Language of document : ECLI:EU:C:2023:798

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fid‑19 ta’ Ottubru 2023 (1)

Kawżi magħquda C395/22 u C428/22

“Trade Express-L” OOD (C395/22)

“DEVNIA TSIMENT” AD (C428/22)

vs

Zamestnik-predsedatel na Darzhavna agentsia “Darzhaven rezerv i voennovremenni zapasi”

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad – Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna, il-Bulgarija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Enerġija – Direttiva 2009/119/KE – Obbligu tal-Istati Membri li jżommu livell minimu ta’ ħażniet ta’ żejt jew ta’ prodotti taż-żejt – Provvista tal-ħażniet – Regolament (KE) Nru 1099/2008 – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq l-operaturi ekonomiċi li jikkostitwixxu ħażniet ta’ emerġenza – Obbligu li tinħoloq u tinżamm ħażna ta’ prodott taż-żejt li la jintuża minn dan l-operatur u lanqas ma huwa marbut mal-attività ekonomika tiegħu”






I.      Introduzzjoni

1.        Operatur ekonomiku li jimporta ċertu tip ta’ prodott taż-żejt jista’ jkun obbligat jikkostitwixxi stokk ta’ tip ieħor ta’ prodott taż-żejt, skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/119/KE (2) u, fl-affermattiv, x’inhi l-portata ta’ dan l-obbligu?

2.        Dawn huma, essenzjalment, id-domandi li ġew indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Administrativen sad – Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna, il-Bulgarija), li jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta, għall-ewwel darba (3), id-Direttiva 2009/119 sabiex jiġi ddeterminat il-marġni li jgawdu l-Istati Membri bil-għan li jiġi implimentat l-obbligu tagħhom li jżommu ħażniet ta’ emerġenza. B’mod iktar speċifiku, iż-żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni, minn naħa, tal-premessa 33, tal-Artikolu 1, tal-punti (i) u (j) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2, kif ukoll tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/119 (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2009/119”) u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 17 u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

3.        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn, minn naħa, “Trade Express-L” OOD (iktar ’il quddiem “Trade Express”) (Kawża C‑395/22) u “DEVNIA TSIMENT” AD (iktar ’il quddiem “Devnia Tsiment”) (Kawża C‑428/22) u, min-naħa l-oħra, iz-Zamestnik-predsedatel na Darzhavna agentsia “Darzhaven rezerv i voennovremenni zapasi” (il-Viċi President tal-Aġenzija Nazzjonali “Riżervi tal-Istat u Ħażniet Militari”, il-Bulgarija, iktar ’il quddiem il-“Viċi President tal-Aġenzija Nazzjonali”), dwar il-legalità ta’ digrieti maħruġa minn dan tal-aħħar dwar il-kostituzzjoni u ż-żamma, minn dawn iż-żewġ kumpanniji, ta’ ħażniet ta’ emerġenza ta’ żejt tqil.

4.        Skont il-leġiżlazzjoni Bulgara, kull operaturi li, matul sena partikolari, ikun wettaq attivitajiet ta’ importazzjoni ta’ prodotti tal-enerġija huwa obbligat jikkostitwixxu ħażniet ta’ emerġenza. Din il-leġiżlazzjoni tillimita t-tipi ta’ prodotti li jikkostitwixxu l-ħażniet ta’ emerġenza għaż-żejt mhux maħdum u għal erba’ tipi ta’ prodotti taż-żejt. F’dan il-każ, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali importaw rispettivament, fil-Bulgarija, żewġ tipi ta’ prodotti li jaqgħu taħt iż-“Żejt (żejt mhux raffinat u prodotti taż-żejt mhux maħdum)”, kif iddefinit fil-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament (KE) Nru 1099/2008 (4), jiġifieri kokk taż-żejt mhux maħdum u żjut tal-lubrikazzjoni. Minħabba dawn l-importazzjonijiet, ġie impost obbligu fuq ir-rikorrenti li jikkostitwixxu, bi spejjeż tagħhom u f’isimhom, għal perijodu ta’ sena, ċerti kwantitajiet ta’ ħażniet ta’ emerġenza ta’ prodott taż-żejt ieħor, jiġifieri ż-żejt tqil. Quddiem il-qorti tar-rinviju, huma jikkontestaw, essenzjalment, dan l-obbligu, billi jsostnu li huma ma jwettqu ebda attività ekonomika biż-żejt tqil u li l-obbligu li jikkostitwixxu ħażna ta’ emerġenza ta’ dan il-prodott allegatament ikkawżalhom piż finanzjarju mhux raġonevoli li jmur kontra d-dispożizzjonijiet kemm tad-Direttiva 2009/119 kif ukoll tal-Karta.

5.        Huwa f’dan il-kuntest leġiżlattiv, speċifiku għar-Repubblika tal-Bulgarija (5), li l-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tevalwa s-setgħat li għandhom l-Istati Membri fir-rigward tad-determinazzjoni tat-tipi ta’ prodotti li jikkostitwixxu ħażniet ta’ emerġenza u ċ-ċirkustanzi li fihom jistgħu jimponu l-kostituzzjoni ta’ tali ħażniet fuq l-operaturi ekonomiċi.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

1.      IdDirettivi 68/414, 2006/67 u 2009/119

6.        L-ewwel regoli li jirregolaw il-ħażniet ta’ emerġenza ta’ żejt jew ta’ prodotti taż-żejt ġew stabbiliti permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 68/414 (6), li ġiet emendata, fl-aħħar lok, bid-Direttiva tal-Kunsill 98/93/KE tal‑14 ta’ Diċembru 1998 (7), u sussegwentement tħassret bid-Direttiva 2006/67 (8). Min-naħa tagħha, id-Direttiva 2006/67 tħassret bid-Direttiva 2009/119. Hija din id-direttiva tal-aħħar li hija attwalment fis-seħħ u applikabbli ratione temporis fil-kawżi prinċipali.

7.        Il-premessi 2, 5, 8, 10, 11 u 33 tad-Direttiva 2009/119 huma fformulati kif ġej:

“(2)      Il-konċentrazzjoni dejjem tiżdied tal-produzzjoni, it-tnaqqis tar-riżervi taż-żejt kif ukoll iż-żieda fil-konsum dinji tal-prodotti petroliferi qegħdin kollha jikkontribwixxu għal żieda fir-riskju ta’ diffikultajiet ta’ provvista.

[…]

(5)      Skont id-[Direttiva tal‑2006], il-ħażniet jiġu kkalkolati abbażi tal-konsum intern medju ta’ kuljum matul is-sena kalendarja preċedenti. Madankollu, l-obbligi tal-ħżin skont il-Ftehim dwar Programm Internazzjonali tal-Enerġija tat‑18 ta’ Novembru 1974 (minn hawn ‘il quddiem ‘il-Ftehim AIE’) huma kkalkolati abbażi tal-importazzjoni netta ta’ żejt u ta’ prodotti petroliferi. Għal dik ir-raġuni, u minħabba differenzi oħra fil-metodoloġija, il-mod ta’ kif l-obbligi tal-ħżin u l-ħażniet ta’ emerġenza tal-Komunità jiġu kkalkolati għandu jkun aktar konformi mal-metodi ta’ kalkolu li jintuża taħt il-Ftehim AIE […]

[…]

(8)      Id-disponibbiltà tal-ħażniet taż-żejt u s-salvagwardja tal-provvista tal-enerġija huma elementi essenzjali tas-sigurtà pubblika għall-Istati Membri u għall-Kommunità. L-eżistenza ta’ entitajiet ċentrali ta’ ħżin (CSEs) fil-Komunità twassal dawn l-għanijiet aktar fil-qrib. […]

[…]

(10)      Għandu jkun possibbli li l-ħażniet taż-żejt jinżammu fi kwalunkwe post fil-Komunità, dment li jittieħed kont dovut tal-aċċessibbiltà fiżika tagħhom. Konsegwentement, l-operaturi ekonomiċi li fuqhom jaqgħu tali obbligi tal-ħżin għandhom ikunu jistgħu jwettqu l-obbligi tagħhom permezz ta’ delega lil operaturi ekonomiċi oħrajn jew lil kwalunkwe waħda mis-CSEs. Minbarra hekk, sakemm dawk l-obbligi jkunu jistgħu jiġu delegati lil CSE magħżula liberament li tkun tinstab ġewwa l-Komunità fuq ħlas ta’ ammont limitat għall-ispiża tas-servizzi pprovduti minn, ir-riskji ta’ prattika diskriminatorja fil-livell nazzjonali jitnaqqsu. […]

(11)      L-Istati Membri għandhom jiżguraw disponibbiltà sħiħa tal-ħażniet kollha miżmuma skont il-leġislazzjoni Komunitarja. Sabiex tiġi ggarantita dik id-disponibbiltà, m’għandu jkun hemm l-ebda restrizzjoni jew limitazzjoni tad-dritt ta’ appartenenza ta’ dawk il-ħażniet li tkun tista’ tostakola l-użu tagħhom f’każ ta’ interruzzjoni tal-provvista taż-żejt. Il-prodotti petroliferi li jappartjenu lil kumpanniji li jkunu qed jiffaċċjaw riskju sostanzjali ta’ proċedimenti ta’ infurzar kontra l-assi tagħhom m’għandhomx jiġu kkunsidrati. Meta obbligu tal-ħżin ikun ġie impost fuq l-operaturi, il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment jew ta’ ħlas jista’ jiġi kkunsidrat li juri l-eżistenza ta’ tali riskju.

[…]

(33)      Billi l-objettiv ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jinżamm livell għoli ta’ sigurtà tal-provvisti taż-żejt fil-Komunità permezz ta’ mekkaniżmi affidabbli u trasparenti bbażati fuq is-solidarjetà fost l-Istati Membri, filwaqt li jkun hemm konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni u tas-suq intern, ma jistax jintlaħaq suffiċjentement mill-Istati Membri u jista’ għalhekk, minħabba d-daqs u l-effetti tiegħu, jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif imniżżel fl-Artikolu 5 tat-Trattat [KE]. […]”

8.        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Objettiv”, jistabbilixxi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli li għandhom l-għan li jiżguraw livell għoli ta’ sigurtà tal-provvista taż-żejt fil-Komunità permezz ta’ mekkaniżmi affidabbli u trasparenti bbażati fuq is-solidarjetà fost l-Istati Membri, li jżommu livell minimu ta’ ħażniet ta’ żejt mhux maħdum u/jew ta’ prodotti petroliferi kif ukoll li jistabbilixxu l-mezzi ta’ proċedura meħtieġa biex jiġi ttrattat nuqqas serju.”

9.        Il-punti (f), (i), (j) u (l) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jinkludu d-definizzjonijiet li ġejjin:

“(f)      ‘entità ċentrali ta’ ħżin’ (CSE) tfisser il-korp jew is-servizz li lilu jistgħu jingħataw is-setgħat biex jaġixxi biex jakkwista, iżomm jew ibigħ ħażniet taż-żejt inklużi ħażniet ta’ emerġenza u ħażniet speċifiċi;

[…]

(i)      ‘ħażniet ta’ żejt’ tfisser il-prodotti tal-enerġija elenkati fil-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-[Regolament (KE) Nru 1099/2008];

(j)      ‘ħażniet ta’ emerġenza’ tfisser ħażniet ta’ żejt li kull Stat Membru huwa meħtieġ iżomm skont l-Artikolu 3;

[…]

(l)      ‘ħażniet speċifiċi’ tfisser ħażniet ta’ żejt li jissodisfaw il-kriterji mniżżla fl-Artikolu 9.”

10.      L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Ħażniet ta’ emerġenza – Kalkolu tal-obbligi tal-ħżin”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jadottaw kwalunkwe liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva li tista’ tkun meħtieġa sabiex jiġi żgurat, sal‑31 ta’ Diċembru 2012, li l-ħażniet totali ta’ żejt li jinżammu f’kull ħin fil-Komunità għall-benefiċċju tagħhom, jikkorrispondu, ta’ mill-inqas, għal 90 jum tal-importazzjoni netta medja ta’ kuljum jew 61 jum tal-konsum intern medju ta’ kuljum, skont liema miż-żewġ kwantitajiet ikun l-ikbar.

2.      L-importazzjoni netta medja ta’ kuljum li għandha tiġi kkunsidrata għandha tiġi kkalkolata abbażi tal-ekwivalenti f’żejt mhux maħdum tal-importazzjoni matul is-sena kalendarja preċedenti, determinata skont il-metodu u l-proċeduri mniżżla fl-Anness I.

Il-konsum intern medju ta’ kuljum li għandu jiġi kkunsidrat għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-ekwivalenti f’żejt mhux maħdum tal-konsum intern matul is-sena kalendarja preċedenti, stabbilita u kkalkolata skont il-metodu u l-proċeduri mniżżla fl-Anness II.

3.      Madankollu, minkejja l-paragrafu 2, il-medji ta’ kuljum tal-importazzjoni netta u tal-konsum intern, kif imsemmija f’dak il-paragrafu, għandhom jiġu ddeterminati, fir-rigward tal-perijodu mill‑1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena kalendarja, abbażi tal-kwantitajiet importati jew ikkonsmati matul is-sena ta’ qabel dik preċedenti għas-sena kalendarja involuta.

4.      Il-metodi u l-proċeduri għall-kalkolu tal-obbligi tal-ħżin, kif imsemmi f’dan l-Artikolu, jistgħu jiġu emendati skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 23(2).”

11.      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2009/119, intitolat “Kalkolu tal-livell tal-ħażniet”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[i]l-livelli tal-ħażniet miżuma għandhom jiġu kkalkolati bl-użu tal-metodi mniżżla fl-Anness III. […]”

12.      L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, intitolat “Entitajiet ċentrali ta’ ħżin”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu CSEs.[…]

2.      ħan prinċipali tas-CSE għandu jkun li takkwista, iżżomm u tbigħ ħażniet taż-żejt għall-finijiet ta’ din id-Direttiva jew għall-fini li tikkonforma mal-ftehimiet internazzjonali li jikkonċernaw iż-żamma u l-manutenzjoni ta’ ħażniet taż-żejt. Hija l-uniku korp jew servizz li lilu jistgħu jingħataw is-setgħat biex jakkwista jew ibigħ ħażniet speċifiċi.”

13.      L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Operaturi ekonomiċi”, jipprovdi:

“1.      Kull Stat Membru għandu jiżgura li kwalunkwe operatur ekonomiku li fuqu jimponi obbligi tal-ħżin sabiex jissodisfa l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 3 jingħata d-dritt li jiddelega dawk l-obbligi mill-inqas parzjament u fuq l-għażla tal-operatur ekonomiku, imma unikament:

(a)      lis-CSE tal-Istat Membru, li għal kont tiegħu jinżammu dawn il-ħażniet; u/jew;

(b)      lil CSE waħda oħra jew aktar li jkunu ddikjaraw ruħhom minn qabel li jkunu lesti li jżommu tali ħażniet, dment li tali delegi jkunu ġew awtorizzati minn qabel kemm mill-Istat Membru li għal kont tiegħu jinżammu tali ħażniet kif ukoll mill-Istati Membri kollha li fit-territorji tagħhom dawn il-ħażniet ikunu ser jinżammu;

(c)      lil operaturi ekonomiċi oħra li jkollhom ħażniet żejda jew kapaċità ta’ ħżin disponibbli ‘l barra mit-territorju tal-Istat Membru li għall-kont tiegħu jinżammu l-ħażniet fil-Komunità, dment li tali delega tkun ġiet awtorizzata minn qabel kemm mill-Istat Membru li għall-kont tiegħu jinżammu tali ħażniet kif ukoll mill-Istati Membri kollha li fit-territorji tagħhom dawn il-ħażniet ikunu ser jinżammu; u/jew

(d)      lil operaturi ekonomiċi oħrajn li għandhom ħażniet żejda jew kapaċità ta’ ħżin disponibbli fit-territorju tal-Istat Membru li għall-kont tiegħu jinżammu l-ħażniet, dment li tali delega tkun ġiet ikkomunikata minn qabel lill-Istat Membru. L-Istati Membri jistgħu jimponu limiti jew kondizzjonijiet fuq tali delega.

Obbligi ddelegati skont il-punti (c) u (d) ma jistgħux jiġu sottodelegati. Kwalunkwe bidla lil jew estensjoni ta’ delega msemmija fil-punti (b) u (c) għandha tieħu effett biss jekk din tkun ġiet awtorizzata minn qabel mill-Istati Membri kollha li awtorizzaw id-delega. Kwalunkwe bidla lil jew estensjoni ta’ delega msemmija fil-punt (d) għandha titqies bħala delega ġdida.

2.      Kull Stat Membru jista’ jirrestrinġi d-drittijiet ta’ delega tal-operaturi ekonomiċi li fuqhom jimponi jew ikun impona obbligi ta’ ħżin. […]

3.      Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2, Stat Membru jista’ jimponi obbligu fuq operatur ekonomiku biex jiddelega mill-inqas parti mill-obbligu ta’ ħżin tiegħu lis-CSE tal-Istat Membru.

4.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jinformaw lill-operaturi ekonomiċi bil-modalitajiet li għandhom jintużaw għall-kalkolu tal-obbligi tal-ħżin imposti fuqhom sa mhux aktar tard minn 200 jum qabel il-bidu tal-perijodu li għalih japplika l-obbligu kkonċernat. L-operaturi ekonomiċi għandhom jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jiddelegaw obbligi tal-ħżin lis-CSEs sa mhux aktar tard minn 170 jum qabel il-bidu tal-perijodu li għalih japplika l-obbligu kkonċernat. […]”

14.      L-Artikolu 9 tal-istess direttiva, intitolat “Ħażniet speċifiċi”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 5 tiegħu:

“1.      Kull Stat Membru jista’ jimpenja ruħu li jżomm livell minimu ta’ ħażniet taż-żejt, ikkalkolat f’numru ta’ jiem ta’ konsum, skont il-kondizzjonijiet imniżżlin f’dan l-Artikolu. […]

[…]

5.      Kull Stat Membru li ma jkunx għamel impenn għat-tul kollu ta’ sena kalendarja partikolari li jżomm ħażniet speċifiċi ta’ mill-inqas 30 jum għandu jiżgura li mill-inqas terz tal-obbligu tal-ħżin tiegħu jinżamm fil-forma ta’ prodotti magħmula skont il-paragrafi 2 u 3. […]”

15.      L-Anness III tad-Direttiva 2009/119 jiddetermina l-“[m]etodi għall-kalkolu tal-livell ta’ ħażniet miżmuma”. It-tielet u l-ħames sas-seba’ paragrafu tiegħu huma fformulati kif ġej:

“Il-ħażniet ta’ żejt mhux maħdum huma mnaqqsa b’4 %, li jikkorrispondi għar-rendiment medju ta’ nafta.

[…]

Prodotti petroliferi oħra huma inklużi fl-ammont tal-ħażniet bl-użu ta’ wieħed miż-żewġ metodi mniżżlin hawn taħt. L-Istati Membri għandhom ikomplu jużaw il-metodu li jkunu għażlu matul is-sena kalendarja kkonċernata kollha.

L-Istati Membri jistgħu:

(a)      jinkludu l-ħażniet l-oħra kollha tal-prodotti petroliferi identifikati fl-ewwel paragrafu tal-Kapitolu 3.4 [fil-Kapitolu 3.4] tal-Anness A tar-[Regolament Nru 1099/2008] u jikkalkolaw l-ekwivalenti f’żejt mhux maħdum b’multiplikazzjoni tal-kwantitajiet b’fattur ta’ 1,065; jew

(b)      jinkludu l-ħażniet tal-prodotti li ġejjin biss: gażolina għall-muturi, gażolina għall-avjazzjoni, karburant għall-ġettijiet tat-tip gażolina (karburant għall-ġettijiet tat-tip nafta jew JP4), karburant għall-ġettijiet tat-tip kerosin, kerosin ieħor, gażolju/żejt tad-diżil (fuel oil distillat) u fuel oil (b’kontenut għoli ta’ kubrit u b’kontenut baxx ta’ kubrit) u jikkalkolaw l-ekwivalenti f’żejt mhux maħdum b’multiplikazzjoni tal-kwantitajiet b’fattur ta’ 1,2.

Il-kalkolu jista’ jinkludi l-kwantitajiet miżmuma:

–        fit-tankijiet tar-raffineriji taż-żejt,

–        fit-terminals għall-merkanzija ta’ volum kbir,

–        fir-riżervi ta’ alimentazzjoni tal-pajpijiet taż-żejt,

–        fil-barkuni,

–        fit-tankers taż-żejt li jbaħħru tul il-kosta,

–        fit-tankijiet taż-żejt li jinsabu fil-portijiet,

–        fl-imħażen tal-bastimenti ta’ navigazzjoni interna,

–        fil-qiegħ tat-tankijiet,

–        fil-forma ta’ ħażniet għall-użu,

–        minn konsumaturi importanti għall-obbligu legali jew direttivi oħra tal-awtoritajiet.

[…]”

2.      IrRegolament Nru 1099/2008

16.      L-Artikolu 2(d) tar-Regolament Nru 1099/2008 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “prodotti ta’ l-enerġija”, għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, bħala “il-kombustibbli, is-sħana, l-enerġija rinnovabbli, l-elettriku, jew kwalunkwe forma oħra ta’ enerġija”.

17.      L-Anness A tal-imsemmi regolament jinkludi “kjarifiki tat-terminoloġija”. Il-Kapitolu 3.4 ta’ dan l-anness jiddetermina l-kunċett ta’ “Żejt (żejt mhux raffinat u prodotti taż-żejt mhux maħdum)”.

18.      Fil-punt 3.4.20 tal-imsemmi anness, il-kunċett ta’ “Lubrikanti” huwa ddefinit kif ġej:

“Idrokarburi prodotti mill-prodott sekondarju tad-distillat. Dawn jintużaw l-aktar biex tonqos il-frizzjoni bejn is-superfiċji li jġorru l-piżijiet. Jinkludu l-gradi maħduma kollha taż-żejt tal-lubrikazzjoni, miż-żejt tal-magħżel saż-żejt taċ-ċilindri, u dawk kollha li jintużaw fil-griżijiet, fiż-żjut tal-magni u fil-gradi kollha tal-istokkijiet b’bażi taż-żejt tal-lubrikazzjoni.”

19.      Il-punt 3.4.23 tal-istess anness jagħti d-definizzjoni li ġejja tal-kunċett ta’ “Kokk taż-żejt mhux maħdum”:

“Prodott sekondarju iswed u solidu, miksub l-aktar bit-tfarrik u l-karbonizzazzjoni ta’ materja prima dderivata miż-żejt mhux maħdum, mill-qigħan bil-vakwu, mill-qatran u miż-żiftijiet fi proċessi bħall-ikkokkjar imdewwem jew l-ikkokkjar fluwidu. Dan jikkonsisti l-aktar minn karbonju (bejn 90 sa 95 %) u għandu kontenut baxx ta’ rmied. Jintuża bħala materja prima fil-fran tal-kokk għall-industrija tal-azzar, għal finijiet ta’ tisħin, għall-manifattura tal-elettrodi u għall-produzzjoni tal-kimiċi. L-aktar żewġ kwalitajiet importanti huma ‘il-kokk l-aħdar’ u ‘il-kokk kalċinat’. Jinkludi ‘il-kokk katalist’ depożitat fuq il-katalista tul il-proċessi tar-raffinar; dan il-kokk ma jistax jiġi rkuprat u ġeneralment jinħaraq bħala fjuwil tar-raffineriji.”

B.      Iddritt Bulgaru

20.      Iż-Zakon za zapasite ot neft i neftoprodukti (il-Liġi dwar il-Ħażniet ta’ Żejt u ta’ Prodotti taż-Żejt), tal‑15 ta’ Frar 2013 (9) (iktar ’il quddiem iż-“ZZNN”), li ttrasponiet id-Direttiva 2009/119 fid-dritt Bulgaru, tistabbilixxi, fl-Artikolu 1(1) tagħha, li “iż-[ZZNN] tirregola l-kostituzzjoni, iż-żamma, it-tiġdid, l-użu u l-kostituzzjoni mill-ġdid tal-ħażniet ta’ emerġenza ta’ żejt u tal-ħażniet speċifiċi ta’ prodotti taż-żejt, u tistabbilixxi l-mezzi proċedurali neċessarji sabiex jiġi rrimedjat tali nuqqas serju”.

21.      Skont l-Artikolu 2(1) u (4) taż-ZZNN:

“(1)      Permezz ta’ din il-liġi, għandhom jiġu kkostitwiti, miżmuma, aġġornati, użati, kkostitwiti mill-ġdid u kkontrollati ħażniet ta’ emerġenza ta’ żejt u tal-kategoriji ta’ prodotti taż-żejt elenkati hawn taħt: 1. gażolina għal vetturi bil-mutur; 2. gażolju, karburant għall-ġettijiet tat-tip kerosin u karburant għal magni diżil; 3. żejt tqil; 4. gass tal-propan u tal-butan.

[…]

(4)      Din il-liġi għandha tapplika għall-prodotti tal-enerġija previsti fil-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-[Regolament Nru 1099/2008], kif ukoll għall-kombustibbli tqal, ħlief jekk dawn jiġu kkunsinnati fit-territorju tal-pajjiż f’imballaġġi industrijali ta’ piż nett sa 1 kg.”

22.      L-Artikolu 3(4) taż-ZZNN jistabbilixxi:

“Il-persuni obbligati għandhom jorganizzaw u jiffinanzjaw huma stess, f’isimhom u bil-mezzi tagħhom stess, il-kostituzzjoni, iż-żamma, it-tiġdid u l-kostituzzjoni mill-ġdid tal-livelli ta’ ħażniet ta’ emerġenza ordnati mingħandhom.”

23.      L-Artikolu 21(1) u (11) taż-ZZNN huwa fformulat kif ġej:

“(1)      Ħażniet ta’ emerġenza jistgħu jinżammu fil-forma ta’ żejt u/jew ta’ prodotti taż-żejt previsti fl-Artikolu 2(1).

[…]

(11)      Il-livelli tal-ħażniet ta’ emerġenza ta’ żejt tqil, iddeterminati abbażi tal-importazzjonijiet netti u tal-wasliet intra-Komunitarji jew tal-konsum medju ta’ kuljum jistgħu jiġu kkostitwiti u miżmuma, sa 100 %, fil-forma ta’ żejt tal-gass, ta’ gażolina għal vetturi bil-mutur u/jew ta’ karburant għal magni diżil, u l-kwantità tagħhom għandha tkun ekwivalenti għall-kwantità ta’ ħażna ta’ żejt tqil li għaliha tintalab is-sostituzzjoni.”

III. Ilkawżi prinċipali, iddomandi preliminari u lproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

24.      Trade Express, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-kawża li wasslet għall-Kawża C‑395/22, iddikjarat fil-Bulgarija akkwisti intra‑Komunitarji li jirrigwardaw 89.6 tunnellati ta’ żjut tal-lubrikazzjoni matul is-sena 2020. Dawn iż-żjut tal-lubrikazzjoni, li jikkorrispondu għall-punt 3.4.20 tal-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament Nru 1099/2008, kienu intiżi għall-bejgħ. Matul din l-istess sena, Trade Express ma wettqet ebda attività ekonomika oħra li tinvolvi tipi oħra ta’ prodotti previsti f’dan l-anness.

25.      Devnia Tsiment, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-kawża li wasslet għall-Kawża C‑428/22, iddikjarat li importat fil-Bulgarija 34 657.39 tunnellati ta’ kokk taż-żejt mhux maħdum matul is-sena 2020. Dan il-kokk taż-żejt mhux maħdum, li jaqa’ taħt il-punt 3.4.23 tal-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament Nru 1099/2008, intuża fi proċess mineraloġiku għall-produzzjoni ta’ siment mhux mitħun imsejjaħ “clinkers”. Matul din l-istess sena, Devnia Tsiment ma wettqet ebda attività ekonomika li tinvolvi tipi oħra ta’ prodotti previsti f’dan l-anness.

26.      Minħabba dawn l-attivitajiet, permezz ta’ żewġ digrieti tat‑28 u tad‑29 ta’ April 2021 (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“digrieti kontenzjużi”), il-Viċi President tal-Aġenzija Nazzjonali ordna lil Devnia Tsiment u lil Trade Express, rispettivament, jikkostitwixxu u jżommu, f’isimhom u bil-mezzi tagħhom stess, għall-perijodu bejn l‑1 ta’ Lulju 2021 u t‑30 ta’ Ġunju 2022, livelli ta’ ħażniet ta’ emerġenza ta’ żejt tqil. Devnia Tsiment ġiet ordnata tikkostitwixxi u żżomm tali ħażna fi kwantità ta’ 7 806.058 tunnellati, u Trade Express fi kwantità ta’ 15.947 tunnellati.

27.      Kull waħda minn dawn il-kumpanniji adixxiet l-Administrativen sad – Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju f’dawn il-kawżi, b’rikors għall-annullament tad-digriet li hija kienet is-suġġett tiegħu. Huma jikkontestaw il-legalità tad-digrieti kontenzjużi billi essenzjalment isostnu li l-leġiżlazzjoni nazzjonali hija inkompatibbli mad-Direttiva 2009/119 sa fejn timponi obbligu fuq l-operaturi ekonomiċi sabiex jikkostitwixxu ħażniet ta’ emerġenza għal prodotti taż-żejt li ma humiex is-suġġett tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom (10).

28.      Dik il-qorti tikkonstata li Devnia Tsiment u Trade Express ma kienu jwettqu, matul is-sena 2020, u sal-lum għadhom ma jwettqu, ebda attività ekonomika bl-użu tat-tipi ta’ prodotti elenkati fil-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament Nru 1099/2008, minbarra l-kokk taż-żejt mhux maħdum u ż-żjut tal-lubrikazzjoni rispettivament. Hija tenfasizza li dawn il-kumpanniji la għandhom il-kwantitajiet ta’ ħażna ta’ emerġenza ta’ żejt tqil mitluba mill-Viċi President tal-Aġenzija Nazzjonali, u lanqas maħżen għaż-żamma ta’ tali ħażniet b’mod li ma għandhomx il-kwalità ta’ “magazzinier” ta’ prodotti taż-żejt, fis-sens taż-ZZNN. Il-kostituzzjoni u l-ħżin tal-livelli ta’ ħażniet ta’ emerġenza għalhekk iwasslu, minn naħa, għal piż finanzjarju sinjifikattiv għalihom, sa fejn dawn il-kumpanniji jkunu obbligati jixtru l-kwantitajiet ta’ ħażna ta’ emerġenza ta’ żejt tqil rikjest jew jiddelegaw l-obbligi tagħhom lil operaturi ekonomiċi oħra bi ħlas u, min-naħa l-oħra, għan-neċessità ta’ terminu tekniku għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni ta’ maħżen għall-ħżin ta’ prodotti taż-żejt.

29.      L-imsemmija qorti ssemmi l-eżistenza ta’ kawżi simili għal dawk tal-kawżi prinċipali, li fihom il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija) ċaħdet rikorsi ppreżentati minn kumpanniji li importaw jew wettqu akkwisti intra-Komunitarji ta’ kokk taż-żejt mhux maħdum jew ta’ żjut tal-lubrikazzjoni kontra digrieti li imponew fuqhom il-kostituzzjoni ta’ ħażniet ta’ riżerva ta’ żejt tqil (11).

30.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2009/119, moqrija fid-dawl tal-Karta.

31.      Fil-fatt, skont dik il-qorti, mill-premessa 33, mill-punti (i) u (j) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 kif ukoll mill-Artikoli 3 u 8 tad-Direttiva 2009/119 jirriżulta, essenzjalment, li din tal-aħħar tfittex li tilħaq l-għan li jiġu kkostitwiti ħażniet ta’ emerġenza għall-prodotti kollha previsti fil-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament Nru 1099/2008, li huwa intitolat “Żejt (żejt mhux raffinat u prodotti taż-żejt mhux maħdum)”, jiġifieri għall‑24 sottogrupp kollha ta’ tali prodotti, u mhux sempliċement ta’ wħud minnhom.

32.      Issa, il-leġiżlazzjoni Bulgara tipprevedi l-kostituzzjoni ta’ tali ħażniet biss għaż-żejt u għal erba’ prodotti taż-żejt oħra, fosthom iż-żejt tqil (12). Hija tobbliga lil kull operatur ekonomiku li importa prodotti previsti f’dan il-kapitolu jikkostitwixxi u jżomm ħażniet ta’ emerġenza ta’ wieħed minn dawn il-prodotti tal-aħħar. Konkretament, skont din il-leġiżlazzjoni, jista’ għalhekk jiġi impost fuq operatur ekonomiku li juża biss żjut ta’ lubrikazzjoni jew kokk taż-żejt fil-kuntest tal-attivitajiet tiegħu obbligu li jikkostitwixxi ħażna ta’ riżerva ta’ żejt tqil, minkejja li ma jwettaq ebda attività relatata ma’ dan tal-aħħar. L-imsemmija qorti ttendi li taħseb li tali obbligu jmur kontra l-għanijiet u l-ispirtu tad-Direttiva 2009/119 kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità previst mill-Karta.

33.      Fil-fatt, l-obbligu għal operatur ekonomiku li jaħżen prodott taż-żejt li ma jużax fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu jġiegħel lil dan l-operatur jixtri jew jissellef, billi jiddelega parti mill-obbligu tiegħu, il-kwantità neċessarja ta’ dan il-prodott u jaħżnu skont ir-rekwiżiti leġiżlattivi. Dan iwassal għal piż finanzjarju sinjifikattiv għalih (13) u jista’ jaffettwa r-regoli tas-suq intern u tal-kompetizzjoni. Il-loġika tad-Direttiva 2009/119 kif ukoll rekwiżit ta’ koerenza pjuttost jimmilitaw favur interpretazzjoni li tikkonsisti fl-impożizzjoni fuq tali operatur obbligi in natura li ma jikkawżawx tali restrizzjonijiet eċċessivi (bħal obbligu li jinħażen prodott tal-enerġija li jaqa’ taħt l-attivitajiet ekonomiċi tiegħu), u dan sabiex jiġi żgurat bilanċ raġonevoli bejn l-interessi pubbliċi tal-Unjoni u l-interessi privati (jiġifieri, l-indħil fl-isfera ġuridika privata). Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni Bulgara ma tippermettix li jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett li jipproduċu fuq is-sitwazzjoni finanzjarja u l-kompetittività tal-operatur ekonomiku kkonċernat ir-rekwiżiti amministrattivi u l-mezzi finanzjarji neċessarji għall-finijiet tal-kostituzzjoni u taż-żamma ta’ ħażna ta’ emerġenza li tirrigwarda, jekk ikun il-każ, prodott estranju għall-attività ekonomika tiegħu.

34.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad – Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja, liema domandi preliminari huma, essenzjalment, simili għal kull waħda miż-żewġ kawżi:

“1)      Fid-dawl tal-għan tad-[Direttiva 2009/119], kif ukoll fid-dawl tal-Artikolu 2(d) tar-[Regolament Nru 1099/2008] u fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, irrikonoxxut fl-[Artikolu 52(1) moqri flimkien mal-]Artikolu 17 tal-[Karta], il-premessa 33, l-Artikolu 1, l-Artikolu 3, l-Artikolu 8 u l-[punti (i) u (j) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2] ta[d-Direttiva 2009/119] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiddefinixxi l-persuni li jkunu wettqu wasliet intra-Komunitarji ta’ żjut tal-lubrifikazzjoni, fis-sens tal-punt 3.4.20 tal-Anness [A] tar-Regolament Nru 1099/2008 (jew, jekk ikun il-każ, l-importaturi ta’ dawn iż-żjut) [fil-kuntest tal-Kawża C395/22] [jew] ta’ kokk petrolifiku, fis-sens tal-punt 3.4.23 tal-Anness A tar-Regolament Nru 1099/2008 għall-finijiet ta’ produzzjoni [fil-kuntest tal-Kawża C428/22] bħala l-persuni obbligati jistabbilixxu ħażniet ta’ emerġenza?

2)      Fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 2009/119 kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità rrikonoxxut fl-Artikolu 52(1) tal-[Karta], ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 17 tagħha, il-premessa 33, l-Artikolu 1, l-Artikolu 3, l-Artikolu 8 u l-[punti (i) u (j) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2] ta[d-Direttiva 2009/119] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tillimita t-tipi ta’ prodotti li l-ħażniet ta’ emerġenza tagħhom għandhom jiġu stabbiliti u miżmuma għal parti biss mit-tipi ta’ prodotti msemmija [fil-punt (i) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2] ta’ din id-direttiva, ikkunsidrat flimkien mal-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament Nru 1099/2008?

3)      Fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 2009/19 kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità rrikonoxxut fl-Artikolu 52(1) tal-[Karta], ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 17 tagħha, il-premessa 33, l-Artikolu 1, l-Artikolu 3, l-Artikolu 8 u l-[punti (i) u (j) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2] ta[d-Direttiva 2009/119] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li t-twettiq ta’ wasliet intra-Komunitarji, jew ta’ importazzjonijiet, ta’ tip ta’ prodott kopert mill-[punt (i) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2] ta’ din id-direttiva, ikkunsidrat flimkien mal-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament Nru 1099/2008 minn persuna partikolari jagħti lok għall-obbligu għal din il-persuna li tistabbilixxi u li żżomm ħażniet ta’ emerġenza ta’ tip ieħor ta’ prodott differenti?

4)      Fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 2009/19 kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità rrikonoxxut fl-Artikolu 52(1) tal-[Karta], ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 17 tagħha, il-premessa 33, l-Artikolu 1, l-Artikolu 3, l-Artikolu 8 u l-[punti (i) u (j) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2] ta[d-Direttiva 2009/119] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq persuna partikolari l-obbligu li tistabbilixxi u li żżomm ħażna ta’ prodott li hija ma tużax fil-kuntest tal-attività ekonomika tagħha u li ma għandu ebda rabta magħha, obbligu dan li barra minn hekk jissuġġettaha għal piż finanzjarju sinjifikattiv (li jagħmel l-osservanza ta’ dan l-obbligu impossibbli fil-prattika) minħabba li hija ma għandhiex il-prodott inkwistjoni u minħabba li hija ma hijiex importatur u/jew depożitant [tiegħu]?

5)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiva għal xi waħda minn dawn id-domandi, fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 2009/19 kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità rrikonoxxut fl-Artikolu 52(1) tal-[Karta], ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 17 tagħha, il-premessa 33, l-Artikolu 1, l-Artikolu 3, l-Artikolu 8 u l-[punti (i) u (j) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2] ta[d-Direttiva 2009/119] għandhom jiġu interpretati fis-sens li persuna li wettqet wasliet intra-Komunitarji jew importazzjonijiet ta’ tip ta’ prodott partikolari tista’ tkun suġġetta għall-obbligu li tistabbilixxi u li żżomm ħażniet ta’ emerġenza biss tal-istess tip ta’ prodott li kien is-suġġett tal-imsemmija wasliet/importazzjonijiet intra-Komunitarji?”

35.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑9 ta’ Awwissu 2022, dawn il-kawżi ngħaqdu għall-finijiet tal-proċeduri bil-miktub u orali u tas-sentenza. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja minn Devnia Tsiment, mill-Gvern Bulgaru, mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Gvern Slovakk, kif ukoll mill-Kummissjoni. Waqt is-seduta li nżammet fil‑5 ta’ Lulju 2023, dawn il-partijiet, b’eċċezzjoni tal-Gvern Slovakk, ippreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom u wieġbu għall-mistoqsijiet għal tweġiba orali indirizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

IV.    Analiżi

A.      Osservazzjonijiet preliminari

36.      Qabelxejn, fl-interess taċ-ċarezza, jidhirli li huwa opportun li nirriformula d-domandi preliminari kif magħmula mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, dik il-qorti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2009/119, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 17 u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha:

–        operatur ekonomiku li wettaq importazzjonijiet ta’ prodotti tal-enerġija li jaqgħu taħt il-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament Nru 1099/2008 jista’ jkun obbligat jikkostitwixxi ħażna ta’ emerġenza (l-ewwel domanda);

–        il-ħażniet ta’ emerġenza huma kkostitwiti għal parti biss mit-tipi ta’ prodotti tal-enerġija previsti fil-punt (i) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/119 (it-tieni domanda); u

–        it-twettiq, minn operatur ekonomiku, ta’ importazzjonijiet ta’ tip ta’ prodott previst fil-punt (i) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, jagħti lok għall-obbligu għal dan l-operatur li jikkostitwixxi ħażniet ta’ emerġenza ta’ tip ta’ prodott ieħor previst minn din id-dispożizzjoni, u dan anki meta l-imsemmi operatur ma jużax dan it-tip ta’ prodott tal-aħħar fil-kuntest tal-attività tiegħu, u meta dan l-obbligu jikkostitwixxi piż finanzjarju sinjifikattiv (it-tielet sal-ħames domanda).

B.      Fuq lewwel domanda preliminari

37.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk Stat Membru, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/119, jistax jeżiġi minn “operatur ekonomiku”, fis-sens tal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, li wettaq importazzjonijiet ta’ prodott tal-enerġija elenkat fil-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament Nru 1099/2008, li jikkostitwixxi u li jżomm “ħażna ta’ emerġenza”, fis-sens tal-punt (j) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva.

38.      Jidhirli li din id-domanda għandha kjarament tingħata risposta fl-affermattiv.

39.      F’dan ir-rigward, għandhom isiru xi rimarki preliminari.

40.      Qabelxejn, jidhirli li huwa utli li jitfakkar li, fil-kontinwità tad-Direttivi tal‑1968 u tal‑2006 (14), kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, moqri fid-dawl tal-premessi 3 u 33 tagħha, id-Direttiva 2009/119 għandha i) l-għan li ssaħħaħ u li tiżgura livell għoli ta’ sigurtà tal-provvista taż-żejt fl-Unjoni permezz ta’ mekkaniżmi trasparenti bbażati fuq is-solidarjetà fost l-Istati Membri, filwaqt li tosserva r-regoli tas-suq intern u tal-kompetizzjoni, ii) li żżomm livell minimu ta’ ħażniet ta’ żejt mhux maħdum u/jew ta’ prodotti taż-żejt, kif ukoll iii) li tistabbilixxi l-mezzi ta’ proċedura meħtieġa biex jiġi ttrattat nuqqas serju. Minn dan isegwi li, abbażi ta’ din is-solidarjetà bejn l-Istati Membri, il-ħażniet ta’ żejt ikkostitwiti minn kull Stat Membru jirrappreżentaw parti mill-ħażniet kondiviżi tal-Unjoni. Fil-fatt, il-premessa 8 ta’ din id-direttiva tikkonferma dan billi tiddikjara li “id-disponibbiltà tal-ħażniet taż-żejt u s-salvagwardja tal-provvista tal-enerġija huma elementi essenzjali tas-sigurtà pubblika għall-Istati Membri u għall-Unjoni” (15).

41.      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/119, “l-Istati Membri għandhom jadottaw kwalunkwe liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva li tista’ tkun meħtieġa sabiex jiġi żgurat […] li l-ħażniet totali ta’ żejt li jinżammu f’kull ħin [fl-Unjoni] għall-benefiċċju tagħhom, jikkorrispondu, ta’ mill-inqas, għal 90 jum tal-importazzjoni netta medja ta’ kuljum jew 61 jum tal-konsum intern medju ta’ kuljum, skont liema miż-żewġ kwantitajiet ikun l-ikbar”. Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta, minn naħa, li l-Istati Membri huma obbligati jiddeterminaw huma stess il-mod kif ser jimplimentaw l-obbligi tagħhom taħt din id-direttiva (16) u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija direttiva madankollu timponi l-metodi u l-modalitajiet ta’ kalkolu ta’ dawn il-ħażniet ta’ emerġenza li l-leġiżlatur tal-Unjoni jqis li huma xierqa.

42.      Fl-aħħar nett, fil-kuntest ta’ din l-implimentazzjoni tal-obbligi tagħhom, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jimponu obbligi ta’ ħżin fuq operaturi ekonomiċi. Fil-fatt, mid-diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/119 jirriżulta li l-obbligu li jiġu kkostitwiti ħażniet ma jaqax dejjem fuq iċ-CSE tal-Istat Membru (17), iżda li dan tal-aħħar jista’ wkoll jiġi impost (b’mod esklużiv jew komplementari) fuq l-industrija u fuq l-operaturi ekonomiċi (18).

43.      Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminiari, għandu għalhekk jiġi ddeterminat jekk id-Direttiva 2009/119 tispeċifikax il-kategorija tal-operaturi ekonomiċi li fuqha jista’ jiġi impost obbligu ta’ ħżin.

44.      Skont ġurisprudenza stabbilita, waqt l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest ta’ din tal-aħħar, l-għanijiet segwiti permezz tal-leġiżlazzjoni li l-imsemmija dispożizzjoni tagħmel parti minnha u, jekk ikun il-każ, l-oriġini tagħha (19).

45.      Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-formulazzjoni tad-diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/119, għandu jiġi kkonstatat li diversi fosthom jirreferu għall-kunċett ta’ “operatur ekonomiku”, mingħajr madankollu ma dan il-kunċett huwa espressament iddefinit f’din id-direttiva (20). Fil-fatt, l-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, li huwa stess huwa intitolat “operaturi ekonomiċi”, jirregola l-possibbiltà mogħtija lil operatur ekonomiku li jiddelega tal-inqas parti mill-obbligu ta’ ħżin impost fuqu liċ-CSE tal-Istat Membru jew ta’ Stati Membri oħra (21), jew lil operaturi oħra li għandhom ħażniet jew kapaċitajiet ta’ ħżin żejda fil-bqija tal-Unjoni jew fl-Istat Membru (22), mingħajr madankollu ma jispeċifika l-kategorija ta’ impriżi li jikkostitwixxu tali operaturi.

46.      Fit-tieni lok, nirrileva li, mill-perspettiva kuntestwali, il-limiti tal-kunċett ta’ “operatur ekonomiku” jistgħu jiġu dedotti minn dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2009/119.

47.      L-ewwel, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, jistabbilixxi li “[f]ejn Stat Membru jistabbilixxi CSE, din għandha tieħu l-forma ta’ korp jew servizz mingħajr l-objettiv ta’ profitt u taġixxi fl-interess ġenerali u m’għandhiex tkun ikkunsidrata bħala operatur ekonomiku fit-tifsira ta’ din id-Direttiva” (23). Għall-kuntrarju, kwalunkwe impriża li taġixxi bi skop ta’ lukru, tista’ potenzjalment tiġi kklassifikata bħala “operatur ekonomiku”, fis-sens ta’ din id-direttiva.

48.      It-tieni, il-punt (k) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi li jeżistu “operaturi ekonomiċi” li jżommu ħażniet ta’ żejt imsejħa “kummerċjali”, jiġifieri ħażniet ta’ żejt li tagħhom l-istess direttiva ma timponix, madankollu, iż-żamma. Minn dan isegwi li l-kelma “operatur ekonomiku” huwa użat b’mod ġeneriku mingħajr ma jirreferi esklużivament għall-operaturi li fuqhom huma imposti l-obbligi li jikkostitwixxu ħażniet ta’ żejt.

49.      It-tielet, l-Artikolu 3 tal-istess direttiva, li jiddeskrivi l-metodu ta’ kalkolu tal-volum tal-ħażniet li l-Istati Membri huma obbligati jżommu, jirreferi b’mod partikolari għall-“importazzjoni netta medja ta’ kuljum” li, min-naħa tagħhom, konformement mal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, huma kkalkolati abbażi tal-ekwivalent f’żejt mhux maħdum tal-importazzjonijiet matul is-sena kalendarja preċedenti, stabbilit skont il-metodu u l-modalitajiet esposti fl-Anness I. Konformement mal-metodu 2 ta’ dan l-Anness I, l-Istati Membri jistgħu jwettqu dan il-kalkolu abbażi tat-“total ta’ importazzjonijiet netti [tal-prodotti l-oħra kollha] petrolifiċi, kif definit fl-Anness A, Kapitolu 3.4. tar-Regolament (KE) Nru 1099/2008”. Għaldaqstant, sa fejn l-operaturi li jimportaw tali prodotti jikkontribwixxu għall-obbligu totali tal-Istat Membru li jikkostitwixxi ħażniet ta’ emerġenza, huwa koerenti li dawn l-istess operaturi jkunu (potenzjalment) suġġetti għal obbligi li jikkostitwixxu u jżommu tali ħażniet.

50.      Fit-tielet lok, jimmilita wkoll favur interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “operatur ekonomiku” l-għan stess li trid tilħaq id-Direttiva 2009/119, li jikkonsisti fil-garanzija ta’ livell għoli ta’ sigurtà tal-provvista (24). Fil-fatt, fid-dawl ta’ dan l-għan, ikun koerenti li l-impriżi li fuqhom jista’ jiġi impost obbligu ta’ ħżin għandhom ikunu jistgħu jkunu fil-pussess tal-prodotti tal-enerġija li jikkomponu l-ħażniet ta’ żejt, fis-sens tal-punt (i) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva.

51.      Fir-raba’ u l-aħħar lok, interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “operatur ekonomiku” tista’ tiġi sostnuta mill-oriġini tad-Direttiva 2009/119, li tippermetti li jiġu identifikati elementi addizzjonali fir-rigward tal-karatteristiċi ta’ dawn l-operaturi.

52.      Fil-fatt, dan il-kunċett jista’ jinstab fid-Direttiva tal‑1968, li, fir-raba’ premessa tagħha, kienet tindika li “l-produzzjoni nazzjonali tikkontribwixxi fiha nfisha għas-sigurtà tal-provvista” u li “l-kondizzjonijiet tal-prodotti tal-Komunità u s-sigurtà akbar ta’ provvista inerenti f’tali prodotti jiġġustifikaw li tingħata il-possibiltà li lill-Istati Membri li jqiegħdu u l-piż taż-żamma ta’ provvista fuq importazzjonijiet” (25). Għaldaqstant, l-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, kien jipprovdi li setgħu jkunu inklużi fil-ħażniet ta’ emerġenza, b’mod partikolari, “provvisti miżmuma fil-ħażna minn raffineriji u minn ditti li jimpurtaw, jaħżnu jew ibiegħu bl-ingrossa”, “provvisti miżmuma fil-ħażna minn konsumaturi fuq skala kbira, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali dwar l-obbligazzjoni li jinżammu ħażniet permanenti”; u “provvisti miżmuma fi braken u bastimenti kostali li jagħmlu xogħol ta’ trasport bejn fruntieri nazzjonali, sakemm ikun possibbli għall-awtoritajiet kompetenti li jżommu kontroll fuq dawk il-provvisti u sakemm il-provvisti jkunu jistgħu isiru disponibbli minnufih” (26). L-ekwivalenti għal dawn id-dispożizzjonijiet jinsabu attwalment, essenzjalment, taħt is-seba’ paragrafu tal-Anness III tad-Direttiva 2009/119, li jiddetermina l-kwantitajiet ta’ prodotti tal-enerġija li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ħażniet (27).

53.      Għaldaqstant, jidhirli li “operatur ekonomiku” għandu jfisser kwalunkwe operatur fis-suq li huwa attiv jew fil-produzzjoni, fl-importazzjoni jew fil-bejgħ tal-prodotti tal-enerġija elenkati fil-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament Nru 1099/2008, jew f’attività li tinvolvi użu ta’ tali prodotti. Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “operatur ekonomiku” jista’ jkopri mhux biss il-produtturi (bħar-raffineriji), iżda wkoll il-kummerċjanti ta’ prodotti taż-żejt (bħal Trade Express) jew il-manifatturi li jużaw prodotti taż-żejt għal finijiet ta’ produzzjoni (bħal Devnia Tsiment), li fuqhom ukoll, bħala prinċipju, jista’ jiġi impost obbligu ta’ ħżin.

54.      Minn dan isegwi li għalkemm id-Direttiva 2009/119 la tiddetermina l-operaturi ekonomiċi li fuqhom jistgħu jiġu imposti obbligi ta’ ħżin ta’ emerġenza u lanqas il-mod kif l-Istati Membri għandhom jiddeterminawhom, u għaldaqstant tħalli marġni lill-Istati Membri sabiex jiddeċiedu liema impriżi huma obbligati jżommu dawn il-ħażniet, analiżi fid-dawl ta’ interpretazzjoni kuntestwali, teleoloġika u storika ta’ din id-direttiva, tippermetti li jiġu speċifikati l-limiti tal-kunċett ta’ “operatur ekonomiku”, li jibqa’ wiesa’ ħafna.

55.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda, hekk kif ifformulata mill-ġdid, għandha tkun li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2009/119, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 17 u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha, operatur ekonomiku li jkun wettaq importazzjonijiet ta’ prodotti tal-enerġija li jaqgħu taħt il-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament Nru 1099/2008, jistgħu jkunu obbligati jikkostitwixxu ħażna ta’ emerġenza.

C.      Fuq ittieni domanda preliminari

56.      Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk Stat Membru, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/119, jistax jillimita t-tipi ta’ prodotti tal-enerġija li jikkostitwixxu ħażniet ta’ emerġenza għal parti biss mit-tipi tal-prodotti elenkati fil-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament Nru 1099/2008.

57.      Jidhirli li r-risposta għal din id-domanda għandha wkoll tkun fl-affermattiv.

58.      Qabelxejn, kif ġie indikat fil-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet, infakkar li l-possibbiltà li għandu Stat Membru li jimponi obbligu li jiġu kkostitwiti ħażniet ta’ emerġenza tirriżulta mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/119 li jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw iż-żamma ta’ “ħażniet totali ta’ żejt”. Il-punt (i) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, jiddefinixxi l-“ħażniet ta’ żejt” bħala “il-prodotti tal-enerġija elenkati fil-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament Nru 1099/2008”. Dan il-kapitolu jinkludi lista ta’ 24 tip ta’ prodott miġbura flimkien taħt it-titolu “Żejt (żejt mhux raffinat u prodotti taż-żejt mhux maħdum)”. F’dan is-sens, ir-Regolament Nru 1099/2008 jikkostitwixxi sempliċement dokument ta’ riferiment fir-rigward tad-Direttiva 2009/119 (28).

59.      Sa fejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jirreferu b’mod ġenerali għall-“ħażniet tal-prodotti tal-enerġija elenkati fil-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament Nru 1099/2008”, huwa possibbli li jiġi kkonċepit li l-obbligu ta’ ħżin japplika għal dawn il-prodotti kollha. Bħala prinċipju, Stat Membru għandu għaldaqstant ikollu l-possibbiltà li jimponi fuq l-operaturi obbligu ta’ ħżin li jkopri l-prodotti taż-żejt kollha previsti fil-punt (i) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva.

60.      Madankollu, minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ma jistax jiġi dedott li d-Direttiva 2009/119 timponi fuq l-Istati Membri li jiggarantixxu żamma kostanti ta’ kull wieħed mill-prodotti elenkati fil-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament Nru 1099/2008, u lanqas li, dawn tal-aħħar ma jistgħux jillimitaw it-tipi ta’ prodotti tal-enerġija li jikkostitwixxu l-ħażniet ta’ emerġenza tagħhom stess.

61.      Fil-fatt, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevant, għandu jiġi speċifikat li l-punt (j) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/119 jiddefinixxi l-“ħażniet ta’ emerġenza” bħala “ħażniet ta’ żejt li kull Stat Membru huwa meħtieġ iżomm skont l-Artikolu 3”. Issa, l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jiddeskrivi biss il-metodu ta’ kalkolu tal-volum tal-ħażniet li l-Istati Membri huma obbligati jżommu billi juża bħala punt ta’ riferiment l-“importazzjoni netta medja ta’ kuljum” jew il-“konsum intern medju ta’ kuljum” (29), li min-naħa tagħhom, huma kkalkolati abbażi tal-ekwivalent f’żejt mhux maħdum. B’mod iktar preċiż, il-ħażna obbligatorja għandha ssir billi jintużaw il-metodi u l-modalitajiet ta’ kalkolu tal-obbligi ta’ ħżin previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva (li jirreferu għall-Annessi I u II tagħha, rispettivament), kif ukoll għall-Artikolu 3(3) tal-istess direttiva. Għaldaqstant, dan l-Artikolu 3 ma jiddeterminax il-kompożizzjoni speċifika tal-ħażniet ta’ emerġenza li l-Istati Membri huma obbligati jżommu iżda sempliċement il-volum tagħhom.

62.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li l-approċċ tad-direttiva attwali huwa differenti minn dak adottat fil-verżjonijiet preċedenti ta’ din tal-aħħar, li kienet teżiġi, essenzjalment, li l-Istati Membri jżommu livell ta’ ħażna għal kull waħda mit-tliet kategoriji ta’ prodotti taż-żejt li ġejjin: “(a) spirtu tal-vetturi u karburant ta’ l-avjazzjoni (spirtu ta’ l-avjazzjoni u karburant tal-ġettijiet tal-tip petrol); (b) żejt tal-gass, żejt tad-dijżil, pitrolju u fuel tal-ġettijiet tat-tip pitrolju; u (ċ) żjut karburanti” (30). Hekk kif jirriżulta mill-premessa 5 tad-direttiva attwali, ir-raġuni għal din il-bidla hija ġġustifikata mill-għan ta’ din id-direttiva li jiġi adattat il-metodu ta’ kalkolu tal-obbligi ta’ ħżin, sabiex dawn jiġu approssimati mal-metodi użati fil-kuntest tal-Ftehim AIE, jiġifieri, għal raġunijiet prattiċi u sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv (31).

63.      Minn dan isegwi li, għall-kuntrarju tad-direttivi preċedenti għad-Direttiva 2009/119, din issa ma timponix iktar kategoriji ta’ prodotti, u dan juri l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jħalli lill-Istati Membri l-għażla libera tal-prodotti li jistgħu jagħmlu parti mill-ħażniet ta’ emerġenza.

64.      Fit-tieni lok, jidhirli li din l-interpretazzjoni hija sostnuta minn elementi kuntestwali.

65.      L-ewwel, skont l-Aritkolu 4 tad-Direttiva 2009/119, intitolat “Kalkolu tal-livell tal-ħażniet”, il-livelli ta’ ħażniet huma kkalkolati f’“ekwivalenti f’żejt mhux maħdum”, konformement mal-metodi esposti fl-Anness III ta’ din id-direttiva (32). Minn naħa konformement mat-tielet paragrafu tal-Anness III, fir-rigward ta’ “żejt mhux maħdum”, għandhom jingħaddu l-kwantitajiet ta’ żejt mhux maħdum (li għandhom jitnaqqsu b’4 %, li tikkorrispondi għar-rendiment medju ta’ nafta). Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda tipi oħra ta’ prodotti taż-żejt, konformement mas-sitt paragrafu tal-imsemmi anness, sabiex jikkalkolaw l-ekwivalenti f’żejt mhux maħdum, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu bejn żewġ metodi, jiġifieri: “(a) jinkludu l-ħażniet l-oħra kollha tal-prodotti petroliferi identifikati fl-ewwel paragrafu tal-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament (KE) Nru 1099/2008 […] b’multiplikazzjoni tal-kwantitajiet b’fattur ta’ 1,065; jew (b) jinkludu l-ħażniet tal-prodotti li ġejjin biss: […] b’multiplikazzjoni tal-kwantitajiet b’fattur ta’ 1,2” [iktar ’il quddiem il-“kategorija (b) ta’ prodotti”] (33). Il-formulazzjoni tal-Anness III tad-Direttiva 2009/119 jipprevedi għalhekk espliċitament il-possibbiltà tal-Istati Membri li jinkludu fil-ħażna ta’ emerġenza tagħhom parti biss mill-prodotti taż-żejt, jiġifieri, dawk li jaqgħu taħt il-kategorija (b) ta’ prodotti. Madankollu, l-għoti ta’ tali għażla lill-Istati Membri jippreżumi li għandhom il-libertà jiddeterminaw il-kompożizzjoni tal-ħażna ta’ emerġenza tagħhom, sakemm ikunu osservati l-volumi meħtieġa fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/119. Fil-fatt, l-Istati Membri huma l-uniċi li jafu d-dettalji kollha fir-rigward tal-konsum, ta’ prodotti jew ta’ importazzjonijiet nazzjonali ta’ prodotti taż-żejt. Fil-fatt, mid-data statistika uffiċċjali jirriżulta li l-parti l-kbira tal-Istat Membri għażlu, l-istess bħar-Repubblika tal-Bulgarija, li fil-ħażna ta’ emerġenza tagħhom, minbarra ż-żejt mhux maħdum, jinkludu konformement mat-tieni metodu ċċitata iktar ’il fuq, il-prodotti li jaqgħu taħt il-kategorija (b) (34).

66.      It-tieni, għandu jiġi rrimarkat li l-unika restrizzjoni għall-għażla libera tal-Istati Membri tirriżulta mir-rekwiżiti tal-Artikolu 9(5) tad-Direttiva 2009/119, li jirrigwarda l-kompożizzjoni tal-“ħażniet speċifiċi”, li jistgħu jkunu komposti biss minn wieħed (jew diversi) mill-14‑il tip ta’ prodotti taż-żejt elenkati fl-Artikolu 9(2) ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, l-Istati Membri li ma ħadux l-impenn li jżommu, għal sena kalendarja partikolari, tal-inqas tletin jum ta’ ħażniet speċifiċi, għandhom jiżguraw li tal-inqas terz mill-obbligu ta’ ħżin tagħhom jinżamm fil-forma ta’ prodotti li l-kompożizzjoni tagħhom tkun konformi mal-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, jiġifieri tal-inqas waħda mill-kategoriji tal-prodotti taż-żejt elenkati fl-imsemmi paragrafu 2. Din id-dispożizzjoni teżiġi essenzjalment li tal-inqas terz mill-obbligu ta’ ħżin tal-Istat Membru jinżamm fil-forma ta’ prodotti speċifiċi, li jirriflettu l-mudelli ta’ konsum (u li b’dan il-mod jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet reali tal-Istat Membru kkonċernat).

67.      Fit-tielet u l-aħħar lok, fir-rigward tal-għan tad-dispożizzjonijiet rilevanti, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega l-qorti tar-rinviju, inqis li ma jistax jiġi ddikjarat li l-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà’ ta’ provvista taż-żejt ma jistax jintlaħaq ħlief jekk l-Istat Membri jżommu, fil-ħażna tagħhom ta’ emerġenza, il-prodotti kollha tal-enerġija previsti fil-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament Nru 1099/2008. Għall-kuntrarju, id-diversi kategoriji ta’ prodotti taż-żejt elenkati f’dan l-anness għadhom importanza li tvarja meta jiġu affaċċjati kriżijiet serji ta’ provvista. Dan jirriżulta b’mod ċar mill-fatt li l-metodu attwali ta’ kalkolu tal-livell ta’ ħażna miżmuma, kif speċifikat fl-Anness III tad-Direttiva 2009/119 u deskritt fil-punt 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jipprevedi, għall-kalkolu tal-ekwivalent f’żejt mhux maħdum tal-prodotti tal-enerġija, koeffiċjent iktar favorevoli (jiġifieri 1.2) għall-kategorija (b) tal-prodotti (35) meta mqabbel mal-koeffiċjent previst għat-tipi l-oħra ta’ prodotti taż-żejt (jiġifieri 1,065). Fi kliem ieħor, din id-distinzjoni bejn il-koeffiċjenti tissuġġerixxi li mhux talli d-direttiva attwali ma timponix fuq l-Istati Membri ż-żamma ta’ ħażna ta’ emerġenza għall-prodotti kollha tal-enerġija elenkati fil-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament Nru 1099/2008, iżda li, billi tiffissa koeffiċjent iktar favorevoli għall-kategorija (b) ta’ prodotti, din id-direttiva rrikonoxxiet b’mod impliċitu li dawn il-prodotti huma iktar utli sabiex tiġi affaċċjata kriżi serja ta’ provvista potenzjali. Bl-istess mod, id-Direttiva 2009/119 tippermetti li fil-ħażna ta’ emerġenza jiġu inklużi ħażniet ta’ “żejt mhux maħdum”, li l-ipproċessar tiegħu jippermetti li jiġu prodotti l-kategoriji kollha ta’ prodotti taż-żejt previsti f’dan l-anness. Mill-aspett prattiku, ikun għaldaqstant illoġiku li l-Istati Membri jiġu obbligati jżommu ħażna ta’ emerġenza għall-assolutament kull kategorija ta’ prodotti previsti fil-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament Nru 1099/2008.

68.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2009/119, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 17 u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-ħażniet ta’ emerġenza huma kkostitwiti parzjalment biss mit-tipi tal-prodotti tal-enerġija previsti fil-punt (i) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/119, bil-kundizzjoni li din il-ħażna tkun; i) ikkostitwita billi jintużaw il-metodi u l-modalitajiet ta’ kalkolu tal-obbligi ta’ ħżin previsti fl-Artikoli 3(1), (2) u (3) ta’ din id-direttiva, ii) ikkalkolata konformement mal-metodi esposti fl-Anness III tal-imsemmija direttiva u, iii) fl-osservanza tal-Artikolu 9(5) tal-istess direttiva.

D.      Fuq ittielet, irraba’ u lħames domanda preliminari

69.      Permezz tat-tielet sal-ħames domanda preliminari, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk Stat Membru jistax, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/119, jobbliga lil operatur ekonomiku jżomm ħażniet ta’ prodotti differenti minn dawk importati minnu stess, jew li ma humiex marbuta mal-attività ekonomika tiegħu, anki jekk dan iwassal għal piż finanzjarju sinjifikattiv.

70.      Kuntrarjament għar-risposti proposti għall-ewwel żewġ domandi preliminari, jidhirli li r-risposta għal dawn l-aħħar tliet domandi għandha tkun iktar sfumata.

71.      Abbażi tar-risposti mogħtija għall-ewwel żewġ domandi, għandu jitfakkar li, minn naħa, id-Direttiva 2009/119 ma tiddeterminax fuq liema operaturi ekonomiċi jistgħu jiġu imposti obbligi ta’ ħżin ta’ emerġenza, b’mod li huma l-Istati Membri, destinatarji tal-obbligi previsti f’din id-direttiva, li għandhom jiddeċiedu liema impriżi (jew CSE) huma obbligati jżommu ħażniet ta’ żejt u/jew ta’ prodotti taż-żejt, u li, min-naħa l-oħra, l-imsemmija direttiva ma timponix obbligi fuq l-Istati Membri li jżommu ħażniet tal-prodotti tal-enerġija kollha elenkati fil-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament Nru 1099/2008.

72.      Minn dan għandu loġikament jiġi konkluż li huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw liema obbligi ta’ kostituzzjoni u ta’ żamma ta’ ħażniet ta’ emerġenza jistgħu jiġu imposti fuq l-operaturi ekonomiċi b’mod li jeżegwixxu l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 2009/119. Konkretament, Stat Membru għandu għalhekk, bħala prinċipju, ikun jista’ jimponi l-obbligu li tinżamm ħażna ta’ emerġenza fuq kwalunkwe operatur ekonomiku, kemm f’termini ta’ kwalità kif ukoll ta’ tip ta’ prodott, indipendentement mill-kwistjoni jekk l-operatur għandux huwa stess il-prodott li għandu jinħażen u/jew installazzjonijiet ta’ ħżin għal dan tal-aħħar.

73.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li għalkemm, bħala regola ġenerali, Stat Membru li jimplimenta l-obbligu tiegħu ta’ ħżin, ser ifittex li jagħmel dan bl-iktar mod effikaċi u għalhekk ser jagħżel li jimponi dawn l-obbligi prinċipalment fuq l-impriżi li diġà għandhom installazzjonijiet ta’ ħżin jew li għandhom possibbiltajiet reali li jikru dawn l-installazzjonijiet, is-sitwazzjoni partikolari f’dan l-istess Stat Membru tista’ tirrendi neċessarju tqassim tal-obbligi ta’ ħżin lil hinn minn dan iċ-ċirku ta’ impriżi, billi jiġu involuti wkoll impriżi oħra li, jew huma stess ma għandhomx installazzjonijiet ta’ ħżin jew aċċess faċli għal tali installazzjonijiet, jew ma għandhomx prodott tal-enerġija li jagħmel parti mill-ħażna ta’ emerġenza (36).

74.      Madankollu, meta Stat Membru jadotta miżuri fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilu minn att tad-dritt tal-Unjoni, huwa għandu jitqies li jkun qiegħed jimplimenta dan id-dritt, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (37). Għaldaqstant, peress li tali obbligi għandhom konsegwenzi potenzjalment kunsiderevoli fuq is-sitwazzjoni ta’ operatur ekonomiku, dawn jistgħu jiġu imposti biss b’osservanza, b’mod partikolari, minn naħa, tad-dritt għall-proprjetà, stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta u, min-naħa l-oħra, d-dritt għal-libertà’ ta’ intrapriża, iggarantit mill-Artikolu 16 tal-Karta, li jinkludi l-libertà li wieħed jeżerċita attività ekonomika jew kummerċjali, il-libertà kuntrattwali kif ukoll il-kompetizzjoni ħielsa (38), iżda wkoll, id-dritt, għal kull impriża, li tkun tista’ liberament tuża, fil-limiti tar-responsabbiltà li hija ġġarrab għall-azzjonijiet tagħha stess, ir-riżorsi ekonomiċi, tekniċi u finanzjarji li hija jkollha (39).

75.      Fir-rigward tar-restrizzjonijiet li jistgħu jiġu imposti fuq l-użu tad-dritt għall-proprjetà minħabba l-impożizzjoni ta’ dawn l-obbligi, infakkar, barra minn hekk, li d-dritt għall-proprjetà ggarantit mill-Artikolu 17 tal-Karta ma huwiex prerogattiva assoluta u li l-eżerċizzju tiegħu jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet iġġustifikati minn għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Unjoni. Għaldaqstant, mill-Artikolu 52(1) tal-Karta jirriżulta li restrizzjonijiet jistgħu jsiru għall-użu tad-dritt għall-proprjetà, bil-kundizzjoni, b’mod partikolari (40), li dawn ir-restrizzjonijiet jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti u ma jikkostitwixxux, fid-dawl tal-għan segwit, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika l-essenza stess tad-dritt hekk iggarantit (41). Bl-istess mod, fir-rigward tal-libertà ta’ intrapriża, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat ukoll li din il-libertà ma tikkostitwixxix prerogattiva assoluta, iżda għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tagħha fis-soċjetà (42).

76.      F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa utli li jsiru xi kjarifiki.

77.      Fl-ewwel lok, jidhirli li ftit li xejn jista’ jiġi kkontestat li l-għan segwit mid-Direttiva 2009/119, kif deskritt fil-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet, u li jikkonsisti f’li jiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, jinsab fost l-għanijiet ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni għall-użu tal-proprjetà (43). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-provvista minima ta’ prodotti taż-żejt tmur lil hinn mill-kunsiderazzjonijiet ta’ natura purament ekonomika u għalhekk tista’ tikkostitwixxi għan kopert mill-kunċett ta’ “sigurtà pubblika” (44). Għaldaqstant, billi timmina l-ħażna fuq il-prodotti taż-żejt l-iktar indispensabbli u billi tiddefinixxi b’mod wiesa’ ċ-ċirku tal-operaturi ekonomiċi sottomessi għall-obbligu ta’ ħżin, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha titqies, fil-fehma tiegħi, li hija adatta sabiex tilħaq dan l-għan.

78.      Fit-tieni lok, huwa neċessarju li jiġi evalwat jekk tali obbligi, fl-assenza ta’ kumpens favur l-operaturi ekonomiċi li fuqhom huma imposti dawn l-obbligi, jikkostitwixxux intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika l-essenza stess tad-dritt għall-proprjetà (45). Madankollu, għalkemm id-Direttiva 2009/119 ma tipprevedix sistema ta’ kumpens, hija madankollu tinkludi regoli oħra li jidhirli li huma rilevanti fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta’ dawn l-obbligi imposti.

79.      Minn naħa, skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/119, Stat Membru għandu “jiżgura li kwalunkwe operatur ekonomiku li fuqu jimponi obbligi tal-ħżin […] jingħata d-dritt li jiddelega dawk l-obbligi mill-inqas parzjament” (46). Kif ġie deskritt fil-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-operatur għaldaqstant għandu l-għażla li jiddelega dawn l-obbligi lil CSE jew lil operaturi ekonomiċi oħra, fi ħdan it-territorju tal-Istat Membru li f’ismu jinżammu l-ħażniet jew barra minnu u dan “fuq ħlas ta’ ammont limitat għall-ispiża tas-servizzi pprovduti” (47). Din id-dispożizzjoni turi li l-leġiżlatur tal-Unjoni rrikonoxxa impliċitament li l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq l-operaturi ekonomiċi obbligi diffiċli li jiġu ssodisfatti u li, għaldaqstant, dawn tal-aħħar għandhom ikunu jistgħu jagħżlu li jiddelegawhom bi spiża raġonevoli lil operatur iktar xieraq. Possibbiltà reali ta’ delega għandha għaldaqstant tiġi pperċepita bħala garanzija li l-obbligi ta’ ħżin huma proporzjonati u bħala li jiżguraw kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni ġusti.

80.      Min-naħa l-oħra u f’din l-istess loġika, jitfakkar li l-obbligu li jiġu kkostitwiti u miżmuma ħażniet għandu kamp ratione temporis u ratione materiae ferm iddelimitat (sena, għal kwantità identifikata) u li xejn ma jipprekludi lill-operaturi ekonomiċi li huma obbligati jikkostitwixxu ħażniet ta’ emerġenza ta’ prodotti taż-żejt li ma jużawx fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom, milli jipproċedu għall-bejgħ ta’ dawn il-prodotti ladarba s-sena ta’ ħażna ta’ emerġenza obbligatorja tiskadi u għaldaqstant jisiltu profitt minn dan.

81.      Wara li saru dawn il-kjarifiki, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ limitazzjoni potenzjali kkawżati mid-digrieti kontenzjużi għandha definittivament issir mill-qorti tar-rinviju, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi preżenti fir-Repubblika tal-Bulgarija.

82.      F’dan ir-rigward, jidher b’mod evidenti li l-obbligi imposti ma għandhom f’ebda każ, fl-intier tagħhom, imorru lil hinn mil-limiti ta’ provvista minima kif iddefiniti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/119 (48). Fil-fatt, tali obbligu, meta jitqassam b’mod ġust (u għaldaqstant, mid-definizzjoni stess, proporzjonali) bejn l-operaturi ekonomiċi kollha, ma għandhomx ikunu tali, fihom innifishom, li jippreġudikaw il-kontenut essenzjali tad-dritt għall-proprjetà u/jew għal-libertà ta’ intrapriża.

83.      Fir-rigward tal-portata tal-preġudizzju, għandha ssir distinzjoni bejn żewġ sitwazzjonijiet.

84.      Minn naħa, jidhirli li meta operaturi ekonomiċi jkunu obbligati jikkostitwixxu ħażniet ta’ emerġenza ta’ tip ta’ prodott tal-enerġija li jagħmel parti mill-attività tagħhom, il-preġudizzju għad-dritt għall-proprjetà (u, b’estensjoni, għal-libertà ta’ intrapriża) ma jistax, a priori, jitqies li huwa ndħil sproporzjonat, sa fejn, b’mod partikolari, huma għandhom, bħala prinċipju, infrastrutturi fiżiċi jew relazzjonijiet kummerċjali neċessarji għall-produzzjoni, għall-kummerċ, għall-ipproċessar, għat-trasport u għall-ħżin taż-żejt mhux maħdum u tal-prodotti taż-żejt. Madankollu, dan l-obbligu ma għandux jirrappreżenta piż finanzjarju proporzjonat jew eċċessiv meta mqabbel mad-dħul mill-bejgħ iġġenerat fil-kuntest tal-attività kummerċjali tiegħu (49).

85.      Min-naħa l-oħra, meta Stat Membru, bħal f’dan il-każ ir-Repubblika tal-Bulgarija, jipprevedi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu obbligu ta’ kostituzzjoni ta’ ħażniet ta’ emerġenza ta’ prodott taż-żejt għal operatur ekonomiku li ma jużax dan il-prodott fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi regolari tiegħu, dan l-operatur loġikament jista’ jiġi espost għal spejjeż addizzjonali meta mqabbel mal-operaturi li jaqgħu taħt l-ewwel sitwazzjoni. Għaldaqstant, jekk tkun teżisti relazzjoni ta’ kompetizzjoni effettiva jew potenzjali bejn tali operaturi, l-impożizzjoni ta’ tali obbligu tista’ toħloq kundizzjonijiet manifestament inġusti fir-rigward tal-kapaċità li jiġi ssodisfatt l-obbligu ta’ ħżin, ħaġa li tkun inkompatibbli mhux biss mal-osservanza tar-regoli tas-suq intern u tal-kompetizzjoni, li hija espressament rikjesta fil-premessa 33 tad-Direttiva 2009/119, iżda wkoll mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. F’tali sitwazzjoni, pjuttost eċċezzjonali, fejn operatur ikollu l-pożizzjoni tal-kompetizzjoni tiegħu sostanzjalment affettwata minħabba piż finanzjarju, jista’ għalhekk ikun possibbli li wieħed jirrikorri, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, jew permezz ta’ rimedju ġudizzjarju abbażi ta’ evalwazzjoni individwali, għal miżuri korrettivi, bħal kumpens għall-ispiża addizzjonali, jew saħansitra, eżenzjoni mill-obbligu li jitħallsu l-assigurazzjoni u d-dazju tas-sisa marbut max-xiri tal-prodott taż-żejt jew l-ispejjeż amministrattivi marbuta mat-trasport u mal-ħażna ta’ dan il-prodott, sabiex ikunu jistgħu jiġu stabbiliti mill-ġdid kundizzjonijiet ġusti fis-suq u sabiex l-operaturi kollha jkunu jistgħu jitqiegħdu fuq l-istess livell.

86.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta li għandha tingħata għat-tielet, għar-raba’ u għall-ħames domanda, kif irriformulati, għandha tkun li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2009/119, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 17 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lil operatur ekonomiku jżomm ħażniet ta’ prodotti differenti minn dawk importati minnu stess, jew li ma humiex marbuta mal-attività ekonomika tiegħu, anki jekk dan iwassal għal piż finanzjarju sinjifikattiv, għal dan l-operatur, sakemm tali obbligu ma jwassalx għal żvantaġġ sproporzjonat għall-imsemmi operatur, b’mod partikolari, meta mqabbel mad-dħul mill-bejgħ tiegħu jew meta mqabbel ma’ operaturi ekonomiċi kompetituri.

V.      Konklużjoni

87.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Administrativen sad – Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna, il-Bulgarija), kif irriformulati:

L-Artikolu 1, il-punt (i) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2, kif ukoll l-Artikoli 3 u 8 tad-Direttiva 2009/119/KE tal‑14 ta’ Settembru 2009 li timponi obbligu fuq l-Istati Membri biex iżommu livell minimu ta’ ħażniet ta’ żejt mhux maħdum u/jew ta’ prodotti petroliferi, kif emendata bid-Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1581 tad‑19 ta’ Ottubru 2018, moqrija flimkien mal-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 dwar l-istatistika dwar l-enerġija, kif emendat bir-Regolament tal-Kumissjoni (UE) 2019/2146, tas‑26 ta’ Novembru 2019, u mal-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittjiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, bis-saħħa tagħha:

1)      operatur ekonomiku li jkun wettaq importazzjonijiet ta’ prodotti tal-enerġija li jaqgħu taħt il-Kapitolu 3.4 tal-Anness A tar-Regolament Nru 1099/2008, kif emendat bir-Regolament 2019/2146, jista’ jiġi obbligat jikkostitwixxi ħażna ta’ emerġenza;

2)      il-ħażniet ta’ emerġenza huma kkostitwiti parzjalment biss mit-tipi tal-prodotti tal-enerġija previsti fil-punt (i) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/119, kif emendata bid-Direttiva ta’ Implimentazzjoni 2018/1581, bil-kundizzjoni li din il-ħażna tkun; i) ikkostitwita billi jintużaw il-metodi u l-modalitajiet ta’ kalkolu tal-obbligi ta’ ħżin previsti fl-Artikoli 3(1), (2) u (3) ta’ din id-direttiva, ii) ikkalkolata konformement mal-metodi esposti fl-Anness III tal-imsemmija direttiva u, iii) fl-osservanza tal-Artikolu 9(5) tal-istess direttiva;

3)      operatur ekonomiku għandu l-obbligu jżomm ħażniet ta’ prodotti differenti minn dawk importati minnu stess, jew li ma humiex marbuta mal-attività ekonomika tiegħu, anki jekk dan iwassal għal piż finanzjarju sinjifikattiv għal dan l-operatur, sakemm tali obbligu ma jwassalx għal żvantaġġ sproporzjonat għall-imsemmi operatur, b’mod partikolari, meta mqabbel mad-dħul mill-bejgħ tiegħu jew meta mqabbel ma’ operaturi ekonomiċi kompetituri


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Kunsill tal‑14 ta’ Settembru 2009 li timponi obbligu fuq l-Istati Membri biex iżommu livell minimu ta’ ħażniet ta’ żejt mhux maħdum u/jew ta’ prodotti petroliferi (ĠU 2009, L 265, p. 9) kif emendata bid-Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1581 tad‑19 ta’ Ottubru 2018 (ĠU 2018, L 263, p. 57) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2009/119” jew id-“direttiva attwali”).


3      Id-Direttivi tal-Kunsill preċedenti 68/414/KEE tal‑20 ta’ Diċembru 1968 li timponi obbligu fuq l-Istati Membri tal-KEE li jżommu ħażniet minimi ta’ prodotti taż-żejt mhux maħdum u/jew prodotti petroliferi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, , Vol. 1, p. 29) u 2006/67 tal‑24 ta’ Lulju 2006 li timponi obbligu fuq l-Istati Membri li jżommu ħażniet minimi ta’ prodotti taż-żejt mhux maħdum u/jew prodotti petroliferi (ĠU 2007, L 76M, p. 209) taw lok għal ftit sentenzi, li ma humiex rilevanti f’dan il-każ (sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 1990, Hennen Olie, C‑302/88, EU:C:1990:455; tal‑25 ta’ Ottubru 2001, IlKummissjoni vs IlGreċja, C‑398/98, EU:C:2001:565; u tas‑17 ta’ Lulju 2008, IlKummissjoni vs IlBelġju, C‑510/07, EU:C:2008:435). Il-kawża pendenti C‑784/22, Solvay Sodi, tagħmel domandi simili għal dawk tal-kawżi preżenti, ħaġa li tiġġustifika sospensjoni sakemm tingħata d-deċiżjoni li ttemm l-istanza f’dawn tal-aħħar.


4      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 dwar l-istatistika dwar l-enerġija (ĠU 2008, L 304, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2146 tas‑26 ta’ Novembru 2019 (ĠU 2019, L 325, p. 43) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1099/2008”).


5      Hija biss ir-Repubblika tal-Bulgarija li tidher li timponi sistema li teżiġi li operatur ekonomiku li jimporta ċertu tip ta’ prodott taż-żejt jikkostitwixxi ħażna ta’ tip ta’ prodott taż-żejt differenti minn dak importat. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni Ewropea madankollu indikat, abbażi ta’ rapporti stabbiliti skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2009/119, li teżisti sistema simili fil-Polonja.


6      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 1, p. 29 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal‑1968”).


7      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 68.


8      Iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-2006”.


9      DV Nru 15, tal‑15 ta’ Frar 2013.


10      B’mod iktar speċifiku, Trade Express tikkontesta l-klassifikazzjoni tagħha bħala “persuna obbligata”, abbażi ta’ tliet ilmenti, jiġifieri: l-impossibbiltà finanzjarja li tixtri l-kwantità ta’ żejt tqil indikat fid-digriet li tikkonċernaha, il-fatt li ma għandhiex faċilitajiet għall-ħżin taż-żejt tqil, u, l-impossibbiltà li tissodisfa fit-termini l-obbligu li tikkostitwixxi u li żżomm il-ħażna ta’ emerġenza speċifikata. Devnia Tsiment, min-naħa tagħha, issostni b’mod partikolari, it-traspożizzjoni żbaljata tad-Direttiva 2009/119 fid-dritt Bulgaru.


11      Il-qorti tar-rinviju tirreferi għas-sentenzi tal‑11 ta’ Marzu u tal‑4 ta’ Mejju 2022 tal-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija).


12      Ara l-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


13      Jiġifieri, iħallas il-prezz tax-xiri tal-prodott ikkonċernat, jixtri jew jikri sit ta’ ħżin għall-ħażna, jassiguraha skont iż-ZZNN, iħallas id-dazju tas-sisa skont il-leġiżlazzjoni Bulgara dwar id-dazji tas-sisa, u dan anki fil-każ ta’ delega tal-obbligu, peress li d-delega hija possibbiltà li taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-persuna obbligata.


14      F’dan ir-rigward, wieħed jista’ jmur lura għall-oriġini tar-regoli li għandhom l-għan li jżommu livell għoli ta’ ħażniet ta’ żejt għall-ewwel u t-tieni premessa tad-Direttiva tal-1968.


15      Enfasi miżjuda minni.


16      Waqt it-tfassil tal-abbozz tad-direttiva, il-Kummissjoni qieset li d-diversità fis-sistemi nazzjonali “ma kinitx tikkostitwixxi problema” (ara l-p 17 tad-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-proposta għad-direttiva – Analiżi tal-impatt, COM(2008) 775 (disponibbli bl-Ingliż fuq is-sit internet: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/ALL/?uri=CELEX%3A52008SC2858) (iktar ’il quddiem l-“Analiżi tal-impatt”)).


17      Ara l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2009/119.


18      Ara l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2009/119.


19      Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2023, VB (Informazzjoni dwar il-kundannat fil-kontumaċja) (C‑430/22 u C‑468/22, EU:C:2023:458, punt 24).


20      Pereżempju, il-premessi 10, 11 u 19 tad-Direttiva 2009/119 jirreferu għal obbligi imposti fuq “operaturi ekonomiċi”.


21      Ara l-Artikolu 8(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/119.


22      Ara l-Artikolu 8(1)(c) u (d) tad-Direttiva 2009/119.


23      Enfasi miżjuda minni.


24      Ara l-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


25      Enfasi miżjuda minni.


26      Enfasi miżjuda minni. Dawn id-dispożizzjonijiet ġew riprodotti fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva tal-2006.


27      Ara l-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


28      Ara l-premessa 3 tad-Direttiva ta’ Implimentazzjoni 2018/1581.


29      Ara l-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


30      Ara l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-1968 u l-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-2006. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal‑1968, kif emendata, kien jipprovdi li “[ħ]ażniet meħtieġa li jinżammu mill-Artikolu 1 [l-ekwivalenti tal-Artikolu 3 tad-direttiva attwali] jistgħu ikunu miżmuma f’forma ta’ żejt mhux maħdum u prodotti intermedji, kif ukoll f’forma ta’ prodotti lesti” (enfasi miżjuda minni).


31      Ara l-p. 15 u 21 (rispettivament punti 2.2.3.1. u 3.2.4 tal-Analiżi ta’ impatt tal-Kummissjoni).


32      Dan l-Anness III jirriproduċi globalment il-metodu ta’ kalkolu tal-ħażniet tal-AIE (ara l-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


33      Ara l-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Enfasi miżjuda minni.


34      Ara d-dokumenti tal-istatistika ta’ Eurostat, intitolat “The EU emergency oil stocks”, ta’ Lulju 2022, li juru li seba’ Stati Membri biss għandhom ħażna għall-“prodotti l-oħrajn kollha” (“all other products”) (ara d-data disponibbli bl-Ingliż fuq is-sit internet tal-Eurostat: https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Emergency_oil_stocks_statistics#Emergency_oil_stocks_statistics).


35      Dawn il-prodotti jikkoinċidu, essenzjalment, mal-prodotti elenkati fl-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-2006 (ara l-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


36      Din il-ħtieġa tkun iġġustifikata pereżempju meta Stat ma jkollux riżorsi proprji ta’ żejt mhux maħdum jew ta’ raffineriji kbar sabiex iżommu l-ħażniet neċessarji u jiddependi għalkollox mill-importazzjonijiet (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 1984, Campus Oil et, 72/83, EU:C:1984:256, punti 34 u 35).


37      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2022, Sātiņi-S (C‑234/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza Sātiņi-S”, EU:C:2022:56, punti 56 sa 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).


38      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, TP (Editur Awdjoviżiv Għat-Televiżjoni Pubblika) (C‑356/21, EU:C:2023:9, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).


39      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Federazione nazionale delle imprese elettrotecniche ed elettroniche (Anie) et (C‑798/18 u C‑799/18, EU:C:2021:280, punt 62 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


40      Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kwalunkwe limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet rrikonoxxuti minnha għandha tkunu, b’mod partikolari, “prevista mil-liġi”, li jimplika li l-bażi legali li tippermetti l-indħil fl-imsemmi dritt għandha tiddefinixxi hija nnifisha, b’mod ċar u preċiż, il-portata tal-limitazzjoni tal-eżerċizzju tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2020, Recorded Artists Actors Performers (C‑265/19, EU:C:2020:677, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, f’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-limitazzjoni għad-drittijiet tal-operaturi ekonomiċi hija prevista b’mod ċar u preċiż miż-ZZNN.


41      Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ma jistax isiru limitazzjonijiet għad-drittijiet u l-libertajiet irrikonoxxuti mill-Karta ħlief jekk ikunu neċessarji u jissodisfaw b’mod effettiv l-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew skont il-ħtieġa tal-protezzjoni tad-drittjiet u tal-libertajiet ta’ oħrajn. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sātiņi-S (punti 62 u 63, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


42      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, TP (Editur Awdjoviżiv Għat-Televiżjoni Pubblika) (C‑356/21, EU:C:2023:9, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).


43      Ara, b’analoġija, is-sentenza Sātiņi-S (punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).


44      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 1984, Campus Oil et (72/83, EU:C:1984:256, punti 34 u 35), u tas‑17 ta’ Settembru 2020, Hidroelectrica (C‑648/18, EU:C:2020:723, punt 37), kif ukoll il-premessa 25 tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda [tħassar] id-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55).


45      Ara, b’analoġija, is-sentenza Sātiņi-S (punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).


46      Enfasi miżjuda minni.


47      Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 10 tad-Direttiva 2009/119.


48      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 1984, Campus Oil et (72/83, EU:C:1984:256, punt 47).


49      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Lidl (C‑134/15, EU:C:2016:498, punt 27).