Language of document : ECLI:EU:T:2019:69

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

7 ta’ Frar 2019 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea SWEMAC – Isem tal-kumpannija jew isem kummerċjali nazzjonali preċedenti SWEMAC Medical Appliances AB – Raġuni relattiva għal rifjut – Dekadenza minħabba tolleranza– Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 60(1)(c) tar-Regolament (UE) 2017/1001) – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Artikolu 54(2) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 61(2) tar-Regolament (UE) 2017/1001) – Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 8(4) tar-Regolament 2017/1001) – Provi prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali”

Fil-Kawża T‑287/17,

Swemac Innovation AB, stabbilita fi Linköping (l-Isvezja), irrappreżentata minn G. Nygren, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn J. Crespo Carrillo, bħala aġent,

konvenut,

parti oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

SWEMAC Medical Appliances AB, stabbilita fi Täby (l-Isvezja), irrappreżentata P. Jonsell, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO tal-24 ta’ Frar 2017 (Każ R 3000/2014-5), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Swemac Innovation u SWEMAC Medical Appliances,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

komposta minn S. Gervasoni, President tal-Awla, K. Kowalik-Bańczyk u C. Mac Eochaidh (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Mejju 2017,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Awwissu 2017,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Ottubru 2017,

wara li rat id-deċiżjoni ta’ sospensjoni tal-proċedimenti tat-28 ta’ Novembru 2017,

wara li rat l-ittra ppreżentata mir-rikorrenti fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Marzu 2018,

wara li rat li ma kienx hemm talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat mid-data tan-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li taqta’ u tiddeċiedi mingħajr fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-2 ta’ Ottubru 2007, ir-rikorrenti, Swemac Innovation AB, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat (issosstitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat, u huwa stess ssostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni huwa s-sinjal verbali SWEMAC.

3        Il-prodotti u s-servizzi li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu, b’mod partikolari, fil-klassijiet 10 u 42 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 10: “Apparat u strumenti kirurġiċi u mediċi”;

–        klassi 42: “Riċerka u żvilupp fil-qasam ta’ apparat kirurġiku u mediku, kif ukoll dwar strumenti kirurġiċi u mediċi”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade Marks Komunitarji Nru 9/2008, tal-25 ta’ Frar 2008, u s-sinjal verbali SWEMAC ġie rreġistrat bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea fl-4 ta’ Settembru 2008, bin-numru 006326117, b’mod partikolari għall-prodotti u għas-servizzi kollha msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

5        Fit-3 ta’ Settembru 2013, l-intervenjenti, SWEMAC Medical Appliances AB, ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità parzjali tat-trade mark ikkontestata taħt l-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 60(1)(c) tar-Regolament Nru 2017/1001), moqri flimkien mal-Artikolu 8(4) ta’ dan ir-regolament (li sar l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 2017/1001), għall-prodotti u għas-servizzi kollha msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6        Insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħha, l-intervenjenti invokat l-isem Svediż tal-kumpannija SWEMAC Medical Appliances AB (iktar ’il quddiem is-“sinjal preċedenti”), irreġistrata bħala impriża, fit-12 ta’ Diċembru 1997 għall-attivitajiet “Disinn, manifattura u bejgħ ta’ apparat prinċipalment mediku u ta’ tagħmir relatat kif ukoll attivitajiet kompatibbli ma’ dawn il-prodotti” u, bħala isem tal-kumpannija, fl-10 ta’ Frar 1998. Hija sostniet li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni. Hija pproduċiet provi sabiex turi l-użu tas-sinjal preċedenti fil-kummerċ.

7        Fil-25 ta’ Settembru 2014, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fl-intier tagħha, minħabba li l-intervenjenti ma kinitx ipproduċiet il-prova li l-portata tal-użu fl-Isvezja tas-sinjal preċedenti ma kienx biss lokali fil-mument tal-preżentata tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u li, għaldaqstant, waħda mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 ma kinitx issodisfatta.

8        Fl-24 ta’ Novembru 2014, l-intervenjenti ppreżentat rikors quddiem l-EUIPO, taħt l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001), kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. Fil-kuntest ta’ din l-azzjoni, hija pproduċiet provi addizzjonali dwar l-użu tas-sinjal preċedenti.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2017 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO laqa’ ir-rikors, annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u ddikjara l-invalidità tat-trade mark ikkontestata għall-prodotti u għas-servizzi msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

10      L-ewwel nett, il-Bord tal-Appell qies li l-intervenjenti kienet uriet li hija kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-leġiżlazzjoni Svediża.

11      It-tieni nett, il-Bord tal-Appell qies li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni. F’dan ir-rigward, huwa enfasizza l-livell għoli ta’ xebh kemm bejn il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni, peress li dawn huma identiċi, jew simili ħafna, kif ukoll bejn is-sinjal preċedenti u t-trade mark ikkontestata, peress li t-tnejn fihom l-element distintiv u dominanti “swemac”.

12      It-tielet nett, il-Bord tal-Appell eżamina jekk koeżistenza tas-sinjali f’kunflitt setgħet tnaqqas il-probabbiltà ta’ konfużjoni kkonstatata sabiex ikkonkluda minn dan li tali koeżistenza ma kinitx ġiet stabbilita, minħabba n-nuqqas ta’ provi tal-użu tat-trade mark ikkontestata u ta’ koeżistenza bbażata fuq l-assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.

13      Ir-raba’ nett, il-Bord tal-Appell ċaħad l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq dekadenza minħabba tolleranza fis-sens tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 61(2) tar-Regolament 2017/1001).

 It-talbiet tal-partijiet

14      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tistabbilixxi mill-ġdid il-validità sħiħa tat-trade mark ikkontestata, inkluż għall-prodotti u għas-servizzi inkwistjoni;

–        tikkundanna lill-intervenjenti għall-ispejjeż tagħha quddiem l-EUIPO u quddiem il-Bord tal-Appell, jiġifieri għal EUR 1 000;

–        tikkundanna lill-EUIPO u lill-intervenjenti għall-ispejjeż tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali.

15      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

16      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata u tiddikjara l-invalidità tat-trade mark ikkontestata;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż sostnuti minnha fil-kuntest proċedimenti quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem l-EUIPO.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tad-dokumenti prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali

17      L-EUIPO jikkontesta l-ammissibbiltà tal-Annessi A.2, A.3, A.9, A.10, A.11, A.12, A.13 u A.14 tar-rikors. Fil-fatt, dawn id-dokumenti ma ġew prodotti fl-ebda stadju tal-proċedimenti quddiem l-EUIPO. L-annessi inkwistjoni ġew prodotti mir-rikorrenti sabiex turi li hija kienet stabbilixxiet “dritt fuq it-trade mark ikkontestata” qabel il-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tagħha (Annessi A.2 u A.3), l-użu mingħajr interruzzjoni tat-trade mark ikkontestata bejn l-2009 u l-2016 għal apparat u strumenti kirurġiċi u mediċi (Anness A.9), ir-raġuni għad-dewmien fir-reġistrazzjoni tal-isem ġdid tal-kumpannija tas-sussidjarja tagħha (Anness A.11), u l-koeżistenza tas-sinjali f’kunflitt (Annessi A.12, A.13 u A.14). Fl-aħħar nett, l-Anness A.10 ġie prodott insostenn tal-pożizzjoni tar-rikorrenti li ma teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni.

18      Għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tas-suġġett tar-rikors previst fl-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 2017/1001) il-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid fil-kuntest ta’ tali rikors iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha (ara s-sentenza tad-9 ta’ Frar 2017, International Gaming Projects vs EUIPO — adp Gauselmann (TRIPLE EVOLUTION), T‑82/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:66, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19      F’dan il-każ, id-dokumenti msemmija fil-punt 17 iktar ’il fuq ġew ippreżentati għall-ewwel darba fil-kuntest tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali. Dawn id-dokumenti għandhom għalhekk jiġu miċħuda bħala inammissibbli, ħlief għall-Anness A.10, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata s-saħħa probatorja tagħhom.

20      L-Anness A.10 jinkludi deċiżjoni tal-Marknadsdomstolen (il-Qorti Kummerċjali, l-Isvezja). Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li paragrafu ta’ din id-deċiżjoni hija riflessa fil-punt 28 tar-rikors, skont l-Artikolu 46(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Għandu jitfakkar li la l-partijiet u lanqas il-Qorti Ġenerali stess ma huma preklużi milli jispiraw ruħhom, fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, minn elementi meħuda mill-ġurisprudenza tal-qorti nazzjonali. Tali possibbiltà li jsir riferiment għal deċiżjonijiet nazzjonali ma hijiex imsemmija mill-ġurisprudenza li abbażi tagħha r-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali huwa intiż għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell fid-dawl tal-elementi ppreżentati mill-partijiet quddiemhom, peress li ma huwiex il-każ li l-Bordijiet tal-Appell jiġu kkritikati li ma ħadux inkunsiderazzjoni fatti f’deċiżjoni nazzjonali speċifika, iżda li jiġu invokati deċiżjonijiet insostenn ta’ motiv ibbażat fuq il-ksur mill-bordijiet tal-appell ta’ dispożizzjoni tar-Regolament Nru 207/2009 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2006, Vitakraft-Werke Wührmann vs UASI – Johnson’s Veterinary Products (VITACOAT), T‑277/04, EU:T:2006:202, punti 70 u 71).

21      Sa fejn ir-rikorrenti tibbaża ruħha, fil-punt 28 tar-rikors, fuq paragrafu uniku tad-deċiżjoni tal-qorti nazzjonali msemmija fil-punt 20 iktar ’il fuq għal raġunament b’analoġija f’din il-kawża, din id-deċiżjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala prova nnifisha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 2005, ARTHUR ET FELICIE, T‑346/04, EU:T:2005:420, punt 20, u tat-8 ta’ Diċembru 2005, Castellblanch vs UASI – Champagne Roederer (CRISTAL CASTELLBLANCH), T‑29/04, EU:T:2005:438, punt 16). Għalhekk, skont il-ġurisprudenza esposta fil-punt 20 iktar ’il fuq u f’dan il-punt, l-Anness A.10 huwa ammissibbli.

 Fuq il-mertu

22      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi, ibbażati, essenzjalment, l-ewwel nett, fuq ksur tal-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 8(4) tal-istess regolament, kif ukoll mal-leġiżlazzjoni Svediża dwar it-trade marks u, it-tieni nett, fuq ksur tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 8(4) tal-istess regolament.

 A Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 8(4) tal-istess regolament kif ukoll mal-leġiżlazzjoni Svediża dwar it-trade marks

23      Fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 8(4)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, li “dak is-sinjal jagħti lill-proprjetarju d-dritt li jiprojbixxi l-użu ta’ trade mark suċċessiv”, ma hijiex issodisfatta u li, għaldaqstant, it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, ibbażata fuq l-Artikolu 53(1)(c) ta’ dan ir-regolament ma setgħetx tintlaqa’. Il-Bord tal-Appell ikkonkluda b’mod żbaljat li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minħabba drittijiet preċedenti tar-rikorrenti, il-koeżistenza għal żmien twil bejn it-trade mark ikkontestata u s-sinjal preċedenti u l-għarfien, mill-intervenjenti, tal-użu mir-rikorrenti ta’ dawn id-drittijiet preċedenti, li hija tikklassifika b’mod differenti fir-rikors bħala isem tal-kumpannija, trade mark mhux irreġistrata, trade mark, sinjal, isem kummerċjali jew sinjal kummerċjali.

24      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li, għalkemm l-intervenjenti kisbet dritt fuq is-sinjal preċedenti qabel ir-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, ir-rikorrenti stabbilixxiet dritt saħansitra eqdem fuq l-isem tal-kumpannija Swemac Orthopaedics AB, li jinkorpora l-element distintiv tat-trade mark ikkontestata, kif ukoll fuq trade mark mhux irreġistrata SWEMAC.

25      F’dan ir-rigward, minn naħa, hija ssostni, fir-rikors, li hija akkwistat l-isem tal-kumpannija Swemac Orthopaedics AB bis-saħħa ta’ kuntratt konkluż bejn is-sussidjarja tagħha 100 % u kumpannija li kellha dan l-isem iffirmat fil-11 ta’ Frar 1998, iżda b’data ta’ dħul fis-seħħ tat-30 ta’ Diċembru 1997. Permezz ta’ dan il-kuntratt, is-sussidjarja tagħha kienet akkwistat l-avvjament tal-kumpannija li tittrasferixxi kif ukoll l-isem tal-kumpannija ta’ din tal-aħħar. Għaldaqstant, skont ir-rikorrenti, hija tista’ tinvoka d-dritt għal dan l-isem tal-kumpannija mid-data li fiha l-kumpannija li tittrasferixxi kienet inizjalment irreġistratu, fit-22 ta’ Diċembru 1995. Ir-rikorrenti ssostni li hija kienet użat l-isem tal-kumpannija tagħha mingħajr interruzzjoni mill-inqas mid-data tal-ewwel reġistrazzjoni tal-“isem tal-kumpannija attwali tagħha” fl-1995 u li l-isem swemac kien intuża minnha u mill-predeċessur tagħha mill-1991.

26      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li, fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, fit-2 ta’ Ottubru 2007, hija kienet qegħda tuża t-“trade mark ikkontestata” fil-kuntest tal-attivitajiet kummerċjali tagħha tal-inqas mix-xahar ta’ Diċembru 1998, meta ġie akkwistat l-isem tal-kumpannija u l-avvjament imsemmi fil-punt 25 iktar ’il fuq. Hija tinvoka perijodu mhux interrott ta’ użu kif ukoll drittijiet fuq it-“trade mark” li jmorru lura sal-1995 u kienet użat it-“trade mark/isem tal-kumpanija tagħha” kemm mingħajr reġistrazzjoni (qabel il-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea) kif ukoll wara r-reġistrazzjoni, u dan tal-inqas mill-2001, li kien jippermettilha tistabbilixxi, għal tlettax-il sena qabel it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità “l-koeżistenza tagħha mat-trade mark fis-suq ikkonċernat u mill-pubbliku rilevanti”. Hija ssostni wkoll li hija kienet diġà użat it-trade mark tagħha SWEMAC tal-inqas mill-2004.

27      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li, anki jekk l-intervenjenti kienet il-proprjetarja ta’ dritt preċedenti, quod non, din tal-aħħar ma għandha l-ebda dritt li tipprojbixxi l-użu tat-trade mark ikkontestata skont l-Artikoli 7 u 8 tal-Kapitolu 1 tal-Liġi Svediża dwar it-trade marks tal-2010, li jirrigwardaw id-drittijiet stabbiliti permezz tal-użu, kif ukoll l-Artikolu 15 tal-istess kapitolu ta’ din il-liġi, dwar il-passività.

28      F’dan ir-rigward, hija tenfasizza d-dritt preċedenti tagħha fuq l-isem tal-kumpannija msemmija fil-punti 24 u 25 iktar ’il fuq u fuq trade mark mhux irreġistrata fl-Isvezja, l-użu preċedenti għal żmien twil ta’ din it-trade mark mhux irreġistrata u l-perijodu twil ta’ passività li l-intervenjenti wriet dwar l-użu mir-rikorrenti tat-“trade mark/sinjal kummerċjali tagħha”. Hija esponiet li kienet twettaq l-attività kummerċjali tagħha tal-inqas mill-1998 u li hija stess u l-intervenjenti kienu ħadmu fl-istess post mill-1998 sal-2008. Għalhekk għandu jiġi preżunt li l-intervenjenti kienet taf bl-użu tat-“trade mark” mir-rikorrenti “mill-ewwel ġurnata”, b’mod partikolari minħabba li ż-żewġ kumpanniji jikkostitwixxu r-riżultat tad-diviżjoni tal-kumpannija ta’ oriġini Swemac Orthopaedics u joperaw f’settur kummerċjali simili fl-Isvezja, li huwa suq relattivament żgħir. Għaldaqstant, xejn ma jippermetti lill-intervenjenti li tinvoka l-fatt li hija ma kinitx taf li r-rikorrenti kienet tuża t-“trade mark/sinjal tagħha”.

29      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tirrileva li, għalkemm, f’dak iż-żmien, hija ma kinitx talbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark tagħha, l-intervenjenti la qatt ma kkontestat quddiem l-EUIPO l-koeżistenza għal żmien twil bejn is-sinjali inkwistjoni, li r-rikorrenti kienet wettqet b’mod attiv fis-suq ikkonċernat u użat l-isem tal-kumpannija tagħha u t-trade mark mhux irreġistrata SWEMAC, u lanqas ma invokat kwalunkwe probabbiltà ta’ konfużjoni sad-data tal-preżentata tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħha.

30      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li ma kienet teżisti ebda probabbiltà ta’ konfużjoni.

31      F’dan ir-rigward, minn naħa, hija tenfasizza diversi elementi. L-ewwel nett, il-pubbliku rilevanti huwa kompost minn kirurgi kompetenti ħafna u minn utenti informati li jagħmlu attenzjoni kbira ħafna fl-għażla tal-fornitur. It-tieni nett, il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni jinxtraw minn sptarijiet u minn stabbilimenti mediċi. It-tielet nett, il-prodotti kkonċernati huma għaljin, madwar EUR 100 000 u EUR 150 000, u jinkludu servizzi edukattivi u ta’ taħriġ li jingħataw qabel il-bejgħ kif ukoll il-kunsinna u l-użu tal-prodotti, kif ukoll servizzi ta’ monitoraġġ u ta’ manutenzjoni. Ir-raba’ nett, il-prodotti qatt ma jinbiegħu liberament jew lil terzi jew lil klijenti li ma għandhomx taħriġ, iżda jinxtraw wara sejħiet għal offerti fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

32      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tfakkar li koeżistenza paċifika preċedenti tista’ tgħin biex tnaqqas il-probabbiltà ta’ konfużjoni. Hija ssostni li żewġ elementi oħra għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni u “jippermettu koeżistenza fil-futur”. L-ewwel nett, ix-xerrejja tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni huma persuni kompetenti ħafna, imwissija u speċjalizzati, b’għarfien tas-suq u tal-kumpanniji li joperaw fih. It-tieni nett, ir-rikorrenti ilha żmien twil fis-suq, hija magħrufa sew fih u għandha relazzjonijiet fit-tul f’dan tal-aħħar. Hija tqis li pprovat b’mod konvinċenti li hija kienet diġà tuża t-trade mark tagħha SWEMAC tal-inqas mill-2004. Hija ssostni li l-intervenjenti u hija stess kienu jafu dwar l-eżistenza reċiproka ta’ xulxin u dwar l-attivitajiet kummerċjali rispettivi tagħhom sa mill-1998, li għandu jelimina kull dubju dwar jekk l-intervenjenti tatx il-“kunsens informat” tagħha, jew naqsitx milli tieħu kwalunkwe azzjoni sa mill-1998, u dan minkejja li hija kienet taf dwar l-eżistenza u dwar l-attivitajiet kummerċjali tar-rikorrenti, inkluż l-użu minn din tal-aħħar tal-kelma “swemac” bħala trade mark jew isem tal-kumpannija.

33      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Osservazzjonijiet preliminari

34      Skont l-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, trade mark tal-Unjoni Ewropea tiġi ddikjarata invalida, wara li titressaq talba lill-EUIPO, meta jeżisti dritt preċedenti msemmi fl-Artikolu 8(4) ta’ dan l-istess regolament u jekk il-kundizzjonijiet imsemmija f’dan l-aħħar paragrafu jkunu ssodisfatti.

35      Skont dawn id-dispożizzjonijiet, il-proprjetarju ta’ trade mark mhux irreġistrata jew ta’ sinjal ieħor jista’ jitlob dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea jekk dan is-sinjal ikun jissodisfa kumulattivament l-erba’ kundizzjonijiet li ġejjin: l-ewwel nett, dan is-sinjal għandu jintuża fil-kummerċ; it-tieni nett, għandu jkollu portata li ma hijiex biss lokali; it-tielet nett, id-dritt għal dan is-sinjal għandu jkun inkiseb skont id-dritt tal-Istat Membru fejn is-sinjal intuża qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea; ir-raba’ nett, id-dritt għal dan is-sinjal jagħti lill-proprjetarju tiegħu d-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti. Għaldaqstant, meta sinjal ma jissodisfax waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq l-eżistenza ta’ sinjal użat minbarra trade mark użata fil-kummerċ, fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, ma tistax tintlaqa’ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2009, Moreira da Fonseca vs UASI – General Óptica (GENERAL OPTICA), T‑318/06 sa T 321/06, EU:T:2009:77, punti 32 u 47, u tal-21 ta’ Settembru 2017, Repsol YPF vs EUIPO – basic (BASIC), T‑609/15, EU:T:2017:640, punt 25).

36      L-ewwel żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri dawk relatati mal-użu u mal-portata tas-sinjal invokat, li dan tal-aħħar ma għandux ikun lokali biss, jirriżultaw mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 u għalhekk għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, ir-Regolament Nru 207/2009 jistabbilixxi standards uniformi, relatati mal-użu tas-sinjali u mal-portata tagħhom, li jikkonformaw mal-prinċipji li jispiraw is-sistema stabbilita minn dan ir-regolament (sentenza tal-24 ta’ Marzu 2009, GENERAL OPTICA, T‑318/06 sa T‑321/06, EU:T:2009:77, punt 33, u tal-21 ta’ Settembru 2017, Repsol YPF vs EUIPO – basic (BASIC), T‑609/15, EU:T:2017:640, punt 26).

37      Għall-kuntrarju, mill-frażi “meta u sal-limitu li, bis-saħħa […] tal-liġi tal-Istat Membru li jirregola dak is-sinjal” jirriżulta li ż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra, imsemmija sussegwentement fl-Artikolu 8(4)(a) u (b) tar-Regolament Nru 207/2009, jikkostitwixxu kundizzjonijiet stabbiliti mir-regolament li, b’differenza minn dawk preċedenti, għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-kriterji previsti mid-dritt li jirregola s-sinjal invokat. Dan ir-riferiment għad-dritt li jirregola s-sinjal invokat huwa ġġustifikat peress li r-Regolament Nru 207/2009 jirrikonoxxi lil sinjali li ma humiex parti mis-sistema tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea l-possibbiltà li jiġu invokati kontra trade mark tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, huwa biss id-dritt li jirregola s-sinjal invokat li jippermetti li jiġi stabbilit jekk dan kienx jeżisti qabel it-trade mark tal-Unjoni Ewropea u jekk jistax jiġġustifika l-projbizzjoni tal-użu ta’ trade mark iktar reċenti (sentenzi tal-24 ta’ Marzu 2009, GENERAL OPTICA, T‑318/06 sa T‑321/06, EU:T:2009:77, punt 34, u tal-21 ta’ Settembru 2017, Repsol YPF vs EUIPO – basic (BASIC), T‑609/15, EU:T:2017:640, punt 27).

38      Għall-applikazzjoni tar-raba’ kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 8(4)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-leġiżlazzjoni nazzjonali invokata u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija fl-Istat Membru kkonċernat. Fuq din il-bażi, il-proprjetarju tas-sinjal preċedenti għandu juri li s-sinjal inkwistjoni jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Istat Membru invokat u li jippermetti li jiġi pprojbit l-użu ta’ trade mark iktar reċenti (sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2011, Anheuser-Busch vs Budějovický Budvar, C-96/09 P, EU:C:2011:189, punti 189 u 190; tat-18 ta’ April 2013, Peek & Cloppenburg vs UASI (Peek & Cloppenburg), T‑507/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:198, punt 21, u tat-28 ta’ Jannar 2016, Gugler France vs UASI – Gugler (GUGLER), T‑674/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:44, punt 37). Huwa għandu jippreżenta lill-EUIPO mhux biss l-elementi li juru li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li huwa jitlob l-applikazzjoni tagħha, sabiex jipprova jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea abbażi ta’ dritt preċedenti, iżda wkoll l-elementi li jistabbilixxu l-kontenut ta’ din il-leġiżlazzjoni (ara s-sentenza tal-5 ta’ April 2017, EUIPO vs Szajner, C-598/14 P, EU:C:2017:265, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat-13 ta’ Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189) (issostitwit bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/625 tal-5 ta’ Marzu 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1001 u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) 2017/1430 (ĠU 2018, L 104, p. 1)), u, iktar preċiżament, ir-regola 37(b)(ii) tar-Regolament Nru 2868/95 (li sar l-Artikolu 12(2)(a) tar-Regolament 2018/625), jipprevedi li talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, imressqa quddiem l-EUIPO skont l-Artikolu 56 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 63 tar-Regolament 2017/1001), għandha tinkludi, fil-każ ta’ talba mressqa skont l-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, f’dak li jirrigwarda r-raġunijiet invokati fit-talba, dettalji dwar id-dritt li fuqu hija bbażata t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kif ukoll, jekk ikun il-każ, elementi li juru li l-applikant huwa awtorizzat jinvoka d-dritt preċedenti bħala raġuni ta’ invalidità. Sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti ta’ din ir-regola, ma huwiex suffiċjenti li parti li tinvoka drittijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 sempliċement tiddikjara jew tindika in abstracto kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, iżda huwa meħtieġ, għall-kuntrarju, li hija turi in concreto, fil-każ partikolari, li hija tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2016, Universal Protein Supplements vs EUIPO – H Young Holdings (animal), T‑727/14 u T‑728/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:372, punti 26 u 38).

40      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-proprjetarju tas-sinjal preċedenti għandu juri biss li huwa għandu d-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti u ma jistax jintalab minnu li huwa juri li dan id-dritt ġie eżerċitat, fis-sens li l-proprjetarju tas-sinjal preċedenti kien effettivament f’pożizzjoni li jikseb il-projbizzjoni ta’ tali użu (sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2011, Anheuser-Busch vs Budějovický Budvar, C‑96/09 P, EU:C:2011:189, punt 191; tat-18 ta’ April 2013, Peek & Cloppenburg, T‑507/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:198, punt 22, u tat-28 ta’ Jannar 2016, GUGLER, T‑674/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:44, punt 38).

41      Peress li d-deċiżjoni tal-istanzi kompetenti tal-EUIPO jista’ jkollha l-effett li ċċaħħad lill-proprjetarju tat-trade mark minn dritt li jkun ingħatalu, il-portata ta’ tali deċiżjoni timplika neċessarjament li l-istanza li tieħu din id-deċiżjoni ma għandhiex tkun limitata għal rwol fejn sempliċement tivvalida d-dritt nazzjonali kif dan ikun ġie ppreżentat minn min iressaq it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità (sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014, UASI vs National Lottery Commission, C‑530/12 P, EU:C:2014:186, punt 43 u tal-5 ta’ April 2017, EUIPO vs Szajner, C‑598/14 P, EU:C:2017:265, punt 36). Barra minn hekk, fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tal-obbligi li huwa suġġett għalihom l-EUIPO, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-każ li talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea tkun ibbażata fuq dritt preċedenti protett minn dispożizzjoni legali nazzjonali, huma, fl-ewwel lok, l-istanzi kompetenti tal-EUIPO li għandhom jevalwaw l-awtorità u l-portata tal-elementi ppreżentati minn min ressaq it-talba sabiex jistabbilixxu l-kontenut tal-imsemmija regola (sentenzi tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punt 51, u tas-27 ta’ Marzu 2014, UASI vs National Lottery Commission, C‑530/12 P, EU:C:2014:186, punt 35).

42      Sussegwentement, konformement mal-Artikolu 65(1) u (2) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 72(1) u (2) tar-Regolament 2017/1001), il-Qorti Ġenerali hija kompetenti sabiex twettaq stħarriġ sħiħ tal-legalità tal-evalwazzjoni magħmula mill-EUIPO fuq l-elementi ppreżentati minn min ressaq it-talba sabiex tistabbilixxi l-kontenut tal-leġiżlazzjoni li huwa jinvoka l-protezzjoni tagħha (ara s-sentenza tal-5 ta’ April 2017, EUIPO vs Szajner, C‑598/14 P, EU:C:2017:265, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sa fejn l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali, fil-kuntest proċedurali inkwistjoni, jista’ jkollha l-effett li ċċaħħad lill-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea mid-dritt tiegħu, huwa imperattiv li l-Qorti Ġenerali, minkejja eventwali nuqqasijiet fid-dokumenti prodotti bħala prova tad-dritt nazzjonali applikabbli, tkun tista’ realment teżerċita stħarriġ effettiv. Għal dan il-għan, hija għaldaqstant għandha tkun tista’ tivverifika, lil hinn mid-dokumenti prodotti, il-kontenut, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni u l-portata tad-dispożizzjonijiet legali invokati minn min iressaq it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Konsegwentement, l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-Qorti Ġenerali għandu jissodisfa r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenzi tas-27 ta’ Marzu 2014, UASI vs National Lottery Commission, C‑530/12 P, EU:C:2014:186, punt 44, u tal-5 ta’ April 2017, EUIPO vs Szajner, C‑598/14 P, EU:C:2017:265, punt 38).

44      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandha tiġi eżaminata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Bord tal-Appell ikkonkluda li l-intervenjenti kienet uriet li hija kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 8(4)(b), tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-leġiżlazzjoni Svediża u, għaldaqstant, ikkonkluda li t-trade mark ikkontestata kienet invalida.

45      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell irrileva, fil-punt 39 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-dritt Svediż jipproteġi t-trade marks mhux irreġistrati u s-sinjali l-oħra stabbiliti użati fil-kummerċ fl-Isvezja kontra sinjali identiċi jew simili użati fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi identiċi jew simili biss jekk ikun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni. Minn naħa, l-Artikolu 8 tal-Kapitolu 1 tal-liġi Svediża dwar it-trade marks jipprovdi li l-proprjetarju ta’ isem kummerċjali jew ta’ sinjal ieħor kummerċjali ieħor jibbenefika minn drittijiet esklużivi fuq l-isem kummerċjali jew is-sinjal kummerċjali bħala simbolu kummerċjali. Min-naħa l-oħra, l-ewwel paragrafu tal-punt 2 tal-Artikolu 8 ta’ din il-liġi jipprovdi li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha tiġi rrifjutata jekk tkun identika jew simili għal simbolu kummerċjali preċedenti li tkopri prodotti jew servizzi identiċi jew simili, biss fejn ikun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni, inkluża probabbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn l-utent tat-trade mark u l-proprjetarju tas-simbolu kummerċjali bħala konsegwenza tal-użu tat-trade mark. Fl-aħħar nett, il-punt 1 tal-Artikolu 9 tal-Kapitolu 2 ta’ din il-liġi jipprovdi li r-raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark imsemmija fil-punti 1 sa 3 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8, japplikaw ukoll għal isem kummerċjali rreġistrat użat fil-kummerċ.

46      Skont il-Bord tal-Appell, għalkemm il-punt 1 tal-Artikolu 9 tal-Kapitolu 2 tal-Liġi Svediża dwar it-trade marks jirrigwarda r-rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark abbażi ta’ isem kummerċjali rreġistrat, din id-dispożizzjoni tista’ tintuża wkoll b’analoġija sabiex jiġi pprojbit l-użu ta’ din it-trade mark. F’dan ir-rigward, huwa għamel riferiment għall-punt 37 tas-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2014, Szajner vs UASI – Forge de Laguiole (LAGUIOLE) (T‑453/11, EU:T:2014:901).

47      Il-Bord tal-Appell eżamina jekk kienx hemm fl-Isvezja probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-punt 2, tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kapitolu 2 tal-Liġi Svediża dwar it-trade marks, sabiex wasal għall-konklużjoni li tali probabbiltà kienet teżisti. Sussegwentement, huwa eżamina jekk, kif kienet allegat ir-rikorrenti, minn naħa, il-koeżistenza tas-sinjali f’kunflitt f’dan il-każ setgħet tnaqqas il-probabbiltà ta’ konfużjoni u jekk, min-naħa l-oħra, kellhiex tiġi invokata fil-konfront tal-intervenjenti l-iskadenza tat-terminu ta’ dekadenza minħabba tolleranza previst fl-Artikolu 54(2) tar-Regolament Nru 207/2009. Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell qies li huwa ma setax jikkonkludi fis-sens tal-koeżistenza tas-sinjali u li r-rikorrenti ma setgħetx tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 54(2) tar-Regolament Nru 207/2009.

48      Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, f’dan ir-rikors, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell li s-sinjal preċedenti kien intuża fil-kummerċ, il-portata ta’ dan is-sinjal ma kienx biss lokali, u d-dritt għas-sinjal preċedenti kien ġie akkwistat qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata. Hija lanqas ma tikkontesta l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell fil-punt 40 tad-deċiżjoni kkontestata li l-punt 1 tal-Artikolu 9 tal-Kapitolu 2 tal-Liġi Svediża dwar it-trade marks jista’ jintuża b’analoġija sabiex jiġi pprojbit l-użu ta’ trade mark sussegwenti abbażi ta’ isem kummerċjali rreġistrat.

49      Minn dan isegwi li d-dibattitu għandu jiffoka, minn naħa, fuq il-kwistjoni dwar jekk, kif issostni r-rikorrenti, il-fatt li hija tista’ tinvoka dritt eqdem mis-sinjal preċedenti jimplikax li l-intervenjenti ma tistax tipprojbixxi l-użu ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea sussegwenti, b’tali mod li l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 8(4)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 ma tkunx issodisfatta, u, min-naħa l-oħra, fuq l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjal preċedenti u t-trade mark ikkontestata.

–       Fuq id-dritt preċedenti

50      Għalkemm l-EUIPO huwa, fil-kuntest tal-proċedura għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, obbligat li jiżgura l-eżistenza tad-dritt preċedenti li fuqu hija bbażata t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 207/2009 ma tipprevedi li l-EUIPO nnifsu għandu jagħmel eżami inċidentali tar-raġunijiet ta’ invalidità jew ta’ revoka li jistgħu jinvalidaw dan id-dritt (ara s-sentenza tal-25 ta’ Mejju 2005, TeleTech Holdings vs UASI – Teletech International (TELETECH GLOBAL VENTURES), T‑288/03, EU:T:2005:177, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 207/2009 ma jipprevedix li l-eżistenza, fl-istess territorju, ta’ trade mark li d-data ta’ prijorità tagħha tkun preċedenti għal dik tat-trade mark preċedenti li fuqha tkun ibbażata l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u li tkun identika għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea kkontestata, tista’ tivvalida din tal-aħħar anki jekk tkun teżisti raġuni relattiva ta’ invalidità kontra din it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (sentenza tal-25 ta’ Mejju 2005, TELETECH GLOBAL VENTURES, T‑288/03, EU:T:2005:177, punt 29).

52      Għandu jiġi rrilevat, ukoll, li, meta l-proprjetarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea kkontestata jkollu dritt preċedenti li jista’ jinvalida t-trade mark preċedenti li fuqu tkun ibbażata applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, huwa għandu, skont il-każ, jindirizza lill-awtorità jew lill-qorti nazzjonali kompetenti sabiex jikseb, jekk ikun jixtieq, l-invalidità ta’ din it-trade mark (sentenza tal-25 ta’ Mejju 2005, TELETECH GLOBAL VENTURES, T‑288/03, EU:T:2005:177, punt 33).

53      Skont il-ġurisprudenza stabblilita fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, il-fatt li l-proprjetarju ta’ trade mark ikkontestata huwa l-proprjetarju ta’ trade mark nazzjonali saħansitra eqdem mit-trade mark preċedenti ma għandu fih innifsu l-ebda effett sa fejn il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni fil-livell tal-Unjoni ma għandhomx l-għan li jsolvu kunflitti f’livell nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ April 2005, PepsiCo vs UASI – Intersnack Knabber-Gebäck (RUFFLES), T‑269/02, EU:T:2005:138, punti 26 u 28, u tat-12 ta’ Diċembru 2014, Comptoir d’Épicure vs UASI – A-Rosa Akademie (da rosa), T‑405/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1072, punt 45).

54      Fil-fatt, il-validità ta’ trade mark nazzjonali ma tistax tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ proċedimenti għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, iżda biss fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mibdija fl-Istat Membru kkonċernat (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), T‑6/01, EU:T:2002:261, punt 55)]. Barra minn hekk, għalkemm huwa l-EUIPO li għandu jivverifika, abbażi ta’ provi, li għandhom jiġu prodotti mill-parti li qiegħda topponi, l-eżistenza tat-trade mark nazzjonali invokata insostenn tal-oppożizzjoni, huwa ma għandux jirriżolvi kunflitt bejn din it-trade mark u trade mark oħra fil-livell nazzjonali, liema kunflitt jaqa’ taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali (sentenzi tal-21 ta’ April 2005, RUFFLES, T‑269/02, EU:T:2005:138, punt 26; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Mejju 2005, TELETECH GLOBAL VENTURES, T‑288/03, EU:T:2005:177, punt 29, u tat-13 ta’ Diċembru 2007, Xentral vs UASI – Pages jaunes (PAGESJAUNES.COM), T‑134/06, EU:T:2007:387, punt 36).

55      Għaldaqstant, sakemm it-trade mark nazzjonali preċedenti hija effettivament protetta, l-eżistenza ta’ reġistrazzjoni nazzjonali preċedenti jew ta’ dritt ieħor preċedenti għal din tal-aħħar ma hijiex rilevanti fil-kuntest tal-oppożizzjoni ppreżentata kontra applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea, anki jekk it-trade mark tal-Unjoni Ewropea mitluba hija identika għal trade mark nazzjonali preċedenti tar-rikorrenti jew għal dritt ieħor li huwa preċedenti għat-trade mark nazzjonali li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2005, Fusco vs UASI – Fusco International (ENZO FUSCO), T‑185/03, EU:T:2005:73, punt 63).

56      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li, anki jekk id-drittijiet fuq l-ismijiet tad-domain preċedenti jistgħu jkunu assimilati għal reġistrazzjoni nazzjonali preċedenti, fi kwalunkwe każ, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tiddeċiedi fuq kunflitt bejn trade mark nazzjonali preċedenti u drittijiet fuq l-ismijiet tad-domain preċedenti, peress li tali kunflitt ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, PAGESJAUNES.COM, T‑134/06, EU:T:2007:387, punt 37).

57      Għandha tiġi applikata b’analoġija l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 50 sa 56 iktar ’il fuq f’dan il-każ. Fil-fatt, minkejja l-obbligi li huwa suġġett għalihom l-EUIPO mfakkra fil-punt 41 iktar ’il fuq u r-rwol tal-Qorti Ġenerali kif imfakkar fil-punti 42 u 43 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li ma huma la l-EUIPO u lanqas il-Qorti Ġenerali li għandhom jiddeċiedu dwar kunflitt bejn is-sinjal preċedenti u isem tal-kumpannija ieħor jew trade mark mhux irreġistrata fil-livell nazzjonali fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kontra trade mark tal-Unjoni Ewropea.

58      Minn dan isegwi li l-kwistjoni ta’ dritt preċedenti għandha tiġi eżaminata fir-rigward tar-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea kkontestata, u mhux fir-rigward tad-drittijiet preċedenti allegati li l-proprjetarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea kkontestata, f’dan il-każ, ir-rikorrenti, jista’ jkollu fil-konfront tal-intervenjenti, kif irrelevaw, ġustament, l-EUIPO u l-intervenjenti fir-risposti tagħhom. Għaldaqstant, l-uniku dritt preċedenti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima għandu jkun is-sinjal preċedenti.

59      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata permezz tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-Artikoli 7, 8 u 15 tal-Kapitolu 1 tal-Liġi Svediża dwar it-trade marks.

60      Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-Artikolu 7, intitolat “Id-drittijiet esklużivi tal-istabbiliment fis-suq”, tal-Kapitolu 1 tal-Liġi Svediża dwar it-trade marks jipprevedi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li d-drittijiet esklużivi fuq simbolu kummerċjali jistgħu, mingħajr reġistrazzjoni, jinkisbu mill-istabbiliment fis-suq. It-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu jipprovdi li simbolu kummerċjali għandu jitqies li jkun ġie stabbilit fis-suq, jekk ikun magħruf fil-pajjiż minn parti sinjifikattiva tal-pubbliku kkonċernat bħala indikazzjoni tal-prodotti jew servizzi offruti taħt dan is-simbolu. L-Artikolu 15, intitolat “Konsegwenzi ta’ passività (simboli kummerċjali stabbiliti fis-suq)”, tal-Kapitolu 1 tal-Liġi Svediża dwar it-trade marks jipprevedi, min-naħa tiegħu, li d-drittijiet fuq simbolu kummerċjali li ġie stabbilit fis-suq jikkoeżistu mad-drittijiet preċedenti fuq simbolu kummerċjali li huwa identiku jew simili fis-sens tal-Artikolu 10, sakemm il-proprjetarju tad-drittijiet preċedenti ma jkunx adotta, fi żmien raġonevoli, miżuri intiżi li jipprevjenu l-użu tas-simbolu kummerċjali sussegwenti.

61      Issa, minkejja li r-rikorrenti tiddikjara li tista’ tinvoka perijodu mhux interrott ta’ użu u drittijiet fuq it-“trade mark” u fuq isem tal-kumpannija li jinkludi l-element “swemac” li jmorru lura għal żminijiet differenti qabel ir-reġistrazzjoni tas-sinjal preċedenti (1991, 1995, Diċembru 1998, 2001, 2004), hija ma pproduċiet l-ebda prova f’dan is-sens. Kif irrileva l-Bord tal-Appell fil-punti 62 u 64 tad-deċiżjoni kkontestata, u kif jirrilevaw, essenzjalment, l-EUIPO u l-intervenjenti, ir-rikorrenti ma pproduċiet, quddiem l-istanzi tal-EUIPO, l-ebda prova tal-użu tat-trade mark ikkontestata jew ta’ sinjal ieħor li jinkludi l-element “swemac”. Id-dokumenti ppreżentati minnha għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali ma jistgħux, kif ġie indikat fil-punt 19 iktar ’il fuq, jittieħdu inkunsiderazzjoni. Ir-rikorrenti għalhekk bl-ebda mod ma wriet, in concreto, li hija kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 1 tal-Liġi Svediża dwar it-trade marks li hija invokat. B’mod iktar speċifiku, hija bl-ebda mod ma wriet li l-allegat dritt preċedenti tagħha jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 7 u 15 tal-Kapitolu 1 tal-Liġi Svediża dwar it-trade marks, jiġifieri li kien stabbilit fis-suq, jew magħrufa minn parti sinjifikattiva mill-pubbliku kkonċernat bħala indikazzjoni għal prodotti jew servizzi rilevanti, u dan kemm qabel kif ukoll wara r-reġistrazzjoni tas-sinjal preċedenti.

62      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tirrileva li r-rikorrenti ma pprovdiet l-ebda dettalji dwar l-interazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet li hija tinvoka u dawk applikati mill-Bord tal-Appell. Minbarra dan, ma huma pprovduti l-ebda dettalji dwar id-dikjarazzjoni tagħha li hija tista’ tinvoka d-dritt għall-isem tal-kumpannija Swemac Orthopaedics AB mid-data li fiha l-kumpannija li tittrasferixxi kienet inizjalment irreġistrata, jiġifieri t-22 ta’ Diċembru 1995. Fl-aħħar nett, anki jekk jiġi preżunt li r-rikorrenti u l-intervenjenti huma t-tnejn li huma r-riżultat tad-diviżjoni tal-kumpannija Swemac Orthopaedics, ir-rikorrenti lanqas ma spjegat sa liema punt id-dritt Svediż jagħtiha prijorità fuq l-element “swemac”.

63      Konsegwentement, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti li jsostnu, essenzjalment, li l-Artikoli 7, 8 u 15 tal-Kapitolu 1 tal-Liġi Svediża dwar it-trade marks jimplikaw li l-intervenjenti ma għandhiex id-dritt li tipprojbixxi l-użu tat-trade mark ikkontestata.

64      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma kkontestatx il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell fil-punt 40 tad-deċiżjoni kkontestata li l-punt 1 tal-Artikolu 9 tal-Kapitolu 2 tal-Liġi Svediża dwar it-trade marks seta’ jintuża b’analoġija sabiex jiġi pprojbit l-użu ta’ trade mark sussegwenti fuq il-bażi ta’ isem kummerċjali rreġistrat.

65      Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma spjegatx kif l-Artikoli 7, 8 u 15 tal-Kapitolu 1 tal-Liġi Svediża dwar it-trade marks jistgħu jinvalidaw il-konklużjoni impliċita interim tal-Bord tal-Appell, fil-punti 40 u 41 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sinjal preċedenti jippermetti li tiġi pprojbita, jekk tkun teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni, ir-reġistrazzjoni u, b’analoġija, l-użu ta’ trade mark iktar reċenti.

66      Minn dan isegwi li l-konklużjoni impliċita interim tal-Bord tal-Appell, fil-punti 40 u 41 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-dritt Svediż jipproteġi s-sinjal preċedenti kontra sinjali identiċi jew simili użati fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi identiċi jew simili, jekk tkun teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni, għandha tintlaqa’.

–       Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni

67      Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li r-rikorrenti ma tikkontestax l-approċċ tal-Bord tal-Appell li abbażi tiegħu huwa eżamina jekk kinitx teżisti fl-Isvezja probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kapitolu 2 tal-Liġi Svediża dwar it-trade marks. Hija lanqas ma tikkontesta l-konklużjonijiet ta’ dan il-bord li l-pubbliku rilevanti huwa kkostitwit minn professjonisti tas-saħħa b’livell ta’ attenzjoni għoli, b’teħid inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tan-natura tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni u tal-fatt li dawn huma għaljin. Hija lanqas ma tikkontesta, kif tosserva l-intervenjenti, li t-trade mark ikkontestata u s-sinjal preċedenti għandhom livell għoli ta’ xebh u li l-prodotti u s-servizzi kkonċernati huma identiċi, jew simili ħafna. Dan l-approċċ u dawn il-konklużjonijiet, li barra minn hekk ma ġewx ikkontestati, għandhom jiġu kkonfermati.

68      Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti ssostni li koeżistenza tat-trade marks, il-preżenza tagħha għal żmien twil fis-suq u l-fatt li l-pubbliku rilevanti huwa kkostitwit minn persuni kompetenti ħafna, imwissija u speċjalizzati u li l-prodotti u s-servizzi inkwistjoni jinxtraw fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi inaqqsu l-probabbiltà ta’ konfużjoni.

69      Skont ġurisprudenza stabbilita, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni ġejjin mill-istess impriża jew minn impriżi marbuta ekonomikament. Skont din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, u fid-dawl tal-fatturi rilevanti kollha tal-każ, b’mod partikolari tal-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti (ara s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, EU:T:2003:199, punti 30 sa 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      Għalkemm ma huwiex ikkontestat li l-prodotti u s-servizzi msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq huma kkummerċjalizzati wara sejħiet għal offerti fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, tali fatt ma jippermettix li tiġi eskluża kull probabbiltà ta’ konfużjoni. Fil-fatt, l-użu tat-trade mark ikkontestata ma huwiex limitat għas-sitwazzjonijiet li fihom il-prodotti u servizzi inkwistjoni huma kkummerċjalizzati, iżda jista’ jikkonċerna wkoll sitwazzjonijiet oħra fejn il-pubbliku rilevanti jirreferi verbalment jew bil-miktub għal dawn il-prodotti u servizzi, pereżempju waqt l-użu tagħhom jew waqt diskussjonijiet dwar dan l-użu u li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ dawn il-prodotti u servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2014, Koscher + Würtz vs UASI – Kirchner & Wilhelm (KW SURGICAL INSTRUMENTS), T‑445/12, EU:T:2014:829, punt 80).

71      F’dan il-każ, kif ġie rrilevat fil-punt 67 iktar ’il fuq, huwa paċifiku li l-prodotti u s-servizzi koperti mis-sinjali f’kunflitt huma identiċi, jew jixxiebhu ħafna. Huwa wkoll paċifiku li t-trade mark ikkontestata u s-sinjal preċedenti għandhom livell għoli ta’ xebh. Għaldaqstant, u kif issostni r-rikorrenti, ma tistax tiġi eskluża l-eżistenza ta’ possibbiltà ta’ konfużjoni, u dan anki fid-dawl tal-livell ta’ attenzjoni għoli tal-pubbliku rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2012, Retractable Technologies vs UASI – Abbott Laboratories (RT), T‑371/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:244, punt 43).

72      Fl-aħħar nett, il-paragrafu tad-deciżjoni tal-Marknadsdomstolen (il-Qorti Kummerċjali), li jinsab fl-Anness A.10, invokat mir-rikorrenti ma huwiex ta’ natura li jinvalida la l-konklużjoni msemmija fil-punt 71 iktar ’il fuq, u lanqas id-deċiżjoni kkontestata. F’dan il-paragrafu, dan tal-aħħar josserva li “ġie kkonstatat li l-prodotti inkwistjoni [kienu] kkummerċjalizzati esklużivament fil-kuntest ta’ kuntratti pubbliċi” u li, “[f]’dan il-kuntest ta’ xiri, [kien] jidher li ma setax ikun hemm konfużjoni dwar l-oriġini kummerċjali”. Huwa minnu li, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-raba’ kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 8(4)(b), tar-Regolament Nru 207/2009, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija fl-Istat Membru kkonċernat, kif tfakkar fil-punt 38 iktar ’il fuq. Madankollu, minn naħa, għandu jiġi osservat li dan il-paragrafu huwa ppreżentat mingħajr ebda dettalji dwar il-kuntest fattwali u proċedurali tiegħu. Il-Qorti Ġenerali, għalhekk, ma hijiex f’pożizzjoni li tevalwa jekk il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu minn dan il-paragrafu jestendu għall-kuntest fattwali u proċedurali ta’ dan il-każ. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li dan il-paragrafu ma jista’ la jikkontesta l-konstatazzjonijiet fattwali tal-Bord tal-Appell, u lanqas ma jipprova l-għarfien tal-pubbliku rilevanti tat-trade mark ikkontestata. Fl-aħħar nett, ma jista’ juri l-ebda koeżistenza tas-sinjali f’kunflitt, jew li l-pubbliku Svediż ma jfixkilx l-oriġini kummerċjali tal-prodotti u tas-servizzi koperti minn dawn is-sinjali meta jarahom.

73      Għaldaqstant, ma huwiex stabbilit li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta qies, fil-punt 58 tad-deċiżjoni kkontestata, li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni dwar l-oriġini kummerċjali tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni.

74      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-preżunta koeżistenza tas-sinjali f’kunflitt fl-Isvezja, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, għalkemm ma huwiex eskluż li l-koeżistenza ta’ trade marks preċedenti fis-suq tista’ eventwalment tnaqqas il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn iż-żewġ trade marks f’kunflitt, xorta jibqa’ l-fatt li tali eventwalità tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni biss jekk, matul il-proċedimenti quddiem l-EUIPO, il-proprjetarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea kkontestat ikun wera li din il-koeżistenza kienet ibbażata fuq l-assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, f’moħħ il-pubbliku rilevanti, bejn it-trade marks preċedenti li fuqhom huwa jibbaża ruħu u t-trade mark preċedenti li fuqha hija bbażata t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u bla ħsara għall-fatt li t-trade marks preċedenti inkwistjoni u t-trade marks f’kunflitt huma identiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2009, Aceites del Sur-Coosur vs Koipe, C‑498/07 P, EU:C:2009:503, punt 82; tal-11 ta’ Mejju 2005, Grupo Sada vs UASI – Sadia (GRUPO SADA), T‑31/03, EU:T:2005:169, punt 86, u tal-10 ta’ April 2013, Höganäs vs UASI – Haynes (ASTALOY), T‑505/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:160, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, sa fejn jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-koeżistenza ta’ żewġ trade marks għandha tkun twila biżżejjed sabiex din tkun tista’ taffettwa l-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti, it-tul tal-koeżistenza tikkostitwixxi wkoll prova essenzjali (ara s-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2015, La Rioja Alta vs UASI – Aldi Einkauf (VIÑA ALBERDI), T‑489/13, EU:T:2015:446, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      Issa, f’dan il-każ, kif ġie kkonstatat fil-punt 61 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma ppreżentat, quddiem l-istanzi tal-EUIPO, l-ebda prova tal-użu tat-trade mark ikkontestata jew ta’ sinjal li jinkludi l-element “swemac”. Id-dokumenti prodotti mir-rikorrenti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali bil-għan li turi l-preżenza tagħha fis-suq u l-użu ta’ trade mark, ta’ isem tal-kumpannija jew ta’ sinjal li jinkludi l-element “swemac” ma jistgħux, kif ġie indikat fil-punt 19 iktar ’il fuq, jittieħdu inkunsiderazzjoni. Ir-rikorrenti lanqas ma pproduċiet provi li juri l-għarfien tat-trade mark ikkontestata jew ta’ sinjal li jinkludi l-element “swemac” mill-pubbliku rilevanti, bħal stħarriġiet tal-opinjoni, dikjarazzjonijiet ta’ konsumaturi jew oħrajn, minkejja li setgħet tipprova dan bil-produzzjoni minnha ta’ indizji f’dan is-sens (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Ġunju 2015, VIÑA ALBERDI, T‑489/13, EU:T:2015:446, punt 80, u tat-13 ta’ Lulju 2017, AIA vs EUIPO – Casa Montorsi (MONTORSI F. & F.), T‑389/16, EU:T:2017:492, punt 71; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Mejju 2005, TELETECH GLOBAL VENTURES, T‑288/03, EU:T:2005:177, punt 100).

76      Għaldaqstant, huwa ġustament li l-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punti 62 u 64 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti ma kienet uriet l-ebda koeżistenza tas-sinjali f’kunflitt u lanqas li l-pubbliku Svediż ma kienx ifixkel dawn is-sinjali meta jarahom.

77      Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-allegata koeżistenza tas-sinjali f’kunflitt għandu jiġi miċħud bħala infondat.

78      Minn dan isegwi li l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 8(4) tal-istess regolament, kif ukoll mal-leġiżlazzjoni Svediża dwar it-trade marks, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 B ‑ Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 8(4) tal-istess regolament

79      Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball fl-evalwazzjoni tiegħu tad-dekadenza minħabba tolleranza, peress li din għandha tiġi evalwata mhux fir-rigward tad-data tar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, iżda fir-rigward tal-“kunsens infurmat impliċitu” tal-intervenjenti rigward l-użu mir-rikorrenti tat-“trade mark tagħha” jew tas-“sinjal tagħha” fis-suq.

80      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

81      Fl-ewwel lok, kif ġie kkonstatat fil-punt 58 iktar ’il fuq, l-uniċi drittijiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għas-soluzzjoni tat-tilwima huma s-sinjal preċedenti u t-trade mark ikkontestata. Peress li t-trade mark ikkontestata hija trade mark tal-Unjoni Ewropea, id-dispożizzjoni applikabbli dwar il-possibbiltà ta’ dekadenza minħabba tolleranza hija, għaldaqstant, l-Artikolu 54(2) tar-Regolament Nru 207/2009.

82      Skont l-Artikolu 54(2) tar-Regolament Nru 207/2009, il-proprjetarju ta’ trade mark nazzjonali preċedenti msemmija fl-Artikolu 8(2) jew ta’ sinjal preċedenti ieħor imsemmi fl-Artikolu 8(4), li jkun ta l-kunsens tiegħu, għal perijodu ta’ ħames snin konsekuttivi, li jsir użu minn trade mark tal-Unjoni Ewropea fl-Istat Membru fejn din it-trade mark preċedenti jew is-sinjal preċedenti l-ieħor huwa protett, waqt li jkun jaf b’dan l-użu, ma jibqax intitolat abbażi tat-trade mark preċedenti jew tas-sinjal l-ieħor preċedenti li japplika għal dikjarazzjoni li t-trade mark sussegwenti hija invalida fir-rigward tal-prodotti jew is-servizzi li għalihom it-trade mark sussegwenti tkun intużat, sakemm ir-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea sussegwenti ma tkunx saret applikazzjoni għaliha b’mala fede.

83      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, għandhom jiġu ssodisfatti erba’ kundizzjonijiet sabiex jibda jiddekorri t-terminu ta’ dekadenza minħabba tolleranza f’każ ta’ użu ta’ trade mark sussegwenti identika għat-trade mark preċedenti jew simili tant li toħloq konfużjoni. L-ewwel nett, it-trade mark sussegwenti għandha tkun irreġistrata, it-tieni nett, jeħtieġ li l-preżentata tagħha tkun saret in bona fide mill-proprjetarju tagħha, it-tielet nett, hija għandha tintuża fl-Istat Membru fejn it-trade mark preċedenti hija protetta u, fl-aħħar, ir-raba’ nett, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti għandu jkun jaf bl-użu ta’ din it-trade mark wara r-reġistrazzjoni tagħha (ara s-sentenza tal-20 ta’ April 2016, Tronios Group International vs EUIPO – Sky (SkyTec), T‑77/15, EU:T:2016:226, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-Artikolu 54(2) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu l-għan li jċaħħad lill-proprjetarji ta’ trade marks preċedenti li jkunu ttolleraw l-użu ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea sussegwenti għal ħames snin konsekuttivi, meta kienu jafu b’dan l-użu, mill-possibbiltà li jressqu azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u ta’ oppożizzjoni għal din it-trade mark. Din id-dispożizzjoni għalhekk hija intiża li tibbilanċja l-interessi tal-proprjetarju ta’ trade mark li jissalvagwarda l-funzjoni essenzjali tagħha u l-interessi ta’ operaturi ekonomiċi l-oħra li jkollhom sinjali li jistgħu jindikaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom. Dan l-għan jimplika li, sabiex tiġi ssalvagwardata din il-funzjoni essenzjali, il-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti għandu jkun jista’ jopponi l-użu ta’ trade mark sussegwenti identika jew li tixbah lil tiegħu. Fil-fatt, huwa biss mill-mument li l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jsir jaf bl-użu tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea sussegwenti li huwa għandu l-possibbiltà li ma jittollerax dan l-użu u, għalhekk, li jopponih jew li jitlob dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark sussegwenti u li, għalhekk, it-terminu ta’ dekadenza minħabba tolleranza jibda jiddekorri (ara s-sentenza tal-20 ta’ April 2016, SkyTec, T‑77/15, EU:T:2016:226, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      Għaldaqstant, huwa minn meta l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jkun jaf bl-użu tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea wara r-reġistrazzjoni tagħha li jibda jiddekorri t-terminu ta’ dekadenza minħabba tolleranza (ara s-sentenza tal-20 ta’ April 2016, SkyTec, T‑77/15, EU:T:2016:226, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      Għandha tiġi applikata b’analoġija l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 83 u 85 iktar’ il fuq f’dan il-każ dwar sinjal nazzjonali preċedenti minbarra trade mark.

87      Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, f’dan il-każ, huwa paċifiku li t-trade mark ikkontestata ġiet irreġistrata fl-4 ta’ Settembru 2008, u li t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ġiet ippreżentata fit-3 ta’ Settembru 2013, jiġifieri inqas minn ħames snin wara d-data tar-reġistrazzjoni.

88      Minn dan isegwi li, kif isostnu l-EUIPO u l-intervenjenti, minn naħa, l-użu tat-trade mark ikkontestata seta’ jsir biss mid-data tar-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark. Min-naħa l-oħra, it-terminu ta’ dekadenza possibbli li tirriżulta mit-tolleranza seta’ jibda jiddekorri biss minn meta l-intervenjenti, proprjetarju tas-sinjal preċedenti, kien jaf bl-użu tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea sussegwenti, jiġifieri t-trade mark ikkontestata, wara r-reġistrazzjoni tagħha. It-terminu ta’ dekadenza għalhekk ma setax jibda jiddekorri mid-data ta’ użu ta’ trade mark mhux irreġistrata jew tal-isem tal-kumpannija tar-rikorrenti.

89      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ġustament ikkonkluda, fil-punt 71 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti ma setgħetx tinvoka d-dekadenza minħabba tolleranza prevista fl-Artikolu 54(2) tar-Regolament Nru 207/2009.

90      Fit-tielet lok, u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat, kif il-Bord tal-Appell, essenzjalment, indika, fil-punti 72 u 73 tad-deċiżjoni kkontestata, u kif issostni l-intervenjenti, li, skont il-ġurisprudenza, il-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti għandu jipproduċi l-prova tal-eżistenza ta’ għarfien effettiv tal-użu ta’ din it-trade mark mill-proprjetarju tat-trade mark preċedenti, li fl-assenza tagħha dan tal-aħħar ma jkunx jista’ jopponi l-użu tat-trade mark sussegwenti (sentenza tal-20 ta’ April 2016, SkyTec, T‑77/15, EU:T:2016:226, punt 33; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2011, Budějovický Budvar, C‑482/09, EU:C:2011:605, punti 46 u 47, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Budějovický Budvar, C‑482/09, EU:C:2011:46, punt 82).

91      Għandu jiġi rrilevat, barra minn hekk, li r-raġuni ta’ dekadenza minħabba tolleranza japplika meta l-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti “kuxjentement ittollera l-użu matul perijodu twil”, jiġifieri “deliberatament” jew “b’mod informat” (sentenza tal-20 ta’ April 2016, SkyTec, T‑77/15, EU:T:2016:226, punt 33; ara, wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2011, Budějovický Budvar, C‑482/09, EU:C:2011:605, punti 46 u 47, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Budějovický Budvar, C‑482/09, EU:C:2011:46, punt 82).

92      Issa, f’dan il-każ, kif ġie kkonstatat fil-punt 61 iktar ’il fuq, kif ġustament indika l-Bord tal-Appell fil-punti 62 u 73 tad-deċiżjoni kkontestata, u kif isostnu l-EUIPO u l-intervenjenti, ir-rikorrenti la wriet l-użu tat-trade mark ikkontestata fl-Isvezja, u lanqas li l-intervenjenti kellha għarfien ta’ dan l-allegat użu.

93      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma kisirx l-Artikolu 54(2) tar-Regolament Nru 207/2009 meta qies, fil-punti 71 u 73 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti ma setgħetx tibbaża ruħha fuq din id-dispożizzjoni.

94      Konsegwentement, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

95      Peress li l-ebda wieħed miż-żewġ motivi invokati mir-rikorrenti ma huma fondati, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

96      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

97      F’dan il-każ, l-EUIPO u l-intervenjenti talbu sabiex ir-rikorrenti tiġi kkundannata għall-ispejjeż ta’ din l-istanza. Peress li r-rikorrenti tilfet, it-talbiet tal-EUIPO u tal-intervenjenti għandhom jintlaqgħu u r-rikorrenti għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti minn dawn tal-aħħar fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

98      Barra minn hekk, l-intervenjenti talbet il-kundanna tar-rikorrenti għall-ispejjeż sostnuti minnha fil-proċedimenti amministrattivi quddiem l-EUIPO. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 190(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ispejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell għandhom jitqiesu li huma spejjeż li jistgħu jinġabru. Madankollu, ma huwiex l-istess fir-rigward tal-ispejjeż sostnuti għall-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. Għaldaqstant, it-talba tal-intervenjenti li peress li r-rikorrenti tilfet it-talbiet tagħha, għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż tal-proċedura amministrattiva quddiem l-EUIPO tista’ tintlaqa’ biss fir-rigward tal-ispejjeż indispensabbli biss sostnuti mill-intervenjenti għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Frar 2015, Boehringer Ingelheim International vs UASI – Lehning entreprise (ANGIPAX), T‑368/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:81, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-30 ta’ Marzu 2017, Apax Partners UK vs EUIPO – Apax Partners Midmarket (APAX PARTNERS), T‑209/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:240, punt 49).

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Swemac Innovation AB hija kkundannata għall-ispejjeż, inkluż l-ispejjeż indispensabbli sostnuti minn SWEMAC Medical Appliances AB, għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO).

Gervasoni

Kowalik-Bańczyk

Mac Eochaidh

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Frar 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.