ta’ applikant, abbażi tal-istatus ta’ bidwi attiv. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprevedi kif ġej:

“Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet speċifiċi, ma għandu jingħata ebda vantaġġ previst fil-leġislazzjoni agrikola settorjali favur persuna fiżika jew ġuridika li dwarha jkun ġie stabbilit li l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-kisba ta’ vantaġġi bħal dawn inħolqu artifiċjalment, kuntrarju għall-objettivi ta’ dik il-leġislazzjoni. ”

95      Fit-tieni lok, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prova tal-ħolqien artifiċjali tal-kundizzjonijiet, fis-sens tal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1306/2013, teħtieġ, minn naħa, numru ta’ ċirkustanzi oġġettivi li minnhom jirriżulta li, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni rilevanti, l-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni ma ntlaħaqx u, min-naħa l-oħra, element suġġettiv li jikkonsisti fl-intenzjoni li jinkiseb vantaġġ li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni permezz tal-ħolqien artifiċjali tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Lulju 2005, Eichsfelder Schlachtbetrieb, C‑515/03, EU:C:2005:491, punt 39, u tas‑7 ta’ Frar 2023, Confédération paysanne et (Mutaġenesi każwali in vitro), C‑688/21, EU:C:2023:75, punt 33).

96      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1306/2013 u tar-restrizzjonijiet fil-qasam ta’ prova stabbiliti mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 95 iktar ’il fuq, jista’ jkun li prattika abbużiva li tikkonsisti f’li tiġi evitata l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-istatus ta’ bidwi attiv ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1306/2013, iżda tikkostitwixxi madankollu ksur tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013.

97      Għalhekk, ma jistax jiġi sostnut li din id-dispożizzjoni waħedha hija biżżejjed sabiex jiġi evitat ir-riskju li l-applikant għall-għajnuna jaqsam l-attivitajiet tiegħu f’diversi entitajiet ġuridiċi sabiex jevita l-verifika tal-istatus tiegħu ta’ bidwi attiv taħt l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013.

98      Għalhekk it-tielet argument għandu jiġi miċħud.

4)      Fuq irraba’ argument, li skontu linklużjoni ta’ kumpanniji marbuta filkamp ta’ applikazzjoni talArtikolu 9(2) tarRegolament Nru 1307/2013 tmur kontra lprinċipju ta’ ċertezza legali

99      Permezz tar-raba’ argument, ir-Repubblika Ċeka ssostni li, konformement mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-Kummissjoni tista’ timponi korrezzjoni finanzjarja fuq Stat Membru biss jekk il-ksur li hija tallega fil-konfront tiegħu jirriżulta b’mod ċar u preċiż mill-kuntest ġuridiku applikabbli. Issa, f’dan il-każ, l-inklużjoni tal-kumpanniji marbuta fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 ma tirriżultax b’mod ċar u preċiż mill-kuntest ġuridiku applikabbli.

100    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

101    Skont ġurisprudenza stabbilita, kull obbligu impost fuq l-Istati Membri li jista’ jkollu konsegwenzi finanzjarji għalihom għandu jkun suffiċjentement ċar u preċiż, sabiex huma jkunu jistgħu jifhmu l-portata tiegħu u jikkonformaw ruħhom miegħu. Fil-fatt, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li r-regoli tad-dritt ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fir-rigward tal-effetti tagħhom, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jorjentaw ruħhom f’sitwazzjonijiet u f’relazzjonijiet ġuridiċi li jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2018, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kumissjoni, C‑4/17 P, EU:C:2018:678, punt 58; tas‑17 ta’ Novembru 2022, Avicarvil Farms, C‑443/21, EU:C:2022:899, punt 46; u tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni, T‑509/18, EU:T:2019:876, punt 40).

102    Issa, f’dan il-każ, jirriżulta b’mod ċar u preċiż, fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza, li grupp ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew persuna fiżika jew ġuridika li tagħmel parti minn grupp jistgħu jeżerċitaw l-attivitajiet li jaqgħu taħt il-lista ta’ esklużjoni kemm direttament kif ukoll permezz ta’ kumpannija marbuta li tagħmel parti mill-istess grupp.

103    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li r-raba’ argument jiġi miċħud.

104    Konsegwentement, hemm lok li t-tieni lment jiġi miċħud u, għaldaqstant, li tiġi miċħuda kollha kemm hi l-ewwel parti tal-ewwel motiv.

2.      Fuq ittieni parti talewwel motiv, ibbażata fuq ilksur, millKummissjoni, talArtikolu 52(2) tarRegolament Nru 1306/2013 u talprinċipju ta’ proporzjonalità, peress li lammont talkorrezzjoni finanzjarja kkontestata relatata malallegat ksur li jirrigwarda listatus ta’ bidwi attiv ma jikkorrispondix għallgravità tannuqqas ta’ konformità allegat

105    Permezz tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1306/2013 u l-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li l-ammont tal-korrezzjoni finanzjarja relatata mal-allegat ksur li jirrigwarda l-istatus ta’ bidwi attiv ma jikkorrispondix għall-gravità tan-nuqqas ta’ konformità allegat.

106    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1306/2013 jipprevedi tliet tipi ta’ korrezzjonijiet: korrezzjoni “kkalkolata”, korrezzjoni “estrapolata” u korrezzjoni “b’rata fissa”. Barra minn hekk, huwa jistabbilixxi ġerarkija bejn dawn il-korrezzjonijiet. Fil-fatt, korrezzjoni kkalkolata tiġi applikata meta somom preċiżi minfuqa indebitament ikunu jistgħu jiġu identifikati. Jekk dan ma jkunx il-każ, korrezzjoni estrapolata jew korrezzjoni b’rata fissa jistgħu jiġu applikati, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li korrezzjoni b’rata fissa tiġi applikata biss meta, minħabba n-natura tal-każ jew minħabba li l-Istat Membru ma jkunx ipprovda l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni, ma jkunx possibbli, bi sforzi proporzjonati, li jiġi identifikat b’mod iktar preċiż il-dannu finanzjarju kkawżat lill-Unjoni.

107    Barra minn hekk, mill-Artikolu 12(6) tar-Regolament ta’ Delega Nru 907/2014 jirriżulta li huwa biss meta l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ korrezzjoni kkalkolata jew ta’ korrezzjoni estrapolata ma jkunux issodisfatti jew meta n-natura tal-każ tkun tali li l-ammonti tas-somom li għandhom jiġu esklużi ma jkunux jistgħu jiġu ddeterminati b’mod ċar li l-Kummissjoni tista’ tapplika korrezzjoni b’rata fissa, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni n-natura u l-gravità tal-ksur u l-evalwazzjoni tagħha stess tar-riskju ta’ dannu finanzjarju għall-Unjoni. Meta tapplika korrezzjoni b’rata fissa, il-Kummissjoni, filwaqt li tagħmel sforzi proporzjonati, għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni t-tip ta’ nuqqas ta’ konformità kkonstatat u, b’mod partikolari, tiddetermina jekk hemmx nuqqas f’kontroll prinċipali jew f’kontroll sekondarju.

108    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li jkun adatt u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex. (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2020, L‑Ungerija vs Il‑Kummissjoni, T‑505/18, mhux ippubblikata , EU:T:2020:56, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri adatti, għandha tintgħażel l-inqas waħda oneruża, u l-inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2016, Spanja vs Il‑Kummissjoni, T‑675/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:123, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

109    F’dan il-każ, il-Kummissjoni imponiet fuq ir-Repubblika Ċeka korrezzjoni b’rata fissa unika għaż-żewġ komponenti tal-ksur li jirrigwarda l-istatus ta’ bidwi attiv ikkontestati fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, jiġifieri l-ksur tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 minħabba l-użu ta’ kriterju wieħed sabiex tiġi pprovata l-osservanza ta’ tnejn mit-tliet kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni u l-ksur tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 minħabba n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kumpanniji marbuta waqt il-verifika tal-istatus ta’ bidwi attiv tal-applikant għall-għajnuna. Il-korrezzjoni b’rata fissa imposta mill-Kummissjoni tammonta, fil-fatt, għal 5 % fuq 10 % tal-ħlasijiet imwettqa mir-Repubblika Ċeka bi ksur tad-dispożizzjonijiet relatati mal-istatus ta’ bidwi attiv.

110    Huwa f’dan il-kuntest li għandhom jiġu analizzati ż-żewġ ilmenti mressqa mir-Repubblika Ċeka fi ħdan it-tieni parti tal-ewwel motiv.

a)      Fuq lewwel ilment, ibbażat fuq lassenza ta’ dannu finanzjarju li jista’ jiġġustifika limpożizzjoni, millKummissjoni, talkorrezzjoni finanzjarja kkontestata relatata malallegat ksur li jirrigwarda listatus ta’ bidwi attiv

111    Permezz ta’ dan l-ewwel ilment, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-allegat ksur li jirrigwarda l-istatus ta’ bidwi attiv ma kkawża ebda dannu finanzjarju lill-Unjoni li jista’ jiġġustifika l-impożizzjoni, mill-Kummissjoni, tal-korrezzjoni finanzjarja kkontestata.

112    F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ċeka tirrileva li, hekk kif kien indikat fl-ittra tal‑11 ta’ Diċembru 2018 u f’ittra tal-Ministeru għall-Agrikoltura Ċek tad‑9 ta’ Ottubru 2015, sussegwentement għaċ-ċaħda tal-applikazzjonijiet għall-aċċess għall-istatus ta’ bidwi attiv abbażi tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013, is-somom intiżi għall-bdiewa attivi ma kinux intużaw mill-awtoritajiet tagħha għall-benefiċċju ta’ bdiewa oħra taħt skemi ta’ għajnuna differenti. Konsegwentement, ir-Repubblika Ċeka ssostni li ċ-ċaħda tal-applikazzjonijiet għall-aċċess għall-istatus ta’ bidwi attiv ma wasslitx għal żieda fil-ħlasijiet lil bdiewa oħra u li ebda dannu finanzjarju ma rriżulta miċ-ċaħda ta’ dawn l-applikazzjonijiet.

113    Barra minn hekk, ir-Repubblika Ċeka tqis li ebda wieħed mill-applikanti li l-aċċess tagħhom għall-istatus ta’ bidwi attiv ġie rrifjutat mill-awtoritajiet tagħha abbażi tal-kriterju relatat mad-dħul agrikolu sabiex tiġi pprovata l-osservanza tal-kundizzjoni (c) ma seta’ jibbenefika minn tali status u mill-ħlasijiet relatati miegħu, taħt il-FAEG u l-FAEŻR, li kieku kien ġie użat kriterju differenti. Għalhekk, skont ir-Repubblika Ċeka, ebda dannu finanzjarju għall-baġit tal-Unjoni ma jista’ jirriżulta miċ-ċaħda ta’ dawn l-applikazzjonijiet għal għajnuna.

114    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-ilment.

115    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-Kummissjoni, meta din tikkontesta r-riżultati tal-verifiki mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali u sabiex tipprova l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-PAK, li għandha tipproduċi prova tad-dubju serju u raġonevoli li hija tikkonstata fir-rigward tal-kontrolli mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali jew taċ-ċifri trażmessi minnhom. Il-Kummissjoni ma għandhiex turi b’mod eżawrjenti li dawn il-kontrolli ma kinux suffiċjenti jew li dawn iċ-ċifri ma kinux korretti. Dan it-tnaqqis fir-rekwiżit tal-prova li għandha tiġi prodotta mill-Kummissjoni huwa spjegat mill-fatt li huwa l-Istat Membru li jinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiġbor u jivverifika d-data neċessarja għall-approvazzjoni tal-kontijiet tal-fondi agrikoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑295/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:880, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, T‑506/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:282, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

116    B’hekk, skont il-ġurisprudenza, jekk il-Kummissjoni tesprimi dubju serju u raġonevoli, huwa l-Istat Membru li għandu jipproduċi l-prova l-iktar iddettaljata u kompleta tar-realtà tal-kontrolli tiegħu jew taċ-ċifri tiegħu u, jekk ikun il-każ, tal-ineżattezza tal-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni. (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2015, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑255/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:838, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

117    Minn dan jirriżulta li l-Istat Membru kkonċernat ma jistax jinvalida l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni mingħajr ma jissostanzja l-allegazzjonijiet tiegħu permezz ta’ elementi li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ sistema ta’ kontroll affidabbli u operattiva. Fil-każ li ma jirnexxilux juri li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni ma humiex eżatti, dawn ikunu jikkostitwixxu elementi li jistgħu jqajmu dubji serji fir-rigward tal-eżistenza ta’ numru adatt u effettiv ta’ miżuri ta’ sorveljanza u ta’ kontroll (ara s-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑295/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:880, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, T‑506/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:282, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

118    F’dan il-każ, fil-kuntest tal-proċedura ta’ approvazzjoni tal-konformità li tat lok għad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li ċ-ċaħda tal-applikazzjonijiet għall-aċċess għall-istatus ta’ bidwi attiv setgħet twassal għar-riskju ta’ żieda fil-ħlasijiet imwettqa mir-Repubblika Ċeka lil bdiewa oħra taħt skemi ta’ għajnuna differenti. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni sostniet li l-ammont tal-ħlasijiet diretti li jistgħu jingħataw, kull sena, lil Stat Membru ma setax jaqbeż il-limitu stabbilit skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1307/2013. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, sussegwentement għaċ-ċaħda tal-applikazzjonijiet għall-aċċess għall-istatus ta’ bidwi attiv, seta’ jeżisti riskju li, fil-limiti tal-limitu awtorizzat, ir-Repubblika Ċeka tuża s-somom intiżi għall-ħlas taħt id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istatus ta’ bidwi attiv sabiex tiffinanzja, b’ammonti ogħla, lil bdiewa fil-kuntest ta’ skemi oħra ta’ għajnuna. Għall-Kummissjoni, iż-żieda fil-ħlasijiet imwettqa taħt skemi oħra ta’ għajnuna tirrappreżenta riskju għall-baġit tal-Unjoni, peress li din ma ġietx issostanzjata minn elementi speċifiċi għal dawn l-iskemi ta’ għajnuna, iżda hija biss il-konsegwenza taċ-ċaħda tal-applikazzjonijiet għall-aċċess għall-istatus ta’ bidwi attiv.

119    F’dawn iċ-ċirkustanzi, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 115 u 117 iktar ’il fuq, sabiex jiġi eskluż id-dubju serju u raġonevoli espress mill-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka kien imissha pproduċiet l-prova l-iktar iddettaljata u kompleta li ċ-ċaħda tal-applikazzjonijiet għall-aċċess għall-istatus ta’ bidwi attiv abbażi tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 ma tagħtix lok għal dannu finanzjarju għall-baġit tal-Unjoni.

120    Issa, dan ma sarx f’dan il-każ.

121    L-ewwel, ċertament, fl-ittra tal‑11 ta’ Diċembru 2018, ir-Repubblika Ċeka pprovdiet indikazzjonijiet dwar id-disa’ applikanti li ġew esklużi mill-istatus ta’ bidwi attiv taħt l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 u rrilevat li din l-esklużjoni ma kinitx ikkawżat dannu finanzjarju għall-baġit tal-Unjoni peress li din ma kinitx wasslet għal żieda fil-ħlasijiet imwettqa lil bdiewa oħra. Madankollu, hija ma pproduċiet ebda prova insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha.

122    It-tieni, fir-rikors, ir-Repubblika Ċeka tirreferi għal ittra mibgħuta fis‑27 ta’ Ottubru 2015 mid-dipartiment tal-ħlasijiet diretti tal-Ministeru għall-Agrikoltura tagħha lid-Direttur tad-Dipartiment tal-ħlasijiet diretti u tal-għajnuna għall-ambjent tal-Fond nazzjonali ta’ intervent agrikolu, li kienet tindika li l-Ministru għall-Agrikoltura Ċek kien approva r-rati tal-ħlasijiet uniċi skont iż-żona, il-ħlasijiet favur prattiki agrikoli li huma ta’ benefiċċju għall-klima u għall-ambjent u l-ħlasijiet favur il-bdiewa żgħażagħ. Issa, ma huwiex ikkontestat li din l-ittra ma ġietx ikkomunikata lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ approvazzjoni tal-konformità u għalhekk ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-adozzjoni tal-korrezzjoni finanzjarja kkontestata. Anki jekk jitqies li din l-ittra ntbagħtet lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ approvazzjoni tal-konformità, għandu jiġi nnotat li din ma tipproduċix il-prova li ċ-ċaħda, għas-snin 2015 sa 2017, tal-applikazzjonijiet għall-aċċess għall-istatus ta’ bidwi attiv abbażi tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1307/2013 ma kkawżatx dannu finanzjarju lill-Unjoni. Fil-fatt, din tillimita ruħha li tiffissa, għas-sena 2015, ir-rata ta’ ċerti ħlasijiet agrikoli.

123    It-tielet, ir-Repubblika Ċeka ma pprovdiet ebda prova insostenn tal-affermazzjoni tagħha li ebda wieħed mill-applikanti li l-aċċess tagħhom għall-istatus ta’ bidwi attiv ġie rrifjutat mill-awtoritajiet tagħha abbażi tal-kriterju relatat mad-dħul agrikolu sabiex tiġi pprovata l-osservanza tal-kundizzjoni (c) ma seta’ jibbenefika minn tali status u minn ħlasijiet relatati miegħu, taħt il-FAEG u l-FAEŻR, li kieku kien ġie użat kriterju differenti.

124    Għaldaqstant, hemm lok li l-ewwel ilment jiġi miċħud.

b)      Fuq ittieni lment, ibbażat fuq nuqqas ta’ preċiżjoni fiddeterminazzjoni talammont talkorrezzjoni finanzjarja kkontestata relatata malallegat ksur li jirrigwarda listatus ta’ bidwi attiv

125    Permezz tat-tieni lment, ir-Repubblika Ċeka ssostni li, anki jekk jitqies li l-ksur li jirrigwarda l-istatus ta’ bidwi attiv ikkawża dannu finanzjarju lill-Unjoni, dan id-dannu kien imissu ġie kkalkolat mill-Kummissjoni b’mod preċiż u ma kellux ikun is-suġġett ta’ korrezzjoni b’rata fissa.

126    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-ilment.

127    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni tista’ tapplika korrezzjoni b’rata fissa meta ma jkunx possibbli, permezz ta’ sforzi proporzjonati, li tiddetermina b’mod iktar preċiż id-dannu finanzjarju kkawżat lill-Unjoni, b’mod partikolari għaliex l-Istat Membru ma jkunx ipprovda l-informazzjoni neċessarja lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1306/2013.

128    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ittra tal‑11 ta’ Diċembru 2018 tippreċiża n-numru totali tal-applikanti esklużi mill-istatus ta’ bidwi attiv, iżda ma tindikax id-dannu li din l-esklużjoni setgħet ikkawżat lill-FAEG u lill-FAEŻR.

129    Barra minn hekk, la l-ittra tal‑11 ta’ Diċembru 2018 u lanqas id-dokumenti sussegwenti mibgħuta mill-awtoritajiet Ċeki lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ approvazzjoni tal-konformità ma jagħtu indikazzjoni fir-rigward tad-dannu finanzjarju li jista’ jirriżulta min-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kumpanniji marbuta fil-kuntest tal-verifika tal-istatus ta’ bidwi attiv tal-applikant għall-għajnuna.

130    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-importanza u tan-natura tan-nuqqas ta’ konformità kkonstatat, li kien jirriżulta min-nuqqas ta’ kontroll prinċipali, u mill-impossibbiltà li jiġi kkwantifikat eżattament, permezz ta’ sforzi proporzjonati, id-dannu finanzjarju kkawżat lill-Unjoni sussegwentement għaċ-ċaħda tal-applikazzjonijiet għal għajnuna relatati mal-istatus ta’ bidwi attiv, ma jistax jitqies li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1306/2013 u l-prinċipju ta’ proporzjonalità meta imponiet fuq ir-Repubblika Ċeka l-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % fuq 10 % tal-ħlasijiet imwettqa bi ksur tad-dritt tal-Unjoni għall-ksur li jirrigwarda l-istatus ta’ bidwi attiv.

131    Konsegwentement, hemm lok li t-tieni lment jiġi miċħud u, għaldaqstant, li tiġi miċħuda t-tieni parti tal-ewwel motiv.

132    Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

B.      Fuq ittieni motiv, li jikkontesta lksur li jirrigwarda lidentifikazzjoni talartijiet bilħaxix permanenti

133    It-tieni motiv, li jikkontesta l-ksur li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti, jinkludi żewġ partijiet.

1.      Fuq lewwel parti tattieni motiv, ibbażata fuq lillegalità talimpożizzjoni, millKummissjoni, talkorrezzjoni finanzjarja kkontestata relatata malksur li jirrigwarda lidentifikazzjoni talartijiet bilħaxix permanenti minħabba nnuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni, filkuntest talinvestigazzjoni, tarriżultati talinvestigazzjoni ta’ segwitu li eskludew leżistenza talimsemmi ksur

134    Fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni motiv, ir-Repubblika Ċeka tressaq tliet ilmenti.

a)      Fuq lewwel ilment, ibbażat fuq ilksur, millKummissjoni, talArtikolu 52(1) tarRegolament Nru 1306/2013, talArtikolu 34(1) u (6) tarRegolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014 u talprinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

135    Permezz tal-ewwel ilment, ir-Repubblika Ċeka ssostni li, billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-investigazzjoni, ir-riżultati tal-investigazzjoni ta’ segwitu li kienu eskludew l-eżistenza tal-ksur li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, l-Artikolu 34(1) u (6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014 u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

136    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-investigazzjoni u l-investigazzjoni ta’ segwitu jikkoinċidu f’dak li jikkonċerna ż-żmien. L-investigazzjoni nfetħet fit‑18 ta’ Settembru 2017 (jiġifieri fil-bidu tal-ewwel awditu fuq il-post) u ngħalqet, wara li ntbagħat ir-rapport sommarju fil‑21 ta’ Ottubru 2021, permezz tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fis‑17 ta’ Novembru 2021. L-investigazzjoni ta’ segwitu bdiet fil‑31 ta’ Awwissu 2020 (jiġifieri fil-bidu tal-awditu ta’ segwitu) u ntemmet, għall-ksur li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti, fl‑24 ta’ Awwissu 2021, bl-adozzjoni tal-minuti tal-laqgħa bilaterali ta’ segwitu li ppermettiet li tingħalaq il-kwistjoni relatata mal-eżistenza tal-imsemmi ksur.

137    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-fatt li r-rapport sommarju u d-deċiżjoni kkontestata ġew adottati, fil-kuntest tal-investigazzjoni ta’ segwitu, wara l-għeluq tal-kwistjoni relatata mal-eżistenza tal-ksur li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti, hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kienx imissha ddeċidiet, fil-kuntest tal-investigazzjoni, il-kwistjoni relatata mal-eżistenza tal-ksur li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti b’teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi li rriżultaw waqt l-investigazzjoni ta’ segwitu.

138    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, meta l-Kummissjoni tqis li nfiq ma twettaqx, minn Stat Membru, konformement mad-dritt tal-Unjoni, hija għandha tadotta deċiżjoni li tiddetermina s-somom li għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni.

139    Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Artikolu 34(1) u (6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014 jissuġġetta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni l-infiq imwettaq minn Stat Membru bi ksur tar-regoli applikabbli għall-osservanza tal-proċedura tal-approvazzjoni tal-konformità.

140    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, fost il-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi hemm, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Skont din id-dispożizzjoni, id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi, b’mod partikolari, id-dritt ta’ kull persuna li tara li dak kollu li jkun jirrigwardaha jiġi trattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni. Dan id-dritt jirrifletti prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2014, N., C‑604/12, EU:C:2014:302, punt 49, u tal‑1 ta’ Ġunju 2016, Wolf Oil vs EUIPO – SCT Lubricants (CHEMPIOIL), T‑34/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:330, punti 69 u 70).

141    F’dan ir-rigward, għandu jitqies li l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba ma jeħtieġx li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jtawlu b’mod indefinit il-proċeduri amministrattivi, iżda jieħu l-forma ta’ dispożizzjonijiet li jipprevedu termini għall-iżvolġiment tal-imsemmija proċeduri u għat-trażmissjoni, fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, ta’ informazzjoni mill-Istati Membri lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. L-iffissar ta’ dawn it-termini jippermetti li r-rekwiżit li jiġi ggarantit li l-proċeduri amministrattivi jiżvolġu fi żmien raġonevoli jiġi kkonċiljat mad-drittijiet tad-difiża kif ukoll li jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jirċievu l-informazzjoni rilevanti min-naħa tal-Istati Membri fi żmien xieraq u jkunu jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni, b’attenzjoni u imparzjalità, l-informazzjoni rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni.

142    Fir-rigward tal-proċedura tal-approvazzjoni tal-konformità, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jirriżulta mill-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 u mill-Artikolu 34(1) u (6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014, li jissuġġettaw l-obbligu tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni, b’diliġenza, l-informazzjoni trażmessa mill-Istati Membri għall-osservanza minn dawn tal-aħħar tat-termini previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet sabiex huma jittrażmettuha.

143    Huwa f’dan il-kuntest li għandhom jiġu analizzati t-tliet argumenti mqajma mir-Repubblika Ċeka insostenn tal-ewwel ilment tagħha.

1)      Fuq lewwel argument, relatat mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 52(1) tarRegolament Nru 1306/2013 u talArtikolu 34(1) u (6) tarRegolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014

144    Permezz tal-ewwel argument, ir-Repubblika Ċeka ssostni li t-termini previsti fl-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013 u fl-Artikolu 34(1) u (6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014 għat-trażmissjoni, minn Stat Membru, ta’ informazzjoni lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura tal-approvazzjoni tal-konformità ma japplikawx meta l-Kummissjoni jkollha tevalwa l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda biss meta hija jkollha tiddetermina l-ammont tal-korrezzjoni finanzjarja li għandha tiġi applikata. Dan ifisser, skont ir-Repubblika Ċeka, li l-Kummissjoni tista’ tqis in-natura tardiva tal-informazzjoni trażmessa minn Stat Membru meta hija jkollha tiddetermina l-ammont tal-korrezzjoni finanzjarja, iżda mhux meta hija jkollha tiddeċiedi dwar l-eżistenza tal-elementi li jikkostitwixxu ksur tad-dritt tal-Unjoni.

145    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

146    Għandu jiġi rrilevat li mill-kliem tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 u tal-Artikolu 34(1) u (6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014 jirriżulta li d-determinazzjoni tal-ammonti tas-somom li għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni hija intrinsikament marbuta mal-konstatazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma tistax timponi korrezzjoni finanzjarja fl-assenza tal-issodisfar tal-elementi li jikkostitwixxu ksur tar-regoli tal-Unjoni, li huwa r-rekwiżit preliminari neċessarju għad-determinazzjoni eventwali tal-ammont ta’ korrezzjoni finanzjarja.

147    Konsegwentement, it-termini għat-trażmissjoni tal-informazzjoni mill-Istati Membri previsti fl-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013 u fl-Artikolu 34 (1) u (6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014 ma jistgħux jiġu interpretati bħala li japplikaw biss meta l-Kummissjoni jkollha tiddetermina l-ammonti tas-somom li għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni u bħala li ma jikkonċernawx l-ipoteżi li fiha l-Kummissjoni jkollha tevalwa l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, peress li din l-evalwazzjoni tal-ksur u din id-determinazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja huma intrinsikament marbuta.

148    Għaldaqstant, hemm lok li l-ewwel argument jiġi miċħud.

2)      Fuq ittieni argument, relatat mannatura ġdida talinformazzjoni pprovduta millawtoritajiet Ċeki filkuntest talinvestigazzjoni ta’ segwitu

149    Permezz tat-tieni argument, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-informazzjoni relatata mal-ksur li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti li hija kkomunikat lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-investigazzjoni ta’ segwitu ma kinitx ġdida u kienet diġà ġiet trażmessa waqt l-investigazzjoni. Konsegwentement, il-limitazzjoni ratione temporis prevista fl-Artikolu 34(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014, li tipprovdi li l-Istati Membri ma jistgħux jikkomunikaw informazzjoni lill-Kummissjoni wara li din tkun bagħtet il-konklużjonijiet preliminari (ħlief fil-każijiet previsti f’din id-dispożizzjoni), ma hijiex applikabbli f’dan il-każ.

150    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

151    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, fl-ittra ta’ konstatazzjoni, li ntbagħtet fit‑30 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni rrilevat nuqqasijiet fis-sistema ta’ kontroll stabbilita mill-awtoritajiet Ċeki f’dak li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti, bi ksur tal-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1307/2013.

152    Fit-tieni lok, fil-minuti tal-laqgħa bilaterali tal‑11 ta’ Settembru 2018, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Ċeki informazzjoni addizzjonali f’dak li kien jirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-artijiet mhux maħduma u tenniet id-dubji tagħha dwar l-adegwatezza tas-sistema ta’ kontroll għar-regola li skontha l-artijiet bil-ħaxix permanenti huma artijiet użati għat-tkabbir ta’ ħxejjex jew ta’ pjanti tal-foraġġ erbaċej oħra (miżrugħa jew naturali) li ma jagħmlux parti mis-sistema ta’ rotazzjoni tal-uċuħ tar-raba’ tal-azjenda għal mill-inqas ħames snin u li, meta l-Istati Membri jiddeċiedu hekk, ma kinux inħartu għal ħames snin.

153    Fit-tielet lok, fil-konklużjonijiet preliminari, il-Kummissjoni sostniet, b’mod partikolari, li:

–        qabel l‑2015, l-awtoritajiet Ċeki ma kellhomx informazzjoni relatata mal-istorja tal-użu tal-artijiet u għalhekk ma kinux f’pożizzjoni li jikkontrollaw l-implimentazzjoni tar-regola ċċitata fil-punt 152 iktar ’il fuq;

–        wara l‑2015, ir-raġuni li għaliha l-awtoritajiet Ċeki kienu użaw tliet kodiċi differenti sabiex jirreferu għall-artijiet mhux ikkultivati li, wara l-iskadenza ta’ terminu ta’ ħames snin, kienu intiżi li jsiru artijiet bil-ħaxix permanenti, jiġifieri l-kodiċi “G” għall-artijiet bil-ħaxix li jinsabu fuq artijiet li jinħartu mhux ikkultivati, il-kodiċi “R” għall-artijiet li jinħartu mhux ikkultivati mhux meqjusa bħala artijiet bil-ħaxix u l-kodiċi “U” għall-artijiet mhux maħduma, ma kinitx ċara; l-użu ta’ diversi kodiċi kien jinvolvi r-riskju, skont il-Kummissjoni, li artijiet ma jiġux iddikjarat b’mod korrett bħala artijiet bil-ħaxix permanenti.

154    Fir-raba’ lok, il-kwistjoni relatata mal-eżistenza tal-ksur li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti ma kinitx is-suġġett tat-talba għal konċiljazzjoni mressqa mill-awtoritajiet Ċeki.

155    Fil-ħames lok, ebda informazzjoni relatata mal-ksur li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti ma kienet ġiet inkluża fost l-informazzjoni addizzjonali trażmessa mill-awtoritajiet Ċeki lill-Kummissjoni wara r-riċezzjoni tar-rapport tal-korp ta’ konċiljazzjoni.

156    Fis-sitt lok, għandu jiġi rrilevat li, fil-konklużjonijiet finali u fir-rapport sommarju, billi tenniet l-argumenti msemmija fil-punt 153 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kkonfermat l-eżistenza tal-ksur li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti u, permezz tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, imponiet fuq ir-Repubblika Ċeka korrezzjoni finanzjarja ta’ EUR 14 923 784.40 għal dan il-ksur.

157    Fis-seba’ lok, hemm lok li jitfakkar li, hekk kif ġie indikat fil-minuti tal-laqgħa bilaterali ta’ segwitu, kien, għall-ewwel darba, fl-okkażjoni ta’ din il-laqgħa u fl-ittra tat‑30 ta’ Lulju 2021 li l-awtoritajiet Ċeki pprovdew lill-Kummissjoni bi spjegazzjonijiet, b’eżempji u b’informazzjoni ċara u ssostanzjata dwar is-sistema ta’ klassifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix li jinsabu fuq artijiet li jinħartu u fuq artijiet mhux maħduma.

158    Mill-minuti tal-laqgħa bilaterali ta’ segwitu jirriżulta wkoll li kien abbażi ta’ din l-informazzjoni li l-Kummissjoni ddeċidiet li tagħlaq il-kwistjoni relatata mal-eżistenza tal-ksur li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti fil-kuntest tal-investigazzjoni ta’ segwitu u ddispjaċiha li din l-informazzjoni, li kienet ukoll tkun rilevanti fil-kuntest tal-investigazzjoni, ma ġietx trażmessa mill-awtoritajiet Ċeki fil-kuntest tal-proċedura tal-approvazzjoni tal-konformità li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

159    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 115 sa 117 iktar ’il fuq, fil-kuntest tal-proċedura tal-approvazzjoni tal-konformità, huwa l-Istat Membru li għandu jipproduċi l-iktar prova ddettaljata u kompleta tar-realtà tal-kontrolli tiegħu jew taċ-ċifri tiegħu u, jekk ikun il-każ, tal-ineżattezza tal-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni. Għalhekk, meta l-Istat Membru kkonċernat ma jirnexxilux, fit-termini previsti mill-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013 u mill-Artikolu 34 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014, juri li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni ma humiex eżatti, dawn ikunu jikkostitwixxu elementi li jistgħu jqajmu dubji serji dwar l-implimentazzjoni ta’ numru adegwat u effettiv ta’ miżuri ta’ sorveljanza u ta’ kontroll.

160    F’dan il-każ, fil-kuntest tal-investigazzjoni, ir-Repubblika Ċeka ma pprovdietx l-iktar prova ddettaljata u kompleta tar-realtà tal-kontrolli tagħha f’dak li kien jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti u ma rnexxilhiex turi li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni ma kinux eżatti. Fil-fatt, kien biss waqt l-investigazzjoni ta’ segwitu li r-Repubblika Ċeka pproduċiet, għall-ewwel darba, spjegazzjonijiet iddettaljati u provi addizzjonali li ppermettew lill-Kummissjoni tivverifika n-nuqqas ta’ eżistenza tal-ksur li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti.

161    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li t-tieni argument jiġi miċħud.

3)      Fuq ittielet argument, relatat malkundizzjonijiet previsti flArtikolu 34(6) tarRegolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014

162    Permezz tat-tielet argument, ir-Repubblika Ċeka ssostni li, fil-kuntest tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni l-informazzjoni relatata mal-ksur li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti trażmessa mill-awtoritajiet Ċeki matul l-investigazzjoni ta’ segwitu. Fil-fatt, din hija informazzjoni li tissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 34(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014, li jippermetti lil Stat Membru jikkomunika informazzjoni lill-Kummissjoni wara li din tkun bagħtet il-konklużjonijiet preliminari.

163    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

164    Għandu jitfakkar li l-Artikolu 34(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014 jipprevedi li l-informazzjoni kkomunikata minn Stat Membru wara li l-Kummissjoni tkun ikkomunikatlu l-konklużjonijiet preliminari tal-investigazzjoni tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni biss:

a)      jekk ikun meħtieġ li tiġi evitata evalwazzjoni eċċessiva grossa tad-dannu finanzjarju kkawżat lill-baġit tal-Unjoni; u

b)      jekk it-trażmissjoni tardiva tal-informazzjoni tkun debitament ġustifikata minn fatturi esterni u ma tkunx tipperikola l-adozzjoni fil-ħin mill-Kummissjoni tad-deċiżjoni skont l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013.

165    F’dan ir-rigward, għandu jitqies li, għalkemm il-verżjoni Franċiża tal-Artikolu 34(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014 hija ambigwa fir-rigward tan-natura kumulattiva jew alternattiva tal-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni, minn analiżi tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li dawn il-kundizzjonijiet huma ta’ natura kumulattiva. Bħala eżempju, fil-verżjoni Portugiża tal-Artikolu 34(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014, huwa indikat li Stat Membru jista’ jibgħat informazzjoni lill-Kummissjoni wara li hija tkun ikkomunikatlu l-konklużjonijiet preliminari tal-investigazzjoni meta ż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi previsti fl-imsemmija dispożizzjoni jkunu ssodisfatti. Barra minn hekk, din in-natura kumulattiva ġiet ikkonfermata mill-partijiet waqt is-seduta.

166    F’dan il-każ, hekk kif ġie indikat fil-punt 157 iktar ’il fuq, l-informazzjoni relatata mal-ksur li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Ċeki waqt il-laqgħa bilaterali ta’ segwitu u fl-ittra tat‑30 ta’ Lulju 2021, jiġifieri wara li l-Kummissjoni bagħtet il-konklużjonijiet preliminari tal-investigazzjoni fl‑20 ta’ Diċembru 2019.

167    Għaldaqstant, għandu jiġi evalwat jekk iż-żewġ kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 34(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014 sabiex tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni informazzjoni kkomunikata tardivament kinux issodisfatti f’dan il-każ.

168    Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 34(6)(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014, għandu jitqies li l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Ċeki waqt il-laqgħa bilaterali ta’ segwitu u fit‑30 ta’ Lulju 2021 dwar il-ksur li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti kienet neċessarja sabiex tiġi evitata l-evalwazzjoni eċċessiva grossa tad-dannu finanzjarju kkawżat lill-baġit tal-Unjoni. Fil-fatt, din kienet tfittex li tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja għal ksur meqjus bħala ineżistenti fil-kuntest tal-investigazzjoni ta’ segwitu. L-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni ta’ din l-informazzjoni fil-kuntest tal-investigazzjoni fil-fatt irriżultat f’evalwazzjoni eċċessiva tad-dannu finanzjarju kkawżat lill-Unjoni, ta’ ammont ta’ EUR 14 923 784.40, jiġifieri ammont ekwivalenti għal dak tal-korrezzjoni finanzjarja imposta fuq ir-Repubblika Ċeka għall-ksur li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti.

169    Il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 34(6)(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014 hija għalhekk issodisfatta f’dan il-każ.

170    Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 34(6)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014, għandu jiġi rrilevat li t-trażmissjoni tal-informazzjoni relatata mal-ksur li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti waqt il-laqgħa bilaterali ta’ segwitu u fit‑30 ta’ Lulju 2021 ma kinitx iġġustifikata minn fatturi esterni. L-imsemmija informazzjoni kienet diġà disponibbli fil-mument tal-investigazzjoni, iżda ma kinitx ġiet trażmessa, b’mod ċar u ssostanzjat, lill-Kummissjoni. Minn dan isegwi li r-Repubblika Ċeka kien imissha u setgħet tibgħat din l-informazzjoni lill-Kummissjoni b’osservanza tat-termini previsti fl-Artikolu 34(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014.

171    Konsegwentement, il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 34(6)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014 ma hijiex issodisfatta f’dan il-każ.

172    Għalhekk hemm lok li t-tielet argument jiġi miċħud u, għaldaqstant, li jiġi miċħud l-ewwel ilment kollu kemm hu.

b)      Fuq ittieni lment, ibbażat fuq ilksur, millKummissjoni, talprinċipju ta’ protezzjoni talaspettattivi leġittimi

173    Permezz tat-tieni lment, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi peress li d-deċiżjoni li tagħlaq, fil-kuntest tal-investigazzjoni ta’ segwitu, il-kwistjoni relatata mal-eżistenza tal-ksur li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti nisslet fiha aspettattiva leġittima dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni, anki fil-kuntest tal-investigazzjoni, ta’ korrezzjoni finanzjarja għall-imsemmi ksur.

174    Skont ir-Repubblika Ċeka, din l-aspettattiva kienet iktar u iktar leġittima peress li, għal nuqqas ieħor fis-sistema ta’ kontroll stabbilita mill-awtoritajiet Ċeki sabiex jivverifikaw l-għoti tal-għajnuna taħt il-FAEG u l-FAEŻR relatata mad-dikjarazzjoni taż-żoni agrikoli, il-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni, fil-konklużjonijiet finali tal-investigazzjoni, ir-riżultati tal-investigazzjoni ta’ segwitu u kienet iddeċidiet li tagħlaq il-punt korrispondenti.

175    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-ilment.

176    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni. Id-dritt li persuna tinvoka dan il-prinċipju jestendi għal kull individwu li fih istituzzjoni tal-Unjoni tkun nisslet aspettattivi fondati. Tkun xi tkun l-għamla li fiha tingħata, informazzjoni li tkun preċiża, inkundizzjonata u konsistenti u li tkun ġejja minn sorsi awtorizzati u affidabbli tikkostitwixxi garanziji li jistgħu jnisslu tali aspettattivi. Għall-kuntrarju, ħadd ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fl-assenza ta’ garanziji preċiżi mogħtija lilu mill-amministrazzjoni. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2023, Ir‑Rumanija vs Il‑Kummissjoni, T‑33/21, EU:T:2023:5, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

177    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li kien fil-minuti tal-laqgħa bilaterali ta’ segwitu li l-Kummissjoni informat lir-Repubblika Ċeka bid-deċiżjoni tagħha li tagħlaq, fil-kuntest tal-investigazzjoni ta’ segwitu, il-kwistjoni relatata mal-eżistenza tal-ksur li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti.

178    Issa, il-minuti tal-laqgħa bilaterali ta’ segwitu ma jistabbilixxux il-pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda jikkostitwixxu stadju preliminari tal-proċedura tal-approvazzjoni tal-konformità li jippermetti li jinġabru fil-qosor l-iskambji li seħħew bejn il-partijiet waqt il-laqgħa bilaterali. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2003, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kummissjoni, C‑346/00, EU:C:2003:474, punti 69 u 70). Il-pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni hija fil-fatt stabbilita biss fil-konklużjonijiet finali tal-investigazzjoni, mibgħuta lill-Istat Membru skont l-Artikolu 34(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014, u fir-rapport sommarju li jinkludi spjegazzjoni dettaljata tar-raġunijiet li wasslu għall-esklużjoni ta’ ċertu nfiq mill-finanzjament tal-Unjoni.

179    F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-minuti tal-laqgħa bilaterali ta’ segwitu ma kinux jesprimu l-pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni fir-rigward tal-eżistenza tal-ksur li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti, dawn ma setgħux inisslu aspettattivi fondati u leġittimi fir-rigward tar-Repubblika Ċeka dwar l-imsemmija pożizzjoni u dwar in-nuqqas ta’ applikazzjoni, fil-kuntest tal-investigazzjoni, ta’ korrezzjoni finanzjarja għal dan il-ksur.

180    Fit-tieni lok, anki jekk jitqies li l-minuti tal-laqgħa bilaterali ta’ segwitu jistgħu jitqiesu bħala dokument li jistabbilixxi l-pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni fir-rigward tal-eżistenza tal-ksur li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni li tagħlaq, fil-kuntest tal-investigazzjoni ta’ segwitu, il-kwistjoni relatata mal-eżistenza tal-ksur li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti ma tagħtix informazzjoni preċiża, inkundizzjonata u konsistenti, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 176 iktar ’il fuq, li tista’ tnissel fir-rigward tar-Repubblika Ċeka aspettattiva leġittima dwar in-nuqqas ta’ applikazzjoni, fil-kuntest tal-investigazzjoni, ta’ korrezzjoni finanzjarja għall-imsemmi ksur.

181    Ċertament, fil-minuti tal-laqgħa bilaterali ta’ segwitu, il-Kummissjoni indikat dispjaċir li l-awtoritajiet Ċeki ma kinux bagħtu, fil-kuntest tal-investigazzjoni, l-informazzjoni relatata mal-ksur li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-art bil-ħaxix permanenti trażmessa matul l-investigazzjoni ta’ segwitu. Skont il-Kummissjoni, din l-informazzjoni kienet ukoll rilevanti fil-kuntest tal-investigazzjoni.

182    Madankollu, fil-minuti tal-laqgħa bilaterali ta’ segwitu, il-Kummissjoni ma esprimietx ruħha fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ din l-informazzjoni l-ġdida fil-kuntest tal-investigazzjoni u ma ħaditx pożizzjoni la fuq l-allegat ksur u lanqas fuq l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja għall-ksur li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti.

183    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-investigazzjoni, ir-riżultati tal-investigazzjoni ta’ segwitu dwar il-ksur li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-art bil-ħaxix permanenti.

184    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tar-Repubblika Ċeka li skontu, fir-rigward tan-nuqqasijiet ikkonstatati mill-Kummissjoni dwar id-dikjarazzjoni taż-żoni agrikoli mill-awtoritajiet Ċeki, din kienet ħadet inkunsiderazzjoni r-riżultati tal-investigazzjoni ta’ segwitu fil-konklużjonijiet finali tal-investigazzjoni u kienet iddeċidiet li tagħlaq il-punt korrispondenti.

185    Fil-fatt, dan l-argument ma huwiex rilevanti. Mill-konklużjonijiet finali tal-investigazzjoni jirriżulta li, waqt l-awditu ta’ segwitu mwettaq mill-Kummissjoni fir-Repubblika Ċeka mill‑31 ta’ Awwissu sal‑4 ta’ Settembru 2020, l-awtoritajiet Ċeki kienu pprovdew lill-Kummissjoni informazzjoni ġdida f’dak li kien jirrigwarda d-dikjarazzjoni taż-żoni agrikoli. Din l-informazzjoni, trażmessa qabel l-adozzjoni tal-konklużjonijiet finali tal-investigazzjoni fis‑26 ta’ Marzu 2021, kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-investigazzjoni u kienet ippermettiet, fil-konklużjonijiet finali, li jingħalaq il-punt korrispondenti.

186    Minn dan isegwi li, b’differenza mill-informazzjoni relatata mal-ksur li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti, li ġiet trażmessa mill-awtoritajiet Ċeki wara li ntbagħtu l-konklużjonijiet finali mill-Kummissjoni, l-informazzjoni relatata mad-dikjarazzjoni taż-żoni agrikoli ġiet ipprovduta qabel ma ntbagħtu l-konklużjonijiet finali.

187    Konsegwentement, fid-dawl tad-differenza relatata mal-perijodu ta’ trażmissjoni ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ informazzjoni, l-għeluq tal-punt relatat mal-eżistenza ta’ ksur li jirrigwarda d-dikjarazzjoni taż-żoni agrikoli ma seta’ jnissel, fir-rigward tar-Repubblika Ċeka, ebda aspettattiva leġittima fir-rigward tan-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja għall-ksur li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-art bil-ħaxix permanenti.

188    Għalhekk hemm lok li t-tieni lment jiġi miċħud.

c)      Fuq ittielet ilment, ibbażat fuq ilksur, millKummissjoni, tat-tieni paragrafu talArtikolu 296 TFUE

189    Permezz tat-tielet ilment, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-Kummissjoni kisret it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE peress li, fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u fir-rapport sommarju, hija ma għamlitx riferiment għall-konstatazzjonijiet li hija kienet ifformulat fil-minuti tal-laqgħa bilaterali ta’ segwitu li wasslu għall-għeluq tal-punt dwar il-ksur li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti. Għalhekk, skont ir-Repubblika Ċeka, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u tar-rapport sommarju ma tippermettix li jinftiehmu r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-investigazzjoni, ir-riżultati tal-investigazzjoni ta’ segwitu dwar il-ksur li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti.

190    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-ilment.

191    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali essenzjali li għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, fejn din tirrigwarda l-legalità sostantiva tal-att kontenzjuż. F’din il-perspettiva, il-motivazzjoni għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li jippermetti lill-partijiet ikkonċernati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenzi tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punti 146 u 147; tad‑9 ta’ Settembru 2020, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑46/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:396, punt 47; u tat‑18 ta’ Jannar 2023, Ir‑Rumanija vs Il‑Kummissjoni, T‑33/21, EU:T:2023:5, punt 36).

192    Madankollu, ma jistax jiġi meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti. Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tissodisfax ir-rekwiżiti mfakkra fil-punt 191 iktar ’il fuq għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha, kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2023, Ir‑Rumanija vs Il‑Kummissjoni, T‑472/21, EU:T:2016:5, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

193    Minn dan isegwi li, skont il-ġurisprudenza, fil-kuntest tal-proċedura tal-approvazzjoni tal-konformità, l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jitqies bħala li ġie ssodisfatt jekk l-Istat destinatarju kien involut mill-qrib fil-proċess ta’ tfassil ta’ din id-deċiżjoni u kien konxju tar-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni qieset li ma kellhiex timponi fuq il-fondi inkwistjoni s-somom kontenzjużi (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, Ir‑Rumanija vs Il‑Kummissjoni, T‑145/15, EU:T:2016:86, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

194    F’dan ir-rigward, meta l-Kummissjoni tiċħad l-elementi ta’ evalwazzjoni suffiċjentement preċiżi prodotti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, hija għandha tindika, b’mod partikolari fl-iskambji tagħha mal-Istat Membru kkonċernat kif ukoll fir-rapport sommarju, l-elementi li fuqhom huwa bbażat id-dubju serju u raġonevoli li hija għandha fir-rigward taċ-ċifri kkomunikati mill-awtoritajiet nazzjonali jew fir-rigward tar-riżultati tal-kontrolli mwettqa minn dawn tal-aħħar, b’mod li l-imsemmija elementi għandhom jidhru fl-atti adottati mill-Kummissjoni matul il-proċedura tal-approvazzjoni tal-konformità kif ukoll fil-motivi tad-deċiżjoni meħuda fi tmiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2017, Ir‑Rumanija vs Il‑Kummissjoni, T‑145/15, EU:T:2017:86, punt 47, u tad‑9 ta’ Settembru 2020, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑46/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:396, punt 49).

195    F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-awtoritajiet Ċeki kienu involuti mill-qrib fil-proċess ta’ tfassil tad-deċiżjoni kkontestata u li huma kienu konxji tar-raġunijiet li jiġġustifikaw l-imsemmija deċiżjoni. Fil-fatt, din id-deċiżjoni ġiet adottata fi tmiem proċedura kontradittorja li matulha l-Kummissjoni u l-awtoritajiet Ċeki kellhom, diversi drabi, il-possibbiltà li jiskambjaw il-fehmiet tagħhom dwar il-konstatazzjoni tal-ksur li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti.

196    Barra minn hekk, hemm lok li jitqies li, fil-kuntest tal-investigazzjoni, ebda prova suffiċjentement preċiża ma ġiet prodotta mill-awtoritajiet Ċeki dwar il-ksur li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti.

197    Ukoll, hekk kif ġie indikat fil-punti 153 u 156 iktar ’il fuq, fil-konklużjonijiet preliminari, fil-konklużjonijiet finali kif ukoll fir-rapport sommarju, il-Kummissjoni mmotivat b’mod ċar l-impożizzjoni tal-korrezzjoni finanzjarja għall-ksur li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti.

198    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi konkluż li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 193 iktar ’il fuq u fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

199    Konsegwentement, hemm lok li t-tielet ilment jiġi miċħud u, għaldaqstant, li tiġi miċħuda kollha kemm hi l-ewwel parti tat-tieni motiv.

2.      Fuq ittieni parti tattieni motiv, ibbażata fuq lillegalità talimpożizzjoni, millKummissjoni, talkorrezzjoni finanzjarja kkontestata meta, firRepubblika Ċeka, issistema ta’ identifikazzjoni talartijiet bilħaxix permanenti kienet konformi maddritt talUnjoni

200    Permezz tat-tieni parti tat-tieni motiv, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 billi imponiet fuqha l-korrezzjoni finanzjarja kkontestata relatata mal-ksur li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti meta s-sistema tagħha ta’ identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti kienet konformi mad-dritt tal-Unjoni.

201    Il-Kummissjoni tikkontesta din il-parti.

202    Għandu jitfakkar li ġie konkluż li, fil-kuntest tal-proċedura tal-approvazzjoni tal-konformità li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata:

–        ir-Repubblika Ċeka ma kinitx ipprovdiet il-prova l-iktar ddettaljata u kompleta tar-realtà tal-kontrolli tagħha, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 115 iktar ’il fuq, f’dak li kien jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti, u ma kienx irnexxilha turi li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni ma kinux eżatti; fil-fatt, kien biss waqt l-investigazzjoni ta’ segwitu u permezz tal-ittra tagħha tat‑30 ta’ Lulju 2021 li r-Repubblika Ċeka pprovdiet, għall-ewwel darba, spjegazzjonijiet ċari u provi addizzjonali li ppermettew lill-Kummissjoni tivverifika n-nuqqas ta’ eżistenza tal-ksur li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti (ara l-punt 160 iktar ’il fuq);

–        peress li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 34(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014, li jippermettu t-teħid inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni kkomunikata tardivament mill-Istat Membru wara li l-Kummissjoni tkun bagħtet il-konklużjonijiet preliminari, ma kinux kumulattivament issodisfatti f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-investigazzjoni, ir-riżultati tal-investigazzjoni ta’ segwitu dwar in-nuqqas ta’ eżistenza tal-ksur li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti (ara l-punt 171 iktar ’il fuq).

203    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-informazzjoni u l-ispjegazzjonijiet li r-Repubblika Ċeka pprovdiet fir-rikors relatati mal-ksur li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti u li ma kinux ġew trażmessi lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura tal-approvazzjoni tal-konformità ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni, sa fejn dawn intbagħtu bi ksur tat-termini previsti fl-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013 u fl-Artikolu 34 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014.

204    Għaldaqstant hemm lok li t-tieni parti tat-tieni motiv tiġi miċħuda u, għaldaqstant li t-tieni motiv jiġi miċħud kollu kemm hu.

C.      Fuq ittielet motiv, li jikkontesta lksur li jirrigwarda lgħażla talkampjun ta’ kontroll

205    It-tielet motiv, li jikkontesta l-ksur li jirrigwarda l-għażla tal-kampjun ta’ kontroll, huwa magħmul minn erba’ partijiet.

206    Madankollu, permezz tat-tweġibiet tagħhom għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali magħmula waqt is-seduta, il-partijiet indikaw espliċitament li t-tielet u r-raba’ parti tat-tielet motiv, li jirrigwardaw, rispettivament, il-ksur, mill-Kummissjoni, tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014 minħabba n-nuqqas ta’ indikazzjoni, fl-ittra ta’ konstatazzjoni, tal-ksur li jirrigwarda l-għażla tal-kampjun ta’ kontroll li jirrigwarda l-ekoloġizzazzjoni u l-ksur, mill-Kummissjoni, tal-Artikolu 35 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014 minħabba t-teħid inkunsiderazzjoni tal-irregolaritajiet tal-iskema SĦUŻ fi ħdan l-iskema ekoloġizzazzjoni, kellhom jitqiesu bħala ineffettivi fil-każ ta’ ċaħda mill-Qorti Ġenerali tat-tieni motiv relatat mal-ksur li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti.

207    Fil-fatt, il-korrezzjoni finanzjarja imposta mill-Kummissjoni fuq ir-Repubblika Ċeka għall-ksur li jirrigwarda l-għażla tal-kampjun ta’ kontroll li jirrigwarda l-ekoloġizzazzjoni, li hija s-suġġett tat-tielet u tar-raba’ parti tat-tielet motiv, ġiet assorbita mill-korrezzjoni finanzjarja relatata mal-ksur li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti u ma tteħditx inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fid-determinazzjoni tal-ammont tal-korrezzjoni finanzjarja kkontestata.

208    Għalhekk, sa fejn it-tieni motiv huwa miċħud, hemm lok li t-tielet u r-raba’ parti tat-tielet motiv jitqiesu bħala ineffettivi. L-eżami tagħhom huwa, fil-fatt, irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-impożizzjoni tal-korrezzjoni finanzjarja kkontestata.

209    Għaldaqstant, għandhom jiġu analizzati biss l-ewwel u t-tieni parti tat-tielet motiv.

1.      Fuq lewwel parti tattielet motiv, ibbażata fuq lillegalità talimpożizzjoni, millKummissjoni, talkorrezzjoni finanzjarja kkontestata relatata malksur li jirrigwarda lgħażla talkampjun ta’ kontroll li jirrigwarda lkontrolli standard meta rRepubblika Ċeka ma kisritx lArtikolu 30(a) u lArtikolu 33a tarRegolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1394

210    Permezz tal-ewwel parti tat-tielet motiv, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 30(a) u l-Artikolu 33a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1394, peress li, għall-iskema SĦUŻ, hija qieset li l-benefiċjarji ta’ għajnuna li huma s-suġġett ta’ kontroll ta’ segwitu fuq il-post peress li huma kienu rċevew, matul is-sena preċedenti, sanzjoni amministrattiva mnaqqsa fis-sens tal-Artikolu 33a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014 (iktar ’il quddiem il-“benefiċjarji li rċevew sanzjoni amministrattiva mnaqqsa”) kellhom jiġu distinti mill-benefiċjarji li kellhom ikunu suġġetti għal kontroll standard konformement mal-Artikolu 30(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1394, (iktar ’il quddiem il-“benefiċjarji li huma suġġetti għal kontroll standard”).

211    F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ċeka ssostni li hija ma kisritx id-dritt tal-Unjoni meta, fl‑2017, fost is‑87 benefiċjarju li rċevew sanzjoni amministrattiva mnaqqsa fl‑2016, 75 kienu ġew inklużi fil-kampjun ta’ 5 % tal-benefiċjarji suġġetti għal kontroll standard u 12 kienu s-suġġett ta’ kontroll ta’ segwitu fuq il-post.

212    Il-Kummissjoni tikkontesta l-ewwel parti tat-tielet motiv.

213    Għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 30(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, għall-iskemi ta’ għajnuna marbuta maż-żoni li ma humiex il-ħlas favur prattiki agrikoli li huma ta’ benefiċċju għall-klima u għall-ambjent, il-kampjun ta’ kontroll relatat mal-kontrolli fuq il-post imwettqa kull sena għandu jkopri mill-inqas 5 % tal-benefiċjarji kollha li jippreżentaw applikazzjoni għal ħlas bażiku jew applikazzjoni għal ħlas uniku skont iż-żona.

214    Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Artikolu 33a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1394, bit-titolu “Rata addizzjonali ta’ kontroll [Rata ta’ kontrolli addizzjonali] għall-verifiki fuq il-post biex jiġu segwiti l-benefiċjarji msemmija fl-Artikolu 19a(2) tar-Regolament [Nru 640/2014]”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, dan li ġej:

“Il-benefiċjarji li kienu soġġetti għal penali amministrattiva mnaqqsa skont l-Artikolu 19a(2) tar-Regolament [Nru 640/2014] fil-qafas ta’ skema ta’ għajnuna jew ta’ miżura ta’ appoġġ li jkunu relatati mal-erja wara li tkun saret dikjarazzjoni eċċessiva li tiġi identifikata waqt verifika fuq il-post, għandhom ikunu soġġetti għal verifika fuq il-post ta’ segwitu għal dik l-iskema ta’ għajnuna jew għal dik il-miżura ta’ appoġġ fis-sena tat-talba ta’ wara. ”

215    Jirriżulta, b’mod partikolari, mill-analiżi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li l-kontrolli standard huma differenti, minħabba l-għan u l-iskop tagħhom, mill-kontrolli ta’ segwitu fuq il-post.

216    Fir-rigward tal-għan tagħhom, il-kontrolli standard jikkonċernaw 5 % tal-benefiċjarji kollha li jippreżentaw applikazzjoni għal ħlas bażiku jew applikazzjoni għal ħlas uniku skont iż-żona, filwaqt li l-kontrolli ta’ segwitu fuq il-post jikkonċernaw biss il-benefiċjarji li kienu s-suġġett ta’ sanzjoni amministrattiva mnaqqsa minħabba li wettqu, matul is-sena preċedenti, dikjarazzjoni eċċessiva taż-żoni eliġibbli għall-għajnuna.

217    Fir-rigward tal-għan tagħhom, il-kontrolli standard huma intiżi li jistabbilixxu numru minimu ta’ benefiċjarji suġġetti għal kontroll sabiex tiġi żgurata verifika effettiva, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-osservanza tad-dispożizzjonijiet f’dak li jirrigwarda d-diversi skemi ta’ għajnuna u miżuri ta’ sostenn, filwaqt li l-kontrolli ta’ segwitu fuq il-post huma intiżi, hekk kif jirriżulta mill-premessa 1 tar-Regolament ta Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1394 tas‑16 ta’ Awwissu 2016 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (ĠU 2016, L 225, p. 50), li jiġi vverifikat jekk, wara l-applikazzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva mnaqqsa minħabba dikjarazzjoni eċċessiva taż-żoni, il-benefiċjarji ta’ għajnuna wettqux ksur ġdid li jagħti lok għall-applikazzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva sħiħa.

218    In-natura speċifika tal-kontrolli ta’ segwitu fuq il-post hija kkonfermata mit-titolu tal-Artikolu 33a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1394, li jikklassifikahom espressament bħala “[kontrolli addizzjonali]”, fatt li jissuġġerixxi li dawn huma distinti mill-kontrolli standard sa fejn dawn jissuġġettaw lill-benefiċjarji ta’ għajnuna għal kontroll addizzjonali li għandu jiġi implimentat meta l-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmi artikolu jiġu ssodisfatti.

219    Għalhekk, hemm lok li jitqies li l-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 30(a) u l-Artikolu 33a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1394, meta hija qieset li l-benefiċjarji li rċevew sanzjoni amministrattiva mnaqqsa, matul is-sena preċedenti, kellhom jiġu distinti minn dawk li kienu s-suġġett ta’ kontroll standard.

220    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mit-tliet argumenti mqajma mir-Repubblika Ċeka.

221    Permezz tal-ewwel argument tagħha, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-esklużjoni tal-benefiċjarji li rċevew sanzjoni amministrattiva mnaqqsa mill-kampjun tal-benefiċjarji li huma suġġetti għal kontroll standard tkun twassal għall-konsegwenza assurda li l-benefiċjarji li rċevew sanzjoni amministrattiva mnaqqsa minħabba li, matul is-sena preċedenti, huma kienu wettqu dikjarazzjoni eċċessiva taż-żoni tagħhom ma jkunux suġġetti għall-kontroll standard, iżda biss għall-kontroll ta’ segwitu fuq il-post. Għalhekk, skont ir-Repubblika Ċeka, dawn il-bdiewa jkunu jitqiegħdu f’pożizzjoni iktar vantaġġuża minn dik tal-bdiewa l-oħra.

222    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitqies li l-kontrolli ta’ segwitu fuq il-post ma humiex intiżi bħala kontrolli alternattivi, iżda bħala kontrolli addizzjonali, li jiżdiedu mal-kontrolli standard u huma intiżi li jipprevedu sistema ta’ kontroll imsaħħa għall-benefiċjarji li jkunu rċevew, matul is-sena preċedenti, sanzjoni amministrattiva mnaqqsa. Minbarra kontroll standard, dawn għandhom, fil-fatt, ikunu suġġetti għal kontroll ta’ segwitu fuq il-post sabiex jiġi vverifikat jekk huma wettqux ksur ġdid tad-dritt tal-Unjoni li jkun jesponihom għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva sħiħa. Minn dan isegwi li l-benefiċjarji li rċevew sanzjoni amministrattiva mnaqqsa ma jinsabux f’sitwazzjoni vantaġġuża meta mqabbla mal-benefiċjarji l-oħra.

223    Għaldaqstant hemm lok li l-ewwel argument jiġi miċħud.

224    Permezz tat-tieni argument tagħha, ir-Repubblika Ċeka tqis li l-esklużjoni tal-benefiċjarji li rċevew sanzjoni amministrattiva mnaqqsa mill-kampjun tal-benefiċjarji li huma suġġetti għal kontroll standard tmur kontra l-kliem tal-Artikolu 30(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, li jipprevedi li 5 % tal-benefiċjarji kollha li jippreżentaw applikazzjoni għal ħlas huma suġġetti għal kontroll standard. Issa, skont ir-Repubblika Ċeka, billi jiġu esklużi l-benefiċjarji li rċevew sanzjoni amministrattiva mnaqqsa mill-kampjun tal-benefiċjarji li huma suġġetti għal kontroll standard, din id-dispożizzjoni ma tkoprix iktar 5 % tal-benefiċjarji kollha, iżda biss 5 % ta’ parti minnhom.

225    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kontrolli ta’ segwitu fuq il-post huma kontrolli addizzjonali li, fost il-mezzi li għandha l-Kummissjoni sabiex tivverifika l-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-għajnuna mogħtija mill-fondi agrikoli tal-Unjoni, jiżdiedu mal-kontrolli standard. Il-kontrolli standard u l-kontrolli ta’ segwitu fuq il-post għandhom għalhekk skop u kamp ta’ applikazzjoni differenti u ma jistgħux jiġu konfużi mill-awtoritajiet nazzjonali.

226    Issa, l-għażla, minn Stat Membru, tal-kampjun tal-benefiċjarji li huma s-suġġett ta’ kontroll standard u ta’ kontroll ta’ segwitu fuq il-post ma tistax, fil-fatt, tinjora d-distinzjoni bejn dawn il-kontrolli. Huwa għalhekk li, f’dan il-każ, huwa b’mod ġust li l-Kummissjoni qieset li r-Repubblika Ċeka kienet kisret l-Artikolu 30(a) u l-Artikolu 33a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1394, meta, fost is‑87 benefiċjarju li kienu rċevew sanzjoni amministrattiva mnaqqsa fl‑2016, 75 kienu ġew inklużi fil-kampjun tal-benefiċjarji suġġetti għal kontroll standard u 12 kienu s-suġġett ta’ kontroll ta’ segwitu fuq il-post.

227    Fil-fatt, f’dan ix-xenarju, il-kampjun tal-benefiċjarji li kienu suġġetti għal kontroll standard kien kompost, fil-parti l-kbira tiegħu, minn benefiċjarji li rċevew sanzjoni amministrattiva mnaqqsa, meta mqabbla mal-benefiċjarji l-oħra kollha li kellhom ikunu suġġetti għal kontroll, u kienu biss 12‑il benefiċjarju li rċevew sanzjoni amministrattiva mnaqqsa li kienu s-suġġett ta’ kontroll ta’ segwitu fuq il-post.

228    Minn dan isegwi li, fl-għażla tal-kampjuni tal-benefiċjarji li għandhom ikunu suġġetti għal kontroll standard u tal-benefiċjarji li għandhom ikunu suġġetti għal kontroll ta’ segwitu fuq il-post, ir-Repubblika Ċeka kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni d-differenza bejn dawn il-kontrolli billi tiżgura ruħha, minn naħa, li l-benefiċjarji kollha, u mhux biss maġġoranza kbira minn dawk li rċevew sanzjoni amministrattiva mnaqqsa, ikunu suġġetti għall-kontrolli standard u, min-naħa l-oħra, li l-benefiċjarji kollha li rċevew sanzjoni amministrattiva mnaqqsa jkunu suġġetti għal kontroll fuq il-post.

229    Għalhekk hemm lok li t-tieni argument jiġi miċħud.

230    Permezz tat-tielet argument tagħha, ir-Repubblika Ċeka tqis li l-esklużjoni tal-benefiċjarji li rċevew sanzjoni amministrattiva mnaqqsa mill-kampjun tal-benefiċjarji li huma suġġetti għal kontroll standard tmur kontra l-Artikolu 34(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, li jippermetti li jiġu esklużi mill-kampjun ta’ kontroll biss il-benefiċjarji li l-applikazzjoni tagħhom titqies bħala mhux eliġibbli.

231    Skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014:

“L-applikazzjonijiet jew l-applikanti li jinstabu li mhumiex ammissibbli jew eliġibbli għall-pagament fi żmien it-tressiq jew wara li jsiru l-verifiki amministrattivi ma għandhomx jiffurmaw parti mill-popolazzjoni ta’ kontroll.”

232    F’dan ir-rigward, għandu jitqies li l-esklużjoni mill-kampjun ta’ kontroll tal-applikazzjonijiet jew tal-applikanti meqjusa bħala mhux eliġibbli, fis-sens tal-Artikolu 34(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, hija irrilevanti f’din il-kawża, li tinvolvi d-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-kontrolli standard u tal-kontrolli ta’ segwitu fuq il-post li, mid-definizzjoni tagħhom, jippreżumu li l-applikanti inklużi fil-kampjun ta’ kontroll huma meqjusa bħala li huma eliġibbli u jistgħu għalhekk ikunu suġġetti għal kontroll standard jew għal kontroll ta’ segwitu fuq il-post.

233    Konsegwentement, it-tielet argument għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi l-ewwel parti tat-tielet motiv.

2.      Fuq ittieni parti tattielet motiv, ibbażata fuq ilksur, millKummissjoni, talArtikolu 52(2) tarRegolament Nru 1306/2013 u talprinċipju ta’ proporzjonalità, peress li lammont talkorrezzjoni finanzjarja kkontestata relatat malksur li jirrigwarda lgħażla talkampjun ta’ kontroll li jirrigwarda lkontrolli standard ma jikkorrispondix għallgravità tannuqqas ta’ konformità allegat

234    Permezz tat-tieni parti tat-tielet motiv, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1306/2013 u l-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li l-ammont tal-korrezzjoni finanzjarja kkontestata relatat mal-ksur li jirrigwarda l-għażla tal-kampjun ta’ kontroll li jirrigwarda l-kontrolli standard, li jammonta għal EUR 18 833.24, ma jikkorrispondix għall-gravità tan-nuqqas ta’ konformità allegat.

235    B’mod iktar partikolari, ir-Repubblika Ċeka ssostni li, sabiex tasal għal dan l-ammont, il-Kummissjoni bbażat ruħha:

–        għas-sena 2017, fuq il-kalkolu kkwantifikat tad-dannu kkawżat lill-baġit tal-Unjoni minħabba l-ksur li jirrigwarda l-għażla tal-kampjun ta’ kontroll li jirrigwarda l-kontrolli standard, li jammonta għal EUR 6 277.75;

–        għas-snin 2015 u 2016, fuq l-ipoteżi li l-istess dannu bħal dak ikkalkolat għall‑2017 seħħ fl‑2015 u fl‑2016, filwaqt li, skont ir-Repubblika Ċeka, din hija ipoteżi mhux issostanzjata u li ma hija bbażata fuq ebda element fattwali u ġuridiku.

236    Il-Kummissjoni tikkontesta t-tieni parti tat-tielet motiv.

237    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1306/2013, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-ammonti tas-somom li għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni fid-dawl, b’mod partikolari, tal-gravità tan-nuqqas ta’ konformità kkonstatat, tan-natura tal-ksur kif ukoll tad-dannu finanzjarju kkawżat lill-Unjoni.

238    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 108 iktar ’il fuq, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex. Għalhekk, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri adatti, għandha tintgħażel l-inqas waħda oneruża, u l-inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija.

239    Għandu jitfakkar ukoll li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 115 iktar ’il fuq, hija l-Kummissjoni li għandha, meta hija tikkontesta r-riżultati tal-verifiki mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali u sabiex tipprova l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-PAK, tipproduċi prova tad-dubju serju u raġonevoli li hija ssib fir-rigward tal-kontrolli mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali jew taċ-ċifri trażmessi minnhom. B’hekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 116 iktar ’il fuq, jekk il-Kummissjoni tesprimi dubju serju u raġonevoli, huwa l-Istat Membru li għandu jipproduċi l-iktar prova ddettaljata u kompleta tar-realtà tal-kontrolli tiegħu jew taċ-ċifri tiegħu u, jekk ikun il-każ, tal-ineżattezza tal-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni.

240    Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma pproduċiet ebda prova li tippermetti li jitqies li d-dubju li hija kellha dwar il-possibbiltà li d-dannu finanzjarju ta’ EUR 6 277.75 ikkawżat lill-Unjoni matul is-sena 2017 seħħ ukoll fl‑2015 u fl‑2016 jikkostitwixxi dubju serju u raġonevoli fis-sens tal-ġurisprudenza.

241    Fl-ewwel lok, fil-konklużjonijiet preliminari, fil-konklużjonijiet finali u fir-rapport sommarju, il-Kummissjoni llimitat ruħha tindika li l-ammont tal-korrezzjoni finanzjarja kkontestata relatat mal-ksur li jirrigwarda l-għażla tal-kampjun ta’ kontroll li jirrigwarda l-kontrolli standard, li kien jammonta għal EUR 18 833.24, kien ikopri wkoll ir-riskju li l-ħlasijiet irregolari għas-snin 2015 u 2016 ma jiġux irkuprati retroattivament.

242    Madankollu, hija ma pprovdiet l-ebda prova li tippermetti li jinftiehem għaliex id-dannu li seħħ fl‑2017 seta’ jseħħ ukoll fl‑2015 u fl‑2016 u jagħti lok għal obbligu ta’ rkupru retroattiv.

243    Fit-tieni lok, sabiex issostni l-pożizzjoni tagħha, il-Kummissjoni rreferiet, fil-konklużjonijiet preliminari, għall-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95 tat‑18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340), li kien jiġġustifika, fil-fehma tagħha, l-irkupru retroattiv tas-somom imħallsa indebitament lill-bdiewa.

244    Issa, l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95 jipprevedi li, għall-finijiet tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, it-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjonijiet għal ħlasijiet indebiti għandu jkun ta’ erba’ snin mit-twettiq tal-irregolarità li kkawżat dannu finanzjarju lill-Unjoni, għalkemm ir-regoli settorjali jistgħu jipprevedu terminu iqsar li ma jistax ikun inqas minn tliet snin.

245    Skont il-ġurisprudenza, bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 2988/95 u, b’mod partikolari, tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tiegħu, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jistabbilixxi regola ġenerali ta’ preskrizzjoni applikabbli fil-qasam u li permezz tagħha huwa ried, minn naħa, jiddefinixxi terminu minimu applikat fl-Istati Membri kollha u, min-naħa l-oħra, jirrinunzja għall-possibbiltà ta’ rkupru tas-somom tal-baġit tal-Unjoni rċevuti indebitament wara li jkun skada perijodu ta’ erba’ snin minn wara t-twettiq tal-irregolarità li effettwat il-ħlasijiet ikkontestati. Minn dan jirriżulta li, mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2988/95, kull vantaġġ irċevut indebitament mill-baġit tal-Unjoni jista’, bħala prinċipju u bl-eċċezzjoni ta’ setturi li għalihom il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda terminu iqsar, jiġi rkuprat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri f’terminu ta’ erba’ snin (sentenzi tad‑29 ta’ Jannar 2009, Josef Vosding Schlacht‑, Kühl‑ und Zerlegebetrieb et, C‑278/07 sa C‑280/07, EU:C:2009:38, punt 27, u tad‑29 ta’ Marzu 2012, Pfeifer & Langen, C‑564/10, EU:C:2012:190, punt 37).

246    Ir-riferiment għal din id-dispożizzjoni huwa għalhekk irrilevanti f’dan il-każ, sa fejn din ma tippermettix li tinftiehem ir-raġuni li għaliha d-dannu għall-baġit tal-Unjoni li seħħ fl‑2017 seħħ ukoll fl‑2015 u fl‑2016.

247    Fit-tielet lok, sabiex tiġġustifika l-allegazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni tirreferi għall-ewwel darba fir-risposta għall-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 1306/2013 u għall-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, li fil-fehma tagħha jiġġustifikaw l-irkupru retroattiv tal-ħlasijiet indebiti.

248    Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni għandha tindika, b’mod suffiċjentement preċiż, is-suġġett tal-investigazzjoni mmexxija u n-nuqqasijiet ikkonstatati matul din l-investigazzjoni fil-komunikazzjoni mibgħuta abbażi tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014 (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2022, Is‑Slovakkja vs Il‑Kummissjoni, T‑40/908, mhux ippubblikata, EU:T:2022:515, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

249    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax tikkompleta l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fil-mori tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2007, Duales System Deutschland vs Il‑Kummissjoni, T‑289/01, EU:T:2007:155, punt 132, u tal‑15 ta’ Diċembru 2021, Oltchim vs Il‑Kummissjoni, T‑565/19, EU:T:2021:904, punt 275).

250    Minn dan sa jsegwi li, sa fejn, fl-ittra ta’ konstatazzjoni kif ukoll fid-dokumenti suċċessivi li hija bagħtet lir-Repubblika Ċeka fil-kuntest tal-proċedura tal-approvazzjoni tal-konformità li tat lok għad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma għamlitx riferiment la għall-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 1306/2013 u lanqas għall-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, hija ma tistax tinvoka dawn id-dispożizzjonijiet sabiex tissostanzja l-allegazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-eżistenza, fl‑2015 u fl‑2016, ta’ dannu finanzjarju għall-baġit tal-Unjoni tal-istess ammont bħal dak li seħħ fl‑2017.

251    Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni tista’ tissostanzja l-allegazzjonijiet tagħha abbażi tal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 1306/2013 u tal-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipproduċux il-prova li d-dubju li hija esprimiet fir-rigward tal-eżistenza, fl‑2015 u fl‑2016, ta’ dannu finanzjarju għall-baġit tal-Unjoni tal-istess ammont bħal dak li seħħ fl‑2017 jikkostitwixxi dubju serju u raġonevoli fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 115 iktar ’il fuq.

252    Fil-fatt, l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 1306/2013 u l-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014 jistabbilixxu l-proċedura li għandha tiġi segwita u t-termini għall-irkupru tal-ħlasijiet indebiti, iżda ma jinkludu ebda element li jippermetti li tiġi ssostanzjata l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-ksur li jirrigwarda l-għażla tal-kampjun ta’ kontroll li jirrigwarda l-kontrolli standard li seħħ fl‑2017 neċessarjament seħħ ukoll fl‑2015 u fl‑2016.

253    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-Kummissjoni ma pprovatx li d-dubju li hija esprimiet fir-rigward tal-eżistenza, fl‑2015 u fl‑2016, tal-istess dannu finanzjarju bħal dak li seħħ fl‑2017 kien serju u raġonevoli fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 115 iktar ’il fuq.

254    Konsegwentement, hemm lok li t-tieni parti tat-tielet motiv tiġi milqugħa u, għaldaqstant, li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata sa fejn din tikkonċerna l-impożizzjoni, mill-Kummissjoni fuq ir-Repubblika Ċeka, tal-korrezzjoni finanzjarja kkontestata relatata mal-ksur li jirrigwarda l-għażla tal-kampjun ta’ kontroll li jirrigwarda l-kontrolli standard, ta’ ammont ta’ EUR 18 833.24.

D.      Fuq irraba’ motiv, li jikkontesta lksur li jirrigwarda lirkupru talħlasijiet indebiti

255    Ir-raba’ motiv, li jikkontesta l-ksur li jirrigwarda l-irkupru tal-ħlasijiet indebiti, huwa magħmul minn żewġ partijiet.

256    Permezz tal-ewwel parti tar-raba’ motiv, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 1306/2013 u l-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, peress li, fil-kuntest tal-investigazzjoni, hija qieset li l-awtoritajiet Ċeki kien imisshom, permezz tas-SIIAA, ivverifikaw l-eliġibbiltà ta’ żona agrikola mhux biss għas-sena koperta mill-proċedura ta’ rkupru tal-ħlasijiet indebiti, iżda wkoll għas-snin preċedenti.

257    F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 1306/2013 u l-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014 jindikaw il-proċedura li għandha tiġi segwita għall-irkupru tas-somom imħallsa indebitament lill-bdiewa għal żoni li ma jkunux eliġibbli għall-benefiċċju tal-għajnuna. Issa, dawn id-dispożizzjonijiet ma jirrigwardawx, skont ir-Repubblika Ċeka, il-kwistjoni distinta dwar jekk u kif l-Istati Membri humiex obbligati jidentifikaw jekk żona mhux eliġibbli għall-benefiċċju tal-għajnuna matul sena kinitx ukoll mhux eliġibbli matul is-snin preċedenti.

258    Minn dan isegwi, skont ir-Repubblika Ċeka, li, konformement mal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 1306/2013 u mal-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, hija kienet meħtieġa tħassar, waqt l-aġġornament annwali tas-SIIAA, iż-żoni mhux eliġibbli għall-benefiċċju tal-għajnuna li għalihom kienet għaddejja proċedura ta’ rkupru, iżda ma kinitx meħtieġa tivverifika jekk dawn l-istess żoni kinux ukoll mhux eliġibbli matul is-snin preċedenti u jekk l-għajnuna eventwali mħallsa għal dawn is-snin kellhiex tkun is-suġġett ta’ rkupru.

259    Il-Kummissjoni tikkontesta din il-parti.

260    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, għall-ksur li jirrigwarda l-irkupru tal-ħlasijiet indebiti, il-Kummissjoni imponiet fuq ir-Repubblika Ċeka:

–        għall-iskema SIIAA, korrezzjoni finanzjarja ta’ EUR 17 855 884.41;

–        għall-iskema ekoloġizzazzjoni, korrezzjoni finanzjarja ta’ EUR 7 832 400;

–        għall-iskema SBŻ, korrezzjoni b’rata fissa ta’ 2 % fuq 100 % tal-infiq imwettaq bi ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni.

261    Madankollu, il-korrezzjonijiet imposti għall-iskemi ekoloġizzazzjoni u SBŻ ġew assorbiti mill-korrezzjoni imposta għall-ksur li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti li huwa s-suġġett tat-tieni motiv.

262    Konsegwentement, hekk kif ġie kkonfermat mill-partijiet fit-tweġibiet tagħhom għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, sa fejn it-tieni motiv huwa miċħud, ir-raba’ motiv għandu jitqies bħala ineffettiv sa fejn dan jirrigwarda l-impożizzjoni ta’ korrezzjonijiet finanzjarji relatati mal-iskemi ekoloġizzazzjoni u SBŻ. Fil-fatt, sa fejn il-korrezzjonijiet relatati mal-iskemi ekoloġizzazzjoni u SBŻ ġew assorbiti mill-korrezzjoni relatata mal-ksur li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-artijiet bil-ħaxix permanenti, l-eżami tagħhom huwa irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-impożizzjoni tal-korrezzjoni finanzjarja kkontestata.

263    Fir-rigward tal-korrezzjoni imposta għall-iskema SĦUŻ, qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 1306/2013 jipprevedi, essenzjalment, li, meta jiġi kkonstatat li benefiċjarju ma jkunx qiegħed josserva l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna, l-Istat Membru kkonċernat ma għandux iħallas l-għajnuna jew għandu jirtiraha totalment jew parzjalment u s-somom imħallsa, inklużi l-interessi relatati, għandhom jiġu rkuprati. Din l-istess dispożizzjoni tipprovdi li, meta l-leġiżlazzjoni agrikola settorjali tkun tipprevedi dan, l-Istati Membri għandhom jimponu sanzjonijiet amministrattivi. Barra minn hekk, l-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014 jipprovdi, essenzjalment, li, fil-każ ta’ ħlas indebitu, il-benefiċjarju kkonċernat għandu l-obbligu li jirrimborsa s-somom inkwistjoni, jekk ikun il-każ, flimkien mal-interessi.

264    Minn dan isegwi li l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 1306/2013 u l-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014 ma jimponux fuq l-Istati Membri l-obbligu li jivverifikaw, b’mod retroattiv, jekk żona mhux eliġibbli għall-benefiċċju tal-għajnuna matul sena kinitx mhux eliġibbli wkoll matul is-snin preċedenti.

265    Sussegwentement, għandu jitfakkar li l-allegat obbligu tal-Istati Membri li jwettqu kontroll retroattiv tal-eliġibbiltà ta’ żona ma jirriżultax mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95. Hekk kif indikat fil-punt 244 iktar ’il fuq, din id-dispożizzjoni fil-fatt sempliċement tindika li t-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjonijiet għal ħlasijiet indebiti għandu jkun ta’ erba’ snin, ħlief jekk terminu iqsar ta’ tliet snin ikun previst mil-leġiżlazzjoni settorjali.

266    Fl-aħħar, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, fis-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2022, Is‑Slovakkja vs Il‑Kummissjoni (T‑40/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:515, punti 54 u 55), il-Qorti Ġenerali indikat li, abbażi tal-informazzjoni li tinsab fl-ittra ta’ konstatazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 34(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014, is-Slovakkja kien imissha inkludiet fl-evalwazzjoni tar-riskju potenzjali għall-FAEG, għas-snin ta’ applikazzjoni 2015 u 2016, l-effett finanzjarju tal-assenza ta’ rkupru tal-għajnuna mħallsa indebitament fir-rigward tat-tliet snin ta’ applikazzjoni preċedenti. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li l-fatt li l-kalkolu tar-riskju sostnut mill-FAEG għas-snin ta’ applikazzjoni 2015 u 2016 kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-effett tal-assenza ta’ proċedura ta’ rkupru għall-ħlasijiet imwettqa indebitament fir-rigward tat-tliet snin ta’ applikazzjoni preċedenti kien jirriżulta minn partikolarità tas-sistema ta’ kontroll Slovakka li l-awtoritajiet ta’ dak l-Istat ma setgħux jinjoraw. Għaldaqstant, mill-imsemmija sentenza ma jirriżultax obbligu għall-Istat Membru li jivverifika, b’mod retroattiv, jekk żona mhux eliġibbli għall-benefiċċju tal-għajnuna matul sena kinitx ukoll mhux eliġibbli matul is-snin preċedenti.

267    Minn dan jirriżulta li hemm lok li l-ewwel parti tar-raba’ motiv tiġi milqugħa.

268    Konsegwentement, mingħajr ma hemm bżonn li tiġi eżaminata t-tieni parti tar-raba’ motiv, hemm lok li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata sa fejn din tirrigwarda l-korrezzjoni finanzjarja applikata għall-infiq imwettaq mir-Repubblika Ċeka fil-kuntest tal-iskema SIIAA, b’rabta mal-allegat ksur li jirrigwarda l-irkupru tal-ħlasijiet indebiti, ta’ ammont ta’ EUR 17 855 884.41.

E.      Fuq ilħames motiv, li jikkontesta lksur li jirrigwarda lpreżentazzjoni tardiva talapplikazzjoni

269    Permezz tal-ħames motiv tagħha, ir-Repubblika Ċeka ssostni l-illegalità tal-impożizzjoni, mill-Kummissjoni, tal-korrezzjoni finanzjarja kkontestata relatata mal-ksur li jirrigwarda l-preżentazzjoni tardiva tal-applikazzjoni minħabba n-nuqqas ta’ applikazzjoni, għall-applikazzjonijiet għal għajnuna jew għal ħlas ippreżentati online mingħajr firma elettronika fit-termini previsti mill-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 640/2014 u kkompletati, fil-ħamest ijiem sussegwenti quddiem l-uffiċċju kompetenti, permezz tal-firma bl-idejn tal-applikant, tat-tnaqqis ta’ 1 %.

270    Insostenn ta’ dan il-motiv, ir-Repubblika Ċeka tqajjem erba’ argumenti.

271    Fl-ewwel lok, ir-Repubblika Ċeka ssostni li ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tipprekludi l-possibbiltà li applikazzjoni li tkun ġiet ippreżentata online tiġi, sussegwentement, ikkompletata personalment permezz tal-firma bl-idejn tal-applikant. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ċeka tirrileva li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 640/2014 jippreċiża l-proċedura li għandha tiġi segwita fil-każ tal-preżentazzjoni tardiva ta’ applikazzjoni għal għajnuna jew għal ħlas, iżda ma jipprovdix li l-applikazzjonijiet ippreżentati online u kkompletati sussegwentement, fil-preżenza tal-applikant, permezz tal-firma bl-idejn ta’ dan tal-aħħar jikkostitwixxu applikazzjonijiet tardivi. Barra minn hekk, hija tqis li l-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1306/2013 ma jinkludix il-firma tal-applikant fost l-elementi obbligatorji tal-applikazzjoni.

272    Fit-tieni lok, ir-Repubblika Ċeka ssostni li, fid-dritt nazzjonali tagħha, l-iffirmar fil-preżenza tal-applikant tal-applikazzjoni ppreżentata online huwa neċessarju għall-awtentifikazzjoni tal-preżentazzjoni, iżda ma jikkostitwixxix kundizzjoni għall-ammissibbiltà tal-applikazzjoni. Fil-fatt, il-firma bl-idejn tippermetti li jiġi vverifikat li l-entità li qiegħda tippreżenta l-applikazzjoni tkun dik li għaliha tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni (Artikolu 37(4) tal-Kodiċi Amministrattiv Ċek (Zákon č. 500/2004 Sb., správní řád)).

273    Fit-tielet lok, ir-Repubblika Ċeka tirrileva li, fid-dritt nazzjonali tagħha, l-unika ħaġa li l-applikant jista’ jżid mal-applikazzjoni ppreżentata online hija l-firma bl-idejn tiegħu, li għandha tiżdied, fl-uffiċċju kompetenti, fi żmien ħamest ijiem mill-preżentazzjoni online tal-applikazzjoni. Issa, ebda żieda jew ebda bidla fir-rigward tal-applikazzjoni ma tista’ ssir la bejn il-mument tal-preżentazzjoni online tal-applikazzjoni u dak tal-iffirmar tagħha fil-preżenza tal-applikant, u lanqas fil-mument tal-iffirmar fil-preżenza tal-applikant.

274    Fir-raba’ lok, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-awtentifikazzjoni fil-preżenza tal-applikant tal-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni mwettqa qabel online hija mekkaniżmu komuni fid-dritt tal-Unjoni, previst, b’mod partikolari, mill-Artikolu 57(7) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

275    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

276    Fir-rigward tal-ewwel u tat-tieni argument imqajma mir-Repubblika Ċeka, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, hemm lok li jitqies li huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu r-regoli li jistabbilixxu, fid-dritt nazzjonali tagħhom, il-modalitajiet ta’ preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għal għajnuna u għal ħlas, li għandhom madankollu jkunu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

277    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 640/2014, l-applikazzjonijiet għal għajnuna jew għal ħlas ippreżentati wara d-data ta’ skadenza stabbilita mill-Kummissjoni jagħtu lok għall-applikazzjoni tat-tnaqqis ta’ 1 %.

278    Barra minn hekk, l-indikazzjoni tal-identità tal-benefiċjarju tal-għajnuna tagħmel parti mill-informazzjoni li l-applikazzjoni għal għajnuna jew għal ħlas għandha tinkludi sabiex din titqies bħala ammissibbli, sakemm din tkun ġiet ippreżentata fit-termini stabbiliti skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 640/2014. Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1306/2013 ma jinkludix il-firma tal-applikant fost l-elementi li għandhom ikunu inklużi f’applikazzjoni għal għajnuna jew għal ħlas, dan jipprevedi li din l-applikazzjoni għandha tinkludi “kwalunkwe informazzjoni oħra prevista f'dan ir-Regolament jew meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni agrikola settorjali rilevanti jew mill-Istat Membru kkonċernat”. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, li jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1306/2013, jippreċiża li, sabiex titqies bħala ammissibbli, applikazzjoni għal għajnuna jew għal ħlas għandha, b’mod partikolari, tinkludi l-identità tal-benefiċjarju.

279    Issa, mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet jirriżulta li, skont id-dritt Ċek, il-firma bl-idejn tal-applikazzjoni hija formalità obbligatorja, li fl-assenza tagħha l-applikazzjoni ma tiġix aċċettata. Fil-fatt, hekk kif indikaw l-awtoritajiet Ċeki fl-osservazzjonijiet tagħhom tal‑1 ta’ Ottubru 2018 dwar il-minuti tal-laqgħa bilaterali, il-preżentazzjoni, mingħajr firma elettronika, ta’ applikazzjoni għandha tiġi kkonfermata permezz ta’ firma bl-idejn fil-ħamest ijiem sussegwenti. F’dan il-każ, jekk l-applikant jiffirma l-applikazzjoni personalment quddiem l-uffiċċju kompetenti, fil-forma u fit-termini preskritti mil-liġi, id-data tal-preżentazzjoni tal-imsemmija applikazzjoni titqies bħala dik tal-preżentazzjoni online tagħha. Madankollu, jekk l-applikant ma jiffirmax l-applikazzjoni personalment jew jekk huwa jonqos milli jagħmel dan fil-forma preskritta mil-liġi, l-imsemmija applikazzjoni titqies bħala inammissibbli u ma titteħidx inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti.

280    Minn dan isegwi li l-firma bl-idejn tal-applikazzjoni ppreżentata online mingħajr firma elettronika ma tissodisfax biss, hekk kif jirrilevaw l-awtoritajiet Ċeki, il-funzjoni ta’ awtentifikazzjoni tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni, iżda tikkostitwixxi wkoll kundizzjoni għall-ammissibbiltà tal-applikazzjoni. Biss l-applikazzjonijiet ikkompletati fil-preżenza tal-applikant permezz tal-firma bl-idejn tiegħu huma, fil-fatt, ipproċessati mill-awtoritajiet kompetenti.

281    Konsegwentement, minkejja li, f’dan il-każ, l-applikazzjonijiet ġew ippreżentati online mingħajr firma elettronika fit-termini previsti mill-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 640/2014, dawn ma kinux jinkludu l-firma bl-idejn tal-applikanti, li kienet madankollu informazzjoni determinanti sabiex tiġi vverifikata l-identità tagħhom u sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1306/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014.

282    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jitqies li, sa fejn, fid-data tal-preżentazzjoni tagħhom online, fl-applikazzjonijiet ma kienx hemm element essenzjali sabiex tiġi deċiża l-ammissibbiltà tagħhom u li dan l-element, jiġifieri l-firma bl-idejn tal-applikanti, ġiet ipprovduta wara l-iskadenza tat-termini previsti mill-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 640/2014, l-imsemmija applikazzjonijiet kienu tardivi, fatt li kien imissu ta lok għall-applikazzjoni tat-tnaqqis ta’ 1 %.

283    Għalhekk, l-ewwel u t-tieni argument għandhom jiġu miċħuda.

284    Fir-rigward tat-tielet argument, hemm lok li jitqies li dan huwa irrilevanti f’dan il-każ. Fil-fatt, minkejja li, bejn id-data tal-preżentazzjoni online u dik tal-firma fil-preżenza tal-applikant, il-kontenut tal-applikazzjonijiet għal għajnuna jew għal ħlas ma kienx is-suġġett ta’ bidliet, dawn kienu inkompleti fid-data tal-preżentazzjoni tagħhom online fid-dawl tal-assenza ta’ firma u għalhekk ma kinux jissodisfaw il-kriterji ta’ ammissibbiltà previsti mid-dritt tal-Unjoni.

285    Għaldaqstant, it-tieni argument għandu jiġi miċħud.

286    Fir-rigward tar-raba’ argument, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja tawtorizza, fl-Artikolu 57(7) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li l-oriġinal iffirmat tal-atti proċedurali jiġi ppreżentat fir-Reġistru mill-partijiet mhux iktar tard minn għaxart ijiem wara li tintbagħat il-kopja ta’ dan id-dokument huwa wkoll irrilevanti f’dan il-każ. Fi kwalunkwe każ, is-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 57(7) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja hija differenti minn dik inkwistjoni, sa fejn, skont din id-dispożizzjoni, id-dokument oriġinali mibgħut mill-partijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja f’terminu ta’ għaxart ijiem għandu jkun l-istess bħal dak mibgħut preċedentement, inkluż f’dak li jirrigwarda l-firma tiegħu, li għandha tkun saret meta tkun intbagħtet il-kopja tal-atti proċedurali.

287    Għalhekk hemm lok li r-raba argument jiġi miċħud u, għaldaqstant, li jiġi miċħud il-ħames motiv kollu kemm hu.

F.      Fuq issitt motiv, li jikkontesta liskema taddixxiplina finanzjarja

288    Permezz tas-sitt motiv tagħha, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1306/2013 u l-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li l-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 2 % li hija imponiet fuqha fil-kuntest tal-iskema tad-dixxiplina finanzjarja ma tikkorrispondix għall-gravità tan-nuqqas ta’ konformità allegat.

289    Il-Kummissjoni tikkontesta dan il-motiv.

290    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-proċedura ta’ dixxiplina finanzjarja, prevista fl-Artikoli 25 u 26 tar-Regolament Nru 1306/2013 u fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1307/2013, hija distinta mill-proċedura tal-approvazzjoni tal-konformità prevista fl-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013 u fl-Artikolu 34 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014.

291    Fil-fatt, il-proċedura tal-approvazzjoni tal-konformità hija intiża li tippermetti lill-Kummissjoni, wara proċedura kontradittorja, teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni l-infiq imwettaq minn Stat Membru bi ksur tad-dritt tal-Unjoni.

292    L-iskema tad-dixxiplina finanzjarja, min-naħa tagħha, hija intiża li tippermetti lill-Istati Membri jittrasferixxu lill-Kummissjoni krediti inizjalment intiżi għall-ħlasijiet diretti lill-bdiewa sabiex tiġi stabbilita riżerva finanzjarja intiża li tiffinanzja eventwali kriżi li tista’ sseħħ fis-settur agrikolu. Madankollu, jekk dawn il-krediti ma jintużawx, dawn jitħallsu lura mill-Kummissjoni, fis-snin sussegwenti, lill-Istati Membri li sussegwentement jittrasferixxuhom lill-bdiewa inizjalment ikkonċernati minn tnaqqis tal-ħlasijiet diretti li huma kellhom dritt għalihom.

293    F’dan il-każ, ir-rimbors tal-krediti inizjalment miġbura mingħand il-bdiewa, taħt l-iskema tad-dixxiplina finanzjarja, twettaq mill-Kummissjoni lir-Repubblika Ċeka permezz tar-regolamenti ta’ rimbors.

294    Insostenn tal-motiv tagħha, ir-Repubblika Ċeka tressaq żewġ argumenti.

295    Permezz tal-ewwel argument tagħha, ir-Repubblika Ċeka ssostni li, sa fejn il-korrezzjoni b’rata fissa imposta fil-kuntest tal-iskema tad-dixxiplina finanzjarja tirrifletti l-korrezzjonijiet li ġew applikati, mill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-investigazzjoni għall-iskemi SĦUŻ, SBŻ, ekoloġizzazzjoni u AAV, l-ammont tagħha kellu jkun l-istess bħal dak tal-korrezzjonijiet imposti għal kull waħda minn dawn l-iskemi. Issa, ir-Repubblika Ċeka tirrileva li, għall-iskema AAV, il-Kummissjoni applikat, fil-kuntest tal-investigazzjoni, korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % fuq 10 % tal-infiq imwettaq bi ksur ta’ din l-iskema. Minn dan isegwi, skont ir-Repubblika Ċeka, li l-istess korrezzjoni ta’ 5 % fuq 10 % tal-infiq imwettaq kellha tiġi applikata mill-Kummissjoni waqt id-determinazzjoni, għall-iskema AAV, tal-ammont tal-korrezzjoni b’rata fissa imposta fil-kuntest tal-iskema tad-dixxiplina finanzjarja.

296    F’dan ir-rigward, ma huwiex ikkontestat li, f’dan il-każ, fil-kuntest tal-proċedura tal-approvazzjoni tal-konformità li tat lok għad-deċiżjoni kkontestata, l-awtoritajiet Ċeki pprovdew lill-Kummissjoni linja baġitarja unika għall-iskemi kollha ta’ għajnuna li huma s-suġġett tad-dixxiplina finanzjarja. Dan ifisser li l-awtoritajiet Ċeki ma indikawx, għal kull skema ta’ għajnuna, l-ammont ta’ kreditu li inizjalment tħallas lill-Kummissjoni, imbagħad li ġie ttrasferit lilhom mill-Kummissjoni permezz tar-regolamenti ta’ rimbors, iżda li rreferew għal somma unika għall-iskemi differenti kollha ta’ għajnuna. Hija, għalhekk, din is-somma unika li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni sabiex tiddetermina l-ammont tal-korrezzjoni b’rata fissa imposta fil-kuntest tal-iskema tad-dixxiplina finanzjarja.

297    Madankollu, fit-talba għal konċiljazzjoni tal‑4 ta’ Frar 2020, ir-Repubblika Ċeka kkritikat lill-Kummissjoni talli ma applikatx, fil-kalkolu tal-korrezzjoni b’rata fissa relatata mal-iskema tad-dixxiplina finanzjarja għall-iskema AAV, korrezzjoni mnaqqsa li tikkorrispondi għal dik ta’ 5 % fuq 10 % tal-infiq imwettaq bi ksur tad-dritt tal-Unjoni li hija kienet applikat, għal din l-istess skema, fil-kuntest tal-investigazzjoni.

298    Issa, l-awtoritajiet Ċeki, la fl-ittra tagħhom tat‑13 ta’ Novembru 2020 li kienet sussegwenti għar-riċezzjoni tar-rapport tal-korp ta’ konċiljazzjoni u lanqas fl-iskambji suċċessivi tagħhom, ma pprovdew lill-Kummissjoni b’informazzjoni li tippermetti li tiġi distinta eżattament, fi ħdan il-pożizzjoni baġitarja unika relatata mal-krediti li kienu s-suġġett tar-regolamenti ta’ rimbors, il-parti relatata mal-iskema AAV.

299    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ddeċidiet, fil-konklużjonijiet finali u fir-rapport sommarju, li tapplika korrezzjoni b’rata fissa unika ta’ 2 % fuq il-krediti kollha li kienu s-suġġett tal-proċedura ta’ dixxiplina finanzjarja.

300    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1306/2013 u mal-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega Nru 907/2014, il-Kummissjoni tibbaża l-esklużjoni ta’ nefqa mill-finanzjament tal-Unjoni fuq l-identifikazzjoni tal-ammonti tas-somom minfuqa indebitament biss jekk dawn jistgħu jiġu ddeterminati billi jsiru sforzi proporzjonati.

301    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 108 iktar ’il fuq, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li jkun xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex.

302    Issa, f’dan il-każ, ir-Repubblika Ċeka ma pprovdietx lill-Kummissjoni informazzjoni li tippermettilha tidentifika, fi ħdan il-pożizzjoni baġitarja relatata mal-krediti li kienu s-suġġett tar-regolamenti ta’ rimbors, il-parti relatata mal-iskema AAV. Għalhekk, kien b’mod korrett li l-Kummissjoni ddeċidiet, billi għamlet sforzi proporzjonati, konformement mal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1306/2013, mal-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega Nru 907/2014 u mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li tapplika, taħt l-iskema tad-dixxiplina finanzjarja, korrezzjoni b’rata fissa unika għall-iskemi kollha ta’ għajnuna.

303    Għaldaqstant, l-ewwel argument għandu jiġi miċħud.

304    Permezz tat-tieni argument tagħha, ir-Repubblika Ċeka ssostni li, jekk il-Qorti Ġenerali kellha tannulla, kompletament jew parzjalment, il-korrezzjonijiet għall-iskemi SĦUŻ, SBŻ, ekoloġizzazzjoni u AAV imposti mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura tal-approvazzjoni tal-konformità li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, hija jkollha tannulla wkoll, b’mod awtomatiku u ġeneralizzat, għal ammont korrispondenti, il-korrezzjoni imposta fil-kuntest tal-iskema tad-dixxiplina finanzjarja, peress li din ma tkunx tikkorrispondi iktar għad-dannu finanzjarju allegatament ikkawżat lill-baġit tal-Unjoni.

305    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-impożizzjoni ta’ korrezzjoni fil-kuntest tal-iskema tad-dixxiplina finanzjarja hija marbuta mal-korrezzjonijiet imposti, mill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-proċedura tal-approvazzjoni tal-konformità għall-iskemi ta’ għajnuna li huma s-suġġett tad-dixxiplina finanzjarja. Fil-fatt, sabiex tiġi ggarantita, sa fejn huwa possibbli, il-korrispondenza bejn il-ħlasijiet diretti mħallsa, kull sena, lill-bdiewa u l-krediti mnaqqsa minn dawn il-ħlasijiet taħt id-dixxiplina finanzjarja, li eventwalment jiġu rrimborsati lil dawn il-bdiewa fis-snin sussegwenti , jekk il-Kummissjoni timponi, fil-kuntest tal-proċedura tal-approvazzjoni tal-konformità, korrezzjoni għal irregolaritajiet irrilevati fil-ħlasijiet diretti, hija għandha wkoll timponi korrezzjoni fuq il-krediti li huma s-suġġett tad-dixxiplina finanzjarja.

306    Madankollu, ebda awtomatiżmu ma jista’ jiġi identifikat bejn l-applikazzjoni mill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-proċedura tal-approvazzjoni tal-konformità, ta’ korrezzjoni għal ċerta skema ta’ għajnuna u l-impożizzjoni minnha ta’ korrezzjoni għas-somom li jirriżultaw minn din l-istess skema ta’ għajnuna li kienu s-suġġett ta’ rimbors lill-Istati Membri abbażi tad-dixxiplina finanzjarja.

307    Fl-ewwel lok, skont l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1306/2013, is-somom ittrasferiti lill-Kummissjoni, abbażi tad-dixxiplina finanzjarja, għandhom jitħallsu lura, jekk ikun il-każ, lill-bdiewa permezz tal-applikazzjoni ta’ rata ta’ aġġustament fissa, li tapplika għall-ħlasijiet kollha mwettqa taħt id-diversi skemi ta’ għajnuna.

308    Għalhekk, l-ammont tal-korrezzjoni imposta fil-kuntest tal-iskema tad-dixxiplina finanzjarja huwa kkalkolat mill-Kummissjoni b’rata fissa għall-iskemi kollha ta’ għajnuna u ma huwiex neċessarjament marbut mal-ammont tal-korrezzjoni imposta minnha, fil-kuntest tal-proċedura tal-approvazzjoni tal-konformità, għal irregolaritajiet irrilevati fil-ħlasijiet diretti mħallsa lill-bdiewa relatati ma’ skema ta’ għajnuna speċifika.

309    Fit-tieni lok, hekk kif indikat fil-punt 302 iktar ’il fuq, il-possibbiltà, għall-Kummissjoni, li tidentifika, billi tagħmel sforzi proporzjonati, fost il-krediti li huma s-suġġett tad-dixxiplina finanzjarja, dawk relatati ma’ kull skema ta’ għajnuna kkonċernata mill-proċedura tal-approvazzjoni tal-konformità tiddependi mill-informazzjoni disponibbli pprovduta, f’kull każ, mill-Istati Membri.

310    Għalhekk, ma jistax jiġi sostnut li l-annullament totali jew parzjali tal-korrezzjoni finanzjarja kkontestata imposta għal ċerta skema ta’ għajnuna jwassal b’mod awtomatiku u ġeneralizzat għall-annullament tal-korrezzjoni b’rata fissa imposta fil-kuntest tal-iskema tad-dixxiplina finanzjarja.

311    Għalhekk hemm lok li t-tieni argument jiġi miċħud u, għaldaqstant, li jiġi miċħud is-sitt motiv kollu kemm hu.

312    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata sa fejn din timponi fuq ir-Repubblika Ċeka l-korrezzjoni finanzjarja kkontestata minħabba, minn naħa, il-ksur li jirrigwarda l-għażla tal-kampjun ta’ kontroll li jirrigwarda l-kontrolli standard, għal ammont ta’ EUR 18 833.24, kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-ksur li jirrigwarda l-irkupru tal-ħlasijiet indebiti, għal ammont ta’ EUR 17 855 884.41, u li l-kumplament tar-rikors jiġi miċħud.

IV.    Fuq lispejjeż

313    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Peress li r-rikors ġie parzjalment milqugħ, hemm lok li jiġi deċiż li kull waħda mill-partijiet għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L‑Għaxar Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2020 tas17 ta’ Novembru 2021 li teskludi mill-finanzjament mill-Unjoni Ewropea ċertu nefqa imġarrba mill-Istati Membri fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) hija annullata sa fejn din timponi fuq ir-Repubblika Ċeka korrezzjoni finanzjarja minħabba, minn naħa, ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirrigwardaw l-għażla tal-kampjun tal-benefiċċjarji ta’ għajnuna li għandhom ikunu suġġetti għal kontroll standard, għal ammont ta’ EUR 18 833.24, u , min-naħa l-oħra, nuqqasijiet fil-kontroll intiż li jiġi vverifikat jekk żona inammissibbli għall-benefiċċju tal-għajnuna, għal sena, kinitx ukoll inammissibbli għas-snin preċedenti u kellha tagħti lok għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ rkupru tal-ħlasijiet indebiti fil-kuntest tal-iskema ta’ ħlas uniku skont iż-żona, għal ammont ta’ EUR 17 855 884.41.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Ir-Repubblika Ċeka u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu, kull waħda minnhom, l-ispejjeż tagħhom.

Jaeger

Nihoul

Verschuur

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑6 ta’ Diċembru 2023.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.