Language of document : ECLI:EU:T:2019:404

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

12 ta’ Ġunju 2019 (*)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal – Għoti ta’ leave fl-interess tas-servizz – Irtirar awtomatiku – Att li ma jistax jiġi kkontestat – Inammissibbiltà parzjali – Kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi – Tqajjim ex officio – Interpretazzjoni letterali, kuntestwali u teleoloġika”

Fil-Kawża T‑167/17,

RV, ex uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentat inizjalment minn J.‑N. Louis u N. de Montigny, sussegwentement minn Louis, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Berscheid u D. Martin, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat inizjalment minn J. Steele u D. Nessaf, sussegwentement minn Steele u M. Rantala u finalment minn Steele u C. González Argüelles, bħala aġenti,

u minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bauer u R. Meyer, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Diċembru 2016 li tqiegħed lir-rikorrent fuq leave fl-interess tas-servizz skont l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea u, simultanjament, fuq irtirar awtomatiku skont il-ħames paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni,

Il-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Prek, President, E. Buttigieg (Relatur) u B. Berke, Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Jannar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il qudiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) ġew stabbiliti permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej kif ukoll is-sistema applikabbli għall-membri tal-persunal l-oħra ta’ dawn il-Komunitajiet, u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 5, rettifiki fil-ĠU 2007, L 248, p. 27 u fil-ĠU 2016, L 289, p. 21), kif emendat bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 (ĠU 2013, L 287, p. 15, rettifika fil-ĠU 2015, L 175, p. 126).

2        L-Artikolu 35 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jifforma parti mill-Kapitolu 2 tat-Titolu III tar-Regolamenti tal-Persunal, intitolat “Pożizzjonijiet”, jipprovdi li l-uffiċjal jista’ jitqiegħed f’waħda mill-pożizzjonijiet segwenti: ta’ attività, ta’ kollokament, leave għal raġunijiet personali, ta’ disponibbiltà, leave għal servizz militari, leave parentali jew leave familjari u leave fl-interess tas-servizz.

3        L-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, li jifforma parti mill-istess kapitolu, jipprovdi dan li ġej:

“Mhux iktar kmieni minn ħames snin ta’ qabel l-età pensjonabbli, uffiċjal li għandu tal-anqas għaxar snin servizz jista’ jingħata l-leave, permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità tal-ħatra, fl-interess tas-servizz għal ħtiġijiet organizzattivi konnessi mal-akkwist ta’ kompetenzi ġodda fi ħdan l-istituzzjonijiet.

In-numru totali ta’ uffiċjali li jiġu assenjati l-leave fl-interessi tas-servizz kull sena ma għandux ikun aktar minn 5 % tal-uffiċjali fl-istituzzjonijiet kollha, li rtiraw matul is-sena ta’ qabel. In-numru totali kkalkulat b’dan il-mod għandu jkun allokat lil kull istituzzjoni skont in-numru rispettiv ta’ uffiċjali tagħha fil-31 ta’ Diċembru tas-sena preċedenti. Ir-riżultat ta’ tali allokazzjoni għandu jitqarreb ’il fuq sal-eqreb numru sħiħ li jkun imiss f’kull istituzzjoni.

It-tali leave ma għandux jikkostitwixxi miżura dixxiplinari.

It-tul ta’ żmien tal-leave għandu jikkorrispondi, bħala prinċipju, mal-perjodu sakemm l-uffiċjal jilħaq l-età pensjonabbli. Madankollu, f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, l-awtorità tal-ħatra tista’ tiddeċiedi li ttemm il-leave u terġa’ ddaħħal l-uffiċjal.

Meta l-uffiċjal li ġie assenjat il-leave fl-interessi tas-servizz jilħaq l-età pensjonabbli, huwa għandu jirtira awtomatikament.

Il-leave fl-interessi tas-servizz għandu jkun regolat permezz tar-regoli li ġejjin:

a)      uffiċjal ieħor jista’ jinħatar għall-pożizzjoni okkupata mill-uffiċjal;

b)      uffiċjal bil-leave fl-interessi tas-servizz ma għandux ikun intitolat għat-tlugħ fi skala ogħla jew għall-promozzjoni fil-grad.

Uffiċjal assenjat bil-leave b’dan il-mod għandu jirċievi allowance maħduma skont l-Anness IV.

Fuq talba tal-uffiċjal, l-allowance għandha tkun suġġetta għall-kontribuzzjonijiet magħmulin għall-iskema tal-pensjoni, ikkalkulati fuq il-bażi ta’ dik l-allowance. F’tali każ, il-perjodu ta’ servizz bħala uffiċjal bil-leave fl-interessi tas-servizz għandu jiġi kkunsidrat għall-fini tal-kalkolu tas-snin ta’ servizz pensjonabbli fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 2 tal-Anness VIII.

L-allowance [ma] għandha tkun suġġetta għal [ebda] koeffiċjent tal-korrezzjoni”

4        L-Artikolu 47 tar-Regolamenti tal-Persunal jifforma parti mill-Kapitolu 4 tat-Titolu III tar-Regolamenti tal-Persunal, intitolat “Tmiem definittiv tas-servizz”. Dan l-artikolu jipprovdi li t-tmiem definittiv tas-servizz jista’ jirriżulta mir-riżenja, mir-riżenja awtomatika, mill-irtirar mill-impjieg fl-interess tas-servizz, mit-tkeċċija minħabba inkompetenza professjonali, mir-revoka, mill-irtirar jew mill-mewt.

5        Il-punti (a) u (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tar-Regolamenti tal-Persunal, li wkoll jifforma parti mill-Kapitolu 4, jipprovdu b’mod partikolari li, bla ħsara għall-Artikolu 50 tar-Regolamenti tal-Persunal (li jirrigwarda l-irtirar mill-impjieg fl-interess tas-servizz għall-membri tal-persunal fi klassifikazzjoni superjuri), uffiċjal jirtira, jew awtomatikament, fl-aħħar ġurnata tax-xahar li matulu huwa jagħlaq 66 sena, jew fuq talba tiegħu stess, fl-aħħar ġurnata tax-xahar li għalih saret it-talba meta jkun laħaq l-età tal-irtirar.

6        L-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jinkludi miżuri tranżitorji applikabbli għall-uffiċjali.

7        L-Artikolu 22(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi dan li ġej:

“1. L-uffiċjali li fl-1 ta’ Mejju 2004 jkollhom 20 sena ta’ servizz jew aktar għandhom ikunu intitolati għal pensjoni tal-irtirar meta jagħlqu s-60 sena.

L-uffiċjali li fl-1 ta’ Mejju 2014 ikollhom 35 sena jew aktar u li jkunu daħlu fis-servizz qabel l-1 ta’ Jannar 2014 għandhom ikunu intitolati għal pensjoni tal-irtirar fl-età murija fit-tabella ta’ hawn taħt:

Età fl-1 ta’ Mejju 2014

Età pensjonabbli

60 sena jew aktar

60 sena

59 sena

 60 sena u 2 xhur

58 sena

60 sena u 4 xhur

[…]

[…]

35 sena

64 sena u 8 xhur


L-uffiċjali li fl-1 ta’ Mejju 2014 ikollhom anqas minn 35 sena għandhom ikunu intitolati għal pensjoni tal-irtirar fl-età ta’ 65 sena.

Madankollu, għall-uffiċjali li fl-1 ta’ Mejju 2014 ikollhom 45 sena jew aktar u li jkunu daħlu fis-servizz bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u l-31 ta’ Diċembru 2013, l-età pensjonabbli għandha tkun ta’ 63 sena.

Għall-uffiċjali fis-servizz qabel l-1 ta’ Jannar 2014, l-età għall-pensjoni li għandha tkun ikkunsidrata għar-riferenzi kollha tal-età għall-pensjoni f’dawn ir-Regolamenti tal-Persunal għandhom ikunu stabbiliti skont id-disposizzjonijiet t’hawn fuq, għajr jekk ipprovdut mod ieħor f’dawn ir-Regolamenti tal-Persunal.”

8        L-Artikolu 23(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi, b’mod partikolari, li l-uffiċjal li daħal fis-servizz qabel l-1 ta’ Jannar 2014 jirtira awtomatikament fl-aħħar ġurnata tax-xahar li matulu jilħaq l-età ta’ 65 sena.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

9        Ir-rikorrent, RV, huwa ex uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea. Huwa twieled fl-10 ta’ Jannar 1956 u daħal fis-servizz fi ħdan din l-istituzzjoni fl-1 ta’ Settembru 1992. Sa mill-1 ta’ Frar 2009, huwa ġie assenjat mad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Politika Reġjonali u Urbana”. Huwa ġie promoss għall-grad AST 9 fl-1 ta’ Jannar 2013.

10      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Novembru 2016, id-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Riżorsi Umani u Sigurtà” informa lir-rikorrent bl-intenzjoni tal-Awtorità tal-Ħatra (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra”) li tqiegħdu fuq leave fl-interess tas-servizz sa mill-1 ta’ April 2017, b’applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal.

11      Permezz ta’ posta elettronika tas-6 ta’ Diċembru 2016, ir-rikorrent ikkonferma li rċieva l-ittra tat-30 ta’ Novembru 2016 u talab kjarifiki dwar id-drittijiet tiegħu għall-irtirar kif ukoll dwar aspetti prattiċi differenti tal-għoti ta’ leave tiegħu fl-interess tas-servizz b’applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal.

12      Permezz ta’ posta elettronika tat-8 ta’ Diċembru 2016, l-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali (il-PMO) tal-Kummissjoni bagħat lir-rikorrent il-kalkolu provviżorju tal-allowance li kienet ser tkun dovuta lilu b’applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal filwaqt li ppreċiża li din il-posta elettronika ntbagħtet lilu bħala informazzjoni u ma kinitx tikkostitwixxi deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li tista’ tkun is-suġġett ta’ lment.

13      Waqt laqgħa li nżammet fil-15 ta’ Diċembru 2016, il-Kap tad-Diviżjoni “Amministrazzjoni tal-Karrieri u Mobbiltà” tad-DĠ “Riżorsi Umani u Sigurtà” indika, b’mod partikolari, lir-rikorrent li, peress li huwa kien laħaq “l-età pensjonabbli” fis-sens tal-Artikolu 22(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal u f’każ li l-Awtorita tal-Ħatra tieħu d-deċiżjoni li tqiegħdu fuq leave fl-interess tas-servizz, huwa kien ser jirtira direttament fl-1 ta’ April 2017. Skont il-kalkoli riċevuti mill-PMO, f’din id-data, ir-rikorrent kien kiseb 54.9 % tal-intitolamenti tal-pensjoni u l-ammont tal-irtirar tiegħu kien jammonta għal EUR 4040.99. Ir-rikorrent indika li huwa ma kienx irċieva informazzjoni korretta dwar il-konsegwenzi tal-għoti ta’ leave tiegħu fl-interess tas-servizz u li, kieku huwa rċieva tali informazzjoni, huwa ma kienx jagħti l-kunsens tiegħu għall-għoti ta’ leave tiegħu fl-interess tas-servizz. Ir-rikorrent indika wkoll li huwa ma jixtieqx jirtira b’mod awtomatiku fl-1 ta’ April 2017, iżda li jixtieq jibqa’ fl-attività sabiex ikollu l-possibbiltà jikseb intitolamenti ta’ pensjoni addizzjonali. Fil-każ li l-Awtorità tal-Ħatra tiddeċiedi li tqiegħdu fuq leave fl-interess tas-servizz, ir-rikorrent indika li d-data tal-1 ta’ April 2017 kienet prematura u li huwa kellu bżonn xahrejn jew tlieta addizzjonali sabiex jipprepara ruħu għall-irtirar.

14      Wara din il-laqgħa, fl-20 ta’ Diċembru 2016, id-Diviżjoni “Amministrazzjoni tal-Karrieri u Mobbiltà” tad-DĠ “Riżorsi Umani u Sigurtà” bagħtet lill-Awtorità tal-Ħatra opinjoni favorevoli dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal fir-rigward tar-rikorrent.

15      Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2016, l-Awtorità tal-Ħatra ddeċidiet, minn naħa, li tqiegħed lir-rikorrent fuq leave fl-interess tas-servizz, skont l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, sa mill-1 ta’ April 2017, u, min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-fatt li huwa kien diġà laħaq “l-età pensjonabbli”, skont l-Artikolu 22(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li tqiegħdu fuq irtirar awtomatiku, skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, fl-istess data (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

16      Fit-13 ta’ Marzu 2017, ir-rikorrent ressaq ilment kontra din id-deċiżjoni kkontestata skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

17      Fis-16 ta’ Marzu 2017, id-Diviżjoni “Pensjonijiet” tal-PMO bagħtet lir-rikorrent opinjoni dwar il-kalkolu tal-allowance prevista fl-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal. Skont din l-opinjoni, ir-rikorrent kien ser jirċievi l-allowance fuq imsemmija, korrispondenti għal 100 % tas-salarju bażiku, dovut mill-1 ta’ April 2017 sat-30 ta’ April 2017, u d-dritt tiegħu għall-pensjoni tal-irtirar kellu jieħu effett fl-1 ta’ Mejju 2017.

18      Fil-31 ta’ Marzu 2017, l-avukat tar-rikorrent bagħat posta elettronika lill-Kummissjoni li fiha sostna li d-“deċiżjoni” tal-PMO tas-16 ta’ Marzu 2017 kienet tissostitwixxi d-deċiżjoni kkontestata peress li tbiddel is-sitwazzjoni amministrattiva tar-rikorrent u allega li din ma kinitx ġiet innotifikata lilu bi ksur tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-prinċipji ta’ ġestjoni tajba u ta’ amministrazzjoni tajba li jirriżultaw mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, l-avukat tar-rikorrent ippreċiża li l-ilment kien indirizzat ukoll kontra d-“deċiżjoni l-ġdida” tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Marzu 2017.

19      L-ilment tar-rikorrent ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni espliċita tal-Awtorità tal-Ħatra tas-27 ta’ Lulju 2017.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

20      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Marzu 2017, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

21      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrent talab sabiex jingħatalu l-anonimat skont l-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Mejju 2017, il-Qorti Ġenerali laqgħet din it-talba.

22      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Marzu 2017, ir-rikorrent talab li dan ir-rikors jiġi deċiż bi proċedura mħaffa, skont l-Artikolu 152 tar-Regoli tal-Proċedura.

23      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrent ippreżenta talba għal miżuri provviżorji, ibbażata fuq l-Artikoli 278 u 279 TFUE, intiża għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. B’applikazzjoni tal-Artikolu 91(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-proċedura fil-kawża prinċipali ġiet sospiża.

24      Permezz ta’ digriet tal-24 ta’ Marzu 2017, RV vs Il-Kummissjoni (T‑167/17 R, mhux ippubblikat, EU:T:2017:218), il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji tar-rikorrent minħabba nuqqas ta’ urġenza.

25      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali, fit-8 u fit-12 ta’ Mejju 2017 rispettivament, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea talbu li jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

26      Skont l-Artikolu 91(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-proċedura fil-kawża prinċipali tkompliet, wara l-adozzjoni, fis-27 ta’ Lulju 2017, tad-deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda tal-ilment tar-rikorrent.

27      Permezz ta’ deċiżjonijiet adottati mill-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali, fis-16 u fil-11 ta’ Awwissu 2017 rispettivament, il-Parlament u l-Kunsill ġew awtorizzati jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

28      Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Awwissu 2017, il-Qorti Ġenerali (it-Tieni Awla) ċaħdet it-talba sabiex tingħata deċiżjoni skont il-proċedura mħaffa magħmula mir-rikorrent.

29      Fid-29 u fit-30 ta’ Novembru 2017, il-Parlament u l-Kunsill ippreżentaw rispettivament in-noti ta’ intervent tagħhom.

30      Fit-22 ta’ Frar 2018, ir-reġistru tal-Qorti Ġenerali informa lill-partijiet bl-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura.

31      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Marzu 2018, ir-rikorrent għamel talba motivata, skont l-Artikolu 106 tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex jinstema’ fil-kuntest tal-fażi orali tal-proċedura.

32      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (it-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet lill-Kummissjoni tippreżenta dokument u lill-partijiet l-oħra kollha jwieġbu bil-miktub għal mistoqsija. Il-partijiet kollha kkonformaw ma’ dawn it-talbiet fit-terminu stabbilit bl-eċċezzjoni tar-rikorrent li ppreżenta t-tweġiba bil-miktub tiegħu wara l-iskadenza tat-terminu. Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Jannar 2019, it-tweġiba bil-miktub tar-rikorrent kif ukoll l-ittra tiegħu li tiġġustifika l-preżentata wara l-iskadenza tat-terminu ddaħħlu fil-fajl.

33      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-18 ta’ Jannar 2019.

34      Fir-rikors tiegħu, ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

35      Fir-replika, ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha “tannulla, sa fejn huwa neċessarju, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Marzu 2017 li tistabbilixxi l-1 ta’ Mejju 2017 bħala d-data tal-irtirar awtomatiku [tiegħu]”.

36      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

37      Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

38      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għall-annullament tad-“deċiżjoni” tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Marzu 2017

39      Il-Kummissjoni ssostni li t-talba għall-annullament tad-“deċiżjoni” tagħha tas-16 ta’ Marzu 2017 li tirrigwarda l-istabbiliment tad-drittijiet pekunjarji tar-rikorrent hija inammissibbli. Minn naħa, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali ma hijiex adita b’din il-kwistjoni b’mod regolari peress li t-talba fuq imsemmija ma tinsabx fir-rikors u r-rikorrent ma ppreżentax rikors addizzjonali f’dan ir-rigward. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-rikorrent ma jistax jestendi r-rikors tiegħu sabiex ikopri d-“deċiżjoni” tas-16 ta’ Marzu 2017 fuq imsemmija. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni targumenta li din id-“deċiżjoni” ġiet adottata bħala estensjoni tad-deċiżjoni kkontestata u sempliċement tistabbilixxi d-drittijiet pekunjarji tar-rikorrent skont l-Artikolu 10 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Għalhekk, hija ma tibdilx is-sitwazzjoni legali tiegħu.

40      Ir-rikorrent jirrispondi li, peress li huwa sar jaf bir-risposta għall-ilment tiegħu wara li adixxa lill-Qorti Ġenerali, huwa ammissibbli li t-talbiet tiegħu jiġu adattati u estiżi sabiex jinkludu d-“deċiżjoni” tas-16 ta’ Marzu 2017.

41      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, huma biss ir-rikorsi magħmula kontra att li jippreġudika lir-rikorrent li huma ammissibbli.

42      Skont ġurisprudenza stabbilita, huma biss il-miżuri li għandhom effetti legali vinkolanti u li jistgħu jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tar-rikorrent billi jbiddlu, b’mod kunsiderevoli, is-sitwazzjoni legali tiegħu li jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament (ara s-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2016, Alsteens vs Il-Kummissjoni, T-328/15 P, mhux ippubblikata, EU:T:2016:671, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      F’dan il-każ, għandu jitfakkar, minn naħa, li permezz tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrent tqiegħed fuq leave fl-interess tas-servizz u, simultanjament, fuq irtirar awtomatiku sa mill-1 ta’ April 2017, skont l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal u li, min-naħa l-oħra, l-opinjoni tal-PMO tas-16 ta’ Marzu 2017 (ara l-punt 17 iktar ’il fuq), ikklassifikata bħala “deċiżjoni” mir-rikorrent, tispeċifika li, matul ix-xahar ta’ April 2017, ir-rikorrent ser jirċievi l-allowance prevista fis-seba’ paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, korrispondenti għal 100 % tas-salarju bażiku, u li d-dritt għall-pensjoni tal-irtirar tiegħu kien ser jieħu effett fl-1 ta’ Mejju 2017.

44      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 10 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal:

“Id-dritt għall-pagament tal-pensjoni ta’ l-irtirar jidħol fis-seħħ mill-ewwel ġurnata tax-xahar kalendarju ta’ wara dak li fih l-uffiċjal, jew awtomatikament jew fuq it-talba tiegħu stess, isir eliġibbli għal dik il-pensjoni; għandu jkompli jirċievi r-remunerazzjoni tiegħu sakemm il-pensjoni tiegħu ssir pagabbli.”

45      Kif ippreċiżat il-Kummissjoni, mingħajr kontestazzjoni, l-opinjoni tal-PMO tas-16 ta’ Marzu 2017 applikat l-Artikolu 10 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, ir-rikorrent kellu jibda jirċievi l-pensjoni tal-irtirar tiegħu sa mix-xahar ta’ Mejju 2017, jiġifieri sa mix-xaħar ċivili li jiġi wara x-xahar (April 2017) li fih huwa ġie ammess għall-benefiċċju ta’ din il-pensjoni bis-saħħa tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-frattemp, jiġifieri għax-xahar ta’ April 2017, ir-rikorrent kellu, skont id-dispożizzjoni fuq imsemmija, jirċievi r-“remunerazzjoni” tiegħu, li, fil-każ tiegħu, u kif sostniet il-Kummissjoni, għandha tiġi interpretata bħala li tikkorrispondi għall-allowance prevista fis-seba’ paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, fid-dawl tal-fatt li, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, huwa ngħata leave fl-interess tas-servizz sa mill-1 ta’ April 2017.

46      Għalhekk jirriżulta li l-opinjoni tal-PMO tas-16 ta’ Marzu 2017 tispeċifika biss id-drittijiet pekunjarji tar-rikorrent li jirriżultaw mid-deċiżjoni kkontestata u mill-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u hija, għalhekk, estensjoni tad-deċiżjoni kkontestata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija opinjoni ma tipproduċix effetti legali vinkolanti li jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tar-rikorrent billi tibdel, b’mod sinjifikattiv, is-sitwazzjoni legali tiegħu, peress li din is-sitwazzjoni hija stabbilita biss permezz tad-deċiżjoni kkontestata, li f’dan il-każ tikkostitwixxi, l-uniku att li jikkawża preġudizzju.

47      Konsegwentement, l-opinjoni tal-PMO tas-16 ta’ Marzu 2017 ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat u t-talba għal annullament li tirreferi għalih għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq il-mertu

 Fuq il-fakultà tal-Qorti Ġenerali li teżamina, f’dan il-każ, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi

48      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent invoka erba’ motivi, l-ewwel wieħed, ibbażat fuq ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali u fuq l-illegalità ta’ delegazzjoni mhux prevista tas-setgħat tal-Awtorità tal-Ħatra fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, it-tieni wieħed ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, it-tielet wieħed ibbażat fuq l-illegalità tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal peress li din id-dispożizzjoni tmur kontra l-premessi 2, 14 u 29 tar-Regolament Nru 1023/2013 u ma tipprovdix miżuri tranżitorji li jippermettu l-implimentazzjoni progressiva, u r-raba’ wieħed ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, kif ukoll tad-dmir ta’ premura, u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Waqt is-seduta, ir-rikorrent indika li huwa jirrinunzja għat-tieni motiv fuq imsemmi.

49      Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar in-noti ta’ intervent tal-Parlament u tal-Kunsill, ir-rikorrent iċċita partijiet mid-digriet tat-18 ta’ Mejju 2017, RW vs Il-Kummissjoni (T‑170/17 R, mhux ippubblikat, EU:T:2017:351), mingħajr ma wasal għal konklużjonijiet espliċiti minn dan.

50      Fil-fatt, fid-digriet tat-18 ta’ Mejju 2017, RW vs Il-Kummissjoni (T‑170/17 R, mhux ippubblikat, EU:T:2017:351), il-President tal-Qorti Ġenerali, li kien qed jiddeċiedi fil-kwalità ta’ Imħallef għal miżuri provviżorji, ordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tqiegħed lir-rikorrent, f’dik il-kawża, fuq leave fl-interess tas-servizz u, simultanjament, fuq irtirar awtomatiku skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, fid-dawl tal-fatt li huwa kien laħaq “l-età pensjonabbli” fis-sens tal-Artikolu 22(1) tal-Anness XIII, tar-Regolamenti tal-Persunal (digriet tat-18 ta’ Mejju 2017, RW vs Il-Kummissjoni, T‑170/17 R, mhux ippubblikat, EU:T:2017:351, punt 16). Fil-kuntest tal-eżami tal-fumus boni juris u bi tweġiba għall-ewwel żewġ motivi bbażati, rispettivament, fuq ksur tal-Artikoli 47 u 52 tar-Regolamenti tal-Persunal u fuq ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għamel il-kunsiderazzjonijiet segwenti.

51      Fl-ewwel lok, l-Imħallef għal miżuri provviżorji kkonstata, prima facie, li l-Artikoli 22 u 23 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxu, bħall-Artikolu 52 tar-Regolamenti tal-Persunal, distinzjoni netta bejn l-età legali tal-irtirar li fiha l-uffiċjal jirtira awtomatikament u l-età minima tal-irtirar, b’din l-aħħar espressjoni tinftiehem bħala l-età li minnha l-uffiċjal jista’ jitlob li jirtira (digriet tat-18 ta’ Mejju 2017, RW vs Il-Kummissjoni, T‑170/17 R, mhux ippubblikat, EU:T:2017:351, punt 50).

52      Fit-tieni lok, l-Imħallef għal miżuri provviżorji kkunsidra li, anki jekk mal-ewwel daqqa t’għajn jistgħu jirriżultaw ċerti diffikultajiet ta’ rabta, fuq il-livell tal-istruttura, bejn, minn naħa, id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li jirregolaw, b’mod ġenerali, l-irtirar u t-tmiem definittiv tas-servizz u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, jibqa’ l-fatt li l-ħames paragrafu ta’ dan l-aħħar artikolu jipprovdi espressament li l-“uffiċjal li ġie assenjat il-leave fl-interessi tas-servizz jilħaq l-età pensjonabbli, huwa għandu jirtira awtomatikament”. Għalhekk, skont l-Imħallef għal miżuri provviżorji, minkejja li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi kkunsidrat bħala lex specialis, jibqa’ l-fatt li għandha tiġi stabbilita l-portata tiegħu (digriet tat-18 ta’ Mejju 2017, RW vs Il-Kummissjoni, T‑170/17 R, mhux ippubblikat, EU:T:2017:351, punti 52 u 54).

53      Għalhekk, fit-tielet lok, l-Imħallef għal miżuri provviżorji qies li għandu jiġi stabbilit jekk, mal-ewwel daqqa t’għajn, l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, jippermettix li uffiċjal, li jkun laħaq l-età minima tal-irtirar, jitqiegħed kontra l-volontà tiegħu fuq leave fl-interess tas-servizz u, simultanjament, fuq irtirar awtomatiku (digriet tat-18 ta’ Mejju 2017, RW vs Il-Kummissjoni, T-170/17 R, mhux ippubblikat, EU:T:2017:351, punt 55). Huwa kkonkluda li, mal-ewwel daqqa t’għajn, din id-dispożizzjoni ma tippermettix li jsir dan, billi wettaq, b’mod partikolari, interpretazzjoni letterali (digriet tat-18 ta’ Mejju 2017, RW vs Il-Kummissjoni, T‑170/17 R, mhux ippubblikata, EU:T:2017:351, punti 56 sa 63).

54      Il-kunsiderazzjonijiet fuq imsemmija tal-Imħallef għal miżuri provviżorji fid-digriet tat-18 ta’ Mejju 2017, RW vs Il-Kummissjoni (T‑170/17 R, mhux ippubblikat, EU:T:2017:351), jirrigwardaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal sa fejn l-għoti ta’ leave fl-interess tas-servizz u, simultanjament, l-irtirar awtomatiku kienu l-konsegwenza tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għal uffiċjal, li daħal fis-servizz qabel l-1 ta’ Jannar 2014 u li kien laħaq “l-età pensjonabbli”, b’din l-età interpretata mill-Kummissjoni bħala li hija dik stabbilita fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal. L-interazzjoni bejn il-ħames paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal u l-ħames subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal wasslet, skont l-analiżi tal-Kummissjoni f’dik il-kawża, sabiex l-uffiċjal inkwistjoni jitqiegħed fuq leave fl-interess tas-servizz, u, simultanjament, fuq irtirar awtomatiku (digriet tat-18 ta’ Mejju 2017, RW vs Il-Kummissjoni, T-170/17 R, mhux ippubblikat, EU:T:2017:351, punt 16).

55      Għalhekk mill-kunsiderazzjonijiet fuq imsemmija tal-Imħallef għal miżuri provviżorji jirriżulta li, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa kkunsidra li, mal-ewwel daqqa t’għajn, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi applikata għal uffiċjal li jkun laħaq l-“età pensjonabbli” peress li din l-applikazzjoni tirriżulta fl-għoti ta’ leave fl-interess tas-servizz u, simultanjament, fl-irtirar awtomatiku.

56      Fil-kawża inkwistjoni, huwa stabbilit li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal ġie applikat għar-rikorrent fid-data tal-1 ta’ April 2017, meta dan kellu 61 sena u għalhekk kien qabeż “l-età pensjonabbli”, li fil-każ tiegħu kienet stabbilita għal età ta’ 60 sena u 4 xhur skont it-tabella li tinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Għalhekk, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tqiegħed fuq leave fl-interess tas-servizz u, simultanjament, fuq irtirar awtomatiku. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat, qabel l-eżami tal-motivi invokati mir-rikorrent, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, fi kliem ieħor, il-kwistjoni dwar jekk din id-dispożizzjoni tistax tiġi applikata għal uffiċjal li, bħar-rikorrent, ikun diġà laħaq “l-età pensjonabbli”.

57      Huwa minnu li għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma qajjimx motiv ibbażat fuq ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi li jinkludi l-problema ppreżentata fil-punt 56 iktar ’il fuq.

58      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tat-tielet u r-raba’ motivi, ir-rikorrent invoka lmenti li l-eżami tagħhom jippreżumi l-interpretazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal u d-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. B’mod iktar speċifiku, fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti sostna li l-applikazzjoni kkombinata tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 22 tal-Anness XIII tagħhom tippermetti lill-amministrazzjoni “tnaqqas malajr u b’mod kunsiderevoli l-età tat-tmiem awtomatiku tal-attività ta’ uffiċjal mingħajr ma tipprovdi miżuri tranżitorji ta’ natura li jipproteġu t-tama fondata tiegħu li jinżamm fis-servizz sal-età tal-pensjoni awtomatika tiegħu skont l-Artikolu 52 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Anness XIII tiegħu” (ara l-punt 109 tar-rikors). Fil-kuntest tar-raba’ motiv, ir-rikorrent argumenta li d-deċiżjoni kkontestata ċċaħħdu illegalment mill-benefiċċju tal-allowance kkalkolata skont l-Anness IV tar-Regolamenti tal-Persunal u tikser l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22(2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li hija ċċaħħdu mid-dritt tiegħu li jikseb drittijiet tal-pensjoni addizzjonali skont din l-aħħar dispożizzjoni (punti 125 sa 127 tar-rikors). Għalhekk, dawn l-ilmenti jirreferu għar-relazzjoni bejn l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal u dispożizzjonijiet oħra tar-Regolamenti tal-Persunal u l-eżami ta’ dawn l-ilmenti jimplika wkoll l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u d-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

59      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, filwaqt li l-qorti għandha tiddeċiedi biss dwar it-talba tal-partijiet, li għandhom jistabbilixxu l-kuntest tat-tilwima, hija ma tistax tkun marbuta biss bl-argumenti invokati minnhom insostenn tat-talba tagħhom, inkella jista’ jkun il-każ li din tispiċċa tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq kunsiderazzjonijiet legali żbaljati (ara s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Putterie-De-Beukelaer, T‑160/08 P, EU:T:2010:294, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). Isegwi li l-Qorti Ġenerali għandha, f’dan il-każ, teżamina jekk l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jistax jiġi applikat għal uffiċjal li, bħar-rikorrent, ikun diġà laħaq “l-età pensjonabbli” fis-sens tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 22(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal u, f’dan is-sens, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, peress li dan l-eżami jikkostitwixxi rekwiżit preliminari neċessarju għall-eżami ta’ ċerti lmenti mressqa mir-rikorrent (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Putterie-De-Beukelaer, T‑160/08 P, EU:T:2010:294, punt 66).

60      Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi preżunt li l-problema fuq imsemmija dwar id-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal tinsab barra mill-kuntest tat-tilwima kif iddefinit mill-partijiet, diġà ġie deċiż li l-motiv ibbażat fuq ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-ligi huwa ta’ ordni pubbliku u l-qorti tal-Unjoni għandha teżaminah ex officio (sentenza tal-15 ta’ Lulju 1994, Browet et vs Il-Kummissjoni, T-576/93 sa T-582/93, EU:T:1994:93, punt 35).

61      Fil-fatt, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tkun qed tonqos b’mod manifest mill-funzjoni tagħha bħala mħallef tal-legalità jekk ma tqajjimx ex officio l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet abbażi ta’ regola, jiġifieri l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, li ma tistax tiġi applikata għall-każ inkwistjoni u jekk, sussegwentement, ikollha tiddeċiedi t-tilwima quddiemha billi tapplika hija stess tali regola (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2008, Putterie-De-Beukelaer vs Il-Kummissjoni, F-31/07, EU:F:2008:23, punt 51, mhux annullata dwar dan il-punt mis-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Putterie-De-Beukelaer (T‑160/08 P, EU:T:2010:294)).

62      Fil-kuntest tat-tweġibiet bil-miktub tagħhom għall-mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura (ara l-punt 32 iktar ’il fuq), il-partijiet kellhom l-okkażjoni jiddikjaraw ruħhom kemm dwar il-fakultà tal-Qorti Ġenerali li tqajjem ex officio l-motiv ibbażat fuq ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-ligi kif ippreċiżat fil-punt 56 iktar ’il fuq, kif ukoll dwar il-fondatezza tal-imsemmi motiv.

63      Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni tal-ammissibbiltà, il-Kummissjoni ammettiet li l-motiv ibbażat fuq ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi huwa motiv ta’ ordni pubbliku li jista’ jitqajjem ex officio mill-Qorti Ġenerali. Skont il-Kummissjoni, ikun hemm ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi meta d-deċiżjoni kkontestata tkun ġiet adottata abbażi “ta’ regola li ma tistax tiġi applikata fil-każ inkwistjoni” skont il-ġurisprudenza rilevanti. B’mod partikolari, dan ikun il-każ ta’ leġiżlazzjonijiet jew dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni mħassra u għalhekk inapplikabbli ratione temporis. Madankollu, skont il-Kummissjoni, peress li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jikkostitwixxi regola fis-seħħ u applikabbli għal din il-kawża, il-kwistjoni invokata mill-Qorti Ġenerali ma tirrigwardax il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi, iżda tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, f’dan il-każ il-kwistjoni dwar jekk din id-dispożizzjoni tistax tiġi applikata għall-uffiċjal ikkonċernat meta l-għoti ta’ leave fl-interess tas-servizz ikollu wkoll bħala effett l-irtirar awtomatiku tal-persuna kkonċernata. Barra minn hekk, il-Kummissjoni targumenta li, fi kwalunkwe każ, il-motiv ibbażat fuq eventwali ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi ma huwiex inkluż fl-ilment u huwa inammissibbli minħabba ksur tal-prinċipju ta’ konkordanza.

64      Il-Kunsill jargumenta li l-motiv ibbażat fuq ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi, kif ippreċiżat fil-punt 56 iktar ’il fuq, kien jikkostitwixxi motiv li jirrigwarda l-legalità fuq il-mertu tad-deċiżjoni kkontestata u li għalhekk, ma jistax jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni.

65      Fir-rigward ta’ din l-oġġezzjoni tal-Kunsill, għandu jiġi rrilevat li diġà ġie deċiż li l-qorti tal-Unjoni għandha l-fakultà u, jekk ikun il-każ, l-obbligu li tqajjem ex officio ċerti motivi ta’ legalità interna. Dan japplika wkoll għall-motiv ibbażat fuq ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni (ara l-punt 60 iktar ’il fuq). Bl-istess mod, l-awtorità assoluta tar-res judicata hija motiv ta’ legalità interna ta’ ordni pubbliku li l-qorti għandha tqajjem ex officio (sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2006, P & O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il-Kummissjoni, C‑442/03 P u C‑471/03 P, EU:C:2006:356, punt 45).

66      Għal dak li jirrigwarda l-oġġezzjoni tal-Kummissjoni (ara l-punt 63 iktar ’il fuq), huwa suffiċjenti li jiġi nnotat li mill-ġurisprudenza ma jirriżultax li l-motiv ibbażat fuq ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi jirreferi biss għall-każ tal-inapplikabbiltà ratione temporis tar-regola inkwistjoni, iżda li l-imsemmi motiv jirreferi għal kull każ li fih ir-regola li sservi bħala bażi għall-att ikkontestat ma tkunx tista’ tiġi applikata (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2008, Putterie-De-Beukelaer vs Il-Kummissjoni, F‑31/07, EU:F:2008:23, punt 51, mhux annullata dwar dan il-punt mis-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Putterie-De-Beukelaer (T‑160/08 P, EU:T:2010:294)). Barra minn hekk, il-fatt li l-Qorti Ġenerali għandha tipproċedi bl-interpretazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ma jfissirx li l-problema ppreżentata fil-punt 56 iktar ’il fuq ma tirrigwardax il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolmenti. Finalment, għandu jiġi nnotat li l-prinċipju ta’ konkordanza bejn l-ilment amministrattiv u r-rikors ġudizzjarju ma jipprekludix lill-qorti tal-Unjoni milli tqajjem ex officio motiv ta’ ordni pubbliku (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2017, Kerstens vs Il-Kummissjoni, T‑270/16 P, mhux ippubblikata, EU:T:2017:74, punti 66 sa 70).

67      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 50 sa 66 iktar ’il fuq, għandu jiġi eżaminat, f’din il-kawża, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk din id-dispożizzjoni tistax tiġi applikata għal uffiċjal li bħar-rikorrent, ikun diġà laħaq “l-età pensjonabbli”.

 Fuq il-fondatezza tal-motiv ibbażat fuq ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi

68      Kif diġà ġie nnotat (ara l-punt 62 iktar ’il fuq), il-partijiet kellhom l-okkażjoni jiddikjaraw ruħhom bil-miktub dwar il-fondatezza tal-motiv ibbażat fuq ksur tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi.

69      B’mod partikolari, il-Kummissjoni, billi invokat argumenti bbażati, b’mod partikolari, fuq il-formulazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti u tar-ratio legis tiegħu, tikkontesta li din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi applikata għall-uffiċjali li jkunu laħqu “l-età pensjonabbli”.

70      Il-Parlament sempliċement sostna li ma jidhirx li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq tali limitazzjoni u ppreċiża li, sal-lum, huwa ma kienx applika l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal għal uffiċjali li laħqu jew qabżu “l-età pensjonabbli”, kif stabbilita mill-Artikolu 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti.

71      Il-Kunsill ma ħax pożizzjoni dwar il-fondatezza tal-motiv fuq imsemmi u indika li huwa ma applikax l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal għal uffiċjali li laħqu “l-età pensjonabbli”.

72      Preliminarjament, għandu jitfakkar li r-rikorrent tqiegħed fuq leave fl-interess tas-servizz u, simultanjament, fuq irtirar awtomatiku b’applikazzjoni kkombinata tal-ħames paragrafu Artikolu 42c tar-Regolamenti u tal-Artikolu 22(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal (ara l-punt 15 iktar ’il fuq).

73      Fil-fatt, mill-ħames paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta mingħajr ambigwità li l-għoti ta’ leave fl-interess tas-servizz tal-uffiċjali kkonċernati ma jistax jestendi lil hinn mill-“età pensjonabbli”, l-età li hija ddeterminata, għall-uffiċjali li daħlu fis-servizz qabel l-1 ta’ Jannar 2014, permezz tal-ħames subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, b’tali mod li, jekk l-għoti ta’ leave fl-interess tas-servizz jirrigwarda uffiċjal li diġà laħaq “l-età pensjonabbli” fuq imsemmija, dan l-uffiċjal għandu simultanjament jirtira awtomatikament. Din l-analiżi ġiet applikata fid-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-fatt li fid-data li fiha ħadet effett id-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrent kien diġà laħaq “l-età pensjonabbli” (ara l-punt 56 iktar ’il fuq).

74      Minn dan isegwi li fil-kuntest tal-eżami tal-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jistax japplika għal uffiċjal li laħaq “l-età pensjonabbli”, il-qorti tal-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li din l-applikazzjoni twassal għall-għoti ta’ leave u, simultanjament, għall-irtirar awtomatiku tal-imsemmi uffiċjal.

75      L-eżami tal-kwistjoni fuq imsemmija teħtieġ l-interpretazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal.

–       Fuq l-interpretazzjoni letterali

76      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li l-għoti ta’ leave fl-interess tas-servizz tal-uffiċjal ikkonċernat japplika “[m]hux iktar kmieni minn ħames snin ta’ qabel l-età pensjonabbli”. Kif argumentat essenzjalment il-Kummissjoni, l-espressjoni “l-età pensjonabbli”, użata fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, tikkorrispondi għall-espressjoni “età pensjonabbli” użata fir-raba’ u l-ħames paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni. Konsegwentement, sabiex tiġi ddeterminata “l-età pensjonabbli” fir-rigward tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, għal dak li jirrigwarda l-uffiċjali li daħlu fis-servizz qabel l-1 ta’ Jannar 2014, għandu, bħal fid-determinazzjoni tal-“età pensjonabbli” fir-rigward tar-raba’ u l-ħames paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, isir riferiment għall-ħames subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal li jispeċifika dan li ġej:

“Għall-uffiċjali fis-servizz qabel l-1 ta’ Jannar 2014, l-età għall-pensjoni li għandha tkun ikkunsidrata għar-riferenzi kollha tal-età għall-pensjoni f’dawn ir-Regolamenti tal-Persunal għandhom ikunu stabbiliti skont id-disposizzjonijiet t’hawn fuq, għajr jekk ipprovdut mod ieħor f’dawn ir-Regolamenti tal-Persunal.”

77      Il-kliem “dispożizzjonijiet t’hawn fuq”, imsemmija fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, jirreferu għall-ewwel erba’ subparagrafi ta’ din id-dispożizzjoni, li jippreċiżaw l-età li minnha l-uffiċjali, li daħlu fis-servizz qabel l-1 ta’ Jannar 2014, jistgħu jitolbu li jirtiraw bil-benefiċċju ta’ pensjoni tal-irtirar.

78      Għal dak li jirrigwarda l-uffiċjali li daħlu fis-servizz wara l-1 ta’ Jannar 2014, il-kliem “età pensjonabbli”, imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, jirreferi għall-età tat-tluq mis-servizz għall-irtirar prevista fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tar-Regolamenti tal-Persunal, li hija l-età ta’ 66 sena, kif ikkonfermaw il-partijiet waqt is-seduta.

79      Għalhekk, mill-formulazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, jirriżulta li din id-dispożizzjoni tipprovdi informazzjoni dwar id-data li minnha din id-dispożizzjoni tista’ tiġi applikata għal uffiċjal, jiġifieri “mhux iktar kmieni minn ħames snin ta’ qabel l-età pensjonabbli”. Barra minn hekk, kif ġustament argumentat il-Kummissjoni, għal dak li jirrigwarda l-uffiċjali li daħlu fis-servizz qabel l-1 ta’ Jannar 2014, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma teskludix li din tista’ tiġi applikata għal uffiċjal li laħaq, u a fortiori, qabeż “l-età pensjonabbli”.

80      Madankollu, għandu jitfakkar li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li t-tul tal-leave fl-interess tas-servizz jikkorrispondi “bħala prinċipju” għall-perijodu li jifdal sabiex l-uffiċjal ikkonċernat jilħaq “l-età pensjonabbli”, iżda l-Awtorità tal -Ħatra tista’ tiddeċiedi, “f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali”, li ttemm dan il-leave u terġa’ ddaħħal l-uffiċjal.

81      Il-kliem “żmien tal-leave” u “perijodu sakemm l-uffiċjal jilħaq l-età pensjonabbli” użat fl-ewwel tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, jikkorrobora l-konklużjoni tal-Imħallef għal miżuri provviżorji fid-digriet tat-18 ta’ Mejju 2017, RW vs Il-Kummissjoni (T-170/17 R, mhux ippubblikat, EU:T:2017:351, punt 59), li l-leave fl-interess tas-servizz għandu jkun ta’ ċertu tul. Għall-kuntrarju ta’ dak li targumenta l-Kummissjoni, il-kliem “bħala prinċipju”, użat f’din is-sentenza, ma jikkontestax il-konklużjoni fuq imsemmija. Fil-fatt, dan il-kliem għandu jinftiehem fid-dawl tat-tieni sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, li tipprovdi:

“Madankollu, f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, l-[Awtorità tal-Ħatra] tista’ tiddeċiedi li ttemm il-leave u terġa’ ddaħħal l-uffiċjal”.

82      Jirriżulta għalhekk li l-kliem “bħala prinċipju” ma jurix l-eżistenza ta’ possibbiltà ta’ deroga mill-prinċipju li l-leave fl-interess tas-servizz għandu jkun ta’ tul partikolari, iżda juri l-possibbiltà ta’ deroga mill-prinċipju li l-leave fl-interess tas-servizz jintemm fid-data li fiha l-uffiċjal ikkonċernat jilħaq l-“età pensjonabbli”, peress li din il-possibbiltà ta’ deroga hija marbuta mal-fatt li l-Awtorità tal-Ħatra tista’, “f’sitwazzjonijiet partikolari”, tiddeċiedi li terġa’ ddaħħal l-imsemmi uffiċjal, u għalhekk ittemm il-leave fl-interess tas-servizz.

83      It-teżi li l-leave fl-interess tas-servizz għandu jkollu tul partikolari hija kkorroborata mill-formulazzjoni tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdi li “[m]eta l-uffiċjal li ġie assenjat il-leave fl-interessi tas-servizz jilħaq l-età pensjonabbli, huwa għandu jirtira awtomatikament”. Minn din il-formulazzjoni, u b’mod iktar speċifiku mill-użu tal-verb “jilħaq”, jirriżulta li l-irtirar awtomatiku jippreżumi li l-uffiċjal ikkonċernat jinsab fuq leave fl-interess tas-servizz fid-data li fiha jilħaq “l-età pensjonabbli” u li dan il-leave għandu tul partikolari.

84      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal tikkorrobora t-teżi li l-leave fl-interess tas-servizz għandu jkun ta’ tul partikolari, u dan jeskludi li dan l-għoti ta’ leave jsir fl-istess waqt mal-irtirar awtomatiku. L-esklużjoni tal-possibbiltà li l-għoti ta’ leave fl-interess tas-servizz isir fl-istess waqt mal-irtirar awtomatiku tal-uffiċjal ikkonċernat, tfisser, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 73 u 74 iktar ’il fuq, li d-dispożizzjoni fuq imsemmija ma tistax tiġi applikata għal uffiċjali li, bħar-rikorrenti, laħqu “l-età pensjonabbli”.

85      Għandu jiġi eżaminat jekk din il-konklużjoni hijiex ikkontestata mill-interpretazzjoni kuntestwali u teleoloġika tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti Persunali.

–       Fuq l-interpretazzjoni kuntestwali

86      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jifforma parti mill-Kapitolu 2 tat-Titolu III tar-Regolamenti tal-Persunal, intitolat “Pożizzjonijiet”. Skont l-Artikolu 35 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jinsab fl-istess kapitolu, l-uffiċjal jista’ jitqiegħed f’waħda minn dawn il-pożizzjonijiet: ta’ attività, ta’ kollokament, leave għal raġunijiet personali, ta’ disponibbiltà, leave għal servizz militari, leave parentali jew leave familjari u leave fl-interess tas-servizz.

87      Min-naħa l-oħra, it-“tmiem definittiv mis-servizz” huwa rregolat mill-Kapitolu 4 tat-Titolu III tar-Regolamenti tal-Persunal. L-Artikolu 47 tar-Regolamenti tal-Persunal li jinsab f’dan il-kapitolu jistabbilixxi l-każijiet ta’ tmiem definittiv mis-servizz bħala r-riżenja, r-riżenja mhux volontarja, l-irtirar mill-impjieg fl-interess tas-servizz, it-tkeċċija minħabba inkompetenza professjonali, ir-revoka, l-irtirar u l-mewt.

88      Għalhekk jirriżulta li, filwaqt li l-leave fl-interess tas-servizz kien ikkonċepit mil-leġiżlatur tal-Unjoni bħala “pożizzjoni” li fiha jista’ jitqiegħed uffiċjal matul il-karriera tiegħu fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni, it-teżi tal-Kummissjoni dwar il-possibbiltà ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal għal uffiċjal li laħaq “l-età pensjonabbli”, u għalhekk, il-possibbiltà li jitqiegħed fuq leave fl-interess tas-servizz u simultanjament fuq irtirar awtomatiku, twassal sabiex tibdel il-miżura inkwistjoni minn “pożizzjoni” amministrattiva għal każ ta’ “tmiem definittiv mis-servizz”. Fil-fatt, kif irrileva l-Imħallef għal miżuri provviżorji fid-digriet tat-18 ta’ Mejju 2017, RW vs Il-Kummissjoni (T‑170/17 R, mhux ippublikat, EU:T:2017:351, punt 61), l-applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal mill-Kummissjoni tixbah “irtirar awtomatiku fl-interess tas-servizz” kontra l-volontà tal-persuna kkonċernata.

89      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tqegħid tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal fil-Kapitolu 2 tat-Titolu III tagħhom ma jirrikonċiljax mat-teżi fuq imsemmija tal-Kummissjoni, u fi kwalunkwe każ, ma jikkontestax il-konklużjoni ppreżentata fil-punt 84 iktar ’il fuq.

–       Fuq l-interpretazzjoni teleoloġika

90      Il-Kummissjoni ssostni li r-ratio legis tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal huwa li l-ġestjoni tar-riżorsi umani tal-istituzzjonijiet issir bl-aħjar mod possibbli. Din id-dispożizzjoni tippermetti ċerta flessibbiltà fil-ġestjoni tal-persunal qrib jew fil-punt li jirtira filwaqt li toffri lill-persuni kkonċernati allowance raġonevoli. Skont il-Kummissjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tat-test għall-uffiċjali li ma humiex fil-punt li jirtiraw. It-titjib imfittex jinvolvi diskrezzjoni wiesgħa ħafna, iktar u iktar għaliex, minn naħa, huwa jsir b’rispett lejn l-interessi tal-uffiċjal ikkonċernat u, min-naħa l-oħra, il-miżura hija intiża bi prijorità għall-uffiċjali qrib l-irtirar. Ikun paradossali li l-miżura ma tkunx applikabbli għall-uffiċjali li laħqu diġà l-età tal-irtirar tagħhom. Il-Kummissjoni ssostni għalhekk li din il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal iċċaħħad lil din id-dipożizzjoni minn parti mill-effettività tagħha u mis-sens tagħha.

91      Huwa minnu li kif ġustament targumenta l-Kummissjoni billi tinvoka l-premessa 7 tar-Regolament Nru 1023/2013, l-iskop tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal huwa, fl-aħħar mill-aħħar, li l-ġestjoni tar-riżorsi umani tal-istituzzjonijiet issir bl-aħjar mod possibbli (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2018, FV vs Il-Kunsill, T-750/16, taħt appell, EU:T:2018:972, punti 106, 118, 121 u 123). Madankollu, kif barra minn hekk tirrileva l-Kummissjoni stess, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiżgura li l-għoti ta’ leave fl-interess tas-servizz iseħħ b’rispett tal-interessi tal-uffiċjali kkonċernati.

92      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li s-seba’ paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li l-uffiċjal imqiegħed fuq leave fl-interess tas-servizz jibbenefika minn allowance kkalkolata skont l-Anness IV tar-Regolamenti tal-Persunal. Mill-ewwel paragrafu tal-unika artikolu ta’ dan tal-anness, moqri flimkien mal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, jirriżulta li din l-allowance mensili hija, matul l-ewwel tliet xhur tal-applikazzjoni tal-miżura, ugwali għas-salarju bażiku tal-uffiċjal ikkonċernat. Mir-raba’ sas-sitt xahar, din tammonta għal 85 % tas-salarju bażiku, u imbagħad sal-irtirar awtomatiku, tammonta għal 70 % tas-salarju bażiku.

93      Bħala dispożizzjoni, prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni, li tnaqqas l-inkonvenjenzi għall-uffiċjali kkonċernati minn għoti ta’ leave fl-interess tas-servizz, għandu jsir riferiment ukoll għat-tmien paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, li, essenzjalment, jippermetti lill-uffiċjal ikkonċernat ikompli jikkontribwixxi fis-sistema ta’ pensjonijiet matul il-perijodu li fih jitqiegħed fuq leave fl-interess tas-servizz, sabiex iżid l-ammont tal-pensjoni li minnha jibbenefika meta jirtira.

94      Għandu jiġi kkonstatat li, jekk jiġi aċċettat li l-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal jiġi applikat għal uffiċjal li laħaq “l-età pensjonabbli” u li għalhekk, l-irtirar awtomatiku tiegħu jsir fl-istess waqt mal-ħruġ fuq leave fl-interess tas-servizz, l-imsemmi uffiċjal ma jieħu ebda benefiċċju mid-dispożizzjonijiet previsti mis-seba’ u t-tmien paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li t-tul tal-leave fl-interess tas-servizz jiġi annullat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-bilanċ imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-kuntest tal-adozzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, bejn il-kunsiderazzjonijiet relattivi għal ġestjoni ta’ riżorsi umani tal-istituzzjonijiet bl-aħjar mod possibbli u l-kunsiderazzjonijiet relattivi għall-protezzjoni suffiċjenti fl-interessi tal-uffiċjali kkonċernati, jiġi ddisturbat għad-detriment ta’ dawn l-aħħar kunsiderazzjonijiet.

95      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat ukoll li, fil-każ ta’ rtirar mhux awtomatiku simultanju mal-għoti ta’ leave fl-interess tas-servizz, l-Awtorità tal-Ħatra ma jkollhiex il-possibbiltà offruta mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, anki jekk biss “f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali”, li ttemm il-leave fl-interess tas-servizz u terġa’ ddaħħal l-uffiċjal fl-impjieg tiegħu. Isegwi li l-każ fuq imsemmi ma jirrikonċiljax ma’ din id-dispożizzjoni, sa fejn, minn naħa, iwassal sabiex iċaħħad awtomatikament l-istituzzjonijiet, billi jneħħilhom kull setgħa ta’ diskrezzjoni, minn strument ta’ ġestjoni tal-persunal li tikkostitwixxi l-possibbiltà ta’ reintegrazzjoni fis-servizz tal-uffiċjal ikkonċernat, u min-naħa l-oħra, iċaħħad lill-imsemmi uffiċjali mill-possibbiltà ta’ din ir-reintegrazzjoni.

96      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal ma tikkorroborax it-teżi tal-Kummissjoni, iżda tikkorrobora, min-naħa l-oħra, il-konklużjoni ppreżentata fil-punt 84 iktar ’il fuq. Din il-konstatazzjoni bl-ebda mod ma hija kkontestata mis-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2018, FV vs Il-Kunsill (T-750/16, taħt appell, EU:T:2018:972), invokata mill-istituzzjonijiet waqt is-seduta. Huwa minnu li, f’din i-sentenza, il-Qorti Ġenerali, waqt li ddeċidiet dwar il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal għal uffiċjal li ma kienx laħaq “l-età pensjonabbli”, irrilevat, bħala għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni bl-adozzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, it-titjib, f’termini ta’ kosteffiċjenza, tal-investiment iddedikat għat-taħriġ professjonali tal-uffiċjali, u fl-aħħar mill-aħħar, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ strument addizzjonali għall-ġestjoni tal-persunal (sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2018, FV vs Il-Kunsill, T-750/16, taħt appell, EU:T:2018:972, punti 106, 118, 121 u 123). Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali ma jikkontradixxux dawk, magħmula fil-punti 91 u 94 iktar ’il fuq, relattivi għall-bilanċ imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tal-adozzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal.

97      Konsegwentement, skont l-interpretazzjoni tal-Artikolu 42c tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi konkluż li din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi applikata għal uffiċjali li, bħar-rikorrent, laħqu “l-età pensjonabbli” fis-sens tagħha. Isegwi li, billi adottat id-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni kisret il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni u li d-deċiżjoni kkontestata għandha, għalhekk, tiġi annullata, mingħajr il-bżonn li jiġu eżaminati l-motivi ppreżentati fil-punti 48 iktar ’il fuq.

 Fuq l-ispejjeż

98      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

99      Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont kif mitlub mir-rikorrent, inklużi l-ispejjeż relatati mal-proċedura għal miżuri provviżorji.

100    Il-Parlament u l-Kunsill għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-21 ta’ Diċembru 2016 li permezz tagħha RV tqiegħed fuq leave fl-interess tas-servizz u, simultanjament, fuq irtirar awtomatiku, hija annullata.

2)      Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

3)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk sostnuti minn RV, inklużi dawk relatati mal-proċedura għal miżuri provviżżorji.

4)      Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Prek

Buttigieg

Berke

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Ġunju 2019.

Firem


*      Lingwa tal-proċedura: il-Franċiż.