Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Ondernemingsrechtbank Gent, afdeling Gent (il-Belġju) fil-11 ta’ Lulju 2023 – DYKA Plastics NV vs Fluvius System Operator CV

(Kawża C-424/23, DYKA Plastics)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Ondernemingsrechtbank Gent, afdeling Gent

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: DYKA Plastics NV

Konvenut: Fluvius System Operator CV

Domandi preliminari

L-Artikolu 42(3) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-lista tal-modi ta’ kif għandhom jiġu fformulati l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi hija ta’ natura eżawrjenti u li, għalhekk, awtorità kontraenti hija obbligata tfassal l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-kuntratti pubbliċi tagħha b’wieħed mill-modi elenkati f’din id-dispożizzjoni?

L-Artikolu 42(4) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-riferimenti għal katusi tal-ġebel u tal-konkrit (skont it-tip tan-network tad-drenaġġ inkwistjoni) fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-sejħiet għal offerti għandhom jitqiesu bħala li jaqgħu taħt waħda jew iktar mir-riferimenti elenkati f’din id-dispożizzjoni, pereżempju riferimenti għal tipi partikolari jew għal produzzjoni partikolari ta’ katusi?

L-Artikolu 42(4) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-riferimenti magħmula fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-sejħiet għal offerti għal prodott wieħed, pereżempju għal katusi tal-ġebel u tal-konkrit (skont it-tip tan-network tad-drenaġġ inkwistjoni), bħala soluzzjonijiet tekniċi speċifiċi, jipproduċu diġà l-effett meħtieġ minn din id-dispożizzjoni (jiġifieri l-“effett li jiġu favoriti jew eliminati ċerti impriżi jew ċerti prodotti”) peress li għandhom l-effett li jeskludu a priori, u għalhekk li jisfavorixxu, lill-impriżi li jipproponu soluzzjonijiet differenti mill-prodott preskritt, minkejja l-fatt li diversi impriżi li jinsabu f’kompetizzjoni ma’ xulxin jistgħu effettivament jipproponu l-prodott preskritt, jew huwa meħtieġ li ma jkun hemm assolutament ebda forma ta’ kompetizzjoni fir-rigward tal-prodott inkwistjoni, pereżempju fir-rigward tal-katusi tal-ġebel u tal-konkrit (skont it-tip ta’ network ta’ drenaġġ inkwistjoni), u li l-effett imsemmi iktar ’il fuq ma jkunx jista’ jiġi kkunsidrat ħlief fil-każ li l-prodott inkwistjoni jikkaratterizza impriża partikolari li hija l-unika waħda li toffrih fis-suq?

L-Artikolu 42(2) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li nuqqas ikkonfermat ta’ osservanza tal-Artikolu 42(3) u/jew tal-Artikolu 42(4) tad-Direttiva 2014/24, minħabba l-użu illegali ta’ riferimenti fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-sejħiet għal offerti (pereżempju ta’ riferimenti għal katusi tal-ġebel jew tal-konkrit (skont it-tip ta’ network ta’ drenaġġ inkwistjoni)), jimplika wkoll a fortiori nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 42(2) tad-Direttiva 2024/24 u tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24, li huwa marbut miegħu?

____________

1     ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68.